Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018SC0079

    DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI KONSULTAZZJONI MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI - RAPPORT FIL-QOSOR Li jakkumpanja d-dokument Proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-aċċess għall-protezzjoni soċjali għall-ħaddiema u għall-persuni li jaħdmu għal rashom

    SWD/2018/079 final - 2018/059 (NLE)

    Strasburgu,13.3.2018

    SWD(2018) 79 final

    DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI

    KONSULTAZZJONI MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI - RAPPORT FIL-QOSOR

    Li jakkumpanja d-dokument

    Proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill

    dwar l-aċċess għall-protezzjoni soċjali għall-ħaddiema u għall-persuni li jaħdmu għal rashom

    {COM(2018) 132 final}


    Konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati – Rapport fil-qosor

    Kuntest - il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali

    Fit-8 ta’ Marzu 2016, il-Kummissjoni Ewropea adottat Komunikazzjoni li ppreżentat l-ewwel abbozz preliminari għal dak li fil-ġejjieni jrid ikun il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali 1 . Il-Komunikazzjoni stabbilixxiet ir-raġunament tal-inizjattiva u r-rwol, il-kamp ta’ applikazzjoni u n-natura tagħha 2 .

    Fuq din il-bażi, minn Marzu sal-31 ta’ Diċembru 2016, il-Kummissjoni nediet konsultazzjoni pubblika wiesgħa biex tiġbor il-feedback dwar l-abbozz propost biex tużah fil-proposta finali tagħha. Il-konsultazzjoni kellha l-għan li tiddiskuti d-drittijiet soċjali eżistenti, ir-realtajiet tad-dinja tax-xogħol u s-soċjetajiet dejjem jinbidlu, u r-rwol tal-Pilastru bħala parti mid-dimensjoni soċjali tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja. Fit-23 ta’ Jannar 2017 saret konferenza Ewropea biex tagħlaq dan il-proċess ta’ konsultazzjoni 3 . Il-mod kif wieħed jista’ jiżgura li n-nies ikollhom protezzjoni soċjali fil-forom kollha tal-impjiegi kien suġġett ċentrali fil-proċess ta’ konsultazzjoni.

    Il-partijiet ikkonċernati ddikjaraw li “jenħtieġ li l-protezzjoni soċjali xierqa u sostenibbli tkopri lil kulħadd irrispettivament mill-istatus ta’ impjieg tagħhom, b’kunsiderazzjoni xierqa għal dawk li huma l-aktar vulnerabbli, fuq il-bażi ta’ approċċ integrat ta’ għoti ta’ benefiċċji u servizzi, inkluża kura tas-saħħa aċċessibbli u sostenibbli li tqis iċ-ċirkostanzi nazzjonali, u kura fit-tul ta’ kwalità b’mod partikolari bbażata fuq il-kura fid-dar u s-servizzi bbażati fil-komunità, kif ukoll akkomodazzjoni u appoġġ xierqa għal dawk bla dar lejn l-integrazzjoni mill-ġdid soċjali tagħhom. Benefiċċji tal-qgħad xierqa ta’ tul ta’ żmien raġonevoli kif ukoll skemi xierqa tal-introjtu minimu jenħtieġ li jipprovdu pjattaforma ta’ protezzjoni soċjali reżiljenti għall-integrazzjoni mill-ġdid fis-suq tax-xogħol. Is-sistemi tal-pensjoni jenħtieġ li jipprovdu protezzjoni xierqa kontra l-faqar fix-xjuħija filwaqt li jiżguraw is-sostenibbiltà bl-għan li tiġi protetta l-ġenerazzjoni futura u jiġu pprovduti r-riżorsi meħtieġa għal tfulija mingħajr faqar.” 4

    Istituzzjonijiet oħra tal-UE kkontribwixxew ukoll għad-dibattitu rilevanti. Filwaqt li l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 5 , (“iqis li huwa essenzjali li d-dibattitu mniedi mill-Kummissjoni Ewropea dwar l-iżvilupp ta’ Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali jinkludi wkoll is-sitwazzjoni ta’ ħaddiema li jaħdmu fil-forom ġodda ta’ impjiegi u, fuq kollox, jeżamina kif jista’ jiġi rikonoxxut l-istatus tagħhom u jiġi żgurat li jkollhom aċċess xieraq għas-sistemi tas-sigurtà soċjali u ta’ protezzjoni soċjali”) u l-Kumitat tar-Reġjuni 6 (“jemmen li l-forom ġodda ta’ impjiegi jew l-introduzzjoni ta’ standards minimi ġodda komuni tal-UE dejjem iridu jinkludu standards xierqa ta’ protezzjoni soċjali”) ressqu elementi rilevanti fid-dibattitu, il-Parlament Ewropew 7 ħa pass akbar u talab għal “rakkomandazzjoni li tabilita lil dawk kollha fil-forom kollha ta’ impjiegi u li jaħdmu għal rashom”.

