Pasirinkite eksperimentines funkcijas, kurias norite išbandyti

Šis dokumentas gautas iš interneto svetainės „EUR-Lex“

Dokumentas 52019AE4461

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Rapport tal-2018 dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni” (COM(2019) 339 final)

    EESC 2019/04461

    ĠU C 97, 24.3.2020, p. 62—68 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    24.3.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 97/62


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Rapport tal-2018 dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni”

    (COM(2019) 339 final)

    (2020/C 97/08)

    Relatur:

    Gerardo LARGHI

    Konsultazzjoni

    Kummissjoni Ewropea, 15.10.2019

    Bażi legali

    Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

    Sezzjoni kompetenti

    Sezzjoni għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum

    Adottata fis-sezzjoni

    19.11.2019

    Adottata fil-plenarja

    11.12.2019

    Sessjoni plenarja Nru

    548

    Riżultat tal-votazzjoni

    (favur/kontra/astensjonijiet)

    197/0/1

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1.

    Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jilqa’ r-rapport tal-2018 tal-Kummissjoni Ewropea (KE) dwar il-politika tal-kompetizzjoni, li fih ġie żviluppat approċċ li għandu l-għan li jsaħħaħ is-suq uniku, l-iżvilupp ekonomiku u l-għanijiet tal-politika soċjali.

    1.2.

    Il-KESE jemmen, kif enfasizzat f’diversi dokumenti, li politika tal-kompetizzjoni effettiva u li tirrispetta l-prinċipji hija wieħed mill-pilastri tal-Unjoni Ewropea u għodda essenzjali għall-ħolqien ta’ suq intern kif mifhum fil-qafas tat-Trattat dwar il-Funjonament l-Unjoni Ewropea skont l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDG), għall-bini ta’ ekonomija soċjali tas-suq u għat-twettiq tad-dispożizzjonijiet tal-Pilastru Soċjali (1).

    1.3.

    Il-KESE u l-Unjoni Ewropea jridu jibqgħu fi djalogu kontinwu mal-istituzzjonijiet l-oħrajn, mas-soċjetà ċivili u, b’mod partikolari, mal-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi dwar din il-kwistjoni.

    1.4.

    Għal din ir-raġuni, il-KESE jappella li l-għoti tal-għajnuna jkun dejjem akkumpanjat minn trasparenza kbira fir-rigward ta’ kif l-ispejjeż se jaffettwaw lill-konsumaturi u li dawn jiġu infurmati b’mod ċar dwar tali spejjeż fil-fatturi (2). Il-KESE jilqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tieħu miżuri kontra restrizzjonijiet vertikali u orizzontali fir-rigward tal-kompetizzjoni, b’mod partikolari fid-dinja tal-kummerċ elettroniku, fejn jinħassu l-effetti tal-imġiba antikompetittiva.

    1.5.

    L-intelliġenza artifiċjali (IA) għandha tingħata attenzjoni partikolari f’dak li jirrigwarda l-prattiki ta’ diskriminazzjoni. Il-leġislazzjoni tal-UE għandha tiġi adattata biex tipprojbixxi d-diskriminazzjoni kkawżata mit-tfassil ta’ profili tal-konsumatur bl-għajnuna tal-IA.

    1.6.

    Il-big data tista’ tintuża kontra l-konsumaturi, b’mod partikolari għad-detriment tal-benessri tagħhom, minħabba l-fatt li t-tfassil ta’ profili jnaqqsilhom il-libertà tal-għażla.

    1.7.

    Il-KESE jappella li l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni jkollhom l-għarfien espert, il-ħiliet u r-riżorsi meħtieġa sabiex ikunu jistgħu japplikaw il-leġislazzjoni speċifika u jsolvu dawk il-problemi serji ta’ kompetizzjoni li huma ta’ ħsara għall-konsumaturi.

    1.8.

    Fir-rigward tal-għajnuna mill-Istat, il-KESE jilqa’ l-fatt li l-proċess tal-immodernizzar tal-kontrolli ppermetta lill-awtoritajiet jiffokaw l-attenzjoni fuq l-aktar każijiet importanti u rilevanti, anki bl-għajnuna tal-pjattaforma tal-IT “Transparency Award Module”.

    1.9.

