This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52019IR0965
Opinion of the European Committee of the Regions — ‘A Sustainable Europe by 2030: Follow-up to the UN Sustainable Development Goals, ecological transition and the Paris Agreement on Climate Change’
Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — “Lejn Ewropa Sostenibbli sal-2030: Segwitu tal-Għanijiet tal-Iżvilupp Sostenibbli tan-NU, it-tranżizzjoni ekoloġika u l-Ftehim ta’ Pariġi dwar it-Tibdil fil-Klima”
Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — “Lejn Ewropa Sostenibbli sal-2030: Segwitu tal-Għanijiet tal-Iżvilupp Sostenibbli tan-NU, it-tranżizzjoni ekoloġika u l-Ftehim ta’ Pariġi dwar it-Tibdil fil-Klima”
ĠU C 39, 5.2.2020, pp. 27–32
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
|
5.2.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 39/27 |
Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — “Lejn Ewropa Sostenibbli sal-2030: Segwitu tal-Għanijiet tal-Iżvilupp Sostenibbli tan-NU, it-tranżizzjoni ekoloġika u l-Ftehim ta’ Pariġi dwar it-Tibdil fil-Klima”
(2020/C 39/06)
|
Relatur |
: |
Is-Sinjura Hertell (FI/PPE), Kunsillier tal-Belt ta’ Espoo |
|
Dokument ta’ referenza |
: |
Dokument ta’ Riflessjoni “Lejn Ewropa Sostenibbli sal-2030” (COM(2019) 22 final) |
RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA
Lejn Ewropa Sostenibbli sal-2030 — “M’hemmx Pjaneta B”
IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI
|
1. |
jenfasizza l-konklużjonijiet tal-Kunsill (1) dwar l-importanza tal-iżvilupp sostenibbli u l-interess qawwi tiegħu li jkompli jaqdi rwol ewlieni fl-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030, bħala prijorità ewlenija, għall-benefiċċju taċ-ċittadini tal-UE u l-benesseri tagħhom, u bħala element essenzjali għall-bini mill-ġdid u t-tisħiħ tal-kredibbiltà tal-UE fi ħdan l-Ewropa u globalment; |
|
2. |
jilqa’ b’sodisfazzjon id-dinamiżmu mġedded tad-dibattitu dwar politika ambizzjuża tal-UE fil-qasam tal-klima u l-proposta tal-“Patt Ekoloġiku Ewropew”, b’miri miżjuda tal-UE għall-2030, imħabbar mill-President eletta tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, u jistieden lill-Kummissjoni Ewropea l-ġdida biex tinvolvi lill-awtoritajiet lokali u reġjonali bħala msieħba reali għas-sostenibbiltà u l-azzjoni klimatika meta tiżviluppa l-Patt Ekoloġiku bil-miri tal-2050 dwar in-newtralità klimatika; |
|
3. |
jenfasizza l-importanza li tiġi definita strateġija Ewropea ġdida “Lejn Ewropa Sostenibbli sal-2030”, bħala bażi għal Futur Ewropew fuq terminu twil. Għalkemm l-Ewropa hija minn ta’ quddiem fis-sostenibbiltà, hija qed tiffaċċja sfidi globali kumplessi li l-Unjoni Ewropea jeħtiġilha tindirizza. Il-KtR huwa konvint li l-kisba ta’ Unjoni Ewropea sostenibbli, inkluż l-għan li tintlaħaq newtralità klimatika sal-2050, tirrikjedi bidliet fundamentali li għandhom ikunu bbażati fuq sforzi konġunti mil-livelli kollha ta’ gvern u mill-partijiet kollha tas-soċjetajiet tagħna; |
|
4. |
jenfasizza li l-pedamenti ewlenin ta’ politika għal futur sostenibbli u reżiljenti jinkludu tranżizzjoni deċiżiva għal ekonomija ċirkolari, inklużi ċikli ta’ materjali mhux tossiċi, impenn serju fil-konfront tan-newtralità u l-indirizzar tat-tibdil fil-klima, il-ħarsien tal-wirt naturali, il-bijodiversità u l-ekosistemi tagħna, is-sostenibbiltà tas-sistemi agrikoli u alimentari, il-koerenza u l-konsistenza bejn il-politika agrikola u l-politiki ambjentali u klimatiċi, kif ukoll setturi tal-enerġija, tal-bini u tal-mobbiltà sikuri u sostenibbli b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju, u huwa stmat din it-tranżizzjoni se toħloq aktar minn 200 miljun impjieg ġdid madwar id-dinja, b’valur ta’ aktar minn EUR 4 triljun sal-2030; |
|
5. |
