EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018PC0378

Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1206/2001 tat-28 ta’ Mejju 2001 dwar kooperazzjoni bejn il-qrati tal-Istati Membri fil-kumpilazzjoni ta' xhieda f'materji ċivili jew kummerċjali

COM/2018/378 final

Brussell, 31.5.2018

COM(2018) 378 final

2018/0203(COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1206/2001 tat-28 ta’ Mejju 2001 dwar kooperazzjoni bejn il-qrati tal-Istati Membri fil-kumpilazzjoni ta' xhieda f'materji ċivili jew kummerċjali

{SEC(2018) 271 final}
{SWD(2018) 284 final}
{SWD(2018) 285 final}


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u għanijiet tal-proposta

Fost il-kompiti tal-UE hemm dak li jiġi żviluppat spazju Ewropew ta’ ġustizzja f’materji ċivili bbażat fuq il-prinċipji ta’ fiduċja reċiproka u r-rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi. L-ispazju tal-ġustizzja jirrikjedi kooperazzjoni ġudizzjarja bejn il-fruntieri. Għal dan il-għan, u biex jiġi ffaċilitat il-funzjonament tajjeb tas-suq intern, l-UE adottat leġiżlazzjoni dwar in-notifika transfruntiera ta’ dokumenti ġudizzjarji 1 u dwar il-kooperazzjoni fil-kumpilazzjoni ta’ xhieda 2 . Dawn l-istrumenti huma kruċjali fir-regolamentazzjoni tal-assistenza ġudizzjarja f’materji ċivili u kummerċjali bejn l-Istati Membri. L-għan komuni tagħhom huwa li jipprovdu qafas effiċjenti għall-koperazzjoni ġudizzjarja transfruntiera. Dawn ħadu post is-sistema internazzjonali, iktar ikkumplikata, preċedenti tal-Konvenzjonijiet tal-Aja 3 bejn l-Istati Membri 4 .

Din il-leġiżlazzjoni dwar il-kooperazzjoni ġudizzjarja għandha impatt reali fuq il-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadini tal-UE, kemm jekk huma individwi privati kif ukoll jekk huma operaturi kummerċjali. Din tiġi applikata fi proċedimenti ġudizzjarji b’implikazzjonijiet transfruntiera, fejn il-funzjonament xieraq tagħha huwa indispensabbli biex jiġi żgurat aċċess għall-ġustizzja u għal proċessi ġusti. L-effiċjenza tal-qafas ta’ assistenza ġudizzjarja internazzjonali għandha impatt dirett fuq il-mod kif iċ-ċittadini involuti f’tali tilwim transfruntier jipperċepixxu l-funzjonament tal-ġudikatura u tal-istat tad-dritt fl-Istati Membri.

Il-kooperazzjoni tajba bejn il-qrati hija neċessarja wkoll għall-funzjonament xieraq tas-suq intern. Fl-2018, madwar 3,4 miljun proċedura tal-qorti ċivili u kummerċjali fl-UE għandhom implikazzjonijiet transfruntiera 5 . F’ħafna proċeduri bħal dawn, hemm il-ħtieġa li x-xhieda tinkiseb minn Stat Membru ieħor; ir-Regolament dwar il-Kumpilazzjoni ta’ Xhieda jipprovdi għodod li jaffċilitaw l-aċċess għal dik ix-xhieda.

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1206/2001 dwar kooperazzjoni bejn il-qrati tal-Istati Membri fil-kumpilazzjoni ta’ xhieda f’materji ċivili jew kummerċjali huwa strument importanti għal kooperazzjoni ġudizzjarja Ewropea, peress li spiss huwa kruċjali li tiġi ppreżentata biżżejjed xhieda lill-qorti biex tiġi ppruvata pretensjoni. Ir-Regolament jistabbilixxi sistema madwar l-UE għat-trażmissjoni diretta u rapida ta’ talbiet għall-kumpilazzjoni u għall-eżekuzzjoni ta’ xhieda bejn il-qrati u jistabbilixxi regoli preċiżi fir-rigward tal-forma u l-kontenut ta’ dawn it-talbiet. B’mod partikolari, huwa għamel titjib fuq il-Konvenzjoni tal-Aja rilevanti billi stabbilixxa sistema moderna u effiċjenti ta’ relazzjonijiet diretti bejn il-qrati (it-trażmissjoni ta’ talbiet u t-trażmissjoni mill-ġdid tax-xhieda kkumpilata) u ssostitwixxa s-sistema diffiċli li fiha t-talbiet kienu jiġu trażmessi mill-qorti fl-Istat Membru A lill-korp ċentrali fl-Istat Membru A, imbagħad lill-korp ċentrali fl-Istat Membru B u finalment lill-qorti fl-Istat Membru B (u viċe versa fit-triq lura). Dan jippermetti wkoll il-kumpilazzjoni diretta ta’ xhieda mill-qrati fl-Istati Membri l-oħra.

Fl-2017, biex tappoġġja analiżi u konklużjonijiet rilevanti, komprensivi u aġġornati dwar it-tħaddim prattiku tar-Regolament (li jikkumplimenta sejbiet minn eżerċizzji ta’ valutazzjoni oħra 6 ), il-Kummissjoni, f’konformità mal-linji gwida dwar regolamentazzjoni aħjar, wettqet valutazzjoni tal-idoneità regolatorja (REFIT), biex jiġi vvalutat it-tħaddim tal-istrument fir-rigward tal-ħames kriterji ta’ valutazzjoni obbligatorji ewlenin ta’ effikaċja, effiċjenza, rilevanza, koerenza u valur miżjud tal-UE.

Is-sejbiet tar-rapport ta’ evalwazzjoni REFIT intużaw bħala bażi għad-definizzjoni tal-problema fil-valutazzjoni tal-impatt li takkumpanja din il-proposta. Skont ir-rapport, il-kuntatti bejn il-korpi maħtura mir-Regolament għadhom kważi esklussivament ibbażati fuq il-karti, li jħallu impatti negattivi fuq l-ispiża u fuq l-effikaċja. Barra minn hekk, il-vidjokonferenzi rari jintużaw biex jinstemgħu persuni fi Stat Membru ieħor. Għalhekk, il-proposta tindirizza l-ħtieġa għal modernizzazzjoni, b’mod partikolari d-diġitalizzazzjoni u l-użu ta’ teknoloġija moderna fil-kumpilazzjoni transkonfinali ta’ xhieda. Hija tindirizza wkoll il-problemi l-oħrajn li ġejjin li ġew enfasizzati mill-evalwazzjoni:dewmien u spejjeż għaċ-ċittadini, in-negozji u l-Istati Membri, nuqqasijiet fil-protezzjoni tad-drittijiet proċedurali u tal-kumplessità u l-inċertezza tad-dritt.

