Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52019BP1483

    Riżoluzzjoni (UE) 2019/1483 tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Marzu 2019 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija għas-sena finanzjarja 2017

    ĠU L 249, 27.9.2019, p. 229–231 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    ELI: http://data.europa.eu/eli/res/2019/1483/oj

    27.9.2019   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 249/229


    RIŻOLUZZJONI (UE) 2019/1483 TAL-PARLAMENT EWROPEW

    tas-26 ta' Marzu 2019

    li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija għas-sena finanzjarja 2017

    IL-PARLAMENT EWROPEW,

    wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija għas-sena finanzjarja 2017,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0152/2019),

    A.

    billi, skont id-dikjarazzjoni tad-dħul u n-nefqa tiegħu (1), il-baġit finali tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (“l-Istitut”) għas-sena finanzjarja 2017 kien jammonta għal EUR 338 465 181, li jirrappreżenta żieda ta' 15,20 % meta mqabbel mal-2016, prinċipalment minħabba ż-żieda fl-għotjiet lill-Istitut biex jalloka fost il-Komunitajiet ta' Konoxxenza u Innovazzjoni (KKI); billi, l-kontribuzzjoni kumplessiva tal-Unjoni għall-baġit tal-Istitut għall-2017 tammonta għal EUR 315 147 801,58;

    B.

    billi l-Qorti tal-Awdituri (il-“Qorti”), fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali tal-Istitut għas-sena finanzjarja 2017 (ir-“rapport tal-Qorti”), tiddikjara li kisbet assigurazzjonijiet raġonevoli li l-kontijiet annwali tal-Istitut huma affidabbli u li t-tranżazzjonijiet ta' bażi huma legali u regolari;

    Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

    1.

    Jinnota li l-isforzi ta' monitoraġġ baġitarju matul is-sena finanzjarja 2017 irriżultaw f'rata ta' implimentazzjoni baġitarja ta' 91,23 %, li tirrappreżenta tnaqqis ta' 3,8 % meta mqabbla ma' dik tal-2016; josserva li dan in-numru baxx huwa marbut mar-rata ta' implimentazzjoni baxxa tal-approprjazzjonijiet għall-impenji tal-għotjiet; jirrikonoxxi mill-Istitut li se jipprova jtejjeb il-proċessi baġitarji tiegħu biex itejjeb l-implimentazzjoni; jinnota li r-rata ta' eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta' pagament kienet ta' 99,5 %, li tirrappreżenta żieda żgħira ta' 0,36 % meta mqabbla mal-2016; jinnota li kien hemm rata baxxa ta' implimentazzjoni minħabba dewmien mhux previst fl-introduzzjoni tas-Sysper għall-ġestjoni tar-riżorsi umani kif ukoll stima eċċessiva ta' spejjeż oħra ta' manutenzjoni; jistieden, b'mod partikolari, lill-Istitut biex itejjeb l-implimentazzjoni f'dan il-qasam;

    2.

    Jinnota bi tħassib mir-rapport tal-Qorti li l-komunitajiet ta' konoxxenza u innovazzjoni (KKI), ma użawx bis-sħiħ l-għotjiet mogħtija mill-Istitut, prinċipalment minħabba implimentazzjoni mhux kompluta tal-pjanijiet ta' direzzjoni tan-negozju; jirrikonoxxi mit-tweġiba tal-Istitut li biħsiebu jindirizza din il-kwistjoni billi jersaq lejn ftehimiet ta' għotjiet pluriennali ma' KKI fil-perjodu wara l-2020; jistieden lill-Istitut jirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar il-passi li ttieħdu f'dan ir-rigward;

    3.

    Jinnota bi tħassib mir-rapport tal-Qorti li kien hemm żieda fir-rati uniċi ta' rimborż (SRRs) f'diversi KKI, bil-għan li jħeġġeġ lill-KKI biex isibu sorsi ta' finanzjament proprji u jinċentivizzahom biex gradwalment isiru indipendenti mill-Istitut; jieħu nota tat-tweġiba tal-Istitut li l-aġġustament tal-SRRs huwa konformi mal-bażi legali applikabbli, u jqis li xi KKI jistgħu jiksbu proporzjon sinifikanti ta' riżorsi waħedhom;

    4.

