EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52019PC0038

Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament (UE) 2015/757 biex titqies b’mod xieraq is-sistema globali tal-ġbir tad-data għad-data dwar il-konsum taż-żejt tal-fjuwil mill-bastimenti

COM/2019/38 final

Brussell, 4.2.2019

COM(2019) 38 final

2019/0017(COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (UE) 2015/757 biex titqies b’mod xieraq is-sistema globali tal-ġbir tad-FMT:Italicdata għad-FMT:Italicdata dwar il-konsum taż-żejt tal-fjuwil mill-bastimenti

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

{SEC(2019) 20 final} - {SWD(2019) 10 final} - {SWD(2019) 11 final}


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

·Raġunijiet u għanijiet tal-proposta

It-tibdil fil-klima huwa sfida ewlenija li jeħtieġ tiġi indirizzata b’mod urġenti. Għalhekk, il-Ftehim ta’ Pariġi qed jimmira li jillimita ż-żieda fit-temperatura globali sa ferm inqas minn 2°C meta mqabbla mal-livelli preindustrijali, u jagħmel sforzi biex jillimita ż-żieda fit-temperatura għal 1,5°C permezz ta’ tnaqqis sinifikanti fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra (GHG) mill-pajjiżi kollha.

L-attivitajiet globali tat-trasport marittimu jikkunsmaw għadd konsiderevoli ta’ fjuwils fossili u għalhekk jikkawżaw ammonti sinifikanti ta’ emissjonijiet tal-gassijiet serra u jikkontribwixxu għat-tibdil fil-klima. Hu stmat li l-emissjonijiet tal-gassijiet serra mit-trasport marittimu internazzjonali huma bejn 2 u 3 fil-mija tal-emissjonijiet globali kollha tal-gassijiet serra. Dan huwa iżjed mill-ammont ta’ emissjonijiet ta’ ebda Stat Membru tal-UE. Kieku s-settur tat-trasport marittimu kien pajjiż, kien ikun is-sitt wieħed fost dawk li jarmu l-iżjed emissjonijiet fid-dinja. L-impatt ta’ dan is-settur fil-livell tal-UE huwa daqstant konsiderevoli: fl-2015 kien jikkawża 13 % tal-emissjonijiet ġenerali tal-gassijiet serra tal-UE mis-settur tat-trasport 1 . Madankollu, it-trasport marittimu huwa l-uniku settur li mhuwiex indirizzat b’mod espliċitu b’xi għan tal-UE għat-tnaqqis tal-emissjonijiet jew b’xi miżuri speċifiċi ta’ mitigazzjoni.

Fil-futur, il-volumi tal-kummerċ bil-baħar aktarx li se jiżdiedu u dawn iwasslu għal żieda sinifikanti fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra assoċjati jekk ma jiddaħħlux fis-seħħ miżuri ta’ mitigazzjoni malajr. Skont studju 2 tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (OMI), l-emissjonijiet globali mit-trasport marittimu jistgħu jiżdiedu minn b’50 % sa b’250 % sal-2050, skont xi jkunu l-iżviluppi ekonomiċi u tal-enerġija fil-futur. Fil-livell tal-UE, l-emissjonijiet tas-CO2 mit-trasport marittimu żdiedu bi 48 % bejn l-1990 u l-2008, u huwa mistenni li jiżdiedu b’86 % aktar mil-livelli tal-1990 sal-2050, minkejja li fl-2011 l-IMO adottat standards minimi tal-effiċjenza tal-bastimenti għall-bastimenti l-ġodda 3 . Jekk ma jsir xejn biex jiġu indirizzati dawn l-emissjonijiet, hemm riskju li jiġu mminati l-għanijiet tal-Ftehim ta’ Pariġi u l-isforzi li għamlu setturi oħra.

B’segwitu għall-White paper tal-UE tal-2011 dwar it-trasport, fl-2013 l-UE adottat strateġija biex l-emissjonijiet marittimi jiġu integrati progressivament fil-politika tal-UE dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra 4 . Bħala l-ewwel pass, f’April tal-2015 il-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw ir-Regolament (UE) 2015/757 5 dwar il-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika ta’ emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju mit-trasport marittimu (“ir-Regolament MRV tal-UE”), li tlesta fl-2016 b’żewġ Regolamenti Delegati 6 u żewġ Regolamenti ta’ Implimentazzjoni 7 . Ir-Regolament MRV tal-UE ġie żviluppat bil-ħsieb li:

Tinġabar data affidabbli u vverifikata dwar l-emissjonijiet tas-CO2 mill-bastimenti kollha (b’aktar minn 5000 tunnellata gross) li jidħlu fil-portijiet taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), inkluża d-data dwar l-emissjonijiet ta’ CO2 minn dawn il-bastimenti meta jkunu fil-portijiet;

Tinkiseb informazzjoni affidabbli biex tappoġġa d-deċiżjonijiet futuri tat-tfassil tal-politika u l-implimentazzjoni ta’ għodod ta’ politika, kif ukoll biex ikunu jistgħu jiġu implimentati xi objettivi jew miżuri internazzjonali (eż. dwar l-effiċjenza fl-enerġija);

Ikun hemm it-trasparenza meħtieġa tad-data biex tiġi stimulata l-adozzjoni ta’ teknoloġiji u miżuri operazzjonali ġodda biex il-bastimenti jsiru aktar ekoloġiċi.

Skont ir-Regolament MRV tal-UE, il-kumpaniji tat-trasport marittimu għandhom jirrappurtaw l-emissjonijiet annwali tas-CO2 tagħhom u informazzjoni rilevanti oħra dwar il-vjaġġi tal-bastimenti tagħhom lejn u minn portijiet taż-ŻEE, u fil-portijiet taż-ŻEE. L-obbligi għall-kumpaniji tat-trasport marittimu bdew fl-2017 bit-tħejjija u l-preżentazzjoni ta’ pjanijiet tal-monitoraġġ lill-verifikaturi akkreditati. Il-monitoraġġ tal-konsum tal-fjuwil, tal-emissjonijiet tas-CO2 u tal-effiċjenza fl-enerġija beda fl-2018, u l-ewwel rapporti dwar l-emissjonijiet iridu jingħataw f’April tal-2019.

