Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52019DC0412

    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar is-Summit dwar l-Azzjoni Klimatika tal-2019 ospitat mis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fi New York

    COM/2019/412 final

    Brussell, 11.9.2019

    COM(2019) 412 final

    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

    dwar is-Summit dwar l-Azzjoni Klimatika tal-2019 ospitat mis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fi New York














    Introduzzjoni

    It-tibdil fil-klima huwa l-akbar sfida tal-ġenerazzjoni tagħna u l-UE kienet minn ta’ quddiem fin-negozjati ta’ qafas multilaterali li jindirizza din l-isfida globali. Fl-2015, id-diplomazija tal-UE kellha rwol ewlieni biex jintlaħaq il-Ftehim storiku u globali ta’ Pariġi dwar il-Klima. 195 pajjiż qablu dwar għan sempliċi: li jgħaddu lill-ġenerazzjonijiet futuri, pjaneta iktar b’saħħitha u soċjetajiet iktar sinjuri, moderni u ġusti. Għall-ewwel darba s-sistema tan-NU żgurat kontribuzzjonijiet mill-pajjiżi kollha għal-limitazzjoni tal-emissjonijiet tagħhom ta’ gassijiet b’effett ta’ serra. Issa involvew ruħhom l-ikbar emittenti fid-dinja, inkluża ċ-Ċina, li waħedha tirrappreżenta aktar minn kwart tal-emissjonijiet globali. Il-Ftehim ta’ Pariġi jistabbilixxi l-għan li jillimita ż-żieda fit-temperatura globali medja għal ferm inqas minn 2° Celsius filwaqt li jimmira li jilħaq il-limitu ta’ 1.5° C. Huwa jżomm lill-Partijiet tiegħu responsabbli permezz ta’ sistema ta’ trasparenza robusta li se ssegwi l-progress tagħhom fl-implimentazzjoni tal-kontributi tagħhom, u teħtieġ li l-Partijiet iżidu l-livell ta’ ambizzjoni tal-kontribuzzjonijiet tagħhom kull ħames snin fid-dawl tal-aħħar żviluppi tax-xjenza.

    L-UE ħadet azzjoni fuq livell intern b’ħeffa u b’determinazzjoni biex jittieħdu azzjonijiet konkreti favur l-impenji tal-Ftehim ta’ Pariġi. Fil-bidu tal-mandat ta’ din il-Kummissjoni kważi ħames snin ilu, il-President Juncker iddefinixxa bħala prijorità ċara biex jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima, l-istabbiliment ta’ Unjoni tal-Enerġija Ewropea reżiljenti b’Politika dwar it-Tibdil fil-Klima li tħares ’il quddiem li ġġib magħha tranżizzjoni ġusta lejn ekonomija moderna, newtrali għall-klima u kompetittiva, filwaqt li fl-istess ħin jinħolqu opportunitajiet għal impjiegi ġodda u tkabbir sostenibbli. L-azzjoni klimatika hija fundamentali wkoll biex jintlaħqu s-17-il Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli.

    B’riżultat ta’ din il-politika, illum l-UE hija l-unika ekonomija kbira fid-dinja li sarrfet b’mod sħiħ f’leġiżlazzjoni l-passi biex tissodisfa l-impenji tagħha tal-Ftehim ta’ Pariġi u se taħdem biex tnaqqas mill-inqas 40% tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra tagħha sal-2030 bi tħejjija għal ekonomija newtrali mil-lat ta’ klima.

    Illum, l-UE għandha x’aktarx l-aktar qafas leġiżlattiv komprensiv u ambizzjuż fis-seħħ, li huwa msejjes bil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet demokratiku u inklużiv tagħha li ilu stabbilit għal żmien twil. L-UE qed timxi b’suċċess lejn ekonomija newtrali għall-klima – bejn l-1990 u l-2017 l-emissjonijiet ta’ gass b’effett ta’ serra naqsu bi 23 % filwaqt li l-ekonomija kibret bi 58 %. Filwaqt li s-sħab internazzjonali tagħna qed jintensifikaw l-isforzi tat-tranżizzjoni tagħhom stess, l-interess fil-mudell u fil-politiki tal-UE qed jikber u dan joffri opportunitajiet eċċellenti għall-kooperazzjoni politika u għad-diplomazija ekonomika.