    Jiddispjaċih li xi attivitajiet ġew miżjuda ma' żewġ KKI, li jemendaw il-pjanijiet ta' negozju inizjali u l-għotjiet allokati lilhom, li jmur kontra r-Regoli ta' Applikazzjoni tar-Regolament Finanzjarju, peress li jdgħajjef it-trattament ugwali tal-KKI; jinnota mit-tweġiba tal-Istitut li huma ma jqisux li dan huwa l-każ, peress li teżisti l-possibbiltà li jiżdiedu l-kompiti tal-KKI u li l-bidliet fl-għotjiet mhumiex importanti (3,9 % u 0,6 %);

    5.

    Jinnota b'sodisfazzjon li r-rata ta' żball misjuba matul il-verifika ex-post tal-għotjiet tal-2016, imwettqa minn fornitur estern tas-servizzi, kienet ta' 0,98 % u r-rata ta' żball residwu hija ta' 0,95 %, li hija ferm taħt il-livell ta' materjalità ta' 2 %.

    Kanċellazzjoni tar-riporti

    6.

    Jiddispjaċih li l-kanċellazzjonijiet tar-riporti mill-2016 għall-2017 kienu jammontaw sa EUR 95 721, ċifra li tirrappreżenta 16,26 % tal-ammont totali riportat u li turi żieda notevoli ta' 5,33 % meta mqabbla mal-2016; jinnota bi tħassib li dan l-ammont għoli huwa prinċipalment minħabba l-impossibbiltà li l-KKI jassorbu l-għotjiet trasferiti 'l quddiem;

    Prestazzjoni

    7.

    Jirrikonoxxi li l-Istitut juża ċerti indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni biex ikejjel il-prestazzjoni tal-KKI, kif ukoll l-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni ta' Orizzont 2020 biex jivvaluta l-prestazzjoni tiegħu stess fil-ġestjoni tal-KKI u l-indikaturi stabbiliti fid-dokument uniku ta' programmazzjoni biex ikejjel attivitajiet operattivi oħra; jinnota barra minn hekk li juża indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni addizzjonali biex itejjeb il-ġestjoni baġitarja tiegħu;

    8.

    Jilqa' l-fatt li l-Istitut wettaq proċeduri ta' akkwist pubbliku konġunti u waqqaf kumitati tal-għażla komuni għall-persunal mal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Taħriġ fl-Infurzar tal-Liġi, filwaqt li japprofitta mill-fatt li t-tnejn li huma jinsabu Budapest;

    9.

    Josserva li evalwazzjoni esterna biex tivvaluta l-impatt, il-governanza, il-proċessi u l-progress lejn is-sostenibbiltà finanzjarja tal-ewwel mewġa ta' KKI għall-perjodu 2010 sa 2016 saret fl-2017, u matul l-2018 l-Istitut se jikkonkludi r-rieżami; jistieden lill-Istitut jinforma lill-awtorità ta' kwittanza dwar il-konklużjonijiet ta' dan ir-rieżami;

    Politika dwar il-persunal

    10.

    Jinnota li fil-31 ta' Diċembru 2017, it-tabella tal-persunal kienet mimlija sa 92,68 %, bil-ħatra ta' 38 aġent temporanju minn 41 aġent temporanju li kienu awtorizzati mill-baġit tal-Unjoni (39 post awtorizzat fl-2016); jinnota wkoll li, fl-2017, l-Istitut ħaddem 20 aġent kuntrattwali u żewġ esperti nazzjonali sekondati; iħeġġeġ lill-Istitut joqgħod lura milli jiddependi wisq fuq kuntratti temporanji;

    11.

    Jinnota li l-Istitut adotta politika dwar il-protezzjoni tad-dinjità tal-persuna u l-prevenzjoni tal-fastidju; jirrikonoxxi li huwa pparteċipa fis-sejħa għal espressjoni ta' interessi għal konsulenti kunfidenzjali bejn l-aġenziji;

    12.

