EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018PC0365

Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar l-azzjoni tal-Unjoni wara l-adeżjoni tagħha mal-Att ta’ Ġinevra tal-Ftehim ta’ Lisbona dwar id-Denominazzjonijiet ta’ Oriġini u l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi

COM/2018/365 final

Brussell, 27.7.2018

COM(2018) 365 final

2018/0189(COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar l-azzjoni tal-Unjoni wara l-adeżjoni tagħha mal-Att ta’ Ġinevra tal-Ftehim ta’ Lisbona dwar id-Denominazzjonijiet ta’ Oriġini u l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u għanijiet tal-proposta

Din il-proposta hija relatata mal-proposta tal-Kummissjoni għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-adeżjoni tal-Unjoni mal-Att ta’ Ġinevra tal-Ftehim ta’ Lisbona dwar id-Denominazzjonijiet ta’ Oriġini u l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi (“l-Att ta’ Ġinevra”).

L-għan ta’ din il-proposta tal-Kummissjoni huwa li jiġi żgurat il-qafas legali għall-parteċipazzjoni effettiva tal-Unjoni fl-Unjoni ta’ Lisbona tad-WIPO ladarba l-Unjoni tkun saret Parti Kontraenti għall-Att ta’ Ġinevra.

L-Artikolu 9 tal-Att ta’ Ġinevra jistabbilixxi impenn biex kull Parti Kontraenti tipproteġi d-denominazzjonijiet ta’ oriġini u l-indikazzjonijiet ġeografiċi reġistrati fit-territorju tagħha, fis-sistema u l-prattika legali tagħha stess imma skont it-termini ta’ dan l-Att, bla ħsara għal kwalunkwe rifjut, rinunzja mill-Parti Kontraenti ta’ oriġini, invalidazzjoni jew kanċellazzjoni li tista’ ssir effettiva fir-rigward tat-territorju tagħha. L-Artikolu 6(5)(a) tal-Att ta’ Ġinevra jistipula li denominazzjoni ta’ oriġini jew indikazzjoni ġeografika reġistrata għandha, f’kull Parti Kontraenti li ma rrifjutatx il-protezzjoni skont l-Artikolu 15, jew li tkun bagħtet lill-Bureau Internazzjonali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali notifika tal-għoti ta’ protezzjoni skont l-Artikolu 18, tkun protetta mid-data tar-reġistrazzjoni internazzjonali. Ir-Regola 9(1)(b) tar-Regolamenti Komuni skont il-Ftehim ta’ Lisbona u l-Att ta’ Ġinevra tal-Ftehim ta’ Lisbona (“ir-Regolamenti Komuni”) tispeċifika li r-rifjut għandu jiġi nnotifikat fi żmien sena minn meta tkun ġiet riċevuta n-notifika ta’ reġistrazzjoni internazzjonali taħt l-Artikolu 6(4). Fil-każ tal-Artikolu 29(4), dan il-limitu ta’ żmien jista’ jiġi estiż b’sena oħra.

F’dan l-isfond, meta ssir Parti Kontraenti fl-Att ta’ Ġinevra, l-Unjoni jeħtiġilha tissottometti lista ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi tal-UE meħuda mir-reġistri tal-UE għall-indikazzjonijiet ġeografiċi (li għandhom jiġu miftiehma mal-Istati Membri tal-UE) għal protezzjoni taħt is-sistema ta’ Lisbona. Din il-lista jenħtieġ li tiġi stabbilita b’konsultazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, skont din il-prattika u l-metodoloġija stabbiliti li jintużaw għal xi ftehimiet bilaterali internazzjonali dwar indikazzjonijiet Ġeografiċi li l-UE kkonkludiet (filwaqt li jitqiesu l-valur tal-produzzjoni u l-valur tal-esportazzjoni, il-protezzjoni skont ftehimiet oħra kif ukoll l-użu ħażin attwali jew potenzjali fil-pajjiżi terzi kkonċernati, u l-bilanċ bejn l-Istati Membri), wara li jitqies il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi reġistrati minn membri ta’ pajjiż terz tal-Unjoni ta’ Lisbona. Wara l-adeżjoni tal-Unjoni mal-Unjoni ta’ Lisbona, għandu jkun possibbli li jsiru applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni internazzjonali ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi addizzjonali protetti u reġistrati fl-Unjoni fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni jew fuq talba ta’ Stat Membru jew ta’ grupp ta’ produtturi interessati.

Jenħtieġ li jiddaħħlu fis-seħħ proċeduri xierqa għall-valutazzjoni mill-Kummissjoni ta’ denominazzjonijiet ta’ oriġini u indikazzjonijiet ġeografiċi li joriġinaw minn Partijiet Kontraenti terzi u reġistrati fir-Reġistru Internazzjonali, u għall-proċedura ta’ oppożizzjoni relatata, wara li jitqiesu l-ispeċifiċitajiet tal-Att ta’ Ġinevra.

L-infurzar mill-Unjoni ta’ denominazzjonijiet ta’ oriġini u indikazzjonijiet ġeografiċi li joriġinaw minn Partijiet Kontraenti terzi u reġistrati fir-Reġistru Internazzjonali għandu jkun skont il-Kapitolu III tal-Att ta’ Ġinevra. L-Artikolu 14 tal-Att ta’ Ġinevra b’mod partikolari jirrikjedi li kull Parti Kontraenti tagħmel disponibbli rimedji legali effettivi għall-protezzjoni tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini reġistrati u indikazzjonijiet ġeografiċi reġistrati u jistipula li proċeduri legali biex tiġi żgurata l-protezzjoni tagħhom jistgħu jitressqu minn awtorità pubblika jew minn kwalunkwe parti interessata, sew jekk persuna fiżika jew entità legali u kemm jekk pubblika jew privata, skont is-sistema u l-prattika legali tagħha. Jenħtieġ li tkun possibbli l-koeżistenza ta’ trademarks preċedenti u denominazzjonijiet ta’ oriġini jew indikazzjonijiet ġeografiċi reġistrati fir-Reġistru Internazzjonali li jingħataw protezzjoni jew jintużaw fl-Unjoni meta l-kundizzjonijiet stipulati fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 ikunu ssodisfatti mutatis mutandis.

Seba’ Stati Membri tal-UE huma membri tal-Unjoni ta’ Lisbona u bħala tali aċċettaw il-protezzjoni ta’ ismijiet ta’ pajjiżi terzi. Sabiex jipprovdlhom il-mezzi biex jissodisfaw l-obbligi internazzjonali tagħhom assunti qabel l-adeżjoni tal-Unjoni mal-Unjoni ta’ Lisbona, jenħtieġ li jiġi stabbilit arranġament tranżitorju li għandu jipproduċi effetti fil-livell nazzjonali biss, u ma jkollu l-ebda effett fuq il-kummerċ fi ħdan l-Unjoni jew internazzjonali.