Fl-2016, wara d-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ta’ Pariġi u l-adozzjoni tar-Regolament MRV tal-UE, il-Kumitat tal-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar tal-OMI (l-MEPC) adotta l-emendi għall-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis minn Vapuri (il-MARPOL) li tistabbilixxi l-qafas legali għal sistema globali tal-ġbir tad-data dwar il-konsum tal-fjuwil mill-bastimenti (“is-Sistema globali tal-Ġbir tad-Data tal-OMI”). Id-dettalji u l-modalitajiet ta’ implimentazzjoni tas-Sistema globali tal-Ġbir tad-Data tal-OMI ġew miftiehma aktar tard permezz ta’ “linji gwida” li ġew adottati mill-MEPC 70 f’Ottubru tal-2016 u mill-MEPC 71 f’Lulju tal-2017. Skont is-Sistema globali tal-Ġbir tad-Data tal-OMI, l-obbligi tal-monitoraġġ jibdew fl-2019, u r-rappurtar isir fl-2020.

Minħabba f’hekk, minn Jannar tal-2019 il-bastimenti li jwettqu attivitajiet tat-trasport marittimu relatati maż-ŻEE se jkollhom jissodisfaw l-obbligi ta’ monitoraġġ u ta’ rappurtar kemm tar-Regolament MRV tal-UE kif ukoll tas-Sistema globali tal-Ġbir tad-Data tal-OMI.

Il-koeżistenza ta’ dawn iż-żewġ sistemi ta’ monitoraġġ, rappurtar u verifika fil-livell tal-UE u fil-livell globali kienet antiċipata fir-Regolament MRV tal-UE. Fl-Artikolu 22 ta’ dan ir-Regolament hemm miktub: “Fil-każ li jintlaħaq ftehim internazzjonali dwar sistema globali ta’ monitoraġġ, rappurtar u verifika għall-emissjonijiet ta’ gass b’effett ta’ serra (...), il-Kummissjoni għandha tirrivedi dan ir-Regolament u għandha, jekk xieraq, tipproponi emendi għal dan ir-Regolament sabiex tiżgura l-allinjament ma’ dak il-ftehim internazzjonali.

Għalhekk l-għan ewlieni ta’ din il-proposta hu li jiġi emendat ir-Regolament MRV tal-UE biex jirrefletti tajjeb is-Sistema globali l-ġdida tal-Ġbir tad-Data tal-OMI, sabiex jiġi razzjonalizzat u jitnaqqas kemm jista’ jkun l-isforz amministrattiv għall-kumpaniji u għall-amministrazzjonijiet, filwaqt li jinżammu l-għanijiet tar-Regolament MRV tal-UE.

·Il-konsistenza mad-dispożizzjonijiet ta’ politika eżistenti fil-qasam ta’ politika

Il-bidliet proposti għar-Regolament MRV tal-UE huma konsistenti mad-dispożizzjonijiet ta’ politika eżistenti f’dan il-qasam għax ma għandhomx jimminaw l-għanijiet ewlenin tas-sistema MRV tal-UE u b’mod iktar ġenerali, huma konsistenti mal-politika tal-UE dwar il-klima. B’mod partikolari, il-proposta timmira li tippreserva l-impatt pożittiv previst tar-Regolament MRV tal-UE f’dak li għandu x’jaqsam mal-ġbir ta’ data affidabbli u verifikata, il-kontribut tagħha għad-deċiżjonijiet futuri tat-tfassil tal-politika, u l-inċentiv li tagħti għall-adozzjoni ta’ miżuri u mġiba ta’ effiċjenza fl-enerġija fit-trasport marittimu.

Barra minn hekk, din il-proposta tħaddem l-approċċ stabbilit fil-politiki l-oħra tal-UE dwar it-tnaqqis fl-emissjonijiet, fejn il-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra jaqdu rwol fundamentali biex tkun żgurata l-implimentazzjoni effettiva tal-politiki tal-UE dwar il-klima, bħalma hija s-sistema ta’ skambju tal-kwoti tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra. Il-proposta hija konsistenti mad-dispożizzjonijiet dwar it-trasparenza skont l-iskema tal-UE għan-negozjar ta’ emissjonijiet (EU ETS), fosthom il-verifika minn partijiet terzi.

·Il-konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

L-UE ppreżentat il-Kontribut Stabbilit fil-livell Nazzjonali (“l-NDC”) tal-UE u tal-Istati Membri tagħha lill-UNFCCC f’Marzu tal-2015, u impenjat ruħha għal mira vinkolanti ta’ tnaqqis domestiku ta’ mill-inqas 40 % inqas mil-livelli tal-1990 fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra mal-ekonomija kollha sal-2030, bi qbil mal-qafas ta’ politika dwar il-klima u l-enerġija għall-2030 li ġie approvat mill-Kunsill Ewropew ta’ Ottubru 2014 u li minn dakinhar ġie adottat fil-leġiżlazzjoni 8 . Is-setturi kollha jridu jikkontribwixxu għat-tranżizzjoni lejn livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju u għall-Ftehim ta’ Pariġi.

Il-proposta hija konsistenti mal-istrateġija dwar mobbiltà b’emissjonijiet baxxi, li twettaq azzjonijiet li jkomplu jnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra fis-settur tat-trasport bħala parti minn sforzi usa’ favur id-dekarbonizzazzjoni li l-UE impenjat ruħha għalihom u wettqithom, fosthom l-azzjonijiet ta’ Orizzont 2030 9 .

Bl-għoti ta’ informazzjoni affidabbli dwar l-emissjonijiet tas-CO2 minn bastimenti individwali, ir-Regolament MRV tal-UE huwa essenzjali biex jiffaċilita t-teħid tad-deċiżjonijiet fil-futur fil-livell tal-Unjoni u għat-tmexxija ta’politiki futuri possibbli f’dan is-settur. Il-proposta tissalvagwardja dan il-prinċipju ewlieni. Ir-Regolament MRV tal-UE, bħala strument ta’ politika eżistenti tal-UE huwa l-ewwel pass fid-direzzjoni t-tajba li għandu jsir biex jissoktaw aktar żviluppi ta’ politika.

Barra minn hekk, il-proposta hija konsistenti mal-prinċipju “l-ewwel l-effiċjenza enerġetika” tal-Unjoni tal-Enerġija għax din ittejjeb l-implimentazzjoni tal-miżuri tal-effiċjenza enerġetika fis-settur tat-trasport marittimu.

2.IL-BAŻI ĠURIDIKA, IS-SUSSIDJARJETÀ U L-PROPORZJONALITÀ

·Bażi ġuridika

L-Artikoli 191 sa 193 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jikkonfermaw u jispeċifikaw il-kompetenzi tal-UE fil-qasam tat-tibdil fil-klima. Il-bażi ġuridika għal din il-proposta hija l-Artikolu 192 tat-TFUE.