jirrimarka l-importanza tal-persuni, it-teknoloġija ġdida, il-prodotti, is-servizzi, il-mudelli ta’ negozju ġodda, u l-appoġġ għan-negozji u l-finanzjament pubbliku u privat – u l-istrumenti “orizzontali” kollha ddefiniti mill-KE fl-implimentazzjoni ta’ Ewropa sostenibbli u reżiljenti sal-2030; |
|
6. |
ifakkar fl-importanza tar-rakkomandazzjonijiet tal-KtR dwar l-istrateġija fit-tul tal-UE għal Ewropa Sostenibbli sal-2030 (2) u s-suġġerimenti tal-Kummissjoni Ewropea dwar it-tisħiħ tal-istat tad-dritt, it-titjib tal-governanza tal-UE, koerenza politika aħjar għall-iżvilupp sostenibbli u r-rabta bejn l-approċċ ta’ regolamentazzjoni aħjar mas-sostenibbiltà; |
|
7. |
jikkjarifika li l-Aġenda 2030 tikkonsisti f’ħames pilastri: il-paċi, il-pjaneta, in-nies, il-prosperità u s-sħubija, iżda din l-Opinjoni se tiffoka fuq il-pilastru “il-pjaneta”, filwaqt li tistabbilixxi l-perspettiva strateġika li twitti t-triq lejn bliet u reġjuni Ewropej sostenibbli sal-2030; |
Lejn Ewropa Sostenibbli sal-2030: It-Triq għall-Bliet u r-Reġjuni
|
8. |
jilqa’ t-tranżizzjoni għal ekonomija effiċjenti fir-riżorsi, b’emissjonijiet baxxi tal-karbonju, newtrali għall-klima u bijodiversa, u jenfasizza l-urġenza li tittieħed azzjoni u l-ħtieġa li l-gvernijiet jiġu involuti fil-livelli kollha, l-atturi ekonomiċi, l-universitajiet, iċ-ċentri ta’ riċerka, is-soċjetà ċivili u ċ-ċittadini; |
|
9. |
jistieden lil dawk kollha li jieħdu d-deċiżjonijiet, fil-livelli kollha ta’ governanza, jirrikonoxxu r-rwol attiv u, f’ħafna każijiet, innovattiv tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, kull waħda fil-kapaċità tagħha ta’ kompetenzi, fl-ilħuq tal-miri peress li dawn jinsabu fuq quddiem nett u huma responsabbli għal 65 % tal-implimentazzjoni tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) fl-Ewropa; |
|
10. |
japprova l-evidenza eżistenti li l-miri u l-implimentazzjoni tal-SDGs ma jistgħux jinkisbu b’approċċ minn fuq għal isfel biss, li fuq kollox, l-attivitajiet minn isfel għal fuq huma meħtieġa b’mod kruċjali — ir-reġjuni, il-bliet u ċ-ċittadini kollha għandhom jiġu kkunsidrati bħala atturi attivi li jagħmlu l-bidla; |
|
11. |
ifakkar li l-implimentazzjoni tal-SDGs madwar l-Ewropa kollha teħtieġ approċċ komprensiv u sistemiku sabiex tiġi żgurata koerenza politika bejn id-dimensjonijiet differenti tal-SDGs; jenfasizza li l-SDGs huma kollha interrelatati u trasversali u li l-erba’ dimensjonijiet tal-iżvilupp sostenibbli, jiġifieri d-dimensjoni ekonomika, ekoloġika, soċjali u kulturali, huma kollha interkonnessi mill-qrib ma’ xulxin u se jkunu jirrikjedu bilanċjar bil-galbu; |
|
12. |
jenfasizza li sebgħa mis-17-il SDG (3) jistgħu jkunu relatati mat-tranżizzjoni ekoloġika u klimatika; jinnota f’dan il-kuntest li SDG Nru 11 dwar bliet u komunitajiet sostenibbli jindirizza direttament lill-awtoritajiet lokali u reġjonali u jinkludi miri importanti li jeħtieġu azzjoni politika u governanza f’diversi livelli; |
|
13. |
jirrimarka li l-bliet jikkontribwixxu għal f’70 % tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra dinjija, fejn il-gvernijiet lokali huma responsabbli għal aktar minn 70 % tal-miżuri għat-tnaqqis tat-tibdil fil-klima u sa 90 % ta’ azzjonijiet ta’ adattament għall-klima; |
|
14. |
jirrimarka li r-reġjuni u l-bliet huma mexxejja klimatiċi; jenfasizza l-ħtieġa għal kooperazzjoni f’diversi livelli u aktar deċentralizzazzjoni, u jistieden lill-UE tirrikonoxxi b’mod uffiċjali r-rwol attiv tal-awtorjitajiet lokali u reġjonali fl-abbozzar ta’ politiki u regolamenti dwar il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adatament għalih; itenni, għalhekk, l-appell tiegħu lill-Istati Membri biex jinkludu b’mod sħiħ lill-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-abbozzar tal-Pjani Nazzjonali Integrati għall-Enerġija u l-Klima (NECPs); |
|
15. |
