Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52019IR0974

    Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Id-deni Afrikan tal-ħnieżer u s-suq tal-majjal tal-UE

    ĠU C 39, 5.2.2020, p. 62–64 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    5.2.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 39/62


    Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Id-deni Afrikan tal-ħnieżer u s-suq tal-majjal tal-UE

    (2020/C 39/13)

    Relatur

    :

    Sławomir SOSNOWSKI (PL/PPE), Kunsillier tal-Provinċja ta’ Lubelskie

    IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI

    Kuntest politiku

    1.

    josserva li d-deni Afrikan tal-ħnieżer huwa theddida u sfida fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali u Ewropew u li għalhekk huwa neċessarju li l-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni jwieġeb għal din il-problema bħala l-istituzzjoni li hija l-vuċi tal-komunitajiet lokali u reġjonali fl-Unjoni Ewropea u jipparteċipa fil-mobilizzazzjoni tal-partijiet interessati kollha biex jiġġieldu dan il-virus perikoluż ħafna;

    2.

    jenfasizza li l-epidemija tad-deni Afrikan tal-ħnieżer hija theddida għall-ambjent, l-ekonomija u, l-aktar importanti, għan-nies li jgħixu f’żoni rurali u li huma involuti fil-produzzjoni tal-ħnieżer l-aktar fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant;

    3.

    iqis li l-ġlieda kontra d-deni Afrikan tal-ħnieżer tgħaqqad flimkien l-għanijiet tal-politika fil-politika agrikola komuni u fl-ambjent u f’oqsma oħrajn ta’ politika u finanzjament li jindirizzaw kwistjonijiet bħall-isfidi tas-soċjetà u l-iżvilupp reġjonali, biex b’hekk jiġi żgurat approċċ koerenti f’diversi setturi; fi ħdan il-previżjonijiet tal-baġit tal-2020 għal miżuri ta’ appoġġ agrikolu kontra d-deni Afrikan tal-ħnieżer, jappoġġja l-proposta ta’ EUR 50 miljun għal miżuri ta’ emerġenza u EUR 28 miljun għall-iżvilupp ta’ vaċċin/mediċina kontra d-deni Afrikan tal-ħnieżer;

    4.

    jirrikonoxxi li d-deni Afrikan tal-ħnieżer huwa sfida internazzjonali. Ir-reġjuni Ewropej għandhom juru solidarjetà mat-theddida li hemm minħabba d-deni Afrikan tal-ħnieżer fiż-żoni rurali, l-ekonomija rurali u l-ipproċessar agrikolu. Il-ħeffa li biha l-virus infirex għal-livell attwali tiegħu tista’ twassal għall-kollass tas-suq Ewropew tal-majjal u jċaħħad mijiet ta’ eluf ta’ bdiewa mis-sors ta’ dħul tagħhom. Din hija problema li m’għadhiex lokali jew reġjonali, iżda saret theddida pan-Ewropea. Il-marda attwalment hija preżenti f’bosta pajjiżi Ewropej:

    Il-Polonja (1 492 każ u tifqigħa waħda),

    Il-Litwanja (728 każ ta’ mard fiċ-ċingjali),

    Il-Latvja (286 każ),

    L-Estonja (150 każ),

    L-Ukrajna (26 każ, 22 tifqigħa fil-ħnieżer),

    L-Estonja (25 każ),

    L-Italja (24 każ, 2 tifqigħat),

    Ir-Rumanija (3 tifqigħat)

    * data mill-1 ta’ Jannar sal-15 ta’ April 2018;

    5.

    jemmen li l-għotja msemmija fl-Artikolu 5(3)(a) tar-Regolament (UE) Nru 652/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) għandha dejjem tammonta għal 100 %, f’każ li jiġi kkonfermat każ tad-deni Afrikan tal-ħnieżer, minħabba li l-marda hija theddida li għandha impatt kbir fuq is-saħħa pubblika u effetti ta’ tfixkil fuq l-ekonomija;

    6.

    jiġbed l-attenzjoni b’mod partikolari għall-ħtieġa ta’ kooperazzjoni transkonfinali fuq l-istess livell ta’ dik adottata fil-każ ta’ diżastri naturali; jirrimarka li l-problema tikkonċerna wkoll l-fruntieri esterni tal-UE, iżda jemmen li t-tisħiħ tal-kooperazzjoni transkonfinali huwa essenzjali u neċessarju. Il-Kumitat jinnota li hemm ħtieġa ulterjuri u kontinwa ta’ azzjoni flimkien bejn il-fruntieri biex tiġi stabbilizzata s-sitwazzjoni fil-pajjiżi ġirien tal-UE (il-Federazzjoni Russa, l-Ukrajna, il-Belarus, il-Moldova);