    Il-KESE jinsisti fuq il-ħtieġa li tiġi żgurata koerenza bejn il-politiki ambjentali u dawk dwar l-għajnuna mill-Istat. B’mod partikolari jieħu nota tar-reviżjoni li għaddejja tal-linji gwida dwar il-ħarsien tal-ambjent u dwar l-enerġija.

    1.10.

    Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-linji gwida tal-Kummissjoni dwar l-għajnuna mill-Istat għandhom l-għan li jiżguraw kompetizzjoni ħielsa fis-suq Ewropew tal-enerġija permezz ta’ offerti teknoloġikament newtrali, essenzjali għall-ħolqien ta’ teknoloġiji differenti għall-enerġija rinnovabbli, għal suq Ewropew tal-enerġija reżiljenti u kompetittiv li jiggarantixxi s-sigurtà tal-provvista. Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jadottaw strateġija komprensiva u fit-tul minflok approċċ ibbażat fuq miżuri korrettivi għal żmien qasir li ma jippermettix it-tkabbir u l-ħolqien ta’ impjiegi b’mod aktar konkret u sostenibbli. F’dan il-kuntest ikun utli li l-Kummissjoni tagħmel studju komparattiv tal-pjani differenti għal appoġġ tal-industrija tal-manifattura li ġew adottati reċentement fl-Istati Uniti, iċ-Ċina u l-Korea (3).

    1.11.

    Fir-rigward tal-kompetizzjoni ma’ kumpaniji li mhumiex fl-UE, il-KESE jappella li jiġu garantiti l-istess regoli soċjali u ambjentali sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni.

    1.12.

    Il-KESE jenfasizza l-importanza, għall-finijiet tal-ħolqien ta’ suq soċjali ħieles, ta’ politika tal-kompetizzjoni li tibbilanċja l-iżvilupp tal-għanijiet soċjali u ekonomiċi tal-ħaddiema u tal-konsumaturi u ż-żamma ta’ struttura ta’ produzzjoni kompetittiva u effettiva.

    1.13.

    Il-KESE jemmen li d-dispożizzjonijiet tas-suq intern dwar id-drittijiet tal-moviment ħieles (b’mod partikolari tal-persuni, iżda wkoll tas-servizzi, tal-merkanzija u tal-kapital) huma l-pedamenti fundamentali tad-dritt tal-Unjoni, u li l-istazzjonar tal-ħaddiema u l-moviment liberu tas-servizzi għandhom jiġu ggarantiti biex tiġi evitata kwalunkwe forma ta’ dumping soċjali.

    1.14.

    Fl-aħħar nett, il-KESE huwa sorpriż li f’dan ir-Rapport tħalliet barra referenza għall-impass apparenti fin-negozjati bejn il-Kunsill u l-PE dwar l-azzjonijiet kollettivi, fid-dawl tal-proposta dwar il-Patt Ġdid għall-Konsumaturi, meta jitqies li hija essenzjali sabiex tiġi kkompletata s-sistema ta’ kumpens effettiv għad-danni kkawżati lill-konsumaturi fil-każ ta’ ksur tar-regoli tal-antitrust.

    2.   Sommarju tar-rapport tal-2018 dwar il-politika tal-kompetizzjoni

    2.1.

    Ir-rapport tal-2018 jindirizza suġġetti bħall-ekonomija diġitali, is-servizzi finanzjarji, l-enerġija u l-ambjent, l-agrikoltura u l-ikel, it-trasport u l-manifattura u kwistjonijiet bħall-applikazzjoni deċentralizzata tal-poteri tal-antitrust fl-Istati Membri u kooperazzjoni internazzjonali estensiva.

    2.2.

    Il-prattiki ta’ infurzar ta’ kuljum tal-Kummissjoni huma bbażati fuq il-prinċipji li ġejjin: nondiskriminazzjoni, ġustizzja, trasparenza, prevedibbiltà, id-dritt li wieħed jinstema’ u l-protezzjoni tal-kunfidenzjalità. Il-“ħarsien tal-benesseri tal-konsumaturi” huwa espliċitament għan tal-interventi tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-KE.

    2.3.

    L-era diġitali tippreżenta sfidi ġodda fid-dritt tal-kompetizzjoni, bħall-użu ta’ Big Data, tal-algoritmi u tal-Intelliġenza Artifiċjali (IA).

    2.4.