    Minkejja l-bidliet fil-politika minħabba ċ-ċikli politiċi interni, b’mod partikolari fl-Istati Uniti, l-appoġġ globali għall-Ftehim ta’ Pariġi għadu b’saħħtu, bl-approvazzjoni tal-ekonomiji ewlenin kollha tad-dinja minbarra waħda. Madankollu, huwa ċar li t-tranżizzjoni globali meħtieġa biex jintlaħqu l-għanijiet ta’ Pariġi mhux qed isseħħ malajr biżżejjed. L-aktar rapporti xjentifiċi riċenti, b’mod partikolari r-Rapport Speċjali dwar it-Tisħin Globali ta’ 1.5°C tal-Grupp Intergovernattiv ta’ Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC) 1 , jikkonfermaw li l-ewwel ċiklu ta’ kontributi tal-Partijiet għall-Ftehim ta’ Pariġi mhumiex biżżejjed biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Ftehim. B’riżultat ta’ dawn l-iżviluppi, it-tħassib pubbliku qed jikber u ċ-ċittadini qed jitolbu azzjoni aktar ambizzjuża u deċiżiva dwar it-tibdil fil-klima, kif ikkonfermat mill-elezzjonijiet Ewropej reċenti u mill-istħarriġ tal-Ewrobarometru dwar it-tibdil fil-klima 2 .

    Huwa f’dan l-isfond li s-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti (SĠNU) António Guterres qed jospita Summit dwar l-Azzjoni Klimatika fi New York fit-23 ta’ Settembru 2019, il-jum ta’ qabel il-ftuħ tal-Assemblea Ġenerali tan-NU. Dan se jkun segwit mis-Summit tan-NU dwar l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli fl-24 u fil-25 ta’ Settembru.

    L-objettiv tas-Summit dwar l-Azzjoni Klimatika huwa li tingħata spinta lill-ambizzjoni klimatika u li titħaffef l-azzjoni biex jiġi implimentat il-Ftehim ta’ Pariġi. B’mod partikolari, is-Summit ifittex iħeġġeġ lill-Partijiet biex jgħollu l-livell ta’ ambizzjoni tal-kontribuzzjonijiet eżistenti tagħhom għat-tnaqqis tal-emissjonijiet u biex jissottomettu strateġiji fit-tul, fil-ħin għal-laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet (għall-Ftehim ta’ Pariġi) fi tmiem l-2020. Is-Summit se jkun opportunità importanti biex il-Kapijiet ta’ Stat u ta’ Gvern jippreżentaw il-pjanijiet tagħhom biex jgħollu l-ambizzjoni u l-progress attwali, kif ukoll biex il-gvernijiet sottonazzjonali, in-negozji, il-finanzi pubbliċi u privati, flimkien mas-soċjetà ċivili, jibagħtu sinjali politiċi u tas-suq b’saħħithom u jagħtu spinta għat-“tellieqa lejn il-quċċata”. Is-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti Guterres appella biex il-Kapijiet ta’ Stat u ta’ Gvern kollha jattendu s-Summit u enfasizza fl-istess ħin: “Ejjew bi pjan, mhux b’diskors”.

    Unjoni Ewropea Impenjata li Tikseb Ambizzjoni Klimatika Aċċellerata

    L-UE u l-Istati Membri tagħha, b’lealtà għall-impenn tagħhom li jieħdu azzjoni multilaterali msejsa fuq ix-xjenza, qed jippreparaw attivament biex jaqblu u jikkomunikaw l-Istrateġija fit-tul tal-UE sal-bidu tal-2020 bl-objettiv li tinkiseb in-newtralità klimatika sal-2050. Skont l-aspettattivi tal-Ftehim ta’ Pariġi, il-gvernijiet parteċipanti kollha huma mistennija jippreżentaw dawn l-istrateġiji sal-2020. Bi tħejjija għall-istrateġija fit-tul tal-UE u sabiex l-Istati Membri kollha tal-UE jkunu jistgħu janalizzaw u jinternalizzaw il-viżjoni, il-Kummissjoni Ewropea diġà wieġbet għat-talba tal-Kunsill Ewropew bil-Komunikazzjoni “Pjaneta Nadifa għal Kulħadd” 3 f’Novembru 2018. Matul is-sena li għaddiet, din il-Komunikazzjoni kienet is-suġġett ta’ diskussjoni demokratika approfondita fil-livell Ewropew, nazzjonali u lokali. Minbarra l-livell tal-UE, l-Istati Membri tal-UE huma meħtieġa wkoll jippreparaw l-istrateġiji nazzjonali fit-tul tagħhom stess skont ir-Regolament dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija.

    Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri tal-UE diġà approvaw l-objettiv tal-UE għal newtralità klimatika sal-2050 4 u qed isiru aktar diskussjonijiet bil-ħsieb li jintlaħaq kunsens fix-xhur li ġejjin. Il-Kunsill Ewropew stieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni javvanzaw fil-ħidma tagħhom dwar il-kundizzjonijiet, l-inċentivi u l-qafas ta’ abilitazzjoni li għandhom jiġu implimentati biex tiġi żgurata tranżizzjoni lejn UE li tkun newtrali għall-klima. Il-Kunsill Ewropew se jiffinalizza l-gwida tiegħu qabel tmiem is-sena sabiex l-istrateġija fit-tul tal-UE tiġi ppreżentata lill-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC) kmieni fl-2020. Huwa stieden ukoll lill-Bank Ewropew tal-Investiment biex iżid l-attivitajiet tiegħu b’appoġġ għall-azzjoni klimatika. Il-Parlament Ewropew, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni diġà approvaw l-għan tan-newtralità klimatika sal-2050.

    Il-ksib tan-newtralità klimatika sal-2050, objettiv aktar ambizzjuż mill-perkors preskritt mir-rapport speċjali tal-IPCC dwar it-Tisħin Globali ta’ 1.5°C, huwa sfida ta’ investiment u ta’ modernizzazzjoni għall-UE iżda, fl-istess ħin, jirrappreżenta opportunità kbira biex din tikseb il-vantaġġ kompetittiv tal-“innovatur”, toħloq xogħlijiet ġodda u żżid l-istandards tal-għajxien tan-nies. Jekk insegwu pjan inferjuri nkunu qed inċedu l-ambizzjoni globali tagħna dwar il-klima li ilna nħaddnu għal daqshekk żmien u nkunu qed nitilfu opportunità ekonomika għall-UE.

    Il-baġit tal-Unjoni Ewropea huwa essenzjali biex nagħtu ħajja lill-ambizzjoni tagħna fil-qasam tal-klima. Il-Kummissjoni Ewropea pproponiet baġit tal-UE ta’ aktar minn EUR 1 triljun għall-perjodu 2021–2027 5 , li qed jiġi nnegozjat bħalissa. Il-Kummissjoni Ewropea pproponiet li mill-inqas 25 % tan-nefqa tal-UE tiġi ddedikata għall-attivitajiet ta’ mitigazzjoni u ta’ adattament tal-klima, inkluż il-baġit tal-Unjoni Ewropea għall-kooperazzjoni internazzjonali u għall-iżvilupp. Konsegwentement, il-baġit futur se jkun ta’ inċentiv biex tittieħed azzjoni li ma tagħmilx ħsara lill-klima fl-oqsma kollha ta’ politika u se jkun soġġett għall-kontrolli biex jiġi żgurat li ma niffinanzjawx investimenti li ma jkunux konformi mat-tranżizzjoni lejn in-newtralità klimatika. L-Orizzont Ewropa se jagħti sura ġdida lid-direzzjoni tar-Riċerka u l-Innovazzjoni Ewropea u se jpoġġi l-azzjoni klimatika fil-qalba tagħha. InvestEU, il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, il-fondi tal-UE kollha għall-koeżjoni u għall-iżvilupp rurali se jkunu disponibbli biex jipprovdu inċentivi għall-investimenti infrastrutturali u produttivi li neħtieġu fil-partijiet kollha tal-UE.