Jidher li hu ekwu li t-tariffi li għandhom jitħallsu skont l-Att ta’ Ġinevra u r-Regolamenti Komuni għall-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni mal-Bureau Internazzjonali għar-reġistrazzjoni internazzjonali ta’ denominazzjoni ta’ oriġini jew indikazzjoni ġeografika kif ukoll it-tariffi li għandhom jitħallsu fir-rigward ta’ entrati fir-Reġistru Internazzjonali u għall-forniment ta’ estratti, attestazzjonijiet jew informazzjoni oħra dwar il-kontenut ta’ din ir-reġistrazzjoni internazzjonali jenħtieġ li jitħallsu mill-Istat Membru li fih id-denominazzjoni ta’ oriġini jew l-indikazzjoni ġeografika tkun qed toriġina.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet ta’ politika eżistenti fil-qasam tal-politika

Rigward il-prodotti agrikoli, l-UE stabbiliet sistemi ta’ protezzjoni IĠ uniformi u eżawrjenti għall-inbejjed (1970), l-ispirti (1989), l-inbejjed aromatizzati (1991) u prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel oħra (1992). Permezz ta’ dawn is-sistemi, l-ismijiet protetti tal-prodotti koperti jgawdu minn protezzjoni estensiva madwar l-UE, ibbażata fuq proċess ta’ applikazzjoni waħda. Bħalissa, id-dispożizzjonijiet ewlenin għall-inbid huma stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tas-17 ta’ Diċembru 2013, għall-inbejjed aromatizzati fir-Regolament (UE) Nru 251/2014 tas-26 ta’ Frar 2014, għall-ispirti fir-Regolament (KE) Nru 110/2008 tal-15 ta’ Jannar 2008, u għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel fir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-21 ta’ Novembru 2012.

Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

Il-proposta hija konsistenti mal-politika ġenerali tal-UE biex tippromwovi u ssaħħaħ il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi permezz ta’ ftehimiet bilaterali, reġjonali u multilaterali.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

Meta wieħed jikkunsidra s-suġġett tat-Trattat, ir-Regolament jeħtieġ li jkun ibbażat fuq l-Artikolu 207 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

Sussidjarjetà (għal kompetenza mhux esklussiva)

L-Unjoni għandha kompetenza esklussiva biex tikkonkludi l-Att ta’ Ġinevra tal-Ftehim ta’ Lisbona. Dan jirriżulta mid-deċiżjoni tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Ottubru 2017 fil-kawża C-389/15 - Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill - li ċċarat li l-abbozz tal-Ftehim ta’ Lisbona rivedut, jiġifieri l-Att ta’ Ġinevra, huwa essenzjalment maħsub biex jiffaċilita u jirregola l-kummerċ bejn l-Unjoni Ewropea u Stati terzi u, it-tieni nett, li huwa tali li jkollu effetti diretti u immedjati fuq tali kummerċ, sabiex in-negozjar tiegħu jaqa’ taħt il-kompetenza esklussiva li l-Artikolu 3(1) tat-TFUE jagħti lill-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-politika kummerċjali komuni prevista fl-Artikolu 207(1) tat-TFUE. 

Skont l-Artikolu 5(3) tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea (TUE), il-prinċipju tas- sussidjarjetà ma japplikax għal oqsma ta’ kompetenza esklussiva tal-UE.

Proporzjonalità

Il-miżuri proposti ma jmorrux lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jinkiseb l-għan li jippermetti lill-Unjoni tipparteċipa fl-Unjoni ta’ Lisbona b’mod li tiġi żgurata protezzjoni effiċjenti tal-indikazzjonijiet ġeografiċi tal-UE.

Għażla tal-istrument

Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill huwa l-istrument legali xieraq għall-implimentazzjoni tas-sħubija tal-Unjoni Ewropea fl-Unjoni ta’ Lisbona billi jiżgura l-prerogattivi leġiżlattivi taż-żewġ istituzzjonijiet.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Mhux applikabbli

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Il-Pjan Direzzjonali dwar l-adeżjoni tal-UE mal-Att ta’ Ġinevra tal-Ftehim ta’ Lisbona dwar id-Denominazzjonijiet ta’ Oriġini u l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi ġie ppubblikat fil-21 ta’ Diċembru 2017 b’terminu ta’ żmien għall-kummenti tal-partijiet ikkonċernati sat-18 ta’ Jannar 2018. Sal-iskadenza ġew riċevuti 8 kummenti. Kollha minbarra wieħed kienu bażikament pożittivi fir-rigward tal-inizjattiva u appoġġaw l-adeżjoni tal-UE. Tliet kummenti esprimew il-fehma li l-UE jeħtiġilha tmexxi ’l quddiem id-diskussjoni dwar ir-rikonoxximent u l-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi mhux agrikoli. Żewġ kummenti kienu kontra lista ristretta peress li l-indikazzjonijiet ġeografiċi kollha tal-Unjoni jeħtiġilhom ikunu eliġibbli għall-protezzjoni skont l-Att ta’ Ġinevra.

Ġbir u użu tal-għarfien espert

L-istudju ta’ Ottubru 2012 magħmul minn AND International dwar il-“Valur tal-produzzjoni ta’ prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel, inbejjed, inbejjed aromatizzati u spirti protetti b’indikazzjoni ġeografika (IĠ)” (http://ec.europa.eu/agriculture/external-studies/value-gi_en) identifika numru ta’ benefiċċji tal-politika IĠ tal-UE għall-konsumaturi (assigurazzjoni tal-kwalità), għall-produtturi (ftuħ tas-sistema għall-produtturi kollha li jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-kwalità; kompetizzjoni ġusta; primjum tal-prezz; protezzjoni effiċjenti), għas-soċjetà ġenerali (rabta ta’ prodotti ta’ valur ma’ żoni rurali; preservazzjoni tat-tradizzjoni; konnessjoni mill-ġdid tal-produtturi u l-konsumaturi) u għall-ambjent (Rabta ta’ prodotti tradizzjonali ma’ pajsaġġi u sistemi ta’ biedja). Fl-evalwazzjoni tad-data ekonomika fuq kull wieħed mill-2768 IĠ reġistrati fl-UE 27 mill-2005 sal-2010, l-istudju sab b’mod partikolari li bħala medja, il-prezz ta’ prodott IĠ huwa 2,23 darba l-prezz ta’ prodott paragunabbli mhux IĠ. Il-valur tal-bejgħ tal-IĠ tal-UE (is-setturi kollha) kien ta’ €54,3 biljun fl-2010 (5,7 % tas-settur tal-ikel u xorb totali tal-UE); il-valur stmat tal-esportazzjonijiet tal-IĠ tal-UE huwa ta’ EUR 11,5-il biljun (15 % tal-esportazzjonijiet tal-industrija tal-UE tal-ikel u x-xorb). 

Valutazzjoni tal-impatt

Ir-rekwiżiti ta’ Regolamentazzjoni Aħjar għall-inizjattiva ma jinkludux valutazzjoni tal-impatt, pjan ta’ implimentazzjoni jew konsultazzjoni pubblika.

