EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52019PC0239

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f'isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE rigward emenda għall-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE, dwar il-kooperazzjoni f’oqsma speċifiċi barra mill-erba’ libertajiet (Linja Baġitarja 02.03.01 Suq Intern u Linja Baġitarja 02.03.04 Għodod ta’ Governanza tas-Suq Intern)

COM/2019/239 final

Brussell, 27.5.2019

COM(2019) 239 final

2019/0114(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f'isem l-Unjoni Ewropea,
fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE rigward emenda għall-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE, dwar il-kooperazzjoni f’oqsma speċifiċi barra mill-erba’ libertajiet

(Linja Baġitarja 02.03.01 Suq Intern u Linja Baġitarja 02.03.04 Għodod ta’ Governanza tas-Suq Intern)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u objettivi tal-proposta

Sabiex tiġi żgurata s-sigurtà ġuridika meħtieġa u l-omoġeneità tas-Suq Intern, il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE jrid jintegra l-leġiżlazzjoni relevanti kollha tal-UE fil-Ftehim ŻEE malajr kemm jista’ jkun wara l-adozzjoni tagħha u jippermetti wkoll il-parteċipazzjoni tal-Istati taż-ŻEE-EFTA fl-azzjonijiet jew il-programmi tal-UE li huma relevanti għaż-ŻEE.

L-abbozz tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE (anness mad-Deċiżjoni tal-Kunsill proposta) għandu l-għan li jemenda l-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE, dwar “kooperazzjoni f'oqsma speċifiċi li ma jagħmlux parti mill-erba' libertajiet”. Dan huwa meħtieġ biex jippermetti lill-Istati taż-ŻEE-EFTA jipparteċipaw fil-programmi u fl-azzjonijiet tal-Unjoni ffinanzjati mil-linji baġitarji tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea. F’dan il-każ, l-iskop ta’ din l-emenda huwa li jippermetti lill-Istati taż-ŻEE-EFTA (in-Norveġja, l-Iżlanda u l-Liechtenstein) jipparteċipaw fl-azzjonijiet tal-Unjoni relatati mal-Linja Baġitarja 02.03.01 “Suq Intern” u mal-linja baġitarja 02.03.04 “Għodod ta’ Governanza tas-Suq Intern”, imdaħħla fil-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2019.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti ta’ politika fil-qasam ta’ politika

L-abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt anness huwa konsistenti għalkollox mal-għan tal-Ftehim ŻEE li jippromwovi t-tisħiħ kontinwu u bilanċjat tal-kummerċ u tar-relazzjonijiet ekonomiċi bejn il-Partijiet Kontraenti b’kundizzjonijiet ugwali ta’ kompetizzjoni, u l-osservanza tal-istess regoli, bil-ħsieb li tinħoloq Żona Ekonomika Ewropea omoġenea.

Konsistenza ma’ politiki oħrajn tal-Unjoni

Id-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt hija wkoll konsistenti ma’ politiki oħra tal-Unjoni, b’mod partikolari permezz tal-għan li tiġi protetta l-omoġeneità tas-suq intern tal-UE.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

Il-proposta hija bbażata fuq l-Artikolu 114 tat-TFUE flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu. L-Artikolu 1(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2894/94 1 dwar l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim ŻEE jipprevedi li l-Kunsill jistabbilixxi l-pożizzjoni li trid tiġi adottata f'isem l-Unjoni fir-rigward ta’ Deċiżjonijiet bħal dawn, wara proposta mill-Kummissjoni.

Sussidjarjetà (għal kompetenza mhux esklużiva)

Il-proposta hija konformi mal-prinċipju tas-sussidjarjetà għar-raġuni li ġejja.  

L-objettiv ta’ din il-proposta, jiġifieri li tiġi żgurata l-omoġeneità tas-Suq Intern, ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri u jista’ għalhekk, minħabba l-effetti, jintlaħaq aħjar fil-livell tal-Unjoni.

Proporzjonalità

F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, il-proposta ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jintlaħaq l-objettiv tagħha – li tiġi żgurata l-omoġeneità tas-Suq Intern.

Għażla tal-istrument

F’konformità mal-Artikolu 98 tal-Ftehim ŻEE, l-istrument magħżul huwa Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE. Il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE jenħtieġ li jiżgura l-implimentazzjoni u t-tħaddim effettiv tal-Ftehim ŻEE. Għal dan il-għan jenħtieġ li jieħu deċiżjonijiet fil-każijiet previsti f’dan il-Ftehim.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Mhux applikabbli

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

L-Istati taż-ŻEE-EFTA jenħtieġ li jikkontribwixxu finanzjarjament għal-Linja Baġitarja 02.03.01 “Suq Intern” u għal-Linja Baġitarja 02.03.04 “Għodod ta’ Governanza tas-Suq Intern”. L-ammont eżatt jiġi determinat f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim dwar iż-ŻEE, ladarba dan l-abbozz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill jiġi adottat.

