EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52019IP0036

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Jannar 2019 dwar ir-Rapport Annwali 2017 dwar il-kontroll tal-attivitajiet finanzjarji tal-BEI għall-2017 (2018/2151(INI))

ĠU C 411, 27.11.2020, p. 114–124 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

27.11.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 411/114


P8_TA(2019)0036

Rapport Annwali 2017 dwar il-kontroll tal-attivitajiet finanzjarji tal-Bank Ewropew tal-Investiment għall-2017

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Jannar 2019 dwar ir-Rapport Annwali 2017 dwar il-kontroll tal-attivitajiet finanzjarji tal-BEI għall-2017 (2018/2151(INI))

(2020/C 411/15)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-Rapport ta' Attività 2017 tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI),

wara li kkunsidra r-Rapport Finanzjarju 2017 u r-Rapport Statistiku 2017 tal-BEI,

wara li kkunsidra r-Rapport dwar is-Sostenibbiltà 2017, ir-Rapport dwar il-Valutazzjoni fuq 3 Pilastri għall-Operazzjonijiet tal-BEI fi ħdan l-UE u r-Rapport dwar ir-Riżultati barra l-UE tal-Bank Ewropew tal-Investiment 2017,

wara li kkunsidra r-rapporti annwali tal-Kumitat tal-Verifika għas-sena 2017,

wara li kkunsidra r-Rapport dwar l-implimentazzjoni tal-Politika ta' Trasparenza tal-BEI fl-2017 u r-Rapport dwar il-Governanza Korporattiva 2017,

wara li kkunsidra d-“Deċiżjoni tal-Ombudsman Ewropew fil-kawża 1316/2016/TN dwar l-allegati nuqqasijiet fil-Politika ta' Trasparenza tal-Bank Ewropew tal-Investiment (1)”,

wara li kkunsidra r-Rieżami tal-Mekkaniżmu tal-Ilmenti (CM) li tirriżulta mid-Deċiżjoni tal-Ombudsman Ewropew fil-kawża 1316/2016/TN dwar l-allegati nuqqasijiet fil-Politika ta' Trasparenza tal-Bank Ewropew tal-Investiment",

wara li kkunsidra r-Rapport ta' Attività 2017 tal-Uffiċċju tal-Uffiċjal Ewlieni għall-Konformità tal-BEI u r-Rapport ta' Attività 2017 tal-Grupp tal-BEI ta' Kontra l-Frodi,

wara li kkunsidra l-Pjan Operattiv tal-Grupp tal-BEI għall-2017-2019,

wara li kkunsidra l-Artikoli 3 u 9 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Artikoli 15, 126, 174, 175, 208, 209, 271, 308 u 309 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Protokoll Nru 5 tiegħu dwar l-Istatut tal-BEI u l-Protokoll Nru 28 tiegħu dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali,

wara li kkunsidra r-Regoli ta' Proċedura tal-Bank Ewropew tal-Investiment,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tas-27 ta' April 2017 dwar il-kontroll tal-attivitajiet finanzjarji tal-BEI għall-2015 – Rapport Annwali 2015 (2), tat-3 ta' Mejju 2018 dwar il-kontroll tal-attivitajiet finanzjarji tal-BEI għall-2016 – Rapport Annwali 2016 (3),

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 1080/2011/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2011 dwar il-Mandat Estern tal-BEI 2007-2013 (4) u d-Deċiżjoni Nru 466/2014/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 li tagħti garanzija tal-UE lill-Bank Ewropew tal-Investiment kontra telf minn operazzjonijiet ta' finanzjament li jappoġġaw proġetti ta' investiment barra mill-Unjoni Ewropea (5),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 2015/1017 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ġunju 2015 dwar il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi, iċ-Ċentru Ewropew ta' Konsulenza għall-Investimenti u l-Portal Ewropew ta' Proġetti ta' Investiment u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1291/2013 u (UE) Nru 1316/2013 – il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (6),

wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni tal-14 ta' Settembru 2016 fir-rigward tal-estensjoni tad-durata tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS) kif ukoll l-introduzzjoni ta' titjib tekniku għal dan il-Fond u għaċ-Ċentru Ewropew ta' Konsulenza għall-Investimenti (COM(2016)0597), (SWD(2016)0297) u (SWD(2016)0298),

wara li kkunsidra l-awditjar ad hoc ta' Ernst & Young tat-8 ta' Novembru 2016 dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2015/1017 (“ir-Regolament dwar il-FEIS”),

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tat-28 ta' Mejju 2018 dwar il-ġestjoni tal-fond ta' garanzija tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi fl-2017 (COM(2018)0345 final),

wara li kkunsidra r-rapport ta' evalwazzjoni tal-operazzjonijiet tal-BEI dwar l-evalwazzjoni tal-FEIS ta' Ġunju 2018,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tad-29 ta' Ġunju 2018 dwar ir-Rapport Komprensiv għall-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS) u l-funzjonament tal-fond ta' garanzija tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS) (COM(2018)0497),

wara li kkunsidra l-Ftehim Tripartitiku ta' Settembru 2016, bejn il-Kummissjoni Ewropea, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri u l-Bank Ewropew tal-Investiment,

wara li kkunsidra d-dokumenti ta' informazzjoni tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri dwar il-Futur tal-finanzi tal-UE: ir-riforma ta' kif jopera l-baġit tal-UE minn Frar 2018 u dwar il-proposta tal-Kummissjoni għall-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2021-2027 minn Lulju 2018,

wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll Baġitarju u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A8-0479/2018),

A.

billi l-missjoni tal-BEI hija li jikkontribwixxi lejn l-integrazzjoni, l-iżvilupp bilanċjat u l-koeżjoni ekonomika u soċjali tal-Istati Membri billi jżid volumi sostanzjali ta' fondi fuq is-swieq kapitali u billi jislef dawn il-fondi b'termini favorevoli għal proġetti li jkomplu l-għanijiet ta' politika tal-UE;

B.

billi l-BEI huwa fil-qalba tal-isforzi ta' rkupru ekonomiku fil-livell tal-Unjoni, b'żewġ żidiet suċċessivi fil-kapital u permezz tar-rwol ċentrali tiegħu fl-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Investiment għall-Ewropa bil-ġestjoni tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS);

C.

billi l-BEI għandu jikkontribwixxi għat-tkabbir inklużiv, l-impjiegi sostenibbli u ta' kwalità u t-tnaqqis tal-inugwaljanzi;

D.

billi valutazzjoni regolari u dettaljata tal-ħtiġijiet f'diversi setturi hija essenzjali biex jiġu identifikati d-diskrepanzi u l-ostakli għall-investiment f'reġjuni differenti, iżda wkoll għall-identifikazzjoni ta' ġabra ta' opportunitajiet b'potenzjal għat-tkabbir u l-impjiegi, għal aktar kontribuzzjonijiet għall-għanijiet tal-Ftehim ta' Pariġi tal-2015 u l-kalibrazzjoni adegwata tan-natura u d-daqs tal-fallimenti tas-suq li jiddependu fuq l-esternalitajiet, il-ħtiġijiet tal-iżvilupp settorjali u territorjali eżistenti;