    Il-proċess ta’ modernizzazzjoni profonda se jkun jeħtieġ ġestjoni tajba, li tiżgura tranżizzjoni ġusta u soċjalment aċċettabbli għal kulħadd fl-ispirtu tal-inklużività u tas-solidarjetà. Kemm l-UE kif ukoll l-Istati Membri jridu jqisu l-implikazzjonijiet soċjali mill-bidu u jimplimentaw il-politiki rilevanti kollha biex jilqgħu għal din l-isfida. Il-baġit tal-UE, il-politiki dwar l-impjiegi u dawk soċjali, kif ukoll il-politiki ta’ koeżjoni jistgħu jnaqqsu d-differenzi ekonomiċi, soċjali u territorjali madwar l-Unjoni. L-inizjattivi reġjonali li għaddejjin bħalissa mnedija mill-Kummissjoni ta’ Juncker, bħall-pjattaforma u l-proġetti pilota dwar ir-reġjuni b’intensità qawwija ta’ faħam u karbonju li jinsabu fi tranżizzjoni, jirrappreżentaw pass f’din id-direzzjoni. Qed jitħejjew inizjattivi ġodda li jindirizzaw b’mod komprensiv il-kostijiet soċjali u ekonomiċi tal-modernizzazzjoni kkawżati mill-politiki dwar il-klima bħall-Fond ta’ Tranżizzjoni Ġusta. L-implimentazzjoni sħiħa tal-Pjan ta’ Azzjoni għal Ekonomija Ċirkolari 6 tikkontribwixxi għall-isforzi tal-UE biex tiġi żviluppata ekonomija newtrali għall-klima, li tgħaqqad flimkien l-effiċjenza fir-riżorsi u l-kompetittività 7 . Huwa essenzjali wkoll li tiġi żgurata konsistenza sħiħa u appoġġ reċiproku fl-oqsma ta’ politika kollha rilevanti, bħall-kwalità tal-arja u l-bijodiversità. Il-politiki tal-klima u tal-ambjent iridu jimxu id f’id.

    Huwa kruċjali wkoll li s-settur privat jallinja ruħu ma’ din il-viżjoni u li l-awtoritajiet jagħmlu progress dwar il-qafas ta’ abilitazzjoni li jippermetti lis-settur privat jinvesti f’ekonomija newtrali għall-klima fuq livell dinji. Permezz tas-sett ta’ miżuri ta’ finanzi sostenibbli introdotti mill-Unjoni tas-Swieq Kapitali tal-Unjoni Ewropea, l-Unjoni Ewropea qed tmexxi wkoll l-isforzi internazzjonali biex il-flussi tal-kapital jiġu direzzjonati mill-ġdid lejn l-għanijiet klimatiċi tagħna u biex jiġu ġestiti r-riskji finanzjarji li jirriżultaw mit-tibdil fil-klima. Barra minn hekk, l-Unjoni Ewropea, b’mod konġunt ma’ sħab oħra, qed tħejji inizjattiva li għandha titnieda fil-ġimgħa tal-Klima tan-NU fi New York, li hija magħrufa bħala “il-Pjattaforma Internazzjonali dwar il-Finanzi Sostenibbli”, biex tikkoordina l-għodod tal-politika regolatorja għas-swieq kapitali. Il-pjattaforma għandha l-għan li tiskambja l-aħjar prattiki u tiġbor flimkien inizjattivi differenti dwar finanzjamenti u investimenti ambjentalment sostenibbli, li jinkludu t-tassonomiji, id-divulgazzjonijiet, l-istandards (eż. il-bonds ħodor), it-tikketti u l-parametri referenzjarji ekoloġiċi.

    L-Unjoni Ewropea temmen li l-bini ta’ strateġiji internazzjonali koerenti bħal dawn, flimkien ma’ sħab bħall-G20, huwa l-aħjar mod biex jiġi stimulat l-investiment fl-iskala meħtieġa għall-aktar tranżizzjoni ekonomika importanti ta’ żminijietna u biex jiġu allinjati l-flussi kapitali mal-objettivi tal-Ftehim ta’ Pariġi. L-UE u l-Istati Membri tagħha poġġew il-Ftehim ta’ Pariġi u l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli fil-qalba tal-azzjoni esterna tagħhom. Bl-istess mod, il-firxa ta’ ftehimiet kummerċjali u ta’ kooperazzjoni legalment vinkolanti tal-UE se tkompli tinkludi dispożizzjonijiet robusti għall-promozzjoni tal-azzjoni klimatika u għall-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Pariġi.

