EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018PC0239

Proposta għal DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li temenda d-Direttiva (UE) 2017/1132 fir-rigward tal-użu ta’ għodod u proċessi diġitali fid-dritt soċjetarju

COM/2018/239 final - 2018/0113 (COD)

Brussell, 25.4.2018

COM(2018) 239 final

2018/0113(COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li temenda d-Direttiva (UE) 2017/1132 fir-rigward tal-użu ta’ għodod u proċessi diġitali fid-dritt soċjetarju

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

{SWD(2018) 141 final}

{SWD(2018) 142 final}


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet għall-proposta u l-objettivi tagħha

L-ekonomija tal-UE teħtieġ kumpaniji f’saħħithom u li qed jiffjorixxu li jistgħu joperaw faċilment fis-Suq Uniku. Kumpaniji bħal dawn għandhom irwol kruċjali fil-promozzjoni tat-tkabbir ekonomiku, fil-ħolqien tal-impjiegi u biex jiġi attirat l-investiment fl-Unjoni Ewropea. Jgħinu jwasslu valur ekonomiku ikbar kif ukoll valur soċjali għas-soċjetà b’mod ġenerali. Sabiex jilħqu dan l-għan, kumpaniji jeħtieġu joperaw f’ambjent legali u amministrattiv li kemm jiffaċilita t-tkabbir kif ukoll adattat biex jaffaċċja l-isfidi ekonomiċi u soċjali ġodda ta’ dinja globalizzata u diġitali, filwaqt li jippruvaw jilħqu interessi pubbliċi leġittimi oħra bħall-protezzjoni ta’ impjegati, kredituri u azzjonisti minoritarji u jipprovdu lill-awtoritajiet bis-salvagwardji kollha meħtieġa biex jikkumbattu l-frodi jew l-abbuż.

Huwa b’dan l-għan fil-mira li l-Kummissjoni qed tippreżenta din il-proposta, flimkien mal-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva (UE) 2017/1132 dwar konverżjonijiet, fużjonijiet u diviżjonijiet transfruntiera - sett komprensiv ta’ miżuri għal regoli tad-dritt soċjetarju ġusti, faċilitanti u moderni.

Fl-UE hemm madwar 24 miljun kumpanija, li minnhom madwar 80 % huma kumpaniji b’responsabbiltà limitata. Madwar 98-99 % tal-kumpaniji b’responsabbiltà limitata huma SMEs.

Il-kumpaniji qegħdin jużaw dejjem aktar għodod diġitali fin-negozju tagħhom u jridu wkoll jinteraġixxu ma’ awtoritajiet pubbliċi, iżda dan mhux dejjem ikun possibbli permezz ta’ mezzi onlajn. Fl-UE hemm differenzi sinifikanti bejn l-Istati Membri fejn tidħol id-disponibbiltà tal-għodod onlajn għal kumpaniji fil-kuntatti tagħhom ma’ awtoritajiet pubbliċi fil-qasam tad-dritt soċjetarju. Il-gradi li l-Istati Membri joffru servizzi ta’ gvern elettroniku jvarjaw: uħud huma avvanzati ħafna u jipprovdu soluzzjonijiet kompletament onlajn li faċli tużahom, filwaqt li oħrajn ma joffru l-ebda soluzzjoni onlajn għal passi kritiċi fiċ-ċiklu tal-ħajja ta’ kumpanija, bħar-reġistrazzjoni tal-kumpanija bħala entità legali.

Il-kisba ta’ suq intern aktar profond u ġust hija waħda mill-għaxar prijoritajiet ewlenin tal-Kummissjoni, flimkien mal-iżvilupp tas-Suq Uniku Diġitali. L-Istrateġija għal Suq Uniku Diġitali tal-2015 1 u l-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Gvern elettroniku tal-2016 2 emfasizzaw ir-rwol tal-amministrazzjonijiet pubbliċi biex jgħinu lin-negozji jibdew faċilment in-negozju tagħhom, joperaw onlajn u jespandu lil hinn mill-fruntieri. Il-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Gvern elettroniku speċifikament irrikonoxxa l-importanza ta’ titjib fl-użu ta’ għodod diġitali meta wieħed ikun qed jikkonforma ma’ rekwiżiti relatati mad-dritt soċjetarju. Il-Proposta għal Regolament dwar il-Portal Diġitali Uniku 3 tenfasizza l-importanza tal-għodod u l-proċessi diġitali biex jgħinu lin-negozji jieħdu vantaġġ sħiħ tas-Suq Uniku u teħtieġ id-diġitalizzazzjoni sħiħa tal-proċeduri amministrattivi l-aktar importanti għal utenti transkonfinali.

Il-Parlament Ewropew, fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-2017 dwar il-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Gvern elettroniku 4 , stieden lill-Kummissjoni tikkunsidra aktar modi kif tippromwovi soluzzjonijiet diġitali għal formalitajiet matul iċ-ċiklu tal-ħajja ta’ kumpanija u enfasizza l-importanza ta’ ħidma fuq l-interkonnessjoni tar-reġistri kummerċjali.

Fil-Konklużjonijiet tiegħu tal-2015 5 dwar il-Politika tas-Suq Uniku, il-Kunsill ħeġġeġ ukoll lill-Kummissjoni tindirizza r-reġistrazzjoni onlajn ta’ kumpaniji permezz tal-użu tal-Pakkett tas-Suq Diġitali Uniku. F’dan l-isfond, il-Programm ta’ Ħidma tal-2017 tal-Kummissjoni inkluda inizjattiva tad-dritt soċjetarju biex tiffaċilita l-użu ta’ teknoloġiji diġitali matul iċ-ċiklu tal-ħajja ta’ kumpanija (ikkonfermata b’mod ugwali fir-Rieżami ta’ Nofs it-Terminu tas-Suq Uniku Diġitali 6 ). Barra minn hekk, riċentament fid-dikjarazzjoni ta’ Tallinn dwar il-Gvern elettroniku 7 l-Istati Membri għamlu talba b’saħħitha biex jiżdiedu l-isforzi għall-provvediment ta’ proċeduri elettroniċi effiċjenti u li jirrivolvu madwar l-utent fl-UE. Il-Kummissjoni inkludiet inizjattiva dwar id-dritt soċjetarju bħala parti mill-Programm ta’ Ħidma tagħha tal-2017 8 .

Bħalissa, id-dritt soċjetarju tal-UE 9 tinkludi ċerti elementi tad-diġitalizzazzjoni bħall-obbligu tal-Istati Membri li jagħmlu disponibbli onlajn informazzjoni dwar kumpaniji b’responsabbiltà limitata rreġistrati f’reġistri ċentrali, kummerċjali u tal-kumpaniji (minn hawn ‘il quddiem “reġistri”). Madankollu dawn ir-rekwiżiti huma limitati u mhumiex preċiżi, u dan iwassal għal implimentazzjoni diversa ħafna fil-livell nazzjonali.

Barra minn hekk, ċerti proċessi diġitali, pereżempju ir-reġistrazzjoni onlajn ta’ kumpaniji, mhumiex koperti bl-ebda mod mil-liġi tal-UE u huma biss għadd ta’ Stati Membri li jindirizzawhom fil-livell nazzjonali. Xi Stati Membri jippermettu biss proċedura wiċċ imb’wiċċ għar-reġistrazzjoni ta’ kumpaniji u l-preżentazzjoni ta’ tibdiliet, filwaqt li oħrajn jippermettu kemm proċeduri onlajn kif ukoll wiċċ imb’wiċċ jew onlajn biss. Is-sitwazzjoni hija simili għar-reġistrazzjoni onlajn ta’ fergħat. Għalkemm il-fergħat m’għandhomx personalità ġuridika, xorta waħda jridu jiġu rreġistrati fir-reġistru kummerċjali 10 . Ir-reġistrazzjoni ta’ fergħa prinċipalment issegwi l-istess rekwiżiti bħar-reġistrazzjoni ta’ kumpanija.

Ir-regoli attwali tal-UE jipprovdu għall-pubblikazzjoni tal-informazzjoni rreġistrata dwar il-kumpaniji kollha jew parti minnha fil-gazzetta nazzjonali. Huwa biss permezz tal-pubblikazzjoni fil-gazzetta nazzjonali (jew mezzi effettivi ndaqs) li l-informazzjoni żvelata ssir legalment effettiva. Tali rekwiżit imur lura għall-bidu tad-dritt soċjetarju tal-UE meta l-pubblikazzjoni fil-gazzetta uffiċjali kienet l-unika mod biex tiġi żgurata ċ-ċertezza u t-trasparenza fl-informazzjoni kummerċjali. L-Istati Membri jistgħu jżommu l-gazzetta nazzjonali f’forma elettronika iżda għadha teżisti l-possibbiltà ta’ preżentazzjoni multipla ta’ rekwiżiti ta’ informazzjoni fl-Istati Membri (jiġifieri kemm għar-reġistru kummerċjali u kemm għall-gazzetta nazzjonali). Barra minn hekk, kumpaniji li għandhom fergħa f’pajjiż ieħor tal-UE jridu jissottomettu l-kontijiet annwali tagħhom kemm lir-reġistru fejn hija reġistrata l-kumpanija kif ukoll lir-reġistru tal-Istat Membru fejn hija reġistrata l-fergħa.

Partijiet terzi (investituri, ċittadini, kumpaniji oħra) ikollhom bżonn jaċċessaw informazzjoni dwar il-kumpanija fir-reġistri. Il-liġi tal-UE tistabbilixxi sett minimu ta’ dejta li dejjem għandha tiġi pprovduta bla ħlas, madanakollu, dan jibqa’ limitat 11 . Għall-informazzjoni l-oħra dwar il-kumpanija l-biċċa l-kbira tal-Istati Membri jimponu ħlasijiet għal dik l-informazzjoni kollha jew partijiet minnha. Għalhekk, l-aċċess għall-informazzjoni jvarja madwar l-UE, b’aktar informazzjoni disponibbli b’xejn f’uħud mill-Istati Membri milli f’oħrajn, li joħloq sitwazzjoni ta’ żbilanċ fl-UE.

In-nuqqas ta’ regoli għal reġistrazzjoni, arkivjar u pubblikazzjoni onlajn jew id-diverġenza ta’ regoli bħal dawn fl-Istati Membri joħolqu spejjeż u piżijiet bla ħtieġa għal imprendituri li jixtiequ jistabbilixxu negozju ġdid jew jespandu n-negozju tagħhom billi jirreġistraw sussidjarji jew fergħat jew jissodisfaw rekwiżiti speċifiċi onlajn. Imbagħad dan jista’ jwassal għal opportunitajiet mitlufa ta’ negozju minħabba dewmien fir-reġistrazzjoni ta’ negozju jew fl-agħar każ għad-deċiżjoni li ma jiġix stabbilit negozju.

Il-proċessi fl-Istati Membri li implimentaw soluzzjonijiet għal reġistrazzjoni onlajn ġeneralment ikunu orħos u jiġu pproċessati aktar malajr minn dawk fejn l-applikazzjonijiet isiru wiċċ imb’wiċċ u fuq il-karta 12 . Kumpaniji li m’għandhomx l-għażla li jirreġistraw onlajn jeħlu spejjeż ogħla minn dawk li jistgħu jagħmlu l-proċedura kollha onlajn. Il-ħin neċessarju biex titlesta l-proċedura wkoll iżid mal-ispejjeż li jġarrbu l-kumpaniji u meta l-proċeduri jirrikjedu l-preżenza fiżika quddiem awtorità kompetenti, il-ħin biex titlesta l-proċedura huwa itwal minn meta l-proċeduri jsiru onlajn mill-bidu sal-aħħar. L-awtoritajiet kompetenti rilevanti fl-Istati Membri – prinċipalment ir-reġistri kummerċjali – huma affettwati wkoll mill-adozzjoni bil-mod tagħhom stess ta’ soluzzjonijiet diġitali. Prova ta’ dan tingħata prinċipalment permezz ta’ kontroeżempji minn dawk li diġà għamlu progress fid-diġitalizzazzjoni tal-proċessi tagħhom matul dawn l-aħħar ftit snin. Reġistri li għadhom mhumiex joffru proċeduri onlajn aktar effiċjenti għal kumpaniji mhumiex igawdu mill-effiċjenzi li dawn is-soluzzjonijiet jistgħu jagħtu lill-organizzazzjonijiet tagħhom stess.

Jenħtieġ li l-użu ta’ soluzzjonijiet diġitali fid-dritt soċjetarju, b’mod partikolari għar-reġistrazzjoni tal-kumpaniji, jsir b’tali mod li jevita l-possibbiltà ta’ frodi. Il-fenomenu ta’ kumpaniji tal-isem kien ta’ tħassib u indikat minn xi partijiet interessati. Din il-proposta ma għandhiex l-għan li tindirizza speċifikament il-kwistjoni ta’ kumpaniji tal-isem peress li ma tarmonizzax ir-rekwiżiti sostantivi għat-twaqqif ta’ kumpanija jew għan-negozjar. Hija mingħajr preġudizzju lejn ir-regoli stipulati f’ċerti oqsma, bħall-istazzjonar ta’ ħaddiema 13 , il-koordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali 14 u t-trasport bit-triq 15 , sabiex tiżgura li impriżi ma jieħdux vantaġġ mhux xieraq jew b’mod qarrieqi mil-libertajiet tat-Trattat permezz ta’ kumpaniji tal-isem li ma jwettqux ġenwinament attivitajiet sostanzjali. Rekwiżiti sostantivi tal-inkorporazzjoni ta’ kumpaniji kif ukoll fatturi ta’ konnessjoni jaqgħu taħt il-liġijiet nazzjonali tal-Istati Membri. Madankollu, f’dan l-ambitu, u biex tindirizza tħassib emfasizzat minn xi partijiet interessati fil-konsultazzjoni pubblika, il-proposta tistabbilixxi salvagwardji kontra l-frodi u l-abbuż bħall-kontroll ta’ identifikazzjoni obbligatorju, regoli dwar diretturi skwalifikati u l-possibbiltà li Stati Membri jirrikjedu l-involviment ta’ persuna jew korp fil-proċess, bħal nutara jew avukati. Hemm ukoll miżuri oħra li ttieħdu mill-Kummissjoni barra mill-ambitu ta’ din il-proposta biex jiġi evitat l-użu ta’ kumpaniji għal attivitajiet kriminali 16 . Il-Kunsill adotta għadd ta’ miżuri kontra l-evitar tat-taxxa korporattiva fi snin riċenti: Id-Direttiva tal-Kunsill 2015/2376 17 , id-Direttiva tal-Kunsill 2016/881 18 u d-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2016/1164 19 . Ftehim politiku fil-Kunsill intlaħaq fit-13 ta’ Marzu 2018 dwar il-proposta tal-Kummissjoni 20 għal Direttiva dwar l-iżvelar obbligatorju minn intermedjarji għal skemi ta’ pjanifikazzjoni fiskali, li jenħtieġ li jiġu adottati dalwaqt.

