Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52019DC0635

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar l-implimentazzjoni tal-programmi tal-apikultura

    COM/2019/635 final

    Brussell, 17.12.2019

    COM(2019) 635 final

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

    dwar l-implimentazzjoni tal-programmi tal-apikultura


     

    Werrej

    1.INTRODUZZJONI

    2.METODOLOĠIJA

    3.DESKRIZZJONI TAS-SETTUR TAL-APIKULTURA TAL-UE

    3.1Produzzjoni u prezzijiet

    3.2Kummerċ

    4.IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMMI NAZZJONALI TAL-APIKULTURA

    4.1Bażi ġuridika

    4.2Objettivi u Miżuri

    4.3Baġit tal-Unjoni għall-programmi nazzjonali tal-apikultura u r-rata tal-użu

    4.4Allokazzjoni tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni għal kull Stat Membru

    4.5Nefqa mġarrba skont it-tip ta’ miżuri

    5.METODI BIEX JIĠI DDETERMINAT L-GĦADD TAL-KAXXI TAN-NAĦAL

    6.APIKULTURA FIL-POLITIKA AGRIKOLA KOMUNI WARA L-2020

    7.KONKLUŻJONI

    1.    INTRODUZZJONI

    Minkejja li tista’ tidher żgħira meta mqabbla ma’ setturi agrikoli oħra, l-apikultura taqdi rwol importanti: minbarra li tipprovdi l-għasel u prodotti oħra tal-apikultura, din tikkontribwixxi għad-dakkir tal-għelejjel, tal-frott, tal-pjanti selvaġġi, eċċ. Hemm diversi għodod disponibbli fil-Politika Agrikola Komuni (PAK) biex jiġi appoġġjat is-settur tal-apikultura, filwaqt li waħda minnhom hija l-programmi tal-apikultura, stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 1 (l-OKS).

    Skont l-Artikolu 225(a) tal-OKS, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill kull tliet snin dwar l-implimentazzjoni tal-miżuri li jikkonċernaw is-settur tal-apikultura kif stabbiliti fl-Artikoli 55, 56 u 57, inkluż dwar l-aħħar żviluppi fir-rigward tas-sistemi għall-identifikazzjoni tal-kaxxi tan-naħal. Dan ir-rapport huwa skont dik id-dispożizzjoni. Mhuwiex akkumpanjat minn proposta legali.

    Dan ir-rapport ikopri s-snin tal-apikultura bejn l-2017 u l-2019, filwaqt li jikkorrispondi għall-perjodu ta’ żmien bejn l-1 ta’ Awwissu 2016 u l-31 ta’ Lulju 2019. Dawn huma l-ewwel snin tal-apikultura fejn applikaw miżuri ġodda. Ir-rapport jinkludi informazzjoni rċevuta fir-rigward ta’ snin preċedenti tal-apikultura, kif ukoll programmi maħsuba għas-snin tal-apikultura bejn l-2020 u l-2022, innotifikati lill-Kummissjoni sal-15 ta’ Marzu 2019.

    Dan huwa s-seba’ rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-programmi tal-apikultura. Ir-rapport ma jinkludix l-elementi kollha rilevanti għat-trobbija tan-naħal, iżda jiffoka fuq l-implimentazzjoni tal-programmi tal-apikultura. Madankollu, dan jagħti wkoll ħarsa ġenerali qasira lejn is-settur tal-apikultura fl-UE u jippreżenta fil-qosor il-proposta tal-Kummissjoni għas-settur tal-apikultura għall-Politika Agrikola Komuni futura.

    L-UE ilha mill-1997 2 tappoġġja direttament lis-settur tat-trobbija tan-naħal, filwaqt li tagħti lill-Istati Membri l-possibbiltà li jfasslu programmi nazzjonali għas-settur tal-apikultura tagħhom. L-objettiv ta' dawn il-programmi huwa li jittejbu l-kundizzjonijiet ġenerali għall-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tal-apikultura fl-Unjoni: l-għasel, il-ħalib tan-naħal, l-għabra tad-dakra, iż-żaftur u x-xama’ tan-naħal.

    Il-programmi tal-apikultura huma kkofinanzjati mill-Unjoni Ewropea b’rata ta’ 50 % u jdumu tliet snin. Il-programmi huma volontarji, iżda l-Istati Membri kollha għażlu li jintroduċuhom, biex b'hekk dawn juru l-interess qawwi tal-Istati Membri u l-ħtiġijiet tas-settur.

    2.    METODOLOĠIJA

    Dan ir-rapport huwa bbażat fuq is-sorsi ta’ informazzjoni li ġejjin:

    -Informazzjoni nnotifikata mill-Istati Membri skont ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/1366 fir-rigward tal-għajnuna fis-settur tal-apikultura 3 , inkluż l-għadd ta’ kaxxi tan-naħal fit-territorji tagħhom.

