EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018PC0311

Rakkomandazzjoni għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati bil-ħsieb li jitqassmu l-konċessjonijiet tad-WTO tal-Unjoni fil-forma ta’ Kwoti Tariffarji annessi mal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ tal-1994 fid-dawl tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni

COM/2018/311 final

Brussell, 22.5.2018

COM(2018) 311 final

Rakkomandazzjoni għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati bil-ħsieb li jitqassmu l-konċessjonijiet tad-WTO tal-Unjoni fil-forma ta’ Kwoti Tariffarji annessi mal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ tal-1994 fid-dawl tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u għanijiet tal-proposta

Fid-29 ta’ Marzu 2017, il-Gvern tar-Renju Unit innotifika lill-Kunsill Ewropew bl-intenzjoni tar-Renju Unit li joħroġ mill-Unjoni Ewropea (UE) li tagħha bħalissa huwa Stat Membru.

Il-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE għandu implikazzjonijiet lil hinn mir-relazzjoni bilaterali bejn l-UE u r-Renju Unit, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-impenji tagħhom fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) . Kemm l-UE kif ukoll ir-Renju Unit huma Membri oriġinali tad-WTO. Meta l-Komunità Ewropea aċċettat il-Ftehim tad-WTO u l-Ftehimiet tal-Kummerċ Multilaterali fl-1994, l-iskeda ta’ konċessjonijiet u impenji, li ġew annessi mal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ tal-1994 (GATT 1994) għall-Komunitajiet Ewropej (l-iskeda tad-WTO tal-UE), hemm ġiet annessa fl-istess ħin għar-Renju Unit. Għalhekk, l-iskeda tal-UE fiha impenji applikabbli wkoll għar-Renju Unit fil-kapaċità tiegħu bħala Membru tad-WTO.

F’dak li jirrigwarda l-UE, l-impenji skedati tagħha għall-oġġetti ser jibqgħu applikabbli fit-territorju tagħha, iżda l-impenji kwantitattivi eżistenti tal-UE, notevolment il-Kwoti Tariffarji (TRQs), se jeħtieġu ċerti aġġustamenti biex jirriflettu l-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE. Peress li l-iskeda tad-WTO tal-UE mhux ser jibqgħu applikabbli għar-Renju Unit, hemm bżonn li t-TRQs ikkonsolidati eżistenti tad-WTO tal-UE (prodotti agrikoli, tal-ħut u industrijali) jitqassmu bejn ir-Renju Unit u l-UE biex isiru effettivi fid-data li fiha l-iskeda tad-WTO tal-UE ma tibqax tapplika għar-Renju Unit.

F’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu XXVIII tal-GATT tal-1994 għall-modifikazzjoni tal-konċessjonijiet, l-UE se jkollha bżonn tmexxi negozjati dwar it-tqassim tat-TRQs mal-Membri kkonċernati tad-WTO li ġew identifikati bħala li għandhom id-drittijiet rilevanti għall-aċċess tas-suq skont it-TRQs individwali (għandhom l-hekk imsejjaħ interess prinċipali jew sostanzjali jew għandhom id-dritt inizjali ta’ negozjati). L-UE se tikkonsulta wkoll mal-Membri tad-WTO li għandhom id-drittijiet ta’ konsultazzjoni.

Hemm bżonn li dawn in-negozjati jitwettqu f’perjodu ta’ żmien ristrett. Hu antiċipat li r-Renju Unit se joħroġ mill-UE fit-30 ta’ Marzu 2019. Minkejja dan, bħalissa qed jiġi nnegozjat Ftehim dwar il-Ħruġ u n-negozjaturi tal-UE u tar-Renju Unit qablu dwar it-test għall-arranġamenti tranżizzjonali fejn bih, mad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, id-dritt tal-Unjoni, inklużi l-ftehimiet internazzjonali li tagħhom l-Unjoni tagħmel parti bħall-GATT tal-1994, jenħtieġ li japplikaw għar-Renju Unit mid-data tal-ħruġ sal-31 ta’ Diċembru 2020.