·Is-sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

Skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, l-għanijiet ta’ din il-proposta jistgħu jinkisbu biss permezz ta’ proposta tal-Kummissjoni fil-livell tal-UE, għax il-proposta hija maħsuba biex temenda l-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE.

Il-ġbir u l-pubblikazzjoni tad-data dwar l-emissjonijiet mill-bastimenti u l-effiċjenza enerġetika fil-livell tal-UE jagħtu l-vantaġġ li jkun jista’ jsir paragun sħiħ tar-riżultati għax dawn huma bbażati fuq sett ta’ rekwiżiti wieħed. Dan jgħin iżjed biex jitneħħew l-ostakli fis-suq ikkawżati minħabba nuqqas ta’ informazzjoni.

·Il-proporzjonalità

Il-proposta tikkonforma mal-prinċipju tal-proporzjonalità għax ma tmurx lil hinn minn dak meħtieġ sabiex jintlaħqu l-għanijiet tar-Regolament MRV tal-UE, filwaqt li tiżgura l-funzjonament tajjeb tas-suq intern u l-kompetittività tal-industrija Ewropea tat-trasport marittimu.

·L-għażla tal-istrument

Din il-proposta għal Regolament emendatorju ġejja mill-fatt li l-proposta hija li jiġi emendat ir-Regolament MRV tal-UE eżistenti.

3.IR-RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

·Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Huwa rilevanti li wieħed jinnota li r-rieżami tar-Regolament MRV tal-UE jsir mingħajr evalwazzjoni preċedenti għax dan se jkun possibbli biss lejn l-aħħar tal-2019, wara li jitlesta l-ewwel ċiklu ta’ konformità. Għalhekk, l-evalwazzjoni tar-Regolament MRV tal-UE eżistenti ma kinitx parti mill-ħidma preparatorja u ma kkontribwietx għall-valutazzjoni tal-alternattivi ta’ politika.

·Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Il-modifiki proposti għar-Regolament MRV tal-UE huma konformi b’mod wiesa’ mal-interessi espressi mill-partijiet ikkonċernati fit-tweġibiet tagħhom għall-konsultazzjoni pubblika online u għall-istħarriġ elettroniku li sar apposta. L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, il-korpi ta’ akkreditazzjoni nazzjonali, l-istituzzjonijiet tar-riċerka u ċ-ċittadini/l-individwi jaqblu b’mod wiesa’ li meta jiġi emendat ir-Regolament MRV tal-UE jeħtieġ jinżammu wħud mill-għanijiet importanti. Fost dawn hemm is-sensibilizzazzjoni dwar it-tnaqqis fl-emissjonijiet, li tingħata informazzjoni affidabbli lill-parteċipanti fis-suq dwar il-konsum tal-fjuwil u l-effiċjenza enerġetika, u l-ġbir tad-data għal tfassil infurmat tal-politiki. Madankollu, għas-settur tat-trasport marittimu, il-prijorità prinċipali hija t-tnaqqis tal-piż amministrattiv. L-Istati Membri taż-ŻEE u l-verifikaturi tal-MRV tal-UE fil-maġġoranza tagħhom jappoġġaw dawn l-għanijiet ukoll, b’mod partikolari l-ġbir ta’ data affidabbli biex jiġu żviluppati politiki futuri u jitnaqqas kemm jista’ jkun l-isforz amministrattiv.

·Il-ġbir u l-użu tal-għarfien espert

L-istudji ta’ previżjoni tal-emissjonijiet jiddependu fuq data mit-tielet (3) studju tal-OMI dwar il-gassijiet serra 10 , u tqiesu, speċjalment rigward l-emissjonijiet u l-previżjonijiet tal-emissjonijiet għat-trasport marittimu internazzjonali, u rigward il-potenzjal tat-tnaqqis tal-emissjonijiet li jirriżulta minn miżuri tekniċi u operazzjonali tat-trasport marittimu.

·Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal - valutazzjoni tal-impatt

Ġiet żviluppata valutazzjoni tal-impatt biex tanalizza liema karatteristiċi tar-Regolament MRV tal-UE jistgħu jiġu allinjati ma’ dawk tas-Sistema globali tal-Ġbir tad-Data tal-OMI. Dan id-dokument jikkumplimenta l-valutazzjoni tal-impatt mehmuża mal-proposta fl-2013, u li kien fiha stima tal-kostijiet assoċjati mar-Regolament MRV tal-UE. Barra minn hekk, id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal il-ġdid li fih hemm din il-valutazzjoni tal-impatt, ikompli jibni fuq il-valutazzjoni tal-impatt tal-bidu li ġiet ippubblikata f’Ġunju tal-2017 u fuq il-konsultazzjoni pubblika li ntemmet f’Diċembru tal-2017.

Il-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju tal-Kummissjoni Ewropea evalwa verżjoni abbozz tal-valutazzjoni tal-impatt u fit-13 ta’ Lulju 2018 ħareġ opinjoni pożittiva. Il-Bord għamel rakkomandazzjonijiet li jkomplu jtejbu r-rapport u dawn ġew indirizzati fir-rapport rivedut. Is-Sommarju Eżekuttiv tal-valutazzjoni tal-impatt u l-opinjoni tal-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju jinsabu fuq is-sit web tal-Kummissjoni 11 .

Meta wieħed iqis il-ħtieġa li jinżammu l-għanijiet ewlenin tar-Regolament MRV tal-UE, żewġ kandidati għall-allinjament ġew skartati mill-ewwel: it-tmexxija u r-rappurtar tas-CO2. L-allinjament tat-tmexxija ma kienx waħda mill-alternattivi għax inkella l-UE u l-Istati Membri tagħha jkunu jistgħu jiġbru d-data dwar l-emissjonijiet minn bastimenti li jtajru l-bandiera tal-UE biss, mingħajr ma jqisu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra tal-bastimenti li ma jtajrux il-bandiera tal-UE li waqt il-vjaġġi tagħhom iżuru l-portijiet taż-ŻEE. Barra minn hekk, l-allinjament tar-rappurtar tas-CO2 kien ikun ifisser li l-bastimenti ma kinux jirrappurtaw id-data dwar l-emissjonijiet tas-CO2. Dan kien ikun inkonsistenti għalkollox mal-għan proprju tar-Regolament MRV tal-UE, li huwa relatat mal-prestazzjoni tal-bastimenti fl-emissjonijiet tas-CO2 u l-impatt tagħhom fuq il-klima.

Minħabba dawn il-limitazzjonijiet, fil-valutazzjoni tal-impatt ġew ivvalutati tliet alternattivi ta’ politika:

L-alternattiva 1 – Ix-Xenarju Bażi:

Din l-alternattiva tirrifletti x’jiġri jekk ma tittieħed l-ebda azzjoni.