    Jieħu nota tal-fatt li strutturalment l-Istitut nieqes mill-persunal, kif ġie magħruf ukoll mill-Qorti fir-Rapport Speċjali tiegħu Nru 4/2016; jiddispjaċih li t-talbiet tal-Istitut biex iżid b'mod sinifikanti l-kapaċità tal-persunal tiegħu ġew miċħuda mill-Kummissjoni; jistieden lill-Istitut jinforma lill-awtorità ta' kwittanza dwar kull żvilupp f'dan ir-rigward;

    13.

    Jinnota mir-rapport tal-Qorti li, skont l-istatuti tal-Istitut, jista' biss joffri kuntratti ta' aġenti temporanji għal massimu ta' ħames snin, li jistgħu jiġu estiżi għal ħames snin oħra, u peress li hemm membri ewlenin tal-persunal li se jilħqu l-massimu ta' għaxar snin fl-2020, jinsab imħasseb dwar il-fatt li l-kontinwità tal-operazzjonijiet tista' tkun potenzjalment imfixkla; jinnota mit-tweġiba tal-Istitut li huwa konxju mill-problema u għal dik ir-raġuni talab l-opinjoni legali tal-Kummissjoni permezz ta' ittra; jistieden lill-Istitut jinforma lill-awtorità ta' kwittanza dwar kif tiżvolġi dik il-kwistjoni;

    14.

    Jiddispjaċih li jinnota, mir-rapport tal-Qorti, li d-direttur interim attwali tal-Istitut inħatar fl-2014, u li minn dak iż-żmien 'l hawn kellu l-kariga ad interim; jindika li dik il-prattika tmur kontra r-Regolamenti tal-Persunal li jillimitaw id-durata għal massimu ta' sena. jiddispjaċih li l-proċedura tal-għażla biex jiġi nnominat direttur ġdid li tnediet fl-2016 ma rnexxietx; jieħu nota li għal darb' oħra ġie ppubblikat avviż ta' post battal f'Ġunju 2018; iħeġġeġ lill-Istitut jissostitwixxi lid-direttur interim b'direttur ġdid mingħajr aktar dewmien; jistieden lill-Istitut jinforma lill-awtorità ta' kwittanza dwar ir-riżultati tal-proċess ta' għażla għaddej bħalissa;

    15.

    Jilqa' s-suġġeriment tal-Qorti li l-avviżi ta' pożizzjonijiet battala jiġu ppubblikati anke fuq is-sit web tal-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal sabiex tiżdied il-pubbliċità; jifhem ir-risposta tal-Istitut rigward l-ispejjeż għolja tat-traduzzjoni li jirriżultaw minn din il-pubblikazzjoni;

    Akkwist

    16.

    Jinnota mir-rapport tal-Qorti li, sa tmiem l-2017, l-Istitut kien għadu ma implimenta l-ebda għodda mnedija mill-Kummissjoni bil-għan li tiġi introdotta soluzzjoni waħda għall-iskambju elettroniku ta' informazzjoni ma' partijiet terzi li jipparteċipaw fi proċeduri ta' akkwist (akkwist elettroniku); jinnota mit-tweġiba tal-Istitut li biħsiebu jadotta għodod ta' sejħiet għal offerti elettroniċi u ta' sottomissjoni elettronika, li għalihom għaddejjin azzjonijiet preparatorji; jappella lill-Aġenzija tinforma lill-awtorità ta' kwittanza dwar l-implimentazzjoni tal-għodod meħtieġa kollha;

    17.