Madankollu, ma jistax jiġi eskluż li, jista' jkun, il-ftehimiet tal-Artikolu XXVIII mal-Membri rilevanti tad-WTO ma jkunux ġew konklużi fil-limitu taż-żmien disponibbli, għallinqas mhux għat-TRQs kollha kkonċernati.

Għal dan il-għan, b’mod parallel ma’ din ir-rakkomandazzjoni, il-Kummissjoni qiegħda tipproponi att leġiżlattiv bażiku (li jsegwi l-Proċedura Leġiżlattiva Ordinarja) biex jiġi żgurat li fin-nuqqas ta’ tali ftehimiet tal-Artikolu XXVIII, l-UE tista’ tipproċedi bit-tqassim tat-TRQs b’mod unilaterali f’konformità mal-Artikolu XXVIII u li l-Kummissjoni tingħata s-setgħat meħtieġa biex għaldaqstant temenda d-dispożizzjonijiet rilevanti tal-UE dwar il-ftuħ u l-implimentazzjoni tat-TRQs rilevanti.

Għalhekk, l-għan ta’ din ir-Rakkomandazzjoni huwa li tawtorizza l-ftuħ tan-negozjati mill-Kummissjoni skont l-Artikolu XXVIII tal-GATT tal-1994 biex timmodifika l-konċessjonijiet rilevanti (b’mod partikolari t-TRQs ikkonsolidati tad-WTO) fl-iskeda tad-WTO tal-Unjoni Ewropea, sabiex jitqassmu bejn l-Unjoni u r-Renju Unit.

Barra minn hekk, hemm bżonn li r-Renju Unit jibda l-proċeduri fid-WTO biex jistabbilixxi l-iskeda ta’ konċessjonijiet u impenji tiegħu stess diġà qabel id-data li fiha ma jibqax Stat Membru tal-Unjoni. Għalhekk, hemm bżonn li r-Renju Unit jiġi awtorizzat li jwettaq il-proċeduri meħtieġa għal dan il-għan bil-ħsieb li jintlaħaq ftehim ma’ Membri oħra tad-WTO dwar il-porzjon tiegħu tat-TRQs li bħalissa huma inklużi fl-iskeda tad-WTO tal-Unjoni Ewropea.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

Mhux applikabbli.

Konsistenza ma' politiki oħra tal-Unjoni

Mhux applikabbli.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

L-Artikolu 207 u l-Artikolu 218(3) u (4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

Il-politika kummerċjali komuni hija mniżżla fost l-oqsma ta’ kompetenza esklużiva tal-Unjoni fl-Artikolu 3 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). Skont l-Artikolu 5(3) tat-TFUE, il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax fl-oqsma ta’ kompetenza esklużiva tal-Unjoni.

Proporzjonalità

Din ir-Rakkomandazzjoni tipproponi lill-Kunsill biex jawtorizza lill-Kummissjoni biex tiftaħ negozjati skont l-Artikolu XXVIII tal-GATT tal-1994 bil-ħsieb li jiġu mmodifikati l-konċessjonijiet tad-WTO tal-Kwoti Tariffarji kkonsolidati tal-UE. Skont ir-regoli tad-WTO, din il-proċedura trid tiġi segwita sabiex tibdel il-konċessjonijiet stabbiliti fl-iskeda ta’ Membru tal-WTO. Fid-dawl ta’ dan, il-miżura proposta hija proporzjonata mal-objettivi stabbiliti hawn fuq.

Għażla tal-istrument

L-istrument disponibbli biex jintlaħaq l-għan huwa ftehim internazzjonali. Għalhekk hemm bżonn ta’ awtorizzazzjoni biex jinfetħu n-negozjati għal ftehim internazzjonali.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Mhux applikabbli.

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Mhux applikabbli.

Ġbir u użu tal-għarfien espert

Mhux applikabbli.