    -Informazzjoni nnotifikata mill-Istati Membri skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1368 fir-rigward tal-għajnuna fis-settur tal-apikultura 4 , inklużi r-rapporti annwali ta’ implimentazzjoni, stipulati fl-Artikolu 10 ta’ dak ir-Regolament. Dawk ir-rapporti annwali jinkludu sommarju tan-nefqa mġarrba f’euro matul is-sena tal-apikultura, imqassma skont il-miżura, u r-riżultati abbażi tal-indikaturi tal-prestazzjoni għal kull miżura implimentata. Madankollu, dawn l-indikaturi mhumiex armonizzati fil-livell tal-UE, u ma ntużawx biex isiru konklużjonijiet fil-kuntest ta’ dan ir-rapport.

    -Informazzjoni li waslet mingħand l-Istati Membri skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 917/2004 dwar azzjonijiet fil-qasam tat-trobbija tan-naħal 5 , li jistabbilixxi r-regoli għall-programm nazzjonali tal-apikultura sas-sena tal-apikultura 2016.

    -Data dwar il-produzzjoni tal-għasel u l-kummerċ internazzjonali mill-Eurostat 6 , il-Comtrade tan-NU 7 u l-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti (FAO) 8 .

    Iċ-ċifri ddettaljati u t-tabelli sommarji dwar is-suq tal-għasel u dwar il-programmi nazzjonali tal-apikultura huma disponibbli fuq is-sit web tal-Kummissjoni 9 .

    3.    DESKRIZZJONI TAS-SETTUR TAL-APIKULTURA TAL-UE

    3.1    Produzzjoni u prezzijiet

    Produzzjoni

    Iċ-ċifri nnotifikati fid-dawl tal-programmi bejn l-2020 u l-2022 juru li kien hemm madwar 17.5 -il miljun kaxxa tan-naħal fl-UE, ġestiti minn 650 000 persuna li jrabbu n-naħal. L-għadd ta’ dawk li jrabbu n-naħal żdied meta mqabbel man-notifika li waslet fl-2016 għall-programmi ta’ bejn l-2017 u l-2019. Madankollu, għandu jiġi nnotat li m’hemm l-ebda metodu armonizzat għad-definizzjoni tal-persuni li jrabbu n-naħal, u lanqas għal kif għandu jiġi stmat l-għadd tal-persuni li jrabbu n-naħal, u bidla f’dak l-għadd mhux bilfors tirrifletti tendenza ġenerali fis-settur.

    Illustrazzjoni 1: L-għadd ta’ persuni li jrabbu n-naħal

    Is-settur ipproduċa 280 000 tunnellata ta’ għasel fl-2018, u b’hekk l-UE kienet it-tieni l-akbar produttur tal-għasel wara ċ-Ċina (550 000 tunnellata 10 ). Mill-2014, il-produzzjoni tal-UE żdiedet b’16 %, meta kienet ta’ 240 000 tunnellata, iżda l-UE għadha ma tipproduċix biżżejjed għasel biex tkopri l-konsum tagħha stess. Fl-2018, ir-rata ta’ awtosuffiċjenza 11 kienet ta’ madwar 60 %, li bejn wieħed u ieħor hija fl-istess livelli bħal fl-2015. Il-fornitur ewlieni għall-għasel importat huwa ċ-Ċina (40 % tal-importazzjonijiet) segwit mill-Ukrajna (20 % tal-importazzjonijiet).

    Illustrazzjoni 2: Produzzjoni tal-għasel tal-UE fl-2017 u l-2018

    Prezzijiet

    Il-prezzijiet tal-għasel ivarjaw bil-kbir bejn l-Istati Membri, il-kwalità u l-punt tal-bejgħ. Fl-2018, il-prezz medju tal-UE għall-għasel multiflorali fis-sit tal-produzzjoni kien ta’ EUR 6.46/kg. Fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, il-prezz huwa aktar baxx meta jinbiegħ bl-ingrossa għand il-bejjiegħa bl-ingrossa, li għalihom il-prezz medju tal-UE fl-2018 kien ta’ EUR 3.79/kg. Ta’ min jinnota li filwaqt li dawn il-prezzijiet bilkemm inbidlu mill-informazzjoni li waslet qabel fl-2016, il-kost medju tal-produzzjoni żdied minn EUR 3.21/kg fl-2015 għal EUR 3.90/kg fl-2018, u possibilment ħalla marġni iżgħar għal kull kilo prodott ta’ għasel. Madankollu, peress li l-Istati Membri ma jirrapportawx l-ammont ta’ kemm jinbiegħ mill-għasel prodott bl-ingrossa u fil-post tal-produzzjoni, ma tista’ tinħareġ l-ebda konklużjoni soda rigward il-profittabbiltà li tirriżulta għall-produtturi.