jenfasizza li l-lokalizzazzjoni u “t-territorjalizzazzjoni” ta’ azzjonijiet ta’ żvilupp sostenibbli fil-politiki dwar il-klima, l-enerġija u l-ambjent huma kruċjali għall-kisba tal-miri tal-Aġenda 2030. Għaldaqstant, jappella għal aktar tisħiħ tas-sħubijiet Ewropej (4), tan-netwerks tal-bliet u r-reġjuni (5), bħall-Under2Coalition, tal-kooperazzjoni transfruntiera (6) u tal-pjattaformi sabiex jiġu żviluppati strateġiji komuni, jiġu kkoordinati l-azzjonijiet, jiġu implimentati strateġiji aktar effiċjenti u jinġabru flimkien ir-riżorsi, speċjalment fl-adattament għat-tibdil fil-klima u l-mitigazzjoni tiegħu, azzjonijiet ambjentali u l-preservazzjoni tal-bijodiversità; |
Ewropa Sostenibbli 2030: ekonomija ċirkolari, b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju, newtrali għall-klima u bijodiversa
|
16. |
jappella li l-politika tal-UE dwar it-tibdil fil-klima tkun olistika, u bbażata fuq approċċ sistemiku; jinnota li s’issa l-politiki spiss kienu frammentati fost is-setturi differenti u bejn żoni urbani u rurali u f’kategoriji differenti bħas-settur tal-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet (ETS), is-settur li ma jaqax taħt l-ETS u l-użu tal-art, it-tibdil fl-użu tal-art, u s-settur tal-forestrija (LULUCF); iħeġġeġ lir-reġjuni u l-bliet sabiex jixprunaw it-trażizzjoni gradwali għal mudell sistemiku ġdid u jmexxu ’l quddiem soluzzjonijiet komprensivi qabel l-2030; |
|
17. |
jappoġġja t-talba tal-Parlament Ewropew biex l-Istati Membri jdaħħlu fis-seħħ politiki u finanzjament adatti biex jitnaqqsu l-emissjonijiet b’mod effiċjenti; jenfasizza li l-infiq tal-UE mill-fondi rilevanti jista’ jipprovdi appoġġ addizzjonali fejn adatt (7); |
|
18. |
jappella li jkun hemm taħlita ta’ mekkaniżmi tas-suq xierqa, bidliet fit-tassazzjoni, inċentivi, rekwiżiti legali u impenji volontarji tas-setgħat pubbliċi fil-livell tal-Istati Membri u tal-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jiġi attirat investiment fit-tibdil fil-klima għas-settur li ma jaqax taħt l-ETS biex ikun hemm tnaqqis fl-emissjonijiet b’mod kosteffettiv; f’dan il-kuntest jistenna bil-ħerqa l-proposti mħabbra mill-President eletta tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, dwar Patt Ekoloġiku Ewropew u bank klimatiku Ewropew; |
|
19. |
jinsab konvint, madankollu, li minbarra l-ETS, miżuri effettivi biex jintemmu b’mod gradwali s-sussidji diretti u indiretti għall-fjuwils fossili (bħal pereżempju l-eżenzjonijiet mit-taxxa eżistenti għall-fjuwil tal-inġenji tal-ajru) huma meħtieġa sabiex jinħolqu kundizzjonijiet ekwi għall-enerġiji rinnovabbli, titħeġġeġ il-bidla fl-imġiba u jiġu ġġenerati r-riżorsi meħtieġa biex jappoġġjaw tranżizzjoni ġusta; f’dan il-kuntest, jilqa’ b’sodisfazzjon id-dibattitu li nediet il-President eletta tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, b’rabta mal-ipprezzar tal-karbonju u t-tariffi transfruntiera tal-karbonju; |
|
20. |
jissuġġerixxi inċentivi qawwija bbażati fuq is-suq biex jiġi attirat l-iżvilupp ta’ bjar ta’ karbonju ġodda u sostituzzjonijiet sostenibbli ta’ materjali b’impronta tal-karbonju kbira għal oħrajn b’impronta iżgħar, kif ukoll sforzi addizzjonali biex jappoġġjaw ir-riċerka u l-iżvilupp u b’hekk jiġu żviluppati aktar teknoloġiji ġodda għat-tnaqqis tas-CO2 u metodi ta’ kejl; |
|
21. |
jitlob li l-miri tal-klima tal-UE jsiru aktar stretti skont l-objettiv ta’ 1,5 °C tal-Grupp Intergovernattiv ta’ Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima f’livell li jista’ jiġi implimentat, u jipproponi li jiġi stabbilit baġit tal-karbonju għall-bqija tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra u li l-miri tal-2030 u tal-2040 jiġu riveduti u allinjati mal-mira ta’ newtralità għall-2050; jenfasizza l-importanza li jiġu żgurati l-ġustizzja soċjali u l-kompetittività tal-Istati Membri; |
