Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52019AP0373

    P8_TA(2019)0373 Titoli koperti minn bonds sovrani ***I Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' April 2019 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-titoli koperti minn bonds sovrani (COM(2018)0339 – C8-0206/2018 – 2018/0171(COD)) P8_TC1-COD(2018)0171 Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fis-16 ta' April 2019 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2019/… tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-titoli koperti minn bonds sovrani (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    ĠU C 158, 30.4.2021, p. 64–82 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    30.4.2021   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 158/64


    P8_TA(2019)0373

    Titoli koperti minn bonds sovrani ***I

    Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' April 2019 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-titoli koperti minn bonds sovrani (COM(2018)0339 – C8-0206/2018 – 2018/0171(COD))

    (Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

    (2021/C 158/22)

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2018)0339),

    wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C8-0206/2018),

    wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    wara li kkonsulta lill-Bank Ċentrali Ewropew,

    wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tas-17 ta' Ottubru 2018 (1),

    wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A8-0180/2019),

    1.

    Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;

    2.

    Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk tibdel il-proposta tagħha, temendaha b'mod sustanzjali jew ikollha l-ħsieb li temendaha b'mod sustanzjali;

    3.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

    (1)  ĠU C 62, 15.2.2019, p. 113.


    P8_TC1-COD(2018)0171

    Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fis-16 ta' April 2019 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2019/… tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-titoli koperti minn bonds sovrani

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (1),

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),

    Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (3),

    Billi:

    (1)

    It-Titoli Koperti minn Bonds Sovrani (Sovereign Bond-Backed Securities, “SBBSs”) jistgħu jkunu kapaċi jindirizzaw xi vulnerabbiltajiet li rriżultaw mill-kriżi finanzjarja tal-2007-2008 jew li ġew esposti minnha. B'mod aktar speċifiku, l-SBBSs jistgħu jkunu kapaċi jgħinu lill-banek u lil istituzzjonijiet finanzjarji oħra jiddiversifikaw aħjar l-iskoperturi sovrani tagħhom, idgħajfu aktar ir-rabta bejn il-banek u l-emittenti sovrani u , b'hekk, jiffaċilitaw l-implimentazzjoni tal-politika monetarja . L-SBBSs jistgħu, barra minn hekk, jirrendu l-bonds maħruġa fi swieq nazzjonali żgħar u anqas likwidi aktar attraenti għall-investituri internazzjonali, li jistgħu jinkoraġġixxu l-kondiviżjoni tar-riskju tas-settur privat u t-tnaqqis tar-riskju u jippromwovu allokazzjoni aktar effiċjenti tar-riskji fost l-operaturi finanzjarji.

    (2)

    Fil-qafas legali eżistenti, l-SBBSs jiġu ttrattati bħala titolizzazzjonijiet u għalhekk ikunu soġġetti għal tariffi u skontijiet akbar minn dawk iffaċċjati mill-bonds sovrani taż-żona tal-euro fil-portafoll sottostanti. Tali tariffi u skontijiet addizzjonali jimpedixxu l-produzzjoni u l-użu tal-SBBSs mis-settur privat, minkejja li l-SBBSs iġorru inqas riskji minn dawk assoċjati ma' tipi oħra ta' titolizzazzjonijiet . Madankollu, tibqa' l-prevalenza ta' xi riskji bħal dawk marbuta mal-imħażen tat-taxxa jew ma' mġiba frawdolenti. Jenħtieġ għalhekk li l-SBBSs ikunu soġġetti għal qafas regolatorju li jqis aħjar il-karatteristiċi u l-proprjetajiet uniċi tal-SBBS biex dan il-prodott ikun jista' jsib postu fis-suq.

    (2a)

    Bħala titolizzazzjonijiet, l-SBBSs huma esposti għal riskji speċifiċi għall-prodott marbuta mal-SPE, li hija l-entità awtonoma u ġuridikament separata mwaqqfa għall-finijiet tal-ħruġ ta' SBBSs. Segment tal-ewwel telf barra s-sistema bankarja se jkun essenzjali biex titnaqqas ir-rabta bejn il-banek u l-emittenti sovrani. Għaldaqstant jenħtieġ li t-trattament regolatorju preferenzjali mogħti lill-assi sottostanti ta' SBBS tkun estiża għall-parteċipazzjoni tal-banek fis-segment superjuri ta' SBBS.

    (3)

    L-iffaċilitar ta' żvilupp tal-SBBSs immexxi mis-suq huwa parti mill-isforzi tal-Kummissjoni biex tnaqqas ir-riskji għall-istabbiltà finanzjarja u tavvanza lejn it-tlestija tal-Unjoni Bankarja. L-SBBSs jistgħu jappoġġaw aktar diversifikazzjoni tal-portafoll fis-settur bankarju, filwaqt li joħolqu sors ġdid ta' kollateral ta' kwalità għolja, li huwa partikolarment adatt għall-użu fi tranżazzjonijiet finanzjarji transfruntiera kif ukoll għall-operazzjonijiet tal-banek ċentrali tal-Eurosistema u tal-kontropartijiet ċentrali . Barra minn hekk, l-iffaċilitar tal-SBBSs jista' wkoll iżid in-numru ta' strumenti disponibbli għall-investiment transfruntier u l-kondiviżjoni tar-riskju fis-settur privat , li jimbotta l-isforzi tal-Kummissjoni biex tlesti l-Unjoni Bankarja u tapprofondixxi u tintegra aktar is-swieq tal-kapital tal-Ewropa fil-kuntest tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali.

    (4)

    L-SBBSs ma jinvolvu l-ebda reċiproċità ta' riskji u telf fost l-Istati Membri peress li l-Istati Membri mhux se jiggarantixxu reċiprokament ir-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom fil-portafoll ta' bonds sovrani sottostanti tal-SBBSs. Barra minn hekk, l-iffaċilitar tal-SBBSs ma jinvolvi l-ebda bidla fit-trattament regolatorju attwali tal-iskoperturi sovrani.

    (5)

    Biex jintlaħqu l-objettivi tad-diversifikazzjoni tar-riskju ġeografiku fl-Unjoni Bankarja u s-suq intern, il-portafoll sottostanti tal-SBBSs jenħtieġ li jkun magħmul minn bonds sovrani ta' Stati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro. Biex jiġu evitati r-riskji tal-kambju, bonds sovrani denominati f'euro u maħruġa minn Stati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro biss jenħtieġ li jitħallew jiddaħħlu fil-portafoll sottostanti tal-SBBSs. Biex jiġi żgurat li l-bonds sovrani ta' kull Stat Membru fiż-żona tal-euro jikkontribwixxu għall-produzzjoni tal-SBBSs f'konformità mal-ishma ta' kull Stat Membru fl-istabbiltà taż-żona tal-euro globali, il-piż relattiv tal-bonds sovrani nazzjonali fil-portafoll sottostanti tal-SBBSs jenħtieġ li jkun ħafna qrib il-piż relattiv tal-Istati Membri rispettivi fil-kjavi għas-sottoskrizzjoni tal-kapital tal-Bank Ċentrali Ewropew min-naħa tal-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri.

    (6)

    Biex jiġu offruti assi ta' kwalità għolja b'riskju baxx u fl-istess ħin jiġu ssodisfati l-livelli differenti ta' predispożizzjoni għar-riskju tal-investituri, il-ħruġ ta' SBBSs jenħtieġ li jkun magħmul minn segment superjuri u segment subordinat wieħed jew aktar. Is-segment superjuri, li jikkorrispondi għal 70 fil-mija tal-valur nominali tal-ħruġ ta' SBBSs, jenħtieġ li jżomm ir-rata ta' telf mistennija tal-SBBSs f'konformità ma' dik tal-aktar bonds sovrani sikuri fiż-żona tal-euro, filwaqt li jitqiesu r-riskju u l-korrelazzjoni tal-bonds sovrani fil-portafoll sottostanti ta' bonds sovrani tal-SBBSs. Is-segmenti subordinati għandhom jipprovdu protezzjoni għas-segment superjuri. ▌Biex jiġi limitat ir-riskju għas-segment inferjuri (is-segment li jġarrab telf qabel kull segment ieħor), jenħtieġ li l-valur nominali tas-segment inferjuri jkun ta' mill-inqas 5  % tal-valuri nominali pendenti tal-ħruġ totali ta' SBBSs. Fid-dawl tal-kumplessità partikolari tal-prodott, jenħtieġ li l-akkwist min-naħa ta' konsumaturi individwali jiġi kkunsidrat biss għas-segmenti superjuri u mhux għas-segmenti inferjuri.

    (7)

    Biex tiġi żgurata l-integrità tal-ħruġ ta' SBBSs u jiġu limitati kemm jista' jkun ir-riskji relatati maż-żamma u l-immaniġġar tal-portafoll sottostanti ta' bonds sovrani, jenħtieġ li l-maturitajiet tal-bonds sovrani sottostanti jkunu allinjati mill-qrib mal-maturità tal-SBBSs u li l-kompożizzjoni tal-portafoll sottostanti ta' bonds sovrani tkun fissa għaċ-ċiklu kollu tal-ħajja tal-SBBSs.

