IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 26.7.2019
COM(2019) 355 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
li jivvaluta sa fejn l-Istati Membri ħadu l-miżuri neċessarji sabiex jikkonformaw mad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2003/568/JHA tat-22 ta' Lulju 2003 dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni fis-settur privat
Introduzzjoni
1.1.Sfond
1.1.1. Kamp ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas u tar-rapport
Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2003/568/JHA tat-22 ta’ Lulju 2003 dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni fis-settur privat (minn issa ‘l quddiem id-Deċiżjoni Qafas) għandha l-għan li tiżgura li:
·kemm il-korruzzjoni attiva kif ukoll dik passiva fis-settur privat huma definiti bħala reat kriminali fl-Istati Membri kollha tal-UE;
·il-persuni legali (jiġifieri l-entitajiet kummerċjali, l-organizzazzjonijiet nongovernattivi jew l-organizzazzjonijiet pubbliċi) jistgħu jinżammu responsabbli għal dawn ir-reati; u
·dawn ir-reati jġarrbu pieni effettivi, proporzjonati u dissważivi.
L-Artikolu 2 japplika għal “attivitajiet tan-negozju ġewwa entitajiet bi qligħ u mingħajr qligħ”, li jillimita l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas għall-korruzzjoni li sseħħ min individwi mis-settur privat.
Skont id-Deċiżjoni Qafas, l-Istati Membri jridu jikkriminalizzaw żewġ tipi ta’ mġiba:
- il-wegħda, l-offerta jew l-għotja ta’ tixħim lil persuna fis-settur privat sabiex din il-persuna twettaq jew tibqa’ lura milli twettaq xi ħaġa bi ksur tad-dmirijiet tagħha;
- li titlob jew li tirċievi tixħim, jew li taċċetta wegħda ta’ dan it-tixħim, waqt li taħdem fis-settur privat, sabiex twettaq jew tibqa’ lura milli twettaq xi ħaġa, bi ksur tad-dmirijiet ta’ dak li jkun.
L-Artikolu 9(1) tad-Deċiżjoni Qafas jitlob li l-Istati Membri jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw il-konformità qabel it-22 ta’ Lulju 2005. L-Artikolu 9(2) jitlobhom jgħaddu lill-Kunsill u lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet li jittrasponi l-obbligi imposti fuqhom skont id-Deċiżjoni Qafas fil-liġi nazzjonali.
Għalkemm inizjalment marbut bid-Deċiżjoni Qafas, fl-1 ta’ Settembru 2014 ir-Renju Unit iddeċieda li ma jipparteċipax fit-traspożizzjoni tiegħu fil-liġi nazzjonali abbażi tal-Artikolu 10(4) tal-Protokoll 36 mehmuż mat-Trattati. Għaldaqstant, dan ir-rapport ma jkoprix lir-Renju Unit.
1.1.2. Skop ta’ dan ir-rapport ta’ implimentazzjoni
It-Trattat ta’ Lisbona introduċa tibdil sinifikanti fl-ispazji tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja. Fl-1 ta’ Diċembru 2014 wasal fi tmiemu l-perjodu tranżitorju ta’ ħames snin previst fl-Artikolu 10(1) tal-Protokoll 36 mehmuż mat-Trattati. Dan neħħa l-limiti għall-kontroll ġudizzjarju mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u għas-setgħat ta’ infurzar tal-Kummissjoni fl-ispazji tal-kooperazzjoni tal-pulizija u l-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali. Dan it-tibdil maġġuri kkontribwixxa għall-effiċjenza tal-libertà, tas-sigurtà u tal-ġustizzja fl-UE u saħħaħ il-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri u l-fiduċja taċ-ċittadini tal-UE.
Mill-aħħar rapporti ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni fl-2007 u fl-2011, seħħew għadd ta’ riformi maġġuri fil-liġi kriminali f’xi Stati Membri. Barra minn hekk, il-kriminalizzazzjoni tat-tixħim attiv u passiv, inkluż fis-settur privat, huwa obbligatorju skont il-Konvenzjoni tal-Liġi Kriminali dwar il-Korruzzjoni u l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Korruzzjoni (UNCAC), li l-Istati Membri kollha huma parti minnha. Dawn l-iżviluppi wasslu biex l-Istati Membri jkomplu jallinjaw il-miżuri nazzjonali għall-implimentazzjoni għall-istandards internazzjonali u Ewropej. Dan it-tielet rapport ta’ implimentazzjoni jqis żviluppi ġodda u jinforma lill-koleġiżlaturi u lill-pubbliku ġenerali bil-progress tal-Istati Membri f’dan il-qasam. Is-sejbiet ta’ dan ir-rapport huma mingħajr preġudizzju għas-setgħat ta’ infurzar tal-Kummissjoni skont it-Trattati.
1.1.3. Ġbir tal-informazzjoni u metodoloġija
Fil-15 ta’ Diċembru 2014, il-Kummissjoni stiednet lill-awtoritajiet kollha tal-Istati Membri biex jinnotifikaw lill-Kummissjoni permezz tal-bażi tad-data tal-MNE (Mesures Nationales d’Exécution) il-miżuri ta’ implimentazzjoni nazzjonali għall-istrumenti skont l-eks tielet pilastru sal-1 ta’ Marzu 2015. Fl-2018, il-Kummissjoni talbet lill-Istati Membri jipprovdu informazzjoni aġġornata dwar l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas. Id-deskrizzjoni u l-analiżi f’dan ir-rapport huma bbażati fuq l-informazzjoni li ġiet ipprovduta mill-Istati Membri sal-1 ta’ Awwissu 2018.