    L-Unjoni Ewropea Tkompli Tikseb ir-Riżultati

    Il-messaġġ tal-Unjoni Ewropea fis-Summit dwar il-Klima se jkun ferm aktar minn sempliċiment l-istabbiliment ta’ miri ambizzjużi. Se jkun immirat lejn implimentazzjoni solida u komprensiva. L-Unjoni Ewropea diġà qabżet il-mira tagħha ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra għall-2020 u lestiet il-qafas leġiżlattiv vinkolanti uniku tagħha li se jippermettilna naqbżu l-mira klimatika tagħna għall-2030, li jinkludi mekkaniżmu għall-governanza, għall-monitoraġġ u għall-verifika.

    Għall-ewwel darba, l-UE għammret lilha nnifisha saħansitra bil-qafas ta’ governanza tal-Unjoni tal-Enerġija, fejn l-Istati Membri jridu jistabbilixxu pjanijiet nazzjonali integrati dwar l-enerġija u l-klima (NECPs) għall-perjodu 2021–2030, sabiex juru kif jistgħu jilħqu l-miri tal-2030. Ir-Regolament dwar il-governanza jipprevedi t-trasparenza, permezz ta’ konsultazzjoni wiesgħa dwar il-pjanijiet nazzjonali u aktar kooperazzjoni bejn l-Istati Membri biex jinkisbu l-għanijiet tal-Unjoni tal-Enerġija. L-ewwel abbozz tal-pjanijiet ġie vvalutat u identifika l-oqsma fejn hemm bżonn titjib biex jiġi żgurat li jintlaħqu l-miri tal-2030 u biex inkunu fit-triq lejn in-newtralità tal-klima fit-tul. Ġie stmat li, meta jiġu implimentati bis-sħiħ, dawn il-miżuri se jippermettu lill-Unjoni Ewropea tnaqqas l-emissjonijiet tagħha ta’ gassijiet b’effett ta’ serra b’madwar 45 % (meta mqabbla mal-livelli tal-1990) sal-2030, li jmur lil hinn mill-objettiv tal-Unjoni Ewropea kif stipulat fil-Kontribut Stabbilit fil-Livell Nazzjonali (NDC) tal-Unjoni Ewropea li jitnaqqsu l-emissjonijiet b’mill-inqas 40 % sal-2030.

    Fl-istess ħin, l-Istrateġija ta’ Adattament tal-Unjoni Ewropea 8 ħeġġet it-teħid ta’ azzjonijiet ta’ adattament nazzjonali, reġjonali u lokali biex l-Ewropa ssir aktar reżiljenti għat-tibdil fil-klima mill-2013. It-tagħlimiet li ħadna biż-żieda tar-reżiljenza tagħna għall-impatti tat-tibdil fil-klima, bħall-protezzjoni kontra t-tibdil fil-klima tal-infrastruttura u l-investimenti tagħna, is-sinerġiji mat-tnaqqis tar-riskju ta’ diżastri, inkluż permess tar-RescEU 9 , l-użu usa’ ta’ soluzzjonijiet ekoloġiċi fuq il-bliet, l-użu innovattiv ta’ data spazjali – se jgħinu wkoll lis-sħab internazzjonali tagħna biex isaħħu r-reżiljenza tagħhom stess. Aktar ’il quddiem, il-Kummissjoni Ewropea se tara aktar mill-qrib kif ir-riskji klimatiċi jistgħu jaffettwaw l-istabbiltà finanzjarja jew il-koeżjoni soċjali.

    Barra minn hekk, skont l-aħħar għarfien xjentifiku tal-IPCC u tal-Pjattaforma Intergovernattiva tal-Politika tax-Xjenza dwar il-Bijodiversità u s-servizzi Ekosistemiċi, ma hemm l-ebda soluzzjoni dejjiema għat-tibdil fil-klima mingħajr ma tingħata aktar attenzjoni għal soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura li jinkludu foresti b’saħħithom u reżiljenti. F’dan ir-rigward, l-Unjoni Ewropea qed taħdem ukoll mal-pajjiżi sħab biex iżżid l-azzjoni biex tindirizza d-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti f’konformità mal-Komunikazzjoni 10 riċenti tal-Kummissjoni Ewropea dwar din il-kwistjoni. Flimkien ma’ dan, l-IPCC bħalissa qed ilesti r-rapport tiegħu dwar l-oċeani u l-krijosfera.

    Għall-Unjoni Ewropea dan huwa kollu investiment fil-prosperità tagħna u fit-tħejjija għal ekonomija sostenibbli, newtrali għall-klima u ċirkolari.