    7.

    jirrikonoxxi għadd ta’ riskji ekonomiċi u soċjali li jistgħu jiskattaw kaġun tad-deni Afrikan tal-ħnieżer. Flimkien mat-tħassib dwar is-saħħa pubblika u l-impatt fuq is-suq Ewropew tal-majjal, jistgħu jkunu affettwati fergħat oħrajn tal-ekonomija bħat-turiżmu, il-forestrija, l-ipproċessar tal-laħam u l-kummerċ. Id-deni Afrikan tal-ħnieżer jaffettwa wkoll l-immaġni tal-pajjiżi individwali, iżda anke tal-UE fl-intier tagħha;

    Il-miżuri proposti

    8.

    jilqa’ l-ħidma tal-Parlament Ewropew u tal-Kummissjoni Ewropea fil-ġlieda kontra d-deni Afrikan tal-ħnieżer fi ħdan il-perspettiva finanzjarja attwali, iżda jemmen li hemm il-ħtieġa li jiġu ppjanati riżorsi addizzjonali fil-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss, inkluż infiq sinifikanti fuq ir-riċerka xjentifika li għandu l-għan li jiżviluppa vaċċin effettiv kontra dan il-virus;

    9.

    jappella li tiġi allokata għotja transkonfinali speċjali li tiġġieled id-deni Afrikan tal-ħnieżer bħala parti minn proġetti li jitwettqu b’mod konġunt minn tal-anqas żewġ pajjiżi;

    10.

    jemmen li fil-livell tal-Istati Membri u fil-livell tal-Kummissjoni Ewropea, għandhom isiru diskussjonijiet intensivi mal-pajjiżi terzi msemmijin hawn fuq dwar azzjoni konġunta u koerenti fil-ġlieda kontra d-deni Afrikan tal-ħnieżer u li għandha tiġi kkunsidrata l-possibbiltà li dawn l-azzjonijiet jiġu appoġġjati permezz ta’ programmi transkonfinali dwar is-sikurezza tal-ikel. CORLEAP tista’ tkun forum xieraq biex jiġu diskussi azzjonijiet transfruntiera bħal dawn;

    11.

    jistieden u jħeġġeġ lill-partijiet interessati kollha:

    (a)

    l-awtoritajiet lokali u reġjonali,

    (b)

    il-kaċċaturi u l-bdiewa,

    (c)

    is-servizzi veterinarji,

    (d)

    l-awtoritajiet nazzjonali ta’ Stati Membri individwali,

    (e)

    il-midja

    biex jaqdu rwol attiv u dinamiku fil-proċess tal-ġlieda kontra d-deni Afrikan tal-ħnieżer fl-Ewropa taħt it-tmexxija tal-Kummissjoni Ewropea u l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA);

    12.

    jappella li jkun hemm aktar finanzjament għal attivitajiet edukattivi u informattivi fost il-partijiet interessati bil-għan li titqajjem kuxjenza pubblika dwar il-marda, dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontriha, peress li d-deni Afrikan tal-ħnieżer huwa theddida enormi għall-iżvilupp rurali, għall-ekonomija lokali u reġjonali, għall-ambjent, għall-biedja u, b’riżultat ta’ dan, għall-bnedmin u s-saħħa pubblika b’mod partikolari;

    13.

    iħeġġeġ lill-awtoritajiet lokali u reġjonali biex ixerrdu informazzjoni dwar l-applikazzjoni tad-diliġenza dovuta għall-prevenzjoni tat-tixrid tal-marda, u biex ikomplu jikkooperaw fil-promozzjoni tal-bijosigurtà, b’mod partikolari fl-azjendi agrikoli żgħar, u biex jieħdu aktar miżuri konġunti f’każ ta’ tifqigħa fiż-żoni tal-fruntiera. Din l-informazzjoni għandha tingħata lil kull min għandu l-ħnieżer u kwalunkwe persuna oħra li tiġi f’kuntatt maċ-ċingjali;

    14.