Il-Linji gwida dwar Regolamentazzjoni Aħjar jiċċaraw li valutazzjoni tal-impatt jenħtieġ li titwettaq biss meta tkun utli, u dan għandu jiġi vvalutat abbażi ta’ każ b’każ. Bħala prinċipju, l-ebda valutazzjoni tal-impatt ma hija meħtieġa, meta hemm ftit jew ma hemm l-ebda għażla disponibbli għall-Kummissjoni. Dan huwa l-każ hawnhekk peress li l-adeżjoni mal-Att ta’ Ġinevra tal-Ftehim ta’ Lisbona hija ġġustifikata minħabba l-kompetenza esklussiva tal-Unjoni fi kwistjonijiet koperti mill-Att ta’ Ġinevra, u billi dan il-pass ikun ukoll il-konklużjoni loġika wara l-proċess ta’ reviżjoni tas-sistema ta’ Lisbona li fiha kienet involuta l-UE. Il-miżuri proposti f’dan l-abbozz tar-Regolament huma meħtieġa sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni xierqa tal-Att ta’ Ġinevra mill-Unjoni Ewropea.

Fil-każ tal-adeżjoni tal-UE jkun hemm numru ta’ vantaġġi. Tiżgura li l-IĠ attwali u dawk futuri reġistrati fil-livell tal-UE imma mhux reġistrati mis-seba’ Stati Membri tal-UE fl-Unjoni ta’ Lisbona jistgħu jsiru eliġibbli għall-protezzjoni fis-sistema ta’ Lisbona. Fil-prinċipju, l-IĠ tal-UE jistgħu jiksbu protezzjoni rapida, ta’ livell għoli uindefinita fil-partijiet kurrenti kollha għall-Att ta’ Ġinevra u f’dawk futuri. Ir-reġistru multilaterali stabbilit iżid ir-reputazzjoni tal-IĠ Ewropej minħabba l-firxa ġeografika wiesgħa tal-protezzjoni skont l-Att ta’ Ġinevra. Il-protezzjoni internazzjonali mtejba tal-IĠ li tirriżulta mill-adeżjoni tal-UE mistennija tikkonsolida u potenzjalment tespandi l-impatti pożittivi tal-protezzjoni tal-IĠ fuq it-tkabbir inklussiv u impjiegi b’valur miżjud ta’ valur għoli fis-settur agrikolu, fuq il-flussi tal-kummerċ u tal-investiment, il-kompetittività tan-negozju u l-SMEs b’mod partikolari, kif ukoll għall-funzjonament tas-suq intern u l-kompetizzjoni, u għall-protezzjoni tal-IPR. Il-proprjetà intellettwali tal-bdiewa u tal-produtturi tal-ikel fil-prodotti protetti bl-IĠ hija vulnerabbli għall-isfruttament u t-telf, speċjalment fis-swieq globali. L-adeżjoni tal-UE mas-sistema ta’ Lisbona tgħin lill-partijiet ikkonċernati rurali jipproteġu fuq livell globali dak li hu ta’ valur fuq livell lokali, u b’hekk tikkumpensa għat-tendenza tas-soltu tal-globalizzazzjoni lejn standards ta’ prodotti uniformi u pressjoni ’l isfel fuq il-prezzijiet tal-prodotti agrikoli. Fl-inċertezzi politiċi u ekonomiċi attwali, dan jipprovdi dimostrazzjoni viżibbli lill-komunità rurali li l-UE qed taġixxi biex tiddefendi u tipproteġi l-interessi tagħha madwar id-dinja. Peress li l-Att ta’ Ġinevra huwa ġeneralment ekwivalenti għal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-protezzjoni tal-prodotti agrikoli, mhux mistenni li l-adeżjoni tal-UE tkun teħtieġ aġġustamenti sinifikanti tas-sustanza ta’ din il-leġiżlazzjoni.

Minn lat amministrattiv, l-Att ta’ Ġinevra jipprovdi ġabra unika ta’ regoli biex tinkiseb protezzjoni fil-membri kollha u għalhekk mekkaniżmu aktar sempliċi u aktar effiċjenti meta mqabbel mal-prattika attwali tal-UE li tittratta varjetà ta’ proċeduri lokali permezz ta’ ftehim bilaterali. F’termini ta’ politika kummerċjali, se turi r-rwol ta’ tmexxija responsabbli tal-UE li tippromwovi l-multilateraliżmu. L-adeżjoni tal-UE mhix mistennija li toħloq spejjeż jew piżijiet addizzjonali fuq operaturi tal-UE jew Stati Membri tal-UE li jixtiequ li jkollhom IĠ protetti fis-sistema ta’ Lisbona meta mqabbla mal-istatus quo. Għall-kuntrarju, huwa mistenni li tirriżulta f’livell imnaqqas ta’ dawn l-ispejjeż u piżijiet amministrattivi.

Għan-negozji, l-adeżjoni tal-UE ma tinvolvi l-ebda spiża ta’ aġġustament, ta’ konformità jew ta’ tranżazzjoni jew piżijiet amministrattivi addizzjonali minbarra t-tariffi potenzjali ta’ eżami individwali li l-Membri ta’ Lisbona jistgħu japplikaw, imma li se jitnaqqsu bit-tfaddil li jirriżulta mill-proċedura internazzjonali.

L-Att ta’ Ġinevra jippermetti l-adeżjoni tal-UE flimkien mal-Istati Membri tagħha. Madankollu, minħabba n-natura uniformi u eżawrjenti tas-sistema tal-protezzjoni IĠ tal-UE għal prodotti agrikoli, jenħtieġ li kwalunkwe AO jew IĠ sottomessi għall-protezzjoni mis-seba’ Stati Membri tal-UE fis-sistema ta’ Lisbona (bħalissa madwar 800) u eliġibbli għall-protezzjoni skont il-leġiżlazzjoni tal-UE ma jibqax protett taħt il-leġiżlazzjoni nazzjonali, imma esklussivament permezz tal-leġiżlazzjoni tal-UE. Dan se jkun ukoll il-każ fir-rigward tal-protezzjoni tal-IĠ li joriġinaw minn, u sottomessi għall-protezzjoni minn, membri ta’ pajjiżi terzi tal-Unjoni ta’ Lisbona. Bħala konsegwenza, l-adeżjoni tal-UE se tirriżulta f’inqas piż amministrattiv ta’ parteċipazzjoni fis-sistema ta’ Lisbona għall-Istati Membri tal-UE.

Ladarba l-UE tkun ingħaqdet, huwa notevoli li se jkun hemm l-għażla li ssir referenza għar-reġistru tas-sistema ta’ Lisbona minflok ma jkun hemm in-negozjar fid-dettall tal-protezzjoni bilaterali tal-IĠ. Dan b’konformità mal-prattika f’oqsma oħra tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali (IPR) fejn l-UE timpenja lis-sħab tagħha biex jissieħbu u jikkonformaw ma’ ftehimiet internazzjonali dwar l-IPR bħalma huma l-Konvenzjoni ta’ Berna dwar id-Drittijiet tal-Awtur u l-protokoll ta’ Madrid dwar it-trademarks, pjuttost milli tinħoloq xibka ta’ impenji diverġenti li jistgħu jħawdu lill-partijiet ikkonċernati.

L-adeżjoni tal-UE x’aktarx tagħti inċentiv għal aktar pajjiżi terzi biex jissieħbu fis-sistema ta’ Lisbona, peress li dan jagħtihom aċċess għal protezzjoni madwar l-Unjoni ta’ Lisbona kollha, u jistgħu jibbenefikaw minn proċedura ta’ eżami effiċjenti għal IĠ individwali f’każ ta’ ekwivalenza tas-sistema tagħhom ma’ dik tal-UE.

