Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52019PC0036

    OPINJONI TAL-KUMMISSJONI dwar it-talba għal emendi għall-Protokoll Nru 5 dwar l-Istatut tal-Bank Ewropew tal-Investiment, ippreżentat mill-Bank Ewropew tal-Investiment fil-11 ta’ Ottubru 2018

    COM/2019/36 final

    Brussell, 31.1.2019

    COM(2019) 36 final

    OPINJONI TAL-KUMMISSJONI

    dwar it-talba għal emendi għall-Protokoll Nru 5 dwar l-Istatut tal-Bank Ewropew tal-Investiment, ippreżentat mill-Bank Ewropew tal-Investiment fil-11 ta’ Ottubru 2018


    OPINJONI TAL-KUMMISSJONI

    dwar it-talba għal emendi għall-Protokoll Nru 5 dwar l-Istatut tal-Bank Ewropew tal-Investiment, ippreżentat mill-Bank Ewropew tal-Investiment fil-11 ta’ Ottubru 2018

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 308 tiegħu,

    1.Fil-11 ta’ Ottubru 2018, il-Bank Ewropew tal-Investiment ippreżenta talba lill-Kunsill skont l-Artikolu 308 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“TFUE”) biex jemenda l-Istatut tiegħu. L-ewwel nett, il-Bank Ewropew tal-Investiment jipproponi li jemenda l-Istatut tiegħu biex jirrifletti l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea li se ġġib fi tmiemha s-sħubija tiegħu fil-Bank Ewropew tal-Investiment. It-tieni nett, il-Bank Ewropew tal-Investiment jipproponi li jsaħħaħ il-funzjonament tal-Bord tad-Diretturi tiegħu billi jippermetti l-ħatra ta’ numru akbar ta’ diretturi supplenti. It-tielet nett, il-Bank Ewropew tal-Investiment jipproponi li jestendi l-użu tal-votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata għad-deċiżjoni dwar il-Pjan Korporattiv tal-Operat, il-ħatra ta’ membri tal-Kumitat ta’ Tmexxija u l-approvazzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura.

    2.L-emendi kollha proposti mill-Bank Ewropew tal-Investiment għall-Istatut tiegħu huma previsti li jidħlu fis-seħħ immedjatament mal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea. Fi premessa t-talba tirreferi wkoll għal żieda prevista tal-kapital sottoskritt mill-bqija tal-Istati Membri li għandhom jimxu b’mod parallel ma’ tisħiħ ulterjuri tal-governanza tal-Bank Ewropew tal-Investiment.

    I.    Dwar ir-relazzjoni bejn it-talba u l-ħruġ tar-Renju Unit    mill-Unjoni Ewropea

    3.Il-Kummissjoni tqajjem il-kwistjoni dwar jekk huwiex xieraq li jintrabat id-dħul fis-seħħ tad-deċiżjoni sħiħa mal-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE. Fi kwalunkwe każ ma hemm l-ebda ħtieġa legali li l-emendi previsti għall-Protokoll Nru 5 jidħlu fis-seħħ fid-data li fiha r-Renju Unit ma jibqax Stat Membru.

    4.Fil-fatt, it-talba mill-Bank Ewropew tal-Investiment fiha żewġ kategoriji differenti ta’ emendi. L-ewwel kategorija sempliċiment tislet il-konsegwenza tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni billi tħassar ir-referenza għall-parteċipazzjoni azzjonarja tar-Renju Unit fl-Artikolu 4(1), billi tnaqqas in-numru ta’ membri tal-Bord tad-Diretturi fl-Artikolu 9(2), l-ewwel sentenza, u billi tħassar ir-referenza għan-nominazzjoni ta’ diretturi supplenti mir-Renju Unit fl-Artikolu 9(2), it-tielet subparagrafu. Il-Kummissjoni tista’ tappoġġja dawn il-bidliet iżda tixtieq tenfasizza li l-effett tagħhom se jkun sempliċiment ta’ natura dikjarattiva. Tabilħaqq, l-irtirar tar-Renju Unit mill-UE ma jirrikjedix emenda preċedenti tat-Trattati u l-Protokolli biex jitneħħew ir-referenzi kollha għar-Renju Unit. Dawn ir-referenzi se jsiru obsoleti awtomatikament fid-data tal-irtirar. B’kuntrast, l-emendi l-oħra mitluba mill-Bank Ewropew tal-Investiment, li fihom bidliet fil-governanza, huma ta’ natura kostituttiva. Il-Kunsill jista’ jikkunsidra li dawn il-bidliet huma xierqa irrispettivament mill-irtirar.