Valutazzjoni tal-impatt

Mhux applikabbli.

Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

Mhux applikabbli.

Drittijiet fundamentali

Mhux applikabbli.

4.IMPLIKAZZJONIJIET GĦALL-BAĠIT

Mhux applikabbli.

5.ELEMENTI OĦRA

Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rappurtar

Mhux applikabbli.

Dokumenti ta’ spjegazzjoni (għad-direttivi)

Mhux applikabbli.

Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

Mhux applikabbli.

Rakkomandazzjoni għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati bil-ħsieb li jitqassmu l-konċessjonijiet tad-WTO tal-Unjoni fil-forma ta’ Kwoti Tariffarji annessi mal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ tal-1994 fid-dawl tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 218(3) u (4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)L-impenji kwantitattivi eżistenti fil-qasam tal-oġġetti magħmula mill-Unjoni Ewropea fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) ser jeħtieġu ċerti aġġustamenti biex jirriflettu l-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq (ir-Renju Unit) mill-Unjoni. B’mod partikolari, hemm bżonn li l-kwoti tariffarji eżistenti għal ċerti prodotti agrikoli, ta’ ħut u industrijali inklużi fl-Iskeda ta’ konċessjonijiet u impenji tal-Unjoni, annessa mal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ tal-1994 (GATT tal-1994) jitqassmu bejn ir-Renju Unit u l-Unjoni wara l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni.

(2)Għalhekk, il-Kummissjoni jenħtieġ li tiġi awtorizzata biex tiftaħ negozjati skont l-Artikolu XXVIII tal-GATT tal-1994 ma’ dawk il-Membri tad-WTO li għandhom id-drittijiet ta’ negozjati bil-ħsieb li jiġu mmodifikati dawk il-kwoti tariffarji.

(3)Hemm bżonn li r-Renju Unit jibda l-proċeduri fid-WTO biex jistabbilixxi l-iskeda ta’ konċessjonijiet u impenji tiegħu stess qabel id-data diġà li fiha ma jibqax Membru tal-Unjoni.

(4)Għalhekk hemm bżonn li r-Renju Unit jiġi awtorizzat biex iwettaq il-proċeduri meħtieġa bil-ħsieb li jistabbilixxi l-iskeda ta’ konċessjonijiet u impenji tiegħu stess, annessa mal-GATT tal-1994, inklużi n-negozjati ma’ membri oħra tad-WTO dwar il-porzjonijiet tal-kwoti tariffarji li jridu jiġu inklużi fiha.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

B’dan hawnhekk, il-Kummissjoni hija awtorizzata li tiftaħ in-negozjati f’isem l-Unjoni, mal-Membri tad-WTO li għandhom drittijiet ta’ negozjati bil-ħsieb li jiġu mmodifikati l-kwoti tar-rati tariffarji li bħalissa huma inklużi fl-iskeda ta’ konċessjonijiet u impenji tal-Unjoni Ewropea, annessa mal-GATT tal-1994.

Artikolu 2

Id-direttivi ta’ negozjati indirizzati lill-Kummissjoni huma stabbiliti fl-Anness.

Artikolu 3

In-negozjati għandhom jitwettqu mill-Kummissjoni f’konsultazzjoni ma’ [name of the special committee to be inserted by the Council].

Artikolu 4

B’dan hawnhekk, ir-Renju Unit huwa awtorizzat li jibda l-proċeduri meħtieġa bil-ħsieb li jistabbilixxi l-iskeda ta’ konċessjonijiet u impenji tiegħu stess, annessa mal-GATT tal-1994, kif ukoll kwalunkwe limiti kwantitattivi li hemm fiha, inklużi n-negozjati ma’ Membri oħra tad-WTO dwar il-porzjon tiegħu ta’ kwoti tariffarji li bħalissa huma inklużi fl-iskeda ta’ konċessjonijiet u impenji tal-Unjoni Ewropea, annessa mal-GATT tal-1994.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni u lir-Renju Unit.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

Top