    L-inizjattiva dwar l-aċċess għall-protezzjoni soċjali

    Twettqu bosta konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati biex tiġi infurmata din l-inizjattiva. Dawn jinkludu proċedura ta’ konsultazzjoni f’żewġ stadji tas-sħab soċjali Ewropej kif stipulat fl-Artikolu 154 tat-TFUE u Konsultazzjoni Pubblika Miftuħa.

    1. Ir-riżultati tal-valutazzjoni tal-impatt tal-bidu

    Il-Kummissjoni rċeviet disa’ elementi ta’ feedback għall-valutazzjoni tal-impatt tal-bidu minn individwi/entitajiet fin-Netherlands (sitta), fil-Belġju, fil-Ġermanja u fir-Renju Unit. Il-feedback mingħand in-nies/l-assoċjazzjonijiet fin-Netherlands jenfasizza s-sussidjarjetà u li dawk li jaħdmu għal rashom jixtiequ jkunu responsabbli għad-deċiżjonijiet tagħhom, inkluż għall-assigurazzjoni tar-riskji. Il-kontribuzzjoni minn organizzazzjoni tan-negozju fir-Renju Unit tqis li huwa aktar faċli li jiġu implimentati skemi volontarji fl-Istati Membri kollha f’terminu qasir għal medju (minn sentejn sa ħames snin), iżda jirrikjedu implimentazzjoni fil-livell nazzjonali u jista’ jkun diffiċli biex jaqblu l-gvernijiet. Il-feedback tal-EuroHealthNet jiffoka fuq ir-rwol kbir li għandha l-Protezzjoni Soċjali fl-għan li jitnaqqsu l-inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa u l-assoċjazzjonijiet umbrella tal-Assigurazzjoni Soċjali Ġermaniża (DSV) jappoġġaw id-diskussjoni dwar l-aċċess għall-protezzjoni soċjali u biex is-sistemi tal-protezzjoni soċjali jibqgħu validi fil-ġejjieni f’dinja tax-xogħol dejjem tinbidel.

    2. Ir-riżultati tal-ewwel fażi tal-konsultazzjoni mas-Sħab Soċjali

    L-Ewwel fażi tal-konsultazzjoni mas-sħab soċjali tnediet fis-29 ta’ April u għalqet fit-23 ta’ Ġunju 2017.

    It-trade unions li wieġbu għall-konsultazzjoni kienu l-Konfederazzjoni Ewropea tat-Trade Unions (ETUC), l-Eurocadres u l-Konfederazzjoni Ewropea tal-Persunal Eżekuttiv u Maniġerjali (CEC), il-Konfederazzjoni Ewropea tat-Trade Unions Indipendenti (CESI), l-Alleanza Ewropea tal-Arti u l-Ispettaklu (EAEA) u l-Federazzjoni Ewropea tal-Ġurnalisti (EFJ). Wieħed għandu jinnota li t-tweġiba tal-ETUC qieset ukoll il-perspettiva ta’ 10 organizzazzjonijiet tat-trade unions settorjali tal-ETUC.

    Min-naħa ta’ min iħaddem, intbagħtu tweġibiet għall-konsultazzjoni mingħand BusinessEurope, iċ-Ċentru Ewropew għal Min Iħaddem u għall-Intrapriżi li jipprovdu Servizzi Pubbliċi (CEEP), EuroCommerce, l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Artiġjanat u tal-Intrapriżi Żgħar u Medji (UEAPME), il-Kunsill tal-Impjegaturi Ewropej tal-Industriji bbażati fuq il-Metall, l-Inġinerija u t-Teknoloġija (CEEMET), il-Kunsill tal-Muniċipalitajiet u r-Reġjuni Ewropej (CEMR), il-Grupp Ewropew tal-Impjegaturi Kimiċi (ECEG), Lukandi, Ristoranti u Kafetteriji fl-Ewropa (HOTREC), ir-Rappreżentanza tal-Kummerċ bl-Imnut, bl-Ingrossa u Internazzjonali tal-UE (EuroCommerce), il-Grupp ta’ Min Iħaddem tal-Kumitat tal-Organizzazzjonijiet Agrikoli Professjonali fl-Unjoni Ewropea (GEOPA-COPA) u l-Konfederazzjoni Dinjija tal-Impjiegi (WEC).

    L-identifikazzjoni tal-kwistjonijiet relatati mal-aċċess għall-protezzjoni soċjali

    Fil-biċċa l-kbira tagħhom, is-sħab soċjali qablu li hemm problemi relatati mal-aċċess għall-protezzjoni soċjali għall-ħaddiema fil-forom mhux standard ta’ impjiegi u għal dawk li jaħdmu għal rashom.