    L-Unjoni Ewropea bħala l-Akbar Donatur ta’ Finanzjamenti għall-Klima

    Billi tagħraf li l-emissjonijiet tal-UE jammontaw biss għal madwar 9 % tat-total globali, l-UE se żżid l-attivitajiet tagħha ta’ sensibilizzazzjoni u kooperazzjoni, kemm finanzjarji kif ukoll tekniċi, fil-konfront tal-pajjiżi sħab kollha. L-NDCs se jibqgħu fil-qalba tal-appoġġ tagħna. L-UE qed tmexxi t-tranżizzjoni globali lejn ekonomija globali inklużiva, ġusta u newtrali għall-klima għal kulħadd.

    Il-ħidma mas-sħab internazzjonali u l-kondiviżjoni tal-esperjenzi biex tiġi ispirata l-azzjoni klimatika globali hija u tibqa’ prijorità u qed inkunu ta’ eżempju għall-oħrajn. L-Unjoni Ewropea tibqa’ d-donatur ewlieni dinji fir-rigward tal-għajnuna għall-iżvilupp: Fl-2018 din kienet tammonta għal EUR 74.4 biljun, b’azzjoni klimatika dejjem aktar integrata, intensifikar tal-appoġġ tagħna għall-implimentazzjoni tal-NDCs tal-pajjiżi sħab permezz tal-assistenza ekonomika, tal-bini tal-kapaċità, tal-promozzjoni u t-tmexxija qawwija fin-negozjati multilaterali.

    It-tibdil fil-klima jaffettwa lill-aktar pajjiż vulnerabbli b’mod sproporzjonat. L-Unjoni Ewropea hija l-akbar donatur dinji ta’ finanzjamenti għall-klima. B’aktar minn 40 % tal-finanzjamenti pubbliċi għall-klima fid-dinja, il-kontribuzzjonijiet tal-UE u tal-Istati Membri tagħha żdiedu b’aktar mid-doppju mill-2013 ’l hawn u qabżu l-EUR 20 biljun fis-sena 11 . Hawnhekk ukoll, l-approċċ tal-UE għall-azzjoni klimatika globali, inkluż permezz tal-Bank Ewropew tal-Investiment u ta’ żieda fil-finanzjament ta’ azzjoni klimatika mill-baġit li jmiss, se jmur ferm lil hinn mill-isfera pubblika, b’inizjattivi ġodda li jikkatalizzaw u jimmultiplikaw l-investiment tas-settur privat.

    Il-Pjan ta’ Investiment Estern tal-Unjoni Ewropea se jissaħħaħ permezz tal-“Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli Plus” b’kapaċità ta’ EUR 60 biljun biex jiġu mobilizzati investimenti sostenibbli għall-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli u tal-Ftehim ta’ Pariġi.

    Konklużjoni u l-passi li jmiss

    L-Unjoni Ewropea hija impenjata li tiżgura s-suċċess tas-Summit dwar l-Azzjoni Klimatika tal-2019. Aħna nemmnu li r-rekord tagħna dwar l-azzjoni klimatika, u d-deliberazzjonijiet inklużivi tagħna dwar pjan biex niksbu, mhux sempliċement biex nimmiraw għan-newtralità klimatika sal-2050, id-determinazzjoni tagħna li nimplimentaw l-impenji dwar il-klima, li diġà huma minquxa fil-leġiżlazzjoni Ewropea vinkolanti, flimkien jiffurmaw pjan b’saħħtu għas-Summit f’Settembru.

    Fil-livell tal-mexxejja tas-Summit dwar l-Azzjoni Klimatika, l-Unjoni Ewropea se tkun irrappreżentata mill-President tal-Kunsill Ewropew Donald Tusk Il-koordinazzjoni tal-messaġġi tas-Summit bejn l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE, flimkien mal-attendenza eċċezzjonalment għolja tal-mexxejja tal-UE fis-Summit, se tippermetti lill-UE tittrażmetti b’mod komprensiv u koerenti l-istorja Ewropea ta’ ambizzjoni, azzjoni, unità u determinazzjoni, filwaqt li tirrikonoxxi r-rikkezza tal-approċċi applikati mill-Istati Membri individwali.