Barra minn hekk, fl-2014, il-Kummissjoni ġabret data statistika uffiċjali dwar it-trattament ta’ każijiet ta’ korruzzjoni f’diversi stadji tal-proċedura kriminali fl-Istati Membri. Permezz tal-grupp ta’ esperti dwar il-ħtiġijiet politiċi għad-data dwar il-kriminalità u n-netwerk tal-punti ta’ kuntatt nazzjonali dwar il-korruzzjoni, ġew riċevuti reazzjonijiet minn 26 Stat Membru għas-snin ta’ referenza 2011, 2012 u 2013. Fl-2018, l-isforz tal-ġbir tad-data ġie estiż għas-snin ta’ referenza 2014, 2015 u 2016. Mit-22 Stat Membru li ppreżentaw data, seba’ biss setgħu jagħtu data dwar “kundanni finali għat-tixħim fis-settur privat” għal kwalunkwe waħda mis-snin ta’ referenza bejn l-2014 u l-2016. Filwaqt li d-data hija soġġetta għal xi limitazzjonijiet inerenti, u jenħtieġ li tiġi interpretata b’kawtela anke b’kunsiderazzjoni bir-reqqa tan-noti metodoloġiċi pprovduti, hija utli biex turi l-infurzar tar-reati fid-Deċiżjoni Qafas.
ANALIŻI
Din it-taqsima tippreżenta l-analiżi fid-dettall, u tagħti ħarsa ġenerali lejn l-istatus tat-traspożizzjoni tad-Deċiżjoni Qafas fil-leġiżlazzjoni nazzjonali. It-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali f’kull Stat Membru ġiet ivvalutata fir-rigward ta’ kriterju wieħed biss, jiġifieri jekk id-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Qafas ġewx koperti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali.
Ir-rapport jiffoka fuq l-Artikoli 2 sa 7 tad-Deċiżjoni Qafas. Ma jkoprix l-Artikoli 8 sa 11 (jiġifieri d-dispożizzjonijiet dwar it-tħassir, l-implimentazzjoni, l-applikazzjoni territorjali, id-dħul fis-seħħ) billi dawn ma jirrikjedux traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali.
1.1.Artikolu 2 — Il-korruzzjoni attiva u passiva fis-settur privat
1.1.1.Kummenti ġenerali
L-Artikolu 2 huwa d-dispożizzjoni ewlenija tad-Deċiżjoni Qafas. Jiddefinixxi reati li jinvolvu korruzzjoni attiva u passiva, meta jitwettqu fil-kors tal-attivitajiet tan-negozju. Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 2(1) jinkludi attivitajiet tan-negozju kemm f’entitajiet bi qligħ kif ukoll f’dawk mingħajr qligħ.
Is-seba’ kundizzjonijiet komponenti tal-Artikolu 2(1) huma elenkati hawn taħt.
Artikolu 2(1)(a) — korruzzjoni attiva
|
Artikolu 2(1)(b) — korruzzjoni passiva
|
“Il-wegħda, l-offerta jew l-għotja”
“Direttament jew permezz ta’ intermedjarju”
“Persuna li tmexxi jew taħdem fi kwalunkwe kapaċità”
“Għal entità fis-settur privat”
“Vantaġġ mhux mistħoqq ta’ kwalunkwe tip”
“Għaliha nfisha jew għal parti terza”
“Twettaq jew tibqa’ lura milli twettaq kwalunkwe att, bi ksur tad-dmirijiet tagħha”
|
“Li titlob jew li tirċievi jew li taċċetta wegħda ta’”
“Direttament jew permezz ta’ intermedjarju”
“Waqt li tmexxi jew taħdem fi kwalunkwe kapaċità”
“Għal entità fis-settur privat”
“Vantaġġ mhux mistħoqq ta’ kwalunkwe tip”
“Għaliha nfisha jew għal parti terza”
“Twettaq jew tibqa’ lura milli twettaq kwalunkwe att, bi ksur ta’dak li jkun”
|
Fit-tabella ta’ hawn fuq, l-ewwel elementi elenkati biss (“il-wegħda, l-offerta jew l-għotja”/“titlob jew tirċievi jew taċċetta wegħda ta’”) ivarjaw b’mod konsiderevoli għall-korruzzjoni attiva u passiva Għaldaqstant, l-Istati Membri ġeneralment ittrasponew is-sitt elementi li jifdal fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom b’formulazzjoni simili. Għaldaqstant, dawn is-sitt elementi kostituttivi ta’ korruzzjoni attiva u passiva jitqiesu b’mod konġunt hawn taħt.
Analiżi dettaljata
1.1.1.1.Artikolu 2(1)(a) — il-korruzzjoni attiva — “il-wegħda, l-offerta jew l-għotja”
It-tliet azzjonijiet tal-awtur tar-reat huma kemxejn differenti, għalkemm huwa possibbli li jkun hemm trikkib. “Il-wegħda”, pereżempju, tista’ tkopri sitwazzjonijiet fejn ix-xaħħam jammetti li jkun ta vantaġġ mhux mistħoqq aktar tard jew meta jkun hemm ftehim bejn ix-xaħħam u l-persuna mxaħħma li x-xaħħam se jagħti vantaġġ mhux mistħoqq aktar tard. “L-offerta” tista’ tkopri sitwazzjonijiet fejn ix-xaħħam ikun lest jagħti vantaġġ mhux mistħoqq fi kwalunkwe mument. Fl-aħħar nett, “l-għotja” tista’ tinkludi wkoll sitwazzjonijiet fejn ix-xaħħam jittrasferixxi l-vantaġġ mhux mistħoqq.
Hemm 19-il Stat Membru (BG, CZ, DK, DE, EL, ES, FR, HR, IT, CY, LT, NL, AT, PT, RO, SK, SI, FI u SE) li ttrasponew kważi litteralment it-tliet termini “l-wegħda, l-offerta jew l-għotja” fil-leġiżlazzjoni tagħhom.
Barra minn hekk, f’seba’ Stati Membri (BE, EE, IE, LU, HU, MT u PL) skont il-ġurisprudenza nazzjonali rilevanti, it-termini ta’ traspożizzjoni għandhom tifsira ekwivalenti. F’EE, HU, IE u PL, “l-offerta ta’ tixħim” mhijiex imsemmija fid-definizzjoni attwali ta’ tixħim attiv iżda hija koperta mill-ġurisprudenza. F’BE u LU, il-Kodiċi Kriminali jirreferi għall-“proposta ta’ offerta, wegħda jew vantaġġ ta’ kwalunkwe natura”. F’MT, il-persuna li “xxaħħam” titqies bħala kompliċi. Il-persuna li tipprova twassal lill-persuna l-oħra twettaq ir-reat xorta hija soġġetta għal piena anke jekk l-attentat tagħha ma jirnexxiex.