L-adeżjoni tal-UE jista’ b’mod partikolari jkollha effetti pożittivi għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw li jikkunsidraw li jingħaqdu mal-Att ta’ Ġinevra peress li l-IĠ tagħhom jistgħu jiksbu protezzjoni fl-UE permezz tas-sistema ta’ Lisbona. L-interess tal-uffiċċju tal-IP Afrikan ta’ 17-il membru, OAPI, biex jissieħeb fl-Unjoni ta’ Lisbona huwa propizju u evidenza tal-attrazzjoni tal-istrument IĠ biex jipproteġi d-drittijiet u l-valur tradizzjonali tal-bdiewa tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw.

Fir-rigward tal-iżvantaġġi potenzjali, dawn jistgħu jidhru fis-sħubija, li għadha limitata fis-sistema ta’ Lisbona, it-tħassib li l-progress fuq l-IĠ fid-WTO jista’ jkun saħansitra aktar remot; ix-xettiċiżmu ta’ xi Stati Membri tal-UE lejn l-adeżjoni tal-UE, u l-inċertezza fir-rigward tal-impatti finanzjarji. Madankollu, is-sistema modernizzata taħt l-Att ta’ Ġinevra jenħtieġ li tkun aktar attraenti għal membri ġodda potenzjali; il-progress fid-WIPO jista’ saħansitra jkollu riperkussjoni pożittiva fuq id-diskussjonijiet tal-IĠ fid-WTO billi joħloq sinerġiji xierqa u jġib il-Ftehim ta’ Lisbona rivedut eqreb lejn il-proċess tad-WTO; L-Istati Membri tal-UE li għandhom riservi dwar is-sistema ta’ Lisbona mhumiex se jkunu meħtieġa jingħaqdu; u l-membri ta’ Lisbona għamlu progress fl-isforzi tagħhom biex jiżguraw is-sostenibbiltà finanzjarja tas-sistema ta’ Lisbona.

Mill-bqija, il-vantaġġi tal-adeżjoni tal-UE fl-Att ta’ Ġinevra tal-Ftehim ta’ Lisbona jegħlbu l-iżvantaġġi. Sabiex tinkiseb l-adeżjoni tal-UE mas-Sistema ta’ Lisbona, il-Kummissjoni se jkollha tipprepara proposta għall-atti legali meħtieġa għall-adeżjoni tal-UE mal-Att ta’ Ġinevra tal-Ftehim ta’ Lisbona u l-implimentazzjoni tagħha.

Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

Mhux applikabbli

Drittijiet fundamentali

Il-parteċipazzjoni tal-Unjoni fl-Unjoni ta’ Lisbona bħala Parti Kontraenti għall-Att ta’ Ġinevra se tkun skont l-Artikolu 17(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li tipprovdi li l-proprjetà intellettwali għandha tiġi protetta.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Ara d-Dikjarazzjoni Finanzjarja annessa.

5.ELEMENTI OĦRA

Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti ta’ monitoraġġ, evalwazzjoni u rappurtar

Mhux applikabbli

Dokumenti ta’ spjegazzjoni (għad-direttivi)

Mhux applikabbli

Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

Mhux applikabbli

2018/0189 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar l-azzjoni tal-Unjoni wara l-adeżjoni tagħha mal-Att ta’ Ġinevra tal-Ftehim ta’ Lisbona dwar id-Denominazzjonijiet ta’ Oriġini u l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 1 ,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)Sabiex l-Unjoni tkun tista’ teżerċita bis sħiħ il-kompetenza esklussiva tagħha fir-rigward tal-politika kummerċjali komuni tagħha, se ssir parti kontraenti għall-Att ta’ Ġinevra tal-Ftehim ta’ Lisbona dwar id-Denominazzjonijiet ta’ Oriġini u l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi (“l-Att ta’ Ġinevra) 2 skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE).../... 3 Il-partijiet kontraenti għall-Att ta’ Ġinevra huma membri ta’ Unjoni Speċjali maħluqa bil-Ftehim ta’ Lisbona għall-Protezzjoni ta’ Denominazzjonijiet ta’ Oriġini u r-Reġistrazzjoni Internazzjonali tagħhom 4 (“l-Unjoni Speċjali”). Skont l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni (UE).../..., l-Unjoni għandha tkun rappreżentata mill-Kummissjoni fl-Unjoni Speċjali.

(2)Huwa xieraq li jiġu stabbiliti regoli li jippermettu lill-Unjoni teżerċita bis-sħiħ id-drittijiet u l-obbligi kollha tagħha wara l-adeżjoni tagħha fl-Att ta’ Ġinevra.

(3)L-Att ta’ Ġinevra jipproteġi denominazzjonijiet ta’ oriġini, inklużi “denominazzjonijiet ta’ oriġini” kif definiti mir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 5 u r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 6 , u indikazzjonijiet ġeografiċi, li minn issa ’l quddiem it-tnejn jissejħu “indikazzjonijiet ġeografiċi”.

(4)Wara l-adeżjoni tal-Unjoni mal-Att ta’ Ġinevra, jenħtieġ li bħala l-ewwel pass, il-Kummissjoni tippreżenta applikazzjoni mal-Bureau Internazzjonali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali (“il-Bureau Internazzjonali”) għar-reġistrazzjoni fir-reġistru tagħhom ta’ lista ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi li joriġinaw u huma protetti fit-territorju tal-Unjoni (“ir-Reġistru Internazzjonali”). Kif inhu l-każ għal xi ftehimiet bilaterali u reġjonali tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi, jenħtieġ li l-kriterji għall-istabbiliment ta’ lista bħal din iqisu b’mod partikolari l-valur tal-produzzjoni u l-valur tal-esportazzjoni, il-protezzjoni skont ftehimiet oħra kif ukoll l-użu ħażin attwali jew potenzjali fil-pajjiżi terzi kkonċernati.

(5)Sabiex jiġi żgurat li indikazzjonijiet ġeografiċi addizzjonali protetti u reġistrati fl-Unjoni jkunu reġistrati fir-Reġistru Internazzjonali, huwa xieraq li fi stadju aktar tard, il-Kummissjoni tkun awtorizzata tippreżenta applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni internazzjonali ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi addizzjonali bħal dawn, fuq l-inizjattiva tagħha jew fuq talba ta’ Stat Membru jew ta’ grupp ta’ produtturi interessati jew, f’każijiet eċċezzjonali, wara talba ta’ produttur wieħed.

(6)Jenħtieġ li jiġu stabbiliti proċeduri xierqa sabiex il-Kummissjoni tivvaluta l-indikazzjonijiet ġeografiċi li joriġinaw mill-partijiet kontraenti għall-Att ta’ Ġinevra li mhumiex Stati Membri (“Partijiet Kontraenti terzi”) u li huma reġistrati fir-Reġistru Internazzjonali, sabiex tistipula proċedura biex tiddeċiedi fuq il-protezzjoni fl-Unjoni u tikkanċella dik il-protezzjoni, fejn ikun rilevanti.