|
22. |
jistieden lill-KE biex, f’kooperazzjoni mal-KtR, tagħti bidu għal studju matul il-Presidenza Finlandiża tal-UE dwar kif tista’ tiġi ppjanata u implimentata soluzzjoni sistemika għall-perjodu wara l-2030; |
|
23. |
iħeġġeġ lir-reġjuni u lill-bliet jixprunaw it-tranżizzjoni gradwali għall-mudell sistemiku l-ġdid u soluzzjonijiet ġodda pilota qabel l-2030; |
|
24. |
jinnota li l-effettività u l-kosteffiċjenza tal-azzjonijiet klimatiċi għandhom ikunu l-prinċipji ta’ gwida fl-iżvilupp ta’ soluzzjoni aktar sistemika għall-UE, inkluż permezz ta’ miżuri bħall-estensjoni u t-tisħiħ tas-sistema għall-iskambju tal-kwoti tal-emissjonijiet filwaqt li fl-istess ħin jittejbu l-lonġevità u l-prevedibbiltà tagħha; |
|
25. |
jirrimarka li t-twettiq tal-għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli u tal-għanijiet klimatiċi se jeħtieġu żieda sostanzjali fl-investimenti għal soluzzjonijiet nodfa. Pereżempju, jekk it-tnaqqis meħtieġ tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra sal-2050 kellu jkun aktar minn 90 %, l-investiment annwali nadif jeħtieġ li jiżdied bi tliet darbiet mil-livell attwali; |
|
26. |
jipproponi li tiġi estiża u msaħħa s-sistema għall-iskambju tal-kwoti tal-emissjonijiet għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima. Madankollu, jinnota li l-bilanċ tal-effiċjenza bejn l-ispejjeż u l-benefiċċji għandu jkun prinċipju ta’ gwida; |
|
27. |
jenfasizza l-importanza u l-influwenza tal-awtoritajiet lokali u reġjonali Ewropej, kif ukoll ir-rwol b’saħħtu taċ-ċittadini fil-livell globali permezz ta’ inizjattivi bħalma huma l-Patt Globali tas-Sindki għall-Klima u l-Enerġija u l-Pjattaforma tat-Tmexxija tal-Bliet tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU 25 + 5 fil-promozzjoni tal-iskambju tal-aħjar prattiki biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni tal-SDGs fil-livell lokali; |
|
28. |
jenfasizza li l-atturi lokali u ċ-ċittadini huma fl-aħjar pożizzjoni biex jissensibilizzaw l-opinjoni pubblika u jiġġieldu kontra t-tibdil fil-klima; jenfasizza wkoll li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom ir-responsabbiltà li jieħdu azzjoni sabiex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jgħixu f’konformità mal-SDGs, iżda wkoll li jappoġġjaw il-mobilizzazzjoni taċ-ċittadini biex jaħdmu favur il-miri; |
|
29. |
jimpenja ruħu li jwassal il-vuċi tal-awtoritajiet lokali u reġjonali f’fora internazzjonali li jmiss, bħalma huma l-COP25 tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC) u l-COP15 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-diversità bijoloġika favur qafas tal-bijodiversità globali integrat mal-SDGs għal wara l-2020, ambizzjuż, marbut mal-ħin u mmexxi mix-xjenza; jistieden lill-Partijiet japplikaw governanza f’diversi livelli li formalment tinkludi lill-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-ippjanar, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika, itenni t-talba tiegħu għal strateġiji komprensivi għal sensibilizzazzjoni koordinata u involviment fil-livelli kollha; |
Fid-dettall: ekonomija ċirkolari, b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju, newtrali għall-klima u bijodiversa, u tranżizzjoni soċjalment ġusta
|
30. |
huwa favur l-iżvilupp internazzjonali ta’ qafas ambizzjuż, marbut biż-żmien u xprunat mix-xjenza għal wara l-2020 dwar l-ekonomija ċirkolari u l-bijodiversità, li jkun allinjat u integrat mal-SDGs; |
|
31. |