    jistieden lill-kaċċaturi jintensifikaw is-sorveljanza epidemjoloġika tal-fawna selvaġġa fiż-żona infettata u jżidu l-kaċċa fejn hemm ammont eċċessiv ta’ ċingjali. Il-Kumitat jirrikonoxxi li, minkejja li ma ntlaqatx mill-marda, in-nies – b’mod partikolari l-kaċċaturi – jistgħu jikkawżaw it-tixrid tal-mard permezz ta’:

    kwalunkwe kuntatt ma’ annimali infettati, annimali ħajjin jew mejtin (karkassi),

    kuntatt ma’ kwalunkwe ħaġa kkontaminata mill-virus (eż. ħwejjeġ, vetturi, tagħmir ieħor),

    it-tmigħ ta’ laħam jew prodotti tal-laħam minn annimali infettati (eż. zalzett jew laħam mhux imsajjar) jew skart li jkun fih laħam ikkontaminat (eż. skart tal-kċina, tmigħ ta’ swill, inkluż il-ġewwieni);

    15.

    jemmen li l-effikaċja tal-ġlieda kontra l-marda tiddependi primarjament mid-daqs tal-popolazzjoni taċ-ċingjali. Għalhekk għandha tittieħed azzjoni biex il-popolazzjoni taċ-ċingjali fir-reġjuni kkonċernati titnaqqas għal numri reġjonalment xierqa. Barra minn hekk, għandhom jiġu promossi programmi ta’ kooperazzjoni bejn is-settur agrikolu u dak ambjentali (ġestjoni tal-kaċċa, projbizzjoni ta’ għalf addizzjonali sakemm ma jkunux meħtieġa għall-kaċċa (għalf biex jattira l-annimali selvaġġi), prattiki agrikoli) adattati għas-sitwazzjoni speċifika ta’ kull Stat Membru;

    16.

    japprezza l-ħidma li saret s’issa mill-Kummissjoni Ewropea biex tiġġieled id-deni Afrikan tal-ħnieżer u fl-istess ħin jissuġġerixxi li l-KE qed tippjana aktar għotjiet, inkluż fil-programm ġdid Orizzont Ewropa, għall-azzjoni f’dan il-qasam, peress li s-sejħiet għal proposti kollha li jikkonċernaw id-deni Afrikan tal-ħnieżer fi ħdan il-programm Orizzont 2020 bħalissa huma magħluqin;

    17.

    jemmen li l-UE għandha tagħti appoġġ speċjali lill-irziezet affettwati mid-deni Afrikan tal-ħnieżer bil-modi li ġejjin:

    (a)

    ir-rimborż tal-valur ekwivalenti ta’ merħliet li ntremew, mingħajr l-impożizzjoni ta’ kundizzjonijiet addizzjonali,

    (b)

    l-applikazzjoni ta’ mekkaniżmu ta’ sussidju storiku għal perjodu ta’ ħames snin minn tmiem il-produzzjoni kaġun tad-depopolazzjoni tal-merħla,

    (c)

    l-assistenza finanzjarja biex l-irziezet jiġu orjentati mill-ġdid lejn żona oħra ta’ produzzjoni,

    (d)

    assistenza fl-implimentazzjoni tal-miżuri kollha ta’ bijosigurtà għal azjendi individwali li jkomplu jrabbu u jsemmnu l-ħnieżer, kif ukoll fil-każ ta’ piż finanzjarju f’każ ta’ kriżi bbażata fuq il-miżuri adottati (eż. spezzjonijiet, dispożizzjonijiet tat-trasport),

    (e)

    appoġġ fil-każ ta’ telf ta’ dħul għall-bdiewa li jrabbu u jżommu l-ħnieżer b’riżultat tal-instabbiltà tas-suq tal-laħam tal-majjal,

    (f)

    assistenza għall-azjendi agrikoli li jridu jżidu l-produzzjoni tal-ħnieżer bl-użu tal-bijosigurtà fl-azjendi agrikoli tagħhom,

    (g)

    appoġġ lil azjendi milquta minn restrizzjonijiet fir-rigward tal-produzzjoni tal-pjanti bħala riżultat tad-deni Afrikan tal-ħnieżer,

    (h)

    assistenza għal azjendi li wettqu l-qatla fl-azjenda u pproduċew fuq skala żgħira,

    (i)

    ir-rimi taċ-ċingjali mejtin kollha bi spiża għall-istat;

    18.

    jinsab imħasseb dwar it-tixrid ulterjuri tal-virus tad-deni Afrikan tal-ħnieżer u jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex tkompli l-isforzi tagħha biex tissorvelja u tevalwa l-azzjonijiet biex jiġi miġġieled id-deni Afrikan tal-ħnieżer fil-livell tal-UE bil-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali.

    Brussell, id-9 ta’ Ottubru 2019.

    Il-President

    tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

    Karl-Heinz LAMBERTZ


    (1)  ĠU L 189, 27.6.2014, p. 1.


    Top