Id-diġitalizzazzjoni tar-reġistrazzjoni ta’ kumpaniji hija meqjusa minn ħafna bħala importantissima. Skont ir-riżultati ta’ konsultazzjoni pubblika fl-2016 ir-reġistrazzjoni ta’ attività kummerċjali, inkluż ir-reġistrazzjoni ta’ kumpanija kienet meqjusa bħala l-aktar proċedura onlajn importanti għal negozji li jenħtieġ li tkun disponibbli onlajn. Bħala risposta għal dan il-feedback, il-proposta tal-Kummissjoni dwar Portal Diġitali Uniku tkopri r-reġistrazzjoni ġenerali ta’ attività kummerċjali permezz ta’ mezzi onlajn minbarra għall-istabbiliment ta’ kumpaniji fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 54 TFUE. Din l-eċċezzjoni saret biex ikun jista’ jiġi indirizzat approċċ dedikat u komprensiv għar-reġistrazzjoni ta’ kumpaniji u għal kull avveniment proċedurali ieħor fiċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom fl-acquis tad-dritt soċjetarju. Meta adottat il-proposta għal Portal Diġitali Uniku, il-Kummissjoni impenjat ruħha li tipproponi regoli speċifiċi għal din iż-żona mingħajr dewmien.

Din il-proposta għandha l-għan li tindirizza l-kwistjonijiet deskritti hawn fuq u twieġeb għal sejħiet biex jiġu pprovduti aktar soluzzjonijiet diġitali għal kumpaniji fis-Suq Uniku. Għandha l-għan li tipprovdi aktar opportunitajiet ugwali għal kumpaniji fl-UE filwaqt li tiżgura li l-Istati Membri jkollhom il-flessibbiltà neċessarja biex jaġġustaw is-sistemi nazzjonali tagħhom skont il-bżonnijiet tagħhom u jżommu t-tradizzjonijiet legali tagħhom. Jenħtieġ li l-Istati Membri jippermettu u jippromwovu l-użu ta’ għodod u proċessi diġitali fid-dritt soċjetarju.

Konsistenza ma’ dispożizzjonijiet eżistenti ta’ politika fil-qasam tal-politika

Din il-proposta hija mmirata biex tikkumplimenta r-regoli eżistenti dwar il-liġi tal-kumpanija tal-UE kkodifikat fid-Direttiva (UE) 2017/1132. L-inizjattiva hija kompletament konformi ma’ elementi diġitali eżistenti tad-dritt soċjetarju tal-UE, u tibni fuqhom, b’mod partikulari fuq is-Sistema ta’ Interkonnessjoni tar-Reġistri Kummerċjali (BRIS) li hija bbażata fuq obbligi legali stipulati mid-Direttiva 2012/17/UE u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/884.

Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

Din l-inizjattiva se tikkontribwixxi għal diversi inizjattivi tal-Kummissjoni li għandhom l-għan li jtejbu l-funzjonament tas-Suq Uniku billi jagħmluh aktar fond u ġust u li jibnu Ewropa diġitali 21 . Se ssaħħaħ l-interazzjonijiet diġitali bejn amministrazzjonijiet u ċittadini / negozji, u tikkontribwixxi għal żieda fit-trasparenza. Barra minn hekk, se tippromwovi l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ darba biss li huwa appoġġat sew f’inizjattivi tal-Kummissjoni bħall-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Gvern elettroniku u inkluż fir-Regolament propost dwar il-Portal Diġitali Uniku, kif ukoll fid-dikjarazzjoni ta’ Tallinn riċenti dwar il-Gvern elettroniku. Filwaqt li din il-proposta tittratta xenarji ta’ sottomissjoni ta’ “darba biss” tad-dejta tal-kumpanija fil-kuntest tad-dritt soċjetarju, każijiet bħal dawn jikkontribwixxu għal sforzi usa’ għall-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ darba biss fil-livell tal-UE.

B’mod partikolari, din il-proposta se tikkumplimenta l-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament dwar l-istabbiliment ta’ Portal Uniku Diġitali li jkopri r-reġistrazzjoni ġenerali ta’ attività kummerċjali permezz ta’ mezzi onlajn għat-twaqqif ta’ kumpaniji b’responsabbiltà limitata. Din il-proposta ġiet allinjata mad-dispożizzjonijiet tal-Portal Diġitali Uniku. B’mod partikulari tipprovdi regoli sostanzjali u iktar speċifiċi dwar il-proċeduri biex jiġu stabbiliti u rreġistrati kumpaniji u fergħat b’responsabbiltà limitata u tikkostitwixxi “lex specialis” fir-rigward tal-Portal Diġitali Uniku. Huwa importanti li tiġi żgurata konformità bejn il-Portal Diġitali Uniku u din il-proposta sabiex tibni politika diġitali konsistenti u fit-tul. Għaldaqstant, l-informazzjoni dwar il-proċeduri skont din il-proposta għandha tiġi pprovduta fuq is-siti web disponibbli permezz tal-Portal Diġitali Uniku u jenħtieġ li tilħaq l-istess rekwiżiti ta’ kwalità, b’mod partikulari fir-rigward tal-ħtieġa li jkunu aġġornati, ċari u faċli għall-utenti. Il-proposta se tipprovdi wkoll il-kondizzjonijiet legali neċessarji għall-użu ta’ għodod u proċessi diġitali sabiex tippermetti lil kumpaniji jibbenefikaw mill-użu ta’ identifikazzjoni elettronika u servizzi fiduċjarji permezz tar-Regolament eIDAS 22 . Barra minn hekk, se tintroduċi l-prinċipju ta’ darba biss fil-qasam tal-liġi tal-kumpanija f’konformità mal-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Gvern elettroniku 2016 – 2020, b’appoġġ għall-isforzi fl-UE kollha biex jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi dwar ċittadini u negozji.

Fl-aħħar, ir-reġistrazzjoni onlajn ta’ kumpaniji se tibbenefika wkoll mir-Regolament riċenti dwar id-Dokumenti Pubbliċi 23 li se jeħtieġ li l-Istati Membri jaċċettaw serje ta’ dokumenti mingħand iċ-ċittadini mingħajr aktar verifika u traduzzjoni sa tmiem l-2018.

Kollox ma’ kollox, l-inizjattiva se ssaħħaħ l-effiċjenza u ċ-ċertezza tad-dritt ta’ proċeduri ta’ operazzjoni transfruntiera fir-rigward ta’ fużjonijiet, diviżjonijiet u konverżjonijiet transfruntiera bħala parti minn inizjattiva parallela, li jinkludu wkoll elementi mmirati ta’ diġitalizzazzjoni.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

Il-proposta hija bbażata fuq l-Artikolu 50 (1) u (2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) li huwa l-bażi ġuridika għall-kompetenza tal-UE biex tieħu azzjoni fil-qasam tad-dritt soċjetarju. B’mod partikolari, l-Artikolu 50(2) (f) jipprevedi t-tneħħija progressiva ta’ restrizzjonijiet dwar il-libertà tal-istabbiliment u l-Artikolu 50(2) (g) jipprevedi miżuri ta’ koordinazzjoni rigward il-protezzjoni ta’ interessi tal-membri ta’ kumpaniji u partijiet ikkonċernati oħrajn.

Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

L-objettiv ġenerali ta’ din il-proposta leġiżlattiva huwa li jiġi żgurat il-funzjonament bla xkiel tas-Suq Uniku tal-UE tul iż-żmien kollu taċ-ċiklu tal-ħajja ta’ kumpanija meta tkun f’kuntatt mal-awtoritajiet rigward reġistrazzjoni ta’ kumpanija u fergħat u l-preżentazzjoni ta’ informazzjoni. Dan mhuwiex limitat għat-territorju ta’ Stat Membru wieħed, iżda jkopri t-territorju sħiħ tal-UE. Jenħtieġ li r-reġistrazzjoni, il-preżentazzjoni u l-aċċess għal dejta ta’ kumpanija ma jkunux iġorru magħhom piżijiet regolatorji addizzjonali għall-applikanti meta jkunu qed jirreġistraw kumpaniji jew fergħat fi Stati Membri oħra. Ir-reġistrazzjoni transfruntiera ta’ kumpaniji u fergħat tista’ ssir b’mezzi onlajn ħafna iktar kosteffettivi. Biex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi fl-Istati Membri kollha, u minħabba n-natura transnazzjonali tas-Suq Uniku u n-neċessità li tiġi indirizzata s-sitwazzjoni attwali f’kuntest transkonfinali, l-azzjoni tal-UE se tkun l-aktar effettiva fit-tnaqqis tal-ispejjeż għan-negozji meta jirreġistraw kumpaniji u fergħat, jarkivjaw bidliet jew jaċċessaw dejta ta’ kumpanija. Jekk Stati Membri jaġixxu b’mod individwali dawn se jkomplu japplikaw ir-regoli tagħhom stess f’dan ir-rigward u ftit li xejn ikun hemm prospetti li dawn ir-regoli jindirizzaw is-sitwazzjonijiet transkonfinali b’manjiera kompatibbli.

Jidher, għalhekk, li mingħajr azzjoni fuq livell tal-UE, ikunu disponibbli biss soluzzjonijiet nazzjonali mhux armonizzati, u l-SMEs jibqgħu jiffaċċjaw ostakli li jagħmlu l-eżerċizzju effettiv tal-libertà tal-istabbiliment aktar diffiċli u l-kost riżultanti b’mod partikolari jaffettwa l-kumpaniji. F’dan il-kuntest, intervent immirat tal-UE jikkonforma mal-prinċipju tas-sussidjarjetà.

Il-proporzjonalità

Il-miżuri introdotti minn din il-proposta huma proporzjonati għall-objettiv tagħha li tipprovdi soluzzjonijiet diġitali għal kumpaniji fis-Suq Uniku matul iċ-ċiklu tal-ħajja sħiħ tagħha. Id-dispożizzjonijiet jeħtieġu lil Stati Membri jiżguraw il-possibbiltà tal-użu ta’ metodi onlajn għar-reġistrazzjoni ta’ kumpaniji jew il-preżentazzjoni ta’ bidliet iżda jagħtu flessibbiltà sħiħa lil Stati Membri biex jiksbu dan skont il-liġijiet u sistemi nazzjonali tagħhom. Il-valutazzjoni tal-impatt li takkumpanja din il-proposta tispjega l-ispiża u l-benefiċċji ta’ kull għażla għall-kumpaniji, partijiet ikkonċernati u Stati Membri billi tqis l-elementi neċessarji kollha inkluż benefiċċji għas-soċjetà u l-fattibbiltà politika. Pereżempju, ir-reġistrazzjoni onlajn fuq medja tieħu nofs daż-żmien u tista’ tiswa daqs tliet darbiet inqas milli kieku ssir tradizzjonalment fuq il-karta u l-iffrankar mir-reġistrazzjoni u l-preżentazzjoni onlajn, li jiġu ġġenerati ġaladarba din il-proposta tidħol fis-seħħ, huma stmati għal EUR 42 - 84 miljun fis-sena. Barra minn hekk, abbażi ta’ analiżi tal-effiċjenza, l-ispiża u l-benefiċċji ta’ kull għażla għall-kumpaniji, partijiet ikkonċernati u Stati Membri, jidher li l-azzjonijiet proposti ma jmorrux lil hinn minn dak li hu neċessarju biex jinkiseb l-għan u li l-impatti pożittivi tal-miżuri proposti huma iżjed mill-impatti negattivi possibbli (Taqsima 6.3 tal-valutazzjoni tal-impatt). L-ispejjeż inizjali tal-investiment relatati ma’ żviluppi fl-IT se jkunu kkumpensati b’iffrankar ta’ flus kemm min-negozji kif ukoll mill-amministrazzjoni nazzjonali, fuq terminu itwal.

Il-proposta tirrispetta wkoll it-tradizzjonijiet legali nazzjonali, b’mod partikolari dawk li jinkludu l-involviment ta’ nutar fil-proċess tar-reġistrazzjoni ta’ kumpaniji. Barra minn hekk, il-proposta ġiet ippreparata billi tqieset is-sitwazzjoni attwali fl-Istati Membri u billi bniet fuq soluzzjonijiet u prattiki eżistenti tal-Istati Membri. Ħafna Stati Membri diġà jikkonformaw ma’ numru mill-miżuri proposti u se jkollhom bżonn jintroduċu biss bidliet limitati. Din il-proposta ma tinkludix obbligi addizzjonali għal ċittadini u negozji, peress li l-miżuri għandhom l-għan li jissimplifikaw u jagħmlu l-proċeduri aktar effiċjenti.

Għażla tal-istrument

Il-bażi ġuridika għal operazzjonijiet tad-dritt soċjetarju hija l-Artikolu 50 TFUE li jirrikjedi lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jaġixxu permezz ta’ direttivi. Id-Direttiva (UE) 2017/1132 tirregola d-dritt soċjetarju fil-livell tal-UE. Għal raġunijiet ta’ koerenza u konsistenza fid-dritt soċjetarju tal-UE, il-proposta preżenti se temenda d-Direttiva (UE) 2017/1132.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

L-evalwazzjonijiet “ex post”/il-kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Il-proposta għandha l-għan prinċipali li tintroduċi dispożizzjonijiet ġodda, u sal-estent neċessarju tikkomplementa dawk eżistenti biex jintlaħaq l-użu ta’ għodod u proċessi diġitali matul iċ-ċiklu tal-ħajja ta’ kumpanija. Għaldaqstant, ma saret ebda evalwazzjoni.

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Il-Kummissjoni kienet involuta b’mod attiv mal-partijiet ikkonċernati kollha u wettqet konsultazzjonijiet komprensivi tul il-proċess ta’ valutazzjoni tal-impatt kollu. Il-proċess ta’ konsultazzjoni kkonsista f’konsultazzjoni pubblika onlajn, laqgħat ma’ partijiet ikkonċernati inklużi diskussjonijiet ma’ esperti minn Stati Membri, diversi studji. L-informazzjoni miġbura permezz ta’ dawn il-mezzi kollha ikkontribwiet għall-proposta.