    Is-sommarju tal-President se jiġbor fih l-inizjattivi u l-impenji ppreżentati fis-Summit dwar l-Azzjoni Klimatika. Se jiġu stabbiliti arranġamenti ta’ segwitu biex jiġi segwit il-progress, tiġi żgurata r-responsabbiltà u tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni tal-proposti tas-Summit. Dan se tkun responsabbli għalih is-sistema tan-Nazzjonijiet Uniti, inkluż l-UNFCCC.

    Dan kollu jifforma bażi soda għal ambizzjoni klimatika tal-UE saħansitra ogħla. Wara l-elezzjonijiet reċenti tal-Parlament Ewropew u l-formazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea l-ġdida, l-UE se ssegwi d-dibattitu intern dwar kif tista’ tkompli tiżdied l-ambizzjoni u kif jistgħu jintlaħqu l-għanijiet li ġew stabbiliti, filwaqt li ma jitħallew lura l-ebda persuna jew reġjun. L-aspettattiva tagħna hija li se nkomplu nieħdu aktar azzjonijiet kuraġġużi u ambizzjużi li jibnu fuq il-kisbiet sinifikanti tagħna s’issa.

    L-azzjoni klimatika tidher tabilħaqq b’mod prominenti fil-linji gwida politiċi tal-President elett tal-Kummissjoni Ursula von der Leyen bħala parti mill-proposta għal Patt Ekoloġiku Ewropew li għandu l-għan li jagħmel lill-UE l-ewwel kontinent newtrali għall-klima fid-dinja 12 . L-għan triplu 1) li nissodaw l-objettiv fit-tul tan-newtralità klimatika sal-2050 f’leġiżlazzjoni vinkolanti, 2) li nżidu l-ambizzjoni klimatika fuq perjodu ta’ żmien qasir sa medju, f’sinerġija mal-preservazzjoni tal-ambjent naturali tal-Ewropa u 3) li nsaħħu l-azzjoni internazzjonali u nħeġġu lill-pajjiżi terzi għal livell ta’ ambizzjoni akbar fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, se jkun prijorità ewlenija għall-Kummissjoni li jmiss.

    (1)

    Ir-Rapport Speċjali tal-Grupp Intergovernattiv ta’ Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima tal-2018 dwar it-Tisħin Globali ta’ 1.5°C ’il fuq mil-livelli preindustrijali u l-perkorsi relatati mal-emissjonijiet globali ta’ gassijiet b’effett ta’ serra, fil-kuntest tat-tisħiħ tar-rispons globali għat-theddida tat-tibdil fil-klima, l-iżvilupp sostenibbli u l-isforzi biex jinqered il-faqar.

    (2)

     L-Ewrobarometru Speċjali 490 “It-Tibdil fil-Klima”

    (3)

     28/11/2018 - COM (2018) 773 -  Pjaneta Nadifa għal kulħadd – Viżjoni strateġika Ewropea fit-tul għal ekonomija għanja, moderna, kompetittiva u newtrali għall-klima .

    (4)

     EUCO 9/19 Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-20 ta’ Ġunju 2019.

    (5)

     Il-Proposta tal-Kummissjoni dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) għall-perjodu 2021–2027.

    (6)

     Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, L-għeluq taċ-ċirku – Pjan ta’ azzjoni tal-UE għal ekonomija ċirkolari, COM(2015) 614

    (7)

     Ir-Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni għal Ekonomija Ċirkolari, COM(2019) 190

    (8)

    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Strateġija tal-UE dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima COM(2013) 216 final.

    (9)

    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat tar-Reġjuni: “Insaħħu l-Ġestjoni tad-Diżastri fl-UE: rescUE Solidarjetà u Responsabbiltà” COM(2017) 773 final.

    (10)

     Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni “It-Tisħiħ tal-Azzjoni tal-UE għall-Protezzjoni u għar-Restawr tal-Foresti tad-Dinja” COM/2019/352 final.

    (11)

     2018/11/06/2018-ecofin-climate-finance-conclusions.

    (12)

    Il-linji gwida politiċi għall-Kummissjoni li jmiss (2019–2024) – “Unjoni li tirsisti għal aktar: L-aġenda tiegħi għall-Ewropa” - 16 ta’ Lulju 2019: https://ec.europa.eu/commission/sites/beta-political/files/political-guidelines-next-commission_mt.pdf.

    Top