F’LV “il-wegħda ta’ tixħim” mhijiex koperta b’mod espliċitu.
L-Artikolu 2(1)(b) — il-korruzzjoni passiva — “li titlob jew li tirċievi jew li taċċetta wegħda ta’”
Fil-każ ta’ reat ta’ korruzzjoni passiva, l-elementi materjali jinkludu t-talba jew ir-riċevuta ta’ vantaġġ mhux mistħoqq jew l-aċċettazzjoni tal-wegħda tiegħu. “Li titlob”, pereżempju, tista’ tirreferi għal att unilaterali, jiġifieri ma tagħmilx differenza jekk attwalment tkunx ittieħdet azzjoni fuq it-talba. “Li tirċievi”, pereżempju, tista’ tfisser it-teħid attwali tal-benefiċċju. “Li taċċetta wegħda” ta’ vantaġġ mhux mistħoqq tista’ tirreferi għal sitwazzjonijiet fejn il-persuna mxaħħma taqbel li tieħu l-vantaġġ aktar tard.
Hemm 18-il Stat Membru (BE, BG, DE, EL, HR, LT, LU, HU, MT, AT, PT, SK, FI, IT, RO, NL, PL u SE) li ttrasponew kważi litteralment it-tliet termini “li titlob jew li tirċievi jew li taċċetta wegħda ta’” fil-leġiżlazzjoni tagħhom.
F’sitt Stati Membri (CZ, DK, EE, FR, IE u SI), filwaqt li t-termini ta’ traspożizzjoni użati fil-Kodiċi Kriminali huma differenti, it-tifsira tagħhom hija ekwivalenti skont il-ġurisprudenza rilevanti. Barra minn hekk, f’LV, “li taċċetta wegħda ta’ tixħim” mhijiex koperta expressis verbis, filwaqt li “taċċetta l-offerta ta’ tixħim” hija koperta. F’CZ, “li taċċetta wegħda ta’ vantaġġ mhux mistħoqq” mhijiex koperta b’mod espliċitu mid-definizzjoni attwali tal-korruzzjoni passiva, li tirreferi għal “li taqbel li taċċetta kwalunkwe rigal jew kunsiderazzjoni bħala inċentiv jew remunerazzjoni”.
F’ES, l-element ta’ “li taċċetta wegħda ta’ tixħim” mhijiex koperta espliċitament, billi l-liġi tirreferi biss għal li taċċetta “benefiċċju jew vantaġġ mhux ġustifikat”.
Artikolu 2(1) (a)-(b): il-ħames elementi kostitwenti li jifdal
“Direttament jew permezz ta’ intermedjarju”
Irrispettivament minn jekk ir-riċevitur jew il-benefiċjarju tal-vantaġġ mhux mistħoqq hijiex il-persuna li tirċievi t-tixħim jew parti terza, l-Artikolu 2 jipprovdi li jenħtieġ li l-kriminalizzazzjoni tkopri wkoll lill-intermedjarji.
F’14-il Stat Membru, jiġifieri BE, CZ, ES, EL, FR, HR, CY, LV, LT, LU, MT, PT, RO u SK, dan l-aspett huwa traspost litteralment.
Barra minn hekk, fi 12-il Stat Membru (BG, DE, DK, IE, IT, HU, NL AT, PL, FI, SI u SE), “direttament jew permezz ta’ intermedjarju” mhijiex koperta espliċitament. F’EE, dan l-aspett mhuwiex kopert fid-definizzjoni ta’ tixħim attiv, filwaqt li huwa rifless fid-definizzjoni ta’ tixħim passiv. L-informazzjoni riċevuta mill-awtoritajiet Estonjani ma kinitx konklużiva dwar jekk xi elementi inklużi biss fid-definizzjoni ta’ tixħim passiv japplikawx ukoll għal tixħim attiv.
Madankollu, mingħajr ma nsemmu “direttament jew permezz ta’ intermedjarju”, il-liġijiet nazzjonali jimplikaw li ż-żewġ każijiet huma koperti, għaldaqstant l-Istati Membri kollha jindirizzawha.
“Persuna li tmexxi jew taħdem fi kwalunkwe kapaċità” / “Waqt li tmexxi jew taħdem fi kwalunkwe kapaċità”
Hemm 12-il Stat Membru (BG, BE, DE, EL, ES, FR, LV, LU, HU, MT, PL u FI) li ttrasponew dan l-element litteralment.
Barra minn hekk, 10 Stati Membri (CZ, DK, HR, LT, NL, AT, PT, SE, SK u SI) ittrasponewh b’varjazzjonijiet żgħar.
F’HR, NL u AT, il-leġiżlazzjoni ma tirreferix għall-funzjoni li “tmexxi” iżda sempliċiment “taħdem”. F’PT, id-definizzjoni ma tirreferix għall-funzjoni li “tmexxi”, iżda tirreferi għall-“impjegati tas-settur privat” għall-korruzzjoni passiva u għal “kwalunkwe persuna” għall-korruzzjoni attiva. F’LT, it-tixħim fis-settur privat huwa kriminilizzat biss f’każ fejn il-persuni jkollhom “setgħat amministrattivi xierqa”, jew ikunu “intitolati li jaġixxu f’isem aġenzija, impriża jew organizzazzjoni” jew “jeżerċitaw funzjonijiet pubbliċi”. LT targumenta li l-kompiti ta’ tmexxija jew ta’ ħidma huma ċċarati mill-ġurisprudenza tal-Qorti Suprema. F’CZ u SK ma hemm l-ebda limitazzjoni espliċita ta’ tmexxija jew ħidma, billi jidher li l-formulazzjoni tkopri t-tipi kollha ta’ relazzjonijiet b’rabtiet ma’ kumpanija privata. F’SE, il-leġiżlazzjoni tirreferi għal “persuna li taħdem jew li għandha mandat” (korruzzjoni passiva) jew għal kwalunkwe “persuna” (korruzzjoni attiva). Dan jidher li jkopri kemm l-aspetti tat-tmexxija kif ukoll dawk tal-ħidma. F’DK u SI, billi l-liġi ma tispeċifikax ir-rabta bejn l-awtur u l-persuna legali, wieħed jassumi li dawn l-elementi kollha huma koperti.
