Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52019BP1427

    Riżoluzzjoni (UE) 2019/1427 tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Marzu 2019 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2017, Taqsima VI — Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    ĠU L 249, 27.9.2019, p. 118–121 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    ELI: http://data.europa.eu/eli/res/2019/1427/oj

    27.9.2019   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 249/118


    RIŻOLUZZJONI (UE) 2019/1427 TAL-PARLAMENT EWROPEW

    tas-26 ta' Marzu 2019

    li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2017, Taqsima VI — Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    IL-PARLAMENT EWROPEW,

    wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2017, Taqsima VI - Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0100/2019),

    A.

    billi, fil-kuntest tal-proċedura ta' kwittanza, l-awtorità ta' kwittanza tixtieq tisħaq fuq l-importanza partikolari li tkompli tissaħħaħ il-leġittimità demokratika tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni permezz ta' titjib fit-trasparenza u fl-obbligu ta' rendikont, kif ukoll bl-implimentazzjoni tal-kunċett ta' baġitjar abbażi tal-prestazzjoni u governanza tajba tar-riżorsi umani;

    1.   

    Jilqa' l-konklużjoni tal-Qorti tal-Awdituri (“il-Qorti”) li skontha l-pagamenti kollha kemm huma għas-sena li ntemmet fil-31 ta' Diċembru 2017 għall-infiq amministrattiv u għal infiq ieħor tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (“il-Kumitat”) kienu ħielsa minn żbalji materjali;

    2.   

    Jinnota b'sodisfazzjoni li, fir-rapport annwali tagħha dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2017 (“ir-rapport tal-Qorti”), il-Qorti ma identifikat l-ebda dgħufija sinifikanti fir-rigward tat-temi awditjati relatati mar-riżorsi umani u mal-proċeduri ta' akkwist għall-Kumitat;

    3.   

    Jinnota li fl-2017 il-baġit tal-Kumitat ammonta għal EUR 133 807 338 (meta mqabbel ma' EUR 130 586 475 fl-2016), b'rata ta' implimentazzjoni ta' 96,5 % meta mqabbla ma' 97,2 % fl-2016; jinnota li r-rata ta' implimentazzjoni tal-approprjazzjonijiet riportati mill-2016 għall-2017 kienet ogħla milli kienet fl-2016, 84,9 % (EUR 7,4 miljun) meta mqabbla ma' 65,7 % fl-2016 (EUR 6,8 miljun);

    4.   

    Jinnota li l-baġit tal-Kumitat fil-biċċa l-kbira tiegħu huwa amministrattiv, b'parti kbira minnu użata għan-nefqa li tikkonċerna persuni, bini, għamara, tagħmir u spejjeż operattivi mixxellanji;

    5.   

    Jilqa' l-impenn tal-Kumitat li jestendi l-metodoloġija tal-ibbaġitjar ibbażat fuq il-prestazzjoni għal partijiet rilevanti tal-baġit tiegħu; jinnota r-rieżami regolari tal-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni (KPIs) flimkien mal-attivitajiet tas-segretarjat u l-organizzazzjoni f'dan il-kuntest; jitlob li jiġi infurmat regolarment dwar il-kisbiet relatati mal-applikazzjoni tal-prinċipji tal-ibbaġitjar abbażi tal-prestazzjoni;

    6.   

    Iħeġġeġ lill-Kumitat jippubblika r-Rapport ta' Attività Annwali u l-Kontijiet Annwali tiegħu sal-31 ta' Marzu tas-sena wara s-sena tal-kontabilità inkwistjoni bil-għan tal-ottimizzazzjoni u t-tħaffif tal-proċedura ta' kwittanza;

    7.   