jilqa’ b’sodisfazzjon il-progress li sar dan l-aħħar fl-UE fir-rigward tat-tranżizzjoni għal ekonomija ċirkolari, inkluż it-titjib fil-ġestjoni tal-iskart, iżda jinnota li l-oqfsa finanzjarji u regolatorji fil-livell Ewropew għad iridu jsiru aktar effettivi sabiex tinkiseb l-istrateġija tal-ekonomija ċirkolari; għalhekk jistieden lill-Kummissjoni Ewropea, bħal parti mill-pjan ta’ azzjoni ġdid li ħabbret dwar l-ekonomija ċirkolari, biex tressaq proposti konkreti għall-elementi nieqsa ta’ tali qafas koerenti, filwaqt li tikkunsidra kif imiss ir-rwol ċentrali tal-awtoritajiet lokali u reġjonali u, b’mod partikolari, proposti dwar setturi li jagħmlu użu intensiv mir-riżorsi, bħas-settur tal-kostruzzjoni, kif ukoll il-bidliet fid-disinn tal-prodotti. Huwa tal-fehma li l-benefiċċji soċjali tat-tranżizzjoni għal ekonomija ċirkolari għandhom jiġu enfasizzati b’mod aktar ċar; |
|
32. |
jilqa’ l-aġenda strateġika li jmiss tal-UE 2019-2024 (8) inkluż il-konsum u l-produzzjoni sostenibbli, il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u t-treġġigħ lura tad-degradazzjoni ambjentali, it-tranżizzjoni għal ekonomija ċirkolari aktar effiċjenti fir-riżorsi billi jiġu promossi t-tkabbir ekoloġiku, il-bijoekonomija u l-innovazzjoni sostenibbli, jiġu indirizzati s-sigurtà tal-enerġija u l-ispejjeż tal-enerġija għall-unitajiet domestiċi u għan-negozji; |
|
33. |
jitlob li jkun hemm approċċ olistiku bbażat fuq il-post fil-politika ambjentali permezz ta’ governanza f’diversi livelli, li ssaħħaħ ir-rwol tal-bliet u r-reġjuni, il-valutazzjoni tal-impatt u l-valutazzjoni ambjentali strateġika, ir-rappurtar ambjentali, l-aċċess għall-informazzjoni ambjentali u l-infurzar tal-liġi ambjentali; |
|
34. |
jenfasizza r-rwol fundamentali tar-reġjuni u l-bliet fit-tranżizzjoni għal ekonomija ċirkolari. “Ir-reġjuni ċirkolari” jeħtieġu approċċ integrat u olistiku, kif issostni l-Opinjoni tal-KtR dwar id-Direttiva dwar il-plastik li jintuza darba biss (9); |
|
35. |
jenfasizza l-urġenza li t-taħlita tal-enerġija nazzjonali fl-Istati Membri differenti tiġi adattata għar-rekwiżiti tal-istrateġija fit-tul ta’ dekarbonizzazzjoni; dan ifisser ukoll il-ħtieġa li jiżdied is-sehem ta’ enerġiji rinnovabbli f’livell akbar mill-mira miftiehma tal-UE li bħalissa hija ta’ 32 % sal-2030, speċjalment fl-enerġija ta’ karga bażika, sabiex jitnaqqsu b’mod drammatiku l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra; |
|
36. |
jistieden lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fis-settur pubbliku u dak industrijali biex iħaffu l-użu ta’ teknoloġiji strateġiċi ġodda tal-enerġija, il-Pjan SET tal-UE, fl-indirizzar tat-tibdil fil-klima billi jżidu r-rwol tal-konsumaturi permezz ta’ għarfien aħjar u l-użu ta’ grilji intelliġenti tal-enerġija; |
|
37. |
jenfasizza li t-tranżizzjonijiet tal-klima jirrikjedu investiment u innovazzjoni ekoloġiċi sinifikanti kemm b’rabta mal-art kif ukoll mal-baħar, li jippromovu aktar sinerġiji bejn is-sorsi ta’ finanzjament u rabtiet aktar b’saħħithom bejn il-finanzjament pubbliku u privat għall-ambjent; jilqa’ wkoll f’dan ir-rigward l-Opinjoni tal-KtR li tindirizza l-kwistjonijiet speċifiċi għar-reġjuni li huma dipendenti ħafna mill-fjuwils fossili (10); |
|
38. |
jitlob li kwalunkwe evalwazzjoni jew kontroll tal-idoneità, evalwazzjoni tal-leġislazzjoni ambjentali eżistenti dwar l-ilma, il-ħamrija, l-istorbju u l-kwalità tal-arja tinkludi wkoll enfasi fuq il-ħtieġa kruċjali li tittejjeb il-koerenza tal-politiki bil-għan li jintlaħqu l-SDGs billi tiġi promossa l-ekonomija ċirkolari, jitrawmu l-produzzjoni u l-konsum sostenibbli u jiġu indirizzati s-sustanzi niġġiesa emerġenti bħall-mikroplastiks, il-prodotti farmaċewtiċi u tal-kura personali, il-pestiċidi, il-prodotti sekondarji tad-diżinfezzjoni, u s-sustanzi kimiċi industrijali; |
|
39. |
