Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52019DC0274

    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar is-sitwazzjoni attwali tal-Politika Komuni tas-Sajd u dwar konsultazzjoni b’rabta mal-opportunitajiet tas-sajd għall-2020

    COM/2019/274 final

    Brussell, 7.6.2019

    COM(2019) 274 final

    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

    dwar is-sitwazzjoni attwali tal-Politika Komuni tas-Sajd u dwar konsultazzjoni b’rabta mal-opportunitajiet tas-sajd għall-2020

    {SWD(2019) 205 final}


    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

    dwar is-sitwazzjoni attwali tal-Politika Komuni tas-Sajd u dwar konsultazzjoni b’rabta mal-opportunitajiet tas-sajd għall-2020

    1.Daħla

    Din il-Komunikazzjoni tagħti ħarsa ġenerali lejn is-sitwazzjoni attwali tal-Politika Komuni tas-Sajd (il-PKS) u tinkludi l-orjentazzjonijiet ewlenin għat-tfassil tal-proposti tal-Kummissjoni dwar l-opportunitajiet tas-sajd għall-2020.

    L-objettiv ewlieni tal-ġestjoni tas-sajd fil-kuntest tal-PKS huwa li jiġi żgurat rendiment għoli u fit-tul mis-sajd (Fmsy) għall-istokkijiet kollha sa mhux aktar tard mill-2020. Il-kisba ta’ dan l-objettiv se tikkontribwixxi wkoll biex jinkiseb status ambjentali tajjeb fl-ibħra Ewropej sal-2020 1 u biex jitnaqqas kemm jista’ jkun l-impatt negattiv tal-attivitajiet tas-sajd fuq l-ekosistemi tal-baħar.

    2.Progress fl-implimentazzjoni tal-PKS

    2.1.Progress fil-kisba tal-Fmsy

    Fl-Atlantiku tat-Tramuntana u fiż-żoni ta’ madwaru, b’mod ġenerali, il-pressjoni fuq l-istokkijiet tal-ħut (F/Fmsy) naqset fil-perjodu ta’ bejn l-2003 u l-2017, u l-mortalità medjana mis-sajd stabbilizzat ruħha f’livell ta’ 1.0. L-indikatur tal-F/Fmsy għall-Mediterran u għall-Baħar l-Iswed baqa’ f’livell ta’ 2.2, jiġifieri għad hemm sfruttament ferm ogħla mill-mira tal-Fmsy.

    It-TACs huma wieħed mill-għodod ewlenin tal-ġestjoni tas-sajd. Fl-Atlantiku tat-Tramuntana u fiż-żoni ta’ madwaru, għall-2019, il-Kummissjoni pproponiet TACs li kienu konformi mal-Fmsy jew li kienu inqas minnha għas-76 TAC kollha li għalihom kien hemm parir dwar l-Fmsy. Dan ma kienx possibbli fil-każ ta’ ħames TACs li għalihom il-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar (l-ICES) kien ta parir li ma jkun hemm l-ebda TAC, minħabba li dan kien iwassal għal sitwazzjonijiet ta’ kwoti limitanti b’impatti soċjoekonomiċi serji, u għalhekk, f’dawn il-każijiet, ġie deċiż li jinżammu TACs għall-qabdiet inċidentali f’livelli baxxi. Il-Kunsill stabbilixxa 59 TAC skont l-Fmsy, li jikkorrispondu għal tliet TACs addizzjonali meta mqabbla mal-2018.

    95 % mill-ħatt l-art mistenni fil-Baħar Baltiku jiġi minn TACs stabbiliti skont l-Fmsy u 4 % minn TACs stabbiliti skont l-avviżi ta’ prekawzjoni. 99.7 % mill-ħatt l-art (tal-istokkijiet li għalihom ġiet ivvalutata l-Fmsy u li l-ġestjoni tagħhom hija f’idejn l-UE waħedha) mistenni fil-Baħar tat-Tramuntana, fi Skagerrak u f’Kattegat jiġi minn TACs stabbiliti skont l-Fmsy, u fl-Ilmijiet tal-Majjistral u tal-Lbiċ din iċ-ċifra hija ta’ 94 % u ta’ 90 % rispettivament.

    Għall-istokkijiet tal-ħut tal-baħar fond, f’Novembru tal-2018 ġew stabbiliti l-opportunitajiet tas-sajd għall-2019 u l-2020. Dawn jirrappreżentaw inqas minn 1 % mill-ħatt l-art kollu tal-UE. Il-valutazzjonijiet għall-istokkijiet kollha tal-ħut tal-baħar fond huma limitati. Id-deċiżjonijiet rilevanti tal-Kunsill dwar l-opportunitajiet tas-sajd fil-baħar fond issa jissejsu iktar fuq il-parir xjentifiku mis-snin ta’ qabel.

    Għall-istokkijiet li dwarhom iridu jsiru konsultazzjonijiet mal-Istati Kostali 2 , it-TAC għall-2019 għall-istokkafixx biss kien konformi mal-istrateġija ta’ ġestjoni fit-tul għal dan l-istokk u mal-parir tal-ICES dwar l-Fmsy. In-negozjati bejn l-UE u n-Norveġja wasslu għal riżultat li mhuwiex daqshekk ambizzjuż f’termini tal-konservazzjoni, minħabba li disgħa minn 17-il TAC biss ġew stabbiliti skont l-Fmsy — inqas milli għall-2018.