Fir-rigward ta’ EE, l-aspett ta’ “ħidma jew tmexxija” mhuwiex kopert fid-definizzjoni ta’ tixħim attiv, filwaqt li d-definizzjoni ta’ tixħim passiv tirreferi għalihom b’mod usa’, jiġifieri “minn persuna kompetenti biex twettaq attivitajiet ekonomiċi”. L-informazzjoni riċevuta mill-awtoritajiet Estonjani ma kinitx konklużiva dwar jekk xi elementi inklużi fid-definizzjoni ta’ tixħim passiv japplikawx ukoll għal tixħim attiv.
F’RO, “li tmexxi jew taħdem” mhijiex imsemmija b’mod espliċitu fid-definizzjoni ta’ korruzzjoni attiva jew passiva. It-test jirreferi għal “min, fuq bażi permanenti jew temporanja, jissodisfa obbligu jew kompitu sa fejn jipparteċipaw jew jistgħu jinfluwenzaw it-teħid ta’ deċiżjonijiet”. Dan jidher li jkopri l-funzjonijiet tal-maniġment, iżda mhux neċessarjament it-tipi kollha ta’ relazzjonijiet tax-xogħol. F’IE u CY, l-atti ta’ korruzzjoni attiva u passiva huma limitati għall-imġiba tal-aġent “b’rabta mal-affarijiet jew in-negozju tal-prinċipal tiegħu”, li jidher li jirrestrinġi d-definizzjoni.
F’IT, il-korruzzjoni attiva u passiva tirreferi biss għal rwoli eżekuttivi, bħal maniġers, diretturi ġenerali, diretturi inkarigati mill-abbozzar tal-karti tal-bilanċ, sindki, u likwidaturi jew kull min “jeżerċita funzjonijiet varji ta’ maniġment”, u jitħallew barra mill-kamp ta’ applikazzjoni personali l-persuni mingħajr rwol eżekuttiv.
“Għal entità fis-settur privat”
F’10 Stati Membri (BG, CZ, FR, EE, EL, IT, LV, HU, MT u PT) dan l-element huwa indirizzat espliċitament fil-miżuri nazzjonali ta’ traspożizzjoni. Madankollu, mhuwiex kopert espliċitament f’14-il Stat Membru (BE, DK, ES, HR, IE, CY, LT, LU, NL, PL, RO, SK, SI u SE) billi f’dawn il-pajjiżi r-reat normalment jirreferi għal kwalunkwe persuna (“hi min hi”). Madankollu, billi din ir-referenza hija wiesgħa, din hija konformi mad-Deċiżjoni Qafas.
F’DE, AT u FI, il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjoni huwa limitat għan-negozji/kumpaniji, li huma kunċetti iktar stretti mill-entitajiet tas-settur privat. ES illimitat il-kamp ta’ applikazzjoni b’mod simili. Rigward din il-kwistjoni, ara wkoll l-Artikolu 2(2) hawn taħt.
“Vantaġġ mhux mistħoqq ta’ kwalunkwe tip”
Vantaġġ mhux mistħoqq jista’ jkun wieħed ekonomiku iżda jista’ jkun ukoll mhux materjali fin-natura tiegħu. L-importanti hu li l-awtur tar-reat jew kwalunkwe persuna oħra, pereżempju qarib, titpoġġa f’pożizzjoni aħjar milli kienet qabel ma twettaq ir-reat u li ma tkunx intiolata għall-benefiċċju. Dan jinkludi, pereżempju, flus, vaganzi, self, ikel u xorb, każ li jiġi trattat b’pass mgħaġġel, prospetti tal-karriera aħjar, eċċ. Jenħtieġ li “mhux mistħoqq” tiġi interpretata bħala xi ħaġa li r-riċevitur ma jkunx legalment intitolat li jaċċetta jew li jirċievi. Din l-interpretazzjoni teskludi vantaġġi permessi mil-liġi jew mir-regoli amministrattivi mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-reat.
Hemm 19-il Stat Membru (BE, BG, DE, DK, ES, EL, CY, LT, LV, LU, HU, MT, AT, PL, PT, RO, FI, IT u SE) li ttrasponew dan l-element litteralment.
Xi Stati membri oħrajn ittrasponewh b’varjazzjonijiet żgħar.
F’NL, id-dispożizzjoni ta’ implimentazzjoni ma tirreferix għal “vantaġġ mhux mistħoqq”, iżda minflok għal “rigal”, “servizz” jew “wegħda”. F’CY, il-“vantaġġ mhux mistħoqq” huwa traspost bħala “kwalunkwe rigal, jew kunsiderazzjoni bħala inċentiv jew premju” Il-leġiżlazzjoni ta’ FR tirreferi għal “kwalunkwe vantaġġ”, li għandha tifsira kemxejn usa’, filwaqt li l-liġi ta’ HR issemmi “favur”. F’SI, il-liġi tirreferi għal “għotja mhux awtorizzata, rigal jew benefiċċju ieħor ta’ proprjetà”. F’IE ir-reat ta’ tixħim passiv jirreferi għat-termini “rigal, kunsiderazzjoni jew vantaġġ”, filwaqt li r-reat ta’ tixħim attiv jirreferi biss għal “rigal jew kunsiderazzjoni”.
SK ma tindirizzax speċifikament l-offerta ta’ kwalunkwe vantaġġ mhux mistħoqq għajr tixħim. It-terminu “vantaġġ” ma jintużax fid-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Kriminali tas-Slovakkja dwar it-tixħim, iżda minflok jintuża t-terminu “tixħim”: “tixħim għandu jfisser oġġett jew it-trasferiment ta’ proprjetà jew ta’ kwalunkwe ħaġa ta’ natura mhux materjali li ma jeżisti l-ebda intitolament legali għaliha”. F’CZ, “vantaġġ mhux mistħoqq ta’ kwalunkwe tip” hija koperta mid-definizzjoni ta’ “tixħim”, li hija definita bħala “vantaġġ mhux mistħoqq li jikkonsisti f’arrikkiment materjali dirett jew vantaġġ ieħor ... li l-persuna mhijiex intitolata għalih”.