    Jinnota li l-approprjazzjonijiet finali għall-ivvjaġġar u għas-sussistenza għall-Membri kienu jammontaw għal EUR 19 819 612 fl-2017 (meta mqabbla ma' EUR 19 561 194 fl-2016); jilqa' l-lista dettaljata ta' vjaġġi mill-Membri, ippreżentata fir-Rapport ta' Attività Annwali; jilqa' l-miżuri li jikkontribwixxu għal ippjanar effiċjenti tal-laqgħat u għat-tnaqqis tal-ispejjeż tat-trasport;

    8.   

    Jinnota li l-Kumitat naqqas l-għadd ġenerali ta' postijiet fit-tabella tal-persunal tiegħu b'59 minn 727 fl-2013 għal 665 fl-2017, l-aktar minħabba l-implimentazzjoni tad-deċiżjoni tat-tnaqqis tal-persunal b'5 % u l-implimentazzjoni tal-ftehim ta' kooperazzjoni konkluż fl-2014 mal-Parlament; jinnota li l-Kumitat aġġusta l-istruttura organizzattiva tiegħu, b'mod partikolari permezz tal-fużjoni tad-direttorat għar-riżorsi umani u d-direttorat għall-finanzi f'Mejju 2017;

    9.   

    Jilqa' l-kooperazzjoni amministrattiva interistituzzjonali mal-Parlament u r-riżultati tal-evalwazzjoni ta' nofs it-terminu dwar l-implimentazzjoni tal-ftehim ta' kooperazzjoni bejn il-Kumitat u l-Kumitat tar-Reġjuni, li jenfasizza l-implimentazzjoni b'suċċess ta' diversi miżuri; jinnota li fil-kuntest ta' eżerċizzju ta' riallokazzjoni, il-Kumitat diġà ċaqlaq 16-il post mid-direttorat għat-traduzzjoni għas-servizzi tiegħu stess u li ċ-ċaqliq li fadal se jseħħ b'mod progressiv; jinnota l-kalkolu tal-iffrankar baġitarju li sar mill-Kumitat u mill-Kumitat tar-Reġjuni permezz ta' din il-kooperazzjoni interistituzzjonali, bħall-iffrankar, fost l-oħrajn, fi spejjeż infrastrutturali li jammontaw għal EUR 12,5 miljun, fi spejjeż tal-IT li jammontaw għal EUR 5 miljun, jew fi spejjeż tal-persunal tas-sigurtà li jammontaw għal EUR 500 000; jistieden lill-Kumitat u lill-Kumitat tar-Reġjuni jkomplu jtejbu din il-kooperazzjoni interistituzzjonali sabiex jiksbu aktar iffrankar;

    10.   

    Jieħu nota li fl-2017 il-Kumitat adotta total ta' 155 opinjoni u rapport, inklużi 13-il opinjoni esploratorja dwar riferiment mill-presidenzi tal-UE jew mill-Kummissjoni, 59 opinjoni dwar riferiment mill-Parlament u l-Kunsill, u 45 dwar riferiment mill-Kummissjoni;

    11.   

    Jinnota li s-servizzi ta' traduzzjoni għadhom fi tranżizzjoni lejn livell ogħla ta' esternalizzazzjoni minħabba t-trasferiment tal-persunal lejn il-Parlament skont il-ftehim ta' kooperazzjoni (b'16,61 % tal-baġit fl-2016 jintuża għal traduzzjoni esternalizzata u 17,10 % fl-2017); jistieden lill-Kumitat isegwi l-oqsma relatati mal-ġestjoni tat-traduzzjoni li jeħtieġu aktar attenzjoni mill-maniġment enfasizzati mis-servizz tal-awditjar intern u jixtieq jiġi infurmat b'dan;

    12.   

    Jinnota li r-rata ta' slots mhux użati ta' servizzi ta' interpretazzjoni kienet ta' 3,6 % fl-2017 (meta mqabbla ma' 4 % fl-2016); iħeġġeġ lill-Kumitat iżomm max-xejra pożittiva lejn inqas kanċellazzjonijiet;

    13.   