(7)L-infurzar mill-Unjoni tal-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi li joriġinaw minn Partijiet Kontraenti terzi u reġistrati fir-Reġistru Internazzjonali jenħtieġ li jsir skont il-Kapitolu III tal-Att ta’ Ġinevra, b’mod partikolari mal-Artikolu 14 tal-Att ta’ Ġinevra, li jirrikjedi li kull Parti Kontraenti tagħmel disponibbli rimedji legali effettivi għall-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi reġistrati u jistipula li proċeduri legali biex tiġi żgurata l-protezzjoni tagħhom jistgħu jitressqu minn awtorità pubblika jew minn kwalunkwe parti interessata, sew jekk persuna fiżika jew inkella entità legali sew jekk pubblika jew inkella privata, skont is-sistema u l-prattika legali tagħha. Bil-għan li tiġi żgurata l-protezzjoni tat-trademarks flimkien mal-indikazzjonijiet ġeografiċi, wara li titqies is-salvagwardja rigward id-drittijiet ta’ trademarks preċedenti kif stabbiliti fl-Artikolu 13(1) tal-Att ta’ Ġinevra, jenħtieġ li tiġi ssalvagwardjata l-koeżistenza ta’ trademarks u indikazzjonijiet ġeografiċi preċedenti reġistrati fir-Reġistru Internazzjonali li jingħataw protezzjoni jew jintużaw fl-Unjoni.

(8)Seba’ Stati Membri huma membri tal-Unjoni Speċjali u bħala tali aċċettaw il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi tal-Partijiet Kontraenti terzi. Sabiex jiġu pprovduti bil-mezzi biex jissodisfaw l-obbligi internazzjonali assunti minnhom qabel l-adeżjoni tal-Unjoni mal-Unjoni tal-Att ta’ Lisbona, jenħtieġ li jiġi stabbilit arranġament tranżitorju li jenħtieġ li jipproduċi effetti fil-livell nazzjonali biss, u ma jkollu l-ebda effett fuq il-kummerċ fl-Unjoni jew internazzjonali.

(9)Jidher li hu ekwu li t-tariffi li għandhom jitħallsu skont l-Att ta’ Ġinevra u r-Regolamenti Komuni għall-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni mal-Bureau Internazzjonali għar-reġistrazzjoni internazzjonali ta’ indikazzjoni ġeografika kif ukoll it-tariffi li għandhom jitħallsu fir-rigward ta’ entrati oħra fir-Reġistru Internazzjonali u għall-forniment ta’ estratti, attestazzjonijiet jew informazzjoni oħra dwar il-kontenut ta’ din ir-reġistrazzjoni internazzjonali jenħtieġ li jitħallsu mill-Istat Membru li minnu toriġina l-indikazzjoni ġeografika. Dan jenħtieġ li jkun mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe deċiżjoni tal-Istat Membru li jfittex rimborż ta’ dawk it-tariffi mill-grupp ta’ produtturi jew produttur uniku li juża l-indikazzjoni ġeografika li għaliha tkun mitluba r-reġistrazzjoni internazzjonali.

(10)Sabiex jiġi kopert kwalunkwe nuqqas fir-rigward tal-baġit operattiv tal-Unjoni Speċjali, jenħtieġ li l-Unjoni tkun tista’ tipprovdi kontribuzzjoni speċjali fi ħdan il-mezzi disponibbli għal dan il-għan fil-baġit annwali tal-Unjoni.

(11)Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tas-sħubija tal-Unjoni fl-Unjoni Speċjali, jenħtieġ li jiġu kkonferiti setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni biex tiġi stabbilita lista ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi għall-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni għar-reġistrazzjoni internazzjonali tagħhom mal-Bureau Internazzjonali mal-adeżjoni mal-Att ta’ Ġinevra, għall-preżentazzjoni sussegwenti ta’ applikazzjoni għal reġistrazzjoni internazzjonali ta’ indikazzjoni ġeografika mal-Bureau Internazzjonali, għar-rifjut ta’ oppożizzjoni, għal deċiżjoni dwar jekk tingħatax jew le protezzjoni ta’ indikazzjoni ġeografika reġistrata fir-Reġistru Internazzjonali, u għall-kanċellazzjoni tal-protezzjoni fl-Unjoni ta’ indikazzjoni ġeografika reġistrata fir-Reġistru Internazzjonali. Dawn is-setgħat jenħtieġ li jiġu eżerċitati b’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 7 ,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1
Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli dwar l-implimentazzjoni tad-drittijiet u l-obbligi tal-Unjoni wara l-adeżjoni tagħha mal-Att ta’ Ġinevra tal-Ftehim ta’ Lisbona dwar id-Denominazzjonijiet ta’ Oriġini u Indikazzjonijiet Ġeografiċi (“l-Att ta’ Ġinevra”).

Għall-fini ta’ dan ir-Regolament, denominazzjonijiet ta’ oriġini, inklużi “denominazzjonijiet ta’ oriġini” kif definiti bir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 u bir-Regolament (UE) Nru 1308/2013, u indikazzjonijiet ġeografiċi, minn issa ’l quddiem it-tnejn jissejħu “indikazzjonijiet ġeografiċi”.

Artikolu 2
Reġistrazzjoni internazzjonali tal-indikazzjonijiet ġeografiċi mal-adeżjoni

Mal-adeżjoni tal-Unjoni fl-Att ta’ Ġinevra, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Bureau Internazzjonali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali (“il-Bureau Internazzjonali”) applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni internazzjonali ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi protetti u reġistrati skont id-dritt tal-Unjoni u li jirrelataw ma’ prodotti li joriġinaw fl-Unjoni skont l-Artikolu 5(1) u (2) tal-Att ta’ Ġinevra.

Il-Kummissjoni għandha tadotta att ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxi l-lista tal-indikazzjonijiet ġeografiċi msemmija fl-ewwel paragrafu, skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 13(2).

Sabiex tiġi stabbilita l-lista msemmija fit-tieni paragrafu, il-Kummissjoni għandha tqis, b’mod partikolari, dan li ġej:

(a)il-valur tal-produzzjoni tal-indikazzjoni ġeografika;

(b)il-valur tal-esportazzjoni tal-indikazzjoni ġeografika;

(c)il-protezzjoni tal-indikazzjoni ġeografika skont ftehimiet internazzjonali oħra;

(d)l-użu ħażin attwali jew potenzjali tal-indikazzjoni ġeografika f’membri oħra tal-Unjoni Speċjali;

(e)l-għadd totali ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi li joriġinaw mit-territorji tal-membri l-oħra tal-Unjoni Speċjali u reġistrati fir-reġistru tal-Bureau Internazzjonali (“ir-Reġistru Internazzjonali”). 

Artikolu 3
Reġistrazzjoni internazzjonali sussegwenti ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi tal-Unjoni

Wara l-adeżjoni tal-Unjoni fl-Att ta’ Ġinevra, il-Kummissjoni fuq inizjattiva tagħha stess jew wara talba ta’ Stat Membru jew ta’ grupp ta’ produtturi interessati jew ta’ produttur uniku li jużaw indikazzjoni ġeografika protetta u reġistrata fl-Unjoni, tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni sabiex tippreżenta applikazzjoni għar-reġistrazzjoni internazzjonali ta’ indikazzjoni ġeografika protetta u reġistrata skont id-dritt tal-Unjoni u li tirrelata ma’ prodott li joriġina fl-Unjoni mal-Bureau Internazzjonali.