    Il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat gwida aġġornata għall-kumpaniji dwar is-sigrieti kummerċjali u informazzjoni kunfidenzjali oħra waqt proċeduri tal-antitrust bl-għan li “tissimplifika l-proċeduri f’każijiet ta’ kompetizzjoni”. L-użu ta’ ċrieki ta’ kunfidenzjalità wkoll ibbenefika mill-gwida aġġornata.

    2.5.

    L-ippremjar tal-kooperazzjoni tal-kumpaniji fil-proċedimenti antitrust wera li kien effettiv biex jgħin lill-Kummissjoni żżid ir-rilevanza u l-impatt tad-deċiżjonijiet tagħha billi ħaffet l-investigazzjonijiet.

    2.6.

    Id-Direttiva (UE) 2019/1 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) (“id-Direttiva NEK+”) tippermetti lill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri jimplimentaw b’mod aktar effettiv ir-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE.

    2.7.

    Il-modernizzazzjoni tal-politika dwar l-għajnuna mill-Istat għamlitha aktar faċli għall-Istati Membri biex jimplimentaw miżuri li jippromovu l-investiment, it-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi, ippermettiet l-implimentazzjoni rapida ta’ miżuri tal-għajnuna mill-Istat fl-Istati Membri u kellha impatt sinifikanti fir-rigward tat-tnaqqis tal-ispejjeż għal dawk il-miżuri tal-Istat li jikkawżaw l-inqas distorsjoni.

    2.8.

    Il-proċedura ta’ saldu tal-KE ppermettiet li l-kartelli jiġu identifikati aktar malajr, u b’hekk ġew illiberati riżorsi għal investigazzjonijiet oħrajn u naqset l-ispiża tal-investigazzjonijiet. Barra minn hekk, il-kumpaniji bbenefikaw minn deċiżjonijiet aktar rapidi.

    2.9.

    Ir-Rapport tal-2018 jenfasizza d-deċiżjonijiet meħuda fl-2018 (u fis-snin ta’ qabel) b’rabta mal-kartelli fis-settur tal-karozzi u t-tnedija ta’ investigazzjoni fil-fond dwar il-kollużjoni possibbli bejn il-manifatturi tal-karozzi fir-rigward tal-iżvilupp teknoloġiku tas-sistemi ta’ purifikazzjoni tal-emissjonijiet tal-karozzi.

    2.10.   L-ekonomija diġitali

    2.10.1.

    Il-politika tal-kompetizzjoni hija parti integrali tal-ħolqien ta’ suq uniku diġitali li jaħdem. F’dan is-sens il-“ġganti tan-netwerk” m’għandhomx jitħallew jużaw il-poter tas-suq tagħhom biex idgħajfu l-kompetizzjoni u b’hekk idgħajfu l-innovazzjoni fis-swieq diġitali.

    2.10.2.

    Iż-żamma tal-prezzijiet tal-bejgħ mill-ġdid fuq pjattaformi tal-kummerċ elettroniku hija waħda mir-restrizzjonijiet l-aktar mifruxa fl-ekonomija diġitali. Għal dan il-għan hemm użu akbar tal-algoritmi ta’ ffissar tal-prezz.

    2.11.

    L-għajnuna mill-Istat fl-ekonomija ekoloġika tappoġġja l-investimenti meħtieġa biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista filwaqt li tiddekarbonizza s-sistema Ewropea tal-enerġija.

    2.12.   Is-settur tal-enerġija

    2.12.1.

    L-awtorizzazzjonijiet ta’ għajnuna mill-Istat mogħtija fl-2018 fis-settur tal-enerġija rinnovabbli wasslu lill-Istati Membri sabiex jippromovu l-enerġija sostenibbli u jnaqqsu l-ispejjeż għall-konsumaturi tas-sistema tal-elettriku fl-intier tagħha.

    2.12.2.

    Il-Kummissjoni argumentat li l-miżuri ta’ għajnuna mill-Istat jgħinu biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista mingħajr ma jiżdiedu l-prezzijiet għall-konsumaturi jew ikun hemm tfixkil tal-flussi ta’ elettriku lil hinn mill-fruntieri tal-UE.

    2.12.3.

    L-UE jeħtiġilha żżid is-sehem tal-enerġiji rinnovabbli fit-taħlita enerġetika tagħha fir-rigward tad-diversifikazzjoni tal-provvista tal-gass u tiżgura li jkollha leġislazzjoni tal-enerġija tal-UE u nazzjonali mmirata.