5.ELEMENTI OĦRAJN

F’konformità mal-politika baġitarja tal-UE, kull parteċipazzjoni f’attività tal-UE tista’ sseħħ biss wara li jitħallsu l-kontribuzzjonijiet finanzjarji korrispondenti. Madankollu, f’konformità mal-Protokoll 32 tal-Ftehim ŻEE, il-kontribuzzjoni finanzjarja annwali tal-Istati taż-ŻEE-EFTA qed tasal kull sena sal-31 ta’ Awwissu, wara s-sejħa tal-UE għal fondi stabbilita mill-Kummissjoni Ewropea u ppreżentata lill-Istati taż-ŻEE-EFTA sal-15 ta’ Awwissu.

Għalhekk, sabiex jimla l-vojt fiż-żmien bejn Jannar u Awwissu, l-abbozz tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt se jkun applikabbli b’mod retroattiv minn Jannar. B’dan il-mod, il-kontinwità tal-kooperazzjoni, kif previst fil-Ftehim ŻEE, tkun żgurata matul is-sena kalendarja kollha.

Ir-retroattività ma taffettwax id-drittijiet u l-obbligi tal-persuni kkonċernati u tirrispetta l-prinċipju tal-aspettattivi leġittimi.

2019/0114 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f'isem l-Unjoni Ewropea,
fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE rigward emenda għall-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE, dwar il-kooperazzjoni f’oqsma speċifiċi barra mill-erba’ libertajiet


(Linja Baġitarja 02.03.01 Suq Intern u Linja Baġitarja 02.03.04 Għodod ta’ Governanza tas-Suq Intern)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 114, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) 2894/94 tat-28 ta’ Novembru 1994 dwar l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea 2 , u b’mod partikolari l-Artikolu 1(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea 3 ("il-Ftehim ŻEE") daħal fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 1994.

(2)Skont l-Artikolu 98 tal-Ftehim ŻEE, il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE jista’ jiddeċiedi li jemenda, fost l-oħrajn, il-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE ("il-Protokoll 31").

(3)Il-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE fih dispożizzjonijiet dwar il-kooperazzjoni f'oqsma speċifiċi li ma jagħmlux parti mill-erba' libertajiet.

(4)Huwa xieraq li tiġi estiża l-kooperazzjoni bejn il-Partijiet Kontraenti għall-Ftehim ŻEE fl-azzjonijiet tal-Unjoni ffinanzjati mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tat-tħaddim u tal-iżvilupp tas-suq intern ta' prodotti u servizzi.

(5)Għalhekk, il-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE jenħtieġ li jiġi emendat sabiex din il-kooperazzjoni estiża tkun tista’ tibda sseħħ mill-1 ta’ Jannar 2019,

(6)Il-pożizzjoni tal-Unjoni fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE jenħtieġ li tkun ibbażata fuq l-abbozz tad-Deċiżjoni mehmuż,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f'isem l-Unjoni, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE dwar l-emenda proposta fil-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE, dwar kooperazzjoni f'oqsma speċifiċi barra mill-erba' libertajiet, għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz tad-deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    ĠU L 305, 30.11.1994, p. 6–8
(2)    ĠU L 305, 30.11.1994, p. 6.
(3)    ĠU L 1, 3.1.1994, p. 3.
Top

Brussell, 27.5.2019

COM(2019) 239 final

ANNESS

tal-

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f'isem l-Unjoni Ewropea,
fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE rigward emenda għall-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE, dwar il-kooperazzjoni f’oqsma speċifiċi barra mill-erba’ libertajiet

(Linja Baġitarja 02.03.01 Suq Intern u Linja Baġitarja 02.03.04 Għodod ta’ Governanza tas-Suq Intern)


ANNESS

DEĊIŻJONI TAL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE

Nru […]

ta’ […]

li temenda l-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE, dwar kooperazzjoni f'oqsma speċifiċi barra mill-erba' libertajiet

IL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE,

Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (“il-Ftehim dwar iż-ŻEE”), u b'mod partikolari l-Artikoli 86 u 98 tiegħu,

Billi:

Huwa xieraq li titkompla l-kooperazzjoni bejn il-Partijiet Kontraenti tal-Ftehim ŻEE fl-azzjonijiet tal-Unjoni ffinanzjati mill-baġit ġenerali tal-Unjoni fir-rigward tal-funzjonament u l-iżvilupp tas-suq intern tal-prodotti u tas-servizzi u fir-rigward tal-għodod ta' governanza tas-suq intern.

Għalhekk, il-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE jenħtieġ li jiġi emendat sabiex din il-kooperazzjoni estiża tkun tista’ tibda sseħħ mill-1 ta’ Jannar 2019,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Fil-paragrafi 12 u 14 tal-Artikolu 7 tal-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE, il-kliem “u 2018” jiġi sostitwit bil-kliem “, 2018 u 2019”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-aħħar notifika skont l-Artikolu 103(1) tal-Ftehim ŻEE*.

1Din id-deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta' Jannar 2019.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fit-Taqsima taż-ŻEE ta' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u fis-Suppliment tiegħu dwar iż-ŻEE.

Magħmul fi Brussell, […].

   Għall-Kumitat Konġunt taż-ŻEE

   Il-President

   [...]

   Is-Segretarji

   Lill-Kumitat Konġunt taż-ŻEE

   [...]

(1) *    [Ma huwa indikat l-ebda rekwiżit kostituzzjonali.] [Huma indikati rekwiżiti kostituzzjonali.]
Top