    (8)

    Il-kompożizzjoni standardizzata tal-portafoll sottostanti tal-SBBSs tista' tirrendi diffiċli jew tfixkel il-ħruġ ta' SBBSs meta fis-suq ma jkunx hemm bonds sovrani ta' Stat Membru wieħed jew aktar disponibbli. Għal din ir-raġuni, jenħtieġ li jkun possibbli li l-bonds sovrani ta' Stat Membru partikolari jiġu esklużi minn ħruġ futur ta' SBBSs meta u sakemm il-ħruġ ta' bonds sovrani minn dak l-Istat Membru jkun limitat b'mod sinifikanti minħabba inqas bżonn ta' dejn pubbliku jew aċċess indebolit għas-suq.

    (9)

    Biex jiġi żgurat li l-SBBSs ikunu omoġenji biżżejjed, jenħtieġ li l-esklużjoni u r-riintegrazzjoni tal-bonds sovrani ta' Stat Membru partikolari mill-portafoll sottostanti ta' bonds sovrani jiġu awtorizzati biss wara deċiżjoni tal-Kummissjoni, li tiżgura li l-SBBSs kollha maħruġa fl-istess ħin ikollhom l-istess portafoll sottostanti ta' bonds sovrani. L-SBBSs huma prodotti ġodda u, sabiex tiġi żgurata l-kontinwità tal-ħruġ tagħhom fis-suq, hemm bżonn mekkaniżmu ta' teħid ta' deċiżjonijiet fil-ħin biex jiġi aġġustat il-portafoll sottostanti tal-SBBSs f'sitwazzjonijiet meta Stat Membru ma jkunx għad għandu aċċess għas-suq. Barra minn hekk, il-kummentaturi u l-partijiet ikkonċernati qajmu tħassib dwar il-potenzjal ta' impatti negattivi fuq il-likwidità tas-swieq għall-bonds sovrani sottostanti, u dan jistħoqqlu jittieħed bis-serjetà. Għal dan il-għan, ir-Regolament jassenja lill-Awtorità Superviżorja Ewropea (l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill  (4) (ESMA) il-kompitu li tissorvelja s-swieq tal-SBBSs u l-bonds tal-gvern sottostanti għal sinjali ta' tfixkil.

    (9a)

    Abbażi tal-osservazzjonijiet tal-ESMA u bl-appoġġ tar-rapporti tagħhom, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tipprovdi definizzjoni ċara ta' “likwidità tas-suq”, kif ukoll metodu għall-kalkolu tagħha, u li tiddetermina l-kriterji li bihom l-ESMA jenħtieġ li tivvaluta jekk Stat Membru jkunx għadu jgawdi aċċess għas-suq għall-iskopijiet ta' dan ir-Regolament. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta att delegat skont l-Artikolu 290 tat-TFUE. Fit-tħejjija u t-tfassil ta' dan l-att delegat, jenħtieġ li l-Kummissjoni tiżgura t-trażmissjoni simultanja, f'waqtha u xierqa tad-dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

    (10)

    Id-daqs fiss tas-segment superjuri għal kull ħruġ tal-SBBSs jista' jitnaqqas għall-ħruġ futur tal-SBBSs fejn, minħabba żviluppi avversi fis-suq li jfixklu serjament il-funzjonament tas-swieq tad-dejn tal-gvern fi Stat Membru jew fl-Unjoni, ikun meħtieġ daqs iżgħar biex tiġi żgurata l-kontinwazzjoni ta' kwalità għolja tal-kreditu u riskju baxx għas-segment superjuri. Meta jispiċċaw dawn l-iżviluppi avversi fis-suq, jenħtieġ li d-daqs tas-segment superjuri għall-ħruġ ta' SBBSs fil-futur jitnaqqas b'mod korrispondenti għall-valur inizjali tiegħu ta' 70 fil-mija. ▌

    (11)

    Jenħtieġ li l-investituri jkunu protetti kemm jista' jkun mir-riskju ta' insolvenza tal-istituzzjoni li takkwista l-bonds sovrani (“xerrej oriġinali”) bl-iskop li jinġabar il-portafoll sottostanti tal-SBBSs. Għal din ir-raġuni jenħtieġ li jkunu biss l-entitajiet bi skop speċjali (special purpose entities, “SPEs”) iddedikati esklużivament għall-ħruġ u l-immaniġġar tal-SBBSs – u li ma jwettqux attivitajiet oħra, bħal għoti ta' kreditu – li jitħallew joħorġu SBBSs. Għall-istess raġuni, jenħtieġ li l-SPEs ikunu soġġetti għal rekwiżiti stretti fir-rigward tas-segregazzjoni tal-assi.

    (12)

    Sabiex jimmaniġġaw diskrepanzi limitati fil-maturità fil-perjodu ta' żmien bejn il-wasla tal-qligħ tas-servizz tad-dejn fuq il-portafoll sottostanti u d-dati tal-ħlas lill-investituri tal-SBBSs, jenħtieġ li l-SPEs jitħallew jinvestu l-qligħ mis-servizz tad-dejn fuq il-portafoll sottostanti ta' bonds sovrani tal-SBBSs esklużivament fi flus u strumenti finanzjarji likwidi ħafna b'livell baxx ta' riskju tas-suq u tal-kreditu.

    (12a)

    Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li ż-żamma ta' bonds sovrani mill-SPEs tgawdi l-istess trattament bħal kwalunkwe żamma oħra tal-istess bond sovran jew bonds sovrani oħra maħruġa bl-istess termini.

    (13)

    Huma biss il-prodotti li jissodisfaw ir-rekwiżiti rigward il-kompożizzjoni u l-maturità tal-portafoll sottostanti, id-daqs tas-segmenti superjuri u subordinati kif stipulat f'dan ir-Regolament , u li l-ħruġ tagħhom ikun konformi mar-reġim superviżorju, li jenħtieġ li jgawdu t-trattament regolatorju previst f'dan ir-Regolament .

    (14)

    Sistema ta' ċertifikazzjoni mill-ESMA jenħtieġ li tiżgura li l-ħruġ ta' SBBSs ikun konformi mar-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament. Jenħtieġ li l-ESMA, għalhekk, iżżomm lista tal-SBBSs iċċertifikati , li tippermetti lill-investituri jivverifikaw jekk prodott li jkun offrut għall-bejgħ bħala SBBS ikunx tassew SBBS. Għall-istess raġuni, jenħtieġ li l-ESMA tindika f'dik il-lista jekk tkunx ġiet imposta kwalunkwe sanzjoni fir-rigward ta' SBBS u tneħħi mil-lista dawk il-prodotti li jinstabu li jkunu qed jiksru dan ir-Regolament.

    (15)

    Jenħtieġ li l-investituri jkunu jistgħu jserrħu fuq iċ-ċertifikazzjoni tal-SBBSs min-naħa tal-ESMA u fuq l-informazzjoni pprovduta mill-SPEs. Jenħtieġ li l-informazzjoni dwar l-SBBSs u l-bonds sovrani fil-portafoll sottostanti tagħti s-setgħa lill-investituri biex jifhmu, jivvalutaw u jqabblu t-tranżazzjonijiet tal-SBBSs u ma joqogħdux biss fuq terzi persuni, inklużi aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu. Jenħtieġ li din il-possibbiltà tippermetti lill-investituri jaġixxu b'mod prudenti u jwettqu d-diliġenza dovuta tagħhom b'mod effiċjenti. Għalhekk, jenħtieġ li l-informazzjoni dwar l-SBBSs tkun disponibbli liberament għall-investituri, permezz ta' mudelli standardizzati, fuq sit web li jiżgura aċċessibbiltà kontinwa.

    (16)

    Sabiex tiġi evitata mġiba abbużiva u jiġi żgurat li tinżamm il-fiduċja fl-SBBSs, jenħtieġ li jiġu pprovduti sanzjonijiet amministrattivi u miżuri ta' rimedju xierqa min-naħa tal-ESMA għal każijiet ta' ksur negliġenti jew intenzjonat tal-obbligi ta' notifika jew ir-rekwiżiti tal-prodott fir-rigward tal-SBBSs.

    (17)

    Jenħtieġ li l-investituri f'setturi finanzjarji differenti jkunu jistgħu jinvestu fl-SBBSs bl-istess kundizzjonijiet li jinvestu fil-bonds sovrani sottostanti taż-żona tal-euro , ħlief għal investimenti fiż-żamma tas-segmenti subordinati ta' SBBS min-naħa tal-banek. Id-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), id-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) u d-Direttiva (UE) 2016/2341 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) jenħtieġ li għalhekk jiġu emendati biex jiġi żgurat li l-SBBS jingħataw l-istess trattament regolatorju bħall-assi sottostanti tagħhom fid-diversi setturi finanzjarji rregolati.