Sabiex tivvaluta jekk tippreżentax jew le applikazzjoni għar-reġistrazzjoni internazzjonali, il-Kummissjoni għandha tqis il-kriterji stabbiliti fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 2. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 13(2).

Artikolu 4
Valutazzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi ta’ pajjiż terz reġistrati fir-Reġistru Internazzjonali

(1)Il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-pubblikazzjoni nnotifikata mill-Bureau Internazzjonali skont l-Artikolu 6(4) tal-Att ta’ Ġinevra dwar l-indikazzjonijiet ġeografiċi reġistrati fir-Reġistru Internazzjonali u li fir-rigward tagħhom il-Parti Kontraenti ta’ Oriġini, kif iddefinit skont l-Artikolu 1(xv) tal-Att ta’ Ġinevra, mhijiex Stat Membru, sabiex jiġi ddeterminat jekk fihiex l-elementi obbligatorji stabbiliti fir-Regola 5(2) tar-Regolamenti Komuni skont il-Ftehim ta’ Lisbona u l-Att ta’ Ġinevra (“ir-Regolamenti Komuni”) 8 , u d-dettalji li jikkonċernaw il-kwalità, ir-reputazzjoni jew il-karatteristiċi kif stabbiliti fir-Regola 5(3) ta’ dawk ir-Regolamenti, kif ukoll biex jiġi evalwat jekk il-pubblikazzjoni tirrelatax ma’ prodott li fir-rigward tiegħu attwalment tingħata protezzjoni fl-Unjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi. Il-perjodu biex issir din il-valutazzjoni m’għandux jaqbeż l-erba’ xhur u m’għandux jinkludi valutazzjoni ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi oħra tal-Unjoni relatati mat-tqegħid fis-suq ta’ prodotti u, b’mod partikolari, għal standards sanitarji u fitosanitarji, l-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni, u t-tikkettar tal-ikel.

(2)Fejn, fuq il-bażi tal-valutazzjoni magħmula skont il-paragrafu 1, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-kundizzjonijiet stabbiliti f’dak il-paragrafu huma prima facie issodisfati, għandha tippubblika l-indikazzjoni ġeografika proposta għall-protezzjoni fl-Unjoni flimkien mat-tip ta’ prodott u l-pajjiż ta’ oriġini f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, serje C.

(3)Fejn, fuq il-bażi tal-valutazzjoni mwettqa skont il-paragrafu 1, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-kundizzjonijiet stipulati f’dak il-paragrafu mhumiex issodisfati, għandha tieħu deċiżjoni li tirrifjuta l-protezzjoni tal-indikazzjoni ġeografika permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni adottat skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 13 (2). Fir-rigward ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi li jkopru prodotti li ma jaqgħux fil-kompetenza tal-Kumitati maħsuba fl-Artikolu 13(1), id-deċiżjoni għandha tiġi adottata mill-Kummissjoni mingħajr l-applikazzjoni tal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 13(2).

Skont l-Artikolu 15(1) tal-Att ta’ Ġinevra, il-Kummissjoni għandha tinnotifika lill-Bureau Internazzjonali bir-rifjut tal-effetti tar-reġistrazzjoni internazzjonali kkonċernata fit-territorju tal-Unjoni, fi żmien sena minn meta tirċievi n-notifika ta’ reġistrazzjoni internazzjonali skont l-Artikolu 6(4) tal-Att ta’ Ġinevra.

Artikolu 5
Proċedura ta’ oppożizzjoni għal indikazzjonijiet ġeografiċi ta’ pajjiżi terzi reġistrati fir-Reġistru Internazzjonali

(1)Skont l-Artikolu 4(2), fi żmien xahrejn mid-data tal-pubblikazzjoni tal-isem tal-indikazzjoni ġeografika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea , l-awtoritajiet ta’ Stat Membru jew ta’ pajjiż terz minbarra l-Parti Kontraenti ta’ Oriġini, jew persuna fiżika jew ġuridika li għandha interess leġittimu u stabbilita fl-Unjoni jew f’pajjiż terz minbarra l-Parti Kontraenti ta’ Oriġini, tista’ tagħmel oppożizzjoni mal-Kummissjoni, f’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni.

(2)Tali oppożizzjoni għandha tkun ammissibbli biss jekk tkun ippreżentata fil-limitu ta’ żmien stabbilit fil-paragrafu 1 u jekk ikun fiha waħda jew aktar mit-talbiet li ġejjin:

(a)li l-indikazzjoni ġeografika reġistrata fir-Reġistru Internazzjonali tkun f’kunflitt ma’ isem ta’ varjetà ta’ pjanta jew razza ta’ annimal u x’aktarx tqarraq bil-konsumatur dwar l-oriġini vera tal-prodott;

(b)li l-indikazzjoni ġeografika reġistrata fir-Reġistru Internazzjonali hija kompletament jew parzjalment omonima ma’ indikazzjoni ġeografika diġà protetta fl-Unjoni u li fil-prattika m’hemmx distinzjoni suffiċjenti bejn il-kundizzjonijiet tal-użu lokali u tradizzjonali u l-preżentazzjoni tal-indikazzjoni ġeografika proposta għall-protezzjoni u l-indikazzjoni ġeografika diġà protetta fl-Unjoni, wara li titqies il-ħtieġa li jiġi żgurat trattament ekwu tal-produtturi kkonċernati u li ma jiġux żvijati l-konsumaturi;

(c)li l-protezzjoni fl-Unjoni tal-indikazzjoni ġeografika reġistrata fir-Reġistru Internazzjonali tikser dritt ta’ trademark preċedenti;

(d)li l-protezzjoni fl-Unjoni tal-indikazzjoni ġeografika proposta tipperikola l-użu ta’ isem identiku għalkollox jew parzjalment jew in-natura esklussiva ta’ trademark jew il-valur ekonomiku ta’ prodotti li tqiegħdu legalment fis-suq għal mill-inqas ħames snin qabel id-data tal-pubblikazzjoni tal-isem tal-indikazzjoni ġeografika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea skont l-Artikolu 4(2);

(e)li l-indikazzjoni ġeografika reġistrata fir-Reġistru Internazzjonali għandha x’taqsam ma’ prodott li fir-rigward tiegħu l-protezzjoni fl-UE ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi attwalment mhix ipprovduta;

(f)li l-isem li għalih tintalab ir-reġistrazzjoni huwa terminu ġeneriku fit-territorju tal-Unjoni.

(3)Ir-raġunijiet għall-oppożizzjoni kif stabbiliti fil-paragrafu 2 għandhom jiġu vvalutati mill-Kummissjoni fir-rigward tat-territorju tal-Unjoni jew parti minnu.

Artikolu 6
Deċiżjoni dwar il-protezzjoni fl-Unjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi ta’ pajjiż terz reġistrati fir-Reġistru Internazzjonali

(1)Meta l-Kummissjoni ma tirċievi l-ebda oppożizzjoni jew oppożizzjoni li hija inammissibbli, għandha, kif xieraq, tirrifjuta l-oppożizzjonijiet inammissibbli riċevuti u tieħu deċiżjoni li tagħti protezzjoni lill-indikazzjoni ġeografika permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni adottat skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 13(2).