    Illustrazzjoni 3: Prezzijiet medji għall-għasel fl-2018. MT: medja tal-prezz massimu/minimu

    Produzzjoni bl-ingrossa lil bejjiegħa bl-ingrossa

    Sit tal-produzzjoni

    3.2    Kummerċ

    Importazzjonijiet

    L-UE hija biss 60 % awtosuffiċjenti fl-għasel. Fl-2018, l-UE importat 208 000 tunnellata ta’ għasel b’valur totali ta’ EUR 452 miljun. L-UE hija l-ewwel importatur dinji tal-għasel, filwaqt li ċ-Ċina hija l-fornitur ewlieni tiegħu. Madankollu, l-importazzjonijiet tal-UE miċ-Ċina naqsu minn kważi 100 000 tunnellata fl-2015 għal 80 000 tunnellata fl-2018 12 . Matul l-istess perjodu, l-importazzjonijiet mill-Ukrajna, it-tieni fornitur ewlieni, żdiedu minn 20 000 għal 41 000 tunnellata, filwaqt li l-importazzjonijiet mit-tielet u r-raba’ fornituri, l-Arġentina u l-Messiku baqgħu għal 25 000 u 20 000 tunnellata rispettivament.

    L-għasel importat minn pajjiżi terzi ġeneralment huwa irħas mill-għasel prodott fl-UE, u għall-2018, il-prezz medju tal-importazzjonijiet kien ftit aktar minn EUR 2/kg.

    Esportazzjonijiet

    L-esportazzjonijiet tal-UE huma negliġibbli meta mqabbla mal-importazzjonijiet, u fl-2018, l-UE esportat madwar 21 000 tunnellata ta’ għasel, li jirrappreżentaw volum ta’ madwar 7 % tal-produzzjoni tal-UE. Is-swieq ewlenin għall-għasel tal-UE huma l-Iżvizzera, l-Arabja Sawdija, l-Istati Uniti tal-Amerika u l-Ġappun. Fl-2018, il-prezz medju tal-esportazzjonijiet kien ta’ EUR 5.7/kg.

    Illustrazzjoni 4: Il-prezzijiet medji f’EUR/kg għall-għasel importat lejn l-UE (blu, kontinwu) u esportat mill-UE (aħmar, miksur) matul il-perjodu ta’ bejn l-2009 u l-2018. Sors: Eurostat (COMEXT)

    4.IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMMI NAZZJONALI TAL-APIKULTURA

    4.1    Bażi ġuridika

    Il-bażi ġuridika għall-programmi nazzjonali tal-apikultura mis-sena tal-apikultura tal-2017, li bdiet fl-1 ta’ Awwissu 2016, huma l-Artikoli 55 sa 57 tal-OKS, issupplimentati bi:

    -Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 2015/1366 13 , u

    -Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1368 14 .

    Il-programmi għas-snin tal-apikultura ta’ bejn l-2017 u l-2019, u l-finanzjament tagħhom, ġew approvati permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1102 tal-5 ta’ Lulju 2016 15 .

    Il-programmi għas-snin tal-apikultura ta’ bejn l-2020 u l-2022, u l-finanzjament tagħhom, ġew approvati permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/974 tat-12 ta’ Ġunju 2019 16 .

    4.2    Objettivi u Miżuri

    L-objettiv tal-programmi huwa li jittejbu l-kundizzjonijiet ġenerali għall-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tal-apikultura fl-Unjoni. Ir-riforma tal-PAK tal-2013 introduċiet xi bidliet fil-programmi. L-objettivi ewlenin ta’ dawn il-bidliet kienu li jiġu adattati miżuri eliġibbli għall-ħtiġijiet tas-settur, u li tiġi żgurata allokazzjoni aktar b’saħħitha tal-baġit tal-UE billi jittejbu l-metodi li jintużaw mill-Istati Membri biex jiddeterminaw l-għadd ta’ kaxxi tan-naħal fit-territorji tagħhom. Il-miżuri eliġibbli li jirriżultaw huma deskritti aktar ’l isfel.

    (a) għajnuna teknika lil dawk li jrabbu n-naħal u lill-organizzazzjonijiet ta’ dawk li jrabbu n-naħal: il-formulazzjoni ta’ din il-miżura nbidlet minn “raggruppamenti ta’ dawk li jrabbu n-naħal” għal “organizzazzjonijiet ta’ dawk li jrabbu n-naħal”. Filwaqt li ħafna Stati Membri jinkludu t-taħriġ, l-organizzazzjoni ta’ korsijiet u l-istampar ta’ fuljetti edukattivi skont din il-miżura, din tista’ tinkludi varjetà wiesgħa ta’ azzjonijiet. Dawn jinkludu l-appoġġ, pereżempju, għax-xiri ta’ tagħmir tekniku għall-ipproċessar primarju u l-appoġġ speċifiku għal dawk li jrabbu n-naħal li għadhom żgħar fl-età.