    (18)

    Biex tiġi salvagwardata l-istabbiltà finanzjarja, tiġi żgurata l-fiduċja tal-investituri u tiġi promossa l-likwidità, huwa importanti li jkun hemm superviżjoni xierqa u effettiva tas-swieq tal-SBBSs. Għal dan il-għan, l-ESMA jenħtieġ li tkun infurmata dwar il-ħruġ tal-SBBSs u tirċievi mill-SPEs u l-intermedjarji l-informazzjoni rilevanti kollha meħtieġa biex twettaq il-kompiti superviżorji tagħha . Is-superviżjoni tal-konformità ma' dan ir-Regolament jenħtieġ li ssir primarjament biex tiżgura l-protezzjoni tal-investituri u, fejn applikabbli, fuq aspetti li jistgħu jkunu marbuta mal-ħruġ u ż-żamma tal-SBBSs minn entitajiet finanzjarji regolati.

    (19)

    Jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali tal-entitajiet involuti fil-ġbir ta' SBBSs jew fis-suq tal-SBBSs u l-ESMA jikkoordinaw mill-qrib is-superviżjoni tagħhom u jiżguraw li d-deċiżjonijiet tagħhom ikunu konsistenti. ▌

    (20)

    Peress li l-SBBSs huma prodotti ġodda, li l-effetti tagħhom fuq is-swieq għat-titoli tad-dejn sovran sottostanti mhumiex magħrufa, huwa xieraq li l-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (BERS) u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u maħtura għal strumenti makroprudenzjali jissorveljaw is-suq tal-SBBSs. Għal dak il-għan, jenħtieġ li l-BERS juża s-setgħat mogħtija lilu mir-Regolament (UE) Nru 1092/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill  (9) u, jekk ikun xieraq, joħroġ twissijiet u jagħmel suġġerimenti lill-awtoritajiet kompetenti biex jittieħdu azzjonijiet ta' rimedju.

    (21)

    Bħala korp b'kompetenza speċjalizzata ħafna dwar is-swieq tat-titoli, huwa xieraq li l-ESMA tiġi fdata bl-iżvilupp ta' abbozzi ta' standards tekniċi regolatorji għall-preżentazzjoni lill-Kummissjoni dwar it-tipi ta' investiment li tista' twettaq l-SPE bil-qligħ mill-pagamenti tal-kapital jew tal-imgħax tal-portafoll sottostanti tal-SBBSs, l-informazzjoni li għandha tingħata mill-SPE għan-notifika u ċ-ċertifikazzjoni tal-ħruġ ta' SBBSs lill-ESMA, l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta qabel it-trasferiment ta' SBBS u l-obbligi ta' kooperazzjoni u skambju ta' informazzjoni fost l-awtoritajiet kompetenti. Il-Kummissjoni jenħtieġ li tingħata s-setgħa li tadotta dawn l-istandards skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u l-Artikoli minn 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

    (22)

    Il-Kummissjoni jenħtieġ li tingħata wkoll is-setgħa li tadotta standards tekniċi ta' implimentazzjoni permezz ta' atti ta' implimentazzjoni skont l-Artikolu 291 tat-TFUE u skont l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 fir-rigward tar-rekwiżiti tan-notifika tal-SPEs qabel il-ħruġ tal-SBBSs.

    (23)

    Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata setgħat ta' implimentazzjoni biex tiddeċiedi jekk il-bonds sovrani ta' Stat Membru għandhomx jitneħħew jew jiġu inklużi fil-portafoll sottostanti tal-SBBSs u jekk għandux jinbidel id-daqs tas-segment superjuri tal-SBBSs fil-futur. Jenħtieġ li dawn is-setgħat jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10).

    (24)

    Minħabba li l-għanijiet ta' dan ir-Regolament, jiġifieri l-istabbiliment ta' qafas għall-SBBSs, ma jistgħux jinkisbu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri, billi l-materjalizzazzjoni ta' suq tal-SBBSs tiddependi mit-tneħħija ta' ostakli li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u billi kundizzjonijiet ekwi fis-suq intern għall-investituri istituzzjonali u l-entitajiet kollha involuti fl-operat tal-SBBSs jistgħu jintlaħqu biss fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, f'konformità mal-prinċipju ta' sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F'konformità mal-prinċipju ta' proporzjonalità kif stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-għanijiet.

    ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

    Kapitolu 1

    Suġġett, kamp ta' applikazzjoni u definizzjonijiet

    Artikolu 1

    Suġġett

    Dan ir-Regolament jistabbilixxi qafas ġenerali għat-titoli koperti minn bonds sovrani.

    Artikolu 2

    Kamp ta' applikazzjoni

    Dan ir-Regolament japplika għal xerrejja oriġinali, entitajiet bi skop speċjali, investituri u kwalunkwe entità oħra involuta fil-ħruġ jew iż-żamma tal-SBBSs.

    Artikolu 3

    Definizzjonijiet

    Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    (1)

    “awtorità kompetenti” tfisser awtorità pubblika jew korp rikonoxxut uffiċjalment bil-liġi nazzjonali li jkollhom is-setgħa bil-liġi nazzjonali jew tal-Unjoni li jwettqu l-kompiti stabbiliti f'dan ir-Regolament.

    (2)

    “bond sovran” tfisser kwalunkwe strument ta' dejn maħruġ mill-gvern ċentrali ta' Stat Membru li jkun denominat u ffinanzjat fil-munita domestika ta' dak l-Istat Membru u jkollu maturità oriġinali ta' sena jew aktar;

    (3)

    “titolu kopert minn bonds sovrani” jew “SBBS” tfisser strument finanzjarju denominat f'euro li r-riskju ta' kreditu tiegħu jkun assoċjat mal-iskoperturi għal portafoll ta' bonds sovrani u li jkun konformi ma' dan ir-Regolament;

    (4)

    “entità bi skop speċjali” jew “SPE” tfisser persuna ġuridika li ma tkunx ix-xerrej oriġinali u li toħroġ l-SBBSs u twettaq l-attivitajiet relatati mal-portafoll sottostanti ta' bonds sovrani skont l-Artikoli 7 u 8 ta' dan ir-Regolament;

    (5)

    “xerrej oriġinali” tfisser persuna ġuridika li tixtri bonds sovrani f'isimha stess u sussegwentement tittrasferixxi dawk il-bonds sovrani lil SPE bl-iskop li toħroġ SBBSs;

    (6)

    “investitur” tfisser persuna fiżika jew ġuridika li jkollha SBBS;

    (7)

    “segment” tfisser segment stabbilit kuntrattwalment tar-riskju tal-kreditu assoċjat mal-portafoll sottostanti ta' bonds sovrani tal-SBBSs u li jġorr riskju ta' telf ta' kreditu akbar jew iżgħar minn pożizzjoni tal-istess ammont f'segment ieħor ta' dak ir-riskju ta' kreditu;

    (8)

    “segment superjuri” tfisser is-segment fi ħruġ ta' SBBSs li jġarrab telf wara li s-segmenti subordinati kollha ta' dak l-SBBS ikunu għamlu hekk;

    (9)

    “segment subordinat” tfisser kwalunkwe segment fi ħruġ ta' SBBSs li jġarrab telf qabel is-segment superjuri;

    (10)

    “segment inferjuri” tfisser is-segment fi ħruġ ta' SBBSs li jġarrab telf qabel kwalunkwe segment ieħor.

    Kapitolu 2

    Kompożizzjoni, maturità u struttura tal-SBBSs

    Artikolu 4

    Kompożizzjoni tal-portafoll sottostanti

    1.   Il-portafoll sottostanti tal-ħruġ ta' SBBSs għandu jikkonsisti biss f'dan li ġej:

    (a)

    bonds sovrani ta' Stati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro;

    (b)

    il-qligħ mit-tifdija ta' dawk il-bonds sovrani.

    2.   Il-piż tal-bonds sovrani ta' kull Stat Membru fil-portafoll sottostanti tal-SBBSs (“piż bażi”) għandu jkun daqs il-piż relattiv tal-kontribuzzjoni mogħtija minn dak l-Istat Membru lill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) skont il-kjavi għas-sottoskrizzjoni tal-kapital imħallas tal-BĊE mill-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri, kif stabbilit fl-Artikolu 29 tal-Protokoll dwar l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

    Madankollu l-SPEs jistgħu jiddevjaw mill-valur nominali tal-bonds sovrani ta' kull Stat Membru, kif mogħti bl-applikazzjoni tal-piż bażi, b'massimu ta' għaxra fil-mija.

    3.    Wara li jiġi ċċertifikat l-ewwel SBBS, l-ESMA għandha, mingħajr dewmien żejjed, tibda tissorvelja u tivvaluta kontinwament jekk teżistix xi waħda mis-sitwazzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    matul it-12-il xahar ta' qabel (“perjodu ta' referenza”), l-Istat Membru jkun ħareġ inqas minn nofs l-ammont ta' bonds sovrani li jirriżultaw mill-piż relattiv tiegħu determinat skont il-paragrafu  2 , immultiplikat bl-ammont aggregat tal-SBBSs maħruġa fit-tnax-il xahar qabel il-perjodu ta' referenza;

    (aa)

    il-ħruġ ta' SBBSs kellu impatt negattiv sinifikanti fuq il-likwidità tas-suq tal-bonds sovrani ta' Stat Membru inklużi fil-portafoll sottostanti;

    (b)

    matul it-12-il xahar ta' qabel, l-Istat Membru jkun iffinanzja mill-inqas nofs ir-rekwiżiti finanzjarji annwali tiegħu permezz ta' assistenza finanzjarja uffiċjali b'appoġġ għall-implimentazzjoni ta' programm ta' aġġustament makroekonomiku kif speċifikat fl-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 472/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11) , jew għal xi raġuni l-Istat Membru ma jkunx għadu jgawdi aċċess għas-suq .