Il-proposta għandha l-għan li ttejjeb il-funzjonament tajjeb tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, u tas-suq intern, billi żżid l-effiċjenza u l-veloċità tal-kumpilazzjoni transkonfinali ta’ xhieda. Hija se tikseb dan billi tadatta r-Regolament (KE) Nru 1206/2001 għall-iżviluppi tekniċi, tisfrutta l-iżvantaġġi tal-diġitalizzazzjoni u tiżgura li l-vidjokonferenzi jintużaw aktar. L-inizjattiva żżid iċ-ċertezza tad-dritt u b’hekk tgħin sabiex jiġu evitati dewmien u kostijiet eċċessivi għaċ-ċittadini, in-negozji u l-amministrazzjonijiet pubbliċi u jiġu indirizzati n-nuqqasijiet fil-protezzjoni tad-drittijiet proċedurali tal-partijiet.

   Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

Din l-inizjattiva hija marbuta mill-qrib mal-inizjattiva li tikkonċerna n-notifika fl-Istati Membri ta’ dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali (notifika ta’ dokumenti), kif irregolat mir-Regolament (KE) Nru 1393/2007.

Il-proposta hija konsistenti ma’ strumenti eżistenti tal-UE adottati fil-qasam ta’ politika tal-kooperazzjoni ġudizzjarja ċivili. Ir-Regolament (KE) Nru 1206/2001 huwa mingħajr preġudizzju għall-iskambju possibbli ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet skont is-sistemi stabbiliti mir-Regolamenti Brussell IIa 7 u dwar il-Manutenzjoni 8 , anki fejn dik l-informazzjoni jkollha valur probatorju, għalhekk l-awtorità rikjedenti hija ħielsa tagħżel l-aktar metodu xieraq.

   Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

Ir-Regolament propost jagħmel parti mill-qafas tal-UE dwar il-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili u kummerċjali u jikkontribwixxi għall-objettiv tal-UE li jiġi stabbilit spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, kif iddefinit fl-Artikolu 3(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u l-Artikolu 67 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). F’dan il-kuntest, l-UE għandha tiżviluppa kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili u kummerċjali b’implikazzjonijiet transkonfinali abbażi tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi u deċiżjonijiet, kif stipulat fl-Artikolu 81 tat-TFUE. Ir-Regolament jikkontribwixxi wkoll għall-objettiv tal-UE li tistabbilixxi suq intern (Artikolu 26 tat-TFUE).

L-aġenda tal-UE dwar il-ġustizzja għall-2020 tenfasizza li, sabiex tissaħħaħ il-fiduċja reċiproka bejn is-sistemi ġudizzjarji tal-Istati Membri, għandha tiġi eżaminata l-ħtieġa li jissaħħu d-drittijiet proċedurali ċivili, pereżempju fir-rigward tal-kumpilazzjoni ta’ xhieda 9 . L-għan li jitjieb il-qafas tal-kooperazzjoni ġudizzjarja fl-UE huwa konformi wkoll mal-objettivi stabbiliti mill-Kummissjoni fl-istrateġija dwar is-suq uniku diġitali 10 : fil-kuntest tal-gvern elettroniku, l-istrateġija tesprimi l-ħtieġa għal aktar azzjoni biex tiġi mmodernizzata l-amministrazzjoni pubblika (inkluża dik ġudizzjarja), tintlaħaq interoperabilità transfruntiera u tiġi ffaċilitata interazzjoni faċli maċ-ċittadini.

Għaldaqstant, fil-programm ta’ ħidma tagħha għall-2018, il-Kummissjoni għamlet impenn li tħejji proposta li tirrevedi r-Regolament dwar il-kumpilazzjoni ta’ xhieda 11 .

2.    BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

   Bażi ġuridika

Il-bażi ġuridika tal-proposta hija l-Artikolu 81 tat-TFUE (kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili li jkollhom implikazzjonijiet transkonfinali). Il-punt (d) fl-Artikolu 81(2) jagħti lill-UE s-setgħa li tadotta miżuri mmirati biex jiżguraw il-kooperazzjoni fil-kumpilazzjoni ta’ xhieda.

   Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

Il-problemi li għandhom jiġu indirizzati mill-inizjattiva jinqalgħu fi proċedimenti ġudizzjarji transkonfinali (li b’definizzjoni huma lil hinn mill-kapaċitajiet tas-sistemi legali nazzjonali) u jirriżultaw jew minħabba kooperazzjoni insuffiċjenti bejn il-qrati tal-Istati Membri jew minħabba interoperabbiltà u koerenza insuffiċjenti bejn is-sistemi domestiċi u l-ambjenti ġuridiċi. Ir-regoli fil-qasam tal-liġi internazzjonali privata huma stabbiliti fir-regolamenti, għaliex dak huwa l-uniku mod kif tiġi żgurata l-uniformità mixtieqa. Filwaqt li fil-prinċipju ma hemm xejn li jwaqqaf lill-Istati Membri milli jiddiġitalizzaw il-mod kif jikkomunikaw, l-esperjenza tal-imgħoddi u l-projezzjonijiet ta’ dak li se jiġri mingħajr azzjoni tal-UE juru li l-progress ikun bil-mod ħafna u li, anki fejn l-Istati Membri jieħdu azzjoni, mingħajr qafas taħt id-dritt tal-UE ma tistax tiġi żgurata l-interoperabbiltà. L-objettiv tal-proposta għalhekk ma jistax jintlaħaq b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri nfushom u jista’ jinkiseb biss fil-livell tal-Unjoni.

Il-valur miżjud tal-UE jinsab fit-titjib ulterjuri tal-effiċjenza u tal-ħeffa tal-proċeduri ġudizzjarji, permezz tas-simplifikazzjoni u l-aċċellerazzjoni tal-mekkaniżmi ta’ koperazzjoni fir-rigward tal-kumpilazzjoni ta’ xhieda u b’hekk titjieb l-amministrazzjoni tal-ġustizzja f’każijiet b’implikazzjonijiet transkonfinali.