    Fil-Mediterran, fl-2017, 35 mill-40 stokk ivvalutati ġew sfruttati f’livelli li kienu iktar minn dawk sostenibbli u, bħala medja, is-sajd kien madwar 2.2 darbiet ogħla mill-Fmsys rispettivi tagħhom. Data reċenti tissuġġerixxi li r-rata medja tal-F/Fmsy bdiet tonqos mill-2011 ’l hawn. Dan jista’ jindika li l-isfruttament tjieb kemm kemm 3 . Fil-Baħar l-Iswed, sitta mit-tmien stokkijiet kondiviżi vvalutati għadhom mistada żżejjed, ħlief għal-laċċ ikħal u għar-Rapana venosa.

    2.2.Xejriet tal-bijomassa

    Fl-Atlantiku tat-Tramuntana u fiż-żoni ta’ madwaru, l-għadd ta’ stokkijiet li jinsabu f’limiti bijoloġiċi sikuri kważi rdoppja — minn 15-il stokk fl-2003 għal 29 wieħed fl-2017 (żieda ta’ 2 % meta mqabbel mal-2016), u l-akbar żieda kienet fil-Golf tal-Biskalja u fl-ilmijiet Iberiċi, fejn minn żewġ stokkijiet f’limiti bijoloġiċi sikuri issa hemm tmienja. Il-volum kumplessiv tal-bijomassa kompla jiżviluppa b’mod pożittiv u żdied b’madwar 36 %.

    Fil-Mediterran u fil-Baħar l-Iswed, fl-2016 ma kien hemm l-ebda żieda sinifikanti fil-bijomassa tal-istokk riproduttiv meta mqabbel mal-2003. Qed tiżdied il-bijomassa tal-istokk tal-barbun imperjali fil-Baħar l-Iswed u s-sajd eċċessiv tiegħu qed jonqos.

    2.3.Il-qagħda tal-flotta tal-UE

    Il-kapaċità tal-flotta tal-UE kompliet tonqos. F’Diċembru tal-2018, fir-reġistru tal-flotta tas-sajd tal-UE (inkluż tar-reġjuni l-aktar imbiegħda), kien hemm imniżżlin 81 644 bastiment, b’kapaċità ġenerali ta’ 1 533 180 f’tunnellaġġ gross u ta’ 6 075 634 f’kilowatts (kW). Dan jirrappreżenta tnaqqis ta’ 1.32 % mis-sena ta’ qabel f’termini tal-għadd ta’ bastimenti, ta’ 2.46 % f’termini tat-tunnellaġġ gross u ta’ 2.61 % f’termini tal-kilowatts. Madankollu, għadd sinifikanti ta’ segmenti tal-flotta (190 minn 255 ivvalutati) għadhom mhumiex ibbilanċjati mal-opportunitajiet tas-sajd tagħhom.

    Minkejja dan, il-prestazzjoni ekonomika tal-flotta tal-UE kompliet tirreġistra livelli rekord ta’ qligħ nett ta’ EUR 1.3 biljun fl-2017. It-titjib kontinwu ġej b’mod ewlieni minħabba l-prezzijiet medji għoljin tal-ħut (b’aktar valur għal inqas ammont ta’ ħut li nħatt l-art) u minħabba l-fatt li l-prezzijiet tal-fjuwil baqgħu baxxi. It-titjib f’ċerti stokkijiet importanti, flimkien mal-avvanzi teknoloġiċi, wkoll ikkontribwixxa għat-titjib fil-prestazzjoni. Għalkemm iċ-ċifri għall-2018 u għall-2019 għadhom mhumiex disponibbli, mistenni jkun hemm riżultati simili għal dawk is-snin, minkejja żieda żgħira fil-prezzijiet tal-fjuwil.

    Ġie nnutat żvilupp ekonomiku favorevoli fil-każ ta’ għadd ta’ flotot li jistadu għal stokkijiet li huma sfruttati b’mod sostenibbli (bħall-merluzz tal-linja s-sewda, il-megrim u l-barbun tat-tbajja’ fil-Baħar Irlandiż, l-aringi, il-merluzz tat-Tramuntana u l-lingwata fil-Kanal Ingliż tal-Lvant u tal-Punent u l-petriċa fil-Golf tal-Biskalja), li għandhom it-tendenza jtejbu l-profittabbiltà u s-salarji tagħhom. Għall-kuntrarju ta’ dan, il-flotot li jistadu għal stokkijiet li huma sfruttati żżejjed għandhom it-tendenza jirreġistraw prestazzjoni ekonomika aktar baxxa.

    L-impjiegi kollha fil-flotta tal-UE, mogħtija bħala ekwivalenti tal-ingaġġ full-time (FTE), naqsu b’rata medja ta’ 1.3 % fis-sena mill-2008 ’l hawn, b’mod parzjali minħabba t-tnaqqis fil-kapaċità tal-flotta. Madankollu, il-paga medja ta’ FTE 4 żdiedet b’rata medja ta’ 2.7 % fis-sena. Il-paga medja annwali ta’ FTE hija ta’ EUR 24 800. F’għadd ta’ flotot fil-Baħar tat-Tramuntana u fl-Atlantiku, għall-kuntrarju ta’ reġjuni oħrajn, iż-żieda fl-impjiegi issa jidher li qed tistabbilizza ruħha.

    Pass importanti fit-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol fil-flotta tal-UE kien l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni C188 tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol dwar ix-xogħol fil-qasam tas-sajd fil-liġi tal-UE 5 , kif qablu s-sħab soċjali tal-UE. L-Istati Membri jridu jibdew jobdu r-regoli l-ġodda sal-15 ta’ Novembru 2019. Dan l-aħħar, il-Kummissjoni reġgħet talbet lill-Istati Membri jirratifikaw il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar Standards ta’ Taħriġ, Ċertifikazzjoni u Għassa għall-Persunal tal-Bastimenti tas-Sajd (li s’issa rratifikawha biss għaxar Stati Membri) 6 .