    (b) il-ġlieda kontra l-elementi qerrieda u l-mard tal-kaxxi tan-naħal, b’mod partikolari il-varroażi: il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-miżura ġie estiż mill-kontroll tal-varroażi għall-ġlieda kontra elementi qerrieda oħra u mard ieħor tal-kaxxi tan-naħal, li jistgħu jinkludu pereżempju ż-żunżan bagħal Asjatiku (Vespa velutina) jew il-Ħanfusa ż-Żgħira tal-Ġabsala (Aethina tumida). Madankollu, il-maġġoranza tal-programmi li jinkludu din il-miżura jkomplu jiffukaw fuq il-kontroll tal-varroażi. Dan spiss jinkiseb permezz ta’ metodi ta’ appoġġ għat-tnaqqis tat-tagħbija parassitika, iżda l-azzjonijiet jinkludu wkoll miżuri bil-għan li jinformaw lil dawk li jrabbu n-naħal dwar l-importanza tal-ġlieda kontra l-varroażi.

    (c) ir-razzjonalizzazzjoni tat-transumanza; din l-azzjoni hija maħsuba biex tassisiti fil-ġestjoni tal-movimenti tal-kaxxi tan-naħal fl-Unjoni u biex tipprovdi postijiet għal dawk li jrabbi n-naħal fl-istaġun tal-fjur. Il-ġestjoni tat-transumanza tista’ tiġi ffaċilitata b’miżuri bħall-identifikazzjoni ta’ kaxxi tan-naħal u xtillieri, reġistru tat-transumanza, investiment fil-materjal li jiffaċilita t-transumanza u l-immappjar tal-varjetajiet tal-fjura.

    (d) miżuri ta’ appoġġ għal-laboratorji biex jiġu analizzati l-prodotti tal-apikultura bil-għan li jiġu megħjuna dawk li jrabbu n-naħal u jiżdied il-valur tal-prodotti tagħhom; il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-miżura ġie estiż mill-appoġġ għall-analiżijiet tal-proprjetajiet fiżikokimiċi tal-għasel, biex jiġu inklużi prodotti oħra tal-apikultura 17 bħall-ħalib tan-naħal, l-għabra tad-dakra, iż-żaftur jew ix-xama’ tan-naħal. Barra minn hekk, l-OKS żiedet li l-miżura għandha tgħin lil dawk li jrabbu n-naħal biex jikkummerċjalizzaw u jżidu l-valur tal-prodotti tagħhom. Il-miżura tista’ tintuża għall-finanzjament tal-ittestjar ta’ pereżempju l-oriġini botanika tal-għasel, peress li l-għarfien preċiż ta’ dan jista’ jippermetti lil dawk li jrabbu n-naħal jirċievu prezz ogħla għall-prodott tagħhom.

    (e) l-istokkjar mill-ġdid tal-kaxxi tan-naħal jagħmilha possibbli li jiġi kkumpensat parzjalment it-telf tan-naħal, u għalhekk li jiġi evitat it-tnaqqis tal-produzzjoni; dan jista’ jinkludi attivitajiet ta’ finanzjament biex tiġi promossa l-produzzjoni tan-naħal irġejjen, jiġu akkwistati kolonji tan-naħal jew jinxtraw kaxxi ġodda tan-naħal.

    (f) kooperazzjoni ma’ korpi speċjalizzati għall-implimentazzjoni ta’ programmi ta’ riċerka applikati fil-qasam tat-trobbija tan-naħal u l-prodotti tal-apikultura; din il-miżura tipprovdi possibbiltà għall-Istati Membri biex jappoġġjaw proġetti speċifiċi ta’ riċerka. Dawn jista’ jkollhom l-għan li jtejbu l-kwalità tal-għasel, u/jew ixerrdu r-riżultati ta’ dawn il-proġetti.

    (g) monitoraġġ tas-suq; (g) monitoraġġ tas-suq; miżura ġdida li tippermetti l-possibbiltà ta’ investiment fil-monitoraġġ ta’ prodotti u prezzijiet tal-apikultura. Din tista’ ttejjeb il-kundizzjonijiet tal-produzzjoni u tappoġġja strateġiji nazzjonali għall-monitoraġġ tas-sitwazzjoni tas-suq.

    (h) it-tisħiħ tal-kwalità tal-prodott bil-għan li jiġi sfruttat il-potenzjal tal-prodotti fis-suq; miżura ġdida introdotta mill-OKS li tista’ tintuża pereżempju biex jiġi sfruttat il-potenzjal tas-suq tal-għasel, iżda anke ta’ prodotti oħra tal-apikultura.