L-alternattiva 2 – Simplifikazzjoni

F’dan ix-xenarju ġew ivvalutati bosta alternattivi differenti għall-allinjament, rigward: il-kamp ta’ applikazzjoni, id-definizzjonijiet, il-parametri tal-monitoraġġ, il-pjanijiet u l-mudelli tal-monitoraġġ, il-verifika u t-trasparenza.

L-alternattiva 3 — Konverġenza Għolja

B’din l-alternattiva, ir-Regolament MRV tal-UE jkollu jiġi emendat ħalli l-aspetti tekniċi kollha tiegħu jiġu armonizzati mas-Sistema globali tal-Ġbir tad-Data tal-OMI, bir-riskju li jiddgħajjef l-impatt tas-suq mistenni tiegħu.

Mill-paragun tat-tliet alternattivi naslu għall-konklużjonijiet li ġejjin:

Kif xieraq, l-allinjament tad-definizzjonijiet, tal-parametri tal-monitoraġġ, u tal-pjanijiet u l-mudelli tal-monitoraġġ jikkontribwixxi biex jonqos il-piż amministrattiv għall-kumpaniji tat-trasport marittimu u għall-awtoritajiet nazzjonali, u b’hekk tiġi ffaċilitata l-konformità mal-obbligi tar-rappurtar permezz taż-żewġ sistemi.

Fl-istess ħin, dan ma jxekkilx l-objettivi tar-Regolament MRV tal-UE attwali u l-impatti pożittivi previsti tiegħu.

Min-naħa l-oħra, l-allinjament ta’ aspetti bħall-kamp ta’ applikazzjoni, il-verifika u t-trasparenza jaffettwa ħażin l-għanijiet tar-Regolament MRV tal-UE, filwaqt li mhux bilfors jikkontribwixxi għal tnaqqis sinifikanti tal-piż amministrattiv. Kieku kellu jkun hemm allinjament tat-trasparenza, jintilef il-vantaġġ ta’ disponibbiltà ta’ data dwar l-effiċjenza enerġetika fil-livell tal-bastimenti biex tinċentiva l-użu ta’ dawn il-miżuri. L-allinjament tar-rekwiżiti tal-verifika jwassal biex ikollha tiġi ċeduta s-sistema omoġenja u indipendenti tal-verifika minn partijiet terzi. Fl-aħħar nett, allinjament tal-kamp ta’ applikazzjoni jwassal għal informazzjoni mhux sħiħa dwar l-emissjonijiet relatati maż-ŻEE.

B’hekk, l-alternattiva ppreferuta hija l-Alternattiva 2 (“is-Simplifikazzjoni), u huwa propost li jiġu allinjati ċerti elementi bħad-definizzjonijiet, il-parametri tal-monitoraġġ u l-pjanijiet u l-mudelli tal-monitoraġġ skont kif ikun xieraq.

·L-idoneità regolatorja u s-simplifikazzjoni

L-approċċ ta’ razzjonalizzazzjoni propost inaqqas l-isforzi tal-konformità meta mqabbel ma’ xenarju ta’ status quo. Kif spjegat hawn fuq, din tikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-piż amministrattiv għall-kumpaniji tat-trasport marittimu u tiffaċilita l-konformità mal-obbligi ta’ rappurtar skont iż-żewġ sistemi ta’ monitoraġġ, rappurtar u verifika. F’dan il-kuntest, huwa preżunt li r-rieżamitar-Regolament MRV tal-UE propost ikun ikopri r-rekwiżiti tal-programm dwar l-idoneità u l-prestazzjoni tar-regolamentazzjoni (REFIT) li jeżiġu l-esplorazzjoni tal-potenzjal għal simplifikazzjoni u t-titjib tal-effiċjenza tal-leġiżlazzjoni tal-UE.

·Id-drittijiet fundamentali

Il-proposta tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. B’mod partikolari, din tikkontribwixxi għall-għan ta’ livell għoli ta’ ħarsien ambjentali bi qbil mal-prinċipju tal-iżvilupp sostenibbli kif stipulat fl-Artikolu 37 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

4.L-IMPLIKAZZJONIJIET GĦALL-BAĠIT

Il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni fuq il-baġit Komunitarju.

5.ELEMENTI OĦRAJN LI JRIDU JIĠU ŻVILUPPATI

·Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

Il-Kummissjoni wettqet l-analiżi skont l-Artikolu 22 tar-Regolament MRV tal-UE b’reazzjoni għall-progress li għamel il-Kumitat għall-Protezzjoni tal-Ambjent Marittimu (l-MEPC) fil-laqgħat tiegħu ta’ Ottubru tal-2016 u ta’ Lulju tal-2017 meta kien qed jadotta l-linji gwida rilevanti għas-Sistema globali tal-Ġbir tad-Data tal-OMI.

Din il-proposta timmira li tnaqqas il-piż amministrattiv għall-bastimenti li jwettqu attivitajiet tat-trasport marittimu li huma koperti kemm bir-Regolament MRV tal-UE kif ukoll bis-Sistema globali tal-Ġbir tad-Data tal-OMI, filwaqt li tippreserva l-għanijiet speċifiċi tal-azzjoni tal-UE f’dan il-qasam.

Għalhekk huwa propost li jsiru l-emendi li ġejjin:

1.Id-definizzjonijiet ta’ “kumpanija” u ta’ “perjodu tar-rappurtar”, kif ukoll l-attribuzzjoni tal-obbligi ta’ monitoraġġ u rappurtar f’każ ta’ “tibdil ta’ kumpanija” għandhom iqisu d-dispożizzjonijiet paralleli tas-Sistema globali tal-Ġbir tad-Data tal-OMI. Dan ikun jiżgura li jwettqu l-monitoraġġ u r-rappurtar l-istess entitàjiet legali skont perjodi ta’ rappurtar ikkalkulati b’mod simili għall-bastimenti tagħhom li jwettqu attivitajiet tat-trasport marittimu b’rabta maż-ŻEE skont ir-Regolament MRV tal-UE u skont is-Sistema globali tal-Ġbir tad-Data tal-OMI. Sabiex isir dan, se jiġu emendati l-Artikoli 3 u 11(2) tar-Regolament MRV tal-UE.