    Madankollu, il-persuni li jħaddmu enfasizzaw li ir-raggruppament ta’ tipi differenti ħafna ta’ forom ta’ impjiegi taħt it-titlu ta’ “mhux standard” mhuwiex xieraq minħabba li ma jqisx id-diversità bejn dawn il-forom differenti u l-ħtiġijiet u x-xewqat ta’ dawk li jaħdmu fihom, f’termini tal-aċċess għall-protezzjoni soċjali wkoll (BusinessEurope). Barra minn hekk, id-WEC enfasizzat l-eteroġenità fost dawk li jaħdmu għal rashom. L-UEAPME talbet għal eżerċizzju sod ta’ immappjar tal-politiki nazzjonali, id-disponibbiltà u l-offerta ta’ skemi ta’ protezzjoni soċjali mfassla apposta, u l-użu tagħhom imqassam skont il-gruppi differenti. Is-CEEP enfasizza l-mudelli differenti tas-suq tax-xogħol u dawk soċjali, li jispjegaw il-livelli differenti ta’ protezzjoni.

    Min-naħa l-oħra, it-trade unions sabu li l-identifikazzjoni tal-kwistjonijiet sejra fid-direzzjoni t-tajba, iżda madankollu tista’ tittejjeb billi jiġi speċifikat li l-forom ġodda ta’ xogħol jinvolvu kwalità tal-impjiegi ħażina u kundizzjonijiet prekarji, li jwasslu għal aktar nuqqas ta’ protezzjoni kontra r-riskji tal-ħajja milli għal opportunitajiet reali tal-impjieg (ETUC, Eurocadres). Il-kwistjonijiet jistgħu jiġu estiżi għal dritt ta’ negozjar kollettiv, rimunerazzjoni ġusta għal kulħadd u d-dritt tal-libertà ta’ assoċjazzjoni għall-ħaddiema kollha (EFJ). It-trade unions enfasizzaw ukoll li jenħtieġ li tiġi żgurata l-konsistenza mal-proposti dwar l-informazzjoni dwar is-sistema tas-sigurtà soċjali fid-Direttiva dwar id-Dikjarazzjoni bil-Miktub. (ETUC, Eurocadres).

    L-aktar oqsma rilevanti tal-protezzjoni soċjali u tas-servizzi għall-impjiegi

    It-trade unions iqisu li l-oqsma kollha għandhom l-istess importanza u jippromwovu approċċ integrat u olistiku għall-protezzjoni soċjali, minkejja l-punti msemmija hawn fuq dwar id-distinzjonijiet bejn l-oqsma ta’ politika, inklużi l-oqsma kollha koperti mill-Konvenzjoni 102 tal-ILO (u r-Regolament dwar il-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali). Jekk għandha ssir prijoritizzazzjoni, is-CEC hija favur dawk li mhumiex universali. L-aċċess għas-servizzi għall-impjiegi relatati jenħtieġ li jingħata lil kulħadd.

    Dawk li jħaddmu għandhom diversi opinjonijiet. BusinessEurope iqis li l-kwistjoni tippressupponi li se jkun hemm inizjattiva tal-UE f’dan il-qasam (l-organizzazzjoni mhijiex favuriha). L-EuroCommerce jiddubita dwar il-fattibbiltà tal-klassifikazzjoni tal-oqsma tal-protezzjoni soċjali, filwaqt li l-COPA jipprijoritizza l-aċċidenti waqt ix-xogħol u l-mard okkupazzjonali. Il-HOTREC jirreferi għall-protezzjoni soċjali bħala kompetenza fil-livell nazzjonali, iżda jenfasizza li l-ħiliet, l-edukazzjoni u t-taħriġ jenħtieġ li jkunu aċċessibbli faċilment għaċ-ċittadini kollha.

    Il-kamp ta’ applikazzjoni personali ta’ inizjattiva tal-UE

    B’mod ġenerali, it-trade unions huma favur li jkun hemm kamp ta’ applikazzjoni personali wiesa’ u li jiġu inklużi l-ħaddiema kollha f’forom mhux standard ta’ impjiegi kif ukoll dawk li jaħdmu għal rashom f’inizjattiva tal-UE. Madankollu, xi wħud jitolbu l-ewwel nett għad-definizzjoni ta’ prinċipji biex jiġi stabbilit fehim komuni fil-livell tal-UE tan-natura legali tal-forom differenti ta’ impjiegi (CEC, CESI).