Ir-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika fl-2016 dwar il-Portal Uniku Diġitali wrew li r-reġistrazzjoni ta’ attività kummerċjali inkluż ir-reġistrazzjoni ta’ kumpanija kienet l-aktar proċedura onlajn importanti għal negozji li jenħtieġ li tkun disponibbli onlajn.

Il-konsultazzjoni pubblika onlajn, bl-isem "L-immodernizzar tad-dritt soċjetarju tal-UE: Regoli dwar soluzzjonijiet diġitali u operazzjonijiet transfruntiera effiċjenti”, tnediet fl-10 ta’ Mejju 2017 u spiċċat fis-6 ta’ Awwissu 2017. L-għan tagħha kien li jinġabar l-input mill-partijiet ikkonċernat dwar il-problemi fid-dritt soċjetarju, li tinġabar l-evidenza li jista’ jkun għandhom dwar tali problemi u li jinstemgħu s-soluzzjonijiet potenzjali tagħhom dwar kif jistgħu jiġu indirizzati dawn il-problemi fil-livell tal-UE.

Ġew sottomessi 209 risposti. Ir-risposti ġew minn diversi gruppi tal-partijiet ikkonċernati bħal awtoritajiet pubbliċi nazzjonali, awtoritajiet pubbliċi reġjonali, organizzazzjonijiet tan-negozji, nutara, trejdjunjins, negozji privati, reġistri kummerċjali nazzjonali, akkademiċi tal-liġi kif ukoll individwi privati.

Il-faċilitazzjoni tal-interazzjonijiet diġitali bejn kumpaniji u awtoritajiet ta’ Stati Membri kienet ikkunsidrata bħala prijorità mill-maġġoranza tal-awtoritajiet tal-Istati Membri. L-organizzazzjonijiet tan-negozji appoġġaw l-inizjattivi leġiżlattivi kollha f’dan il-qasam (b’mod partikolari standards ta’ identifikazzjoni elettronika kompletament onlajn u l-prinċipju ta’ darba biss) u qisuhom bħala prijorità kbira tal-UE għat-trawwim tal-attività ekonomika u t-tneħħija ta’ ostakli bla bżonn għal kumpaniji li jixtiequ joperaw b’mod transfruntier. L-akkademiċi u l-istituzzjonijiet tar-riċerka wkoll kienu b’mod ġenerali favur inizjattiva leġiżlattiva f’dan il-qasam b’madwar 68 % iqisu din il-mistoqsija bħala kwistjoni ta’ prijorità. Il-maġġoranza tat-trejdjunjins esprimew appoġġ moderat għall-inizjattiva leġiżlattiva f’dan il-qasam, l-iktar minħabba tħassib li proċedura onlajn iġġorr magħha riskju ikbar ta’ frodi. In-nutara rrifjutaw il-kunċett li n-nuqqas ta’ leġislazzjoni huwa problematiku b’mod kważi unanimu u ħassew bis-sħiħ li l-UE m’għandhiex tindirizza din il-kwistjoni bl-ebda mod 24 .

Il-fehmiet tal-partijiet ikkonċernati nġabru waqt diversi laqgħat. Il-proċess tal-konsultazzjoni dwar il-pakkett tad-dritt soċjetarju fi ħdan il-Grupp ta’ Esperti dwar il-Liġi tal-Kumpaniji (CLEG) beda fl-2012. Mill-2012 sal-2014, il-laqgħat tal-CLEG iffukaw fuq il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Liġi tal-Kumpaniji u l-Governanza Korporattiva tal-2012, filwaqt li fl-2015 u l-2016 il-laqgħat iffukaw fuq elementi ta’ diġitalizzazzjoni. Fl-2017, fi tliet laqgħat tal-CLEG kienu diskussi fid-dettall il-kwistjonijiet rilevanti għall-pakkett tad-dritt soċjetarju, jiġifieri d-diġitalizzazzjoni, fużjonijiet, diviżjonijiet u konverżjonijiet transfruntiera. Il-Kummissjoni ppreżentat l-intenzjonijiet u l-ideat tagħha fl-oqsma rilevanti lill-esperti, u staqsiet lill-esperti mill-Istati Membri l-opinjonijiet tagħhom rigward kwistjonijiet speċifiċi. Ġeneralment ir-rappreżentanti tal-Istati Membri wrew appoġġ għall-inizjattiva.

Fl-2017, għal-laqgħat tal-CLEG, il-Kummissjoni stiednet mhux biss esperti mill-Istati Membri iżda wkoll rappreżentanti tal-partijiet ikkonċernati. Dawn il-partijiet ikkonċernati ġew immirati u identifikati abbażi tal-parteċipazzjoni tagħhom fil-konsultazzjonijiet pubbliċi tal-2013, l-2015 u l-2017 u abbażi tal-involviment tagħhom fl-oqsma regolati mill-Liġi tal-Kumpaniji tal-UE. Il-partijiet ikkonċernati rrappreżentaw in-negozji, l-impjegati, u l-operaturi fil-qasam tal-ġustizzja. L-eżitu ta’ dawn il-laqgħat wera li l-biċċa l-kbira tal-Istati Membri diġà għandhom soluzzjonijiet diġitali estensivi għal interazzjonijiet bejn kumpaniji u awtoritajiet ta’ Stati Membri. B’mod ġenerali kienu ta’ appoġġ għad-diġitalizzazzjoni fil-livell tal-UE; baqgħu xi differenzi fl-opinjoni dwar kif għandhom jiġu indirizzati elementi speċifiċi tal-proposta. Il-pożizzjoni tar-rappreżentanti tan-negozji kienet li hemm bżonn tad-diġitalizzazzjoni u din se tkun ta’ għajnuna kbira għal kumpaniji Ewropej. In-nutara u xi Stati Membri kienu mħassbin dwar il-possibbiltà ta’ frodi fir-reġistrazzjoni onlajn.

Ġbir u użu tal-għarfien espert

Sabiex jassisti fix-xogħol tal-Kummissjoni, il-Grupp Informali ta’ Esperti dwar il-Liġi tal-Kumpaniji (ICLEG) ġie stabbilit f’Mejju 2014 għal kwistjonijiet dwar id-dritt soċjetarju. Il-membri tal-grupp ta’ esperti kienu akkademiċi bi kwalifiki għoljin u esperjenzati u prattikanti legali fil-qasam tad-dritt soċjetarju minn diversi Stati Membri. Il-membri tal-ICLEG taw ir-rakkomandazzjoni tagħhom lill-iżvilupp futur tal-qafas eżistenti li jirregola l-użu ta’ għodod diġitali fid-dritt soċjetarju 25 .

Il-Kummissjoni użat ukoll ir-riżultati ta’ żewġ studji li saru fl-2017 26 li analizzaw mistoqsijiet speċifiċi dwar id-diġitalizzazzjoni tad-dritt soċjetarju u vvalutaw l-impatti tal-użu tal-għodod diġitali fil-kuntest ta’ operazzjonijiet transfruntiera ta’ kumpanija. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ġabret rispons espert f’diversi konferenzi, inklużi fil-konferenza Il-Liġi tal-Kumpanija fl-Era Diġitali li ltaqgħet f'Ottubru 2015 fi Brussell, fil-konferenza li ltaqgħet f'Settembru 2017 f’Tallinn, fl-Estonja: Il-21 Konferenza dwar il-Liġi tal-Kumpaniji Ewropea u l-Governanza Korporattiva: Naqsmu l-Fruntiera, b’mod Diġitali u l-Konferenza Annwali dwar il-Liġi tal-Kumpaniji Ewropea u l-Governanza Korporattiva li saret fi Trier, il-Ġermanja f’Ottubru 2017.

Valutazzjoni tal-impatt

Ir-Rapport tal-Valutazzjoni tal-Impatt, li jkopri d-diġitalizzazzjoni, l-operazzjonijiet transfruntiera u r-regoli tal-kunflitt tal-liġi fid-dritt soċjetarju, ġie eżaminat mill-Bord ta’ Skrutinju Regolatorju (RSB) fil-11 ta’ Ottubru 2017. Wara opinjoni negattiva inizjali mill-RSB, ġiet sottomessa verżjoni riveduta tal-Valutazzjoni tal-Impatt lill-Bord li għalija nħarġet opinjoni pożittiva b’xi riżervi fis-7 ta’ Novembru 2017. Ir-riżervi li esprima l-RSB prinċipalment kienu jirreferu għal oqsma oħra vvalutati mir-rapport, u mhux ma’ kwistjonijiet relatati mad-diġitalizzazzjoni tad-dritt soċjetarju. B’mod partikolari, il-Bord innota li r-rapport kien tjieb b’mod sostanzjali mill-ewwel sottomissjoni. Żdiedet aktar dejta/evidenza u s-sorsi u l-metodoloġiji ġew spjegati aħjar. Ġie rikonoxxut ukoll li r-rapport ipprovda aktar informazzjoni dwar l-iskala tal-problemi u l-għażliet ta’ politiki ġew deskritti f’aktar dettall. L-inizjattiva nbniet fuq salvagwardji eżistenti għall-impjegati, il-kredituri u l-azzjonisti minuri, inkluż drittijiet akkwistati għall-informazzjoni ta’ impjegati, konsultazzjoni u parteċipazzjoni. Il-valutazzjoni tal-impatt eżaminat tliet kwistjonijiet ewlenin fir-rigward tal-użu tal-għodod diġitali fid-dritt soċjetarju. Ġew ikkunsidrati diversi għażliet ta’ politiki għal kull kwistjoni u f’kull każ ġiet ippreżentata kwistjoni bħala preferuta wara li ġiet mqabbla mal-għażliet l-oħra.

Rigward ir-reġistrazzjoni onlajn (ħolqien ta’ kumpanija bħala entità ġuridika) u l-preżentazzjoni ta’ dokumenti lir-reġistru kummerċjali, ġew proposti tliet għażliet u l-impatti tagħhom ġew ivvalutati u kkumparati. L-għażla ppreferuta tipprevedi regoli dwar ir-reġistrazzjoni onlajn ta’ kumpanija u fergħa u l-preżentazzjoni onlajn ta’ dokumenti ta’ kumpanija fl-Istati Membri kollha. L-Istati Membri jkunu jeħtieġu jiżguraw li tali proċeduri jistgħu jitlestew onlajn mingħajr il-bżonn tal-preżenza fiżika tal-applikant (jew ir-rappreżentant tiegħu) quddiem kwalunkwe awtorità jew persuna jew korp ieħor involut fil-proċess. Barra minn hekk, din l-għażla tippermetti lill-Istati Membri biex b’mod eċċezzjonali jirrikjedu l-preżenza fiżika, fuq bażi ta’ każ b’każ, meta jkun suspett ġenwin ta’ frodi. Biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni uniformi bejn l-Istati Membri, din l-għażla se tintroduċi wkoll salvagwardji għall-identifikazzjoni elettronika stabbiliti fil-livell tal-UE.

Rigward is-sottomissjoni multipla tal-istess informazzjoni minn kumpaniji, ġew proposti żewġ għażliet u l-impatti tagħhom ġew ivvalutati u kkumparati. L-għażla ppreferuta timmira għal simplifikazzjoni billi tintroduċi regoli li jirrikjedu lill-Istati Membri jiżguraw li, meta r-reġistru jirċievi ċertu dejta mill-kumpanija (eż. bidla f’isem il-kumpanija, bidla fl-uffiċċju reġistrat jew l-aħħar kontijiet annwali), dan jibgħatha lir-reġistru fi Stat Membru ieħor fejn il-kumpanija għandha fergħa (minflok tagħmel dan il-kumpanija). B’mod simili, ladarba l-informazzjoni tal-kumpanija tiġi sottomessa lir-reġistru, huwa r-reġistru li jibgħatha b’mod elettroniku lill-gazzetta nazzjonali (minflok il-bżonn li r-rappreżentant tal-kumpanija jissottometti l-istess dokumenti darbtejn). Barra minn hekk, bl-għażla ppreferuta, ir-rekwiżit għall-pubblikazzjoni tal-informazzjoni tal-kumpanija fil-gazzetta nazzjonali mhux se jibqa’ obbligatorju. Din l-għażla tipprevedi diversi każijiet konkreti ta’ implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ darba biss fil-livell tal-UE.

Fl-aħħar, rigward l-aċċess onlajn għall-informazzjoni ta’ kumpanija miżmum fir-reġistri kummerċjali, ġew proposti żewġ għażliet u l-impatti tagħhom ġew ivvalutati u mqabbla. L-għażla ppreferuta tipproponi l-espansjoni tas-sett ta’ dejta ta’ kumpanija li għandu jiġi pprovdut bla ħlas mir-reġistri kummerċjali kollha, filwaqt li l-Istati Membri xorta waħda jistgħu jibqgħu jimponu tariffi għal informazzjoni oħra. Bħalissa d-dettalji li ġejjin biss huma dejjem b’xejn: l-isem tal-kumpanija, l-uffiċċju reġistrat, in-numru ta’ reġistrazzjoni u l-forma ġuridika. Huwa proposta li d-dejta “dejjem b’xejn” tkun tista’ tinkludi wkoll pereżempju l-informazzjoni dwar l-istatus legali tal-kumpanija; ismijiet oħra tal-kumpanija (ismijiet preċedenti jew ismijiet sekondarji / alternattivi) jekk jeżistu; is-sit web tal-kumpanija (jekk ikollha); l-għan tal-kumpanija (jekk il-liġi nazzjonali teħtiġilha li jkollha din l-informazzjoni fir-reġistru tan-negozju); u informazzjoni dwar jekk il-kumpanija għandhiex xi fergħat stabbilit fi Stat Membru ieħor. Barra minn hekk, is-sett ta’ dejta bla ħlas se jinkludi wkoll l-ismijiet tar-rappreżentanti legali tal-kumpanija li huma meqjusa importanti għall-partijiet ikkonċernati u l-Kummissjoni sarulha talbiet biex tippromwovi l-aċċess faċli għalihom.

Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

Il-proposta hija mistennija li tkun ta’ simplifikazzjoni konsiderevoli għan-negozji billi tiffaċilita l-interazzjonijiet diġitali mal-awtoritajiet tal-Istati Membri. Il-possibbiltà ta’ reġistrazzjoni onlajn se tippermetti lil negozji li jirreġistraw kumpaniji u jippreżentaw bidliet mingħajr il-ħtieġa li jkunu fiżikament preżenti. L-iffrankar mill-introduzzjoni tar-reġistrazzjoni onlajn għal kumpaniji ġodda rreġistrati fl-UE huwa stmat li jkun bejn EUR 42 - 84 miljun, fuq is-suppożizzjonijiet ippreżentati fil-valutazzjoni tal-impatt. Barra minn hekk, ir-regoli proposti dwar l-iżvelar ta’ dejta ta’ kumpanija se jkunu skont il-’prinċipju ta’ darba biss’. L-estensjoni ta’ dejta ta’ kumpanija bla ħlas se tgħin ukoll lin-negozji u lill-partijiet ikkonċernati jiġbru u jivverifikaw informazzjoni li hija importanti għar-relazzjonijiet kummerċjali tagħhom.

It-tnaqqis fl-ispejjeż u s-simplifikazzjonijiet li se jġibu r-regoli l-ġodda se jkollhom impatt pożittiv partikolari fuq l-SMEs.

Drittijiet fundamentali

Ir-regoli proposti ta’ din l-inizjattiva jiżguraw ir-rispett sħiħ tad-drittijiet u l-prinċipji stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni ta’ diversi minn dawk id-drittijiet. B’mod partikolari, l-objettiv ewlieni ta’ din l-inizjattiva huwa li tiffaċilita d-drittijiet tal-istabbiliment fi kwalunkwe Stat Membru, kif preskritt mill-Artikolu 15(2) tal-Karta. L-inizjattiva għandha l-għan li ssaħħaħ il-libertà li jitwettaq negozju skont il-liġi tal-Unjoni u l-liġijiet u l-prattiki nazzjonali (Artikolu 16). Il-protezzjoni tad-dejta personali għandha tiġi żgurata b’konformità mal-Artikolu 8 tal-Karta.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Il-proposta hija mistennija li jkollha ċerti implikazzjonijiet baġitarji mill-inqas fuq uħud mill-Istati Membri li jista’ jkollhom bżonn jadattaw is-sistemi tal-IT tagħhom sabiex jissapportjaw id-dispożizzjonijiet il-ġodda. Madankollu, kif spjegat fil-valutazzjoni tal-impatt li takkumpanja din il-proposta, dawk l-ispejjeż tal-istabbiliment jiġu rkuprati fuq medda ta’ żmien medju u fit-tul permezz ta’ ffrankar ta’ ħin u riżorsi fl-amministrazzjoni tal-Istati Membri. L-estensjoni tas-sett ta’ dejta li hija disponibbli bla ħlas minn reġistri kummerċjali hija wkoll mistennija li jkollha impatt fuq ir-riżorsi finanzjarji ta’ uħud mir-reġistri kummerċjali. Ma hemm ebda impatt fuq il-baġit tal-UE.

5.ELEMENTI OĦRAJN

Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti għall-monitoraġġ, għall-evalwazzjoni u għar-rapportar

Il-Kummissjoni sejra tassisti lill-Istati Membri jittrasponu l-miżuri proposti u sejra timmonitorja l-implimentazzjoni. F’din l-attività, il-Kummissjoni se tikkoopera mill-qrib mal-awtoritajiet nazzjonali eż. l-esperti tad-dritt soċjetarju nazzjonali fil-Grupp ta’ Esperti dwar il-Liġi tal-Kumpaniji (CLEG). F’dak il-kuntest, il-Kummissjoni tista’ tipprovdi assistenza u gwida (eż. billi torganizza workshops ta’ implimentazzjoni jew tipprovdi pariri fuq bażi bilaterali). Fir-rigward tal-implimentazzjoni tar-regoli għandu jiġi enfasizzat li ħafna Stati Membri diġà jikkonformaw ma’ wħud jew ħafna mir-regoli proposti peress li l-proposta ġiet imfassla billi tqiesu soluzzjonijiet attwali u l-aħjar prattiki fl-Istati Membri. Biex tibni fuq l-esperjenzi miksuba permezz tal-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni, il-Kummissjoni tista’ tikkunsidra proġett pilota għall-iżvilupp ta’ mudelli komuni għall-istrument tat-twaqqif għal tip wieħed jew aktar ta’ kumpaniji b’responsabbiltà limitata.

Biex tgħin lill-Istati Membri fl-isforzi tagħhom biex jimplimentaw mistoqsijiet prattiċi bħall-użu ta’ eIDAS għal proċeduri tad-dritt soċjetarju, il-Kummissjoni se tuża l-qafas eżistenti ta’ kooperazzjoni.

L-estent li l-inizjattiva laħqet l-għan tagħha li tnaqqas l-ispejjeż u l-piżijiet mhux neċessarji għal kumpaniji jista’ jiġi vvalutat abbażi ta’ diversi indikaturi bħall-monitoraġġ tal-ispejjeż tal-operazzjonijiet ta’ kumpaniji fi ħdan l-ambitu tal-inizjattiva permezz ta’ ġbir ta’ spejjeż għal reġistrazzjoni u arkivjar onlajn. Sabiex tinġabar id-dejta meħtieġa se jkun hemm bżonn ta’ xi obbligi ta’ rappurtar għall-Istati Membri. Bil-għan li tiġbor l-input meħtieġ mill-partijiet ikkonċernati, il-Kummissjoni tista’ torganizza stħarriġ immirat. Se jkun hemm bżonn li titwettaq evalwazzjoni sabiex jiġi vvalutat l-impatt tal-miżuri proposti u vverifikat jekk intlaħqux l-objettivi. Din se titwettaq mill-Kummissjoni abbażi tal-informazzjoni miġbura matul l-eżerċizzju ta’ monitoraġġ u input addizzjonali miġbur mill-partijiet ikkonċernati rilevanti, kif neċessarju. Rapport ta’ evalwazzjoni jista’ jinħareġ ħames snin wara t-tmiem tal-perjodu ta’ traspożizzjoni.

Jenħtieġ li l-għoti ta’ informazzjoni għall-monitoraġġ u l-evalwazzjoni ma jimponix piż amministrattiv li mhux neċessarju fuq il-partijiet ikkonċernati rilevanti.

Dokumenti ta’ spjegazzjoni (għad-direttivi)

Il-proposta hija emenda għad-Direttiva (UE) 2017/1132 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2017 dwar ċerti aspetti tal-liġi dwar il-kumpaniji. Sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni kif suppost ta’ din id-direttiva kumplessa, id-dokument ta’ spjegazzjoni, eż. fil-forma ta’ tabelli ta’ korrelazzjoni, se jkun neċessarju.

Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

Il-proposta temenda d-Direttiva (UE) 2017/1132 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2017 dwar ċerti aspetti tal-liġi dwar il-kumpaniji. L-ispjegazzjoni ddettaljata preżenti tiddeskrivi d-dispożizzjonijiet proposti kif xieraq u tikkonċentra fuq l-elementi sostanzjali tal-proposta. Modifiki tekniċi huma deskritti biss jekk ikun neċessarju biex tinftiehem aħjar il-proposta.

L-Artikolu 1 ta’ din id-Direttiva jiddeskrivi l-emendi għad-Direttiva (UE) 2017/1132:

L-Artikolu 13 jiddeskrivi l-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva li huwa limitat għall-forom ta’ kumpaniji speċifikati fl-Annessi.

L-Artikolu 13a fih id-definizzjonijiet.

L-Artikolu 13b fih id-dispożizzjonijiet dwar il-mezzi ta’ identifikazzjoni li huma neċessarji għar-reġistrazzjoni ta’ kumpanija u l-preżentazzjoni onlajn. L-identifikazzjoni ta’ persuni li jkunu qed jagħmlu dawn il-proċeduri hija kruċjali biex tiġi żgurata l-affidabbiltà ta’ reġistri kummerċjali u jiġu evitati frodi tal-identità. Id-dispożizzjoni tiżgura r-rikonoxximent obbligatorju ta’ mezzi ta’ identifikazzjoni elettronika ta’ ċittadini tal-UE konformi mal-eIDAS maħruġa fi Stat Membru ieħor u fl-istess ħin tippermetti li Stati Membri jirrikonoxxu mezzi mhux elettroniċi. Bħala salvagwardja kontra l-frodi, id-dispożizzjoni tippermetti lil Stati Membri jirrikjedu l-preżenza fiżika ta’ persuni rilevanti quddiem awtorità kompetenti, iżda biss f’każijiet fejn hemm suspett ġenwin abbażi ta’ raġunijiet ġustifikati.

L-Artikolu 13c jirrikjedi lill-Istati Membri jiżguraw li r-regoli dwar it-tariffi applikabbli għar-reġistrazzjoni u l-preżentazzjoni onlajn huma trasparenti u jiġu applikati b’manjiera nondiskriminatorja. Dan jipprevedi li tariffi imposti minn reġistri ma jaqbżux l-ispejjeż amministrattivi tal-forniment tas-servizz.

L-Artikolu 13d jikkjarifika li jekk it-tlestija ta’ proċeduri onlajn tirrikjedi pagamenti, dawn jistgħu jsiru b’mod transfruntier permezz ta’ sistemi aċċessibbli b’mod komuni.

L-Artikolu 13e għandu l-għan li jiżgura li dawk li jridu jwaqqfu u joperaw kumpaniji u fergħat transfruntiera jkollhom aċċess faċli għall-informazzjoni rilevanti kollha dwar ir-reġistrazzjoni ta’ u l-preżentazzjoni minn kumpaniji u fergħat. Dan jirrikjedi lill-Istati Membri jagħmlu disponibbli onlajn informazzjoni estensiva dwar il-proċeduri tad-dritt soċjetarju, l-obbligi u l-formalitajiet rilevanti. L-Istati Membri huma meħtieġa jagħmlu informazzjoni bħal din disponibbli mill-inqas f’lingwa uffiċjali tal-Unjoni li tinftiehem mill-ikbar maġġoranza ta’ utenti transfruntiera.

L-Artikolu 13f jirrikjedi lill-Istati Membri jintroduċu l-possibbiltà li kumpaniji jiġu rreġistrati onlajn. L-element kruċjali tar-reġistrazzjoni onlajn huwa li tista’ ssir onlajn mill-bidu sal-aħħar mingħajr il-bżonn li l-applikant, jew ir-rappreżentant tiegħu, jidher fiżikament quddiem awtorità kompetenti jew quddiem kwalunkwe persuna oħra jew korp ieħor. L-Istati Membri jistgħu jagħżlu li jeżentaw ruħhom minn dan l-obbligu fir-rigward ta’ kumpaniji pubbliċi b’responsabbiltà limitata minħabba l-kumplessità tal-istabbiliment u r-reġistrazzjoni ta’ dawn il-kumpaniji. Id-dispożizzjoni tobbliga lill-Istati Membri jistabbilixxu regoli ddettaljati għar-reġistrazzjoni onlajn u tispeċifika n-numru ta’ elementi obbligatorji u mhux obbligatorji ta’ tali regoli. Limitu ta’ żmien ġenerali huwa stabbilit għat-tlestija tal-proċess tar-reġistrazzjoni ta’ kumpaniji onlajn.

L-Artikolu 13g jirrikjedi lill-Istati Membri jagħmlu disponibbli onlajn mudelli ta’ strumenti ta’ kostituzzjoni li jistgħu jintużaw għar-reġistrazzjoni onlajn ta’ kumpaniji koperti mill-Anness IIA. L-Istati Membri jistgħu wkoll jagħmlu dawn il-mudelli disponibbli għal kumpaniji koperti mill-Anness II minbarra t-tipi koperti mill-Anness IIA. Il-kontenut tal-mudelli msemmija f’dan l-Artikolu u l-verifika tagħhom huma rregolati mil-liġi nazzjonali. Id-dispożizzjonijiet jeħtieġ wkoll li l-Istati Membri jagħmlu mudelli bħal dawn disponibbli mill-inqas f’lingwa uffiċjali tal-Unjoni li tinftiehem mill-ikbar maġġoranza ta’ utenti transfruntiera. Huwa importanti li wieħed jinnota li l-“għamla legali xierqa” msemmija f’dan l-artiklu tikkonċerna biss lill-kostituzzjoni ta’ kumpanija; dan ma joħloqx preċedent għal oqsma oħra legali (eż. tal-propjetà).

L-Artikolu 13h jipprovdi qafas legali għall-Istati Membri biex jitolbu informazzjoni minn Stati Membri oħra rigward diretturi skwalifikati. Id-dispożizzjonijiet jippermettu lill-Istati Membri jiċċekkjaw ma’ Stati Membri oħra jekk persuna li se tiġi rreġistrata bħala direttur ta’ kumpanija hijiex skwalifikata milli taġixxi bħala direttur fi Stat Membru ieħor abbażi tal-liġi nazzjonali ta’ dak l-Istat Membru. Id-dispożizzjoni tobbliga lill-Istati Membri l-oħra jipprovdu din l-informazzjoni meta mitluba jagħmlu dan. L-Istati Membri jistgħu jirrifjutaw il-ħatra bħala direttur ta’ kumpanija jew fergħa ta’ persuna li hija attwalment skwalifikata milli taġixxi bħala direttur fi Stat Membru ieħor.

L-Artikolu 13i jirrikjedi lill-Istati Membri jiżguraw li jkun hemm soluzzjonijiet kompletament onlajn fil-każ tas-sottomissjoni tal-informazzjoni neċessarja lir-reġistru matul iċ-ċiklu tal-ħajja tal-kumpanija, b’mod simili għar-reġistrazzjoni onlajn tal-kumpaniji.

L-Artikolu 16 u l-Artikolu 16a jissostitwixxu l-Artikolu 16 tad-Direttiva (UE) 2017/1132. L-Artikolu 16 oriġinali nqasam biex jiġi ssimplifikat it-test. 

Id-definizzjoni ta’ ’mezzi elettroniċi’ tħassret peress li r-regoli proposti l-ġodda dwar proċeduri onlajn jagħmluha superfluwa.

L-iżvelar ta’ informazzjoni u dokumenti għandu jsir billi jiddaħħlu u jsiru disponibbli pubblikament fir-reġistru kummerċjali. Dan ifisser li partijiet terzi jistgħu joqogħdu fuq l-informazzjoni fir-reġistru mingħajr il-bżonn li jsir xi pass ieħor, b’mod partikolari il-pubblikazzjoni tal-istess informazzjoni fil-gazzetta nazzjonali. Madankollu, l-Istati Membri xorta jistgħu jibqgħu jippubblikaw informazzjoni ta’ kumpaniji fil-gazzetta nazzjonali, iżda f’każ bħal dan, ir-reġistru għandu jibgħat l-informazzjoni lill-gazzetta nazzjonali (minflok tagħmel dan il-kumpanija). Din id-dispożizzjoni l-ġdida għandha l-għan li tappoġġa l-prinċipju ta’ "darba biss" li skontu jenħtieġ li kumpaniji ma jkollhomx jipprovdu l-istess informazzjoni darbtejn lil awtoritajiet differenti.