2.Jenħtieġ li jitqiesu d-dispożizzjonijiet tas-Sistema globali tal-Ġbir tad-Data tal-OMI dwar id-data li trid tiġi monitorjata u rappurtata kull sena biex ikun żgurat li tinġabar data razzjonalizzata dwar l-attivitajiet tal-bastimenti li jaqgħu taħt iż-żewġ sistemi. Sabiex isir hekk, “it-tunnellaġġ tal-piż mejjet” jenħtieġ jiġi definit u rappurtat bħala parametru obbligatorju, filwaqt li “l-merkanzija li qed tinġarr” jinżamm bħala parametru ta’ monitoraġġ volontarju għal dawk il-kumpaniji li huma lesti li jipprovdu kalkolu tal-medju tal-effiċjenza enerġetika tal-bastimenti tagħhom ibbażat fuq il-merkanzija li jkunu qed iġorru. Il-parametru tat-trasport marittimu tal-UE “ħin fuq il-baħar" għandu jinbidel bid-definizzjoni “sigħat tal-ivvjaġġar” tas-Sistema globali tal-Ġbir tad-Data tal-OMI. Fl-aħħar nett, il-kalkolu ta’ “distanza vvjaġġata” għandu jieħu bħala l-bażi l-alternattivi miżmuma skont il-linji gwida rilevanti tas-Sistema globali tal-Ġbir tad-Data tal-OMI. Sabiex isir hekk, se jiġu emendati l-Artikoli 6(3), 9(1), 10, 11(3), 21(2) u l-ittra A(1) tal-Anness II, tar-Regolament MRV tal-UE.

3.Jenħtieġ li jiġi razzjonalizzat il-kontenut minimu tal-pjanijiet ta’ monitoraġġ biex jitqiesu l-linji gwida tal-OMI għall-iżvilupp ta’ Pjan ta’ Ġestjoni għall-Effiċjenza Enerġetika tal-Bastimenti, (Guidelines for the development of a Ship Energy Efficiency Management Plan (SEEMP)), għajr dawk id-dispożizzjonijiet li huma meħtieġa biex ikun żgurat li d-data relatata mal-UE biss tiġi monitorjata u rappurtata skont ir-Regolament MRV tal-UE. Sabiex isir hekk, se jiġi emendat l-Artikolu 6(3) tar-Regolament.

Min-naħa l-oħra, jenħtieġ li jinżammu xi elementi rilevanti tar-Regolament MRV tal-UE. L-elementi huma dawn li ġejjin:

1.Il-kamp ta’ applikazzjoni rigward il-bastimenti u l-attivitajiet koperti bir-Regolament MRV tal-UE se jinżamm (biex b’hekk ikun ikopri l-maġġoranza tal-bastimenti b’aktar minn 5000 tunnellata gross li jidħlu fil-portijiet tal-UE għal skopijiet ta’ trasport marittimu). L-attivitajiet tal-bastimenti li mhumiex meqjusin bħala trasport marittimu, bħalma huma t-tħammil, it-tqegħid ta’ pipelines u l-appoġġ ta’ attivitajiet ta’ installazzjoni offshore baqgħu mhumiex soġġetti għar-rekwiżiti ta’ monitoraġġ u rappurtar.

2.L-emissjonijiet tas-CO2 tal-bastimenti fil-portijiet tal-Unjoni jridu jiġu monitorjati u rappurtati b’mod separat ukoll, biex ikun inċentivat l-użu tal-miżuri disponibbli għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2 fil-portijiet tal-UE, u biex issir aktar sensibilizzazzjoni dwar l-emissjonijiet mit-trasport marittimu. Anki d-data dwar il-vjaġġi interni lejn xi Stat Membru tal-UE għandha tiġi mmonitorjata u rrappurtata biex l-awtoritajiet tal-Istati Membri jkollhom data affidabbli u komparabbli dwar l-emissjonijiet mit-trasport marittimu nazzjonali tagħhom. Id-dispożizzjonijiet tal-MRV attwali dwar il-verifika tad-data minn partijiet terzi akkreditati jridu jinżammu sabiex jiġi ppreservat l-għan tal-UE li tingħata informazzjoni komparabbli tul iż-żmien u affidabbli għal meta jittieħdu aktar deċiżjonijiet fil-livell tal-UE jew fil-livell globali.

3.Id-dispożizzjonijiet dwar il-pubblikazzjoni tad-data dwar l-emissjonijiet tas-CO2 u l-effiċjenza enerġetika tal-bastimenti individwali jridu jinżammu wkoll, biex jgħinu biex jitneħħew l-ostakli tas-suq li jfixklu l-adozzjoni ta’ teknoloġiji u mġiba li jkunu iktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija fis-settur.

2019/0017 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (UE) 2015/757 biex titqies b’mod xieraq is-sistema globali tal-ġbir tad-data għad-data dwar il-konsum taż-żejt tal-fjuwil mill-bastimenti

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 192(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-Parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 12 ,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni 13 ,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja 14 ,

Billi:

(1)It-trasport marittimu jagħmel impatt fuq il-klima globali minħabba l-emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju (CO2) mit-tbaħħir. fl-2015 ikkawża 13 % tal-emissjonijiet totali tal-gassijiet serra tal-UE mis-settur tat-trasport 15 . It-trasport marittimu internazzjonali għadu l-uniku mezz ta’ trasportazzjoni li mhuwiex inkluż fl-impenn tal-Unjoni għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra.

(2)Jenħtieġ li s-setturi kollha tal-ekonomija jikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra bi qbil mal-impenn tal-koleġiżlaturi espress fir-Regolament (UE) 2018/842 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 16 u fid-Direttiva (UE) 2018/410 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 17 .

(3)Ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew ta’ Frar 2014 dwar qafas ta’ politiki dwar il-klima u l-enerġija għall-2030 appellat lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiffissaw mira vinkolanti tal-Unjoni għall-2030 biex jitnaqqsu mill-inqas 40 % tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mqabbel mal-livelli tal-1990. Il-Parlament Ewropew osserva wkoll li s-setturi kollha tal-ekonomija se jkunu meħtieġa jikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-emisssjonijiet tal-gassijiet serra biex l-Unjoni tagħti s-sehem ġust tagħha għall-isforzi globali.

(4)Fil-Konklużjonijiet tiegħu tal-24 ta’ Ottubru 2014, il-Kunsill Ewropew approva mira vinkolanti tal-UE ta’ tnaqqis domestiku ta’ mill-inqas 40 % tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra sal-2030 meta mqabbel mal-1990. Il-Kunsill Ewropew iddikjara wkoll l-importanza li jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra u r-riskji marbutin mad-dipendenza fuq il-fjuwils fossili fis-settur tat-trasport u stieden lill-Kummissjoni biex teżamina aktar l-istrumenti u l-miżuri għal approċċ komprensiv u teknoloġikament newtrali, fost oħrajn, għall-promozzjoni tat-tnaqqis tal-emissjonijiet, għal sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, u għall-effiċjenza enerġetika fis-settur tat-trasport.