(2)Fejn il-Kummissjoni tirċievi oppożizzjoni ammissibbli kif stipulat fl-Artikolu 5(2), għandha tieħu deċiżjoni dwar jekk tagħtix protezzjoni ta’ indikazzjoni ġeografika reġistrata fir-Reġistru Internazzjonali jew le permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni li għandu jiġi adottat skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 13(2). Fir-rigward ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi li jkopru prodotti li ma jaqgħux fil-kompetenza tal-Kumitati maħsuba fl-Artikolu 13(1) id-deċiżjoni għandha tiġi adottata mill-Kummissjoni mingħajr l-applikazzjoni tal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 13(2).

(3)Id-deċiżjoni li tingħata protezzjoni ta’ indikazzjoni ġeografika skont il-paragrafi 1 jew 2 għandha tistabbilixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-protezzjoni mogħtija u tista’ tinkludi kundizzjonijiet li huma kompatibbli mal-Att ta’ Ġinevra, u b’mod partikolari tagħti perjodu tranżitorju definit kif speċifikat fl-Artikolu 17 tal-Att ta’ Ġinevra u fir-Regola 14 tar-Regolamenti Komuni.

(4)Skont l-Artikolu 15(1) tal-Att ta’ Ġinevra, il-Kummissjoni għandha tinnotifika lill-Bureau Internazzjonali bir-rifjut tal-effetti tar-reġistrazzjoni internazzjonali kkonċernata fit-territorju tal-Unjoni, fi żmien sena minn meta tirċievi n-notifika ta’ reġistrazzjoni internazzjonali skont l-Artikolu 6(4) tal-Att ta’ Ġinevra.

Artikolu 7
Użu tal-
indikazzjonijiet ġeografiċi

(1)L-atti ta’ implimentazzjoni adottati mill-Kummissjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 6 għandhom japplikaw mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet speċifiċi oħra tal-Unjoni li għandhom x’jaqsmu mat-tqegħid fis-suq ta’ prodotti u, b’mod partikolari, mal-organizzazzjoni komuni tas-swieq agrikoli, standards sanitarji u fitosanitarji, u għat-tikkettar tal-ikel. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Bureau Internazzjonali kif xieraq dwar dawn il-kundizzjonijiet ta’ użu fil-mument tal-adeżjoni.

(2)Bla ħsara għall-paragrafu 1, l-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti skont dan ir-Regolament jistgħu jintużaw minn kwalunkwe operatur li jikkummerċjalizza prodott skont ir-reġistrazzjoni internazzjonali.

Artikolu 8
Kanċellazzjoni ta’ indikazzjoni ġeografika ta’ pajjiż terz reġistrata fir-Reġistru Internazzjonali

Il-Kummissjoni , fuq l-inizjattiva tagħha stess jew wara talba debitament sostanzjata minn Stat Membru, pajjiż terz jew persuna fiżika jew ġuridika li jkollha interess leġittimu, tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jikkanċellaw il-protezzjoni fl-Unjoni ta’ indikazzjoni ġeografika reġistrata fir-Reġistru Internazzjonali f’waħda jew aktar minn dawn iċ-ċirkustanzi:

(a)l-indikazzjoni ġeografika, ma għadhiex protetta fil-Parti Kontraenti ta’ Oriġini;

(b)l-indikazzjoni ġeografika ma għadhiex reġistrata fir-Reġistru Internazzjonali;

(c)fejn ma tkunx għadha żgurata l-konformità mal-elementi mandatorji stabbiliti fir-Regola 5(2) tar-Regolamenti Komuni jew b’dettalji dwar il-kwalità, ir-reputazzjoni jew il-karatteristiċi kif stabbiliti fir-Regola 5(3) ta’ dawk ir-Regolamenti.

L-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fl-ewwel paragrafu għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 13(2).

Il-Kummissjoni għandha tinnotifika lill-Bureau Internazzjonali mingħajr dewmien dwar l-invalidazzjoni tal-effetti fit-territorju tal-Unjoni tar-reġistrazzjoni internazzjonali tal-indikazzjoni ġeografika kkanċellata skont l-ewwel paragrafu.

Artikolu 9
Relazzjoni mat-trademarks

(1)Il-protezzjoni ta’ indikazzjoni ġeografika ma għandhiex tippreġudika l-validità ta’ trademark preċedenti li saret applikazzjoni għaliha jew reġistrata bil-bona fide, jew akkwistata permezz ta’ użu bil-bona fide fit-territorju tal-Unjoni.

(2)Indikazzjoni ġeografika reġistrata fir-Reġistru Internazzjonali ma għandhiex tkun protetta fit-territorju tal-Unjoni fejn fid-dawl tar-reputazzjoni u l-fama tat-trademark u t-tul ta’ żmien li tkun intużat, il-protezzjoni tal-indikazzjoni ġeografika msemmija fit-territorju tal-Unjoni tkun tista’ tiżgwida lill-konsumatur dwar l-identità vera tal-prodott.

(3)Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2, trademark preċedenti applikata jew reġistrata bil-bona fide fit-territorju tal-Unjoni, jew akkwistata permezz ta’ użu bil-bona fide li l-użu tagħha jikser il-protezzjoni ta’ indikazzjoni ġeografika, tista’ tibqa’ tintuża u tiġġedded għall-prodott ikkonċernat minkejja l-protezzjoni ta’ indikazzjoni ġeografika sakemm ma teżisti l-ebda raġuni għall-invalidità jew għar-revoka skont ir-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 9 . F’każijiet bħal dawn l-użu tal-indikazzjoni ġeografika għandu jkun permess kif ukoll l-użu tat-trademark ikkonċernata.

Artikolu 10
Protezzjoni tranżitorja

(1)Dawk l-Istati Membri li kienu membri tal-Unjoni Speċjali qabel l-adeżjoni tal-Unjoni mal-Att ta’ Ġinevra jistgħu jagħtu protezzjoni lil pajjiż terz parti kontraenti għall-Ftehim ta’ Lisbona tal-1958, jew għal dak il-Ftehim kif rivedut fi Stokkolma fl-14 ta’ Lulju 1967 u emendat fit-28 ta’ Settembru 1979 permezz ta’ sistema ta’ protezzjoni nazzjonali, b’effett mid-data li fiha l-Unjoni ssir parti kontraenti għall-Att ta’ Ġinevra, fir-rigward ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi reġistrati f’dik id-data skont l-Unjoni Speċjali, jew b’effett mid-data li fiha r-reġistrazzjoni internazzjonali fir-Reġistru Internazzjonali tal-indikazzjoni ġeografika tiġi nnotifikata lill-Istat Membru mill-Kummissjoni.

Dawn is-sistemi ta’ protezzjoni nazzjonali għandhom jieqfu fil-jum meta tittieħed id-deċiżjoni dwar il-protezzjoni skont dan ir-Regolament jew fil-jum meta jintemm l-effett tar-reġistrazzjoni internazzjonali.

(2)Fejn isem ta’ pajjiż terz ma jkunx ġie reġistrat skont dan ir-Regolament, ir-responsabbiltà għall-konsegwenzi ta’ tali protezzjoni nazzjonali għandha tkun biss tal-Istat Membru kkonċernat.

(3)Il-miżuri meħudin mill-Istati Membri skont l-ewwel paragrafu għandu jkollhom effett fil-livell nazzjonali biss, u ma għandu jkollhom l-ebda effett fuq il-kummerċ fi ħdan l-Unjoni jew fuq dak internazzjonali.