   Proporzjonalità

Il-proposta tikkonforma mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, għaliex hija strettament limitata għal dak li hu meħtieġ biex jintlaħqu l-għanijiet tagħha. Hija ma tinterferixxix mal-arranġamenti nazzjonali diverġenti għall-kumpilazzjoni ta’ xhieda

3.    RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT

   Evalwazzjonijiet ex post / kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Ir-riżultati tal-evalwazzjoni ex-post tar-Regolament (KE) Nru 1206/2001, li takkumpanja l-valutazzjoni tal-impatt, jistgħu jiġu ppreżentati fil-qosor kif ġej:

B’mod ġenerali, ir-Regolament għamel kontribut biex jintlaħqu l-objettivi ġenerali, speċifiċi u operattivi tiegħu. L-introduzzjoni ta’ metodi komuni għall-kumpilazzjoni ta’ xhieda ntlaqgħet mill-prattikanti. L-introduzzjoni ta’ forom u kanali ta’ komunikazzjoni standard iffaċilitat il-komunikazzjoni. Ir-Regolament tejjeb l-effiċjenza tal-proċedimenti legali — kemm meta mqabbel mal-Konvenzjoni tal-Aja kif ukoll maż-żmien bejn l-2001 u l-2017. Għaldaqstant, huwa jikkontribwixxi għal spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, u għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern. Huwa jżid il-fiduċja reċiproka bejn il-qrati u jgħin inaqqas il-piż għaċ-ċittadini u n-negozji impenjati fi proċedimenti transkonfinali.

Ġew identifikati għadd ta’ ostakli li jindikaw li hemm lok għal titjib. Dawn l-ostakoli huma relatati l-aktar ma’ dewmien u spejjeż għan-negozji u għaċ-ċittadini kkawżati min-nuqqas tal-isfruttament ta’ teknoloġiji moderni għal komunikazzjoni aktar rapida u l-kumpilazzjoni diretta ta’ xhieda. L-aktar eżempji notevoli huma n-nuqqas tal-użu tal-komunikazzjoni elettronika fi skambji bejn il-qrati u l-awtoritajiet tal-Istati Membri, li fil-parti l-kbira tagħhom għadhom ibbażati fuq il-karti, u l-użu marġinali tal-komunikazzjoni elettronika, b’mod partikolari l-vidjokonferenzi, għall-kumpilazzjoni diretta ta’ xhieda. Ir-Regolament bħalissa ma jirrikjedix l-adozzjoni ta’ teknoloġiji moderni fil-ġudikatura; il-fatt li din tiddependi biss fuq l-isforzi individwali tal-Istati Membri u l-mixja ġenerali lejn id-diġitalizzazzjoni wasslet għal progress bil-mod ħafna, kemm f’termini assoluti kif ukoll meta mqabbel mal-użu ta’ teknoloġiji moderni f'ambjenti domestiċi.

   Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Il-Kummissjoni wettqet konsultazzjoni estensiva mal-partijiet ikkonċernati. Konsultazzjoni pubblika waħda li damet għaddejja mit-8 ta’ Diċembru 2017 sat-2 ta’ Marzu 2018 indirizzat kemm ir-Regolament (KE) Nru 1393/2007 kif ukoll ir-Regolament (KE) Nru 1206/2001. Waslu total ta’ 131 kontribuzzjoni (b’mod partikolari mill-Polonja, segwita mill-Ġermanja, mill-Ungerija u mill-Greċja). Żewġ laqgħat iddedikati tan-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew indirizzaw il-problemi prattiċi u t-titjib possibbli taż-żewġ Regolamenti. Saru laqgħat iddedikati mal-esperti governattivi tal-Istati Membri. Ġie organizzat workshop għal partijiet ikkonċernati magħżula b’interess partikolari f'materji relatati ma’ proċeduri legali transkonfinali. Ir-riżultati ta’ dawn il-konsultazzjonijiet kienu ġeneralment pożittivi u wrew ħtieġa ta’ azzjoni.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni żammet djalogu regolari mal-partijiet ikkonċernati u l-Istati Membri permezz tal-grupp espert tal-Kunsill dwar is-servizz elettroniku ta’ dokumenti u komunikazzjonijiet elettroniċi, li jiltaqa’ bejn erba’ u sitt darbiet fis-sena.

   Ġbir u użu tal-għarfien espert

Grupp ta’ esperti dwar il-modernizzazzjoni tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji ċivili u kummerċjali kellu sitt laqgħat bejn Jannar u April 2018. Studju tal-2016 minn konsorzju mmexxi mill-Università ta’ Maribor wassal għal analiżi komparattiva tal-liġi dwar ix-xhieda f'26 Stat Membru 12 .

   Valutazzjoni tal-impatt

Din il-proposta hi sostnuta minn valutazzjoni tal-impatt kif ippreżentata fid-dokument ta’ ħidma tal-persunal SWD(2018) 285, li jakkumpanjaha.

Ġiet ikkunsidrata firxa ta’ għażliet, minn azzjoni mhux leġiżlattiva għal azzjoni leġiżlattiva b’livelli varji ta’ ambizzjoni.

L-għażla ppreferuta hija pakkett ta’ politika li jinvolvi numru ta’ miżuri:

l-użu ta’ trażmissjoni elettronika bħala l-kanal ta’ komunikazzjoni elettronika awtomatiku u l-iskambji tad-dokumenti;

il-promozzjoni ta’ mezzi moderni fil-kumpilazzjoni ta' xhieda bħal vidjokonferenzi jekk persuna teħtieġ tinstema’ minn Stat Membru ieħor u inċentivi (permezz ta’ finanzjament ta’proġetti nazzjonali) għall-Istati Membri biex jgħammru lill-qrati b’faċilitajiet ta’ vidjokonferenzi;

it-tneħħija ta’ ostakoli legali għall-aċċettazzjoni ta’ xhieda elettronika (diġitali);

l-indirizzar ta’ interpretazzjonijiet diverġenti tat-terminu "qorti";

il-komunikazzjoni tal-importanza tal-istandards uniformi pprovduti bir-Regolament (proċeduri ssimplifikati, standard ugwali ta’ protezzjoni tad-dritt tal-partijiet involuti);

l-aħjar prattiki għall-qrati kompetenti, biex jgħinuhom japplikaw il-proċeduri kif suppost u mingħajr dewmien; kif ukoll

sensibilizzazzjoni tal-qrati u tal-professjonisti legali dwar id-disponibbiltà tal-mezz dirett fil-kumpilazzjoni ta’ xhieda skont ir-Regolament.