    5.Għalhekk, il-Kummissjoni tqajjem il-kwistjoni dwar jekk id-deċiżjoni tal-Kunsill għandhiex tidħol fis-seħħ f’data speċifikata li mhijiex marbuta mal-ħruġ tar-Renju Unit, pereżempju dwar il-pubblikazzjoni f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-UE. F’każ bħal dan, huwa biss id-dħul fis-seħħ ta’ emendi dikjaratorji tal-ewwel kategorija li jkunu marbuta mal-ħruġ tar-Renju Unit. Dan l-approċċ alternattiv ikun jeħtieġ xi abbozzar tekniku mill-ġdid tad-deċiżjoni.

    II.    Dwar it-talba biex jitħassru r-referenzi għall-kapital miżmum mir-Renju Unit

    6.Il-Bank Ewropew tal-Investiment jipproponi li jħassar ir-referenza għall-parteċipazzjoni azzjonarja mir-Renju Unit ta’ EUR 39 195 022 000 fl-Artikolu 4(1) tal-Istatut.

    7.Kif indikat hawn fuq, f’termini legali, fid-data tal-ħruġ ir-referenzi kollha għar-Renju Unit fit-Trattati u l-Protokolli jsiru obsoleti awtomatikament u għalhekk ma hemmx bżonn ta’ emenda espliċita tal-Istatut f’dan is-sens. Fi kwalunkwe każ, it-test tat-Trattati u tal-Protokolli se jinġieb konformi mas-sitwazzjoni l-ġdida, b’emenda formali skont l-Artikolu 48 TUE, sabiex jitħassru d-dispożizzjonijiet li m’għadhomx jintużaw u jsiru adattamenti konsegwenzjali. Madankollu, jidher aċċettabbli li jsiru l-emendi proposti fl-okkażjoni tal-emendi għall-governanza tal-Bank Ewropew tal-Investiment (minn hawn’ il quddiem it-Taqsimiet III u IV). Din l-emenda tista’, għalhekk, tiġi appoġġjata għal raġunijiet ta’ ċarezza.

    8.Il-Bank Ewropew tal-Investiment jipproponi wkoll li l-ammont tal-kapital totali sottoskritt imsemmi fl-istess Artikolu għandu jitnaqqas kif xieraq sakemm iż-żieda tal-kapital sottoskritt “mill-bqija tal-Istati Membri” ma tiġix deċiża qabel id-data tal-ħruġ. Il-Kummissjoni tifhem li din id-deċiżjoni tal-aħħar tiġi adottata mill-Bord tal-Gvernaturi tal-Bank Ewropew tal-Investiment fuq il-bażi tal-Artikolu 4(3) tal-Istatut tiegħu.

    9.Il-Kummissjoni tista’ tappoġġja l-għan wara din il-proposta iżda tixtieq tiġbed l-attenzjoni għall-aspetti legali li ġejjin. Il-kapital tal-Bank Ewropew tal-Investiment imsemmi fl-Artikolu 4(1) tal-Protokoll Nru 5 huwa l-ammont totali ta’ ishma tal-Istati Membri elenkati f’dik id-dispożizzjoni. Jekk il-Kunsill ineħħi biss ir-referenza għar-Renju Unit, dan għandu jnaqqas il-kapital totali bl-istess mod. Fid-deċiżjoni tiegħu, il-Kunsill ma jistax iqis deċiżjoni possibbli mill-Bank Ewropew tal-Investiment biex iżid il-kapital, u t-tqassim ġdid li jirriżulta fost l-Istati Membri. Għalhekk, id-Deċiżjoni tal-Kunsill għandha ssemmi l-kapital totali (imnaqqas) bħala konsegwenza tal-ħruġ tar-Renju Unit. Deċiżjoni parallela tal-Bord tal-Gvernaturi tal-Bank Ewropew tal-Investiment tista’ żżid il-kapital (u tiddefinixxi t-tqassim mill-ġdid bejn l-Istati Membri pro rata) iżda din hija deċiżjoni separata.