F’EE, fil-każ ta’ tixħim passiv, il-vantaġġ mhux mistħoqq huwa msemmi bħala “proprjetà jew benefiċċji oħrajn” filwaqt li għal tixħim attiv, il-liġi tirreferi għal tixħim, li huwa kunċett limitat meta mqabbel mal-vantaġġ mhux mistħoqq. Abbażi tal-informazzjoni riċevuta, mhuwiex ċar jekk xi elementi inklużi fid-definizzjoni ta’ tixħim passiv japplikawx ukoll għal tixħim attiv.
“Għaliha nfisha jew għal parti terza”
Fi 22 Stat Membru, dan l-element huwa traspost litteralment (BE, BG, CZ, DE, DK ES, EL, FR, HU, HR, CY, LT, LV, LU, MT, AT, PT, SK, SI, FI, IE u SE).
F’PL, l-aspett relatat ma’ parti terza jista’ jiġi kopert indirettament biss, sa fejn jikkorrispondi ma’ “favur xerrej, jew riċevitur ta’ oġġetti, servizzi jew atti oħrajn”
Dan l-element mhuwiex kopert espliċitament f’żewġ Stati Membri (NL u RO). Fi tnejn oħra (EE u IT) mhuwiex kopert sa fejn jirrigwarda d-definizzjoni ta’ tixħim attiv.
“Twettaq jew tibqa’ lura milli twettaq kwalunkwe att, bi ksur tad-dmirijiet tagħha”
Fi 13-il Stat Membru (BE, BG, DE, DK, FR, EL, IE, IT, CY, LV, LU, AT u SK) dan l-element huwa traspost litteralment mil-leġiżlazzjoni nazzjonali.
Seba’ Stati Membri (LT, LV, HU, MT, PT, RO u SE) ittrasponew dan l-element b’varjazzjonijiet żgħar. F’RO dan l-aspett huwa rifless biss fid-definizzjoni ta’ tixħim passiv. F’LT, huwa traspost bħala “azzjoni jew inazzjoni legali jew illegali (...) fl-eżerċitar tas-setgħat tiegħu/tagħha”. F’PT, l-idea ta’ “ksur tad-dmirijiet” tidher biss fid-definizzjoni ta’ tixħim passiv, iżda mhux f’dak attiv. F’LV, il-komponent “twettaq jew tibqa’ lura milli twettaq kwalunkwe att, bi ksur tad-dmirijiet tagħha” huwa traspost b’mod usa’ billi t-twettiq jew iż-żamma milli jitwettaq att irid isir “bl-użu tal-awtorità tiegħu/tagħha” mingħajr ma jinvolvi neċessarjament ksur speċifiku. F’HU, MT u SE, il-leġiżlazzjoni ma tirreferix għal “jenħtieġ li twettaq jew tibqa’ lura milli twettaq”. Dan jimplika li l-ommissjoni ta’ dawn l-elementi ma għandhiex impatt fuq “bi ksur tad-dmirijiet tagħha” li tinsab stabbilita fil-Kodiċi Kriminali — ma jagħmilx differenza jekk dawn il-kelmiet humiex impliċiti jew espliċiti.
F’EE, dan l-aspett huwa msemmi bħala “abbuż tal-kompetenza tiegħu jew tagħha” fil-korruzzjoni passiva, filwaqt li assolutament mhuwiex imsemmi fid-definizzjoni ta’ korruzzjoni attiva. L-informazzjoni riċevuta mill-awtoritajiet Estonjani ma kinitx konklużiva dwar jekk xi elementi inklużi fid-definizzjoni ta’ tixħim passiv japplikawx ukoll għal tixħim attiv.
F’CZ, il-Kodiċi Kriminali ma jillimitax l-applikabilità tad-dispożizzjonijiet dwar tixħim fis-settur privat għal każijiet li fihom kien hemm ksur tad-dmirijiet.
F’ES, is-sentenza “bi ksur tad-dmirijiet tagħha” tneħħiet mil-liġi. Barra minn hekk, l-aspett ta’ “twettaq jew tibqa’ lura milli twettaq kwalunkwe att” mhuwiex rifless fil-formulazzjoni attwali. Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-artikolu huwa limitat ukoll (“fix-xiri jew bejgħ ta’ oġġetti, jew fl-ikkuntrattar ta’ servizzi jew relazzjonijiet kummerċjali”).
F’FI, u HR, il-ksur tad-dmirijiet mhuwiex speċifikat, u minflok “twettaq jew tibqa’ lura milli twettaq kwalunkwe att”, it-test jirreferi għall-preferenza favur xaħħam jew persuna oħra. F’SI, il-liġi ssemmi li l-interess tal-organizzazzjoni jew ta’ individwu ieħor jiġi ttraskurat jew issir ħsara meta jiġi konkluż jew jinżamm kuntratt. Fin-Netherlands, l-element ta’ “ksur tad-dmirijiet” huwa traspost bħala “ksur in bona fede”, li jinkludi “l-ħabi tal-aċċettazzjoni jew tat-talba tar-rigal jew tal-wegħda jew tas-servizz mill-impjegatur jew il-prinċipal tiegħu/tagħha”.
F’PL, l-idea ta’ “ksur tad-dmirijiet” hija trasposta bħala “nuqqas ta’ twettiq ta’ dmir assenjat lil tali persuna li jista’ jikkawża ħsara materjali fuq din l-unità jew jista’ jikkostitwixxi att ta’ kompetizzjoni inġusta jew att inammissibbli ta’ preferenza favur xerrej, jew riċevitur ta’ oġġetti, servizzi jew prestazzjoni oħra”.