    Huwa interessat fix-xogħol tal-grupp ad hoc stabbilit mill-Bureau tal-Kumitat dwar il-futur tal-Kumitat, li għandu l-għan li jiżviluppa viżjoni ġdida għall-Kumitat u r-rwol tiegħu f'Unjoni li qed tinbidel; jinnota li l-grupp ippreżenta r-rapport tiegħu f'Lulju 2017 bi proposti dwar metodi ta' ħidma u dwar l-organizzazzjoni interna; jinnota li l-ideat ippreżentati fir-rapport se jirriżultaw progressivament f'azzjonijiet konkreti u jitlob lill-Kumitat għal aktar informazzjoni fir-Rapport ta' Attività Annwali li jmiss;

    14.   

    Jenfasizza li 11-il post biss kienu miftuħa fil-Kumitat fl-2017 (relatati ma' postijiet permanenti) meta mqabbla ma' 62 post miftuħa fl-2015, u jilqa' dak l-iżvilupp;

    15.   

    Jilqa' b'sodisfazzjon iż-żieda fid-djalogu politiku bejn il-Kumitat u l-Parlament kif ukoll istituzzjonijiet oħra; jinnota l-kontribut attiv tal-Kumitat għall-kooperazzjoni interistituzzjonali dwar il-valutazzjoni tal-politiki u d-dritt tal-Unjoni fil-qafas tal-ftehim dwar tfassil aħjar tal-liġijiet u l-Programm dwar l-Idoneità u l-Prestazzjoni tar-Regolamentazzjoni (REFIT); iħeġġeġ lill-Kumitat u lill-Parlament ikomplu bl-isforzi tagħhom fit-tisħiħ tal-kooperazzjoni politika;

    16.   

    Jilqa' b'sodisfazzjon il-kooperazzjoni amministrattiva interistituzzjonali mal-Parlament; jinnota b'sodisfazzjon il-kooperazzjoni mas-Servizz ta' Riċerka tal-Parlament Ewropew (EPRS) u l-kooperazzjoni tad-dipartimenti ta' komunikazzjoni; jilqa' l-iffrankar baġitarju tal-Kumitat li jirriżulta minn din il-kooperazzjoni interistituzzjonali, bħall-iffrankar fl-ispejjeż tal-persunal li jammonta għal EUR 3,3 miljun (il-livelli tal-pagi tal-2016) li jirriżulta mit-trasferiment ta' 36 post mill-Kumitat għall-EPRS;

    17.   

    Jinnota li bħala riżultat tal-kooperazzjoni mal-Parlament, ġew adottati total ta' 52 opinjoni bi tweġiba għar-riferimenti mill-Parlament; Il-membri tal-Kumitat kellhom aktar minn 60 laqgħa mar-rapporteurs u x-shadow rapporteurs tal-Parlament kif ukoll ma' Membri oħra tal-Parlament, u pparteċipaw fi rwol attiv f'aktar minn 42 avveniment fil-Parlament u b'mod parallel, il-Membri tal-Parlament ipparteċipaw b'mod attiv f'35 laqgħa ta' ħidma leġiżlattiva tal-Kumitat; iħeġġeġ lill-Kumitat ikompli jaħdem u biex jżid il-kooperazzjoni mal-Parlament fil-ħidma leġiżlattiva;

    18.   

    Peress li l-ispejjeż interistituzzjonali tat-taħriġ fl-IT, b'mod partikolari fl-2017, kienu influwenzati minn prezzijiet indikattivi impreċiżi, jitlob li jkun hemm ftehim ġdid dwar il-livell ta' servizz mal-Kummissjoni f'dan il-qasam biex tiġi evitata l-inċertezza permezz ta' ħidma b'ammont globali uniku għat-taħriġ kollu;

    19.   