    III.    Dwar il-ħatra ta’ sostituti addizzjonali għall-Bord tad-Diretturi

    10.Il-Bank Ewropew tal-Investiment jipproponi li jiżdied in-numru ta’ sostituti tal-Bord tad-Diretturi minn 18 sa’ 31. Il-Ġermanja, Franza u l-Italja, li diġà kellhom żewġ sostituti kull wieħed, se jżommu dan in-numru. Il-kostitwenzi tal-Istati Membri li qabel kellhom inqas sostituti minn azzjonisti f’dik il-kostitwenza, wara l-emenda, se jkollhom l-istess ammount ta’ sostituti daqs azzjonisti f’dik il-kostitwenza. Il-Kummissjoni żżomm is-sostitut wieħed.

    11.Billi numru akbar ta’ diretturi alternattivi se jippermetti lill-Bank Ewropew tal-Investiment jibbenefika minn esperjenza usa’ fil-livell tal-Bord tad-Diretturi, b’mod partikolari fid-dawl tal-intenzjoni li jsir użu aħjar mis-sostituti fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-Bord tad-Diretturi, b’mod partikolari fir-rigward tal-analiżi tal-proposti ta’ finanzjament, il-Kummissjoni tista’ tappoġġa din il-proposta.

    IV.    Dwar l-estensjonijiet tal-votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata minflok votazzjoni b’maġġoranza sempliċi

    12.Il-Bank Ewropew tal-Investiment jipproponi wkoll li jitwessa’l-ambitu tal-votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata fi tliet oqsma importanti fejn bħalissa hemm bżonn ta’ maġġoranza sempliċi. Dawn huma:

    I)Deċiżjonijiet dwar il-pjan operattiv korporattiv (l-Artikolu 9(1) tal-Istatut)

    II)Deċiżjonijiet dwar in-nominazzjonijiet tal-membri tal-Kumitat ta’ Tmexxija mill-Bord tal-Gvernaturi u proposti korrispondenti mill-Bord tad-Diretturi (l-Artikolu 11(1), l-ewwel subparagrafu, tal-Istatut)

    III)Deċiżjonijiet dwar ir-Regoli ta’ Proċedura tal-Bank Ewropew tal-Investiment (l-Artikolu 7(3)(h) tal-Istatut).

    13.Il-Kummissjoni tapprova l-objettivi li din il-proposta biex temenda l-Istatut għandhom l-għan li jilħqu.

    V. Dwar il-premessi

    14.It-tmien, id-disa’ u l-għaxar premessa, sa fejn huma maħsuba li jiddaħħlu fid-Deċiżjoni tal-Kunsill, ma jispjegawx jew ma jiġġustifikawx it-termini ta’ promulgazzjoni tad-Deċiżjoni iżda jirrigwardaw kwistjonijiet li ma jeħtiġux bidliet fl-Istatut tal-Bank Ewropew tal-Investiment. Il-Kummissjoni tqis li dawn il-premessi għandhom ikunu kemxejn miktuba mill-ġdid biex ikun ċar li dawn ma jirrigwardawx xi termini partikolari ta’ promulgazzjoni.

    VI. Konklużjoni

    Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni b’dan qed toħroġ opinjoni favorevoli dwar l-emendi proposti għall-Istatut tal-Bank Ewropew tal-Investiment, soġġetta għall-kunsiderazzjonijiet espressi f’din l-opinjoni.

    Top