    2.4.Il-progress b’rabta mal-ġestjoni deċentralizzata tas-sajd

    2.4.1.Il-pjanijiet pluriennali

    Il-pjanijiet pluriennali huma atti adottati permezz tal-proċedura ta’ kodeċiżjoni li jipprevedu, fost l-oħrajn, l-iskeda taż-żmien għall-implimentazzjoni tal-objettiv tal-MSY u xi għodod tal-flessibbiltà għall-ġestjoni tas-sajd.

    L-adozzjoni reċenti tal-pjan pluriennali għall-istokkijiet tal-ħut tal-qiegħ fl-Ilmijiet tal-Punent hija żvilupp importanti fl-implimentazzjoni tal-PKS minħabba li dan il-pjan huwa għodda ċentrali għall-ġestjoni tas-sajd. Dan il-pjan se jgħin biex jiżgura li jkun hemm sajd sostenibbli fit-tul u jikkompleta s-sensiela ta’ pjanijiet pluriennali għall-Baħar tat-Tramuntana u għall-Baħar Baltiku. Din is-sena l-Kummissjoni se tirrapporta dwar l-implimentazzjoni tal-pjan pluriennali għall-istokkijiet tal-Baħar Baltiku.

    Kisba oħra hija l-adozzjoni, fl-2019, tal-ewwel pjan pluriennali għall-istokkijiet tal-Mediterran. Dan japplika għas-sajd għall-istokkijiet tal-ħut tal-qiegħ fil-Punent tal-Mediterran u jistabbilixxi tnaqqis obbligatorju ta’ 10 % fl-isforz tas-sajd li se jibda japplika mill-1 ta’ Jannar 2020 ’il quddiem, u jipprevedi li, f’din iż-żona, l-Fmsy għandha tintlaħaq sa mhux aktar tard mill-2025. Għall-kuntrarju ta’ dan, ma sar l-ebda progress b’rabta mal-pjan pluriennali għall-ispeċijiet pelaġiċi ż-żgħar fil-Baħar Adrijatiku.

    2.4.2.L-atti delegati adottati fil-kuntest tar-reġjonalizzazzjoni

    Il-Gruppi Reġjonali kellhom rwol importanti fid-dħul gradwali tal-obbligu ta’ ħatt l-art, billi dawn ippreżentaw rakkomandazzjonijiet konġunti lill-Kummissjoni. Abbażi ta’ dawn ir-rakkomandazzjonijiet, qabel tmiem l-2018 il-Kummissjoni adottat erba’ pjanijiet (ġodda) għall-iskartar tal-ħut.

    L-atti delegati li jittrasponu r-rakkomandazzjonijiet konġunti dwar il-miżuri ta’ konservazzjoni għas-siti ta’ Natura 2000 u għal żoni protetti oħrajn skont l-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 damu aktar biex jitfasslu u jkopru biss ċerti żoni tal-Baħar tat-Tramuntana u tal-Baħar Baltiku. Din is-sena mistennija jsiru rakkomandazzjonijiet konġunti oħrajn, iżda hemm bżonn isir iktar progress.

    2.4.3.L-involviment tal-partijiet ikkonċernati

    Bħala l-organizzazzjonijiet ewlenin tal-partijiet ikkonċernati stabbiliti fil-kuntest tal-PKS, il-Kunsilli Konsultattivi qed ikollhom rwol ikbar fil-proċess tar-reġjonalizzazzjoni. Fl-2018, l-għaxar Kunsilli Konsultattivi eżistenti ppreżentaw 73 rakkomandazzjoni lill-Kummissjoni, meta mqabbel ma’ 64 fl-2017. Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanja lil din il-Komunikazzjoni jagħti eżempji tal-kontribut li taw ir-rakkomandazzjonijiet tagħhom.

    2.5.L-obbligu ta’ ħatt l-art

    L-obbligu ta’ ħatt l-art daħal fis-seħħ għalkollox fl-1 ta’ Jannar 2019. Fl-2018 il-Kummissjoni rċeviet rapporti mingħand 18-il Stat Membru u mingħand l-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd (l-EFCA), kif ukoll ittri mingħand ħames Kunsilli Konsultattivi dwar l-implimentazzjoni tal-obbligu ta’ ħatt l-art. Jidher li l-partijiet ikkonċernati jirrikonoxxu l-importanza tal-fatt li jiġi żgurat li kulħadd isegwi r-regoli sabiex l-obbligu ta’ ħatt l-art jiġi implimentat sewwa. Madankollu, ma hemmx biżżejjed rappurtar dwar il-qbid skartat u dan qed joħloq diskrepanza bejn l-istimi tal-qbid skartat. Il-Kummissjoni għadha impenjata bis-sħiħ biex tindirizza dawn in-nuqqasijiet flimkien mal-Istati Membri u mal-Kunsilli Konsultattivi.

    Fl-2018, il-gruppi reġjonali kollha analizzaw kif jistgħu jiġu indirizzati s-sitwazzjonijiet potenzjali ta’ kwoti limitanti. L-Istati Membri, il-Kummissjoni u partijiet ikkonċernati oħrajn ħadmu flimkien biex joħorġu b’soluzzjonijiet possibbli għal dawn is-sitwazzjonijiet li se jiġu ttestjati fl-2019. Eżempji ta’ dawn is-soluzzjonijiet huma l-impenji li ċerti Stati Membri ħadu li jibdlu ċerti kwoti b’oħrajn u l-ftehimiet dwar TACs għall-qabdiet inċidentali biss flimkien ma’ miżuri ta’ tnaqqis tal-qabdiet inċidentali. Il-Kummissjoni se titlob lill-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (l-STECF) jivvaluta l-miżuri li l-Istati Membri pproponew biex ikomplu jnaqqsu l-qbid skartat u se ssegwi dawn il-każijiet mil-lat tal-kontroll.