    4.3    Baġit tal-Unjoni għall-programmi nazzjonali tal-apikultura u r-rata tal-użu

    Il-fondi tal-Unjoni ddedikati għas-settur tal-apikultura huma relattivament żgħar iżda żdiedu minn EUR 36 miljun fis-sena għall-programmi tal-apikultura ta’ bejn l-2017 u l-2019 għal EUR 40 miljun fis-sena għall-programmi tal-apikultura ta’ bejn l-2020 u l-2022.

    Il-kontribuzzjoni tal-Unjoni għall-programmi tal-apikultura tikkorrespondi għal 50 % tal-ispiża mġarrba mill-Istati Membri. F’termini konkreti, dan ifisser li għas-snin tal-apikultura tal-2017 u l-2018, kien hemm disponibbli total ta’ EUR 72 miljun għall-programmi tal-apikultura kull sena. Għalkemm il-finanzjament ma ntużax kollu, ir-rata tal-użu hija għolja. Għal tqabbil, is-sena tal-apikultura tal-2016 hija inkluża fit-tabella ta’ hawn taħt.

    Tabella 1: Il-finanzjament u r-rata ta’ użu tal-Unjoni għall-programmi tal-apikultura

    Fondi tal-Unjoni disponibbli għal kull sena tal-apikultura

    Is-sena tal-apikultura 2016

    Programmi 2014-2016

    Is-sena tal-apikultura 2017

    Programmi 2017-2019

    Is-sena tal-apikultura 2018

    Programmi 2017-2019

    Is-sena tal-apikultura 2019

    Programmi 2017-2019

    Is-snin tal-apikultura 2020-2022

    f’EUR

    33 100 000

    36 000 000

    36 000 000

    36 000 000

    40 000 000

    Ammont ta’ fondi tal-Unjoni użati mill-Istati Membri f’EUR

    31 102 215

    32 372 777

    33 974 000

    Se jiġi nnotifikat sal-15 ta’ Marzu 2020

    Se jiġi nnotifikat mill-15 ta’ Marzu 2021

    Rata ta’ użu

    94 %

    90 %

    94 %

    4.4    Allokazzjoni tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni għal kull Stat Membru

    Ir-regoli għall-allokazzjoni tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni għall-programmi tal-apikultura huma stabbiliti fl-Artikolu 4 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/1366. Il-fattur ewlieni għal din l-allokazzjoni huwa l-proporzjon tal-kaxxi tan-naħal f’kull Stat Membru li jieħu sehem fil-programm. Din hija raġuni waħda għar-regoli dwar id-determinazzjoni u n-notifika obbligatorji min-naħa tal-Istati Membri dwar l-għadd ta’ kaxxi tan-naħal lill-Kummissjoni, deskritti aktar taħt l-intestatura 5 ta’ dan ir-rapport.

    Il-kontribuzzjoni minima tal-Unjoni hija ta’ EUR 25 000 għal kull programm tal-apikultura. Il-finanzjament tal-Unjoni li jifdal jiġi allokat skont il-proporzjon ta’ kaxxi tan-naħal innotifikati mill-Istati Membri. Madankollu, jekk Stat Membru jitlob anqas milli jkun intitolat abbażi tal-proporzjon tiegħu tal-kaxxi tan-naħal, il-finanzjament tal-Unjoni li jifdal jista’ jitqassam lill-Istati Membri li jkunu talbu aktar mis-sehem teoretiku tagħhom tal-finanzjament.

    Skont l-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) 2015/1368, l-allokazzjoni tal-fondi tal-Unjoni għall-programmi tal-apikultura bejn l-2017 u l-2019 saret abbażi tal-għadd ta’ kaxxi tan-naħal li ġew ikkomunikati mill-Istati Membri fl-2013. Għall-programmi tal-apikultura bejn l-2020 u l-2022, li ġew innotifikati lill-Kummissjoni fl-2019, l-allokazzjoni kienet ibbażata fuq l-għadd ta’ kaxxi tan-naħal innotifikati fl-2017 u l-2018 (sentejn kalendarji li jiġu immedjatament qabel is-sena ta’ notifika lill-Kummissjoni dwar il-programmi nazzjonali tal-apikultura).

    Illustrazzjoni 5: Allokazzjoni tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni għal kull Stat Membru għas-sena tal-apikultura bejn l-2020 u l-2022

    4.5    Nefqa mġarrba skont it-tip ta’ miżuri

    F’konformità mal-Artikolu 10 tar-Regolament 2015/1368, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw sal-15 ta’ Marzu ta’ kull sena rapport ta’ implimentazzjoni annwali għas-sena preċedenti tal-apikultura. L-ewwel żewġ rapporti annwali, li jikkorrispondu għas-snin tal-apikultura tal-2017 18 u l-2018 19 , ġew innotifikati fl-2018 u 2019. It-tqassim tan-nefqa għal kull tip ta’ miżura għas-sena tal-apikultura tal-2018 tidher fid-dijagramma t’hawn taħt (illustrazzjoni 6). Għall-paragun storiku, hija inkluża wkoll in-nefqa għal kull tip ta’ miżura għas-sena tal-apikultura tal-2015 (illustrazzjoni 7), li turi li minkejja li f’dak il-punt il-programmi jista’ jkun fihom biss sitt miżuri, id-distribuzzjoni ġenerali, imkejla f’perċentwali, tibqa’ simili.    