Dan l-artikolu jirrikjedi wkoll lill-Istati Membri jiżguraw li l-informazzjoni u d-dokumenti kollha pprovduti lil awtorità kompetenti bħala parti mir-reġistrazzjoni jew il-preżentazzjoni ta’ kumpanija jew fergħa għandhom jinħażnu mir-reġistri f’format li jinqara mill-magni u li tista’ tfittex fih jew bħala dejta strutturata. L-Istati Membri se jkollhom perjodu ta’ 5 snin biex jiżguraw li jkun hemm konformità sħiħa ma’ dan ir-rekwiżit. Iż-żamma tal-informazzjoni ta’ kumpanija f’formati strutturati se tiffaċilita l-mod kif id-dejta tista’ tiġi mfittxija jew skambjata ma’ sistemi oħra.

L-Artikolu 16a jinkludi dispożizzjonijiet dwar l-aċċess għal informazzjoni ta’ kumpanija minn partijiet terzi. L-emenda tintroduċi l-obbligu għall-Istati Membri li jiżguraw li applikant jista’ jikseb siltiet elettroniċi awtentikati permezz ta’ servizzi fiduċjarji mir-reġistri.

L-Artikolu 18 tad-Direttiva (UE) 2017/1132 huwa emendat biex jippermetti lill-Istati Membri jagħmlu disponibbli, permezz ta’ reġistri ta’ interkonnessjoni, kopji elettroniċi tal-informazzjoni u d-dokumenti dwar tipi ta’ kumpaniji minbarra dawk imniżżla fl-Anness II tad-direttiva kodifikata.

L-Artikolu 19 tad-Direttiva (UE) 2017/1132 huwa sostitwit. Id-dispożizzjoni l-ġdida testendi l-kamp ta’ applikazzjoni tad-dejta li l-Istati Membri għandhom jagħmlu disponibbli bla ħlas. Il-lista estiża issa tinkludi ismijiet preċedenti ta’ kumpanija (jekk jeżistu), is-sit web tagħha (jekk teżisti), l-istatus legali u l-oġġett (jekk disponibbli fir-reġistru taħt il-liġi nazzjonali). L-objettiv ta’ din id-dispożizzjoni huwa li jingħata aċċess bla ħlas għal aktar dejta ta’ kumpaniji biex b’hekk tissaħħaħ it-trasparenza u l-fiduċja fis-Suq Uniku.

L-Artikolu 22 tad-Direttiva (UE) 2017/1132 huwa emendat biex jippermetti l-iżvilupp tas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri u l-pjattaforma ċentrali Ewropea relatata. Għal dan l-għan, l-Artikolu 22(4) jistipula li punti ta’ aċċess fakultattivi jistgħu jiġu stabbiliti mhux biss minn Stati Membri, iżda wkoll mill-Kummissjoni jew istituzzjoni, korpi, uffiċċji jew aġenziji oħra tal-Unjoni sabiex ikunu jistgħu jwettqu l-funzjonijiet tagħhom jew biex jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-UE.

L-Artikolu 24 tad-Direttiva (UE) 2017/1132 huwa emendat billi ġiet adattata l-bażi ġuridika għall-atti ta’ implimentazzjoni rigward l-interkonnessjoni tar-reġistri kummerċjali mal-bidliet proposti issa fid-direttiva. Il-Kummissjoni se tadotta wkoll atti ta’ implimentazzjoni għal speċifikazzjonijiet tekniċi ta’ ċerti skambji ta’ informazzjoni taħt id-direttiva.

L-Artikolu 28a jintroduċi r-reġistrazzjoni onlajn għal fergħat, b’mod simili għal kumpaniji.

L-Artikolu 28b jintroduċi l-preżentazzjoni onlajn għal fergħat, b’mod simili għal kumpaniji.

L-Artikolu 28c jirrikjedi lill-Istati Membri jinfurmaw lil xulxin, permezz tas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri kummerċjali, dwar għeluq ta’ fergħat reġistrati fi Stat Membru differenti minn dak fejn hija reġistrata l-kumpanija.

L-Artikolu 30a jirrikjedi lill-Istat Membru fejn hija reġistrata l-kumpanija jinforma lill-Istat Membru fejn hija reġistrata fergħa tal-kumpanija, permezz tas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri, dwar bidliet f’ċerta informazzjoni tal-kumpaniji, bħal bidliet fl-isem jew fl-indirizz reġistrat tal-kumpanija. Din id-dispożizzjoni għandha l-għan ukoll li timplimenta l-prinċipju ta’ "darba biss" f’sitwazzjonijiet transfruntiera.

Din il-proposta tinkludi wkoll xi aġġustamenti tekniċi neċessarji fid-Direttiva (UE) 2017/1132.

L-Artikolu 43 eżistenti huwa mħassar. Dan l-artikolu tad-direttiva ta’ kodifikazzjoni (li joriġina mill-Artikolu 17 tad-Direttiva 89/666/KEE) jirreferi għall-Kumitat ta’ Kuntatt stabbilit skont l-Artikolu 52 tad-Direttiva tal-Kunsill 78/660/KE. Din id-Direttiva tal-aħħar ġiet sostitwita mid-Direttiva 2013/34/UE 27 . Id-Direttiva l-ġdida 2013/34/UE ma tinkludi l-ebda bażi ġuridika għal dan il-Kumitat, għalhekk il-Kumitat m’għadux jeżisti.

L-Artikolu 161 emendat fih ir-referenza aġġornata għar-regoli applikabbli li jkopru l-protezzjoni tad-dejta: ir-Regolament (UE) 2016/679 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' dejta personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali dejta (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) li jħassar id-Direttiva 95/46/KE.

L-Artikolu 162a emendat jirreferi għall-poteri li jiġu adottati atti delegati sabiex il-listi ta’ formoli tad-dritt soċjetarju fl-Istati Membri jinżammu aġġornati (Annessi I, II u IIA). Il-Kummissjoni se tadotta, permezz ta’ att delegat, emenda għal dawn l-annessi meta tirċievi din l-informazzjoni mill-Istati Membri.

Finalment, f’Annessi I u II, it-tipi ta’ kumpaniji tal-Iżvezja ġew aġġornati sabiex tiġi żgurata terminoloġija aktar preċiża.

L-Artikolu 2 fih dispożizzjonijiet dwar it-traspożizzjoni.

L-Artikolu 3 jiddeskrivi r-rappurtar dwar u r-rieżami tad-Direttiva wara li bdiet l-applikazzjoni tagħha.

L-Anness IIA iddaħħal.

2018/0113 (COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li temenda d-Direttiva (UE) 2017/1132 fir-rigward tal-użu ta’ għodod u proċessi diġitali fid-dritt soċjetarju

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 50(1) u l-punti (b), (c), (f) u (g) tal-Artikolu 50(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-Parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 28 ,

Wara li kkonsultaw mal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data,

F’azzjoni skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)Id-Direttiva (UE) 2017/1132 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 29 tistabbilixxi inter alia r-regoli tal-iżvelar u għall-interkonnessjoni tar-reġistri ċentrali, kummerċjali u tal-kumpaniji tal-Istati Membri.

(2)L-użu ta’ għodod u proċessi diġitali biex tinbeda b’mod aktar faċli, rapidu u kosteffettiv attività ekonomika billi tiġi stabbilita kumpanija jew tinfetaħ fergħa ta’ dik il-kumpanija fi Stat Membru ieħor hija waħda mill-prerekwiżiti għall-funzjonament effettiv ta’ Suq Uniku kompetittiv u biex tiġi żgurata l-kompetittività tal-kumpaniji.

(3)Il-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni Strateġija ta’ Suq Diġitali Uniku għall-Ewropa 30 tagħha u fil-Komunikazzjoni Pjan ta’ Azzjoni għal Gvern elettroniku tal-UE 2016-2020 tagħha: L-aċċellerazzjoni tat-trasformazzjoni diġitali tal-gvern 31 temfasizza l-irwol tal-amministrazzjonijiet pubbliċi fl-għajnuna lin-negozji biex jarmaw faċilment, joperaw onlajn u jespandu bejn fruntiera u oħra. Il-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar il-Gvern elettroniku speċifikament irrikonoxxa l-importanza ta’ titjib fl-użu ta’ għodod diġitali meta wieħed ikun qed jikkonforma ma’ rekwiżiti relatati mad-dritt soċjetarju. Barra minn hekk, fid-dikjarazzjoni ta’ Tallinn tal-2017 dwar il-Gvern elettroniku, l-Istati Membri għamlu talba b’saħħitha biex jiżdiedu l-isforzi għall-provvediment ta’ proċeduri elettroniċi effiċjenti u li jirrivolvu madwar l-utent fl-Unjoni.

(4)F’Ġunju 2017, l-interkonnessjoni tar-reġistri ċentrali, kummerċjali u tal-kumpaniji tal-Istati Membri bdiet topera, u din tiffaċilita bil-kbir l-aċċess transfruntier għall-informazzjoni ta’ kumpanija fl-Unjoni u tippermetti lil reġistri fi Stati Membri jikkomunikaw ma’ xulxin b’mod elettroniku rigward ċerti operazzjonijiet transfruntiera li jaffettwaw lill-kumpaniji.

(5)Sabiex tiġi ffaċilitata r-reġistrazzjoni ta’ kumpaniji u l-fergħat tagħhom, u jitnaqqsu l-ispejjeż u l-piżijiet amministrattivi assoċjati mal-proċess ta’ reġistrazzjoni, b’mod partikolari minn intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) kif definiti fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE 32 , jenħtieġ li jitpoġġew fis-seħħ proċeduri li jippermettu li r-reġistrazzjoni ssir kompletament onlajn. Tali spejjeż u piżijiet jirriżultaw mhux biss mit-tariffi amministrattivi imposti biex tiġi stabbilita kumpanija, iżda wkoll minn rekwiżiti oħrajn li jtawlu l-proċess kollu, b’mod partikolari meta tkun meħtieġa l-preżenza fiżika tal-applikant jew tar-rappreżentant tiegħu. Barra minn hekk, jenħtieġ li informazzjoni dwar dawn il-proċeduri tkun disponibbli onlajn u bla ħlas.

(6)Ir-Regolament (UE) Nru [COM (2017) 256] li jistabbilixxi l-Portal Diġitali Uniku 33 jipprevedi regoli ġenerali għall-aċċess onlajn għal informazzjoni, proċeduri u servizzi ta’ assistenza rilevanti għall-funzjonament tas-suq intern. Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli speċifiċi relatati mar-reġistrazzjoni u l-operazzjoni ta’ kumpaniji b’responsabbiltà limitati li mhumiex koperti minn dan ir-Regolament. B’mod partikulari, jenħtieġ li l-Istati Membri jipprovdu l-informazzjoni dwar proċeduri stipulati f’din id-Direttiva fuq is-siti web aċċessibbli permezz tal-Portal Diġitali Uniku u jenħtieġ li l-informazzjoni tilħaq ir-rekwiżiti ta’ kwalità tal-Artikolu X tar-[Regolament tal-Portal Diġitali Uniku].

(7)Il-possibbiltà ta’ reġistrazzjoni kompletament onlajn ta’ kumpaniji u fergħat u l-preżentazzjoni kompletament onlajn ta’ dokumenti u informazzjoni, tippermetti lil kumpaniji jużaw għodod avvanzati fil-kuntatt tagħhom ma’ awtoritajiet kompetenti ta’ Stati Membri. Sabiex isaħħu l-fiduċja, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li identifikazzjoni elettronika sikura u l-użu ta’ servizzi fiduċjarji jkunu possibbli għal utenti nazzjonali kif ukoll għal utenti transfruntiera skont ir-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 34 . Barra minn hekk, sabiex tkun permessa l-identifikazzjoni elettronika transfruntiera, jenħtieġ li l-Istati Membri jistabbilixxu skemi ta’ identifikazzjoni elettronika li jipprevedu mezzi awtentikati ta’ identifikazzjoni elettronika. Tali skemi nazzjonali se jintużaw bħala bażi għar-rikonoxximent ta’ mezzi ta’ identifikazzjoni elettronika maħruġa fi Stat Membru ieħor. Sabiex jiġi żgurat livell għoli ta’ fiduċja f’sitwazzjonijiet transfruntiera, jenħtieġ li jiġu rikonoxxuti biss mezzi ta’ identifikazzjoni elettronika li jikkonformaw mal-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 910/2014. Madankollu, l-Istati Membri jistgħu wkoll jagħrfu mezzi ta’ identifikazzjoni oħra bħal kopja skenjata tal-passaport. F’kull każ, jenħtieġ li din id-Direttiva tobbliga biss lil Stati Membri sabiex jippermettu r-reġistrazzjoni onlajn ta’ kumpaniji u l-fergħat tagħhom u l-preżentazzjoni onlajn minn ċittadini tal-Unjoni permezz tar-rikonoxximent tal-mezzi tagħhom ta’ identifikazzjoni elettronika.

(8)Sabiex jiġu ffaċilitati proċeduri onlajn għal kumpaniji, jenħtieġ li r-reġistri tal-Istati Membri ma jimponux ħlas għal reġistrazzjoni onlajn jew sottomissjoni onlajn ta’ informazzjoni aktar mill-ispejjeż amministrattivi reali tal-forniment tas-servizz. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-Istati Membri jassistu lil dawk li qegħdin ifittxu li jistabbilixxu kumpanija jew fergħa billi jipprovdu informazzjoni aġġornata, ċara, konċiża u faċli għall-utent rigward il-proċeduri u r-rekwiżiti biex tistabbilixxi u topera kumpaniji b’responsabbiltà limitata u l-fergħat tagħhom. Rigward kumpaniji privati b’responsabbiltà limitata, jenħtieġ li tkun disponibbli aktar informazzjoni ddettaljata għal fundaturi u diretturi peress li l-Istati Membri għandhom jiżguraw il-possibbiltà ta’ reġistrazzjoni onlajn mill-bidu sal-aħħar għal tali kumpaniji.