(5)B’segwitu għall-White Paper tal-Unjoni tal-2011 dwar it-trasport 18 , fl-2013 il-Kummissjoni adottat strateġija biex l-emissjonijiet marittimi jiġu integrati progressivament fil-politika tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra tal-Unjoni 19 .

(6)F’April tal-2015, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw ir-Regolament (UE) 2015/757 dwar il-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika ta’ emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju mit-trasport marittimu 20 (“ir-Regolament MRV tal-UE”), li fl-2016 ġie kkomplementat b’żewġ Regolamenti Delegati 21 u żewġ Regolamenti ta’ Implimentazzjoni 22 . L-għan tar-Regolament MRV tal-UE huwa li tinġabar id-data dwar l-emissjonijiet mit-trasport marittimu għal aktar tfassil tal-politika u li jiġi inċentivat it-tnaqqis tal-emissjonijiet billi tingħata l-informazzjoni dwar l-effiċjenza tal-bastimenti lis-swieq rilevanti. Ir-Regolament MRV tal-UE jobbliga lill-kumpaniji li, mill-2018 ’il quddiem, kull sena jimmonitorjaw, jirrappurtaw u jivverfikaw il-konsum tal-fjuwil, l-emissjonijiet tas-CO2 u l-effiċjenza enerġetika tal-bastimenti tagħhom waqt il-vjaġġi lejn u minn portijiet taż-Żona Ekonomika Ewropea (iż-ŻEE). Dan japplika wkoll għall-emissjonijiet tas-CO2 fil-portijiet taż-ŻEE. L-ewwel rapporti dwar l-emissjonijiet iridu jaslu sat-30 ta’ April 2019.

(7)L-Artikolu 22 tar-Regolament MRV tal-UE jgħid li jekk ikun hemm ftehim internazzjonali dwar skema globali ta’ monitoraġġ, rappurtar u verifika, il-Kummissjoni se tirrevedi r-Regolament MRV tal-UE u, jekk ikun jixraq, tipproponi emendi biex tiżgura qbil ma’ dak il-ftehim internazzjonali.

(8)Skont il-Ftehim ta’ Pariġi li ġie adottat f’Diċembru tal-2015 waqt il-21 Konferenza tal-Partijiet tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC) 23 , l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha impenjaw ruħhom għal mira ta’ tnaqqis mal-ekonomija kollha. Bħalissa qed isiru sforzi biex jiġu limitati l-emissjonijiet marittimi internazzjonali permezz tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (OMI) u jenħtieġ li dawn l-isforzi jiġu inkoraġġuti. F’Ottubru tal-2016, l-OMI adottat 24 sistema ta’ ġbir tad-data dwar il-konsum taż-żejt tal-fjuwil mill-bastimenti (“is-Sistema globali tal-Ġbir tad-Data tal-OMI”).

(9)Filwaqt li qieset il-koeżistenza ta’ dawn iż-żewġ sistemi ta’ monitoraġġ, rappurtar u verifika, il-Kummissjoni vvalutat kif se tallinja ż-żewġ sistemi biex tnaqqas il-piż amministrattiv għall-bastimenti filwaqt li tippreserva l-għanijiet tar-Regolament MRV tal-UE, bi qbil mal-Artikolu 22 tar-Regolament MRV tal-UE.

(10)Il-valutazzjoni tal-impatt indikat li allinjament parzjali taż-żewġ sistemi ta’ monitoraġġ, rappurtar u verifika jista’ jikkontribwixxi biex jitnaqqas il-piż amministrattiv għall-kumpaniji tat-trasport marittimu, filwaqt li jiġu ppreservati l-għanijiet ewlenin tar-Regolament MRV tal-UE. Madankollu, jenħtieġ li dan l-allinjament ma jbiddilx ir-rekwiżiti tat-tmexxija, tal-kamp ta’ applikazzjoni, tal-verifika, tat-trasparenza jew tar-rappurtar tas-CO2 tar-Regolament MRV tal-UE għax dan it-tibdil ikun jimmina l-għanijiet tar-Regolament u jaffettwa l-abbiltà tiegħu li jinforma d-deċiżjonijiet futuri tat-tfassil tal-politika u li jinċentiva l-adozzjoni ta’ teknoloġiji u mġiba li jkunu iktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija fis-settur. Għalhekk jenħtieġ li kull emenda tar-Regolament MRV tal-UE tillimita l-allinjament mas-Sistema globali tal-Ġbir tad-Data tal-OMI rigward id-definizzjonijiet, il-parametri tal-monitoraġġ, il-pjanijiet u l-mudelli tal-monitoraġġ.

(11)Jenħtieġ li l-emendi tar-Regolament MRV tal-UE jiżguraw li l-istess entitajiet ġuridiċi jkunu responsabbli mill-monitoraġġ tul il-perjodi tar-rapportar ikkalkulati bl-istess mod meta l-attivitajiet ta’ bastiment ikunu jaqgħu taħt iż-żewġ sistemi. Għalhekk jenħtieġ li d-definizzjonijiet li jikkonċernaw il-kumpaniji u l-perjodi tar-rappurtar, inkluż ir-rappurtar f’każ ta’ tibdil ta’ kumpaniji, jiġu emendati biex iqisu d-dispożizzjonijiet tal-OMI.

(12)Jenħtieġ li jitqiesu d-dispożizzjonijiet tas-Sistema globali tal-Ġbir tad-Data tal-OMI dwar id-data li trid tiġi monitorjata u rappurtata kull sena biex ikun żgurat li tinġabar data razzjonalizzata dwar l-attivitajiet tal-bastimenti li jaqgħu taħt iż-żewġ sistemi. Biex isir hekk, jenħtieġ jiġi rrappurtat il-parametru “tunnellaġġ tal-piż mejjet” iżda “il-merkanzija li tinġarr” jenħtieġ jibqa’ fuq bażi volontarja. “Ħin fuq il-baħar" jenħtieġ tinbidel bid-definizzjoni tas-Sistema globali tal-Ġbir tad-Data tal-OMI “sigħat tal-ivvjaġġar”. Fl-aħħar nett, il-kalkolu tad-“distanza vvjaġġata” jenħtieġ li jkun ibbażat fuq is-Sistema globali tal-Ġbir tad-Data tal-OMI 25 biex jitnaqqas il-piż amministrattiv.