    Fl-2018, bħal fis-snin ta’ qabel, iż-żewġ miżuri tal-għajnuna teknika u tal-ġlieda kontra l-elementi qerrieda jirċievu l-parti l-kbira tal-finanzjament disponibbli, jew kważi 60 % flimkien. Dan jirrifletti l-ħtieġa kontinwa tas-settur biex jinvesti f’apparat tat-trobbija tan-naħal, jaġġorna l-prattiki tat-trobbija tan-naħal sabiex jiġu miġġielda l-mard u l-elementi qerrieda tal-kaxxi tan-naħal, u biex jipprovdi taħriġ għal dawk li jrabbu n-naħal.

    Barra minn hekk, bħalma ġara fis-snin preċedenti, iż-żewġ miżuri tal-istokkjar mill-ġdid tal-kaxxi tan-naħal u tar-razzjonalizzazzjoni tat-transumanza jikklassifikaw bħala t-tielet u r-raba’ l-aktar miżuri popolari, li flimkien jammontaw għal aktar minn 30 %. F’bosta Stati Membri, it-transumanza hija prattika essenzjali fit-trobbija tan-naħal, meħtieġa sabiex jiġu koperti l-ħtiġijiet nutrizzjonali tan-naħal tal-għasel matul l-istaġun kollu tat-trobbija tan-naħal u sabiex jiġu pprovduti servizzi ta’ dakkir.

    Ir-riċerka applikata u l-analiżi tal-għasel baqgħu fil-ħames u fis-sitt post, u rċevew 3.48% rispettivament; 2.45 % mill-finanzjament disponibbli fl-2018.

    Iż-żewġ miżuri l-ġodda, it-titjib tal-prodotti (0,69 % tan-nefqa totali) u l-monitoraġġ tas-suq flimkien irċevew anqas minn 1 % tal-finanzjament.

    Illustrazzjoni 6: In-nefqa f’perċentwal għal kull miżura matul is-sena tal-apikultura tal-2018

    Illustrazzjoni 7: In-nefqa f’perċentwal għal kull miżura matul is-sena tal-apikultura tal-2015

    5.    METODI BIEX JIĠI DDETERMINAT L-GĦADD TAL-KAXXI TAN-NAĦAL 

    Kif ġie deskritt taħt l-intestatura 4.2 ta’ dan ir-rapport, ġew introdotti bidliet biex tiġi żgurata allokazzjoni aktar b’saħħitha tal-baġit tal-UE billi jittejbu l-metodi li jintużaw mill-Istati Membri sabiex jiġi ddeterminat l-għadd ta’ kaxxi tan-naħal fit-territorji tagħhom. Skont is-setgħa tal-Artikolu 56(1)(b) tal-OKS, il-Kummissjoni adottat att delegat li jistabbilixxi l-bażi għall-allokazzjoni tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għall-programmi tal-apikultura tal-Istati Membri, abbażi tal-għadd tal-kaxxi tan-naħal 20 . Dak l-att delegat introduċa d-definizzjoni ta’ kaxxa tan-naħal bħala “… l-unità li tikkontjeni l-kolonja tan-naħal tal-għasel użata għall-produzzjoni tal-għasel u prodotti oħra tal-apikultura jew materjal għat-trobbija tan-naħal tal-għasel, u l-elementi kollha meħtieġa għas-sopravivenza tagħha”. Barra minn hekk, dak l-att stabbilixxa l-obbligu għall-Istati Membri li bejn l-1 ta’ Settembru u l-31 ta’ Diċembru ta’ kull sena, jissottomettu programm nazzjonali tal-apikultura biex ikollhom metodu affidabbli bil-għan li jiġi ddeterminat l-għadd ta’ kaxxi tan-naħal li jkunu lesti għat-trobbija fit-territorju tagħhom.

    Minħabba li ma kien hemm l-ebda regola armonizzata fir-rigward tal-kwistjonijiet deskritti hawn fuq, qabel l-applikazzjoni ta’ dak l-att delegat, l-għadd ta’ kaxxi tan-naħal li ġew innotifikati qabel l-applikazzjoni tiegħu fl-2017, m’għandux jitqabbel direttament mal-għadd ta’ kaxxi tan-naħal li ġew innotifikati minn Marzu 2017. Madankollu, ix-xejra storika fit-tul tindika li l-għadd ta’ kaxxi tan-naħal fl-Unjoni Ewropea żdied matul l-aħħar għaxar snin. Din ix-xejra pożittiva tista’ tidher fi kważi l-Istati Membri kollha.