E.

billi r-rwol tal-BEI li jservi ta' lieva għall-fondi pubbliċi huwa essenzjali biex l-Unjoni tkun kapaċi twieġeb u tadatta għal xejriet u riskji ekonomiċi u ambjentali ġodda u inċertezzi ġeopolitiċi filwaqt li ttejjeb u ssaħħaħ is-sorveljanza tar-riskju tal-Grupp tal-BEI u l-ġestjoni tar-riskju prudenzjali;

F.

billi l-Grupp tal-BEI ra bidla ċara fin-natura, il-volum, il-profil tar-riskju u l-kumplessità tan-negozju tiegħu matul dawn l-aħħar snin taħt il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (“FEIS”), b'tendenza lejn għadd dejjem akbar ta' operazzjonijiet iżgħar appoġġati mill-garanzija tal-UE taħt il-FEIS, kif ukoll minn żieda sinifikanti tal-mandati ġestiti f'isem il-Kummissjoni Ewropea u fl-għoti ta' servizzi ta' konsulenza;

G.

billi l-bażi kapitali tal-BEI, l-adegwatezza u l-kapaċità ta' self futur se jħossu l-impatt tal-Brexit;

H.

billi l-BEI għandu jagħti valur miżjud bl-ogħla livell ta' integrità, governanza tajba, u speċjalment fid-dawl tas-sejbiet tal-Ombudsman fid-“Deċiżjoni fil-kawża 1316/2016/TN dwar l-allegati nuqqasijiet fil-Politika ta' Trasparenza tal-Bank Ewropew tal-Investiment (7)”, l-ogħla livell ta' trasparenza u obbligu ta' rendikont, kif ukoll jimxi skont l-Aħjar Prattika Bankarja applikabbli;

I.

billi l-ġlieda kontra l-forom kollha ta' ħasil tal-flus, ta' finanzjament tat-terroriżmu u ta' prattiki dannużi tat-taxxa għandhom jibqgħu prijorità kostanti tal-BEI;

J.

billi fil-31 ta' Diċembru 2017, l-azzjonisti tal-Fond Ewropew tal-Investiment (FEI) kienu jinkludu l-BEI (58,5 %), l-Unjoni rappreżentata mill-Kummissjoni Ewropea (29,7 %) u 32 istituzzjoni finanzjarja (11,8 %); billi l-maġġoranza tal-operazzjonijiet tal-FEI huma attwalment iffinanzjati taħt ftehimiet ta' Mandat speċifiċi ma' partijiet terzi;

Ir-rwol tal-BEI biex jiżgura investiment pubbliku strateġiku li jżid il-valur

1.

Jirrimarka li l-investiment pubbliku għadu meħtieġ sabiex jingħalqu d-diskrepanzi fl-investiment f'diversi setturi li jkunu għadhom taħt il-livelli ta' qabel il-kriżi f'ħafna Stati Membri vulnerabbli u f'pajjiżi ta' koeżjoni biex dawn ikomplu jirkupraw mill-impatt tal-kriżi u biex tingħata spinta lit-tkabbir, l-impjiegi u l-koeżjoni fl-Unjoni fuq terminu twil u b'mod sostenibbli;

2.

Jinnota li t-total tal-kapital sottoskritt tal-BEI huwa ta' EUR 243 biljun; jinnota li l-azzjonisti tal-BEI jinkludu l-Istati Membri kollha u li, minbarra l-kapital imħallas, l-Istati Membri jimpenjaw ruħhom ukoll li jipprovdu kapital addizzjonali fuq talba; jindika li l-akbar erba' azzjonisti huma l-Ġermanja, Franza, l-Italja u r-Renju Unit, b'kull wieħed minnhom responsabbli għal EUR 39,14 biljun u 16,11 % tat-total;

3.

Jinnota li, skont l-istrateġija operattiva tiegħu, il-BEI għandu l-għan li jappoġġa l-objettivi strateġiċi Ewropej, bħat-tisħiħ tal-kompetittività tal-UE u t-tkabbir ekonomiku fit-tul u l-ħolqien tal-impjiegi, jiffaċilita l-aċċess għall-finanzi għall-impriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs), jipproteġi l-ambjent u jrawwem it-tranżizzjoni tal-enerġija billi jiffinanzja l-adattament għall-klima u l-proġetti ta' mitigazzjoni, jindirizza l-kriżi tal-impjiegi li qiegħda tiffaċċja l-ġenerazzjoni żagħżugħa tal-UE, jappoġġa proġetti ta' infrastruttura u jgħin fil-mitigazzjoni tal-kawżi tal-migrazzjoni;

4.

Iqis li l-BEI għandu rwol finanzjarju rilevanti, li jista' jġib riżultati konsiderevoli fit-tnaqqis tal-inugwaljanzi fl-Unjoni u jistieden lill-BEI jiffoka fuq l-investimenti li jikkontribwixxu għall-għanijiet tal-Ftehim ta' Pariġi tal-2015 u jsaħħu l-kompetittività u l-ugwaljanza tal-opportunitajiet u li jappoġġaw il-politika ta' koeżjoni f'reġjuni inqas żviluppati;

5.

Jistieden lill-BEI jkompli jnaqqas id-diskrepanzi rikorrenti fl-investiment u l-fallimenti strutturali tas-suq li għadhom għaddejjin billi jfassil infiq olistiku u f'terminu medju, filwaqt li jiffaċilita l-kofinanzjament fil-livell nazzjonali u l-pjanijiet ta' investiment, inter alia, lejn ir-reġjuni u l-lokalitajiet tal-Unjoni li huma kkaratterizzati minn dħul baxx u li qed jiffaċċjaw aktar ostakli għall-investiment;

6.

Jisħaq li l-enfasi tal-prijoritajiet tal-BEI fil-Pjan ta' Azzjoni 2017-2019 għandha tkun fuq l-implimentazzjoni effettiva tal-objettivi tal-istrateġija Ewropa 2020 għal żvilupp intelliġenti u sostenibbli;

7.

Jissottolinja l-fatt li l-kundizzjonijiet tas-self tal-BEI għandhom jiffaċilitaw l-iżvilupp tar-reġjuni periferiċi tal-UE permezz tal-promozzjoni tat-tkabbir u tal-impjiegi; jappella lill-BEI jsaħħaħ b'mod konsiderevoli l-arranġamenti għall-għoti ta' assistenza teknika u għarfien espert finanzjarju lill-awtoritajiet lokali u reġjonali qabel ma jiġu approvati l-proġetti, sabiex titjieb l-aċċessibbiltà u jiġi żgurat li l-Istati Membri kollha jiġu involuti, speċjalment dawk b'rata aktar baxxa ta' suċċess għall-approvazzjoni ta' proġetti;

8.