    B’mod ġenerali, żdied l-għadd ta’ proġetti ffinanzjati mill-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (l-FEMS). Mill-appoġġ tal-FEMS (mill-ammont totali ta’ EUR 89 miljun allokati, li kien ogħla mill-impenn potenzjali ppjanat ta’ EUR 49 miljun 7 ), l-Istati Membri nefqu EUR 40 miljun fuq l-implimentazzjoni tal-obbligu ta’ ħatt l-art 8 . Madankollu, b’mod ġenerali għad hemm livell baxx ta’ appoġġ, b’EUR 89 miljun allokati meta mqabbel ma’ EUR 1.5 biljun disponibbli fil-kuntest tal-prijorità numru 1 tal-Unjoni 9 .

    F’dak li għandu x’jaqsam mas-swieq disponibbli għall-qabdiet mhux mixtieqa, l-operaturi rrappurtaw li l-użijiet industrijali (jiġifieri mhux għall-ikel) mhumiex swieq adattati għall-ħut li jkun żgħir wisq. Il-kwantitajiet żgħar li jinħattu l-art u l-imprevedibbiltà tagħhom mhumiex adattati għall-mudell kummerċjali tal-industriji li mhumiex tal-ikel, u l-kostijiet loġistiċi tal-ġbir huma sproporzjonati. Jistgħu jiġu previsti swieq alternattivi fis-settur tal-ikel biss jekk dawn ma jkunux joħolqu inċentiv fis-suq jew benefiċċji għall-operaturi tal-katina tal-provvista. Qed ikomplu jitqiesu diversi swieq alternattivi, u possibbiltà waħda taf tkun id-donazzjonijiet lill-banek tal-ikel.

    F’dak li għandu x’jaqsam mal-kontroll u mal-infurzar, għad hemm livell baxx ta’ konformità mal-obbligu ta’ ħatt l-art. L-Istati Membri għandhom ir-responsabbiltà jiżguraw il-kontroll, l-infurzar u l-ispezzjoni tal-attivitajiet kollha marbutin mal-PKS, fosthom tal-obbligu ta’ ħatt l-art. L-awditi tal-Kummissjoni u inizjattivi oħrajn tal-EFCA jindikaw nuqqas ġenerali ta’ konformità, li huwa aggravat minn diffikultajiet fil-kontroll effettiv tal-konformità b’mezzi konvenzjonali. Għodod innovattivi ta’ kontroll ibbażati fuq sistemi ta’ monitoraġġ elettroniku mill-bogħod jistgħu jgħinu f’dan il-każ, kif spjegat fil-proposta tal-Kummissjoni għal sistema ġdida ta’ kontroll tas-sajd 10 . Barra minn hekk, f’Jannar tal-2019 daħlu fis-seħħ programmi speċifiċi ġodda ta’ kontroll u ta’ spezzjoni 11 , li jkopru s-sajd kollu li jaqa’ taħt l-obbligu ta’ ħatt l-art. Il-Kummissjoni se tkompli ssegwi mill-qrib l-implimentazzjoni u l-infurzar ix-xierqa tal-obbligu ta’ ħatt l-art min-naħa tal-Istati Membri u tippromwovi l-użu tas-sistemi ta’ monitoraġġ elettroniku mill-bogħod 12 .

    2.6.Sforzi speċifiċi biex tiġi indirizzata s-sitwazzjoni fil-Mediterran u fil-Baħar l-Iswed

    L-UE, waħedha u flimkien mas-sħab internazzjonali tagħha, ħadmet ħafna biex ittejjeb il-qagħda tal-istokkijiet fil-Mediterran u fil-Baħar l-Iswed.

    Fil-livell tal-UE, mistenni jsir progress sinifikanti fl-2019 permezz tal-implimentazzjoni tal-pjan pluriennali għall-istokkijiet tal-ħut tal-qiegħ fil-Punent tal-Mediterran u tal-analiżi tal-pjanijiet nazzjonali ta’ ġestjoni eżistenti min-naħa tal-STECF, sabiex tiġi żgurata l-konformità mal-objettivi tal-PKS.

    Fil-livell internazzjonali, minħabba li l-maġġoranza tal-istokkijiet tal-ħut huma stokkijiet kondiviżi, l-UE ħadmet ħafna biex tippromwovi l-kooperazzjoni multilaterali fl-organizzazzjonijiet reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd (l-RFMOs) kompetenti, jiġifieri fil-Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Mediterran (il-GFCM) u fil-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku (l-ICCAT). Bl-adozzjoni tad-Dikjarazzjoni ta’ Malta MedFish4Ever (f’Marzu tal-2017) 13 u tad-Dikjarazzjoni ta’ Sofija (f’Ġunju tal-2018), hemm pjan ta’ ħidma ddettaljat biex jerġgħu jiżdiedu l-istokkijiet tal-ħut tal-Mediterran, f’kollaborazzjoni mill-qrib mal-Konvenzjoni ta’ Barċellona, u l-istokkijiet tal-ħut tal-Baħar l-Iswed, biex jitħares il-ġid ekoloġiku u ekonomiku tar-reġjun u biex tingħata spinta lill-iżvilupp sostenibbli tal-akkwakultura fl-għaxar snin li ġejjin. Il-pjan ta’ azzjoni reġjonali għas-sajd sostenibbli fuq skala żgħira (ta’ Settembru tal-2018) 14 jikkomplementa lil dan il-pjan ta’ ħidma.