Artikolu 11
Tariffi

It-tariffi li għandhom jitħallsu skont l-Artikolu 7 tal-Att ta’ Ġinevra, kif speċifikat fir-Regolamenti Komuni, għall-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni fil-Bureau Internazzjonali għar-reġistrazzjoni internazzjonali ta’ indikazzjoni ġeografika fir-Reġistru Internazzjonali, u għall-forniment ta’ estratti, attestazzjonijiet, jew informazzjoni oħra dwar il-kontenut ta’ dan ir-reġistru, għandhom jitħallsu mill-Istat Membru li minnu l-indikazzjoni ġeografika toriġina.

Dan huwa mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe deċiżjoni minn Stat Membru li jfittex rimborż tal-ammonti msemmija fl-ewwel paragrafu mill-grupp ta’ produtturi jew produttur uniku li juża l-indikazzjoni ġeografika li għaliha hija mitluba r-reġistrazzjoni internazzjonali.

Artikolu 12
Kontribuzzjoni finanzjarja speċjali

Meta d-dħul mill-Unjoni Speċjali jkun derivat skont l-Artikolu 24(2)(v) tal-Att ta’ Ġinevra, l-Unjoni tista’ tagħmel kontribuzzjoni speċjali skont il-mezzi disponibbli għal dak l-iskop mill-baġit annwali tal-Unjoni.

Artikolu 13
Proċedura tal-Kumitati

(1)Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-Kumitati li ġejjin fit-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011, fir-rigward tal-prodotti li ġejjin:

(a)għal prodotti tas-settur tal-inbid li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 92(1) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, mill-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli stabbilit bl-Artikolu 229 ta’ dak ir-Regolament;

(b)għall-prodotti tal-inbid aromatizzat kif definit fl-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) Nru 251/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 10 , mill-Kumitat dwar il-prodotti tal-inbid aromatizzat stabbilit bl-Artikolu 34 ta’ dak ir-Regolament;

(c)għal xorb spirituż kif definit fl-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 110/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 11 , mill-Kumitat tax-Xorb Spirituż stabbilit bl-Artikolu 25 ta’ dak ir-Regolament;

(d)għal prodotti li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, mill-Kumitat tal-Politika dwar il-Kwalità tal-Prodotti Agrikoli stabbilit bl-Artikolu 57 ta’ dak ir-Regolament;

(2)Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 14
Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

DIKJARAZZJONI FINANZJARJA LEĠIŻLATTIVA

DIKJARAZZJONI FINANZJARJA

FS/18/YG/mh

agri.ddg1.a.2(2018)1387240

6.221.2018.1

DATA: 05.03.2018

1.

INTESTATURA TAL-BAĠIT:

05 06 01

APPROPRJAZZJONIJIET:

EUR 7,228 miljun

2.

TITOLU:
Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-azzjoni tal-Unjoni wara l-adeżjoni tagħha fl-Att ta’ Ġinevra tal-Ftehim ta’ Lisbona dwar id-Denominazzjonijiet ta’ Oriġini u l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi

3.

BAŻI ĠURIDIKA:

L-Artikolu 207 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

4.

GĦANIJIET:

L-istabbiliment tar-regoli dwar l-implimentazzjoni tal-adeżjoni tal-Unjoni Ewropea mal-Unjoni ta’ Lisbona bħala Parti Kontraenti għall-Att ta’ Ġinevra tal-Ftehim ta’ Lisbona dwar id-Denominazzjonijiet ta’ Oriġini u l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi

5.

IMPLIKAZZJONIJIET FINANZJARJI

PERJODU TA’ 12-IL XAHAR


(EUR miljun)

SENA FINANZJARJA ATTWALI

2018

(EUR miljun)

IS-SENA FINANZJARJA TA’ WARA

2019

(EUR miljun)

5.0

NEFQA

-    IMĦALLSA MILL-BAĠIT TAL-UE
(RIFUŻJONIJIET/INTERVENTI)

-    AWTORITAJIET NAZZJONALI

-    OĦRAJN

-

1,0

1,0

-

-

1,0 (stima)

5.1

DĦUL

-    RIŻORSI PROPRJI TAL-UE
(IMPOSTI/DAZJI DOGANALI)

-    NAZZJONALI

2020

2021

2022

2023

5.0.1

NEFQA PROĠETTATA

5.1.1

DĦUL PROĠETTAT

5.2

METODU TA’ KALKOLU: mhux determinat f’dan l-istadju

6.0

JISTA’ L-PROĠETT IKUN IFFINANZJAT MILL-APPROPRJAZZJONIJIET REĠISTRATI FIL-KAPITOLU RILEVANTI TAL-BAĠIT ATTWALI?

IVA LE

6.1

JISTA’ L-PROĠETT IKUN IFFINANZJAT PERMEZZ TA’ TRASFERIMENT BEJN IL-KAPITOLI TAL-BAĠIT ATTWALI?

IVA LE

6.2

JISTA’ BAĠIT SUPPLIMENTARI JKUN NEĊESSARJU?

IVA LE

6.3

JISTA’ JKUN HEMM BŻONN LI L-APPROPRIJAZZJONIJIET JIDDAĦĦLU FIL-BAĠITS FUTURI?

IVA LE

OSSERVAZZJONIJIET:

It-tariffi għandhom jitħallsu mill-Istat Membru li minnu qed toriġina l-indikazzjoni ġeografika. Madankollu, l-Unjoni tista’ tagħmel kontribuzzjoni speċjali skont l-Artikolu 24(2)(v) tal-Att ta’ Ġinevra bil-mezzi disponibbli għal dan il-għan fil-baġit annwali tal-Unjoni. Fl-2018, ammont ta’ EUR 1 miljun huwa allokat għal-linja baġitarja 05 06 01 għal dan il-għan.

(1)    ĠU C […], […], p. […].
(2)     http://www.wipo.int/edocs/lexdocs/treaties/en/lisbon/trt_lisbon_009en.pdf .
(3)    ĠU L […], […], p. […].
(4)     http://www.wipo.int/export/sites/www/lisbon/en/legal_texts/lisbon_agreement.pdf .
(5)    Ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1).
(6)    Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fil-prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671).
(7)    Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).
(8)    Ir-Regolamenti Komuni skont il-Ftehim ta’ Lisbona u l-Att ta’ Ġinevra tal-Ftehim ta’ Lisbona kif adottati mill-Assemblea tal-Unjoni ta’ Lisbona fil-11 ta’ Ottubru 2017, http://www.wipo.int/meetings/en/doc_details.jsp?doc_id=376416 , Dok. WIPOA/57/11 tal-11 ta’ Ottubru 2017
(9)    Ir-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 154 16.07.2017, p. 1).
(10)    Ir-Regolament (UE) Nru 251/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, it-tikkettar u l-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi tal-prodotti tal-inbid aromatizzat u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1601/91 (ĠU L 84, 20.3.2014, p.14).
(11)    Ir-Regolament (KE) Nru 110/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Jannar 2008 dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, l-ittikkettar, u l-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi, ta’ xorb spirituż u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1576/89 (ĠU L 39, 13.2.2008, p.16).
Top