Iħeġġeġ lill-BEI jsawwar finanzjament jew għażliet ta' finanzjament sostenibbli u ambjent ta' investiment favorevoli li jirrifletti l-għanijiet politiċi u l-impenji tal-Unjoni, bil-ħsieb li jitrawmu l-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali u l-innovazzjoni fl-Unjoni, kif ukoll tissaħħaħ id-dimensjoni soċjali u ambjentali tal-investiment tal-BEI bit-tnaqqis tad-diskrepanza fl-investiment fis-settur soċjali u fir-rigward tas-sikurezza tal-infrastruttura; jistieden lill-BEI biex iqis, fil-każ ta' proġetti infrastrutturali fuq skala kbira, ir-riskji rilevanti kollha tal-impatt ambjentali u biex jiffinanzja biss dawk li wrew valur miżjud veru għall-popolazzjoni lokali u mil-lat ambjentali, soċjali u ekonomiku; jenfasizza l-importanza ta' monitoraġġ strett tar-riskji possibbli ta' korruzzjoni u frodi f'dan il-kuntest u li jitwettqu valutazzjonijiet ex ante u ex post bir-reqqa fir-rigward tal-proġetti li għandhom jiġu ffinanzjati;

9.

Iħeġġeġ lill-BEI jinforma kontinwament lill-partijiet ikkonċernati dwar il-potenzjalitajiet finanzjarji u jipprovdi servizzi ta' konsulenza adegwati meta jkun hemm bżonn minkejja li l-istrumenti tal-BEI huma mmexxija mid-domanda;

10.

Jisħaq li fil-qafas tan-negozjati li għaddejjin bħalissa dwar il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea, iridu jitfasslu arranġamenti dettaljati dwar l-obbligi kollha tar-Renju Unit lejn il-BEI sabiex jiġi żgurat li ma tiġix affettwata l-kapaċità tal-BEI li jilħaq l-objettivi tiegħu;

L-ixprunar tal-investiment f'oqsma strateġiċi ewlenin

11.

Jinnota li, skont ir-Rapport Finanzjarju tal-BEI għall-2017, is-self iffirmat tal-Bank għall-2017 ammonta għal EUR 69,9 biljun (EUR 62,6 biljun fi ħdan l-UE u EUR 7,3 biljun barra mill-UE) li huwa ammont aktar baxx meta mqabbel mal-aħħar 5 snin (2013–2016) minħabba li jaqa' taħt is-EUR 70 biljun, minkejja li jinsab fil-limitu ta' flessibilità ta' 10 % previst fil-Pjan Operattiv tal-BEI, u jinnota wkoll l-istabbiltà u l-kwalità tal-portafoll tas-self b'0,3 % f'kuntratti ta' self indeboliti meta mqabbla ma' dik tal-2016;

12.

Jinnota li l-Unjoni Ewropea tipprovdi garanzija lill-BEI u li dan huwa normali fil-każ ta' istituzzjonijiet finanzjarji maħtura mill-Istati Membri biex jgħinu sabiex jintlaħqu l-miri pubbliċi; jindika, madankollu, li s-sitwazzjoni tirrikjedi l-aktar politiki responsabbli dwar il-kreditu sabiex il-fondi jintefqu b'mod effikaċi għall-Unjoni kollha, għall-Istati Membri tagħha u għall-interess pubbliku; jappella lill-BEI, li jopera fi ħdan mandat għall-iżvilupp, biex jiżgura konformità aħjar mal-għanijiet tal-politika ambjentali u soċjali tiegħu u l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-NU, inkluż fi proġetti kofinanzjati jew kontribuzzjonijiet għall-fondi ta' investiment u fondi ta' ekwità privata;

13.

Itenni t-tħassib tiegħu li nofs l-Istati Membri rċevew 80 % tal-investiment totali tal-BEI fl-UE filwaqt li l-14-il Stat Membru l-ieħor irċevew 10 % biss minn dan l-investiment; itenni wkoll li tliet Stati Membri individwalment irċevew 16 %, 15 % u 11 % rispettivament; jitlob lill-Bank jinkludi fir-rapportar tiegħu informazzjoni dwar l-investiment tiegħu f'reġjuni b'introjtu baxx u dawk b'introjtu għoli skont l-Istħarriġ ta' Investiment tiegħu stess (EIBIS) u fir-rigward tal-effett potenzjali biex jingħelbu l-lakuni u l-ostakoli għall-investiment f'reġjuni inqas favorevoli fl-UE;

14.

Jistieden lill-BEI biex jerġa' jeżamina l-estimi tiegħu ta' investimenti per capita u l-klassifikazzjoni tal-Istati Membri kif xieraq, peress li ċ-ċifri aġġornati jidhru li jindikaw gradazzjoni li ġeneralment tikkorrispondi għall-klassifikazzjoni skont somom assoluti rċevuti mill-Istati Membri;

15.

Jinnota barra minn hekk li, skont ir-Rapport Annwali tal-FEI għall-2017, fl-2017 il-FEI ffirma tranżazzjonijiet li jammontaw għal EUR 9,3 biljun, meta mqabbel ma' EUR 9,45 biljun fl-2016, li kellhom effett ta' lieva fuq il-EUR 35,4 biljun ta' finanzjament biex jiġu appoġġati l-SMEs u l-kumpaniji b'kapitalizzazzjoni medja fl-Ewropa;

16.

Jieħu nota tal-finanzjament tal-Grupp tal-BEI kemm ġewwa kif ukoll barra l-UE fl-2017 b'appoġġ għall-għanijiet tal-politika pubblika tiegħu, li ammontaw rispettivament għal (i) EUR 13,8 biljun għall-innovazzjoni u l-ħiliet, (ii) EUR 18-il biljun għall-infrastruttura, (iii) EUR 16,7 biljun għall-proġetti relatati mal-ambjent u (iv) EUR 29,6 biljun għall-SMEs u l-kumpaniji b'kapitalizzazzjoni medja; jissottolinja l-fatt li minħabba l-impatt u l-importanza tagħhom għall-ekonomiji l-investimenti kemm lokali kif ukoll nazzjonali, fl-SMEs, fi start-ups, fir-riċerka, fl-innovazzjoni, fl-ekonomija diġitali u fl-effiċjenza fl-użu tal-enerġija huma essenzjali għall-irkupru ekonomiku fl-UE u għall-promozzjoni tal-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità;

17.

Jinnota li fl-2017 il-volum ta' self tal-BEI fl-Unjoni ammonta għal EUR 18,24 biljun għall-objettiv orizzontali ta' koeżjoni ekonomika u soċjali u l-Bank laħaq 29,6 % mill-investiment fil-mira ta' 30 % għal dan l-objettiv;

18.

Jinnota li l-BEI impenja 25 % tal-finanzjament totali tiegħu għal proġetti relatati mat-tibdil fil-klima, impenn li sal-2020 jitla' għal 35 %; jindika li din it-tendenza għandha tiġi vvalutata b'mod pożittiv filwaqt li jinnota li l-proġetti appoġġati għandhom ikunu effettivi mhux biss fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima iżda wkoll minn perspettiva finanzjarja;

19.