(9)Bħala l-ewwel pass fiċ-ċiklu tal-ħajja ta’ kumpanija, jenħtieġ li jkun possibbli li jiġu stabbiliti u rreġistrati kumpaniji onlajn mill-bidu sal-aħħar. Madankollu, jenħtieġ li l-Istati Membri jkollhom il-possibbiltà li jidderogaw minn dan ir-rekwiżit fil-każ ta’ kumpaniji pubbliċi b’responsabbiltà limitata minħabba l-kumplessità tal-istabbiliment u r-reġistrazzjoni ta’ dawn il-kumpaniji u sabiex jiġu rrispettati t-tradizzjonijiet eżistenti tad-dritt soċjetarju tal-Istati Membri. Fi kwalunkwe każ, jenħtieġ li l-Istati Membri jistabbilixxu regoli ddettaljati ta’ reġistrazzjoni. Jenħtieġ li jkun possibbli li ssir reġistrazzjoni onlajn bis-sottomissjoni ta’ dokumenti f’format elettroniku.

(10)Sabiex tiġi żgurata r-reġistrazzjoni f’ħinha ta’ kumpaniji, jenħtieġ li l-Istati Membri ma jagħmlux ir-reġistrazzjoni onlajn ta’ kumpanija jew ta’ fergħa kundizzjonali fuq il-kisba ta’ kwalunkwe liċenzja jew awtorizzazzjoni qabel tkun tista’ titlesta r-reġistrazzjoni ta’ kumpanija jew fergħa ħlief meta tkun indispensabbli għall-kontroll xieraq ta’ ċerti attivitajiet. Wara r-reġistrazzjoni, jenħtieġ li l-liġi nazzjonali tirregola s-sitwazzjonijiet fejn kumpaniji ma jistgħux iwettqu ċerti attivitajiet mingħajr ma jiksbu liċenzja jew awtorizzazzjoni.  

(11)Sabiex jiġu assistiti n-negozji, b’mod partikolari n-negozji ġodda, fl-istabbiliment tan-negozju tagħhom, jenħtieġ li jkun possibbli li tiġi rreġistrata kumpanija privata b’responsabbiltà limitata bl-użu ta’ mudelli li huma strumenti ta’ kostituzzjoni li għandhom ikunu disponibbli onlajn. Tali mudelli jistgħu jinkludu sett definit minn qabel ta’ għażliet skont il-liġi nazzjonali. Jenħtieġ li l-applikanti jkunu jistgħu jagħżlu bejn l-użu ta’ dan il-mudell jew ir-reġistrazzjoni ta’ kumpanija bi strumenti ta’ kostituzzjoni adattati għaliha u l-Istati Membri għandu jkollhom l-għażla li jipprovdu wkoll mudelli għal tipi oħra ta’ kumpaniji.

(12)Sabiex jiġu rrispettati t-tradizzjonijiet eżistenti tad-dritt soċjetarju tal-Istati Membri, huwa importanti li tkun permessa flessibbiltà fir-rigward tal-mod li bih jiżguraw li jkun hemm sistema kompletament onlajn ta’ reġistrazzjoni ta’ kumpaniji u fergħat, inkluż fir-rigward tar-rwol tan-nutara jew l-avukati f’tali proċess. Jenħtieġ li kwistjonijiet li jikkonċernaw ir-reġistrazzjoni onlajn ta’ kumpaniji jew fergħat li mhumiex regolati f’din id-Direttiva jkunu rregolati mil-liġi nazzjonali.

(13)Barra minn hekk, sabiex jiġu indirizzati l-frodi u l-ħtif ta’ kumpaniji u jiġu pprovduti salvagwardji għall-affidabbiltà ta’ dokumenti u informazzjoni li tinsab f’reġistri nazzjonali, jenħtieġ li dispożizzjonijiet li jikkonċernaw ir-reġistrazzjoni onlajn ta’ kumpaniji u l-fergħat tagħhom jinkludu wkoll kontrolli dwar l-identità u l-kapaċità ġuridika ta’ persuni li qegħdin ifittxu li jistabbilixxu kumpanija jew fergħa. Madankollu, jenħtieġ li jitħalla f’idejn l-Istati Membri biex jiżviluppaw u jadottaw il-mezzi u l-metodi biex jinkisbu dawn il-kontrolli. Dawk ir-regoli jistgħu jinkludu, fost oħrajn, il-verifika permezz ta’ vidjokonferenza jew mezzi onlajn oħra li jipprovdu konnessjoni awdjoviżiva f’ħin reali. Għal dak il-għan, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jirrikjedu l-involviment ta’ nutara jew avukati bħala parti mill-proċess ta’ reġistrazzjoni onlajn, madankollu, jenħtieġ li tali involviment ma jipprevjenix it-tlestija tal-proċedura ta’ reġistrazzjoni onlajn mill-bidu sal-aħħar.

(14)Jenħtieġ li l-Istati Membri jitħallew jieħdu miżuri, f’konformità mal-liġi nazzjonali, fil-każ ta’ suspett ġenwin ta’ frodi, li jistgħu jirrikjedu, mhux b’mod sistematiku iżda fuq bażi ta’ każ b’każ, il-preżenza fiżika tal-applikant jew rappreżentant tagħhom quddiem kwalunkwe awtorità ta’ Stat Membru fejn il-kumpanija jew il-fergħa hija rreġistrata. Jenħtieġ li tali suspett ġenwin ta’ frodi jkun ibbażat fuq raġunijiet iġġustifikati, bħal pereżempju, fuq informazzjoni disponibbli mir-reġistri ta’ sidien benefiċjarji, rekords kriminali jew indikazzjonijiet ta’ frodi tal-identità jew evażjoni tat-taxxa.

(15)Sabiex jiżguraw il-ħarsien tal-persuni kollha li jinteraġixxu ma’ kumpaniji, jenħtieġ l-Istati Membri jkunu kapaċi jipprevjenu mġiba frodulenti billi jirrifjutaw l-ħatra ta’ persuna bħala direttur ta’ kumpanija jew fergħa fit-territorju tagħhom stess, li hija attwalment skwalifikata milli taġixxi ta’ direttur fi Stat Membru ieħor. Jenħtieġ li tali talbiet għall-informazzjoni jkunu possibbli permezz tas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri u għalhekk jenħtieġ li l-Istati Membri jagħmlu l-arranġamenti neċessarji biex jiżguraw li r-reġistri nazzjonali jistgħu jipprovdu din l-informazzjoni. Jenħtieġ li r-regoli għall-iskwalifika ta’ diretturi u l-kunfidenzjalità tat-trażmissjoni jkunu regolati mil-liġi nazzjonali. Sabiex tiġi żgurata l-konformità ma’ regoli applikabbli dwar il-protezzjoni ta’ dejta personali, jenħtieġ li r-reġistri nazzjonali jipproċessaw kwalunkwe dejta bħal din li tirrelata ma’ skwalifika ta’ direttur f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 35 .

(16)Jenħtieġ li l-obbligi relatati mar-reġistrazzjoni onlajn ikunu mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe formalità oħra li mhix relatata mad-dritt soċjetarju li trid tissodisfa kumpanija sabiex tibda topera skont il-liġi tal-UE u l-liġi nazzjonali.

(17)B’mod simili, fir-rigward tar-reġistrazzjoni onlajn ta’ kumpaniji, sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż u l-piżijiet fuq il-kumpaniji, jenħtieġ li jkun possibbli wkoll matul iċ-ċiklu tal-ħajja tal-kumpaniji li jiġu sottomessi dokumenti u informazzjoni kompletament onlajn lir-reġistri. Fl-istess ħin, jenħtieġ li l-Istati Membri jkollhom il-possibbiltà li jippermettu lil kumpaniji jissottomettu dokumenti u informazzjoni permezz ta’ mezzi oħra, inkluż fuq il-karti. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-iżvelar ta’ informazzjoni ta’ kumpanija jsir ladarba l-informazzjoni ssir disponibbli pubblikament fir-reġistri, peress li issa r-reġistri huma interkonnessi u jipprovdu punt ta’ referenza għall-utenti. Sabiex jiġi evitat tfixkil fis-sistemi eżistenti tal-iżvelar, jenħtieġ li l-Istati Membri jkollhom l-għażla li jippubblikaw ukoll l-informazzjoni kollha ta’ kumpanija jew parti minnha f’gazzetta nazzjonali, filwaqt li jiżguraw li l-informazzjoni tintbagħat b’mod elettroniku mir-reġistru lil dik il-gazzetta nazzjonali.

(18)Sabiex jiġi ffaċilitat il-mod kif jista’ jsir tiftix fl-informazzjoni maħżuna mir-reġistri u tiġi skambjata ma’ sistemi oħra, jenħtieġ li l-Istati Membri gradwalment jiżguraw li d-dokumenti u l-informazzjoni kollha pprovduti lil awtorità kompetenti bħala parti mir-reġistrazzjoni jew il-preżentazzjoni ta’ kumpanija jew fergħa jinħażnu mir-reġistri f’format li jinqara mill-magni u li tista’ tfittex fih jew bħala dejta strutturata. Peress li dan jista’ jirrikjedi bidliet fis-sistemi ta’ informazzjoni eżistenti tal-Istati Membri, jenħtieġ li jkun hemm perjodu itwal ta’ traspożizzjoni għal dan ir-rekwiżit.

(19)Sabiex inaqqsu l-ispejjeż u l-piż amministrattiv fuq il-kumpaniji, jenħtieġ li l-Istati Membri japplikaw il-prinċipju ta’ “darba biss” fil-qasam tad-dritt soċjetarju. L-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ “darba biss” timplika li l-kumpanija ma jiġux mistoqsija biex jippreżentaw l-istess informazzjoni lil awtoritajiet pubbliċi iktar minn darba. Pereżempju, jenħtieġ li l-kumpaniji ma jkollhomx bżonn jissottomettu l-istess informazzjoni lir-reġistru u b’mod separat lill-gazzetta nazzjonali. Minflok, jenħtieġ li r-reġistru jipprovdi l-informazzjoni diġà ppreżentata direttament lill-gazzetta nazzjonali. Bl-istess mod, fejn kumpanija tkun inkorporata fi Stat Membru wieħed u trid tirreġistra fergħa fi Stat Membru ieħor, jenħtieġ li jkun possibbli għall-kumpanija li tagħmel użu mill-informazzjoni jew dokumenti ppreżentati qabel lil reġistru. Barra minn hekk, jenħtieġ li fejn kumpanija hija inkorporata fi Stat Membru wieħed iżda għandha fergħa fi Stat Membru ieħor jkun possibbli li l-kumpanija tissottometti ċerti bidliet fl-informazzjoni tal-kumpanija tagħha lir-reġistru fejn il-kumpanija hija rreġistrata biss, mingħajr il-bżonn li tissottometti l-istess informazzjoni lir-reġistru tal-fergħa. Minflok, jenħtieġ li informazzjoni bħal bidla f’isem il-kumpanija jew bidla fl-uffiċċju reġistrat tal-kumpanija jiġu kkomunikati b’mod elettroniku mir-reġistru tal-kumpanija għar-reġistru tal-fergħa permezz tas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri.

(20)Sabiex jiġi żgurat li l-informazzjoni konsistenti u aġġornata hija disponibbli dwar kumpaniji fl-Unjoni u biex tiżdied aktar it-trasparenza, jenħtieġ li jkun possibbli li tintuża l-interkonnessjoni tar-reġistri biex tiġi skambjata informazzjoni dwar kwalunkwe tip ta’ kumpanija preżenti fir-reġistri tal-Istati Membri f’konformità mal-liġi nazzjonali. Jenħtieġ li l-Istati Membri jkollhom l-għażla li jagħmlu kopji elettroniċi tad-dokumenti u tal-informazzjoni ta’ dawk it-tipi ta’ kumpaniji oħrajn disponibbli wkoll permezz ta’ din is-sistema.

(21)Fl-interess tat-trasparenza u biex jippromwovu l-fiduċja fi tranżazzjonijiet ta’ negozju, inkluż dawk ta’ natura transfruntiera fi ħdan is-Suq Uniku, huwa importanti li investituri, partijiet ikkonċernati, imsieħba fin-negozju u awtoritajiet ikunu jistgħu jaċċessaw b’mod faċli l-informazzjoni ta’ kumpanija. Biex titjib l-aċċessibbiltà ta’ dik l-informazzjoni, jenħtieġ li aktar informazzjoni tkun disponibbli bla ħlas fl-Istati Membri kollha. Jenħtieġ li tali informazzjoni tinkludi s-sit web tal-kumpanija, fejn applikabbli, u l-istatus legali tal-kumpanija u l-fergħat tagħha fi Stat Membru ieħor, fejn disponibbli f’reġistri nazzjonali. Jenħtieġ li tinkludi wkoll l-informazzjoni li tikkonċerna l-persuni awtorizzati li jirrappreżentaw il-kumpaniji u n-numru ta’ impjegati fejn din l-informazzjoni tkun disponibbli.

(22)L-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li jistabbilixxu punti ta’ aċċess fakultattivi fir-rigward tas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri. Madankollu, bħalissa mhuwiex possibbli li l-Kummissjoni tikkonnettja partijiet ikkonċernati oħrajn mal-pjattaforma Ewropea. Sabiex partijiet ikkonċernati oħrajn jibbenifikaw mill-interkonnessjoni tar-reġistri u jiżguraw li s-sistemi tagħhom iżommu informazzjoni preċiża, aġġornata u affidabbli dwar kumpaniji, jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun awtorizzata biex tistabbilixxi punti ta’ aċċess addizzjonali. Jenħtieġ li tali punti ta’ aċċess jirreferu għal sistemi żviluppati u operati mill-Kummissjoni sabiex iwettqu l-funzjonijiet amministrattivi jew biex tikkonforma mad-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-Unjoni.

(23)Sabiex kumpaniji stabbiliti fis-Suq Uniku jiġu megħjuna jespandu b’mod aktar faċli l-attività kummerċjali tagħhom lil hinn mill-fruntieri, jenħtieġ li jkun possibbli għalihom li jiftħu u jirreġistraw fergħat fi Stat Membru ieħor onlajn. Għalhekk jenħtieġ li l-Istati Membri jippermettu, b’mod simili għall-kumpaniji, ir-reġistrazzjoni onlajn ta’ fergħat u l-preżentazzjoni onlajn ta’ dokumenti u informazzjoni.

(24)Meta tkun qed tiġi rreġistrata fergħa ta’ kumpanija rreġistrata fi Stat Membru ieħor, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jivverifikaw ukoll ċerta informazzjoni dwar il-kumpanija permezz tal-interkonnessjoni tar-reġistri meta tiġi rreġistrata fergħa f’dak l-Istat Membru. Barra minn hekk, fejn fergħa tingħalaq fi Stat Membru wieħed, jenħtieġ li r-reġistru ta’ dak l-Istat Membru jinforma lill-Istat Membru fejn hija rreġistrata l-kumpanija b’dan permezz tas-sistema tal-interkonnessjoni tar-reġistri u ż-żewġ reġistri għandhom jirrekordjaw din l-informazzjoni.

