Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52019DC0085

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar l-eżerċizzju tas-setgħa li jiġu adottati atti delegati mogħtija lill-Kummissjoni skont ir-Regolament (UE) Nru 1143/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2014 dwar il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-introduzzjoni u t-tixrid ta' speċijiet aljeni invażivi

    COM/2019/85 final

    Brussell, 19.2.2019

    COM(2019) 85 final

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

    dwar l-eżerċizzju tas-setgħa li jiġu adottati atti delegati mogħtija lill-Kummissjoni skont ir-Regolament (UE) Nru 1143/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2014 dwar il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-introduzzjoni u t-tixrid ta' speċijiet aljeni invażivi


    1.Sfond

    Ir-Regolament (UE) Nru 1143/2014 dwar l-ispeċijiet aljeni invażivi 1 (minn hawn ’il quddiem ir-Regolament IAS) jistabbilixxi l-qafas biex jiġi indirizzat l-impatt tal-ispeċijiet aljeni invażivi fuq il-bijodiversità u fuq servizzi tal-ekosistema relatati, u biex jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tadotta, taġġorna u tirrevedi lista ta’ speċijiet aljeni invażivi li jħassbu lill-Unjoni. Biex twettaq dan il-kompitu l-Kummissjoni qed tiġi megħjuna minn Kumitat magħmul minn rappreżentanti tal-Istati Membri (il-Kumitat IAS).

    Qabel ma tiġi kkunsidrata l-inklużjoni ta’ speċi fil-lista ta’ speċijiet aljeni invażivi li jħassbu għall-Unjoni, jenħtieġ li titwettaq valutazzjoni tar-riskju rigoruża għal dik l-ispeċi. Din trid tkun appoġġata minn evidenza xjentifika soda li tindirizza kull element stabbilit fl-Artikolu 5(1) tar-Regolament IAS.

    L-Artikolu 5(1) tar-Regolament IAS jistabbilixxi l-elementi kollha meħtieġa biex issir valutazzjoni tar-riskji li tkun kapaċi tirfed it-teħid tad-deċiżjonijiet. Ir-Regolament IAS jirrikonoxxi li jaf ikun utli li jispeċifika dawk l-elementi f’aktar dettall, fosthom billi jipprovdi metodoloġija għall-valutazzjoni tar-riskju. Barra minn hekk, fil-qasam tal-valutazzjonijiet tar-riskju jaf jevolvu xi prattiki xjentifiċi, u dawn l-iżviluppi jkun jeħtieġ jiġu integrati fil-prassi tal-iżvilupp tal-valutazzjonijiet tar-riskju għall-finijiet tar-Regolament IAS.

    L-Artikolu 5(3) tar-Regolament IAS jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta atti delegati biex tispeċifika aktar it-tip ta’ evidenza aċċettabbli fir-rigward tal-kapaċità li tiġi stabbilita popolazzjoni vijabbli u li tinfirex fl-ambjent ta’ speċijiet aljeni invażivi u li tagħti deskrizzjoni dettaljata tal-elementi tal-valutazzjonijiet tar-riskju. Din id-deskrizzjoni jenħtieġ li tinkludi l-metodoloġija li trid tiġi applikata filwaqt li jitqiesu l-istandards nazzjonali u internazzjonali rilevanti.

    2.Bażi ġuridika

    Dan ir-rapport huwa meħtieġ skont l-Artikolu 29(2) tar-Regolament IAS. Skont din id-dispożizzjoni, id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 5(3) hija mogħtija lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ ħames snin mill-1 ta’ Jannar 2015. Il-Kummissjoni hija mistennija wkoll li tħejji rapport dwar id-delega tas-setgħa, sa mhux iktar tard minn disa’ xhur qabel tmiem dak il-perjodu ta’ ħames snin. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 29(2), id-delega tas-setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perjodi ta’ żmien identiċi, sakemm il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma jopponux tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull perjodu.

    3.Eżerċizzju tad-delega

    Il-Kummissjoni eżerċitat din id-delega tas-setgħa fl-2018. Fit-30 ta’ April 2018, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 2018/968 2 (minn hawn ’il quddiem ir-Regolament Delegat), li ġie ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali fl-10 ta’ Lulju 2018 wara l-iskadenza tal-perjodu ta’ skrutinju tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Daħal fis-seħħ fit-30 ta' Lulju 2018.