Jinnota li fl-Unjoni, EUR 16,58 biljun kienu ddedikati għall-objettiv orizzontali tal-azzjoni klimatika li permezz tiegħu l-BEI kkontribwixxa għall-allinjament mal-Ftehim ta' Pariġi tal-2015 u mal-iżvilupp sostenibbli globali; iħeġġeġ lill-BEI jżomm livell għoli ta' ambizzjoni f'dak il-qasam;

20.

Jilqa' l-impenn tal-BEI li jallinja l-operazzjonijiet tiegħu mal-Ftehim ta' Pariġi tal-2015 sal-2020; fid-dawl tar-Rapport IPPC riċenti, jistieden lill-BEI biex jirrevedi l-istrateġija klimatika tiegħu sabiex jallinjaha mal-perkors tat-tisħin globali ta' 1,5 oC;

21.

Iħeġġeġ lill-BEI biex isaħħaħ il-preżenza u l-attivitajiet tiegħu fil-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, billi huma strateġikament importanti għall-UE u jirrimarka li t-tisħiħ tal-attivitajiet ta' kreditu u investiment fir-reġjun huwa kruċjali;

22.

Jinnota r-reviżjoni kontinwa tal-Kriterji dwar is-Self għall-Enerġija tal-BEI; jistenna li din ir-reviżjoni tkun allinjata mal-Ftehim ta' Pariġi tal-2015; itenni t-talba lill-BEI biex jagħti prijorità lis-self tiegħu lil RES deċentralizzati fuq skala żgħira u effiċjenti fl-enerġija u biex jippreżenta pjan ambizzjuż biex iwaqqaf il-finanzjament tal-proġetti tal-karburanti fossili; jistieden lill-BEI jimmira li jsir mexxej tal-azzjoni klimatika u jżid l-investiment fis-settur tal-enerġija rinnovabbli u tal-effiċjenza tal-enerġija, kif ukoll li jikkunsidra dak l-għan bħala prijorità fir-reviżjoni tal-kriterji tiegħu ta' self tal-enerġija;

23.

Jilqa', f'dan il-kuntest, ir-rwol tal-BEI fil-ħruġ ta' bonds ta' sensibilizzazzjoni dwar il-klima (jew EUR 4,29 biljun meta mqabbel ma' EUR 3,8 biljun fl-2016), li jikkorrispondu għall-involviment tal-azzjoni klimatika tal-bank biex jiżdiedu l-investimenti fl-effiċjenza tal-enerġija u fl-enerġija rinnovabbli fuq skala żgħira b'impatti lokali u reġjonali msaħħa;

24.

Huwa tal-fehma li l-BEI għandu jkompli jsaħħaħ ir-rwol tiegħu biex jgħin ħalli jinkiseb żvilupp sostenibbli u li l-azzjoni klimatika għandha tiffoka prinċipalment fuq it-trasport u l-produzzjoni ta' enerġija nadifa, fuq it-tnaqqis tal-konsum tal-enerġija (għat-tisħin, it-trasport u l-produzzjoni), fuq il-produzzjoni industrijali nadifa u fuq il-biedja sostenibbli u t-trattament u l-provvista tal-ilma, u fuq it-tranżizzjoni ambjentali b'mod ġenerali;

25.

Ifakkar li l-SMEs huma s-sinsla tal-ekonomija Ewropea u għalhekk jappella lill-BEI biex inaqqas id-distakkta' nuqqas ta' aċċess tal-SMEs għall-kreditu billi jtejjeb il-programmi eżistenti, bħall-Faċilità Ewropea ta' Mikrofinanzjament Progress u billi jżid il-finanzjament allokat lilhom; jappella għall-istabbiliment ta' rekwiżiti ta' politika aktar proattivi għall-SMEs u l-mikrointrapriżi fir-rigward tal-banek intermedjarji li jiżborżaw il-fondi tal-BEI;

26.

Jindika li l-BEI, meta jipprovdi appoġġ lill-kumpaniji tal-UE barra mill-pajjiż, għandu jqis kif xieraq l-istrateġija kummerċjali tal-UE, inkluż il-kummerċ ħieles, is-servizzi u l-ftehimiet ta' investiment eżistenti u futuri; jindika li, f'dak il-kuntest, il-BEI għandu jqis b'mod partikolari r-rekwiżiti tal-internazzjonalizzazzjoni tal-SMEs Ewropej;

27.

Jindika li parti mill-attività globali tas-self tal-BEI hija ddedikata għall-operazzjonijiet barra mill-Unjoni; jinnota li jrid ikun hemm koordinazzjoni mill-qrib u komplementarjetà bejn l-attivitajiet ta' self estern tal-BEI u l-Pjan ta' Investiment Estern tal-UE;

28.

Jirrikonoxxi l-isforzi tal-BEI biex jikkontribwixxi għall-għanijiet ta' żvilupp sostenibbli u biex jindirizza l-isfidi globali relatati mal-migrazzjoni; inkluż bit-tnedija ta' bonds ta' għarfien dwar is-sostenibbiltà biex jiġi ffinanzjat is-17-il għan ta' żvilupp sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti;

Il-prestazzjoni tal-operazzjonijiet finanzjarji tal-BEI

29.

Jinnota b'sodisfazzjon il-konklużjoni tal-Kumitat tal-Verifika li d-Dikjarazzjonijiet Finanzjarji adottati mill-Bord tad-Diretturi tal-BEI jippreżentaw stampa vera u ġusta tal-pożizzjoni finanzjarja tal-Bank fil-31 ta' Diċembru 2017 u tar-riżultati tal-operazzjonijiet u tal-flussi tal-flus tiegħu għall-2017 f'konformità mal-qafas tal-kontabbiltà applikabbli;

30.

Itenni, madankollu, it-talba tiegħu dwar ir-rapport annwali tal-BEI u jitlob li l-BEI jippreżenta rapport tal-attività annwali aktar komprensiv, dettaljat u armonizzat u jtejjeb b'mod sinifikanti l-preżentazzjoni tal-informazzjoni billi jinkludi tqassim dettaljat u affidabbli tal-investimenti approvati, iffirmati u mħallsa għal sena partikolari u s-sorsi ta' finanzjament involuti (riżorsi proprji, FEIS, programmi tal-UE ġestiti b'mod ċentrali, eċċ), kif ukoll informazzjoni dwar il-benefiċjarji (l-Istati Membri, is-settur pubbliku jew privat, intermedjarji jew riċevituri diretti), is-setturi appoġġati, u r-riżultati ta' evalwazzjonijiet ex post;

31.

Jieħu nota tal-volum ta' attivitajiet speċjali ġodda ffirmati mill-Bank fl-2017, li jikkorrispondu għal proġetti bi profil ta' riskju ogħla, b'ammont ta' EUR 18-il biljun (2016: EUR 13,1 biljun) li minnhom EUR 2,7 biljun kienu jaqgħu bħala riskju proprju tal-BEI u l-EUR 15,3 biljun li jifdal kienu koperti mill-mitigazzjoni tar-riskju tal-kreditu tal-portafoll;

32.