    Fl-2018 il-GFCM adottat 11-il rakkomandazzjoni li l-UE pproponiet 15 . Fl-2019 se jkun hemm bżonn isir iktar xogħol biex jissaħħu dawn l-azzjonijiet. Il-Konferenza ta’ Livell Għoli li se ssir f’Ġunju fil-Marokk biex jiġi vvalutat il-progress li sar fl-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni ta’ Malta MedFish4Ever se tagħti spinta lil dan.

    L-ICCAT approvat il-pjan ta’ ġestjoni tat-tonn immexxi mill-UE, issa li l-istokk irkupra bis-saħħa ta’ għaxar snin ta’ miżuri ta’ rkupru. Il-pjan jiffaċilita l-aċċess tal-bastimenti kostali (li kien ilhom iktar minn għaxar snin esklużi minn dan it-tip ta’ sajd) u jsaħħaħ il-miżuri ta’ kontroll biex ikompli jżid it-traċċabbiltà, b’mod partikulari tat-tonn ħaj imrobbi fil-friema. Minħabba s-sitwazzjoni allarmanti tal-istokk tal-pixxispad tal-Mediterran, fuq inizjattiva tal-UE, l-ICCAT adottat pjan ta’ rkupru għalih li japplika sal-2031. 

    2.7.Il-governanza internazzjonali tal-oċeani

    Sa minn meta ġiet adottata l-aġenda għall-governanza tal-oċeani fl-2016 ’l hawn 16 , il-50 azzjoni li ngħataw fiha qed jiġu implimentati 17 u xi wħud minnhom diġà tlestew.

    Il-kisbiet ewlenin fit-titjib tal-qafas ta’ governanza internazzjonali tal-oċeani jinkludu l-approvazzjoni tal-Linji Gwida mhux obbligatorji tal-FAO dwar l-immarkar tal-irkaptu tas-sajd (f’Lulju tal-2018) 18 u l-iffirmar tal-Ftehim għall-prevenzjoni tas-sajd mhux irregolat fl-Ibħra Internazzjonali tal-Oċean Artiku Ċentrali (f’Ottubru tal-2018) 19 . L-UE kellha rwol ta’ tmexxija tul dawn il-proċessi.

    L-UE tippromwovi l-prinċipji tal-PKS fil-ħidma tagħha mal-pajjiżi sħab u mal-RFMOs. Hija ffirmat ftehimiet dwar sħubiji tal-oċeani jew laħqet ftehim dwarhom maċ-Ċina (f’Ġunju tal-2018) 20 u mal-Kanada 21 . Fil-kuntest tal-Ftehimiet ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli, il-flotot tal-UE għandhom aċċess għal postijiet esterni għas-sajd fi 11-il pajjiż sieħeb b’kundizzjonijiet ikkontrollati u sostenibbli. L-appoġġ strutturali li jingħata skont dawn il-ftehimiet isaħħaħ il-governanza tas-sajd f’dawk il-pajjiżi, fosthom permezz ta’ appoġġ għall-kapaċitajiet xjentifiċi u ta’ kontroll kif ukoll għas-settur tas-sajd fuq skala żgħira. L-UE għad għandha rwol prominenti fl-RFMOs 22 , li huma għodod ta’ governanza importanti ferm biex jiġu promossi s-sostenibbiltà tal-istokkijiet u l-approċċ ibbażat fuq l-ekosistema, biex tingħata bażi għal pariri xjentifiċi b’saħħithom, biex tiġi appoġġata l-adozzjoni ta’ miżuri rilevanti ta’ monitoraġġ, ta’ kontroll u ta’ sorveljanza, biex tiġi appoġġata l-analiżi regolari tal-prestazzjoni u biex jiġi miġġieled is-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (is-sajd IUU). F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni se tipproponi u tiddefendi pożizzjonijiet tal-UE biex tiżgura li l-ġestjoni tal-istokkijiet rilevanti tkun tikkorrispondi mal-objettiv tal-Fmsy.

    F’Jannar tal-2019 il-Kummissjoni neħħiet il-karta s-safra li kienet ħarġet lit-Tajlandja b’rabta mas-sajd IUU, minħabba li dan il-pajjiż aġġorna l-governanza tas-sajd tiegħu skont l-obbligi internazzjonali tiegħu. F’Mejju tal-2019 tnediet is-sistema tal-IT (imsejħa “CATCH”) biex tappoġġa l-implimentazzjoni effettiva tal-iskema ta’ ċertifikazzjoni tal-qbid stabbilita mir-Regolament tal-UE dwar is-sajd IUU.

    Biex tittratta l-problema tal-iskart fil-baħar, l-UE adottat id-Direttiva dwar il-prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss u d-Direttiva l-ġdida dwar il-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet. F’dan il-kuntest, il-proposta tal-Kummissjoni għal sistema ġdida ta’ kontroll tas-sajd tipprevedi t-twaqqif ta’ sistema obbligatorja ta’ rappurtar diġitali madwar l-UE kollha biex ikun jista’ jiġi rkuprat b’mod iktar faċli l-irkaptu li jintilef.