    Illustrazzjoni 8: L-evoluzzjoni tal-għadd ta’ kaxxi tan-naħal fl-UE f’eluf

    F’konformità mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1368, l-Istati Membri għandhom jinkludu fil-programmi nazzjonali tagħhom tal-apikultura, deskrizzjoni tal-metodu li jintuża biex jiġi ddeterminat l-għadd ta’ kaxxi tan-naħal fit-territorju tagħhom.

    Total ta’ 17-il Stat Membru qed jużaw metodi obbligatorji biex jgħoddu l-kaxxi tan-naħal inklużi l-Istati Membri bl-ogħla għadd ta’ kaxxi tan-naħal, bħal ES, RO, IT, FR u EL. Il-metodi obbligatorji jistgħu jinkludu r-reġistrazzjoni obbligatorja ta’ dawk li jrabbu n-naħal u/jew tal-kaxxi tan-naħal f’reġistru speċifiku, stabbilit għal dak l-għan speċifiku, jew li tintuża data minn reġistri obbligatorji oħra bħal sistemi ta’ informazzjoni veterinarja.

    Minflok, total ta’ 11-il Stat Membru qed jużaw metodi oħra għajr ir-reġistrazzjoni obbligatorja. Dawn jinkludu Stati Membri b’anqas kaxxi tan-naħal, bħal SE, DK, IE u EE. Dawn l-Istati Membri jistgħu jiddependu fuq l-informazzjoni li jirċievu mingħand l-organizzazzjonijiet ta’ dawk li jrabbu n-naħal, stħarriġ, ċensimenti, jew taħlita ta’ dawn il-metodi.

    B’mod ġenerali, ir-reġistrazzjoni obbligatorja tal-kaxxi tan-naħal titqies bħala l-aktar metodu sod iżda toħloq piż amministrattiv għal dawk li jrabbu n-naħal u għall-Istati Membri: dawk li jrabbu n-naħal huma obbligati bil-liġi nazzjonali li jirreġistraw l-attività tagħhom u jiddikjaraw l-għadd tagħhom ta’ kaxxi tan-naħal lil amministrazzjoni.

    L-affidabbiltà ta' metodi oħrajn biex jiġi stmat l-għadd ta’ kaxxi tan-naħal tiddependi fuq il-kwalità tal-bażi tad-data miżmuma mill-organizzazzjonijiet tat-trobbija tan-naħal u fuq ir-rappreżentanza tal-kampjun ta’ dawk li jrabbu n-naħal magħżula biex jipprovdu informazzjoni dwar l-għadd tagħhom ta’ kaxxi tan-naħal.

    6.    APIKULTURA FIL-POLITIKA AGRIKOLA KOMUNI WARA L-2020 

    Fil-proposta tagħha għal PAK wara l-2020 21 , il-Kummissjoni tipproponi li tmexxi l-programmi tal-apikultura mir-Regolament tal-Organizzazzjoni tas-Suq Komuni għar-Regolament tal-Pjan Strateġiku tal-PAK 22 . Dan se jżid il-viżibilità tas-settur tal-apikultura u se jiżgura li l-kontribut tiegħu għall-objettivi ġenerali tal-Politika Agrikola Komuni jittieħed inkunsiderazzjoni.

    Il-proposta tinkludi wkoll żieda fil-finanzjament tal-programmi tal-apikultura, għal EUR 60 miljun kull sena. Dan ifisser li matul il-perjodu ta’ seba’ snin tal-PAK futura, il-finanzjament tal-Unjoni flimkien mal-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri, hemm disponibbli total ta’ EUR 840 miljun għas-settur. Bidla oħra introdotta mill-proposta hija li l-finanzjament annwali għall-programmi tal-apikultura tal-Istati Membri huwa stipulat fl-att bażiku 23 .

    Għad hemm bżonn li jkun magħruf l-għadd ta’ kaxxi tan-naħal fl-Istati Membri sabiex ikunu jistgħu jsegwu x-xejra, jevalwaw l-impatt tal-miżuri ta’ appoġġ għas-settur tal-apikultura u jżommu liċ-ċittadini Ewropej informati. Għalhekk, il-proposta tal-Kummissjoni tinkludi l-obbligu kontinwu għall-Istati Membri li jgħoddu l-għadd ta’ kaxxi tan-naħal u jinnotifikaw ir-riżultat lill-Kummissjoni.

    Filwaqt li l-programmi tal-apikultura kienu volontarji taħt l-OKS, il-Kummissjoni tipproponi li dawn isiru obbligatorji fil-pjanijiet strateġiċi tal-PAK tal-Istati Membri.