Jieħu nota tar-riżultati rrappurtati ta' 26 proġett mitmum fl-2017 barra mill-UE, li għalihom il-valutazzjoni permezz ta' qafas ta' kejl tar-riżultati (REM) għal interventi esterni tippermetti l-valutazzjoni tar-riżultati mhux biss kif mistennija, iżda kif miksuba; josserva, madankollu, li fir-rigward tal-attivitajiet fi ħdan l-UE, l-informazzjoni hija ppreżentata esklussivament fuq l-impatt potenzjali u r-riżultati mistennija tal-operazzjonijiet ġodda ffirmati fl-2017 abbażi tal-għodda tal-valutazzjoni bi tliet pilastri (3PA); itenni t-talba tiegħu lill-Bank biex jinkludi informazzjoni dwar ir-riżultati miksuba minn proġetti kkompletati fl-UE u biex jadatta t-3PA jekk ikun meħtieġ għal dan il-għan;

33.

Jemmen li hemm bżonn li jiġu approfonditi l-kriterji tal-verifika tal-livell ta' addizzjonalità tal-BEI biex jiġi orjentat aħjar il-finanzjament tiegħu, biex jiġi evitat irduppjar tal-objettivi u biex jinstabu s-sinerġiji kollha possibbli kull fejn ikun possibbli;

34.

Iħeġġeġ it-trawwim tal-kultura tal-prestazzjoni fi ħdan il-BEI b'titjib gradwali b'mod partikolari biex jiġu limitati l-indikaturi ta' prestazzjoni trasversali dwar l-impatt tal-operazzjonijiet ewlenin tal-BEI;

35.

Jistieden lill-BEI jressaq b'mod regolari provi tas-sostenibbiltà tal-eżiti, tal-impatti u tar-riżultati b'indikaturi rilevanti u aġġornati; jemmen li t-titjib tal-adegwatezza u r-rilevanza tal-indikaturi fit-tabella ta' valutazzjoni huma kruċjali mhux biss biex jintwera sens ta' portata tar-riżultati u tal-impatt, iżda biex jinstabu modi biex isir intervent li jkun dejjem aktar effettiv;

36.

Huwa tal-fehma li, lil hinn mil-livell effettiv ta' investiment, għandha ssir ħidma fuq id-durabilità, jiġifieri fuq il-kapaċità ta' proġett li jżomm il-benefiċċji tiegħu fit-tul taħt forma ambjentali, finanzjarja, ekonomika jew soċjali (diretta jew le) wara li l-proġett ikun tlesta;

37.

Jilqa' l-adozzjoni tal-BEI tal-politika ta' esklużjoni approvata f'Diċembru 2017 u jitlob li dak l-istrument jintuża b'mod rigoruż sabiex jiġu esklużi mill-finanzjament tal-BEI l-klijenti involuti fi prattiki korrotti jew frodi;

Żvilupp tal-FEIS

38.

Jinnota li, sa tmiem l-2017, il-grupp tal-BEI (il-BEI u l-FEI) iffirma 606 operazzjoni taħt il-FEIS għal finanzjament totali ta' EUR 37,4 biljun u li dawn l-operazzjonijiet huma mistennija li jimmobilizzaw investimenti ta' EUR 207,3 biljun fit-28 Stati Membri u fost l-objettivi kollha stabbiliti fir-Regolament tal-FEIS bid-distribuzzjoni li ġejja għas-setturi ewlenin: 30 % għall-SMEs, 24 % għar-RŻI, 21 % għas-settur tal-enerġija, 10 % għaż-żona diġitali, 8 % għat-trasport, 4 % għall-infrastruttura soċjali u 4 % għall-ambjent u l-effiċjenza tar-riżorsi; iħeġġeġ lill-BEI biex jimminimizza l-investimenti tiegħu f'setturi u proġetti li jużaw ħafna karbonju u biex iżid is-sehem tiegħu ta' investimenti għat-titjib tal-ambjenti u l-effiċjenza tar-riżorsi;

39.

Jinnota li mill-31 ta' Diċembru 2017, taħt it-Tieqa għall-Infrastruttura u l-Innovazzjoni (IIW), il-BEI kien iffirma 278 operazzjoni għal finanzjament totali ta' EUR 27,4 biljun, li huma mistennija li jimmobilizzaw investimenti ta' EUR 131,4 biljun f'27 Stat Membru, kif ukoll li taħt it-Tieqa għall-SMEs (SMEW), il-FEI kien iffirma operazzjonijiet ma' 305 intermedjarju finanzjarju għal total ta' finanzjament tal-FEI ta' kważi EUR 10 biljun, li huma mistennija li jimmobilizzaw investiment ta' EUR 76 biljun fit-28 Stat Membru tal-UE; josserva li, sa tmiem l-2017, total ta' 135 785 kumpanija kienu diġà rċevew finanzjament mill-FEIS appoġġati taħt l-SMEW u nħolqu jew ġew appoġġati 1,5 miljun impjieg;

40.

Itenni li l-investiment attwali mobilizzat mill-FEIS jista' jitkejjel biss fi tmiem il-perjodu ta' investiment filwaqt li jitqies li l-effett multiplikatur globali stmat ta' 606 tranżazzjoni approvati u ffirmati taħt il-FEIS fi tmiem l-2017 huwa ta' 13,53x, kemxejn inqas mis-suppożizzjoni u l-mira inizjali ta' 15x meta tnieda l-FEIS; jinnota li l-informazzjoni dwar kif il-multiplikaturi tal-parametru referenzjarju ġew derivati bħalissa hija mifruxa fost is-servizzi kollha tal-BEI u jirrakkomanda li din l-informazzjoni kollha tinġabar f'dokument għalih waħdu;

41.

Josserva li ma saret l-ebda talba għal garanziji fuq il-baġit tal-Unjoni minħabba operazzjonijiet ta' inadempjenza;

42.

Jinnota li l-limiti ta' konċentrazzjoni ġeografika indikattivi stabbiliti mill-Bord ta' Tmexxija tal-FEIS, li jesiġu li fi tmiem il-perjodu ta' investiment, is-sehem tal-investiment tal-IIW (f'termini ta' operazzjonijiet iffirmati) fi kwalunkwe tliet Stati Membri flimkien ma jaqbiżx il-45 % tal-portafoll totali tal-FEIS, ma ġewx rispettati peress li sal-31 ta' Diċembru 2017 it-tliet Stati Membri bl-ogħla volum ta' firem (Franza, l-Italja u Spanja) ammontaw għal madwar 47 % tal-volum iffirmat; jirrimarka li għad hemm lok għal titjib fit-twessigħ tad-distribuzzjoni territorjali tal-fondi tal-FEIS filwaqt li jiġu disseminati wkoll b'mod usa' l-opportunitajiet ta' investiment tiegħu;

43.