    Il-persuni li jħaddmu qegħdin joqogħdu lura milli jwieġbu għad-domanda dwar il-kamp ta’ applikazzjoni personali tal-inizjattiva tal-UE minħabba li mhumiex favur inizjattiva tal-UE (BusinessEurope) jew jinvokaw il-prinċipju tas-sussidjarjetà (HOTREC) jew jikkunsidraw li l-kamp ta’ applikazzjoni personali se jiddependi fuq in-natura tal-inizjattiva rispettiva (EuroCommerce). Is-CEMR jenfasizza il-ħtieġa għal aktar ċarezza fid-definizzjoni tan-natura legali tal-forom differenti ta’ impjiegi filwaqt li l-COPA kieku jinkludi l-ħaddiema kollha fl-impjiegi mhux standard f’inizjattiva legali tal-UE iżda jinkludi lil dawk li jaħdmu għal rashom biss f’rakkomandazzjoni.

    Il-leġiżlazzjoni tal-UE u l-istrumenti fil-livell tal-UE

    BusinessEurope, UEAPME u EuroCommerce ma jqisux li l-bidliet fil-leġiżlazzjoni tal-UE f’dan il-qasam huma meħtieġa jew xierqa. Il-metodu miftuħ ta’ koordinazzjoni u l-proċess tas-Semestru Ewropew, inklużi l-valuri referenzjarji, jistgħu jkunu l-għodod it-tajbin għat-tagħlim reċiproku u l-iskambju tal-prattika tajba. Jenħtieġ li l-għan ikun li jittejbu r-reazzjonijiet tal-politika nazzjonali billi wieħed jitgħallem minn prattiki nazzjonali rilevanti oħrajn. Organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem oħrajn jiġbdu l-attenzjoni għad-djalogu soċjali settorjali (COPA), il-kompetenzi tal-Istati Membri u l-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità (CEEMET, ECEG, EuroCommerce, WEC u CEEP).

    In-naħa tat-trade unions tqis li jenħtieġ li jsir titjib fil-leġiżlazzjoni tal-UE. ETUC u CESI jaraw il-ħtieġa għal infurzar aħjar tal-leġiżlazzjoni eżistenti, speċjalment fil-livell nazzjonali. Is-CEC issemmi li l-ħtieġa li jitnaqqas il-piż amministrattiv li jista’ jiġi assoċjat mal-provvista ta’ informazzjoni dwar is-sitwazzjoni tal-impjiegi ta’ individwu u l-iżgurar ta’ trasferibbiltà effettiva tal-intitolamenti kollha.

    Ir-rieda li jidħlu f’negozjati

    It-trade unions kollha indikaw ir-rieda tagħhom li jidħlu f’negozjati. Madankollu, jekk is-sħab soċjali tal-UE ma jaqblux li jinnegozjaw, jew jekk in-negozjati ma jwasslux għal riżultat ta’ suċċess, it-trade unions iħeġġu lill-Kummissjoni biex toħroġ bi proposta leġislattiva.

    Dawk li jħaddmu mhumiex qed iqisu li jibdew djalogu skont l-Artikolu 155 TFUE minħabba li ma jemmnux li hemm il-ħtieġa li tittieħed azzjoni fil-livell tal-UE, għajr għat-tagħlim bejn il-pari u l-iskambju ta’ prattiki (BusinessEurope) jew minħabba li s-sussidjarjetà hija prevalenti f’dan is-suġġett (HOTREC, UAPME) u tista’ tiġi indirizzata aħjar mill-gvernijiet nazzjonali (EuroCommerce) jew fi djalogu soċjali settorjali (COPA). Is-CEEP jenfasizza li l-ewwel iridu jiġu definiti indikaturi validi.

    L-għan tal-konsultazzjoni

    L-ETUC ħasset in-nuqqas ta’ proposti ċari dwar il-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità – b’indikaturi miftiehma biex jiġu intraċċati, inkluż għall-aċċess għall-protezzjoni soċjali. Għalhekk, l-ETUC qieset li l-aspetti ewlenin identifikati tal-aċċess insuffiċjenti (diskrepanza fl-aċċess għall-protezzjoni soċjali, nuqqas ta’ trasferibbiltà tad-drittijiet kif ukoll nuqqas ta’ trasparenza dwar l-intitolamenti tal-protezzjoni soċjali tagħhom) huma sfidi importanti li jridu jiġu indirizzati, iżda kieku tagħti aktar importanza lill-isfida tad-drittijiet soċjali diverġenti tan-nies fir-rigward tal-protezzjoni soċjali u tas-servizz għall-impjiegi.