(25)Biex tiġi żgurata l-konsistenza mal-Unjoni u l-liġi nazzjonali, huwa neċessarju li titħassar id-dispożizzjoni relatata mal-Kumitat ta’ Kuntatt li m’għadux jeżisti, u li jiġu aġġornati t-tipi ta’ kumpaniji stabbiliti fl-Annessi I u II tad-Direttiva (UE) 2017/1132.

(26)Sabiex jiġu akkomodati bidliet futuri fil-liġijiet tal-Istati Membri u fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni rigward tipi ta’ kumpaniji, jenħtieġ li s-setgħa li jiġu adottati atti f’konformità mal-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea tiġi delegata lill-Kummissjoni biex taġġorna l-lista tat-tipi ta’ kumpaniji inkluża fl-Annessi I, II u IIA tad-Direttiva (UE) 2017/1132. B’mod partikolari hu importanti li waqt il-ħidma preparatorja, il-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa, inkluż fil-livell ta’ esperti, u li dawn il-konsultazzjonijiet isiru b’konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet 36 . B’mod partikulari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija tal-atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jkunu qed jittrattaw it-tħejjija tal-atti delegati.

(27)Id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva ma jaffetwawx id-dispożizzjonijiet legali jew amministrattivi, inklużi l-obbligi għar-reġistrazzjoni tal-kumpaniji, ta’ liġijiet nazzjonali li jirrigwardaw miżuri ta’ taxxa ta’ Stati Membri, jew tas-subdiviżjonijiet territorjali u amministrattivi tagħhom.

(28)Din id-Direttiva ma taffettwax id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 37 li tindirizza r-riskji tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, b’mod partikulari l-obbligi relatati mat-twettiq tal-miżuri xieraq ta’ diliġenza dovuta tal-klijent abbażi ta’ sensittività għar-riskju u mal-identifikazzjoni u r-reġistrar tas-sid benefiċjarju ta’ entità maħluqa ġdida fl-Istat Membru tal-inkorporazzjoni tagħha.

(29)Jenħtieġ li din id-Direttiva tiġi applikata b’mod konformi mal-liġi dwar il-protezzjoni tad-dejta tal-Unjoni u l-protezzjoni tal-privatezza u dejta personali kif stabbilit fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Kull ipproċessar tad-dejta personali ta’ persuni fiżiċi skont din id-Direttiva għandu jsir f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/679.

(30)Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat skont l-Artikolu 28(2) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 38 u ta opinjoni fil-… 2018.

(31)Minħabba li l-għanijiet ta’ din id-Direttiva, jiġifieri li jiġu pprovduti aktar soluzzjonijiet diġitali għal kumpaniji fis-Suq Uniku, ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jistgħu, minħabba l-iskala u l-effetti tagħhom, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. B’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu dawk l-għanijiet.

(32)Skont id-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tat-28 ta’ Settembru 2011 tal-Istati Membri u l-Kummissjoni dwar id-dokumenti ta’ spjegazzjoni 39 , l-Istati Membri ntrabtu li, f’każijiet iġġustifikati, jakkumpanjaw in-notifika tal-miżuri ta’ traspożizzjoni tagħhom b’dokument wieħed jew aktar li jispjega r-relazzjoni bejn il-komponenti ta’ direttiva u l-partijiet korrispondenti tal-istrumenti ta’ traspożizzjoni nazzjonali. Fir-rigward ta’ din id-Direttiva, il-leġiżlatur iqis li t-trażmissjoni ta’ dawn id-dokumenti hija ġġustifikata.

(33)Jenħtieġ li l-Kummissjoni twettaq evalwazzjoni ta’ din id-Direttiva. Skont il-paragrafu 22 tal-Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tat-13 ta’ April 2016 40 , jenħtieġ li din l-evalwazzjoni tkun ibbażata fuq il-ħames kriterji ta’ effiċjenza, effettività, rilevanza, koerenza u valur miżjud għall-UE u jenħtieġ li tipprovdi l-bażi għal valutazzjonijiet tal-impatt għal miżuri ulterjuri possibbli.

(34)Jenħtieġ li l-informazzjoni tinġabar sabiex tiġi vvalutata l-prestazzjoni tal-leġiżlazzjoni meta mqabbla mal-għanijiet tagħha u sabiex tiġi ppjanata evalwazzjoni tal-leġiżlazzjoni skont il-paragrafu 22 tal-Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tat-13 ta’ April 2016.

(35)Għalhekk jenħtieġ li d-Direttiva (UE) 2017/1132 tiġi emendata skont dan,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1
Emendi għad-Direttiva (UE) 2017/1132

Id-Direttiva (UE) 2017/1132 hija emendata kif ġej:

(1)fl-Artikolu 1, jiddaħħal l-inċiż li ġej wara t-tieni inċiż:

“-    ir-regoli dwar ir-reġistrazzjoni u l-preżentazzjoni onlajn minn kumpaniji u l-fergħat tagħhom,”;

(2)fit-Titolu I, it-titolu tal-Kapitolu III tinbidel b’dan li ġej:

“Reġistrazzjoni u arkivjar onlajn, żvelar u reġistri”;

(3)L-Artikolu 13 jinbidel b’dan li ġej:

“Artikolu 13
Kamp ta’ applikazzjoni

Il-miżuri ta’ koordinazzjoni preskritti minn din it-Taqsima għandhom japplikaw għal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri li jirrelataw mat-tipi ta’ kumpaniji mniżżla fl-Anness II, u fejn speċifikat, mat-tipi ta’ kumpaniji mniżżla fl-Annessi I u IIA.";

(4)Qed jiddaħħlu l-Artikoli 13a sa 13e li ġejjin:

“Artikolu 13a
Definizzjonijiet

Għall-għanijiet ta’ dan il-Kapitolu:

(1)"mezzi ta’ identifikazzjoni elettronika" tfisser mezz ta’ identifikazzjoni kif definit fil-punt (2) tal-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(*);

(2)“skema ta’ identifikazzjoni elettronika” tfisser skema ta’ identifikazzjoni kif definita fil-punt (4) tal-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) Nru 910/2014;

(3)"reġistrazzjoni" tfisser il-formazzjoni ta’ kumpanija bħala entità ġuridika;

(4)"mudell" tfisser mudell għall-istrument tal-kostituzzjoni ta’ kumpanija li huwa mfassal mill-Istati Membri b’mod konformi mal-liġi nazzjonali u użat għar-reġistrazzjoni onlajn ta’ kumpanija;

(5)“identifikatur uniku Ewropew tal-kumpaniji u l-fergħat (“EUID”)” tfisser l-identifikatur uniku għall-finijiet ta’ komunikazzjoni bejn reġistri kif imsemmi f’punt (8) tal-Anness għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 2015/884(**).

Artikolu 13b
Rikonoxximent ta’ mezzi ta’ identifikazzjoni għall-fini ta’ proċeduri onlajn

1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-mezzi ta’ identifikazzjoni elettronika ta’ ċittadini tal-UE li ġejjin jistgħu jintużaw għall-finijiet tar-reġistrazzjoni onlajn u l-preżentazzjoni onlajn:

(a)mezz ta’ identifikazzjoni elettronika maħruġ taħt skema ta’ identifikazzjoni elettronika approvata mill-Istat Membru tagħhom stess;

(b)mezz ta’ identifikazzjoni elettronika maħruġ fi Stat Membru ieħor u rikonoxxut għall-fini tal-awtentikazzjoni transfruntiera skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 910/2014.

2.L-Istati Membri wkoll jistgħu jagħrfu mezzi oħra ta’ identifikazzjoni minbarra dawk imsemmija f’paragrafu 1.

3.Fejn Stat Membru jirrikonoxxi mezzi ta’ identifikazzjoni msemmi fil-paragrafu 2 għall-finijiet tat-tlestija tar-reġistrazzjoni onlajn u l-preżentazzjoni onlajn, dak l-Istat Membru għandu jirrikonoxxi wkoll l-istess mezzi ta’ identifikazzjoni maħruġa minn Stat Membru ieħor.

4.Mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 1 sa 3, l-Istati Membri jistgħu jieħdu miżuri li jistgħu jirrikjedu preżenza fiżika quddiem kwalunkwe awtorità bil-kompetenza li tindirizza r-reġistrazzjoni onlajn jew il-preżentazzjoni onlajn għall-fini tal-verifika tal-identità ta’ persuni, f’każi ta’ suspett ġenwin ta’ frodi abbażi ta’ raġunijiet ġustifikati.

Artikolu 13c
Tariffi għal reġistrazzjoni onlajn u preżentazzjoni onlajn

1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-regoli dwar tariffi applikabbli għall-proċeduri msemmija f’dan il-Kapitolu huma trasparenti u jiġu applikati b’mod nondiskriminatorju.

2.Kwalunkwe tariffa imposta mir-reġistri, imsemmija fl-Artikolu 16, għar-reġistrazzjoni onlajn ta’, jew il-preżentazzjoni onlajn minn kumpanija jew fergħa m’għandhiex taqbeż l-ispejjeż amministrattivi tal-forniment tas-servizz.

Artikolu 13d
Pagamenti 

Fejn it-tlestija ta’ proċedura stabbilita f’dan il-Kapitolu tirrikjedi pagament, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-pagament jista’ jsir permezz ta’ servizz ta’ pagament disponibbli b’mod wiesa’ f’servizzi ta’ pagament transfruntiera.

Artikolu 13e
Rekwiżiti ta’ informazzjoni

1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni li ġejja tkun disponibbli onlajn:

(a)rekwiżiti li jikkonċernaw ir-reġistrazzjoni u l-operazzjoni ta’ kumpaniji u l-fergħat tagħhom, inkluż reġistrazzjoni onlajn u preżentazzjoni onlajn taħt il-liġi nazzjonali;

(b)rekwiżiti li jirrelataw mal-użu ta’ mudelli, inkluż informazzjoni dwar il-liġijiet nazzjonali li jirregolaw l-użu u l-kontenuti ta’ dawn il-mudelli;

(c)rekwiżiti li jirrelataw mal-awtentikazzjoni ta’ dokumenti u informazzjoni li se jiġu sottomessi bħala parti mill-proċedura ta’ reġistrazzjoni onlajn;

(d)regoli li jirrelataw mal-mezzi ta’ identifikazzjoni meħtieġa bħala parti mir-reġistrazzjoni u l-preżentazzjoni onlajn.

2.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li bħala minimu l-informazzjoni li ġejja tkun disponibbli rigward it-tipi ta’ kumpaniji mniżżla fl-Anness IIA:

(a)kwalunkwe formalità li tirrelata mar-reġistrazzjoni onlajn ta’ u l-preżentazzjoni onlajn minn kumpanija jew fergħa, inklużi proċeduri u limiti ta’ żmien, flimkien ma’ dettalji dwar id-dokumenti u l-informazzjoni kollha meħtieġa u kwalunkwe tariffa applikabbli;

(b)kwalunkwe rekwiżit li jikkonċerna s-sottomissjoni ta’ dokumenti mfassla f’lingwi oħra, inkluż it-traduzzjoni jew ċertifikazzjoni ta’ tali dokumenti;

(c)il-mezzi ta’ identifikazzjoni, kif imsemmija fl-Artikolu 13b, meħtieġa mill-Istat Membru;

(d)is-setgħat u r-responsabbiltajiet tal-korp amministrattiv, il-korp maniġerjali u l-organu superviżorju tal-kumpanija jew fergħa inkluż ir-rappreżentazzjoni ta’ kumpanija jew fergħa lejn partijiet terzi;

(e)ir-rekwiżiti biex issir membru tal-korp amministrattiv, tal-korp maniġerjali jew tal-korp superviżorju tal-kumpanija jew fergħa;

(f)dettalji rigward il-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-korp amministrattiv, tal-korp maniġerjali jew tal-korp superviżorju tal-kumpanija jew fergħa;

(g)dettalji li jirrelataw mad-drittijiet u l-obbligi tal-azzjonisti;

(h)dettalji rigward il-pagament ta’ dividendi u forom oħra ta’ distribuzzjonijiet;

(i)informazzjoni li tirrelata ma’ riservi legali, fejn applikabbli;

(j)kundizzjonijiet li jaffettwaw il-validità ta’ kuntratti ffirmati qabel l-inkorporazzjoni;

(k)kwalunkwe rekwiżit li jirrelata mal-operazzjoni u l-attivitajiet ta’ fergħa minn kumpanija, kif ukoll kwalunkwe rekwiżit li jirrelata mal-ftuħ u l-għeluq ta’ fergħa;

(l)kwalunkwe rekwiżit li jirrelata ma’ bidla fid-dokumenti u l-informazzjoni msemmija fl-Artikoli 14 u 30.

3.Jenħtieġ li l-Istati Membri jipprovdu l-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2 fis-siti web disponibbli mill-Portal Uniku Diġitali stabbilit mir-Regolament (UE) Nru [COM (2017) 256] (***). Jenħtieġ li l-informazzjoni tissodisfa r-rekwiżiti tal-kwalità tal-Artikolu X ta’ dak ir-Regolament. Informazzjoni bħal din għandha tkun disponibbli f’lingwa uffiċjali tal-Unjoni li tinftiehem mill-ikbar maġġoranza ta’ utenti transfruntiera u għandha tkun b’xejn.

(*) Ir-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għal transazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern u li jħassar id-Direttiva 1999/93/KE (ĠU L 257, 28.8.2014, p. 73).

(**) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/884 tat-8 ta’ Ġunju 2015 li jistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u l-proċeduri meħtieġa għas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri stabbilita bid-Direttiva 2009/101/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 144, 10.6.2015, p. 1).

(***) Ir-Regolament […] tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta’ portal diġitali uniku li jipprovdi informazzjoni, proċeduri, u servizzi ta’ assistenza u ta’ soluzzjoni tal-problemi u li jemenda r-Regolament UE Nru 1024/2012 (ĠU L […], […], p. […]).”