Jieħu nota tal-evalwazzjoni tal-FEIS u tas-sejbiet tagħha li l-operazzjonijiet ta' attività speċjali tal-FEIS u dawk mhux tal-FEIS għandhom profil tar-riskju simili, kif ukoll li l-kombinazzjoni bejn il-FEIS u l-FSIE u l-għotjiet tas-CEF tibqa' limitata filwaqt li hemm riskju li l-FEIS jeskludi l-istrumenti finanzjarji tal-FSIE; jistenna li n-nuqqasijiet u r-riskji identifikati mill-evalwazzjoni tal-FEIS jitneħħew mal-implimentazzjoni tal-FEIS 2.0;

44.

Jilqa' t-titjib fit-trasparenza bil-pubblikazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-kumitat ta' investiment tal-FEIS u d-dokumenti adottati mill-Bord ta' Tmexxija flimkien mal-minuti tal-laqgħat;

45.

Iħeġġeġ sinerġija aħjar bejn il-FEIS u l-banek promozzjonali nazzjonali peress li l-koordinazzjoni mal-NPBs hija sforz rikorrenti li jista' jikkontribwixxi għall-effikaċja tal-FEIS;

Id-Drittijiet tal-Bniedem

46.

Jistieden lill-BEI jistabbilixxi Strateġija għad-Drittijiet tal-Bniedem u jtejjeb id-diliġenza dovuta tiegħu fil-livell tal-proġett biex jidentifika u jindirizza r-riskji relatati mad-drittijiet tal-bniedem fl-attivitajiet kollha tiegħu u tul il-ħajja tal-proġetti tiegħu; jistieden ukoll lill-BEI biex iwaqqaf mekkaniżmu effettiv li bih id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem ikunu jistgħu javżaw lill-bank b'mod sigur dwar l-ambjent li qed jiddeterjora jew ir-riskji ta' kunflitt u tpattija;

It-tisħiħ tat-trasparenza u r-responsabbiltà fil-governanza u l-attivitajiet korporattivi tal-BEI

47.

Jieħu nota tal-osservazzjonijiet tal-Kumitat tal-Verifika fir-Rapport Annwali tiegħu lill-Bord tal-Gvernaturi għas-sena finanzjarja 2017 rigward:

(a)

l-importanza li jiġu żgurati s-saħħa finanzjarja u s-sostenibbiltà tal-BEI fuq terminu twil u li tinżamm il-klassifikazzjoni AAA tiegħu f'ambjent ta' inċertezza ġeopolitika, ta' politika ekonomika, ta' żviluppi regolatorji u makroekonomiċi inċerti;

(b)

il-ħtieġa li jsir rieżami u titjib tal-ambjent ta' Kontroll Intern u ta' Ġestjoni tar-Riskju tal-Grupp tal-BEI fid-dawl tad-daqs li qed jinbidel u l-kumplessità li qed tevolvi tal-attivitajiet tal-Grupp tal-BEI;

(c)

il-ħtieġa li tinkiseb l-implimentazzjoni sħiħa tal-aħjar prattiki bankarji inkluż f'oqsma fejn għad hemm lakuni ta' konformità mifruxa;

(d)

il-ħtieġa li titwettaq analiżi komprensiva u li mbagħad tiġġedded l-approvazzjoni tal-kreditu u l-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet relatati mal-BEI, peress li l-proċess ta' evalwazzjoni u ta' approvazzjoni tas-self u l-ambjent ta' kontroll rispettiv ma jidhirx li kapaċi jlaħħqu mal-ħtiġijiet attwali tan-negozju u din hi evidenza ta' pressjoni fuq is-servizzi;

48.

Jikkondividi bis-sħiħ id-dispjaċir tal-Kumitat tal-Verifika li l-BEI għadu ma għamilx progress biex jindirizza t-tħassib espress fi tliet snin konsekuttivi (2015, 2016 u 2017) dwar il-kombinament eżistenti ta' responsabbiltajiet bejn ċerti membri tal-Kumitat ta' Tmexxija; jaqbel bis-sħiħ u jappoġġa r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat tal-Verifika li l-Membri kollha tal-Kumitat ta' Tmexxija tal-BEI għandhom ikunu jistgħu jaġixxu b'mod oġġettiv, kritiku u indipendenti, u li l-kombinazzjonijiet mhux ortodossi ta' responsabilitajiet, bħar-responsabilità għas-sorveljanza kemm tal-ewwel kif ukoll tat-tieni linja ta' attivitajiet ta' difiża, għandhom jieqfu;

49.

Jitlob lill-BEI, f'dan ir-rigward, biex iqis b'mod serju din ir-rakkomandazzjoni u biex jiżgura diviżjoni ċara tar-responsabbiltajiet fil-livell tal-Kumitat ta' Tmexxija; jilqa' r-riforma mibdija biex tinbidel l-istruttura ta' governanza tal-BEI;

50.

Jistieden lill-BEI jagħlaq id-diskrepanzi eżistenti fil-qafas tal-aħjar prattika bankarja applikabbli u jistenna li dan il-qafas isir kompletament operattiv fl-2008 peress li l-implimentazzjoni tiegħu titqies bħala prekundizzjoni biex jiġu ppreservati s-saħħa u l-istabbiltà finanzjarja tal-BEI;

51.

Jinsab imħasseb dwar il-konklużjoni tal-Kumitat tal-Verifika li l-espansjoni rapida tal-attivitajiet tal-BEI u l-kapaċità relatata mal-implimentazzjoni tal-FEIS, ta' mandati ġestiti f'isem partijiet terzi u l-għoti ta' servizzi ta' konsulenza mhux bilfors kienu akkumpanjati minn adattamenti rilevanti fl-istruttura jew fil-proċessi tan-negozju; jinnota li fl-2017 il-Kumitat tal-Verifika jżomm ħamsa mir-rakkomandazzjonijiet tiegħu mill-2015 u l-2016 relatati mal-kontroll intern u l-ambjent tar-riskju; jistieden lill-BEI jimplimenta dawn ir-rakkomandazzjonijiet bħala kwistjoni ta' prijorità u jiżgura li l-proċessi interni, iċ-ċibersigurtà u l-ġestjoni tar-riskji jissodisfaw talbiet u sfidi ġodda u li qed jiżdiedu għall-Grupp tal-BEI;

52.

Iqis li l-BEI għandu jżid it-trasparenza tiegħu, mhux biss lejn il-Parlament Ewropew iżda wkoll lejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri; jemmen li huwa ġust li r-rappreżentanti demokratiċi għandu jkollhom aktar informazzjoni dwar l-attivitajiet tal-BEI;

53.