Il-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju rreveda l-abbozz tal-valutazzjoni tal-impatt fil-laqgħa tiegħu tat-3 ta' Mejju 2018 u ta opinjoni pożittiva flimkien ma’ kummenti fis-7 ta’ Mejju 2018. Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Bord.ġew ikkunsidrati. B’mod partikolari, il-verżjoni riveduta tar-rapport tispjega aħjar ir-relazzjoni bejn iż-żewġ inizjattivi dwar kooperazzjoni ġudizzjarja (notifika ta’dokumenti u kumpilazzjoni ta’xhieda), il-kuntest usa’ u r-raġunijiet għaliex ir-Regolament jirrappreżenta pass ’il quddiem sinifikanti meta mqabbel mal-Konvenzjoni tal-Aja dwar il-Kumpilazzjoni ta’ Xhieda. Barra minn hekk, il-problemi ewlenin u l-linja bażi huma identifikati u spjegati aħjar u t-taqsimiet dwar is-sussidjarjetà u l-valur miżjud tal-UE ġew imtejba. Barra minn hekk, il-konklużjonijiet tal-evalwazzjoni rigward l-effettività ġew żviluppati aktar u l-valutazzjoni tal-għażliet politiċi tiffoka fuq il-kwistjonijiet ewlenin (komunikazzjoni elettronika u l-użu ta’ vidjokonferenzi).

   Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

L-inizjattiva hija inkluża fil-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni għall-2018 taħt l-inizjattivi ta’ REFIT fil-qasam tal-ġustizzja u d-drittijiet fundamentali bbażati fuq fiduċja reċiproka 13 .

Permezz tal-pjattaforma REFIT, il-partijiet interessati rrakkomandaw li l-Kummissjoni tesplora l-ambitu biex tħaffef il-kumpilazzjoni ta’ xhieda fi Stati Membri oħra.

Il-pakkett tal-politika huwa mistenni li jiġġenera benefiċċji għaċ-ċittadini u n-negozji involuti fi proċeduri transkonfinali. Ċertezza legali mtejba u proċeduri aktar mgħaġġla u li jiswew inqas, jgħinu biex iċ-ċittadini u n-negozji jitħeġġu biex jinvolvu ruħhom fi tranżazzjonijiet transkonfinali u b’hekk jistimulaw negozju transkonfinali u jtejbu l-funzjonament tas-suq intern. Għall-Istati Membri, it-trasmissjoni elettronika u l-vidjokonferenzi se jiġġeneraw xi spejjeż, iżda dawn huma ta’ darba, filwaqt li l-benefiċċji huma kontinwi u jiġġeneraw iffrankar tal-ispejjeż (eż. jiswa inqas flus li tisma’ xhud permezz ta’ vidjokonferenza milli wiċċ imb'wiċċ). Barra minn hekk, l-ispejjeż relatati speċifikament ma’ dan ir-Regolament se jittaffew permezz ta’ diġitalizzazzjoni akbar tal-ġudikatura b’mod ġenerali. B’mod ġenerali, jidher ċar li l-benefiċċji huma sostanzjalment akbar mill-ispejjeż. In-negozji jibbenefikaw minn titjib bħala partijiet fi proċedimenti ġudizzjarji. Effetti oħrajn se jkunu relattivament newtrali.

Ir-Regolament se jipprovdi wkoll għar-rikonoxximent reċiproku ta’ xhieda f’format diġitali. Dan mhux biss inaqqas il-piż għaċ-ċittadini u n-negozju fi proċedimenti, iżda jillimita wkoll il-każijiet fejn ix-xhieda elettronika tkun miċħuda.

   Drittijiet fundamentali

F'konformità mal-aġenda tal-ġustizzja tal-UE għall-2020, il-proposta tindirizza l-ħtieġa li jissaħħu d-drittijiet proċedurali ċivili, sabiex tissaħħaħ il-fiduċja reċiproka bejn is-sistemi tal-ġustizzja tal-Istati Membri.

L-introduzzjoni ta’ mezzi elettroniċi ta’ komunikazzjoni u l-użu akbar ta’ vidjokonferenzi huma mistennija li jtejbu l-aċċess għall-ġustizzja taċ-ċittadini u tan-negozji.

Il-miżuri ta’ diġitalizzazzjoni proposti jieħdu inkunsiderazzjoni r-rekwiżiti tal-protezzjoni tad-data u l-privatezza: is-sistema li għandha tiġi introdotta għall-iskambji elettroniċi bejn il-qrati magħżula għandu jkollha soluzzjoni teknika kompletament affidabbli u sikura li tiżgura l-integrità u l-privatezza tad-data trażmessa. Sett definit minn qabel ta’ utenti tas-sistema (il-qrati u l-awtoritajiet ġudizzjarji biss tal-Istati Membri) jagħti garanzija addizzjonali li d-data personali se tiġi ttrattata b’mod xieraq. Barra minn hekk, is-sistema għandha tintroduċi struttura deċentralizzata, li tippermetti komunikazzjoni direttament bejn il-punti aħħarija tagħha u b’hekk tnaqqas ir-riskju billi timminimizza n-numru ta’ proċessuri tad-data.

Fatturi esterni importanti fir-rigward tal-protezzjoni tad-data personali fil-kuntest tal-pakkett ta’ politika propost huma:

ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (GDPR) 14 , li beda japplika minn Mejju 2018, li għandu jżid l-għarfien u azzjoni fil-pront biex jiżgura s-sigurtà u l-integrità tal-bażijiet ta’ data, u reazzjonijiet fil-pront għal ksur tal-privatezza fil-ġudikatura; kif ukoll

theddid persistenti għas-sigurtà ċibernetika fis-settur pubbliku. It-tentattivi ta’ attakki fuq l-infrastruttura pubblika tal-IT huma mistennija li jipproliferaw u li jaffettwaw il-ġudikatura fl-Istati Membri; l-impatt tagħhom jista’ jiġi aggravat mill-interkonnessjoni dejjem tikber tas-sistemi tal-IT (kemm f’livell nazzjonali kif ukoll f’livell tal-UE).

Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rappurtar

F’konformità mal-paragrafi 22 u 23 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 15 , meta it-tliet istituzzjonijiet ikkonfermaw li l-valutazzjonijiet tal-leġiżlazzjoni u l-politika eżistenti għandhom jipprovdu l-bażi għall-valutazzjonijiet tal-impatt tal-għażliet għal aktar azzjoni, ir-Regolament se jiġi evalwat u l-Kummissjoni se tissottometti rapport lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew sa mhux aktar tard minn ħames snin wara d-data tal-applikazzjoni tiegħu. L-evalwazzjoni se tivvaluta l-effetti tar-Regolament fil-konkret ibbażat fuq indikaturi u analiżi dettaljata tal-livell li bih ir-Regolament jista’ jitqies relevanti, effettiv u effiċjenti, jipprovdi biżżejjed valur miżjud tal-UE u huwa koerenti ma’ politiki oħra tal-UE. L-evalwazzjoni se tinkludi tagħlim miksub biex ikun identifikat kull nuqqas/problema jew kull potenzjal li jista’ jtejjeb aktar l-impatt tar-Regolament. L-Istati Membri se jipprovdu lill-Kummissjoni l-informazzjoni neċessarja għat-tħejjija tar-rapport.