    Għall-finijiet tal-punt (aa) tal-ewwel subparagrafu, il-“likwidità tas-suq” għandha tiġi ddeterminata billi jitqiesu – bħala kriterji minimi – l-evidenza tal-wisa' u l-profondità tas-suq fit-tliet xhur ta' qabel, kif ippruvata minn marġni baxx bejn it-talbiet u l-offerti, volum ta' negozjar għoli u għadd kbir u varjat ta' parteċipanti fis-suq.

    Għall-finijiet tal-punt (aa) tal-ewwel subparagrafu, sa … [sitt xhur wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament] il-Kummissjoni għandha tadotta att delegat skont l-Artikolu 24a biex tipprovdi definizzjoni ċara u metodu ta' kalkolu tal-“likwidità tas-suq” għall-finijiet ta' dan ir-Regolament.

    Għall-finijiet tal-punt (b) tal-ewwel subparagrafu, sa … [sitt xhur wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament] il-Kummissjoni għandha tadotta att delegat skont l-Artikolu 24a biex tissupplimenta dan ir-Regolament billi tiddetermina l-kriterji li bihom l-ESMA għandha tivvaluta jekk Stat Membru jkunx għadu jgawdi aċċess għas-suq.

    3a.     L-ESMA għandha tissorvelja u tivvaluta kontinwament jekk Stat Membru li l-bonds sovrani tiegħu jkunu inklużi fil-portafoll sottostanti ta' SBBS ikunx għadu jgawdi aċċess għas-suq jew ikunx daħal fi programm ta' aġġustament makroekonomiku, jekk il-ħruġ ta' SBBSs kellux impatt negattiv sinifikanti fuq il-likwidità tas-suq u jekk il-piżijiet bażi tal-Istati Membri b'disponibbiltà limitata ta' bonds sovrani jimpedixxux il-ħruġ ta' SBBSs ġodda, jew jekk xi waħda minn dawn is-sitwazzjonijiet tkunx waqfet teżisti.

    Jekk, f'konsultazzjoni mal-BERS, issib li tapplika xi waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fil-punt (a) jew (aa) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 3, l-ESMA tista' titlob lill-Kummissjoni taġġusta l-piżijiet bażi tal-bonds tal-Istati Membri inklużi fil-portafoll sottostanti.

    Jekk, f'konsultazzjoni mal-BERS, issib li tapplika xi waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 3, l-ESMA tista' titlob lill-Kummissjoni teskludi lill-Istat Membru mill-portafoll sottostanti ta' SBBS jew taġġusta l-piżijiet bażi tal-bonds tal-Istati Membri inklużi fil-portafoll sottostanti.

    Jekk, f'konsultazzjoni mal-BERS, issib li xi waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fil-punti minn (a) sa (b) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 3 ma tkunx għadha teżisti, l-ESMA tista' titlob lill-Kummissjoni terġa' tintegra l-bonds tal-Istat Membru fil-portafoll sottostanti ta' SBBS u taġġusta l-piżijiet bażi tal-bonds tal-Istati Membri inklużi fil-portafoll sottostanti.

    Fi żmien 48 siegħa mit-talba msemmija fit-tieni, it-tielet u r-raba' subparagrafi, u abbażi tar-raġunijiet u l-evidenza pprovduti mill-ESMA, il-Kummissjoni għandha tagħmel waħda minn dawn li ġejjin:

    (a)

    tadotta att ta' implimentazzjoni li jeskludi l-bonds sovrani tal-Istat Membru mill-portafoll sottostanti tal-SBBSs jew jaġġusta l-piżijiet bażi tal-Istati Membri rilevanti;

    (b)

    tadotta att ta' implimentazzjoni li jirrifjuta l-esklużjoni jew l-aġġustament tal-piżijiet bażi tal-Istati Membri rilevanti; jew

    (c)

    tadotta att ta' implimentazzjoni li jerġa' jintegra l-bonds tal-Istat Membru fil-portafoll sottostanti ta' SBBS u jaġġusta l-piżijiet bażi tal-bonds tal-Istati Membri inklużi fil-portafoll sottostanti kif ikun xieraq.

    3b.     Kwalunkwe att ta' implimentazzjoni adottat skont il-paragrafu 3a ta' dan l-Artikolu għandu jiġi adottat f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 26(2).

    Jekk Stat Membru jiġi eskluż mill-portafoll sottostanti ta' SBBS wara att ta' implimentazzjoni skont il-paragrafu 3a, il-piżijiet bażi tal-bonds sovrani tal-bqija tal-Istati Membri għandhom jiġu ddeterminati billi jiġu esklużi l-bonds sovrani tal-Istat Membru msemmi fil-paragrafu 3a u jiġi applikat il-metodu ta' kalkolu stabbilit fil-paragrafu 2. Jekk ikun applikabbli att ta' implimentazzjoni skont il-paragrafu 3a u jiġu aġġustati l-piżijiet bażi, dawn għandhom jiġu applikati f'konformità mal-att ta' implimentazzjoni.

    L-esklużjoni jew l-aġġustament għandhom ikunu validi għal perjodu inizjali ta' xahar. Wara konsultazzjoni mal-ESMA, il-Kummissjoni tista' testendi l-esklużjoni jew l-aġġustament tal-piżijiet bażi msemmija f'dan l-Artikolu għal perjodi addizzjonali ta' xahar permezz ta' att ta' implimentazzjoni. L-esklużjoni jew l-aġġustament jiskadu awtomatikament jekk ma jiġġeddux sa tmiem il-perjodu inizjali jew sa tmiem kwalunkwe perjodu ta' tiġdid sussegwenti.

    3c.     Il-BĊE għandu jiġi infurmat fil-ħin bi kwalunkwe deċiżjoni meħuda skont il-paragrafi 3a u 3b.

    Artikolu 5

    Maturità tal-assi sottostanti

    1.   Is-segmenti tal-SBBSs li huma parti mill-istess ħruġ għandu jkollhom data ta' maturità oriġinali waħda. Din id-data ta' maturità għandha tkun ugwali għal jew sa jum aktar mill-maturità residwa tal-bond sovran bl-itwal maturità residwa fil-portafoll sottostanti.

    2.   Il-maturità residwa ta' kwalunkwe bond sovran fil-portafoll sottostanti ta' SBBSs ma għandhiex tkun iqsar b'aktar minn sitt xhur mill-maturità residwa tal-bond tal-gvern bl-itwal maturità residwa f'dan il-portafoll.

    Artikolu 6

    Struttura tas-segmenti, pagament u telf

    1.   Il-ħruġ ta' SBBSs għandha tkun magħmula minn segment wieħed superjuri u segment subordinat wieħed jew aktar. Il-valur nominali pendenti tas-segment superjuri għandu jkun 70 fil-mija tal-valur nominali pendenti tal-ħruġ kollu ta' SBBSs. In-numru u l-valuri nominali pendenti tas-segmenti subordinati għandhom jiġu ddeterminati mill-SPE, soġġetti għal-limitazzjoni li l-valur nominali tas-segment inferjuri jkun mill-inqas ħamsa fil-mija tal-valur nominali pendenti tal-ħruġ kollu ta' SBBSs.

    2.   Jekk żviluppi avversi jfixklu serjament il-funzjonament tas-swieq tad-dejn tal-gvern fi Stat Membru jew fl-Unjoni, u jekk dan it-tfixkil ikun ġie kkonfermat mill-Kummissjoni skont il-paragrafu 4, l-SPEs għandhom ibaxxu l-valur nominali pendenti tas-segment superjuri għal sittin fil-mija għal kwalunkwe SBBS maħruġ wara dik il-konferma.

    Jekk il-Kummissjoni, skont il-paragrafu 4, tkun ikkonfermat li dak it-tfixkil ma jkunx għadu jeżisti, il-paragrafu 1 jibda japplika għall-SBBSs kollha maħruġa wara dik il-konferma.

    3.   L-ESMA għandha timmonitorja u tivvaluta jekk is-sitwazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 teżistix jew tkunx waqfet teżisti u tinforma lill-Kummissjoni b'dan.

    4.   Il-Kummissjoni tista' tadotta att ta' implimentazzjoni li jistabbilixxi li t-tfixkil imsemmi fil-paragrafu 2 jeżistix jew ikunx waqaf jeżisti. Dan l-att ta' implimentazzjoni għandu jkun adottat skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 26(2).

    5.   Il-pagamenti skont l-SBBS għandhom ikunu dipendenti fuq il-pagamenti tal-portafoll sottostanti ta' bonds sovrani.

    6.   Id-distribuzzjoni tat-telf u l-ordni tal-pagamenti għandhom jiġu stabbiliti mis-segment tal-SBBS u għandhom ikunu fissi għaċ-ċiklu kollu tal-ħajja tal-SBBS.

    It-telf għandu jiġi rikonoxxut u assenjat hekk kif jimmaterjalizza.