Iqis li hemm lok għal titjib fit-trasparenza kemm fil-livell tal-korpi governattivi kif ukoll fil-livell operattiv; itenni l-ħtieġa li jiġu żvelati sistematikament skedi 3PA u REM; jitlob li tiġi żvelata wkoll informazzjoni mhux kunfidenzjali mill-minuti tal-laqgħat tal-Kumitat ta' Tmexxija u tal-Bord tal-Gvernaturi; japprezza l-fatt li l-BEI fl-2017 beda jippubblika l-minuti tal-Bord tad-Diretturi tal-BEI, id-dikjarazzjoni tal-kunflitti ta' interess tad-direttur u ċerta informazzjoni dwar il-proġetti, fosthom il-valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali;

54.

Itenni li t-trasparenza, diliġenza dovuta b'saħħitha u l-kontroll fl-implimentazzjoni tal-politiki tal-UE mhux biss iwasslu għat-tisħiħ tar-responsabbiltà u tar-responsabbiltà korporattiva ġenerali tal-BEI, b'ħarsa ġenerali ċara lejn it-tip ta' intermedjarji finanzjarji u benefiċjarji finali abbażi ta' diliġenza dovuta bir-reqqa u politika ta' “Kun af il-Klijenti Tiegħek”, iżda jikkontribwixxu wkoll għat-tisħiħ tal-effikaċja u s-sostenibbiltà ġenerali tal-proġetti ffinanzjati;

55.

Itenni t-talba tiegħu lill-BEI biex jestendi l-informazzjoni ppubblikata għall-proġetti implimentati permezz ta' intermedjarji billi jinkludi informazzjoni dwar proġetti finali li jistgħu jippermettu l-valutazzjoni tal-impatt ekonomiku u soċjali tal-investimenti tiegħu;

56.

Ifakkar li l-proċess ta' governanza għandu jqis aħjar ir-riżultati tad-djalogu jew tal-konsultazzjoni mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jew ta' interess jew tħassib speċifiku mill-atturi lokali u reġjonali bil-għan li jippermetti teħid ta' deċiżjonijiet demokratiku aktar informat u leġittimu;

57.

Jinsab imħasseb dwar is-sejbiet stabbiliti fir-rapport annwali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri, li skonthom ġew skoperti difetti serji rigward il-Fond Ewropew tal-Investiment: il-Qorti tal-Awdituri tindika irregolarità regolatorja fejn l-awtoritajiet tal-awditjar tal-Istati Membri kienu obbligati jivverifikaw l-inizjattivi tal-SMEs iżda ma kellhomx id-dritt, skont il-leġiżlazzjoni fis-seħħ, li jwettqu verifiki fuq il-post;

58.

Fit-30 investiment eżaminati mill-Qorti tal-Awdituri, l-intermedjarji finanzjarji kienu approvaw self lil ħames riċevituri mingħajr ma kkonfermaw l-istatus ta' SME tagħhom; dawn il-proġetti ma kinux meqjusa eliġibbli mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri, filwaqt li erba' selfiet oħra ttieħdu mill-benefiċjarji jew parzjalment jew kollha kemm huma għal attivitajiet mhux eliġibbli;

59.

Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-problemi mikxufa mill-Qorti tal-Awdituri, fit-teorija, ġew solvuti bir-Regolament Finanzjarju emendat; jistieden lill-BEI biex ikopri kwistjonijiet marbuta mad-difetti regolatorji fir-rapport annwali tiegħu li jmiss u jiżgura li r-Regolament Finanzjarju emendat jippermetti lill-awtoritajiet tal-verifika tal-Istati Membri jwettqu verifiki anke fil-livell tal-benefiċjarju finali;

60.

Jilqa' l-adozzjoni tal-Approċċ Interim għall-politika tal-BEI lejn ġurisdizzjonijiet regolati b'mod dgħajjef, mhux trasparenti u mhux kooperattivi (NCJ), adottati mill-Bord tad-Diretturi f'Jannar 2017, iżda jistenna li dan għandu jwassal għar-reviżjoni ta' din il-politika sabiex titjieb id-diliġenza dovuta tal-BEI fis-self estern tiegħu fil-qafas rivedut tal-grupp tal-BEI AML-CFT;

61.

Jistieden lill-BEI jwettaq diliġenza dovuta korporattiva u ta' integrità xierqa biex jidentifika s-sidien benefiċjarji veri tal-klijenti u l-operazzjonijiet kollha tiegħu kif ukoll ta' kumpaniji li fihom isir investiment aħħari meta jkunu involuti investimenti tal-BEI fil-fondi ta' ekwità; jistieden lill-BEI biex jiżvela, fuq is-sit web tiegħu stess, data dwar is-sjieda benefiċjarja relatata mal-klijenti tiegħu sabiex iżid il-viżibbiltà tal-operazzjonijiet tiegħu u jgħin biex jiġu evitati każijiet ta' korruzzjoni u kunflitti ta' interess;

62.

Jistieden lill-BEI, f'konformità mal-konklużjonijiet tal-Kunsill adottati fil-25 ta' Mejju 2018 dwar id-dispożizzjoni standard tal-UE dwar il-governanza tajba fi kwistjonijiet ta' taxxa għal ftehimiet ma' pajjiżi terzi, biex tissaħħaħ ir-rabta bejn il-finanzjament tal-BEI u l-governanza tajba fil-qasam tat-taxxa; jemmen li l-BEI għandu jikkontribwixxi aktar għall-iżvilupp tal-aħjar prattiki għal tassazzjoni ġusta billi jiġġieled kontra l-evażjoni tat-taxxa u l-evitar tat-taxxa; jistieden lill-BEI jadotta politika ta' tassazzjoni responsabbli li tiżgura li l-BEI ma jiffinanzjax klijenti involuti fi skemi ta' evitar tat-taxxa u ta' evażjoni tat-taxxa jew li joperaw permezz ta' rifuġji fiskali; jitlob lill-BEI jinkludi dispożizzjoni u klawżoli standard dwar governanza tajba fil-kuntratti tiegħu mal-intermedjarji finanzjarji kollha magħżula;

63.

Jenfasizza li l-Mandat ta' Self Estern rivedut tal-BEI jagħmilha ċara li l-lista sewda tal-UE hija vinkolanti għall-Bank, u li l-operazzjonijiet tal-BEI ma għandhomx jappoġġaw proġetti li jikkontribwixxu għall-ħasil tal-flus, il-finanzjament tat-terroriżmu, l-evitar tat-taxxa, il-frodi tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa;

64.

Jinnota li fi tmiem l-2017, il-BEI kellu 136 każ ta' frodi taħt investigazzjoni, it-tliet tipi prinċipali ta' allegazzjonijiet ikunu frodi bi 53,7 %, korruzzjoni b'25,5 % u kollużjoni b'10,7 %;

65.

Jinnota li l-fondi tal-BEI ntużaw minn kumpaniji involuti fl-Iskandlu tal-Emissjonijiet, speċifikament Volkswagen, u li għaldaqstant jaf intużaw biex jiffinanzjaw attivitajiet mhux etiċi u illegali;

66.