    2.13.   Il-kompetizzjoni fis-suq uniku

    2.13.1.

    Il-KE pprojbixxiet l-akkwist ta’ Alstom propost minn Siemens. Hija approvat il-fużjoni fis-settur agroalimentari bejn Bayer u Monsanto, iżda bil-kundizzjoni ta’ ċerti ċessjonijiet ta’ negozju. Għas-suq tal-azzar ġie approvat l-akkwist ta’ ILVA minn Arcelor Mittal, bil-kundizzjoni ta’ ċerti ċessjonijiet. L-akkwist ippjanat ta’ Alstom minn Siemens ġie mblukkat minħabba li kien ta’ ħsara għall-kompetizzjoni.

    2.14.   Is-settur finanzjarju

    2.14.1.

    L-istabbilizzazzjoni ġenerali tas-settur naqqset l-interventi tal-baġit pubbliku f’każijiet ta’ għajnuna mill-Istat f’dan is-settur. Madankollu, f’xi Stati Membri s-self improduttiv għadu ma nqeridx.

    2.15.   L-iżgurar ta’ kondizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni fil-qasam tat-taxxa

    2.15.1.

    Jeħtieġ li jinħolqu kundizzjonijiet ekwi għall-kumpaniji biex jikkompetu skont il-merti. L-Istati Membri ma jistgħux joffru vantaġġi fiskali lill-kumpaniji multinazzjonali għad-detrimenti tal-SMEs.

    3.   Kummenti ġenerali

    3.1.

    Ir-Rapport tal-2018 jiżviluppa approċċ li għandu l-għan li jsaħħaħ is-suq uniku, l-iżvilupp ekonomiku u l-għanijiet ta’ politika soċjali.

    3.2.

    L-ekonomija diġitali se teħtieġ investiment qawwi — madwar EUR 500 biljun — matul l-għaxar snin li ġejjin biex jintlaħqu l-miri tal-konnettività. Huwa essenzjali li tiġi stabbilita politika ta’ kompetizzjoni serja, speċjalment fiż-żoni rurali u inqas urbanizzati.

    3.3.

    L-era diġitali tippreżenta sfidi ġodda fid-dritt tal-kompetizzjoni, bħall-użu tal-Big Data, tal-algoritmi u tal-intelliġenza artifiċjali (IA). Għalhekk hemm il-ħtieġa li jiġi żgurat li l-“ġganti tat-teknoloġija” ma jużawx il-poter tagħhom fis-suq biex idgħajfu l-kompetizzjoni fil-konfront tagħhom. L-awtoritajiet tal-kompetizzjoni għandu jkollhom l-għarfien espert, il-ħiliet u r-riżorsi meħtieġa sabiex ikunu jistgħu japplikaw il-leġislazzjoni speċifika u jsolvu dawk il-problemi serji ta’ kompetizzjoni li huma ta’ ħsara għall-konsumaturi qabel ma jkun tard wisq.

    3.4.

    L-implimentazzjoni għandha tkun ibbażata wkoll fuq l-użu proattiv ta’ għodod għall-ġbir ta’ informazzjoni u inkjesti settorjali.

    3.5.

    Jeħtieġ li jiġi evitat kwalunkwe dewmien fl-applikazzjoni tar-regoli permezz tal-użu proattiv tas-sett ta’ għodod tal-kompetizzjoni (pereżempju, miżuri provviżorji) f’każijiet ta’ ħsara ċara għall-kompetizzjoni u l-konsumaturi.

    3.6.

    Huwa essenzjali li l-evidenza inkriminanti tiġi trasferita lill-kumpaniji li jagħmlu fużjoni fis-swieq diġitali sabiex ikunu jistgħu jagħtu prova li l-ftehimiet mhux se jfixklu l-kompetizzjoni.

    3.7.

    Jeħtieġ li jiġi vvalutat, b’mod aktar rigoruż, jekk l-operaturi jistgħux jimblukkaw id-dħul fis-suq u b’hekk jillimitaw l-għażla tal-konsumatur u l-flussi tal-informazzjoni u jimmanipulaw l-imġiba tal-utenti.

    3.8.

    Sabiex tinġibed l-attenzjoni għat-tħassib dwar il-kompetizzjoni li tqajjem minn ċerti prattiki, huwa importanti li l-kumpaniji jingħataw gwida u għajnuna biex jaġixxu fil-limiti tal-leġislazzjoni.