jinsab imħasseb ħafna dwar l-emerġenza ekoloġika li llum qed tiffaċċja d-dinja, kif irrappurtat fil-Valutazzjoni Globali reċenti dwar il-Bijodiversità u s-Servizzi Ekosistemiċi; jenfasizza li t-telf tal-bijodiversità jipperikola l-possibbiltà ta’ ħafna pajjiżi li jilħqu l-SDGs u għalhekk iħeġġeġ lill-belt u lir-reġjuni jieħdu azzjoni immedjata u urġenti dwar l-inklużjoni tal-bijodiversità (11) f’oqsma ta’ politika settorjali differenti, inkluża l-agrikoltura kif ukoll l-iżvilupp urban u reġjonali, filwaqt li jiġio indikat b’mod ċar, anke fil-livell legalment vinkolanti, l-importanza ta’ miri marbutin mal-protezzjoni tal-bijodiversità; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa soluzzjonijiet innovattivi bbażati fuq in-natura u infrastrutturi ekoloġiċi żviluppati u implimentati fil-livell sottonazzjonali biex jiġu indirizzati t-telf tal-bijodiversità u t-tibdil fil-klima; |
|
40. |
jafferma mill-ġdid is-sejħa biex jitwaqqaf osservatorju Ewropew dwar in-Newtralità tal-Klima (12)u jenfasizza r-rwol attiv tal-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jiżviluppaw osservatorji għat-tibdil fil-klima; |
|
41. |
jitlob li tiġi adottata r-riformulazzjoni tad-Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb biex jiġi żgurat l-aċċess għall-ilma għal kulħadd, li jfisser li għandu jinżamm l-istat ekoloġiku tajjeb tal-massa tal-ilma, jitnaqqas ir-riskju għas-saħħa għal inqas minn 1 %, jitnaqqas il-konsum tal-ilma fil-fliexken, jiġu ffrankati l-flus, jitnaqqas l-iskart tal-plastik u l-emissjonijiet tas-CO2 fil-proċess; |
|
42. |
jitlob li r-riformulazzjoni tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma jkollha l-istess livell ta’ ambizzjoni, u saħanasitra jiżdied, biex b’hekk jiġi żgurat li l-mases tal-ilma jkunu ppreservati u rkuprati u li l-istatus tal-ekosistemi tal-ilma fl-UE jkun adegwat; |
|
43. |
itenni t-talba tiegħu li tittejjeb l-effettività tal-ġestjoni tal-ilma fl-UE billi jitwessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament tal-UE dwar ir-rekwiżiti minimi għall-użu mill-ġdid tal-ilma sabiex dan japplika mhux biss għall-irrigazzjoni agrikola, iżda wkoll għall-irrigazzjoni tal-ispazji ħodor f’żoni urbani bħal parks u żoni għal użu pubbliku (13); |
|
44. |
jirrimarka li l-Valutazzjonijiet tal-Impatt Territorjali kif appoġġjati mill-KtR jistgħu jkunu għodda siewja biex jiġi stmat l-impatt potenzjali u possibbilment divrenzjat ħafna tal-leġislazzjoni dwar it-tranżizzjoni klimatika, enerġetika u ekoloġika fir-reġjuni differenti fl-UE. F’dan il-kuntest, il-KtR jista’ jsaħħaħ il-kooperazzjoni tiegħu bl-għodod tal-valutazzjoni tal-impatt taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka biex ikompli jsaħħaħ l-azzjoni tiegħu fil-qasam; |
|
45. |
iqis li l-prinċipju tat-tranżizzjoni ġusta, jiġifieri li “ħadd ma jitħalla l-art”, huwa wieħed mill-prinċipji gwida għat-tranżizzjoni ekoloġika u klimatika, mil-lat soċjali, territorjali u politiku; F’dan il-kuntest, il-ġlieda kontra l-faqar enerġetiku għandha titqies bħala waħda mill-prijoritajiet meta jitfasslu politiki u programmi relatati mal-enerġija, u jiġu stabbiliti objettivi speċifiċi biex jitnaqqas sal-2030 u jinqered sal-2050 (14); |
|
46. |
jenfasizza l-importanza ewlenija tal-impenn miż-żgħażagħ. Kunsilli taż-żgħażagħ reġjonali u lokali u movimenti taż-żgħażagħ għandhom ikunu involuti fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politiki dwar il-klima u l-SDGs; |
|
47. |
jenfasizza li t-tranżizzjoni ekoloġika toħloq negozji ta’ kwalità u impjiegi fl-ekonomija ċirkolari, fis-setturi tal-enerġija nadifa, tal-ikel u tal-agrikoltura, u jistieden lill-UE żżid il-koerenza tal-objettivi klimatiċi permezz tal-politika ta’ koeżjoni, tal-Fond Soċjali Ewropew (FSE+) u InvestEU, filwaqt li tiżgura li l-implimentazzjoni tal-SDGs tiġi lokalizzata u reġjonalizzata; |
Miri, indikaturi u data
|
48. |