    Konsultazzjoni addizzjonali tas-sħab soċjali

    Id-DĠ Impjiegi u Affarijiet Soċjali mexxa laqgħat bilaterali mas-16-il sieħeb soċjali kollha li ressqu kontribuzzjoni fl-ewwel fażi tal-konsultazzjoni tas-sħab soċjali. Dawn il-laqgħat saru bejn l-14 ta’ Lulju u l-5 ta’ Settembru. L-iskop tal-laqgħat bilaterali kien li wieħed jiffoka fuq il-kjarifikazzjonijiet tekniċi u li tinġabar informazzjoni addizzjonali kull fejn kien possibbli. L-informazzjoni li waslet hija ppreżentata fil-kapitoli rilevanti ta’ dan id-dokument.

    3. Ir-riżultati tat-tieni fażi tal-konsultazzjoni mas-Sħab Soċjali

    It-tieni fażi tal-konsultazzjoni mas-sħab soċjali tnediet fl-20 ta’ Novembru u għalqet fil-5 ta’ Jannar 2018.

    It-trade unions li wieġbu għall-konsultazzjoni kienu l-Konfederazzjoni Ewropea tat-Trade Unions (ETUC), l-Eurocadres u l-Konfederazzjoni Ewropea tal-Persunal Eżekuttiv u Maniġerjali (CEC), il-Konfederazzjoni Ewropea tat-Trade Unions Indipendenti (CESI), l-Alleanza Ewropea tal-Arti u l-Ispettaklu (EAEA), l-UNI global union europa l-Konfederazzjoni Dinjija tal-Impjiegi (WEC).

    Min-naħa ta’ min iħaddem, intbagħtu tweġibiet għall-konsultazzjoni mingħand BusinessEurope, iċ-Ċentru Ewropew għal Min Iħaddem u għall-Intrapriżi li jipprovdu Servizzi Pubbliċi (CEEP), EuroCommerce, l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Artiġjanat u tal-Intrapriżi Żgħar u Medji (UEAPME), il-Kunsill tal-Impjegaturi Ewropej tal-Industriji bbażati fuq il-Metall, l-Inġinerija u t-Teknoloġija (CEEMET), il-Grupp Ewropew tal-Impjegaturi Kimiċi (ECEG), u Lukandi, Ristoranti u Kafetteriji fl-Ewropa (HOTREC).

    L-objettivi ta’ kopertura, trasferibbiltà u trasparenza

    It-trade unions jaqblu mal-objettivi tal-inizjattiva ta’ kopertura, trasferibbiltà u trasparenza. Il-kopertura formali u effettiva hija ta’ importanza kbira għall-ETUC u jenħtieġ li jiżdied l-aċċess għal protezzjoni soċjali xierqa. Il-kontribuzzjonijiet u l-benefiċċji (għal dawk li jaħdmu għal rashom u għall-ħaddiema mhux standard) jenħtieġ li jkunu kemm jista’ jkun l-istess bħal dawk tal-kuntratti ta’ xogħol standard (CESI). Jenħtieġ li l-irbit tad-drittijiet tal-protezzjoni soċjali mal-individwi ma jwassalx għal individwalizzazzjoni tal-protezzjoni soċjali u d-dimensjoni kollettiva għandha tibqa’ teżisti (EAEA). It-trasferibbiltà sħiħa u l-akkumulazzjoni ta’ dawn id-drittijiet, il-benefiċċji u l-intitolamenti jenħtieġ li jiġu żgurati, irrispettivament mill-forma jew mit-tul tal-impjieg (UNI Europa). L-importanza tal-aċċess għat-taħriġ u għas-servizzi għall-impjiegi ġiet enfasizzata wkoll (Eurocadres). It-trade unions kollha jaqblu mal-ħtieġa ta’ trasparenza ogħla.

    Dawk li jħaddmu għandhom diversi opinjonijiet. Il-maġġoranza l-kbira tal-organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem jaqblu mat-tliet objettivi sa ċertu punt iżda jenfasizzaw il-kompetenza tal-Istati Membri f’dan il-qasam (BusinessEurope, EuroCommerce, CEEMET, CEEP u UAPME).

    L-ECEG ma jaqbilx li l-ħaddiema mhux standard u dawk li jaħdmu għal rashom għandhom aċċess limitat għall-protezzjoni soċjali u ma jara l-ebda ħtieġa li tiġi esplorata definizzjoni komuni ta’ ħaddiema fil-livell tal-UE.

    Il-HOTREC jaqbel dwar il-ħtieġa li jkun hemm aktar trasparenza iżda jargumenta li l-prinċipju tas-sussidjarjetà huwa prevalenti u għalhekk huwa favur immappjar ta’ sistemi trasferibbli fil-livell nazzjonali.

    L-għażliet ta’ kopertura formali obbligatorja jew volontarja

    It-trade unions kollha huma favur il-kopertura formali obbligatorja, ugwali għal dik tal-ħaddiema standard (ETUC, EAEA) iżda jenħtieġ li jitqiesu t-tradizzjonijiet nazzjonali (CEC).