    Artikolu 7

    Ħruġ ta' SBBSs u obbligi tal-SPEs

    1.   L-SPEs għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti kollha li ġejjin:

    (a)

    ikunu stabbiliti fl-Unjoni;

    (b)

    l-attivitajiet tagħhom ikunu limitati għall-ħruġ u l-manutenzjoni ta' SBBSs u l-immaniġġjar tal-portafoll sottostanti ta' dawk l-SBBSs skont l-Artikoli 4, 5, 6 u 8;

    (c)

    L-SPEs huma responsabbli esklużivament għall-provvista tas-servizzi u l-attivitajiet imsemmija fil-punt (b).

    2.   L-SPEs għandu jkollhom pussess sħiħ tal-portafoll sottostanti tal-SBBSs.

    Il-portafoll sottostanti tal-ħruġ ta' SBBSs għandu jikkostitwixxi arranġament finanzjarju kollaterali ta' sigurtà kif definit fl-Artikolu 2(c) tad-Direttiva 2002/47/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12) li jiżgura l-obbligi finanzjarji tal-SPE lejn l-investituri fl-SBBSs.

    Iż-żamma tal-SBBS ta' ħruġ speċifiku ma għandhiex tagħti xi drittijiet jew pretensjonijiet fuq l-assi tas-SPE li toħroġ l-SBBSs li jmorru lil hinn mill-portafoll sottostanti ta' dak il-ħruġ u d-dħul iġġenerat miż-żamma ta' dak l-SBBS.

    Kwalunkwe tnaqqis fil-valur jew qligħ tal-portafoll sottostanti ta' bonds sovrani ma għandux iwassal għal pretensjoni ta' responsabbiltà min-naħa tal-investituri.

    3.   SPE għandha żżomm ir-rekords u l-kontijiet sabiex:

    (a)

    tissegrega l-assi u r-riżorsi finanzjarji tagħha stess minn dawk tal-portafoll sottostanti tal-SBBSs u l-qligħ relatat;

    (b)

    tissegrega l-portafolli sottostanti u l-qligħ ta' ħarġiet differenti ta' SBBSs;

    (c)

    tissegrega l-pożizzjonijiet miżmuma minn investituri jew intermedjarji differenti;

    (d)

    tivverifika li fi kwalunkwe ħin in-numru ta' SBBS ta' ħruġ wieħed ikun ugwali għas-somma tal-SBBSs miżmuma mill-investituri jew l-intermedjarji kollha f'dak il-ħruġ;

    (e)

    tivverifika li l-valur nominali pendenti tal-SBBS ta' ħruġ wieħed ikun ugwali għall-valur nominali pendenti tal-portafoll sottostanti ta' bonds sovrani ta' dak il-ħruġ.

    4.   L-SPEs għandhom iżommu l-bonds sovrani msemmija fl-Artikolu 4(1)(a) taħt kustodja, kif permess skont il-punt (1) tat-Taqsima B tal-Anness I għad-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13) u l-punt (2) tat-Taqsima A tal-Anness għar-Regolament (UE) Nru 909/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14) f'banek ċentrali, depożitorji ċentrali tat-titoli, istituzzjonijiet ta' kreditu awtorizzati jew ditti tal-investiment awtorizzati biss.

    4a.     L-Istati Membri għandhom jiżguraw li ż-żamma ta' bonds sovrani mill-SPEs tgawdi l-istess trattament bħal kwalunkwe żamma oħra tal-istess bond sovran jew bonds sovrani oħra maħruġa bl-istess termini.

    Artikolu 8

    Politika ta' investiment

    1.   SPE għandha tinvesti l-pagamenti tal-kapital jew tal-imgħax mill-bonds sovrani msemmija fl-Artikolu 4(1)(a) li jkunu dovuti qabel pagamenti tal-kapital jew tal-imgħax taħt l-SBBS fi flus kontanti biss jew ekwivalenti ta' flus kontanti denominati f'euro li jkunu eliġibbli għal-likwidazzjoni fi żmien jum b'effett negattiv minimu tal-prezz.

    SPE għandha żżomm f'kustodja, kif permess skont il-punt (1) tat-Taqsima B tal-Anness I għad-Direttiva 2014/65/UE u l-punt (2) tat-Taqsima A tal-Anness għar-Regolament (UE) Nru 909/2014 il-pagamenti msemmija fl-ewwel subparagrafu f'banek ċentrali, depożitorji ċentrali tat-titoli, istituzzjonijiet ta' kreditu awtorizzati jew ditti tal-investiment awtorizzati biss.

    2.   SPE ma għandhiex tbiddel il-portafoll sottostanti ta' SBBS sal-maturità ta' dak l-SBBS.

    3.   L-ESMA għandha tiżviluppa abbozzi ta' standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw f'aktar dettall l-istrumenti finanzjarji li jistgħu jitqiesu likwidi ħafna b'livell minimu ta' riskju tas-suq u tal-kreditu kif imsemmi fil-paragrafu 1. L-ESMA għandha tippreżenta dawn l-abbozzi ta' standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni fi żmien [sitt xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament].

    Qed tiġi delegata lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont il-proċedura stabbilita fl-Artikoli minn 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

    Kapitolu 3

    Użu tad-denominazzjoni SBBS u obbligi ta' notifika, trasparenza u informazzjoni

    Artikolu 9

    Użu tad-denominazzjoni “Titoli Koperti minn Bonds Sovrani”

    Id-denominazzjoni “Titoli Koperti minn Bonds Sovrani” jew “SBBS” għandha tintuża biss għall-prodotti finanzjarji li jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

    (a)

    il-prodott finanzjarju jkun konformi b'mod kontinwu mal-Artikoli 4, 5 u 6;

    (aa)

    l-SPE tkun konformi b'mod kontinwu mal-Artikoli 7 u 8;

    (b)

    l-ESMA tkun iċċertifikat dan il-prodott finanzjarju skont l-Artikolu 10(1) u l-prodott finanzjarju jkun ġie inkluż fil-lista msemmija fl-Artikolu 10(2).

    Artikolu 10

    Obbligi ta' notifika tal-SBBS

    1.   SPE għandha tressaq applikazzjoni għaċ-ċertifikazzjoni ta' ħruġ ta' SBBSs billi tinnotifika lill-ESMA mill-inqas ġimgħa qabel il-ħruġ tal-SBBSs – permezz tal-mudell imsemmi fil-paragrafu 5 ta' dan l-Artikolu – li l-ħruġ tal-SBBSs jissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikoli 4, 5 u 6. L-ESMA għandha tinforma b'dan lill-awtorità kompetenti tal-SPE mingħajr dewmien żejjed.

    1a.     In-notifika prevista fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandha tinkludi spjegazzjoni min-naħa tal-SPE ta' kif tkun issodisfat kull wieħed mir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 4, 5, 6, 7 u 8.

    1b.     L-ESMA għandha tiċċertifika l-ħruġ ta' SBBSs meta tkun sodisfatta għalkollox li l-SPE applikanti u l-ħruġ tal-SBBSs jissodisfaw ir-rekwiżiti kollha stabbiliti f'dan ir-Regolament. L-ESMA għandha tinforma lill-SPE applikanti mingħajr dewmien żejjed dwar jekk ċertifikazzjoni tkunx ingħatat jew tkunx ġiet rifjutata.

    2.   L-ESMA għandha żżomm lista tal-SBBSs kollha li jkunu ġew iċċertifikati mill-ESMA fuq is-sit web uffiċjali tagħha. L-ESMA għandha taġġorna dik il-lista istantanjament u tneħħi kwalunkwe SBBS li ma jkunx għadu meqjus bħala SBBS wara deċiżjoni tal-ESMA skont l-Artikolu 15.

    3.   ▌L-ESMA għandha tindika minnufih fuq il-lista msemmija fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu kull meta tkun imponiet xi sanzjonijiet amministrattivi msemmija fl-Artikolu 16 li minnhom ma jistax isir appell, b'rabta mal-SBBS ikkonċernat.

    3a.     L-ESMA għandha tirtira ċ-ċertifikazzjoni għal ħruġ ta' SBBSs meta tkun issodisfata xi waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    l-SPE tkun irrinunzjat b'mod ċar għaċ-ċertifikazzjoni jew ma użathiex fi żmien sitt xhur wara li tkun ingħatat iċ-ċertifikazzjoni;

    (b)

    l-SPE tkun kisbet iċ-ċertifikazzjoni billi għamlet dikjarazzjonijiet foloz jew bi kwalunkwe mezz irregolari ieħor;

    (c)

    il-ħruġ tal-SBBS ma jibqax jissodisfa l-kundizzjonijiet li kien iċċertifikat bihom.

    L-irtirar taċ-ċertifikazzjoni għandu jkollu effett immedjat fl-Unjoni kollha.

    4.   L-ESMA għandha tiżviluppa abbozzi ta' standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1.

    L-ESMA għandha tippreżenta dawn l-abbozzi ta' standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni fi żmien … [sitt xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament].

    Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija f'dan il-paragrafu skont l-Artikoli minn 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

    5.   L-ESMA għandha tiżviluppa abbozzi ta' standards tekniċi ta' implimentazzjoni biex tistabbilixxi l-mudelli li għandhom jintużaw għall-provvista tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1.