    3.9.

    Attwalment, l-IA għandha impatt fuq il-politiki tal-ipprezzar jew fuq is-sorveljanza tagħhom b’konsegwenzi li mhumiex mingħajr riskju. L-algoritmi jippermettu lill-pjattaformi tal-kummerċ elettroniku li jikkontrollaw u jillimitaw il-libertà tal-bejjiegħa bl-imnut fil-politiki tal-ipprezzar tagħhom kif ukoll fil-kompetizzjoni ma’ bejjiegħa bl-imnut kbar (bi prattiki inġusti li ma jistgħux jinżammu fil-futur).

    3.10.

    L-istess fenomenu laqat lis-settur tat-turiżmu, fejn il-pjattaformi għall-bejgħ ta’ prodotti turistiċi huma karatterizzati mill-abbuż ta’ pożizzjoni dominanti. Hemm erba’ netwerks ewlenin tal-bejgħ, li għandhom poter enormi fuq il-lukandi, l-operaturi ż-żgħar u l-SMEs.

    3.11.

    L-IA għandha tingħata attenzjoni partikolari fir-rigward tal-prattiki ta’ diskriminazzjoni. Il-leġislazzjoni tal-UE għandha tiġi adattata biex tipprojbixxi d-diskriminazzjoni kkawżata mit-tfassil ta’ profili bl-għajnuna tal-IA.

    3.12.

    Il-KESE jaqbel mad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tqis li tikkunsidra lill-kumpaniji li jużaw algoritmi l-uniċi responsabbli tal-azzjonijiet li jiddependu minnhom. Il-big data tista’ tintuża kontra l-konsumaturi, b’mod partikolari għad-detriment tal-benessri tagħhom, minħabba l-fatt li t-tfassil estrem ta’ profili jnaqqsilhom l-għażla.

    3.13.

    Fil-fehma tal-KESE, is-suġġett tal-impatt tal-Big Data fuq il-kompetizzjoni huwa u se jkun dejjem aktar importanti. Politika intervenzjonista żżejjed tista’ madankollu tnaqqas l-inċentivi għall-innovazzjoni (jiġifieri servizzi aħjar u prezzijiet orħos li jistgħu jiddependu minn innovazzjonijiet fit-tqassim tal-prodotti u fil-pjattaformi tal-akkwist).

    3.14.

    Vantaġġ ta’ big data fuq il-kompetituri jista’ jippermetti lill-atturi ewlenin li jokkupaw pożizzjoni dominanti fis-suq. It-tekniki analitiċi kbar (in-negozjar tad-data, is-suq onlajn, ir-rikonoxximent tal-mudelli, l-istima tad-domanda, l-ottimizzazzjoni tal-prezzijiet) jistgħu jkunu prattiki ta’ sfruttament.

    3.15.

    Fil-kuntest tal-istrateġija tas-suq uniku diġitali, l-investigazzjonijiet tal-KE wrew li r-restrizzjonijiet tal-prezz tal-bejgħ mill-ġdid huma l-iktar restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni mifruxa fis-swieq tal-kummerċ elettroniku. Fl-2018 il-KE ħarġet sensiela ta’ deċiżjonijiet li jimmultaw lill-kumpaniji li jimponu restrizzjonijiet fuq il-prezzijiet tal-bejgħ mill-ġdid onlajn bi ksur tar-regoli tal-UE dwar il-kompetizzjoni.

    3.16.

    Fir-rigward tat-tassazzjoni, il-KESE jinnota b’sodisfazzjon l-azzjonijiet implimentati mill-Kummissjoni fl-2018. Fl-istess ħin huwa importanti li anki f’dan il-qasam tkun żgurata kompetizzjoni ġusta bejn il-pajjiżi differenti. B’mod partikolari, hija meħtieġa aktar sorveljanza fir-rigward tad-deċiżjonijiet dwar it-taxxa u tal-vantaġġi kompetittivi illegali miksuba permezz ta’ ftehimiet bejn ċerti pajjiżi u l-atturi l-kbar, imġiba li tfixkel is-suq ħieles u tagħmel ħsara lill-SMEs, minbarra li tiġġenera kompetizzjoni inġusta bejn il-pajjiżi.

    3.17.