    3.Proposti għall-opportunitajiet tas-sajd għall-2020

    L-2020 se tkun l-ewwel sena li fiha l-istokkijiet kollha jridu jiġu ġestiti skont il-mira tar-rendiment massimu sostenibbli, kif stabbilit fir-Regolament Bażiku 23 . Se tkun ukoll l-ewwel darba li l-maġġoranza tal-istokkijiet koperti mir-Regolament dwar l-opportunitajiet tas-sajd se jaqgħu taħt pjan pluriennali. F’każ li r-Renju Unit joħroġ mill-UE mingħajr ftehim fil-31 ta’ Ottubru 2019 jew qabel, kif miftiehem mill-Kunsill Ewropew 24 , l-UE u r-Renju Unit se jkollhom jikkonsultaw lil xulxin dwar il-ġestjoni konġunta tal-istokkijiet li jaqsmu bejniethom.

    3.1.Objettivi ġenerali tal-proposti għall-opportunitajiet tas-sajd għall-2020

    L-objettiv ewlieni tal-proposti tal-Kummissjoni se jkun li sal-2020 tintlaħaq l-Fmsy għall-istokkijiet kollha li għalihom ġiet ivvalutata l-Fmsy. Il-proposti se jkomplu jeżaminaw ukoll kif tista’ tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni effettiva tal-obbligu ta’ ħatt l-art.

    Għalkemm l-istatus ħażin ta’ xi stokkijiet ġej ukoll minn fatturi ambjentali li jridu jiġu indirizzati b’mod separat (bħat-tniġġis u d-degradazzjoni tal-kwalità tal-ilma), għad hemm bżonn tiġi limitata l-pressjoni tas-sajd fuq dawn l-istokkijiet ukoll.

    3.2.Il-passi ewlenin biex jiġu stabbiliti l-opportunitajiet tas-sajd li jmiss

    Il-proposti tal-Kummissjoni għall-opportunitajiet tas-sajd se jissejsu fuq il-parir xjentifiku tal-ICES, li jinħareġ biċċa biċċa f’diversi partijiet. Il-Kummissjoni beħsiebha tkopri l-ikbar ammont ta’ stokkijiet possibbli fil-proposti inizjali tagħha. Madankollu, minħabba li l-ICES joħroġ il-parir tiegħu tard matul is-sena — jiġifieri biċċa biċċa bejn Ottubru u Diċembru, il-proposta għall-Baħar tat-Tramuntana u għall-Atlantiku se jkompli jkun fiha opportunitajiet tas-sajd pro memoria (pm) għall-istokkijiet li għalihom il-parir jinħareġ tard.

    Il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri u lill-partijiet ikkonċernati jibdew ħidmiethom kmieni abbażi tal-parir xjentifiku li jinsab għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, minflok ma joqogħdu jistennew il-proposti tagħha. Il-partijiet ikkonċernati se jkollhom ukoll iċ-ċans jagħmlu r-rakkomandazzjonijiet tagħhom dwar l-opportunitajiet tas-sajd permezz tal-Kunsilli Konsultattivi u tal-Istati Membri rispettivi tagħhom.

    Il-Kummissjoni se tħejji tliet proposti billi tqis il-konsultazzjonijiet imsemmijin hawn fuq — waħda għall-Baħar Baltiku (f’Awwissu), waħda għall-Mediterran u għall-Baħar l-Iswed (f’Settembru) u waħda għall-Atlantiku u għall-Baħar tat-Tramuntana (f’Ottubru). Dawn se jiġu diskussi f’laqgħat separati tal-Kunsill — fil-laqgħa tal-Kunsill ta’ Ottubru fil-każ ta’ dik għall-Baħar Baltiku u fil-laqgħa tal-Kunsill ta’ Diċembru fil-każ taż-żewġ proposti l-oħrajn.

    L-implikazzjonijiet tal-ħruġ tar-Renju Unit fuq l-iffissar tal-opportunitajiet tas-sajd se jiġu eżaminati fid-dawl tal-aħħar żviluppi.

    3.3. L-iffissar tal-opportunitajiet tas-sajd għal baċiri tal-baħar differenti

    L-opportunitajiet tas-sajd għall-istokkijiet tal-Baħar Baltiku u tal-Baħar tat-Tramuntana, kif ukoll tal-Ilmijiet tal-Punent se jiġu ffissati abbażi tal-pjanijiet pluriennali rilevanti, li jiddefinixxu l-meded tal-mortalità tal-Fmsy u b’hekk joffru ċerta flessibbiltà b’kundizzjonijiet speċifiċi. L-ICES qed jintalab jagħti parir li abbażi tiegħu jkunu jistgħu jiġu vvalutati l-ħtieġa għal din il-flessibbiltà u l-possibbiltà li din tintuża. Il-medda ta’ fuq tal-valuri tal-Fmsy tista’ tintuża biex jiġu proposti t-TACs biss jekk, abbażi tal-parir xjentifiku, l-iffissar ta’ opportunitajiet tas-sajd skont il-meded tal-Fmsy jew ikun meħtieġ biex jinkisbu l-objettivi stabbiliti fil-pjan pluriennali rilevanti fil-każ tas-sajd imħallat, jew inkella jkun meħtieġ biex jiġi evitat dannu serju lil xi stokk ikkawżat mid-dinamika tal-istokk tal-ispeċi jew mid-dinamika ta’ bejn l-istokkijiet ta’ speċijiet differenti, jew biex ma jkunx hemm varjazzjonijiet kbar minn sena għall-oħra.

    Fil-kuntest tal-implimentazzjoni sħiħa tal-obbligu ta’ ħatt l-art, il-Kummissjoni beħsiebha tipproponi opportunitajiet tas-sajd għall-Baħar Baltiku, għall-Ilmijiet tal-Punent u għall-Baħar tat-Tramuntana li jkunu skont il-parir tal-ICES dwar il-qabdiet, filwaqt li tnaqqas il-kwoti de minimis jew dawk marbutin ma’ rata għolja ta’ sopravivenza, jekk ikun hemm bżonn.