    L-ESMA għandha tippreżenta dawn l-abbozzi ta' standards tekniċi ta' implimentazzjoni lill-Kummissjoni fi żmien … [sitt xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament].

    Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi ta' implimentazzjoni msemmija f'dan il-paragrafu skont l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

    Artikolu 11

    Obbligi ta' trasparenza

    1.   L-SPE għandha, mingħajr dewmien, tipprovdi lill-investituri u  lill-ESMA l-informazzjoni li ġejja:

    (a)

    informazzjoni dwar il-portafoll sottostanti li tkun essenzjali biex jiġi vvalutat jekk il-prodott finanzjarju jissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikoli 4, 5 u 6;

    (b)

    deskrizzjoni dettaljata tal-prijorità tal-pagamenti tas-segmenti tal-SBBSs;

    (c)

    jekk ma jkun tfassal l-ebda prospett f'konformità mal-Artikoli 1(4), 1(5) jew 3(2) tar-Regolament (UE) 2017/1129 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15), ħarsa ġenerali tal-karatteristiċi ewlenin tal-SBBS, inkluż, fejn applikabbli, dettalji dwar il-karatteristiċi tal-iskopertura, il-flussi tal-flus u l-kaskata tat-telf;

    (d)

    in-notifika u ċ-ċertifikazzjoni msemmija fl-Artikolu 10(1) u fl-Artikolu 10(1b) rispettivament .

    L-informazzjoni msemmija fil-punt (a) ta' dan il-paragrafu għandha tkun disponibbli mhux aktar tard minn xahar wara d-data ta' maturità għall-pagament tal-imgħax tal-SBBS.

    2.   SPE għandha tagħmel l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 disponibbli fuq sit web li:

    (a)

    ikollu sistema ta' kontroll tal-kwalità tad-data li tiffunzjona tajjeb;

    (b)

    ikun soġġett għal standards ta' governanza xierqa u jinżamm u jitħaddem skont struttura organizzattiva li tiżgura l-kontinwità u l-funzjonament tajjeb tas-sit web;

    (c)

    ikun soġġett għal sistemi, kontrolli u proċeduri li jidentifikaw is-sorsi rilevanti kollha ta' riskju operazzjonali;

    (d)

    jinkludi sistemi li jiżguraw il-protezzjoni u l-integrità tal-informazzjoni riċevuta u r-reġistrazzjoni fil-pront ta' dik l-informazzjoni;

    (e)

    jagħmilha possibbli li jinżammu r-rekords tal-informazzjoni għal mill-inqas ħames snin wara d-data tal-maturità ta' kull ħruġ ta' SBBSs.

    L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 u l-post fejn tkun disponibbli l-informazzjoni għandhom jiġu indikati mill-SPE fid-dokumentazzjoni pprovduta lill-investituri dwar l-SBBSs.

    Artikolu 12

    Obbligi ta' informazzjoni

    1.   Qabel ma jittrasferixxi SBBS, it-trasferent għandu jipprovdi liċ-ċessjonarju l-informazzjoni kollha li ġejja:

    (a)

    il-proċedura biex jiġi allokat il-qligħ mill-portafoll sottostanti ta' bonds sovrani għas-segmenti differenti tal-SBBSs, inkluż wara jew b'antiċipazzjoni ta' nuqqas ta' pagament fuq l-assi sottostanti;

    (b)

    kif għandhom jiġu assenjati d-drittijiet tal-vot fuq offerta ta' skambju wara jew b'antiċipazzjoni ta' nuqqas ta' pagament fuq kwalunkwe bonds sovrani fil-portafoll sottostanti lill-investituri u kif kwalunkwe telf minn nuqqas ta' pagament ta' dejn għandu jiġi allokat bejn is-segmenti differenti tal-SBBSs.

    2.   L-ESMA għandha tiżviluppa abbozzi ta' standards tekniċi regolatorji biex tispeċifika l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1.

    L-ESMA għandha tippreżenta dawn l-abbozzi ta' standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni fi żmien [sitt xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament].

    Qed tiġi delegata lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont il-proċedura stabbilita fl-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

    Kapitolu 4

    Sorveljanza tal-prodott

    Artikolu 13

    Superviżjoni mill-ESMA

    1.    L-ESMA għandha tkun l-awtorità kompetenti ▌biex tissorvelja l-konformità tal-SPEs mal-obbligi stabbiliti f'dan ir-Regolament.

    2.    L-ESMA għandu jkollha s-setgħat superviżorji, investigattivi u ta' sanzjonar biex twettaq dmirijietha skont dan ir-Regolament.

    L-ESMA għandu jkollha s-setgħa li, tal-inqas:

    (a)

    titlob aċċess għal kwalunkwe dokument fi kwalunkwe forma sa fejn ikun relatat mal-SBBSs, u li tirċievi jew tieħu kopja tagħhom;

    (b)

    tesiġi li l-SPE tipprovdi informazzjoni mingħajr dewmien;

    (c)

    tesiġi informazzjoni mingħand kwalunkwe persuna relatata mal-attivitajiet tal-SPE;

    (d)

    twettaq spezzjonijiet fil-post b'avviż minn qabel jew mingħajru;

    (e)

    tieħu miżuri xierqa biex tiżgura li SPE tkompli tirrispetta dan ir-Regolament;

    (f)

    toħroġ ordni biex tiżgura li SPE tkun konformi ma' dan ir-Regolament u tieqaf milli tirrepeti kwalunkwe mġiba li tikser dan ir-Regolament.

    Artikolu 14

    Kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti u l-ESMA

    1.   L-awtoritajiet kompetenti responsabbli mis-superviżjoni tal-entitajiet li jiġbru SBBSs jew involuti b'mod ieħor fis-suq tal-SBBSs u l-ESMA għandhom jikkooperaw mill-qrib u jiskambjaw informazzjoni biex iwettqu dmirijiethom. B'mod partikolari, għandhom jikkoordinaw mill-qrib is-superviżjoni tagħhom biex jidentifikaw u jirrimedjaw il-ksur ta' dan ir-Regolament, jiżviluppaw u jippromwovu l-aħjar prattiki, jiffaċilitaw il-kollaborazzjoni, jinkoraġġixxu l-konsistenza fl-interpretazzjoni u jipprovdu valutazzjonijiet ta' ġurisdizzjoni transfruntiera f'każ ta' kwalunkwe nuqqas ta' qbil.

    Biex tiffaċilita l-użu tas-setgħat tal-awtoritajiet kompetenti u tiżgura l-applikazzjoni u l-infurzar konsistenti tal-obbligi stabbiliti f'dan ir-Regolament, l-ESMA għandha taġixxi skont is-setgħat stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

    2.   Awtorità kompetenti li jkollha raġunijiet ċari u dimostrabbli li SPE tkun qed tikser dan ir-Regolament għandha tinforma minnufih b'mod dettaljat lill-ESMA . L-ESMA għandha tieħu l-miżuri xierqa, inkluża d-deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 15.

    3.   Jekk l-SPE tippersisti li taġixxi b'mod li jkun qed jikser dan ir-Regolament b'mod ċar minkejja l-miżuri meħuda mill-ESMA , l-ESMA tista' ▌tieħu l-miżuri xierqa kollha biex tipproteġi lill-investituri, inkluż li tipprojbixxi lill-SPE milli twettaq aktar kummerċjalizzazzjoni tal-SBBSs fit-territorju tagħha u tieħu d-deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 15.

    Artikolu 15

    Użu ħażin tad-denominazzjoni tal-SBBS

    1.   Jekk ikun hemm raġunijiet biex wieħed jemmen li SPE bi ksur tal-Artikolu 9 tkun użat id-denominazzjoni “SBBS” biex tqiegħed fis-suq prodott li ma jkunx konformi mar-rekwiżiti stabbiliti f'dak l-Artikolu, l-ESMA għandha ssegwi l-proċedura stipulata fil-paragrafu 2.

    2.   Fi żmien 15-il jum wara li tkun saret taf bil-ksur possibbli msemmi fil-paragrafu 1, l-ESMA għandha tiddeċiedi jekk l-Artikolu 9 jkunx inkiser u għandha tinnotifika lill-awtoritajiet kompetenti rilevanti l-oħra b'dan, inklużi l-awtoritajiet kompetenti tal-investituri, meta dawk ikunu magħrufa. ▌

    Jekk l-ESMA ssib li l-ksur mill-SPE jkun relatat ma' nuqqas ta' konformità mal-Artikolu 9 in bona fede, tista' tiddeċiedi li tagħti lill-SPE perjodu massimu ta' xahar biex tirrimedja l-ksur identifikat, li jibda mill-jum li fih l-SPE tkun ġiet infurmata bil-ksur min-naħa tal-ESMA . Matul dak il-perjodu, SBBS li jidher fil-lista miżmuma mill-ESMA skont l-Artikolu 10(2) għandu jibqa' jitqies bħala SBBS u għandu jinżamm f'dik il-lista.