Jinnota li n-numru ta' ilmenti ġodda ammissibbli żdied minn 84 fl-2016 għal ammont rekord ġdid ta' 102 fl-2017 u li 173 ilment ġew ittrattati fl-2017; jieħu nota li 38 mill-ilmenti li waslu fl-2017 huma relatati biss ma' żewġ proġetti ta' investiment tal-BEI: il-Pipeline Trans-Adrijatiku u l-Mombasa Port Access Road fil-Kenja;

67.

Jinnota r-reviżjoni tal-politika tal-Mekkaniżmu tal-Ilmenti tal-BEI u l-inklużjoni tal-eżempji mogħtija mill-Ombudsman Ewropew għad-definizzjoni ta' amministrazzjoni ħażina, li tinkludi forom ta' amministrazzjoni ħażina jew falluta bħal irregolaritajiet amministrattivi, diskriminazzjoni illegali, rifjuti mhux ġustifikati ta' informazzjoni, abbuż ta' poter u dewmien bla bżonn, madankollu, jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-bqija tal-eżitu tar-reviżjoni;

68.

Jiddispjaċih li l-BEI ma ħax inkunsiderazzjoni t-tħassib tal-Parlament fir-rigward tar-reviżjoni tal-Mekkaniżmu tal-Ilmenti tal-BEI espress fil-paragrafu 86 tar-Riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta' Mejju 2018 dwar ir-Rapport annwali dwar il-kontroll tal-attivitajiet finanzjarji tal-BEI għall-2016; jinsab imħasseb ħafna li l-Mekkaniżmu tal-Ilmenti approvat u rivedut joħloq riskju serju għall-indipendenza tiegħu u għat-trasparenza tal-investigazzjonijiet u l-konklużjonijiet tiegħu; jistieden lill-BEI jiżgura li l-Kap tal-Mekkaniżmu tal-Ilmenti tal-BEI jkun kapaċi jieħu d-deċiżjonijiet kollha dwar l-ammissibbiltà u l-eliġibbiltà tal-ilment, indipendentement mis-servizzi l-oħra tal-BEI, u li l-proċeduri ta' reklutaġġ għall-Kap tal-Mekkaniżmu tal-Ilmenti (CM) isiru aktar trasparenti;

69.

Jieħu nota tad-Deċiżjoni tal-Ombudsman fil-kawżż 1316/2016 TN dwar allegazzjonijiet fil-politika ta' trasparenza tal-BEI mit-23 ta' Mejju 2018 u jistieden lill-Bank jimplimenta t-titjib issuġġerit mill-Ombudsman dwar it-tneħħija tal-preżunzjoni ta' nuqqas ta' divulgazzjoni relatata ma' dokumenti miġbura u ġġenerati matul l-ispezzjonijiet, l-investigazzjonijiet u l-awditi, kif ukoll l-abbozzar mill-ġdid ta' dispożizzjonijiet rilevanti tal-politika ta' Trasparenza tiegħu relatata ma' self intermedjat u skadenzi biex jiġu ttrattati t-talbiet għall-informazzjoni;

70.

Ifakkar fil-ħtieġa li jiġu pprovduti regoli aktar stretti dwar il-kunflitti ta' interess u għal kriterji ċari, stretti u trasparenti għall-prevenzjoni ta' kwalunkwe forma ta' influwenza jew ta' nuqqas ta' oġġettività fil-mekkaniżmu ta' attribuzzjoni ta' self; itenni l-fatt li l-BEI jrid jirrevedi l-Kodiċi ta' Kondotta malajr kemm jista' jkun sabiex jiżgura li l-Viċi Presidenti ma jkunux inkarigati mill-operazzjonijiet li jseħħu fl-Istati Membri tad-domiċilju tagħhom, peress li dan jipperikola l-indipendenza tal-istituzzjoni; jistieden lill-BEI, f'dan ir-rigward, jipprevjeni b'mod aħjar il-kunflitti ta' interess fil-korpi governattivi tiegħu u kwistjonijiet potenzjali ta' “revolving door”, biex jikkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman u jirrevedi l-Kodiċi ta' Kondotta tiegħu malajr kemm jista' jkun;

71.

Jistenna li l-politika ta' protezzjoni tal-informaturi tal-BEI, li bħalissa qed tiġi riveduta, tkun ambizzjuża u tipprovdi standards għoljin; iħeġġeġ lill-BEI biex jinkludi f'dik ir-reviżjoni kemm informaturi interni kif ukoll esterni u biex jistabbilixxi proċeduri ċari u definiti sew, skedi ta' żmien u linji gwida sabiex jipprovdi lill-informaturi bl-aħjar gwida u jipproteġihom minn kwalunkwe ritaljazzjoni possibbli;

Skrutinju tal-Parlament Ewropew

72.

Jappoġġa l-pożizzjoni tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri li l-Qorti għandha tingħata mandat biex tivverifika l-operazzjonijiet kollha tal-BEI inklużi dawk fejn il-BEI juża fondi tal-baġit mhux tal-UE għall-operazzjonijiet tiegħu;

73.

Jistieden lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tiegħu biex jorganizza sessjoni ta' ħidma/seduta ta' smigħ annwali dwar attivitajiet u kontroll tal-operazzjonijiet tal-BEI li jipprovdu lill-Parlament b'informazzjoni rilevanti addizzjonali biex jappoġġa l-ħidma tiegħu dwar l-iskrutinju tal-BEI u l-operazzjonijiet tiegħu;

Segwitu għar-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament

74.

Itenni t-talba tiegħu lill-BEI biex jirrapporta dwar is-sitwazzjoni attwali u l-istatus tar-rakkomandazzjonijiet preċedenti maħruġa mill-Parlament fir-riżoluzzjonijiet annwali tiegħu, b'mod speċjali fir-rigward:

(a)

tal-impatt tal-attivitajiet ta' self tiegħu u r-riżultati miksuba;

(b)

tal-prevenzjoni tal-kunflitti ta' interess, speċjalment tal-membri tal-Kumitat tal-Investiment tal-FEIS u l-Bord tad-Diretturi tal-BEI u l-integrazzjoni ta' regoli aktar stretti dwar il-kunflitti ta' interess fil-Kodiċi ta' Kondotta rilevanti u speċjalment ta' dak tal-Kumitat ta' Tmexxija u tal-Bord tad-Diretturi;

(c)

tat-trasparenza u l-iżvelar ta' informazzjoni dwar is-sistema ta' kuntrattar u ta' sottokuntrattar fir-rigward ta' intermedjarji u riċevituri finali dwar il-prevenzjoni tal-evitar tat-taxxa, il-frodi u l-korruzzjoni;

o

o o

75.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)  https://www.ombudsman.europa.eu/en/decision/en/95520

(2)  ĠU C 298, 23.8.2018, p. 80.

(3)  Testi adottati, P8_TA(2018)0198.

(4)  ĠU L 280, 27.10.2011, p. 1.

(5)  ĠU L 135, 8.5.2014, p. 1.

(6)  ĠU L 169, 1.7.2015, p. 1.

(7)  https://www.ombudsman.europa.eu/en/decision/en/95520


Top