    Dawk li jħaddmu esprimew fehmiet differenti dwar dawn l-għażliet. L-ECEG jaqbel li l-protezzjoni soċjali jenħtieġ li tkun obbligatorja iżda l-impjegati jenħtieġ li jkollhom id-dritt li jagħżlu l-forma ta’ kopertura (pubblika jew privata). BusinessEurope enfasizza l-libertà tal-għażla għal dawk li jaħdmu għal rashom. Is-CEEP u EuroCommerce huma favur il-kopertura formali volontarja sabiex titqies id-diversità tal-forom ta’ impjiegi jew l-eteroġenità fost dawk li jaħdmu għal rashom. HOTREC, CEEMET u UAPME semmew is-sussidjarja li jenħtieġ li tkun prevalenti.

    L-azzjoni xierqa biex tiġi żgurata kopertura effettiva

    It-trade unions u min iħaddem għandhom fehmiet opposti dwar l-azzjoni xierqa. It-trade unions huma favur li jiġu estiżi u adattati l-iskemi eżistenti għan-nies fil-forom kollha ta’ impjiegi (ETUC), billi wieħed jasal sa fejn huwa possibbli skont it-Trattati (CESI). Issemmiet direttiva tal-UE b’prinċipji u rekwiżiti minimi vinkolanti (Uni europa, EAEA) iżda jenħtieġ li din ma ddgħajjifx l-acquis tal-UE eżistenti, u lanqas ma tbaxxi l-istandards nazzjonali eżistenti, u lanqas ma twassal lejn armonizzazzjoni ’l isfel tad-drittijiet.

    Min-naħa l-oħra, l-organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem huma kontra azzjonijiet legalment vinkolanti f’dan il-qasam għax jgħidu li l-prinċipju tas-sussidjarjetà huwa prevalenti (ECEG, HOTREC) iżda jilqgħu l-użu tal-OMC, is-Semestru Ewropew, l-iskambju tal-aħjar prattiki, il-valutazzjoni komparattiva u t-tabella ta’ valutazzjoni soċjali (BusinessEurope). Xi organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem (CEEP u EuroCommerce) jikkunsidraw Rakkomandazzjoni tal-Kunsill bħala strument xieraq.

    Ir-rekwiżiti minimi xierqa biex jiġu żgurati t-trasferibbiltà u t-trasparenza

    Skont it-trade unions, ix-xejriet tas-suq tax-xogħol jitolbu ċertu standard minimu komuni fil-qasam tal-protezzjoni soċjali (CESI). Jenħtieġ li tiġi garantita portabbiltà sħiħa billi l-intitolamenti tal-protezzjoni soċjali jintrabtu mal-individwi permezz ta’ kalkolu u aggregazzjoni ekwalizzati iżda mingħajr ma jkun hemm individwalizzazzjoni tal-protezzjoni soċjali (ETUC).

    Uħud minn dawk li jħaddmu jaqblu mal-prinċipju tat-trasferibbiltà tad-drittijiet iżda jitolbu valutazzjoni tal-impatt qabel ma jinħolqu realtajiet legalment vinkolanti (ECEG) jew jargumentaw li s-sussidjarjetà hija prevalenti u li jenħtieġ li tingħata preferenza għal immappjar tas-sistemi trasferibbli (HOTREC).

    Oħrajn irrakkomandaw lill-UE biex tillimita ruħha għad-dispożizzjonijiet ġenerali (UAPME) jew jixtiequ li t-trasferibbiltà tiġi limitata għal drittijiet tal-protezzjoni soċjali minimi (EuroCommerce). Il-kost amministrattiv tat-trasferibbiltà jenħtieġ li jinżamm kemm jista’ jkun baxx u jenħtieġ li ma jkun hemm l-ebda kostijiet addizzjonali għall-persuna ġdida li tħaddem biex issegwi d-dispożizzjoni tad-drittijiet trasferiti (CEEP).

    Ir-rieda li jidħlu f’negozjati

    It-trade unions kollha indikaw ir-rieda tagħhom li jidħlu f’negozjati. Madankollu, l-ETUC kienet konvinta li ma għadhomx jeżistu l-kundizzjonijiet għan-negozjati formali u trade unions oħrajn iħeġġu lill-Kummissjoni biex tressaq proposta leġiżlattiva qabel l-elezzjonijiet Ewropej tal-2019. Dawk li jħaddmu mhumiex qed jikkunsidraw li jibdew djalogu skont l-Artikolu 155 TFUE peress li ma jemmnux li hemm il-ħtieġa li tittieħed azzjoni fil-livell tal-UE.