4.    IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Il-proposta ma timponix spejjeż sinifikanti fuq l-amministrazzjonijiet nazzjonali, iżda pjuttost twassal għal tfaddil. L-awtoritajiet nazzjonali huma mistennija li jibbenefikaw minn proċeduri legali aktar effiċjenti u piżijiet amministrattivi u kost lavorattiv imnaqqsa.

L-ispejjeż relatati mal-iżvilupp, l-implimentazzjoni u l-manutenzjoni ta’ komunikazzjoni elettronika u skambji ta’ dokumenti, u għall-akkwist, l-implimentazzjoni u tħaddim ta’ tagħmir tal-vidjokonferenzi professjonali ta’ livell għoli jistgħu jiġu kofinanzjati.

L-opportunitajiet ewlenin ta’ finanzjament tal-UE taħt il-programmi finanzjarji attwali huma l-programm Ġustizzja u l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (CEF). Il-programm tal-Ġustizzja (baġit tal-2018: EUR 45,95 miljun) jappoġġja l-kapaċitajiet ta’ infurzar u ta’ rimedju fl-Istati Membri fil-qasam tal-ġustizzja ċivili u l-prijoritajiet ta’ finanzjament futuri tiegħu jiffukaw fuq dawn l-elementi, li huma wkoll rilevanti għall-inizjattiva attwali. Is-CEF għandu baġit ħafna akbar (EUR 130,33 miljun fl-2018) u joffri appoġġ finanzjarju għal proġetti tal-IT li jiffaċilitaw interazzjoni transkonfinali bejn amministrazzjonijiet pubbliċi, negozji u ċittadini. Diġà qed jintuża b’mod wiesa’ biex jiffinanzja xogħol ta’ diġitalizzazzjoni u ġustizzja elettronika fil-qasam tal-ġustizzja ċivili, inkluż il-portal Ewropew tal-ġustizzja elettronika u integrazzjoni ta’ dokumenti pubbliċi fis-sistemi nazzjonali ta’ gvern elettroniku u s-Sistema ta’ Interkonnessjoni tar-Reġistri Kummerċjali (BRIS). Il-pakkett ta’ Qafas Finanzjarju Pluriennali (MFF) għall-prijorità tat-trasformazzjoni diġitali, kif imfisser fit-2 ta’ Mejju 2018, jinkludi EUR 3 biljun għal linja diġitali tas-CEF, biex jiffinanzja infrastruttura ta’ konnettività diġitali.

5.ELEMENTI OĦRA

   Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar

Se jiddaħħlu fis-seħħ arranġamenti sodi għall-monitoraġġ tar-Regolament, inkluż sett komprensiv ta’ indikaturi kwalitattivi u kwantitattivi, u proċess ta’ rapportar u monitoraġġ ċar u strutturat. Dan huwa importanti biex jiġi żgurat li l-emendi jiġu implimentati b’mod effiċjenti fl-Istati Membri u jiġi vverifikat jekk ir-Regolament kienx ta’ suċċess fl-ilħuq tal-għanijiet tiegħu.

Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

Artikolu 1(4)

Bħalissa, it-terminu "qorti" mhuwiex definit u dan wassal għal interpretazzjonijiet diverġenti fost l-Istati Membri. Xi wħud iqisuh bħala li jirreferi biss għat-tribunali tradizzjonali, filwaqt li oħrajn jesegwixxu wkoll talbiet minn awtoritajiet ġudizzjarji oħrajn (eż. nutara pubbliċi) jekk ikollhom is-setgħa skont il-liġijiet nazzjonali tagħhom biex iwettqu kompiti ta’ kumpilazzjoni ta’ xhieda. Dawn l-inċertezzi għandhom jiġu eliminati b’definizzjoni tal-kunċett ta’ "qorti".

Artikolu 6

Din l-emenda tintroduċi t-trażmissjoni elettronika mandatorja, bħala regola, ta’ talbiet u komunikazzjonijiet skont ir-Regolament (paragrafu 1). F’każijiet eċċezzjonali, jiġifieri fejn is-sistema hija interrotta jew mhux adatta għat-trażmissjoni inkwistjoni (eż. trażmissjoni ta’ kampjun tad-DNA bħala prova), xorta jistgħu jintużaw kanali oħra (paragrafu 4).

Artikoli 17 u 17a

L-iskop tal-emendi proposti huwa li jiġi żgurat użu aktar xieraq, aktar frekwenti u aktar mgħaġġel tal-kumpilazzjoni diretta tax-xhieda skont l-Artikolu 17 permezz ta’ vidjokonferenza, meta disponibbli għall-qrati inkwistjoni u meta xierqa fid-dawl taċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-każ.

Artikolu 17b

L-iskop ta’ dan l-Artikolu ġdid huwa li jiffaċilita l-kumpilazzjoni ta’ xhieda minn uffiċjali diplomatiċi jew minn aġenti konsulari. L-Artikolu jipprevedi li dawn il-persuni jistgħu, fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor u fiż-żona fejn jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom, jagħmlu kumpilazzjoni ta’ xhieda mingħajr il-ħtieġa għal talba minn qabel, billi jinstemgħu ċittadini tal-Istat Membru li jirrappreżentaw mingħajr obbligazzjoni fil-kuntest tal-proċedimenti pendenti fil-qrati ta’ dak l-Istat Membru.

Artikolu 18a

Dan l-Artikolu ġdid għandu jiżgura li x-xhieda diġitali kkumpilata skont il-liġi tal-Istat Membru fejn kienet ġiet ikkumpuilata ma tiġix irrifjutata bħala xhieda fi Stati Membri oħra biss minħabba n-natura diġitali tagħha.

Artikoli 19 u 20

Dawn l-emendi jġibu r-Regolament konformi mal-Artikolu 290 tat-TFUE.

Artikolu 22a

Din id-dispożizzjoni tistabbilixxi li l-Kummissjoni għandha tistabbilixxi programm dettaljat għall-monitoraġġ tal-eżiti, tar-riżultati u tal-impatti ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 23

Din id-dispożizzjoni tistabbilixxi li l-Kummissjoni għandha twettaq valutazzjoni ta’ dan ir-Regolament f’konformità mal-Linji Gwida tal-Kummissjoni dwar regolamentazzjoni aħjar u skont il-paragrafu 22 u 23 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016, u tippreżenta rapport dwar is-sejbiet ewlenin lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew.