    Jilqa' l-kisbiet li saru mill-Kumitat f'termini ta' attivitajiet ta' komunikazzjoni biex iżid il-viżibilità u l-impatt fuq il-midja tiegħu, inkluża ż-żieda tal-preżenza tiegħu fil-midja soċjali; jilqa' b'mod partikolari d-dibattiti lokali organizzati f'27 Stat Membru fil-kuntest tar-riflessjoni tal-Kummissjoni dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa kif ukoll avvenimenti kulturali oħra u l-221 attività “Going Local”;

    20.   

    Jilqa' l-isforzi fl-effiċjenza tas-sistemi tal-informazzjoni, l-infrastruttura tal-IT u s-servizzi ta' appoġġ għall-utenti; jinnota l-eżempji bħall-iżvilupp ta' applikazzjoni ġdida għall-valutazzjonijiet tal-persunal, vademecum tal-persunal online, użu aħjar tas-sistemi operattivi prinċipali u ambjenti ta' rappurtar; jinnota madankollu bi tħassib li l-Kumitat, flimkien mal-Kumitat tar-Reġjuni, iddedika inqas minn 3 % tal-baġit totali tiegħu għall-IT, filwaqt li l-proġetti u t-tagħmir tal-IT batew minn sottofinanzjament għal diversi snin; jitlob lill-Kumitat iħejji strateġija ta' nofs it-terminu dwar l-investimenti fil-proġetti u t-tagħmir tal-IT tiegħu u jinkludiha fir-rapport ta' Attività Annwali li jmiss tal-Kumitat;

    21.   

    Jinnota l-approvazzjoni ta' strateġija tal-bini mill-Bureau tal-Kumitat fis-17 ta' Ottubru 2017 u mill-Bureau tal-Kumitat tar-Reġjuni fid-29 ta' Novembru 2017; jinnota li dik l-istrateġija dwar il-bini tipprovdi qafas biex tittieħed kwalunkwe deċiżjoni futura relatata mal-politika tal-bini u fiha sett ta' prinċipji gwida fil-qasam tal-proprjetà immobbli; jinnota li ġew identifikati u studjati diversi xenarji biex titħejja l-politika tal-bini lil hinn mill-2021 bil-prijorità mogħtija lil xenarji li jinkludu t-tkomplija tal-użu tal-bini VMA; jitlob li jinżamm infurmat dwar in-negozjati għaddejjin mal-Kummissjoni rigward it-tkomplija tal-użu tal-bini VMA; iħeġġeġ lill-Kumitat, flimkien mal-Kumitat tar-Reġjuni, biex iwettqu valutazzjoni tal-ħtiġijiet potenzjali ta' rinnovazzjoni u jagħmel stima tal-ispejjeż għax-xenarju li fih iż-żewġ Kumitati jieħdu f'idejhom il-bini VMA kollu;

    22.   

    Jiddispjaċih dwar il-parteċipazzjoni baxxa tal-operaturi ekonomiċi fis-sejħiet għal offerti mnedija mill-Kumitat; jistieden lill-Kumitat iżid l-isforzi ta' pubblikazzjoni u jnaqqas l-għadd ta' proċeduri negozjati eċċezzjonali ma' kandidat wieħed biss u jirrapporta lill-awtorità tal-kwittanza dwar il-progress;

    23.   

    Jilqa' r-riżultati tajbin miksuba fir-rigward tas-sistema ta' ġestjoni ambjentali permezz tal-kooperazzjoni konġunta bejn il-Kumitat u l-Kumitat tar-Reġjuni; jinnota b'sodisfazzjon l-iffrankar sinifikanti miksub f'diversi oqsma, inkluż tnaqqis fil-konsum tal-elettriku bi 11 %, tal-konsum tal-gass bi 15 %, tnaqqis tal-użu tal-karti bi 11 % u tnaqqis tal-iskart bi 13 %; jilqa' l-fatt li l-Kumitat, flimkien mal-Kumitat tar-Reġjuni, kiseb it-tikketta “Good Food”, mogħtija mir-reġjun ta' Brussell biex jiċċertifika li l-canteens tal-Kumitati huma ġestiti b'mod sostenibbli;

    24.   