itenni li, fil-qafas ta’ strateġija komprensiva tal-UE dwar is-sostenibbiltà u l-istrateġiji tal-Istati Membri dwar is-sostenibbiltà għall-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030, jinħtieġu b’mod kruċjali stadji importanti tanġibbli miftiehma b’mod konġunt, indikaturi, u kejl fil-ħin reali tad-data relatata mat-tibdil fil-klima u mal-SDGs tal-muniċipalitajiet, il-bliet u r-reġjuni lokali biex jinkisbu l-miri ta’ sostenibbiltà ekonomika, ekoloġika, soċjali u kulturali; |
|
49. |
jenfasizza l-ħtieġa ta’ sensiela ta’ indikaturi ewlenin fil-livell lokali u reġjonali għall-Aġenda 2030, kif ukoll data robusta dwar il-klima fil-livell sottonazzjonali u l-importanza tal-użu ta’ teknoloġija ġdida bħall-intelliġenza artifiċjali biex jinxteħet dawl fuq l-azzjonijiet klimatiċi mill-komunitajiet lokali. F’dan ir-rigward, ifakkar fl-importanza li jsir l-aħjar użu mill-bażi tad-data tal-Patt tas-Sindki u mill-opportunità li jinħoloq pont bejn id-data lokali u reġjonali u l-Kontributi Stabbiliti fil-livell Nazzjonali permezz tal-istabbiliment ta’ Kontribut Stabbilit fil-livell Lokali; |
|
50. |
jinnota l-esperjenza preċedenti tal-bliet u r-reġjuni fl-iżvilupp ta’ indikaturi speċifiċi relatati mal-ambjent, mal-kwalità tal-ħajja u mal-benesseri taċ-ċittadini; huwa importanti li dawn ikunu mfassla apposta biex jissodisfaw il-ħtiġijiet lokali; |
|
51. |
jenfasizza li t-trasferiment tal-għarfien u l-ħolqien konġunt tal-għarfien, bejn il-pari, u l-attivitajiet ta’ ġemellaġġ u ta’ mentoring għandhom jiġu identifikati, promossi u ffinanzjati b’mod adegwat mill-UE; |
Azzjonijiet futuri
|
52. |
jimpenja ruħu li jġedded il-proċessi u l-prattiki tiegħu stess biex jappoġġja aħjar lill-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-lokalizzazzjoni u fl-implimentazzjoni tal-SDGs taħt l-Istrateġija ta’ Żvilupp Sostenibbli għall-UE kollha, u b’dan il-mod ikun qed jittratta t-talbiet taċ-ċittadini biex tittieħed aktar azzjoni u jkun hemm riżultati konkreti għall-indirizzar tat-tibdil fil-klima; |
|
53. |
jitlob li jissaħħaħ l-użu tas-sħubijijiet pubbliċi-privati, l-akkwist pubbliku ekoloġiku u l-implimentazzjoni ta’ proġetti pilota relatati mat-tranżizzjoni ekoloġika u mal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima; |
|
54. |
jinnota bi tħassib il-ftehimiet ta’ kummerċ ħieles tal-UE ma’ pajjiżi oħra u jisħaq li dawn it-trattati jikkonformaw mal-SDGs, mal-Ftehim ta’ Pariġi u mal-istandards ambjentali tal-UE; |
|
55. |
jenfasizza li, permezz tal-kapaċità tal-akkwist tagħhom biex jagħżlu l-oġġetti u l-fornituri tas-servizzi u tax-xogħol, l-awtoritajiet lokali u reġjonali jistgħu jagħtu kontribut sinifikanti għall-konsum sostenibbli u l-produzzjoni sostenibbli, għal ekonomija aktar effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u, b’hekk, għat-tilħiq tal-SDGs; |
|
56. |
jaqbel mal-għan tal-Aġenda 2030 li jinkisbu kundizzjonijiet u proċessi ambjentalment sostenibbli billi jissaħħu r-riżorsi naturali u l-protezzjoni tal-ekosistemi l-aktar fraġli, filwaqt li jfakkar fl-importanza tal-azzjonijiet sottonazzjonali u lokali relatati mal-ambjent u t-tibdil fil-klima f’konformità mal-Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp Sostenibbli. Jenfasizza l-kooperazzjoni deċentralizzata, is-sħubijiet b’diversi partijiet interessati, it-tagħlim u l-kondiviżjoni ta’ esperjenzi fil-proċess ta’ tnaqqis u rimedju għall-impronta tat-territorji f’termini ta’ konsum tar-riżorsi u tal-emissjonijiet tas-CO2; |
|
57. |
jilqa’ b’sodisfazzjon l-impenn tal-Parlament Ewropew rigward l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli u b’mod partikolari l-Manifest tal-Intergrupp dwar it-Tibdil fil-Klima, il-Bijodiversità u l-Iżvilupp Sostenibbli, u jappella għal kooperazzjoni produttiva mal-kumitati kompetenti u mal-Intergrupp matul il-mandat 2019-2024; |
|
58. |
jappella għall-integrazzjoni ta’ dawn ir-rakkomandazzjonijiet fil-ħidma futura tal-istituzzjonijiet tal-UE fil-mandat li jmiss, bil-kooperazzjoni tal-KtR. |
Brussell, it-8 ta’ Ottubru 2019.