Limitazzjonijiet oħrajn
Għall-kuntrarju tal-25 Stat Membru ieħor tal-UE, f’BE u LU hemm limitazzjoni għall-każijiet fejn il-ksur tad-dmirijiet ma jkunx magħruf mis-superjur, kemm fir-reati ta’ tixħim passiv kif ukoll f’dak attiv.
Artikolu 2(2)
L-Artikolu 2(2) jistabbilixxi li l-Artikolu 2(1) japplika għal attivitajiet tan-negozju f’entitajiet bi qligħ kif ukoll kif ukoll f'dawk mingħajr qligħ.
Ħafna mill-Istati Membri jirreferu b’mod espliċitu għall-inklużjoni tal-entitajiet bi qligħ fil-leġiżlazzjoni tagħhom, u oħrajn ifformulaw il-leġiżlazzjoni tagħhom b’mod tant wiesa’ li l-entitajiet mingħajr qligħ mhumiex esklużi (BE, BG, CZ, DK, EE, FR, EL, HR, IE, IT, CY, LV, LT, LU, HU, NL, MT, PL, PT, RO, SK, SI u SE).
F’erba’ Stati Membri (DE, FI, AT u ES) il-kamp ta’ applikazzjoni tar-reat huwa differenti. F’DE, FI u AT, id-dispożizzjoni hija limitata għan-”negozji/kumpaniji”, li huwa kunċett aktar strett mill-entitajiet tas-settur privat. ES illimitat il-kamp ta’ applikazzjoni b’mod simili. Il-limitazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tar-reati kriminali rilevanti għan-negozji f’xi każijiet teskludi r-responsabilità penali ta’ individwi li jxaħħmu f’isem, jew favur, organizzazzjoni mingħajr qligħ. L-organizzazzjonijiet mingħajr qligħ huma parti mis-settur privat, u jistgħu jkunu, pereżempju, fondazzjonijiet, assoċjazzjonijiet, klabbs tal-isport, organizzazzjonijiet tal-Knisja u karitattivi. Organizzazzjonijiet mingħajr qligħ ta’ spiss jinvolvu ruħhom f’attivitajiet tan-negozju, iżda tipikament jużaw id-dħul biex ikomplu jiksbu l-objettivi soċjali, edukattivi jew karitattivi aħħarin tagħhom, minflok ma jqassmu l-introjtu lill-azzjonisti, lill-mexxejja, jew lill-membri tal-organizzazzjoni.
Barra minn hekk, għall-attivitajiet koperti mid-Deċiżjoni Qafas, skont l-Artikolu 2(3), l-Istati Membri jistgħu jiddikjaraw li huma jillimitaw il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ kondotta li tinvolvi distorsjoni tal-kompetizzjoni fir-rigward tax-xiri ta’ oġġetti jew servizzi kummerċjali. Dawn id-dikjarazzjonijiet saru minn DE, IT, AT u PL. Id-dikjarazzjonijiet kienu validi sat-22 ta’ Lulju 2010. (Artikolu 2(4)). Billi l-Kunsill ma ddeċidiex li jestendi l-validità tagħhom, il-Kummissjoni tqis li dawn ma għadhomx validi.
F’DE, il-formulazzjoni attwali tat-Taqsima 299 tal-Kodiċi Kriminali tista’ teskludi ċerti sitwazzjonijiet li l-entitajiet tas-settur privat ikunu involuti fihom, jew iħabbtu wiċċhom magħhom fil-prattika u li mhumiex strettament marbuta ma’ tranżazzjonijiet ta’ akkwist. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 2 jirreferi għal tixħim “waqt l-attività tan-negozju”, li tkopri l-aktar firxa wiesgħa ta’ attivitajiet.
Fir-rigward ta’ ES, il-korruzzjoni attiva u passiva hija limitata għax-“xiri jew bejgħ ta’ oġġetti, jew fl-ikkuntrattar ta’ servizzi jew relazzjonijiet kummerċjali”.
F’SI ir-reat jinkludi limitazzjoni possibbli: “meta jiġi konluż jew jinżamm kuntratt”.
Artikolu 3 — L-instigazzjoni, l-għajnuna u t-tħajjir
L-Artikolu 3 jiffoka fuq parteċipazzjoni fil-korruzzjoni permezz ta’ instigazzjoni, għajnuna u tħajjir. Madankollu, dan ma jindirizzax ir-reati attentati.
F’25 Stat Membru (BE, BG, CZ, DE, DK, ES, EE, EL, FR, HR, CY, LT, LV, LU, HU, MT, NL, AT, PL, PT, RO, SK, SI, FI u SE) il-liġijiet nazzjonali jindirizzaw l-instigazzjoni, l-għajnuna u t-tħajjir. IE spjegat li filwaqt li l-instigazzjoni ma kenitx speċifikament koperta mil-liġi nazzjonali tagħha, hija indirizzata mill-każistika.
IT tqis li dawn il-kunċetti huma koperti mill-artikoli fil-Kodiċi Kriminali taħt il-kunċett ta’ “favoritiżmu”. Madankollu, l-informazzjoni riċevuta f’dak ir-rigward ma kenitx konklużiva.
Artikolu 4 — – Il-penali u sanzjonijiet oħra
L-Artikolu 4(1) jirrikjedi li r-reati ta’ korruzzjoni fis-settur privat jiġu kkastigati b’pieni kriminali li huma “effettivi, proporzjonati u dissważivi”. Il-liġijiet nazzjonali tal-Istati Membri kollha jindirizzaw l-Artikolu 4(1).
L-Artikolu 4(2) jirrikjedi li l-Istati Membri jiżguraw li l-korruzzjoni passiva u attiva fis-settur privat tkun ikkastigata b’piena massima ta’ mill-inqas bejn sena u tliet snin ta’ priġunerija. Il-Kummissjoni tikkonkludi li l-limitu massimu għall-pieni huwa traspost fil-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri kollha.