    Jinnota b'dispjaċir kwistjoni pendenti mir-rapport tal-Qorti tal-2016, meta sab dgħufijiet sinifikanti fl-awditjar tal-proċeduri ta' akkwist tal-Entitajiet Legali tal-KKI, li kienu kkunsidrati bħala żona ta' riskju kbir, inklużi irregolaritajiet bħall-għoti dirett ta' kuntratti, u estensjonijiet sinifikanti ta' kuntratti inizjali jew kuntratti mingħajr limiti ta' żmien, volum, kwalità jew prezz, li jikkwantifikaw il-proċeduri ta' akkwist irregolari fl-2016 sa EUR 2 200 000; jilqa' l-miżuri meħuda u r-rakkomandazzjonijiet mogħtija mill-Istitut biex jindirizza din il-kwistjoni; jistieden lill-Istitut jgħaddi rapport lill-awtorità ta' kwittanza dwar l-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta' azzjoni tal-entitajiet legali tal-KKI;

    Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta' interess u trasparenza

    18.

    Jagħraf il-miżuri eżistenti tal-Istitut u l-isforzi kontinwi biex jiġu żgurati t-trasparenza, il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti ta' interess, u l-protezzjoni tal-informaturi; jieħu nota tal-fatt li fl-2017 ġew identifikati u vvalutati bosta każijiet ta' kunflitti ta' interess u li ttieħdu miżuri adegwati; jinnota li fl-2017, żewġ każijiet ta' suspett ta' frodi ġew miċħuda mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi, u dan ħalla inkjesta waħda miftuħa mill-2016;

    Kontrolli interni

    19.

    Jinnota li s-Servizz tal-Awditjar Intern tal-Kummissjoni ffinalizza l-Awditjar dwar il-Monitoraġġ tal-Ftehimiet ta' Għotja u kkonkluda li l-qafas huwa adegwat iżda l-implimentazzjoni għandha tittejjeb; jiddispjaċih li r-rieżamijiet tal-KKI mill-Istitut ma kinux ibbażati fuq ir-rapporti annwali tagħhom, u li l-Istitut ma kopriex b'mod sistematiku xi riskji, li ma kienx indirizza r-rekwiżiti kollha ta' governanza fid-dettall u li ma pprovdiex feedback dwar il-governanza tajba għat-tieni mewġa ta' KKI; jirrimarka, barra minn hekk, li għalkemm huwa ddikjarat fil-Programm ta' Ħidma għall-2016, l-Istitut ma ħariġx rapport dwar il-governanza tajba tal-KKI;

    20.

    Jiddispjaċih għan-numru ta' kwistjonijiet pendenti u miżuri korrettivi li għaddejjin b'reazzjoni għall-kummenti tal-Qorti fl-2014, 2015 u 2016 relatati b'mod partikolari mal-kondizzjoni ta' finanzjament, il-finanzjament minn sorsi pubbliċi, għotjiet u sorsi privati; jistieden lill-Istitut jikkompleta l-azzjonijiet korrettivi kemm jista' jkun malajr u jinforma lill-awtorità ta' kwittanza dwar l-implimentazzjoni tagħhom;

    21.

    Jinnota bi tħassib li fl-2017, ġew irreġistrati żewġ rapporti ta' eċċezzjoni (stmati għal EUR 5 318 720) relatati ma' kontrolli prevalenti jew devjazzjonijiet mill-proċessi u l-proċeduri stabbiliti u ħames avvenimenti ta' nuqqas ta' konformità (stmati għal EUR 2 250); jirrikonoxxi madankollu mill-Istitut li l-avvenimenti kollha ġew ivvalutati u ttieħdu miżuri korrettivi;

    Kummenti oħra

    22.

    Jinnota li l-mira oriġinali stabbilita mill-Kummissjoni biex l-Istitut jikseb l-awtonomija finanzjarja kienet sal-2010; jirrikonoxxi li l-Kummissjoni finalment tat lill-Istitut awtonomija finanzjarja sħiħa f'Diċembru 2017, peress li dan kiseb konformità mal-istandards ta' kontroll intern;

    23.

    Jirreferi, fir-rigward tal-kummenti l-oħrajn li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, li huma ta' natura orizzontali, għar-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Marzu 2019 (2) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji.

    (1)  ĠU C 166, 24.5.2017, p. 14.

    (2)  Testi adottati, P8_TA(2019)0254. (Ara paġna 361 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).


    Top