Il-President
tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni
Karl-Heinz LAMBERTZ
(1) Il-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Ġenerali, “Lejn Unjoni dejjem aktar sostenibbli sal-2030”, 9.4.2019
(2) COR-2019-00239, L-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs): bażi għal strateġija fit-tul tal-UE għal Ewropa sostenibbli sal-2030, ECON-VI/044, relatur: Arnoldas Abramavičius (LT/PPE) (ĠU C 404, 29.11.2019, p. 16).
(3) Jiġi żgurat, sal-2030, aċċess għal kulħadd għal akkomodazzjoni sikura u affordabbli; trasport sikur, affordabbli, aċċessibbli u sostenibbli; tnaqqis sinifikanti ta’ mwiet minn esponiment għal riskji ta’ diżastri, tniġġis tal-arja u tal-ilma; kif ukoll il-miri orizzontali biex jitjieb l-involviment taċ-ċittadini fit-teħid tad-deċiżjonijiet, l-iżvilupp ta’ strateġiji għall-ippjanar integrat urban u rurali u l-integrazzjoni soċjali, il-ħarsien tal-wirt kulturali u t-tnaqqis tal-impatt ambjentali tal-bliet per capita;
(4) eż. EIT Climate KIC, Sħubijiet Ewropej għall-Innovazzjoni, Pjattaforma tal-Enerġija, Sħubijiet tal-Aġenda Urbana tal-UE u l-Patt tas-Sindki għall-Klima u l-Enerġija.
(5) eż. ERRIN, Eurocities, Climate Alliance u l-Patt tas-Sindki.
(6) Bħalma huma l-osservatorji transfruntiera għat-tibdil fil-klima tal-Alpi u l-Pirinej u, b’mod partikolari, ir-Raggruppamenti Ewropej ta’ Kooperazzjoni Territorjali (REKT).
(7) Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta’ Marzu 2019 dwar It-tibdil fil-klima — viżjoni strateġika Ewropea fit-tul għal ekonomija għanja, moderna, kompetittiva u newtrali għall-klima f’konformità mal-Ftehim ta’ Pariġi (2019/2582 (RSP) (għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).
(8) COM(2019)218 final “L-Ewropa f’Mejju 2019: Tħejjija għal Unjoni aktar magħquda, aktar b’saħħitha u aktar demokratika f’dinja dejjem aktar inċerta”
(9) COR-2018-03652 (ĠU C 461, 21.12.2018, p. 210).
(10) COR-2019-00617. Opinjoni dwar “L-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Pariġi permezz ta’ tranżizzjoni tal-enerġija innovattiva u sostenibbli fil-livell reġjonali u lokali”, relatur: Witold Stępień (PL/PPE) (ara paġna XXX ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).
(11) Programm tan-NU dwar l-Ambjent – Pjattaforma Intergovernattiva tal-Politika tax-Xjenza dwar il-Bijodiversità u s-Servizzi Ekosistemiċi (IPBES) fil-Valutazzjoni Globali reċenti dwar il-Bijodiversità u s-Servizzi Ekosistemiċi (mhux disponibbli bil-Malti).
(12) Kif jissemma fl-Opinjoni COR-2018-05736 dwar “Pjaneta Nadifa għal kulħadd – Viżjoni strateġika Ewropea fit-tul għal ekonomija għanja, moderna, kompetittiva u newtrali għall-klima”, ENVE-VI/037, relatur: Michele Emiliano (IT/PSE) (ĠU C 404, 29.11.2019, p. 58).
(13) COR-2019-03645. Opinjoni dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rekwiżiti minimi għall-użu mill-ġdid tal-ilma”, ENVE-VI/034, relatur: Oldřich Vlasák (CZ/KRE) (ĠU C 86, 7.3.2019, p. 353).
(14) Kif iddikjarat fl-Opinjoni COR-2018-05877 dwar “Il-governanza f’diversi livelli u l-kooperazzjoni transsettorjali fil-ġlieda kontra l-faqar enerġetiku”, ENVE-VI/038, relatur: Kata Tüttő (HU/PSE) (ĠU C 404, 29.11.2019, p. 53).