    Jilqa' l-inizjattiva tal-Kumitat li jniedi stħarriġ tal-persunal dwar ir-riskji psikosoċjali fi tmiem l-2016 sabiex jimmonitorja l-perċezzjoni ta' kwistjonijiet relatati mal-istress mill-persunal tiegħu; jilqa' dan il-monitoraġġ mill-qrib u l-azzjonijiet biex titqajjem kuxjenza fil-livell maniġerjali u fil-livell tal-persunal, bħall-Ġimgħa għas-Sigurtà u s-Saħħa fil-Post tax-Xogħol li ġiet organizzata f'Ottubru 2017; jistieden lill-Kumitat iwettaq l-isforzi tiegħu f'dan ir-rigward, filwaqt li jqis li r-rata ta' assenzi ilha tiżdied sa mill-2015 minn 4 % għal 5,5 % fl-2017, u biex jieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżgura l-benesseri tal-persunal tiegħu; jinnota f'dan ir-rigward li t-telexogħol okkażjonali naqas minn 62,5 % fl-2016 għal 47,6 % fl-2017;

    25.   

    Jinnota żieda żgħira ta' nisa fil-pożizzjonijiet maniġerjali minn 37,5 % fl-2016 għal 41,4 % fl-2017; jilqa' l-Pjan ta' Azzjoni għal Opportunitajiet Indaqs u d-Diversità b'madwar 25 miżura ssuġġeriti; jinsab imħasseb li aktar minn 80 % tal-membri tal-persunal li talbu arranġamenti tax-xogħol flessibbli kienu nisa; jissuġġerixxi li l-Kumitat jadatta l-politika tiegħu bil-ħsieb li jħeġġeġ aktar irġiel jagħmlu użu minn dawn l-arranġamenti, b'mod partikolari bil-għan li jiġi promoss l-impenn tagħhom fil-ħajja tal-familja;

    26.   

    Jinnota l-isforzi li saru f'termini ta' bilanċ ġeografiku, il-perċentwal ta' maniġers li ġejjin minn Stati Membri li ssieħbu fl-Unjoni fl-2004 jew wara (UE13) żdied għal 16 % fl-2017 u issa huwa ta' 18,5 %; jistieden lill-Kumitat ikompli bl-isforzi tiegħu bil-għan li tintlaħaq il-mira ta' 20 % li tirrifletti l-proporzjon tal-popolazzjoni tal-UE13 meta mqabbel mal-popolazzjoni totali tal-Unjoni;

    27.   

    Jilqa' b'sodisfazzjon il-ħatra mill-Kumitat ta' tim ta' erba' konsulenti tal-etika f'Lulju 2018, wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni Nru 053/2016 tat-2 ta' Marzu 2016 dwar proċedura ta' żvelar ta' informazzjoni;

    28.   

    Jenfasizza l-isforzi tal-Kumitat biex jaħdem favur konsolidazzjoni tar-regoli statutorji u interni dwar l-imġiba tas-servizz ċivili b'etika u rispett; jilqa' l-fatt li aspetti bħall-użu tal-midja soċjali, is-sistema tal-IT u l-protezzjoni tad-data huma koperti; jinnota l-isforzi mwettqa flimkien mal-kontropartijiet tiegħu fil-Kumitat tar-Reġjuni biex jiġu applikati regoli għall-persunal b'mod koerenti, b'mod partikolari fejn huma kkonċernati kollegi fis-servizzi konġunti; jistieden lill-Kumitat jipprovdi aġġornamenti regolari dwar il-qafas komprensiv il-ġdid dwar l-Etika u l-Integrità;

    29.   

    Jilqa' l-fatt li l-Kumitat ippubblika d-dikjarazzjonijiet ta' interessi tal-President u tal-Viċi President taħt il-profili individwali ta' dawn il-Membri fuq is-sit elettroniku tal-Kumitat, kif mitlub fl-aħħar rapport ta' kwittanza;

    30.   