    Fir-rigward tal-enerġija, il-KESE jinnota li f’ċerti pajjiżi għadha mhijiex żgurata trasparenza sħiħa u ġenerali tal-kontijiet domestiċi. Mingħajr trasparenza tonqos il-possibbiltà għall-konsumaturi li jagħmlu għażla infurmata u dan jiffavorixxi l-istatus quo tal-atturi l-kbar.

    3.18.

    L-agrikoltura u l-ikel. F’dan is-settur huwa importanti li tiġi protetta l-produzzjoni ta’ denominazzjonijiet ta’ oriġini Ewropej fis-settur agroalimentari. Is-settur taż-żrieragħ u tal-pestiċidi huwa essenzjali għall-bdiewa u għall-konsumaturi, iżda dan jiġġenera wkoll tħassib li jmur lil hinn mill-ħarsien tal-konsumaturi, is-sigurtà alimentari u l-garanzija tal-konformità mal-istandards ambjentali u klimatiċi.

    3.19.

    Fir-rigward tat-trasport, huwa ssuġġerit li l-Kummissjoni tivverifika jekk, u sa liema punt, l-eżenzjoni mit-taxxa tal-pitrolju tistax tikkostitwixxi għajnuna mhux dovuta lill-kumpaniji tal-ajru meta mqabbla mat-trasport ferrovjarju.

    3.20.

    Biex ikun żgurat bilanċ bejn il-libertà tas-suq u l-konċentrazzjonijiet, ma jidhirx li huwa biżżejjed li ssir referenza għall-kompetizzjoni minn atturi kbar globali oħrajn, speċjalment jekk dawn ikunu ġejjin minn pajjiżi magħluqin għall-kompetizzjoni min-naħa ta’ kumpaniji barranin. F’dan ir-rigward, huwa ssuġġerit li bħala alternattiva għal fużjonijiet korporattivi li jdgħajfu l-kompetizzjoni, jittieħdu azzjonijiet immirati biex jingħelbu ostakli għad-dħul fis-swieq terzi, inċentivi fiskali aktar b’saħħithom għar-riċerka u l-iżvilupp, ftehimiet bejn il-produtturi Ewropej biex jikkoordinaw l-istrateġiji ta’ esportazzjoni u l-investimenti barra l-pajjiż.

    3.21.

    Fi kwalunkwe każ, id-difiża tal-konsumatur trid tkun ibbilanċjata mal-azzjoni ta’ appoġġ u promozzjoni ta’ kumpaniji innovattivi u l-SMEs (bi strumenti li ma jagħmlux ħsara lill-kompetizzjoni dinamika fis-suq), it-triq ewlenija lejn il-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità u s-sostenibbiltà dinamika tas-sistema produttiva.

    3.22.

    Fir-rigward tas-suq tax-xogħol u l-ħarsien tal-kompetizzjoni, il-KESE jqis il-qafas legali dwar ir-rispett għad-drittijiet soċjali fundamentali u l-moviment liberu tal-ħaddiema u tas-servizzi bħala wieħed mill-oqsma li għandhom jiġu indirizzati sabiex tiġi żgurata kompetizzjoni verament ħielsa fis-suq attwali.

    3.23.

    L-għan hu li tiġi evitata kwalunkwe forma ta’ “dumping soċjali” (kompetizzjoni inġusta f’termini ta’ ħlas u kundizzjonijiet tax-xogħol li jikkawżaw spiral ’l isfel) u li jiġi żgurat trattament ugwali tal-ħaddiema kull fejn joperaw u ġejjin minn fejn ġejjin, u nondiskriminazzjoni tal-ħaddiema u tal-kumpaniji fil-post fejn isir ix-xogħol.

    3.24.

    Fl-aħħar nett, il-KESE huwa sorpriż li, għall-ewwel darba, la f’dan ir-Rapport u lanqas fid-dokument ta’ ħidma SWD(2019) 297 li jakkumpanjah, għall-kuntrarju tar-Rapporti kollha tal-Kummissjoni f’dawn l-aħħar snin, tħalliet barra kwalunkwe referenza għan-nuqqas ta’ progress f’dak li jirrigwarda l-azzjonijiet kollettivi bħala mezz għall-promozzjoni ta’ kumpens effettiv għad-danni kkawżati lill-konsumaturi minħabba l-ksur tar-regoli tal-antitrust, li mhumiex koperti mid-Direttiva 2014/104/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) dwar l-azzjonijiet għad-danni għall-ksur tar-regoli tal-antitrust, b’mod partikolari meta titqies l-Opinjoni tal-KESE (6) dwar il-proposta tal-Kummissjoni dwar il-Patt Ġdid għall-Konsumaturi (7) u d-deċiżjoni tal-Kunsill li teskludi l-azzjonijiet kollettivi (8) kollha mid-Direttiva l-ġdida li ġiet adottata dan l-aħħar, li l-KESE qiesha bħala manifestament inadegwata.