    Sabiex tkompli tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni sħiħa tal-obbligu ta’ ħatt l-art, huwa importanti li jintużaw l-għodod kollha ta’ mitigazzjoni disponibbli, fosthom kull parir tal-ICES dwar l-approċċ tas-sajd imħallat meta dan ikun xieraq. F’dan il-kuntest, se jiġi evalwat il-progress li l-Istati Membri għamlu b’rabta mal-miżuri ta’ tnaqqis tal-qabdiet inċidentali (l-impenji li l-Istati Membri rilevanti ħadu fil-kuntest tas-soluzzjonijiet għall-2019 għall-ħames stokkijiet li għalihom ingħata parir li ma jkun hemm l-ebda TAC).

    Fil-każ tal-istokkijiet li għalihom ġiet ivvalutata l-Fmsy u li dwarhom iridu jsiru konsultazzjonijiet ma’ pajjiżi li mhumiex Stati Membri tal-UE, il-Kummissjoni se timmira li jintlaħaq ftehim li jkun konformi mal-istrateġiji ta’ ġestjoni fit-tul u mal-pariri dwar l-Fmsy.

    Fil-każ tal-istokkijiet li l-ġestjoni tagħhom hija f’idejn l-RFMOs, il-Kummissjoni se tistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd abbażi tad-deċiżjonijiet ta’ dawn l-organizzazzjonijiet. 

    Skont il-pjan pluriennali għall-Punent tal-Mediterran li ġie adottat dan l-aħħar, għall-2020 il-Kunsill għandu jistabbilixxi sforz tas-sajd massimu permissibbli li jkun jikkorrispondi għal tnaqqis ta’ 10 % meta mqabbel mal-linja bażi, abbażi tad-data li l-Istati Membri jridu jipprovdu. Abbażi tal-pariri xjentifiċi disponibbli, l-opportunitajiet tas-sajd għall-Mediterran se jinkludu wkoll miżuri tal-GFCM li diġà huma fis-seħħ (għall-ispeċijiet pelaġiċi ż-żgħar u għas-sallur) u miżuri oħrajn li għandhom jiġu adottati waqt is-sessjonijiet annwali tal-2019.

    L-opportunitajiet tas-sajd għall-barbun imperjali fil-Baħar l-Iswed se jiġu stabbiliti skont l-eżitu tan-negozjati biex titwaqqaf skema reġjonali permanenti ta’ allokazzjoni tal-kwoti (fil-livell tal-GFCM). Għal-laċċ ikħal, il-Kummissjoni se terġa’ tipproponi kwoti awtonomi.

    4.Konklużjoni

    Qed ikompli jsir progress fl-implimentazzjoni tal-PKS, u l-pressjoni tas-sajd fl-Atlantiku tat-Tramuntana u fiż-żoni ta’ madwaru qed tkompli tonqos, waqt li l-għadd ta’ TACs stabbiliti skont l-Fmsy qed jiżdied. Stokkijiet b’saħħithom għinu biex tjiebet il-prestazzjoni ekonomika tal-flotta tal-UE, li fl-2017 irreġistrat livelli rekord ta’ qligħ.

    Ħafna stokkijiet għadhom mistada żżejjed u/jew għadhom ’il barra mil-limiti bijoloġiċi sikuri, u huwa ċar li l-atturi kollha jridu jżidu l-isforzi tagħhom biex jintlaħqu l-objettivi tal-PKS, l-iktar meta wieħed iqis li l-2020 se tkun l-ewwel sena li fiha l-istokkijiet kollha li għalihom ġiet ivvalutata l-Fmsy iridu jiġu ġestiti fil-livell tal-Fmsy.

    Is-sitwazzjoni fil-Mediterran u fil-Baħar l-Iswed għadha waħda ta’ tħassib. Hemm bżonn isiru iktar sforzi kkoordinati biex jinkiseb l-objettiv tal-FMSY għall-2020 fil-kuntest tal-Istrateġija tal-GFCM u tad-Dikjarazzjoni Ministerjali ta’ Sofija tal-2018. Il-Kummissjoni se taħdem mill-qrib mal-partijiet ikkonċernati kollha sabiex il-pjan pluriennali għall-Punent tal-Mediterran jiġi implimentat malajr.

    Il-kontroll u l-infurzar effettivi tal-obbligu ta’ ħatt l-art huma importanti ħafna. Sabiex tikkomplementa l-isforzi tal-Istati Membri, il-Kummissjoni se tkompli taħdem mill-qrib mal-koleġiżlaturi sabiex jintlaħaq ftehim malajr kemm jista’ jkun dwar il-proposta għal sistema ġdida ta’ kontroll tas-sajd.