    Dan ir-Regolament Delegat ġie elaborat abbażi ta’ għadd ta’ studji u l-aqwa letteratura xjentifika disponibbli. Barra minn hekk, fit-tħejjija tiegħu kien hemm l-involviment mill-qrib tal-Forum Xjentifiku 3 , il-grupp ta’ esperti stabbilit mir-Regolament IAS b’mandat biex jagħti parir xjentifiku dwar l-implimentazzjoni tiegħu, filwaqt li l-abbozz tar-Regolament Delegat kien ukoll miftuħ għall-opinjoni tal-pubbliku.

    L-Artikolu 5(3) tar-Regolament IAS jipprovdi l-bażi ġuridika għall-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament Delegat. B’mod partikolari, l-Artikolu 5(3) jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni biex:

    a) tispeċifika f’aktar dettall it-tip ta’ evidenza aċċettabbli għall-finijiet tal-punt (b) tal-Artikolu 4(3);

    b) tagħti deskrizzjoni dettaljata tal-applikazzjoni tal-punti (a) sa (h) tal-Artikolu 5(1);

    c) tistabbilixxi l-metodoloġija li trid tiġi applikata meta tkun qed titħejja valutazzjoni tar-riskju, b'kont meħud tal-istandards nazzjonali u internazzjonali rilevanti u l-ħtieġa li tingħata prijorità lil azzjoni kontra speċijiet aljeni invażivi assoċjati ma', jew li għandhom il-potenzjal li jikkawżaw, impatt negattiv sinifikanti fuq il-bijodiversità jew is-servizzi relatati tal-ekosistema u kif ukoll fuq is-saħħa tal-bniedem jew l-ekonomija, b'tali impatt negattiv ikkunsidrat bħala fattur aggravanti.

    L-Artikolu 1 tar-Regolament Delegat jipprevedi li fl-Anness jenħtieġ li jkun hemm deskrizzjoni dettaljata tal-applikazzjoni tal-elementi komuni li jridu jitqiesu f’valutazzjoni tar-riskju; filwaqt li l-Artikolu 2 jistipula l-metodoloġija li tistabbilixxi wkoll l-ispeċifikazzjoni tat-tip ta’ evidenza li fuqha jenħtieġ tistrieħ valutazzjoni tar-riskju, anki meta l-evidenza jkollha x’taqsam mal-Artikolu 4(3)(b) tar-Regolament IAS.

    Fl-aħħar nett, l-Anness ta’ dan ir-Regolament Delegat jinkludi deskrizzjoni dettaljata tal-applikazzjoni tal-punti (a) sa (h) tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament IAS f’dak li għandu x’jaqsam mal-elementi li jeħtieġ jitqiesu waqt it-tħejjija ta’ valutazzjoni tar-riskju.

    4.Konklużjoni

    Il-Kummissjoni eżerċitat is-setgħat delegati tagħha f’waqthom u b’mod korrett.

    Il-Kummissjoni tqis li d-delegazzjonijiet ta’ setgħa għandhom jinżammu kollha, peress li jista’ jkun hemm bżonn ta’ aktar speċifikazzjonijiet fil-futur.

    Il-Kummissjoni tistieden lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex jieħdu nota ta’ dan ir-rapport.

    ___________________________

    (1)

     Ir-Regolament (UE) Nru 1143/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2014 dwar il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-introduzzjoni u t-tixrid ta' speċijiet aljeni invażivi (ĠU L 317, 4.11.2014, p. 35).

    (2)

    Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/968 tat-30 ta' April 2018 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1143/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fejn jidħlu l-valutazzjonijiet tar-riskju b'rabta ma' speċijiet aljeni invażivi, ĠU L 174, 10.7.2018, p. 5.

    (3)

     Ippubblikat fir-Reġistru tal-Gruppi ta’ Esperti tal-Kummissjoni u Entitajiet Oħra Simili, in-numru tal-kodiċi E03276.

    Top