    Jinnota li l-membri tal-persunal għandhom jiddikjaraw ukoll l-involviment tagħhom f'attivitajiet esterni skont l-Artikolu 11 tar-Regolamenti tal-Persunal; iħeġġeġ lill-Kumitat jistabbilixxi malajr linji gwida dwar il-prevenzjoni tal-kunflitti ta' interess għall-membri tal-persunal kollu bi tweġiba għad-Deċiżjoni tal-Ombudsman Ewropew fil-kawża 1306/2014/OV;

    31.   

    Jinnota li d-Direttur tar-Riżorsi Umani u l-Finanzi ġie maħtur għall-pożizzjoni ta' Segretarju Ġenerali fl-14 ta' Novembru 2018; jinnota li huwa żamm il-pożizzjoni preċedenti tiegħu, filwaqt li qed isiru arranġamenti għall-ħatra ta' suċċessur; jinsab imħasseb dwar il-fatt li ż-żewġ funzjonijiet huma inkompatibbli u jħeġġeġ lill-Kumitat jaħtar b'ħeffa Direttur ġdid tar-Riżorsi Umani u jirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza;

    32.   

    Jinnota li l-Membri tal-Kumitat għandhom sfondi professjonali differenti u jistgħu jintużaw għal kulturi ta' ġestjoni differenti; jinnota li l-attivitajiet politiċi tal-Membri jimplikaw ukoll ċerti kompiti ta' ġestjoni, peress li x-xogħol tagħhom huwa appoġġat mill-persunal tagħhom stess u mill-persunal mis-Segretarjat; jenfasizza l-ħtieġa li l-Membri jiffamiljarizzaw ruħhom mal-prinċipji tal-kultura amministrattiva tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni biex jiġu żgurati d-dinjità u r-rispett lejn ix-xogħol;

    33.   

    Jilqa' b'sodisfazzjon il-ħidma tan-netwerk ta' konsulenti konfidenzjali biex jipprevjenu u jindirizzaw b'mod attiv il-fastidju fl-ambjent tax-xogħol; jinnota li fl-2017, 25 membri tal-persunal ingħataw parir informali min-netwerk; iħeġġeġ lill-Kumitat jimmonitorja mill-qrib l-effiċjenza tal-politika tiegħu f'dan ir-rigward, ikompli jqajjem kuxjenza dwar il-fastidju fuq il-post tax-xogħol u jkompli jrawwem kultura ta' politika ta' tolleranza żero fir-rigward tal-fastidju; jieħu nota tar-riflessjoni li għaddejja dwar il-proċeduri u s-sanzjonijiet li jikkonċernaw lill-Membri involuti f'każijiet ta' fastidju u jħeġġeġ lill-Kumitat jintroduċi regoli u proċeduri f'dan ir-rigward sal-proċedura ta' kwittanza li jmiss;

    34.   

    Jinnota li l-Kunsill għadu ma ħa deċiżjoni dwar l-ebda bidla fl-għadd ta' Membri u delegati tal-Kumitat wara d-deċiżjoni tar-Renju Unit li joħroġ mill-Unjoni; jitlob lill-Kumitat jipprovdi informazzjoni dwar l-impatt baġitarju dirett tad-deċiżjoni, l-aktar tard fis-segwitu tal-kwittanza tal-2017; jinnota, barra minn hekk, li d-deċiżjoni tar-Renju Unit mhi se jkollha l-ebda konsegwenza diretta fuq il-persunal tal-Kumitat; jilqa' r-riflessjoni li għaddejja bħalissa dwar ir-relazzjonijiet futuri mar-Renju Unit wara l-ħruġ tiegħu, u r-rieda tal-Kumitat li jżomm relazzjonijiet tajba mas-soċjetà ċivili.


    Top