2018/0203 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1206/2001 tat-28 ta’ Mejju 2001 dwar kooperazzjoni bejn il-qrati tal-Istati Membri fil-kumpilazzjoni ta' xhieda f'materji ċivili jew kummerċjali

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 81 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara t-trasmissjoni tal-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 16 ,

Waqt li jaġixxu skont il-proċedura ordinarja leġiżlattiva,

Billi:

(1)Fl-interess tal-funzjonament tajjeb tas-suq intern, huwa meħtieġ li tkompli tittejjeb u titħaffef il-kooperazzjoni bejn il-qrati fil-kumpilazzjoni tax-xhieda.

(2)Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1206/2001 17 jistabilixxi r-regoli dwar kooperazzjoni bejn il-qrati tal-Istati Membri fil-kumpilazzjoni ta’ xhieda f’materji ċivili jew kummerċjali

(3)Sabiex tiġi żgurata t-trażmissjoni rapida tat-talbiet u l-komunikazzjonijiet, jenħtieġ li jintużaw il-mezzi kollha xierqa ta’ teknoloġija tal-komunikazzjoni moderna. Għalhekk, bħala regola, il-komunikazzjoni u l-iskambji tad-dokumenti kollha jenħtieġ li jitwettqu permezz ta’ sistema tal-IT deċentralizzata magħmula minn sistemi tal-IT nazzjonali.

(4)Sabiex jiġi żgurat ir-rikonoxximent reċiproku tax-xhieda diġitali, tali xhieda meħuda fi Stat Membru skont il-liġi tiegħu m’għandhiex tiġi miċħuda r-rikonoxximent bħala xhieda fi Stati Membri oħra biss minħabba n-natura diġitali tagħha.

(5)Ir-Regolament (KE) Nru 1206/2001 għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li l-awtoritajiet jiskambjaw informazzjoni taħt sistemi stabbiliti permezz ta’ strumenti oħra tal-Unjoni, bħar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 18 jew ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 4/2009 19 , anki fejn dik l-informazzjoni għandha valur evidenzjarju, u b’hekk tħalli l-għażla tal-iktar metodu adattat f’idejn l-awtorità rikjedenti.

(6)It-teknoloġija tal-komunikazzjoni moderna, b’mod partikolari l-vidjokonferenza, li hija mezz importanti biex tiġi ssimplifikata u aċċellerata l-kumpilazzjoni ta’ xhieda, bħalissa mhux qed tintuża fil-potenzjal sħiħ tagħha. Fejn għandha tiġi kkumpilata xhieda billi tinstema’ persuna domiċiljata fi Stat Membru ieħor bħala xhud, parti jew espert, il-qorti għandha tieħu dik ix-xhieda direttament permezz ta’ vidjokonferenza, jekk tkun disponibbli għall-qrati rispettivi, fejn tqis li l-użu ta’ din it-teknoloġija hija xierqa minħabba ċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-każ.

(7)Sabiex jiffaċilitaw il-kumpilazzjoni ta’ xhieda minn uffiċjali diplomatiċi jew aġenti konsulari, tali persuni jistgħu, fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor u fiż-żona fejn jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom, jagħmlu kumpilazzjoni ta’ xhieda mingħajr il-ħtieġa għal talba minn qabel billi jisimgħu ċittadini tal-Istat Membru li jirrappreżentaw mingħajr kompulsjoni fil-kuntest ta’ proċedimenti pendenti fil-qrati tal-Istat Membru li jirrappreżentaw.

(8)Minħabba li l-objettivi ta’ dan ir-Regolament ma jistgħux jintlaħqu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri u jistgħu pjuttost, minħabba l-ħolqien ta’ qafas legali li jiżgura t-trażmissjoni rapida ta’ talbiet u komunikazzjonijiet dwar il-prestazzjoni tal-kumpilazzjoni ta’ xhieda, jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità kif stabbilit f’dan l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dan l-għan.

(9)F'konformità mal-Artikolu 3 u l-Artikolu 4a(1) tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u tal-Irlanda fir-rigward taż-żona ta' libertà, sigurtà u ġustizzja, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, ir-[Renju Unit] [u] l-[Irlanda] [innotifikaw/innotifika/innotifikat ix-xewqa tagħhom/tiegħu/tagħha li jieħdu/jieħu/tieħu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni tar-Regolament preżenti] [mhux se jieħdu/jieħu/tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u mhumiex/mhux/mhix marbutin/marbut/marbuta bih jew suġġetti/suġġett/suġġetta għall-applikazzjoni tiegħu].

(10)Skont l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhux qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u mhijiex marbuta bih jew soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu.

(11)Sabiex jiġu aġġornati l-formoli standard fl-Annessi jew biex isiru bidliet tekniċi għal dawk il-formoli, is-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għandha tiġi delegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-emendi għall-Annessi. Huwa ta’ importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet adatti waqt il-ħidma preparatorja tagħha, inkluż fil-livell tal-esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jitwettqu f'konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet*. B’mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija tal-atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin bħall-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi ta’ esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta’ atti delegati.

----------------------------

*Il-Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tat-13 ta’ April 2016; ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.

(12)F’konformità mal-paragrafi 22 u 23 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet, jenħtieġ li l-Kummissjoni twettaq evalwazzjoni ta’ dan ir-Regolament abbażi tal-informazzjoni miġbura permezz ta’ arranġamenti ta’ monitoraġġ speċifiċi, sabiex tivvaluta l-effetti reali tar-Regolament u l-ħtieġa għal kwalunkwe azzjoni ulterjuri.

(13)Għaldaqstant, ir-Regolament (KE) Nru 1206/2001 għandu jiġi emendat kif xieraq.

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 1206/2001 huwa emendat kif ġej:

(1)Fl-Artikolu 1, jiżdied il-paragrafu 4 kif ġej:

“4. F’dan ir-Regolament, it-terminu "qorti" għandu jfisser kull awtorità ġudizzjarja fi Stat Membru li hija kompetenti għat-twettiq tal-kumpilazzjoni ta’ xhieda skont dan ir-Regolament.";

(2)L-Artikolu 6 qed jinbidel b’dan li ġej:

Artikolu 6
Trasmissjoni ta’ talbiet u komunikazzjonijiet oħra

1.It-talbiet u l-komunikazzjonijiet skont dan ir-Regolament għandhom jiġu trażmessi permezz ta’ sistema tal-IT deċentralizzata magħmula minn sistemi tal-IT nazzjonali interkonnessi minn infrastruttura ta’ komunikazzjoni li tippermetti l-iskambju transkonfinali sigur u affidabbli bejn is-sistemi tal-IT nazzjonali.