L-Artikolu 4(3) jirrikjedi li l-Istati Membri jipprojbixxu temporanjament, f’ċerti ċirkustanzi, li persuni naturali jwettqu l-attività tan-negozju partikulari jew paragunabbli f’pożizzjoni jew kapaċità simili. Dan huwa indirizzat mil-liġi nazzjonali f’24 Stat Membru (BE, BG, CZ, DE, DK, EE, EL, FR, HR, IE, IT, LV, LT, LU, HU, MT, NL, AT, PT, PL, RO, FI, SK u SI). SE spjegat li dawn il-miżuri jistgħu jittieħdu abbażi tal-Att dwar Skwalifiki minn Attivitajiet Kummerċjali, iżda ma tatx spjegazzjoni aktar dettaljata.
L-informazzjoni mgħotija minn CY u ES ma kenitx biżżejjed biex jiġi konkluż jekk il-liġijiet nazzjonali tagħhom jindirizzawx l-Artikolu 4(3).
Artikolu 5 — Il-lijabbiltà tal-persuni legali
L-Artikolu 5 jipprevedi l-lijabbiltà tal-persuni legali fir-rigward tal-korruzzjoni attiva kif ukoll dik passiva. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu bejn responsabbiltà penali u amministrattiva.
Skont l-Artikolu 5(1), l-Istati Membri jridu jiżguraw li l-persuni legali jkunu responsabbli meta jkun hemm it-tixħim għall-benefiċċju tagħhom minn kwalunkwe persuna li “taġixxi jew individwalment jew bħala parti minn organu ta’ persuna legali” u li għandha pożizzjoni prominenti f’dik il-persuna legali.
Skont l-Artikolu 5(2), l-Istati Membri jridu jiżguraw li persuna legali tista’ tkun ukoll lijabbli f’każijiet fejn it-twettiq ta’ reat ikun possibbli minħabba nuqqas ta’ superviżjoni jew kontroll.
Il-lijabbiltà ta’ persuni legali ma teskludix proċedimenti kriminali kontra persuni naturali meta jkunu l-awturi, l-instigaturi jew l-aċċessorji (l-Artikolu 5(3)).
Attwalment, 16-il Stat Membru (BE, DK, DE, ES, EL, FR, CY, LV, LT, LU, HU, AT, PL, FI, SK u SI) għandhom fis-seħħ leġiżlazzjoni li tittrasponi din id-dispożizzjoni. Xi Stati Membri jużaw miżuri kriminali, filwaqt li oħrajn jużaw miżuri amministrattivi kontra persuni legali. Iż-żewġ approċċi huma aċċettabbli indaqs skont id-Deċiżjoni Qafas. F’IE, il-lijabbiltà tal-persuni legali hija bbażata fuq każisitika. IE ma tatx biżżejjed informazzjoni biex tkun tista’ tiġi vvalutata t-traspożizzjoni tal-Artikoli 5(2) u 5(3).
F’PT, il-lijabbiltà tal-persuni legali u l-entitajiet ekwivalenti hija eskluża jekk l-awtur ikun aġixxa kontra l-ordnijiet speċifiċi jew l-istruzzjonijiet ta’ dawk li huma intitolati li joħorġuhom. F’HR, il-lijabbiltà tal-persuni legali tiddependi fuq żewġ kriterji alternattivi, li minnhom waħda tirreferi għal “qligħ illegali” għall-persuna legali jew għat-terza persuna. F’EE, il-persuna legali hija eżenti minn responsabilità penali jekk att li jitwettaq minn rappreżentant kompetenti tagħha kien “inevitabbli” għall-persuna legali. IE tirreferi għal-liġi komuni u għall-ġurisprudenza rilevanti, li skonthom persuna legali hija lijabbli għall-atti tal-“uffiċjali ta’ kontroll” tagħha.
Skont l-Artikolu 5(2), l-Istati Membri jridu jiżguraw li persuna legali tista’ tkun ukoll lijabbli f’każijiet fejn it-twettiq ta’ reat ikun possibbli minħabba nuqqas ta’ superviżjoni jew kontroll. Fi tmien Stati Membri, ma hemmx biżżejjed informazzjoni biex jiġi vvalutat jekk in-nuqqas ta’ superviżjoni jew kontroll huwiex kopert skont il-liġi nazzjonali (BG, CZ, EE, IT, MT, NL u PT), jew jekk il-każistika tkoprix dawn l-aspetti (IE).
L-Artikolu 5(3) jistabbilixxi kundizzjoni negattiva. Meta l-Istati Membri ma jkollhom l-ebda leġiżlazzjoni jew prattika kontradittorja fis-seħħ, jiġi preżunt li dawn jissodisfaw il-kundizzjoni, jiġifieri li l-lijabbiltà tal-persuni legali ma teskludix il-proċedimenti kriminali kontra l-persuni naturali involuti bħala awturi, instigaturi jew aċċessorji.
Artikolu 6 — Il-pieni għall-persuni legali
L-Artikolu 6 jirrikjedi li l-Istati Membri jistabbilixxu sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi għall-persuni legali (kriminali u mhux kriminali) għal korruzzjoni attiva u passiva, instigazzjoni u tħajjir u li jagħmlu t-twettiq tar-reat possibbli permezz ta’ nuqqas ta’ superviżjoni jew kontroll. L-Artikolu 6(1), apparti penali finanzjarji, jagħti wkoll eżempji ta’ sanzjonijiet li jistgħu jiġu imposti, bħall-esklużjoni minn benefiċċji jew għajnuniet pubbliċi, skwalifika mill-prattika ta’ attivitajiet kummerċjali, sorveljanza ġudizzjarja jew ordni ġudizzjarja ta’ stralċ. Skont l-Artikolu 6(2), is-sanzjonijiet iridu jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.
Hemm 18-il Stat Membru (BE, BG, CZ, DE, DK, EL, FR, HR, LV, LU, HU, MT, AT, PL, SK, SI, FI u CY) li taw informzzjoni li tindika li l-leġiżlazzjoni li tittrasponi l-Artikolu 6(1) hija fis-seħħ. L-informazzjoni minn Stati Membri oħra ma kenitx konklużiva.