(13)Jenħtieġ li jiġi razzjonalizzat il-kontenut tal-pjanijiet tal-monitoraġġ biex titqies is-Sistema globali tal-Ġbir tad-Data tal-OMI, għajr dawk il-partijiet tal-pjan li huma meħtieġa biex ikun żgurat li d-data b’rabta mal-Unjoni biss tiġi mmonitorjata u rrappurtata skont ir-Regolament MRV tal-UE. Għaldaqstant jenħtieġ li kull dispożizzjoni dwar “għal kull vjaġġ” tibqa’ parti mill-pjan tal-monitoraġġ.

(14)Id-diferiment tad-data tal-applikazzjoni hu meħtieġ biex ikun żgurat li l-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika li jkunu qed isiru, jiġu implimentati b’mod konsistenti tul il-perjodu tar-rappurtar.

(15)L-għan tar-Regolament (UE) 2015/757 huwa li jsiru monitoraġġ, rappurtar u verifika tal-emissjonijiet tas-CO2 minn bastimenti li jidħlu fil-portijiet taż-ŻEE, bħala l-ewwel pass ta’ approċċ fi stadji biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra. Dan ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda minħabba l-iskala u l-effetti tiegħu, jista’ jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni. Jenħtieġ li titqies is-Sistema globali tal-Ġbir tad-Data tal-OMI, u dan ir-Regolament jiżgura li d-data li tinġabar abbażi ta’ sett wieħed ta’ rekwiżiti, tibqa’ tkun komparabbli u affidabbli. L-Unjoni tista’ tadotta miżuri, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit fl-istess Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak meħtieġ biex jintlaħaq dak l-għan.

(16)Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2015/757 jiġi emendat skont dan,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

(1)L-Artikolu 3 huwa emendat kif ġej:

(a)il-punt (d) jinbidel b’dan li ġej:

“(d)“kumpanija” tfisser sid il-bastiment jew kwalunkwe organizzazzjoni jew persuna oħra, bħall-meniġer jew in-noleġġatur ta’ bastimenti mingħajr ekwipaġġ, li jkunu assumew ir-responsabbiltà għall-operazzjoni tal-bastiment mingħand sid il-bastiment u li jkunu aċċettaw li jassumu d-doveri u r-responsabbiltajiet kollha li jimponi r-Regolament (KE) Nru 336/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill;”;

(b)il-punt (m) jinbidel b’dan li ġej:

“(m)“il-perjodu tar-rappurtar” tfisser il-perjodu mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Diċembru, u li jkun jinkludi dawk id-dati. Għal vjaġġi li jibdew u jispiċċaw f’żewġ snin kalendarji differenti, id-data rispettiva għandha titqies skont is-sena kalendarja kkonċernata;”;

(c)jiżdied punt (p) ġdid:

“(p)“it-tunnellaġġ tal-piż mejjet” tfisser id-differenza fit-tunnellaġġ bejn l-ispostament ta’ bastiment f’ilma b’densità relattiva ta’ 1025 kg/m³ fil-pixka tat-tagħbija tas-sajf u l-piż ħafif tal-bastiment. Jenħtieġ li l-pixka tat-tagħbija tas-sajf tittieħed bħala l-pixka massima tas-sajf kif iċċertifikata fil-ktejjeb tal-istabbiltà approvat mill-Amministrazzjoni jew minn organizzazzjoni rikonoxxuta minnha.”.

(2)L-Artikolu 6 huwa emendat kif ġej:

(a)il-paragrafu 3 huwa emendat kif ġej:

(i)il-punti (a), (b) u (c) jinbidlu b’dawn li ġejjin:

“(a)id-dettalji tal-bastiment, fosthom l-isem, in-numru ta’ identifikazzjoni tal-OMI, it-tip tal-bastiment u isem il-kumpanija;”;

“(b)deskrizzjoni tal-magni tal-bastiment u ta’ konsumaturi oħrajn taż-żejt, u tat-tipi taż-żejt tal-fjuwil;”;

“(c)il-fatturi tal-emissjonijiet;”.

(ii)jitħassar il-punt (d);

(iii)jitħassar il-punt (g);

(iv)fil-punt (h), il-punt (iii) jinbidel b’dan li ġej:

“(iii)il-proċeduri, ir-responsabbiltajiet, il-formuli u s-sorsi tad-data biex jiġu ddeterminati u rreġistrati s-sigħat tal-ivvjaġġar;”;

(v)il-punt (i) jinbidel b’dan li ġej:

“(i)il-kwalità tad-data, fost l-oħrajn il-proċeduri biex jiġu identifikati u indirizzati l-lakuni tad-data;”;

(3)Fl-Artikolu 9, il-paragrafu 1 huwa emendat kif ġej:

(a)il-punti (e) u (f) jinbidlu b’dawn li ġejjin:

“(e)is-sigħat tal-ivvjaġġar;”;

“(f)il-merkanzija li qed tinġarr, fuq bażi volontarja;”;

(4)L-Artikolu 10 huwa emendat kif ġej:

(a)il-punt (h) jinbidel b’dan li ġej:

“(h)sigħat totali tal-ivvjaġġar;”;

(5)L-Artikolu 11 huwa emendat kif ġej:

(a)il-paragrafu 2 jinbidel b’dan li ġej:

“2.Meta jkun hemm bidla tal-kumpanija, il-kumpanija ta’ qabel għandha tressaq rapport lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet tal-Istat tal-Bandiera kkonċernat, kemm jista’ jkun qrib id-data meta titlesta l-bidla u mhux aktar tard minn tliet xhur warajha, li jkun fih l-istess elementi bħar-rapport dwar l-emissjonijiet iżda limitat għall-perjodu meta twettqu l-attivitajiet fir-responsabbiltà tiegħu.”;

(b)jiżdied punt ġdid (xi) mal-paragrafu 3(a):

“(xi)it-tunnellaġġ tal-piż mejjet tal-bastiment;”;

(6)Fl-Artikolu 21(2), il-punt (g) jinbidel b’dan li ġej:

“(g)is-sigħat totali annwali tal-ivvjaġġar;”;