    3.   L-ESMA għandha tiżviluppa abbozz ta' standards tekniċi regolatorji biex tispeċifika l-obbligi ta' kooperazzjoni u l-informazzjoni li għandha tiġi skambjata skont il-paragrafi 1 u 2.

    L-ESMA għandha tippreżenta dawn l-abbozzi ta' standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni fi żmien [sitt xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament].

    Qed tiġi delegata lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija f'dan il-paragrafu skont l-Artikoli minn 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

    Artikolu 16

    Miżuri ta' rimedju u sanzjonijiet amministrattivi

    1.   Mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Istati Membri li jistabbilixxu sanzjonijiet kriminali skont l-Artikolu 17, l-ESMA għandha timponi fuq l-SPE jew il-persuna fiżika li timmaniġġa l-SPE l-miżuri xierqa ta' rimedju, inkluża d-deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 15 u s-sanzjonijiet amministrattivi xierqa stabbiliti fil-paragrafu 3 meta l-SPEs:

    (a)

    ikunu naqsu milli jikkonformaw mal-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 7 u 8;

    (b)

    ikunu naqsu milli jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 9, anki meta ma jkunux innotifikaw lill-ESMA skont l-Artikolu 10(1) jew ikunu għamlu notifika qarrieqa;

    (c)

    ikunu naqsu milli jissodisfaw l-obbligi tat-trasparenza tal-Artikolu 11.

    2.   Is-sanzjonijiet amministrattivi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu mill-inqas dawn li ġejjin:

    (a)

    dikjarazzjoni pubblika li tindika l-identità tal-persuna fiżika jew ġuridika li tkun wettqet il-ksur u n-natura tal-ksur;

    (b)

    ordni li tesiġi li l-persuna fiżika jew ġuridika li tkun wettqet il-ksur twaqqaf l-imġiba u ma tirrepetix dik l-imġiba;

    (c)

    projbizzjoni temporanja li timpedixxi lil kwalunkwe membru tal-korp maniġerjali tal-SPE jew lil kwalunkwe persuna fiżika oħra miżmuma responsabbli għall-ksur milli jeżerċitaw funzjonijiet ta' ġestjoni fl-SPEs;

    (d)

    fil-każ ta' ksur kif imsemmi fil-punt (b) tal-paragrafu 1, projbizzjoni temporanja fuq l-SPE milli tagħmel notifika kif imsemmi fl-Artikolu 10(1);

    (e)

    sanzjonijiet pekunarji amministrattivi ta' massimu ta' EUR 5 000 000, jew fi Stati Membri li l-munita tagħhom mhix l-euro, il-valur korrispondenti fil-munita nazzjonali fi [id-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament], jew ta' massimu ta' 10 % tal-fatturat nett annwali totali tal-SPE, kif stabbilit fil-kontijiet disponibbli l-aktar riċenti approvati mill-korp maniġerjali tal-SPE;

    (f)

    sanzjonijiet pekunarji amministrattivi ta' massimu ta' darbtejn l-ammont tal-benefiċċju miksub mill-ksur meta dak il-benefiċċju jkun jista' jiġi ddeterminat, anki meta dak il-benefiċċju jaqbeż l-ammonti massimi msemmija fil-punt (e).

    3.    L-ESMA , meta tiddetermina t-tip u l-livell tas-sanzjonijiet amministrattivi, għandha tqis il-punt sa fejn il-ksur kien intenzjonat jew jirriżulta minn negliġenza u ċ-ċirkostanzi rilevanti l-oħra kollha, inklużi, fejn xieraq:

    (a)

    il-materjalità, il-gravità u t-tul tal-ksur;

    (b)

    il-grad ta' responsabbiltà tal-persuna fiżika jew ġuridika responsabbli għall-ksur;

    (c)

    is-saħħa finanzjarja tal-persuna fiżika jew ġuridika responsabbli;

    (d)

    l-importanza tal-profitti miksuba jew it-telf evitat mill-persuna fiżika jew ġuridika responsabbli, sa fejn tali profitti jew telf ikunu jistgħu jiġu ddeterminati;

    (e)

    it-telf għal terzi persuni kkawżat mill-ksur;

    (f)

    il-livell ta' kooperazzjoni tal-persuna fiżika jew ġuridika responsabbli mal-awtorità kompetenti;

    (g)

    kwalunkwe ksur preċedenti min-naħa tal-persuna fiżika jew ġuridika responsabbli.

    4.    L-ESMA għandha tiżgura li kwalunkwe deċiżjoni li timponi miżuri ta' rimedju jew sanzjonijiet amministrattivi tkun motivata sewwa u tkun soġġetta għal dritt ta' appell.

    Artikolu 17

    Interazzjoni ma' sanzjonijiet kriminali

    L-Istati Membri li jkunu stabbilixxew sanzjonijiet kriminali għall-ksur imsemmi fl-Artikolu 16(1) għandhom jippermettu lill-ESMA tikkomunika mal-awtoritajiet ġudizzjarji, tal-prosekuzzjoni jew tal-ġustizzja kriminali fil-ġurisdizzjoni tagħhom, kif ukoll tirċievi mingħand l-awtoritajiet rilevanti , u tipprovdilhom, informazzjoni speċifika dwar investigazzjonijiet jew proċeduri kriminali mibdija għall-ksur imsemmi fl-Artikolu 16(1).

    Artikolu 18

    Pubblikazzjoni ta' sanzjonijiet amministrattivi

    1.    L-ESMA għandha tippubblika fuq is-sit web tagħha kwalunkwe deċiżjoni li timponi sanzjoni amministrattiva li fir-rigward tagħha ma jkunx għad hemm dritt ta' appell u li tkun imposta għall-ksur kif imsemmi fl-Artikolu 16(1) mingħajr dewmien żejjed u wara li tkun ġiet infurmata l-persuna kkonċernata.

    Il-pubblikazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tinkludi informazzjoni dwar it-tip u n-natura tal-ksur, l-identità tal-persuna fiżika jew ġuridika li fuqha tkun ġiet imposta s-sanzjoni amministrattiva.

    2.    L-ESMA għandha tippubblika s-sanzjoni amministrattiva fuq bażi anonima ▌fi kwalunkwe waħda miċ-ċirkostanzi li ġejjin:

    (a)

    meta s-sanzjoni amministrattiva tiġi imposta fuq persuna fiżika u, wara valutazzjoni minn qabel, jinstab li l-pubblikazzjoni tad-data personali tkun sproporzjonata;

    (b)

    meta l-pubblikazzjoni tipperikola l-istabbiltà tas-swieq finanzjarji jew ta' investigazzjoni kriminali li tkun għadha għaddejja;

    (c)

    meta l-pubblikazzjoni tikkawża ħsara sproporzjonata lill-SPE jew lill-persuni fiżiċi involuti.

    Alternattivament, meta ċ-ċirkostanzi msemmija fl-ewwel subparagrafu jkun hemm probabbiltà li jieqfu f'perjodu raġonevoli ta' żmien, il-pubblikazzjoni taħt il-paragrafu 1 tista' tiġi posposta għal tali perjodu ta' żmien.

    3.    L-ESMA għandha tiżgura li l-informazzjoni ppubblikata skont il-paragrafu 1 jew 2 tibqa' fuq is-sit web uffiċjali tagħha għal ħames snin. Id-data personali għandha tinżamm fuq is-sit web uffiċjali tal-ESMA għall-perjodu neċessarju biss.

    Artikolu 18a

    Tariffi superviżorji

    1.     L-ESMA għandha timponi tariffi fuq l-SPE f'konformità ma' dan ir-Regolament u f'konformità mal-atti delegati adottati skont il-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu. Dawk it-tariffi għandhom ikunu fi proporzjon mal-fatturat tal-SPE kkonċernata u għandhom ikopru għalkollox l-ispejjeż neċessarji tal-ESMA b'rabta mal-liċenzjar tal-SBBSs u s-superviżjoni tal-SPEs.

    2.     Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta att delegat f'konformità mal-Artikolu 24a biex tissupplimenta dan ir-Regolament billi tispeċifika f'aktar dettall it-tip ta' tariffi, il-materji li għalihom ikunu dovuti tariffi, l-ammont tat-tariffi u l-mod kif iridu jitħallsu.

    Artikolu 19

    Sorveljanza makroprudenzjali tas-suq tal-SBBSs

    Fil-limiti tal-mandat tiegħu stabbilit fir-Regolament (UE) Nru 1092/2010, il-BERS għandu jkun responsabbli mis-sorveljanza makroprudenzjali tas-suq tal-SBBSs tal-Unjoni u jaġixxi skont is-setgħat stabbiliti f'dak ir-Regolament. Jekk isib li s-swieq tal-SBBSs ikunu qed jippreżentaw riskju serju għall-funzjonament tajjeb tas-swieq għat-titoli ta' dejn sovran ta' dawk l-Istati Membri li l-munita tagħhom tkun l-euro, il-BERS għandu juża s-setgħat tiegħu skont l-Artikoli 16, 17 u 18 tar-Regolament (UE) Nru 1092/2010 kif xieraq.