2.Il-qafas legali ġenerali għall-użu ta’ servizzi fiduċjarji stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 910/2014 20 għandu japplika għat-talbiet u komunikazzjonijiet trasmessi permezz tas-sistema tal-IT deċentralizzata msemmija fil-paragrafu 1.

3.Fejn it-talbiet u l-komunikazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 jeħtieġu jew ikollhom siġill jew firma miktuba bl-idejn, minflok jistgħu jintużaw "siġilli elettroniċi kkwalifikati" u "firem elettroniċi kkwalifikati", kif definiti fir-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

4.Jekk it-trażmissjoni skont il-paragrafu 1 mhix possibbli minħabba tfixkil mhux previst u eċċezzjonali tas-sistema tal-IT deċentralizzata jew fejn tali trasmissjoni mhix possibbli f'każijiet eċċezzjonali oħrajn, it-trażmissjoni għandha ssir bl-iktar mezzi mgħaġġla possibbli, li l-Istat Membru mitlub ikun indika li jista’ jaċċetta.

(3)L-Artikolu 17 huwa emendat kif ġej:

(a)jitħassar il-paragrafu 2;

(b)fil-paragrafu 4, it-tielet subparagrafu huwa mibdul b’dan li ġej:

"Fejn fi żmien 30 jum minn meta tintbagħat it-talba, il-qorti rikjedenti ma tkunx irċeviet informazzjoni dwar jekk it-talba ġietx aċċettata, it-talba għandha titqies bħala aċċettata.”

(4)jiddaħħal l-Artikolu 17a kif ġej:

“Artikolu 17a

Kumpilazzjoni diretta ta' xhieda permezz ta’ vidjokonferenza

1.Fejn għandha tiġi kkumpilata xhieda billi tinstema’ persuna domiċiljata fi Stat Membru ieħor bħala xhud, parti jew espert u l-qorti ma titlobx lill-qorti kompetenti ta’ Stat Membru ieħor biex tagħmel kumpilazzjoni tax-xhieda skont l-Artikolu 1(1)(a), il-qorti għandha tagħmel kumpilazzjoni tax-xhieda direttament skont l-Artikolu 17 permezz ta’ vidjokonferenza, jekk tkun disponibbli għall-qrati rispettivi, fejn tqis li l-użu ta’ din it-teknoloġija hija xierqa minħabba ċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-każ.

2.Fejn issir talba għal kumpilazzjoni diretta tax-xhieda permezz ta’ vidjokonferenza, is-smigħ għandu jsir fil-bini ta’ qorti. Il-qorti rikjedenti u l-korp ċentrali jew l-awtorità kompetenti msemmija fl-Artikolu 3(3) jew il-qorti li fil-bini tagħha għandha tinżamm is-seduta għandha taqbel dwar l-arranġamenti prattiċi għall-vidjokonferenza.

3.Fejn ix-xhieda tittieħed bil-vidjokonferenza:

(a)il-korp ċentrali jew l-awtorità kompetenti msemmija fl-Artikolu 3(3) fl-Istat Membru rikjest jistgħu jassenjaw qorti biex tieħu sehem fit-twettiq tal-kumpilazzjoni tax-xhieda sabiex jiġi żgurat ir-rispett tal-prinċipji fundamentali tal-liġi tal-Istat Membru rikjest;

(b)jekk ikun meħtieġ, fuq talba tal-qorti rikjedenti, il-persuna li se tinstema’ jew l-imħallef fl-Istat Membru rikjest li jipparteċipa fis-seduta, il-korp ċentrali jew l-awtorità kompetenti msemmija fl-Artikolu 3(3) għandhom jiżguraw li l-persuna li se tinstema’ jew l-imħallef ikun assistit minn interpretu.";

(5)jiddaħħal l-Artikolu 17b kif ġej:

Artikolu 17b

Kumpliazzjoni ta’ xhieda minn uffiċjali diplomatiċi jew aġenti konsulari

Uffiċjali diplomatiċi jew aġenti konsulari ta’ Stat Membru jistgħu, fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor u fiż-żona fejn jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom, jagħmlu kumpilazzjoni ta’ xhieda mingħajr il-ħtieġa għal talba minn qabel skont l-Artikolu 17(1), billi jisimgħu ċittadini ta’ Stat Membru li jirrappreżentaw mingħajr kompulsjoni fil-kuntest ta’ proċedimenti pendenti fil-qrati tal-Istat Membru li huma jirrappreżentaw.";

(6)it-Taqsima 6 li ġejja tiddaħħal wara l-Artikolu 18:

“Taqsima 6

Rikonoxximent reċiproku

Artikolu 18a

Xhieda diġitali meħuda fi Stat Membru skont il-liġi tiegħu m’għandhiex tiċċaħħad mill-kwalità ta’ xhieda fi Stati Membri oħra biss minħabba n-natura diġitali tagħha.";

(7)fl-Artikolu 19, il-paragrafu 2 qed jinbidel b’dan li ġej:

“2. Il-Kummissjoni għandha s-setgħat li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 20 li jemenda l-Annessi sabiex taġġorna l-formoli standard jew sabiex tagħmel bidliet tekniċi għal dawn il-formoli.”;

(8)L-Artikolu 20 qed jinbidel kif ġej:

Artikolu 20

Eżerċizzju tad-delega

1.Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta att delegat soġġett għall-kundizzjonijiet stipulati f'dan l-Artikolu.

2.Is-setgħa ta’ adozzjoni tal-atti delegati msemmija fl-Artikolu 19(2) għandha tingħata llil-Kummissjoni għal perjodu indeterminat ta’ żmien mid-...[data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament].

3.Id-delega ta’ setgħa msemmija fl-Artikolu 19(2) tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta’ revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħat speċifikati f’din id-deċiżjoni. Din għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fiha. Din ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ xi att delegat li jkun fis-seħħ.

4.Qabel tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti nnominati minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet 21 .

5.Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(9)Att delegat adottat skont l-Artikolu 19(2) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk la l-Parlament Ewropew u lanqas il-Kunsill ma jkunu oġġezzjonaw għalih fi żmien xahrejn minn meta jkunu ġew mgħarrfin bih jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, kemm il-Parlament Ewropew kif ukoll il-Kunsill ikunu għarrfu lill-Kummissjoni li mhumiex se joġġezzjonaw għalih. Dan il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.”