(7)L-Anness II huwa emendat skont l-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan għandu japplika mill-1 ta’ Jannar tas-sena ta’ wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan l-att. Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1)    https://www.eea.europa.eu/data-and-maps/indicators/transport-emissions-of-greenhouse-gases/transport-emissions-of-greenhouse-gases-10
(2)    http://www.imo.org/en/OurWork/Environment/PollutionPrevention/AirPollution/Pages/Greenhouse-Gas-Studies-2014.aspx
(3)    Ir-Riżoluzzjoni tal-OMI MEPC.203(62).
(4)    COM(2013) 479.
(5)    Ir-Regolament (UE) 2015/757 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2015 dwar il-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika ta’ emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju mit-trasport marittimu, u li jemenda d-Direttiva 2009/16/KE, (ĠU L 123, 19.5.2015, p. 55).
(6)    Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/2072 dwar l-attivitajiet ta’ verifika u l-akkreditament tal-verifikaturi skont ir-Regolament (UE) 2015/757 (ĠU L 320, 26.11.2016, p. 5) u r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/2071 tat-22 ta’ Settembru 2016 li jemenda r-Regolament (UE) 2015/757 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f’dak li għandu x’jaqsam mal-metodi għall-monitoraġġ tal-emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju u mar-regoli dwar il-monitoraġġ ta’ informazzjoni rilevanti oħra (ĠU L 320, 26.11.2016, p. 1).
(7)    Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1927 tal-4 ta’ Novembru 2016 dwar il-mudelli għall-pjanijiet ta’ monitoraġġ, għar-rapporti dwar l-emissjonijiet u għad-dokumenti ta’ konformità skont ir-Regolament (UE) 2015/757 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika ta’ emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju mit-trasport marittimu (ĠU L 299, 5.11.2016, p. 1–21) u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1928 tal-4 ta’ Novembru 2016 dwar id-determinazzjoni ta’ merkanzija li tinġarr għall-kategoriji ta’ bastimenti li mhumiex bastimenti tal-passiġġieri, bastimenti ro-ro u bastimenti tal-kontejners skont ir-Regolament (UE) 2015/757 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika ta’ emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju mit-trasport marittimu (ĠU L 299, 5.11.2016, p. 22–25).
(8)    Id-Direttiva (UE) 2018/410, ir-Regolament (UE) 2018/842 u r-Regolament (UE) 2018/841 dwar l-Użu tal-Art.
(9)    COM(2016) 501.
(10)    http://www.imo.org/en/OurWork/Environment/PollutionPrevention/AirPollution/Documents/    Third%20Greenhouse%20Gas%20Study/GHG3%20Executive%20Summary%20and%20Report.pdf
(11)    http://ec.europa.eu/transparency/regdoc/?fuseaction=ia
(12)    ĠU C […], […], p. […].
(13)    XXX
(14)    XXX
(15)    https://www.eea.europa.eu/data-and-maps/indicators/transport-emissions-of-greenhouse-gases/transport-emissions-of-greenhouse-gases-10.
(16)    Ir-Regolament (UE) 2018/842 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 dwar it-tnaqqis annwali vinkolanti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill-Istati Membri mill-2021 sal-2030 li jikkontribwixxi għall-azzjoni klimatika biex jiġu onorati l-impenji li saru fil-Ftehim ta’ Pariġi, u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 525/2013 (ĠU L 156, 19.6.2018, p. 26).
(17)    Id-Direttiva (UE) 2018/410 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Marzu 2018 li temenda d-Direttiva 2003/87/KE biex jiżdied it-tnaqqis kosteffettiv tal-emissjonijiet u l-investimenti għal emissjonijiet baxxi ta' karbonju, u d-Deċiżjoni (UE) 2015/1814 (ĠU L 76, 19.3.2018, p. 3).
(18)    https://ec.europa.eu/transport/sites/transport/files/themes/strategies/doc/2011_white_paper/white-paper-illustrated-brochure_en.pdf.
(19)    COM(2013) 479.
(20)    Ir-Regolament (UE) 2015/757 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2015 dwar il-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika ta’ emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju mit-trasport marittimu, u li jemenda d-Direttiva 2009/16/KE (ĠU L 123, 19.5.2015, p. 55).
(21)    Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/2072 tat-22 ta’ Settembru 2016 dwar l-attivitajiet ta’ verifika u l-akkreditament tal-verifikaturi skont ir-Regolament (UE) 2015/757 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika ta’ emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju mit-trasport marittimu (ĠU L 320, 26.11.2016, p. 5); Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/2071 tat-22 ta’ Settembru 2016 li jemenda r-Regolament (UE) 2015/757 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f’dak li għandu x’jaqsam mal-metodi għall-monitoraġġ tal-emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju u mar-regoli dwar il-monitoraġġ ta’ informazzjoni rilevanti oħra (ĠU L 320, 26.11.2016, p. 1).
(22)    Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1927 tal-4 ta’ Novembru 2016 dwar il-mudelli għall-pjanijiet ta’ monitoraġġ, għar-rapporti dwar l-emissjonijiet u għad-dokumenti ta’ konformità skont ir-Regolament (UE) 2015/757 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika ta’ emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju mit-trasport marittimu (ĠU L 299, 5.11.2016, p. 1–21); Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1928 tal-4 ta’ Novembru 2016 dwar id-determinazzjoni ta’ merkanzija li tinġarr għall-kategoriji ta’ bastimenti li mhumiex bastimenti tal-passiġġieri, bastimenti ro-ro u bastimenti tal-kontejners skont ir-Regolament (UE) 2015/757 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika ta’ emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju mit-trasport marittimu (ĠU L 299, 5.11.2016, p. 22–25)
(23)    Il-Ftehim ta’ Pariġi (ĠU L 282, 19.10.2016, p. 4–18).
(24)    Ir-Riżoluzzjoni MEPC.278 (70) tal-OMI li temenda l-Anness VI tal-MARPOL.
(25)    Ir-Riżoluzzjoni MEPC 282 (70) tal-OMI.
Top

Brussell, 4.2.2019

COM(2019) 38 final

ANNESS

tal-

Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

li jemenda r-Regolament (UE) 2015/757 biex titqies b’mod xieraq is-sistema globali tal-ġbir tad-data għad-data dwar il-konsum taż-żejt tal-fjuwil mill-bastimenti

{SEC(2019) 20 final} - {SWD(2019) 10 final} - {SWD(2019) 11 final}


ANNESS

Fl-Anness II, il-Parti A hija emendata kif ġej:

(1)Il-punt 1 huwa emendat kif ġej:

(a)fil-punt (a), it-tieni sentenza tinbidel b’dan li ġej:

“Is-sigħat tal-ivvjaġġar għandhom jiġu kkalkulati bħala t-tul taż-żmien aggregat waqt li l-bastiment qed jivvjaġġa bl-impetu tiegħu waħdu;”;

(b)fil-punt (b), it-tieni sentenza tinbidel b’dan li ġej:

“id-distanza mbaħħra għandha tiġi kkalkulata bħala d-distanza fuq l-art.”;

Top