    Kapitolu 4

    Setgħat ta' implimentazzjoni u dispożizzjonijiet finali

    Artikolu 21

    Emenda għad-Direttiva 2009/65/KE

    Fid-Direttiva 2009/65/KE jiddaħħal l-Artikolu 54a li ġej:

    “Artikolu 54a

    1.   Jekk l-Istati Membri japplikaw deroga kif imsemmi fl-Artikolu 54 jew jagħtu rinunzja kif imsemmi fl-Artikolu 56(3), l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-UCITS għandhom:

    (a)

    japplikaw l-istess deroga jew jagħtu l-istess rinunzja għall-UCITS biex jinvestu sa 100 % tal-assi tagħhom fl-SBBSs kif imfisser fl-Artikolu 3(3) [tiddaħħal ir-referenza tar-Regolament dwar l-SBBSs] tar-Regolament skont il-prinċipju ta' tixrid tar-riskju fejn dawk l-awtoritajiet kompetenti jqisu li t-titolari ta' unitajiet fl-UCITS ikollhom protezzjoni li tkun ekwivalenti għal dik tat-titolari ta' unitajiet f'UCITS li tikkonforma mal-limiti stabbiliti fl-Artikolu 52;

    (b)

    għandhom jirrinunzjaw l-applikazzjoni tal-paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu 56.

    2.   Sa … [sitt xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament dwar l-SBBSs], l-Istati Membri għandhom jadottaw, jippubblikaw u jikkomunikaw lill-Kummissjoni u lill-ESMA l-miżuri meħtieġa għall-konformità mal-paragrafu 1.”.

    Artikolu 22

    Emenda għad-Direttiva 2009/138/KE

    Fl-Artikolu 104 tad-Direttiva 2009/138/KE, jiżdied il-paragrafu 8 li ġej:

    “8.   Għall-finijiet tal-kalkolu tar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza Bażiku, l-iskoperturi għat-titoli koperti minn bonds sovrani kif definiti fl-Artikolu 3(3) tar-Regolament [tiddaħħal ir-referenza tar-Regolament dwar l-SBBSs] għandhom jiġu ttrattati bħala skoperturi għall-gvernijiet jew il-banek ċentrali tal-Istati Membri denominati u ffinanzjati fil-munita domestika tagħhom.

    Sa [sitt xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament dwar l-SBBSs], l-Istati Membri għandhom jadottaw, jippubblikaw u jikkomunikaw lill-Kummissjoni u lill-ESMA l-miżuri meħtieġa għall-konformità mal-ewwel subparagrafu.”.

    Artikolu 23

    Emendi għar-Regolament (UE) Nru 575/2013

    Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    fl-Artikolu 268, jiżdied il-paragrafu 5 li ġej:

    “5.   B'deroga mill-ewwel paragrafu, is-segment superjuri tat-titoli koperti minn bonds sovrani kif definiti fl-Artikolu 3(8) tar-Regolament [tiddaħħal ir-referenza tar-Regolament dwar l-SBBS] jistgħu dejjem jiġu ttrattati skont l-ewwel paragrafu ta' dan l-Artikolu.”;

    (2)

    fl-Artikolu 325, jiżdied il-paragrafu 4 li ġej:

    “4.   Għall-finijiet ta' dan it-Titolu, l-istituzzjonijiet għandhom jittrattaw l-iskoperturi fl-għamla tas-segment superjuri ta' titoli koperti minn bonds sovrani kif definiti fl-Artikolu 3(8) tar-Regolament [tiddaħħal ir-referenza tar-Regolament dwar l-SBBSs] bħala skoperturi għall-gvern ċentrali ta' Stat Membru.”;

    (3)

    fl-Artikolu 390(7), jiżdied is-subparagrafu li ġej:

    “L-ewwel subparagrafu għandu japplika għall-iskoperturi għat-titoli koperti minn bonds sovrani kif definiti fl-Artikolu 3(3) tar-Regolament [tiddaħħal ir-referenza tar-Regolament dwar l-SBBSs].”.

    Artikolu 24

    Emendi għad-Direttiva (UE) 2016/2341

    Fid-Direttiva (UE) 2016/2341, jiddaħħal l-Artikolu 18a li ġej:

    “Artikolu 18a

    Titoli Koperti minn Bonds Sovrani

    1.   Fir-regoli nazzjonali tagħhom dwar il-valutazzjoni tal-assi tal-IORPs, il-kalkolu tal-fondi proprji tal-IORPs u l-kalkolu ta' marġni ta' solvenza għall-IORPs, l-Istati Membri għandhom jittrattaw it-titoli koperti minn bonds sovrani, kif definiti fl-Artikolu 3(3) tar-Regolament [tiddaħħal ir-referenza tar-Regolament dwar l-SBBSs], bl-istess mod bħall-istrumenti ta' dejn sovran taż-żona tal-euro.

    2.   Sa [sitt xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament dwar l-SBBSs], l-Istati Membri għandhom jadottaw, jippubblikaw u jikkomunikaw lill-Kummissjoni u lill-ESMA l-miżuri meħtieġa għall-konformità mal-paragrafu 1.”.

    "Artikolu 24a

    Eżerċizzju tad-delega

    1.     Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.

    2.     Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati msemmija fit-tielet u r-raba' subparagrafi tal-Artikolu 4(3) u fl-Artikolu 18a(2) hija mogħtija lill-Kummissjoni għal perjodu ta' ħames snin minn … [id-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament]. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega ta' setgħa mhux iktar tard minn disa' xhur qabel it-tmiem tal-perjodu ta' ħames snin. Id-delega ta' setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perjodi ta' żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjona għal tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta' kull perjodu.

    3.     Id-delega tas-setgħa msemmija fit-tielet u r-raba' subparagrafi tal-Artikolu 4(3) u fl-Artikolu 18a(2) tista' tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta' setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fih. M'għandhiex taffettwa l-validità ta' kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

    4.     Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti nnominati minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.

    5.     Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill.

    6.     Att delegat adottat skont it-tielet u r-raba' subparagrafi tal-Artikolu 4(3) jew l-Artikolu 18a(2) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien tliet xhur min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b'xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

    Artikolu 25

    Klawżola ta' evalwazzjoni

    Mhux aktar kmieni minn ħames snin wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament u ladarba ssir disponibbli data suffiċjenti, il-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjoni ta' dan ir-Regolament li tivvaluta jekk tkunx laħqet l-objettivi tagħha biex telimina ostakli regolatorji mhux meħtieġa għall-iżvilupp tal-SBBSs.

    Artikolu 26

    Proċedura ta' kumitat

    1.   Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-Kumitat Ewropew tat-Titoli stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/528/KE (16). Dan il-Kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

    2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

    Artikolu 27

    Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi …,

    Il-President

    Għall-Parlament

    Il-President

    Ewropew Għall-Kunsill


    (1)  ĠU C , , p. .

    (2)  ĠU C 62, 15.2.2019, p. 113.

    (3)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta’ April 2019.

    (4)   Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).

    (5)  Id-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni ta' liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal-impriżi ta' investiment kollettiv f'titoli trasferibbli (UCITS) (ĠU L 302, 17.11.2009, p. 32).

    (6)  Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta' kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).

    (7)  Id-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2009 dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni (Solvibbiltà II) (ĠU L 335, 17.12.2009, p. 1).

    (8)  Id-Direttiva (UE) 2016/2341 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Diċembru 2016 dwar l-attivitajiet u s-superviżjoni ta' istituzzjonijiet għall-provvista ta' rtirar okkupazzjonali (IORPs) (ĠU L 354, 23.12.2016, p. 37).

    (9)   Ir-Regolament (UE) Nru 1092/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 dwar is-sorveljanza makroprudenzjali tal-Unjoni tas-sistema finanzjarja u li jistabbilixxi Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 1).

    (10)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

    (11)  Ir-Regolament (UE) Nru 472/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2013 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ekonomika u baġitarja tal-Istati Membri fiż-żona tal-euro li jesperjenzaw jew ikunu mhedda b'diffikultajiet gravi fir-rigward tal-istabbiltà finanzjarja tagħhom (ĠU L 140, 27.5.2013, p. 1).

    (12)  Id-Direttiva 2002/47/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Ġunju 2002 dwar arranġamenti finanzjarji kollaterali (ĠU L 168, 27.6.2002, p. 43).

    (13)  Id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349).

    (14)  Ir-Regolament (UE) Nru 909/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Lulju 2014 dwar titjib fis-saldu tat-titoli fl-Unjoni Ewropea u dwar depożitorji ċentrali tat-titoli u li jemenda d-Direttivi 98/26/KE u 2014/65/UE u r-Regolament (UE) Nru 236/2012 (ĠU L 257, 28.8.2014, p. 1).

    (15)  Ir-Regolament (UE) 2017/1129 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Ġunju 2017 dwar il-prospett li għandu jiġi ppubblikat meta titoli jiġu offruti lill-pubbliku jew jiġu ammessi għall-kummerċ f'suq regolat, u li jħassar id-Direttiva 2003/71/KE (ĠU L 168, 30.6.2017, p. 12).

    (16)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/528/KE tas-6 ta' Ġunju 2001 li tistabbilixxi l-Kumitat tat-Titoli Ewropej (ĠU L 191, 13.7.2001, p. 45).


    Top