(10)Jiddaħħal l-Artikolu 22a kif ġej:

“Artikolu 22a

Monitoraġġ

1.Sa mhux aktar tard minn [sentejn mid-data ta’ dħul fis-seħħ], il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi programm dettaljat għall-monitoraġġ tal-eżiti, tar-riżultati u tal-impatti ta’ dan ir-Regolament.

2.Il-programm ta’ monitoraġġ għandu jistipula l-mezzi li permezz tagħhom se tinġabar id-data flimkien ma’ xhieda oħra meħtieġa, u l-intervalli li fihom se jsir dan. Huwa għandu jispeċifika l-azzjoni li għandha tittieħed mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri fil-ġbir u fl-analiżi tad-data u ta’ xhieda oħra.

3.L-Istati Membri għandhom jipprovdu d-data u xhieda oħra meħtieġa lill-Kummissjoni għall-monitoraġġ

(11)L-Artikolu 23 qed jinbidel b’dan li ġej:

“Artikolu 23

Evalwazzjoni

1.Mhux qabel [ħames snin wara d-data ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament], il-Kummissjoni għandha twettaq valutazzjoni ta’ dan ir-Regolament u tippreżenta rapport dwar is-sejbiet ewlenin lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew.

2.L-Istati Membri għandhom jipprovdu l-informazzjoni meħtieġa lill-Kummissjoni għat-tħejjija tar-Rapport.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika minn […]

Madankollu, il-punt 2 tal-Artikolu 1 għandu japplika minn ... [24 xahar wara d-dħul fis-seħħ].

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u għandu japplika direttament fl-Istati Membri f'konformità mat-Trattati.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1)    Ir-Regolament (KE) Nru 1393/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Novembru 2007 dwar in-notifika fl-Istati Membri ta’ dokumenti ġudizzjarji u extraġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali (notifika ta’ dokumenti) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1348/2000 (ĠU L 324, 10.12.2007, p. 79).
(2)    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1206/2001 tat-28 ta’ Mejju 2001 dwar kooperazzjoni bejn il-qrati tal-Istati Membri fil-kumpilazzjoni ta’ xhieda f’materji ċivili jew kummerċjali (ĠU L 174, 27.6.2001, p. 1).
(3)    Il-Konvenzjoni tal-15 ta' Novembru 1965 dwar in-notifika barra mill-pajjiż ta’ dokumenti ġudizzjarji u extraġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali;    
Il-Konvenzjoni tat-18 ta’ Marzu 1970 dwar il-kumpilazzjoni ta’ xhieda barra mill-pajjiż f’materji ċivili jew kummerċjali.
(4)    Ir-Regolamenti japplikaw għall-Istati Membri kollha tal-UE minbarra d-Danimarka. Id-Danimarka kkonkludiet ftehim parallel fid-19 ta’ Ottubru 2005 mal-Komunità Ewropea dwar in-notifika ta’ dokumenti ġudizzjarji u extraġudizzjarji f’materji ċivili jew kummerċjali, li jestendi d-dispożizzjonijiet tar-Regolament dwar in-notifika tad-dokumenti u l-miżuri ta’ implimentazzjoni tiegħu għad-Danimarka. Il-ftehim daħal fis-saħħ fl-1 ta’ Lulju 2007 (Ara ĠU L 300 tas-17.11.2005, p. 55; ĠU L 120, 5.5.2006, p. 23). Ma hemm l-ebda ftehim parallel li jikkonċerna l-kumpilazzjoni ta’ xhieda.
(5)    Dawn iċ-ċifri jirriflettu stimi mill-istudju ekonomiku ta’ Deloitte li jappoġġja l-valutazzjoni tal-impatt. L-istimi huma bbażati fuq data mill-Eurostat, mill-Kunsill tal-Ewropa, mill-Kummissjoni Ewropea għall-Effikaċja tal-Ġustizzja (CEPEJ), u mill-Kummissjoni Ewropea, kif ukoll minn informazzjoni miġbura waqt l-intervisti. L-istudju ngħata b’kuntratt lil Deloitte taħt il-kuntratt nru. JUST/2017/JCOO/FW/CIVI/0087 (2017/07). Ir-rapport finali għadu ma ġiex ippubblikat.
(6)    Ara n-nota 5 f’qiegħ il-paġna.
(7)    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 tas-27 ta’ Novembru 2003 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000 (ĠU L 338, 23.12.2003, p. 1).
(8)    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 4/2009 tat-18 ta’ Diċembru 2008 dwar il-ġurisdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet u l-kooperazzjoni f’materji relatati ma’ obbligi ta’ manteniment (ĠU L 7, 10.1.2009, p. 1).
(9)    L-aġenda tal-ġustizzja tal-UE għall-2020: it-tisħiħ tal-fiduċja, tal-mobbiltà u tat-tkabbir fl-Unjoni (COM(2014) 144 final), p. 8.
(10)    COM(2015) 192 final, 6.5.2015, p. 16.
(11)    Il-programm ta’ ħidma tal-Kummissjoni 2018: aġenda għal Ewropa aktar magħquda, aktar b’saħħitha u aktar demokratika (COM(2017) 650 final, 24.10.2017), l-Anness II, il-punti 10 u 11.
(12)     http://www.acj.si/en/presentation-evidence
(13)    Il-programm ta’ ħidma tal-Kummissjoni 2018: aġenda għal Ewropa aktar magħquda, aktar b'saħħitha u aktar demokratika (COM (2017) 650 final, 24.10.2017), Anness II, punt 10, p. 4.
(14)    Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).
(15)    Il-Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tat-13 ta’ April 2016; ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1–14.
(16)    ĠU C , , p.
(17)    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1206/2001 tat-28 ta' Mejju 2001 dwar kooperazzjoni bejn il-qrati tal-Istati Membri fil-kumpilazzjoni ta' xhieda f'materji ċivili jew kummerċjali (ĠU L 174, 27.6.2001, p. 1).
(18)    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 tas-27 ta’ Novembru 2003 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000 (ĠU L 338, 23.12.2003, p. 1).
(19)    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 4/2009 tat-18 ta’ Diċembru 2008 dwar il-ġurisdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet u l-kooperazzjoni f’materji relatati ma’ obbligi ta’ manteniment (ĠU L 7, 10.1.2009, p. 1).
(20)    Ir-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Lulju 2014 dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għal tranżazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern u li jħassar id-Direttiva 1999/93/KE (ĠU L 257, 28.8.2014, p. 73).
(21)    ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.
Top