    4. Ir-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika

    Il-konsultazzjoni pubblika miftuħa (OPC) kienet miftuħa mill-20 ta’ Novembru 2017 sal-15 ta’ Jannar 2018. Wieġbu 119-il rispondent lill-OPC, li minnhom 62 kienu organizzazzjonijiet, sebgħa amministrazzjonijiet, 37 ċittadini u 13 oħrajn (eż. istituti tar-riċerka, netwerks). Il-maġġoranza tat-tweġibiet waslu minn pajjiżi b’sistemi ta’ protezzjoni soċjali żviluppati sew bħall-Ġermanja (18), il-Belġju (16), Franza (15) u l-Iżvezja (14). Waslu 15-il dokument ta’ pożizzjoni, l-aktar mill-Ġermanja (5), mill-Belġju (4), minn Franza (2) u mir-Renju Unit (2), u jkopru l-gvernijiet reġjonali u ċentrali, il-fornituri tal-protezzjoni soċjali, il-kooperattivi, l-organizzazzjonijiet ta’ min jaħdem għal rasu, trade union, organizzazzjoni nongovernattiva u kumpanija.

    Sfidi

    “Taqbel mal-identifikazzjoni tal-isfidi deskritti fid-dokument ta’ sfond?”

    Madwar 2/3 tar-rispondenti qablu mal-isfidi li ġew identifikati mill-Kummissjoni. L-aktar li qablu kien dwar id-diskrepanzi fil-kopertura effettiva, segwita mill-kumplessità regolatorja.

    Naqbel (tweġibiet minn 119-il tweġiba)

    Diskrepanzi fil-kopertura formali

    66

    Diskrepanzi fil-kopertura effettiva

    78

    Trasferibbiltà insufiċċjenti

    65

    Trasparenza insufiċċjenti

    69

    Kumplessità regolatorja

    75

    Hemm aktar sfidi

    62

    Prinċipji

    “Taħseb li l-prinċipji ġenerali ta’ politika li ġejjin jenħtieġ li jiġu segwiti b’inizjattiva possibbli tal-UE?”

    Il-maġġoranza l-kbira tar-rispondenti qablu li jenħtieġ li l-prinċipji jiġu segwiti b’azzjoni possibbli tal-UE inklużi l-provvista ta’ protezzjoni soċjali xierqa għall-ħaddiema kollha irrispettivament mir-relazzjoni tax-xogħol tagħhom, l-irbit tad-drittijiet mal-individwi tul ix-xogħol tagħhom u t-trasferibbiltà tad-drittijiet, filwaqt li l-informazzjoni ssir trasparenti u jiġu simplifikati r-rekwiżiti amministrattivi. 14-il rispondent biss qablu mal-għażla li “ma kienet meħtieġa l-ebda azzjoni”

    Naqbel (tweġibiet minn 119-il tweġiba)

    Irrispettivament mit-tip u mid-durata tar-relazzjoni tax-xogħol tagħhom, il-ħaddiema, u f’ċerti kundizzjonijiet simili, dawk li jaħdmu għal rashom, għandhom id-dritt għal protezzjoni soċjali xierqa

    85

    L-irbit tad-drittijiet mal-individwi tul ix-xogħol tagħhom (u mhux mal-kuntratt) u t-trasferibbiltà tad-drittijiet

    72

    Id-drittijiet u l-informazzjoni relatata jsiru trasparenti

    86

    Is-simplifikazzjoni tar-rekwiżiti amministrattivi

    82

    Mhi meħtieġa l-ebda azzjoni

    14

    Għażliet

    Fir-rigward tal-għażliet elenkati, 69,7 % tar-rispondenti qalu li d-drittijiet u l-obbligi tal-protezzjoni soċjali jenħtieġ li jkunu obbligatorji għal kull tip ta’ impjieg, irrispettivament mit-tip ta’ kuntratt u 56,3 % tar-rispondenti jqisu li l-protezzjoni u l-kontribuzzjonijiet obbligatorji tal-ħaddiema mhux standard jenħtieġ li jkunu allinjati mal-livell tal-ħaddiema standard.

    64,7 % tar-rispondenti jaħsbu li d-drittijiet u l-obbligi tal-protezzjoni soċjali jenħtieġ li jkunu obbligatorji għal dawk kollha li jaħdmu għal rashom u 47,1 % tar-rispondenti jaħsbu li l-protezzjoni u l-kontribuzzjonijiet obbligatorji ta’ dawk li jaħdmu għal rashom jenħtieġ li jkunu allinjati mal-livell tal-ħaddiema standard.

    Fl-aħħar nett, 52,94 % tar-rispondenti jaħsbu li skema unika ta’ protezzjoni soċjali li tkopri lil dawk kollha li jkunu f’impjieg tkun l-aktar mod xieraq biex tiġi żgurata kopertura effettiva. Anki 54,6 % tar-rispondenti jqisu li skema unika ta’ protezzjoni soċjali hija xierqa għal dawk li jaħdmu għal rashom.