    4.   Kummenti speċifiċi

    4.1.

    Fir-rigward tad-diġitalizzazzjoni, il-KESE jaqbel mal-għażla tal-KE li tqisha prijorità u li tiffoka l-programm tal-kompetizzjoni għall-2021-2027 fuq l-isfidi b’rabta mal-Big Data, l-algoritmi u l-IA. Il-KESE jistieden lill-KE sabiex timplimenta dak li hemm fir-rapport ta’ April 2019 dwar “Competition policy for the digital era” (Il-politika tal-kompetizzjoni għall-era diġitali), b’mod partikolari rigward:

    4.1.1.

    l-istrateġiji li għandhom jiġu implimentati biex tingħeleb kwalunkwe limitazzjoni għall-kompetizzjoni u għas-suq ħieles li ssir mill-pjattaformi diġitali, inkluż fis-setturi kummerċjali u tat-turiżmu;

    4.1.2.

    l-għarfien reali u sħiħ u t-trasferibbiltà tad-data personali tal-utent konsumatur miżmuma minn kwalunkwe pjattaforma;

    4.1.3.

    il-ġlieda kontra kwalunkwe forma ta’ esklużjoni ta’ kumpaniji li xi pjattaformi diġitali jikkunsidraw potenzjalment perikolużi għall-pożizzjoni dominanti tagħhom;

    4.1.4.

    is-salvagwardja tas-suq ħieles billi jitħarsu n-negozji ġodda ż-żgħar li għandhom potenzjal fis-suq u li ta’ spiss jiġu assorbiti minn atturi kbar fis-settur diġitali, li jarawhom bħala kompetituri futuri perikolużi.

    4.2.

    Il-KESE jemmen li dawk l-operaturi li f’kull livell assejnaw kompiti ta’ interess ġenerali lil pjattaformi diġitali għandu jkollhom ukoll l-għodod leġislattivi biex jaċċessaw u jikkontrollaw l-algoritmi użati minn dawn il-pjattaformi.

    4.3.

    Il-KESE jissuġġerixxi li l-Kummissjoni ssaħħaħ il-miżuri maħsuba biex tiġi ssorveljata l-implimintazzjoni tal-ftehimiet ta’ kummerċ ħieles u tiġi protetta l-libertà ta’ aċċess għas-swieq globali min-naħa tal-kumpaniji Ewropej.

    4.4.

    F’dan ir-rigward, hemm bżonn li tiġi żgurata reċiproċità reali fis-swieq globali tal-akkwist pubbliku.

    Brussell, il-11 ta’ Diċembru 2019.

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Luca JAHIER


    (1)  Artikoli 7, 9, 11 u 12 tat-TFUE.

    (2)  Id-Direttiva (UE) 2019/944 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 dwar regoli komuni għas-suq intern għall-elettriku u li temenda d-Direttiva 2012/27/UE (ĠU L 158, 14.6.2019, p. 125).

    (3)  ĠU C 197, 8.6.2018, p. 10.

    (4)  Id-Direttiva (UE) 2019/1 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 sabiex l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri jingħataw setgħat biex ikunu inforzaturi aktar effettivi, u biex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tas-suq intern (ĠU L 11, 14.1.2019, p. 3).

    (5)  Id-Direttiva 2014/104/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Novembru 2014 dwar ċerti regoli li jirregolaw l-azzjonijiet għad-danni skont il-liġi nazzjonali għall-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri u tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 349, 5.12.2014, p. 1).

    (6)  ĠU C 440, 6.12.2018, p. 66.

    (7)  Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar azzjonijiet rappreżentattivi għall-protezzjoni tal-interessi kollettivi tal-konsumaturi, u li tħassar id-Direttiva 2009/22/KE, COM(2018) 184 final – 2018/0089 (COD).

    (8)  Ara d-dokument PE-CONS 83/19 tat-18 ta’ Ottubru 2019.


    Į viršų