    7.    KONKLUŻJONI

    Għalkemm il-programmi tal-apikultura baqgħu volontarji taħt l-OKS, l-Istati Membri kollha għadhom jintroduċu l-programmi, żviluppati b’kooperazzjoni mas-settur. Il-programmi jvarjaw bejn l-Istati Membri, skont il-ħtiġijiet ta’ dak l-Istat Membru partikolari, iżda l-miżuri li jirċievu l-parti l-kbira tal-appoġġ – l-assistenza teknika u l-ġlieda kontra l-elementi qerrieda tal-kaxxi tan-naħal – baqgħu l-istess mill-aħħar rapport fl-2016.

    Il-finanzjament lis-settur kompla jiżdied matul l-aħħar perjodi ta’ programmazzjoni, u l-użu tal-finanzjament għadu għoli, li juri r-rilevanza tal-miżuri magħżula.

    L-għadd ta’ kaxxi tan-naħal huwa indikatur wieħed tal-impatt tal-miżura ta’ appoġġ u dan l-għadd ikompli jiżdied. Madankollu, meta wieħed iħares lejn il-profittabbiltà ġenerali tas-settur, il-prezzijiet medji tal-UE ma żdidux, filwaqt li l-kostijiet tal-produzzjoni qed jiżdiedu u l-prezzijiet tal-importazzjoni qed jonqsu. Dan joħloq sfidi għas-settur u jindika ħtieġa kontinwa għal appoġġ, b’kunsiderazzjoni wkoll tar-rwol importanti tan-naħal għall-ambjent u l-agrikoltura.

    (1)    Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.
    (2)      Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1221/97 tal-25 ta’ Ġunju 1997 li jistabbilixxi regoli ġenerali għall-applikazzjoni ta’ miżuri biex itejbu l-produzzjoni u l-bejgħ tal-għasel, ĠU L 173, 1.7.97, p.1.
    (3)

    Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/1366 tal-11 ta’ Mejju 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward l-għajnuna lis-settur tal-apikultura, ĠU L 211, 8.8.2015, p. 3–6.

    (4) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1368 tas-6 ta’ Awwissu 2015 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-għajnuna lis-settur tal-apikultura, ĠU L 211, 8.8.2015, p. 9–16.
    (5)

     Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 917/2004 tad-29 ta’ April 2004 dwar ir-regoli dettaljati għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 797/2004 rigward il-miżuri għat-titjib tal-kondizzjonijiet ġenerali għall-produzzjoni u l-marketing ta’ prodotti tal-apikoltura, ĠU L 163, 30.4.2004, p. 83–87.

    (6) https://ec.europa.eu/eurostat
    (7) https://comtrade.un.org/
    (8) http://www.fao.org/home/en/
    (9)

      https://ec.europa.eu/info/food-farming-fisheries/animals-and-animal-products/animal-products/honey_mt

    (10) Sors: FAO
    (11) Rata ta’ awtosuffiċjenza = produzzjoni tal-UE/(produzzjoni+importazzjonijiet-esportazzjonijiet)
    (12) Sors: Eurostat Comext, https://trade.ec.europa.eu/tradehelp/statistics
    (13)

    Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/1366 tal-11 ta’ Mejju 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward l-għajnuna lis-settur tal-apikultura, ĠU L 211, 8.8.2015, p. 3–6.

    (14)

    Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1368 tas-6 ta’ Awwissu 2015 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-għajnuna lis-settur tal-apikultura, ĠU L 211, 8.8.2015, p. 9–16.

    (15)

    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1102 tal-5 ta’ Lulju 2016 li tapprova l-programmi nazzjonali għat-titjib tal-produzzjoni u tal-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tal-apikultura ppreżentati mill-Istati Membri skont ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (innotifikata bid-dokument C(2016) 4133), ĠU L 182, 7.7.2016, p. 55–57

    (16)

    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/974 tat-12 ta’ Ġunju 2019 li tapprova l-programmi nazzjonali għat-titjib tal-produzzjoni u tal-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tal-apikultura ppreżentati mill-Istati Membri skont ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ((innotifikata bid-dokument C(2019) 4177), ĠU L 157, 14.6.2019, p. 28–30.

    (17) Il-prodotti tal-apikultura koperti mill-programmi tal-apikultura huma elenkati fil-Parti XXII tal-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 u dawn huma l-għasel, il-ħalib tan-naħal, iż-żaftur u x-xama’ tan-naħal.
    (18) Perjodu ta’ żmien mill-1 ta’ Awwissu 2016 sal-31 ta’ Lulju 2017
    (19) Perjodu ta’ żmien mill-1 ta’ Awwissu 2017 sal-31 ta’ Lulju 2018
    (20) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/1366.
    (21)

      https://ec.europa.eu/info/food-farming-fisheries/key-policies/common-agricultural-policy/future-cap_mt

    (22)   https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=COM%3A2018%3A392%3AFIN
    (23) L-Anness VIII tal-proposta tal-Kummissjoni għall-PAK wara l-2020.
    Top