    Skeda ta’ ħidma ppjanata 25  

    Meta

    X’hiex

    F’Mejju, f’Ġunju u f’Ottubru

    Parir dwar l-istokkijiet mingħand l-ICES

    Bejn Ġunju u Settembru

    Konsultazzjoni pubblika dwar il-Komunikazzjoni

    Fl-aħħar ta’ Awwissu

    L-adozzjoni tal-proposta dwar l-opportunitajiet tas-sajd għall-Baħar Baltiku min-naħa tal-Kummissjoni

    F’nofs Settembru

    L-adozzjoni tal-proposta dwar l-opportunitajiet tas-sajd għall-Mediterran u għall-Baħar l-Iswed min-naħa tal-Kummissjoni

    F’Ottubru

    Laqgħa tal-Kunsill dwar l-opportunitajiet tas-sajd għall-Baħar Baltiku

    Fl-aħħar ta’ Ottubru

    L-adozzjoni tal-proposta dwar l-opportunitajiet tas-sajd għall-Atlantiku u għall-Baħar tat-Tramuntana min-naħa tal-Kummissjoni

    F’Diċembru

    Laqgħa tal-Kunsill dwar il-proposta dwar l-opportunitajiet tas-sajd għall-Atlantiku u għall-Baħar tat-Tramuntana

    Laqgħa tal-Kunsill dwar il-proposta dwar l-opportunitajiet tas-sajd għall-Mediterran u għall-Baħar l-Iswed

       

    (1) Id-Direttiva 2008/56/KE (ĠU L 164, 25.6.2008, p. 19).
    (2) In-Norveġja, l-Iżlanda u l-Gżejjer Faeroe.
    (3) Dan ir-riżultat huwa preliminari u għandu jsir monitoraġġ xjentifiku addizzjonali b’rabta miegħu fis-snin li ġejjin (sors: id-dokument STECF-Adhoc-19-01).
    (4) Is-salarju gross (jiġifieri r-remunerazzjoni totali qabel ma jitnaqqsu t-taxxi u tnaqqis ieħor).
    (5)  Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2017/159 tad-19 ta’ Diċembru 2016 li timplimenta l-Ftehim li jikkonċerna l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol fis-Sajd, 2007, tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol.
    (6) COM(2019) 157 final.
    (7) Il-verżjoni 1.0 tar-rapport finali dwar l-obbligu ta’ ħatt l-art imsejjaħ “FAME Support Unit, AT01.2 ad-hoc consultancy Landing Obligation Final Report (AT1.2 5/5)”, ippubblikata fi Frar tal-2018.
    (8) Il-bażi tad-data “Infosys” tal-FEMS. Perjodu ta’ referenza: mill-1 ta’ Jannar 2015 sal-31 ta’ Diċembru 2018.
    (9) Il-prijorità numru 1 tal-Unjoni: il-promozzjoni ta’ sajd ambjentalment sostenibbli, effiċjenti fl-użu tar-riżorsi, innovattiv, kompetittiv u bbażat fuq l-għarfien.
    (10) COM(2018) 368 final.
    (11) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1986 (ĠU L 317, 14.12.2018, p. 29).
    (12) Il-linji gwida u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-implimentazzjoni tal-monitoraġġ elettroniku mill-bogħod fis-settur tas-sajd tal-UE li l-EFCA ħarġet fl-2019, imsejħin “Technical guidelines and specifications for the implementation of Remote Electronic Monitoring (REM) in EU fisheries”, https://www.efca.europa.eu/sites/default/files/Technical%20guidelines%20and%20specifications%20for%20the%20implementation%20of%20Remote%20Electronic%20Monitoring%20%28REM%29%20in%20EU%20fisheries.pdf .
    (13) https://www.actu-environnement.com/media/pdf/news-28756-declaration-malte-surpeche-mediterranee.pdf.  
    (14)   www.fao.org/gfcm/meetings/ssf2018/rpoassf/en/.  
    (15) Dawn ir-rakkomandazzjonijiet għandhom x’jaqsmu ma’ miżuri addizzjonali ta’ emerġenza għall-ispeċijiet pelaġiċi ż-żgħar fil-Baħar Adrijatiku, ma’ pjan pluriennali għas-sallur, ma’ żewġ pjanijiet pluriennali għall-gambli tal-fond fil-Baħar Jonju u fil-Baħar tal-Lvant u ma’ pjanijiet konġunti addizzjonali ta’ kontroll u ta’ spezzjoni li jkopru ż-żona kollha tal-Mediterran u tal-Baħar l-Iswed.
    (16) Il-Komunikazzjoni Konġunta msejħa “Il-governanza internazzjonali tal-oċeani: aġenda għall-futur tal-oċeani tagħna” (SWD(2016) 352 final).
    (17) Ir-Rapport Konġunt imsejjaħ “Titjib tal-governanza internazzjonali tal-oċeani – Sentejn ta’ progress” (JOIN(2019) 4 final).
    (18)   www.fao.org/3/MX136EN/mx136en.pdf.  
    (19) https://ec.europa.eu/fisheries/eu-and-arctic-partners-enter-historic-agreement-prevent-unregulated-fishing-high-seas-%E2%80%93-frequently_mt.  
    (20) Dan ikopri wkoll il-kooperazzjoni dwar is-sajd IUU.
    (21) Dan mistenni jiġi ffirmat fl-2019.
    (22) L-UE, irrappreżentata mill-Kummissjoni, għandha rwol attiv f’sitt organizzazzjonijiet tat-tonn u fi 11-il organizzazzjoni mhux tat-tonn fl-oċeani kollha.
    (23) Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22).
    (24) Għall-istokkijiet fl-ilmijiet tal-UE u f’ċerti ilmijiet li mhumiex tal-UE li l-ġestjoni tagħhom hija f’idejn l-RFMOs, l-opportunitajiet tas-sajd jiġu adottati wara l-laqgħa annwali tal-RFMO rilevanti permezz ta’ reviżjonijiet regolari tar-Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd għal ċerti stokkijiet tal-ħut u għal ċerti gruppi ta’ stokkijiet tal-ħut, applikabbli fl-ilmijiet tal-UE u, għall-bastimenti tas-sajd tal-UE, f’ċerti ilmijiet li mhumiex tal-UE.
    Top