    Strumenti

    Madwar tliet kwarti tar-rispondenti (72,3 %) enfasizzaw il-ħtieġa għal azzjoni fil-livell tal-UE. 54,6 % tar-rispondenti jqisu l-introduzzjoni ta’ leġiżlazzjoni ġdid tal-UE (eż. direttiva) bħala effettiva ħafna. 4,2 % biss tar-rispondenti jaħsbu li leġiżlazzjoni tal-UE mhux vinkolanti (eż. rakkomandazzjoni tal-Kunsill) tkun effettiva ħafna.

    Impatti

    Skont il-maġġoranza l-kbira tar-rispondenti, l-impatt li jirriżulta milli d-drittijiet tal-protezzjoni soċjali jsiru obbligatorji għall-forom kollha ta’ impjiegi jkun wieħed pożittiv għas-soċjetà Ewropea, għas-suq tax-xogħol, għall-ħaddiema, għall-finanzi pubbliċi u għall-ekonomija.

    “Skont il-valutazzjoni tiegħek, l-impatt li jirriżulta milli d-drittijiet tal-protezzjoni soċjali jsiru obbligatorji f’kull forma ta’ impjieg ikun wieħed pożittiv, newtrali jew negattiv għal: L-ekonomija”

    Pożittiv (tweġibiet minn 119-il tweġiba)

    Il-kompetittività

    73

    Ir-reżiljenza u l-adattabilità

    72

    It-tkabbir ekonomiku

    72

    iżda pjuttost newtrali fuq l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs)

    “Skont il-valutazzjoni tiegħek, l-impatt li jirriżulta milli d-drittijiet tal-protezzjoni soċjali jsiru obbligatorji f’kull forma ta’ impjieg ikun wieħed pożittiv, newtrali jew negattiv għal: L-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju”

    Newtrali (tweġibiet minn 119-il tweġiba)

    Kost

    51

    Il-kompetizzjoni

    45

    Min-naħa l-oħra, l-impatt li jirriżulta milli d-drittijiet tal-protezzjoni soċjali jsiru volontarji fejn bħalissa jeżistu diskrepanzi jkun wieħed newtrali/negattiv fuq is-soċjetà Ewropea, is-suq tax-xogħol, il-ħaddiema, il-finanzi pubbliċi u l-ekonomija.

    “Skont il-valutazzjoni tiegħek, l-impatt li jirriżulta milli d-drittijiet tal-protezzjoni soċjali jsiru volontarji fejn bħalissa jeżistu d-diskrepanzi huwa: L-ekonomija”

    Negattiv (tweġibiet minn 119-il tweġiba)

    Newtrali (tweġibiet minn 119-il tweġiba)

    Il-kompetittività

    45

    43

    Ir-reżiljenza u l-adattabilità

    49

    40

    It-tkabbir ekonomiku

    49

    41

    iżda pjuttost newtrali fuq l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs)

    “Skont il-valutazzjoni tiegħek, l-impatt li jirriżulta milli d-drittijiet tal-protezzjoni soċjali jsiru volontarji fejn bħalissa jeżistu d-diskrepanzi huwa: L-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju”

    Newtrali (tweġibiet minn 119-il tweġiba)

    Kost

    55

    Il-kompetizzjoni

    62

    (1)

    COM (2016) 127 final.

    (2)

     Din il-Komunikazzjoni kienet akkumpanjata minn żewġ Dokumenti ta’ Ħidma tal-Persunal: l-ewwel wieħed jiddeskrivi x-xejriet ekonomiċi, ix-xejriet tas-suq tax-xogħol u dawk soċjetali li fuqhom huwa mibni l-Pilastru u li jenħtieġ li jikkontribwixxi biex jiġu indirizzati; it-tieni wieħed ifakkar l-aktar acquis legali rilevanti fil-livell tal-UE. Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni “Key economic, employment and social trends behind the European Pillar of Social Rights” (Ix-xejriet ewlenin tal-ekonomija, tal-impjieg u tas-soċjetà li fuqhom jissejjes il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali), (SWD (2016) 51), u “The EU social acquis” (L-acquis soċjali tal-UE) (SWD(2016) 50) tat-8 ta’ Marzu 2016.

    (3)

      Is-sit web tal-konferenza .

    (4)

     SWD(2017) 206 final, disponibbli online .

    (5)

     EESC SOC/542, disponibbli online

    (6)

     Opinjoni tal-KtR 2868/2016, disponibbli online .

    (7)

     Riżoluzzjoni tal-PE 2016/2095(INI), disponibbli online .

    Top