L-Artikolu 6(2) huwa indirizzat fil-leġiżlazzjoni nazzjonali f’26 Stat Membru. IE tikkonferma t-traspożizzjoni tal-Artikolu 6 permezz ta’ att legali adottat fl-1906. Madankollu, dan l-att ikopri biss pieni għall-persuni naturali, mhux għall-persuna legali. Għaldaqstant, l-informazzjoni mogħtija mhijiex biżżejjed biex tiġi vvalutata t-traspożizzjoni.
Artikolu 7 — Il-ġuriżdizzjoni
L-Artikolu 7 jirikjedi li l-Istati Membri jieħdu l-miżuri neċessarji biex jistabbilixxu ġuriżdizzjoni fuq reat li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni Qafas, fejn parti mir-reat jew ir-reat kollu jkunu twettqu fit-territorju tagħhom, minn ċittadin tagħhom, jew għall-benefiċċji ta’ persuna legali li jkollha s-sede fit-territorju tagħhom. L-Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni fl-applikazzjoni tal-aħħar żewġ regoli ta’ ġuriżdizzjoni.
L-Istati Membri kollha għandhom fis-seħħ miżuri nazzjonali biex jittrasponu din id-dispożizzjoni.
F’konformità mal-Artikolu 7(2), 16-il Stat Membru (BG, DE, DK, FR, EL, IT, IE, LT, LU, HU, MT, NL, AT, PL, FI u SE) iddeċidew li ma japplikawx ċerti regoli dwar il-ġuriżdizzjoni (meta r-reat ikun twettaq minn wieħed miċ-ċittadini tagħhom jew twettaq għall-benefiċċji ta’ persuna legali li jkollha s-sede fit-territorju tal-Istat Membru). F’xi Stati Membri (bħal FI, FR, jew DK), skont l-Artikolu 7(2)(b), huwa previst rekwiżit ta’ kriminalità doppja, u jista’ jkun soġġett għal kundizzjonijiet oħrajn, bħal rapport ippreżentat mill-vittma (FR) jew il-proċediment imniedi mill-prosekutur (FR).
KONKLUŻJONIJIET
L-informazzjoni riċevuta mill-Istati Membri tindika li mill-2011 f’ħafna minnhom seħħew riformi maġġuri. Pereżempju, fl-2014 il-Greċja emendat id-dispożizzjonijiet kriminali tagħha dwar il-korruzzjoni, u l-Bulgarija, il-Ġermanja, l-Estonja u Spanja għamlu dan fl-2015. Il-Belġju emenda l-Kodiċi Kriminali tiegħu fl-2016 u fl-2018 u l-Italja għamlet dan fl-2017. L-Ungerija adottat Kodiċi Kriminali ġdid fl-2012 u rrevediet l-istrumenti ġuridiċi relatati kollha. Is-Slovakkja adottat liġi dwar il-lijabbiltà tal-persuni legali fl-2016.
B’mod ġenerali, il-livell tat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali tad-Deċiżjoni Qafas tjieb b’mod ċar mir-rapport ta’ implimentazzjoni tal-2011. Il-livell tas-sanzjonijiet introdotti fil-kodiċijiet kriminali nazzjonali huwa konformi mal-livelli limiti minimi tad-Deċiżjoni Qafas fl-Istati Membri kollha.
Madankollu, f’xi Stati Membri kien diffiċli li jiġu implimentati xi wħud mid-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Qafas. Pereżempju, l-aċċettazzjoni ta’ wegħda ta’ tixħim mhijiex koperta fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istati Membri kollha, u f’xi pajjiżi t-twettiq ta’ reat minn xi ħadd li jmexxi jew li jaħdem huwa limitat għal pożizzjonijiet jew setgħat speċifiċi. Ma jidhirx li l-vantaġġ mhux mistħoqq offrut jew mogħti lil partijiet terzi huwa kompletament kopert f’għadd żgħir ta’ Stati Membri. Il-vantaġġ mhux mistħoqq huwa wkoll kunċett li huwa definit f’firxa ta’ modi, li kultant ikopru aktar minn dak li huwa strettament meħtieġ, iżda drabi oħrajn jitħallew barra elementi importanti. Barra minn hekk, xi Stati Membri inkludew limitazzjoni għall-kamp ta’ applikazzjoni tar-reat ta’ korruzzjoni fis-settur privat, billi speċifikaw ċerti kundizzjonijiet li fihom jista’ jitwettaq ir-reat, jew billi llimitaw il-kamp ta’ applikazzjoni tar-reat għall-kumpaniji u entitajiet oħra bi qligħ, u b’hekk tħallew barra l-organizzazzjonijiet mingħajr qligħ. F’xi Stati Membri, id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Kodiċi Kriminali ma jestendux għal entitajiet mingħajr qligħ.
Filwaqt li diversi Stati Membri għamlu sforzi biex jemendaw il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom, l-isforzi tagħhom iridu jestendu għall-infurzar ta’ dawn il-miżuri kriminali. Kienu 13-il Stat Membru biss li pprovdew data rreġistrata dwar it-tixħim fis-settur privat, fost it-22 Stat Membru li pprovdew statistika fil-qafas tal-aġġornament tal-2018 għas-snin ta’ referenza mill-2014 sal-2016. Fis-snin ta’ rappurtar, kien hemm biss ftit kundanni għall-korruzzjoni fis-settur privat.
Il-Kummissjoni se tkompli tappoġġja lill-Istati Membri fit-traspożizzjoni, fl-implimentazzjoni u fl-infurzar tal-leġiżlazzjoni tal-UE għal livell soddisfaċenti. Dan jinkludi l-ivverifikar li l-miżuri nazzjonali jikkonformaw bis-sħiħ mad-dispożizzjonijiet korrispondenti fid-Deċiżjoni Qafas, l-organizzazzjoni ta’ laqgħat mal-awtoritajiet nazzjonali tal-Istati Membri u l-iffaċilitar tal-iżvilupp u l-iskambju tal-aħjar prattiki f’oqsma speċifiċi. Fejn ikun meħtieġ, il-Kummissjoni se tagħmel użu mis-setgħat ta’ infurzar skont it-Trattati permezz ta proċeduri ta’ ksur. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni se tkompli tiġbor statistika kriminali li tkopri l-korruzzjoni fis-settur privat.