(5)fil-Kapitlu III tat-Titlu I, it-Taqsima 1a li ġejja tiddaħħal:

“Taqsima 1a

Reġistrazzjoni onlajn, preżentazzjoni onlajn u żvelar

Artikolu 13f
Reġistrazzjoni onlajn ta’ kumpaniji

1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-reġistrazzjoni ta’ kumpaniji tista’ titwettaq onlajn mill-bidu sal-aħħar mingħajr il-bżonn li l-applikant, jew ir-rappreżentant tiegħu, jidher fiżikament quddiem awtorità kompetenti jew quddiem kwalunkwe persuna oħra jew korp ieħor li jkunu qed jittrattaw l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni, soġġett għall-kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 13b(4). Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma jipprovdux proċeduri ta’ reġistrazzjoni kompletament onlajn għal dawk it-tipi ta’ kumpaniji mniżżla fl-Anness I.

2.L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli ddettaljati għar-reġistrazzjoni onlajn ta’ kumpaniji, inkluż regoli dwar l-użu ta’ mudelli, kif imsemmija fl-Artikolu 13g, u d-dokumenti u l-informazzjoni meħtieġa biex tiġi rreġistrata kumpanija. Bħala parti minn dawn ir-regoli l-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-reġistrazzjoni onlajn tista’ ssir billi jiġu sottomessi informazzjoni jew dokumenti f’format elettroniku, inkluż kopji elettroniċi tad-dokumenti u l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 16a(4).

3.Ir-regoli, imsemmija fil-paragrafu 2, għandhom jipprevedu tal-inqas dan li ġej:

(a)il-proċeduri biex tiġi żgurata l-kapaċità ġuridika tal-applikant u l-awtorità tagħhom li jirrappreżentaw il-kumpanija;

(b)il-mezzi għall-verifika tal-identità tal-persuna jew persuni li qed jirreġistraw il-kumpanija jew ir-rappreżentanti tagħhom;

(c)ir-rekwiżiti li l-applikant juża servizzi fiduċjarji msemmija fir-Regolament (UE) Nru 910/2014.

4.Ir-regoli, imsemmija fil-paragrafu 2, jistgħu jipprevedu wkoll dan li ġej:

(a)il-proċeduri biex tiġi żgurata l-legalità tal-oġġett tal-kumpanija;

(b)il-proċeduri biex tiġi żgurata l-legalità tal-isem tal-kumpanija;

(c)il-proċeduri biex tiġi żgurata l-legalità tal-istrumenti tal-kostituzzjoni, inkluż il-verifika tal-użu korrett tal-mudelli;

(d)il-proċeduri biex tiġi vverifikata l-ħatra ta’ diretturi billi titqies l-iskwalifika ta’ diretturi minn awtoritajiet kompetenti ta’ Stati Membri oħra;

(e)il-proċeduri biex jiġi prevedut l-irwol ta’ nutar jew ta’ kwalunkwe persuna jew korp ieħor mandat mill-Istat Membru biex jippreżenta applikazzjoni għar-reġistrazzjoni;

(f)iċ-ċirkostanzi li fihom ir-reġistrazzjoni onlajn tista’ tiġi eskluża fejn il-kapital tal-ishma ta’ kumpanija se jitħallas b’kontribuzzjonijiet in natura.

5.L-Istati Membri m’għadhomx jagħmlu r-reġistrazzjoni onlajn ta’ kumpanija kundizzjonali fuq il-kisba ta’ kwalunkwe liċenzja jew awtorizzazzjoni qabel tiġi rreġistrata l-kumpanija, ħlief meta tkun indispensabbli għall-kontroll xieraq ta’ ċerti attivitajiet stabbiliti fil-liġi nazzjonali.

6.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-pagament ta’ kapital tal-ishma jkun meħtieġ bħala parti mill-proċedura biex tiġi rreġistrata kumpanija, li dan il-pagament jista’ jsir onlajn, f’konformità mal-Artikolu 13d, lil kont bankarju li jopera fl-Unjoni. Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li prova ta’ dawn il-pagamenti tista’ tiġi pprovduta onlajn ukoll.

7.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-reġistrazzjoni onlajn titlesta fi żmien perjodu ta’ ħamest ijiem tax-xogħol mill-aħħar ta’ dan li ġej:

(a)il-wasla tad-dokumenti u l-informazzjoni meħtieġa kollha għand awtorità kompetenti jew, fejn applikabbli, għand persuna jew korp responsabbli taħt il-liġi nazzjonali li jipproċessa applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ kumpanija;

(b)il-pagament ta’ tariffa ta’ reġistrazzjoni, il-pagament fi flus kontanti għall-kapital tal-ishma jew, fejn pagament għall-kapital tal-ishma se jsir b’kontribuzzjoni in natura, kif prevedut taħt il-liġi nazzjonali.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-applikant jiġi mgħarraf immedjatament dwar ir-raġunijiet għal kwalunkwe dewmien, fejn, f’ċirkostanzi eċċezzjonali debitament iġġustifikati, ikun impossibbli li jinżamm il-limitu ta’ żmien.

Artikolu 13g
Mudelli għar-reġistrazzjoni ta’ kumpaniji

1.L-Istati Membri għandhom jagħmlu mudelli disponibbli fuq il-portals tar-reġistrazzjoni jew is-siti web disponibbli permezz ta’ portal uniku, għat-tipi ta’ kumpaniji elenkati fl-Anness IIA. L-Istati Membri jistgħu wkoll jagħmlu disponibbli onlajn mudelli għar-reġistrazzjoni ta’ dawk it-tipi ta’ kumpaniji mniżżla fl-Anness II minbarra dawk imniżżla fl-Anness IIA.

2.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-mudelli, imsemmija f’paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, jistgħu jintużaw minn applikanti bħala parti mill-proċedura ta’ reġistrazzjoni onlajn, imsemmija fl-Artikolu 13f. Meta dawk il-mudelli jintużaw mill-applikant b’konformità mar-regoli msemmija fil-punt (c) tal-Artikolu 13f(4), fejn applikabbli, ir-rekwiżit li l-istrumenti tal-kostituzzjoni tal-kumpanija jkunu mfasslin u ċċertifikati f’għamla legali xierqa kif stabbilit fl-Artikolu 10 jitqies sodisfatt.

3.L-Istati Membri għandhom mill-inqas jagħmlu l-mudelli disponibbli f’lingwa uffiċjali tal-Unjoni li tinftiehem mill-ikbar maġġoranza ta’ utenti transfruntiera.

4.Is-sustanza tal-mudelli se tkun irregolata mil-liġi nazzjonali.

Artikolu 13h
Diretturi skwalifikati

1.Fejn Stati Membri jistabbilixxu regoli li jirrelataw mal-iskwalifika tad-diretturi, imsemmija fil-punt (d) tal-Artikolu 13f(4), ir-reġistru fejn il-kumpanija għandha tiġi rreġistrata jista’, permezz tas-sistema tal-interkonnessjoni tar-reġistri msemmija fl-Artikolu 22, jitlob konferma mir-reġistri ta’ Stati Membri oħra dwar jekk il-persuna li se tinħatar bħala direttur tal-kumpanija hix attwalment skwalifikata milli taġixxi bħala direttur f’dawk l-Istati Membri jew le. Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, diretturi se jinkludu l-persuni kollha msemmija fl-Artikolu 14(d).

2.L-Istati Membri għandhom jagħmlu l-arranġamenti neċessarji biex jiżguraw li r-reġistri tagħhom jistgħu jipprovdu, permezz tas-sistema msemmija fl-Artikolu 22, l-informazzjoni msemmija f’paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu u fir-rigward ta’ liema perjodu hija fis-seħħ kwalunkwe skwalifika. Din l-informazzjoni għandha tiġi pprovduta għall-finijiet tar-reġistrazzjoni u l-Istati Membri jistgħu jipprovdu wkoll ir-raġunijiet għall-iskwalifika.

3.L-Istati Membri jistgħu jirrifjutaw il-ħatra ta’ persuna bħala direttur ta’ kumpanija fejn din il-persuna hija attwalment skwalifikata milli taġixxi bħala direttur fi Stat Membru ieħor.

4.Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 1, 2 u 3 se japplikaw mutatis mutandis għal istanzi fejn kumpanija tissottometti informazzjoni dwar il-ħatra ta’ direttur ġdid fir-reġistru, imsemmija fl-Artikolu 16.

Artikolu 13i
Preżentazzjoni onlajn minn kumpaniji

1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kumpaniji jkunu jistgħu jissottomettu onlajn id-dokumenti u l-informazzjoni, kif imsemmija fl-Artikolu 14, inkluż kwalunkwe modifika tagħhom, lir-reġistru fil-limitu ta’ żmien ipprevedut mil-liġijiet tal-Istat Membru fejn se tiġi rreġistrata l-kumpanija. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li tali preżentazzjoni tista’ ssir onlajn mill-bidu sal-aħħar mingħajr il-bżonn li l-applikant, jew ir-rappreżentant tiegħu, jidher fiżikament quddiem awtorità kompetenti jew quddiem kwalunkwe persuna oħra jew korp ieħor li jindirizza l-preżentazzjoni onlajn, soġġett għall-kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 13b(4).

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-oriġini u l-integrità tad-dokumenti sottomessi onlajn tista’ tiġi vverifikata b’mod elettroniku.

2.L-Istati Membri jistgħu jirrikjedu lil ċerti kumpaniji jew lill-kumpaniji kollha jissottomettu d-dokumenti u l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 kollha jew uħud minnhom onlajn.”;

(6)L-Artikolu 16 jinbidel b’dan li ġej:

Artikolu 16
Żvelar fir-reġistru

1.F’kull Stat Membru, għandu jinfetaħ fajl f’reġistru ċentrali, kummerċjali jew tal-kumpaniji (“ir-reġistru”), għal kull waħda minn dawk il-kumpaniji rreġistrati fih.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kumpaniji jkollhom identifikatur uniku li jippermetti li jiġu identifikati bla ekwivoku fil-komunikazzjonijiet bejn ir-reġistri permezz tas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri stabbilita skont l-Artikolu 22 (“is-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri”). Dak l-identifikatur uniku għandu jinkludi, tal-anqas, elementi li jippermettu l-identifikazzjoni tal-Istat Membru tar-reġistru, ir-reġistru domestiku ta’ oriġini u n-numru tal-kumpanija f’dak ir-reġistru u, fejn xieraq, karatteristiċi sabiex ikunu evitati żbalji ta’ identifikazzjoni.

2.Id-dokumenti u l-informazzjoni kollha li huma meħtieġa li jiġu żvelati skont l-Artikolu 14 għandhom jinżammu fil-fajl imsemmi fil-paragrafu 1, jew jiddaħħlu dirett fir-reġistru u s-suġġett tal-entrati fir-reġistru għandu jiġi rrekordjat fil-fajl.

Id-dokumenti u l-informazzjoni kollha msemmija fl-Artikolu 14, irrispettivament mill-mezzi li permezz tagħhom jiġu sottomessi, għandhom jinżammu fil-fajl fir-reġistru jew jiddaħħlu dirett fih f’format elettroniku. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-reġistru jibdel dawk id-dokumenti u l-informazzjoni kollha li jkunu ppreżentati f’forma stampata, f’forma elettronika.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-dokumenti u l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 14 li ġew sottomessi f’forma stampata qabel il-31 ta’ Diċembru 2006 jinbidlu f’forma elettronika mir-reġistru mal-wasla ta’ applikazzjoni għal żvelar ippreżentata f’forma elettronika.

3.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-iżvelar tad-dokumenti u l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 14 isir billi jiġu magħmula pubblikament disponibbli fir-reġistru. Barra minn hekk, l-Istati Membri jistgħu jippubblikaw ukoll id-dokumenti u l-informazzjoni kollha jew uħud minnhom fil-gazzetta nazzjonali nnominata għal dak l-għan. F’tali każijiet, ir-reġistru għandu jiżgura li dawk id-dokumenti u l-informazzjoni jintbagħtu b’mod elettroniku mir-reġistru lill-gazzetta nazzjonali.

4.Id-dokumenti u l-informazzjoni jistgħu jintużaw kontra terzi mill-kumpanija biss wara li jkunu ġew żvelati skont il-paragrafu 3, sakemm il-kumpanija ma tagħtix prova li l-dawk it-terzi kienu jafu biha.

Madankollu, rigward tranżazzjonijiet li jsiru qabel is-sittax-il jum wara li jiġu żvelati, id-dokumenti u l-informazzjoni m’għandhomx jintużaw kontra partijiet terzi li jkunu taw prova li kien impossibbli għalihom li jkunu jafu bihom.

5.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-dokumenti u l-informazzjoni kollha pprovduti lil awtorità kompetenti bħala parti mir-reġistrazzjoni onlajn jew il-preżentazzjoni onlajn ta’ kumpanija jew fergħa għandhom jinħażnu mir-reġistri f’format li jinqara mill-magni u li tista’ tfittex fih jew bħala dejta strutturata.

(7)jiddaħħal l-Artikolu 16a li ġej:

“Artikolu 16a
Aċċess għal informazzjoni żvelata

1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kopji ta’ kull dokument u informazzjoni jew ta’ kwalunkwe parti minnhom, imsemmija fl-Artikolu 14, jistgħu jinkisbu mir-reġistru mal-applikazzjoni u li dawk l-applikazzjonijiet jistgħu jiġu sottomessi lir-reġistru b’mezzi stampati jew elettroniċi.

Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li d-dokumenti u l-informazzjoni kollha jew ċerti tipi, li ġew sottomessi f’forma stampata fil-31 ta’ Diċembru 2006 jew qabel, mhux se jkunu jistgħu jinkisbu f’forma elettronika fejn ikun għadda perjodu speċifikat bejn id-data tal-preżentazzjoni u d-data tal-applikazzjoni. Perjodu speċifikat bħal dan ma jistax ikun anqas minn 10 snin.

2.Il-prezz biex tinkiseb kopja tad-dokumenti u l-informazzjoni kollha msemmija fl-Artikolu 14 jew ta’ parti minnhom, sew jekk f’forma stampata kif ukoll permezz ta’ mezzi elettroniċi, m’għandux ikun aktar mill-ispejjeż amministrattivi relatati magħhom.

3.Kopji elettroniċi li jingħataw lil applikant għandhom ikunu ċċertifikati bħala ’kopji veri’ sakemm l-applikant jiddikjara li ma jeħtieġx dik iċ-ċertifikazzjoni.

4.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li siltiet elettroniċi tad-dokumenti u l-informazzjoni pprovduti mir-reġistru ġew awtentikati permezz ta’ servizzi fiduċjarji msemmija fir-Regolament (UE) Nru 910/2014, sabiex ikun garantit li s-siltiet elettroniċi ġew ipprovduti mir-reġistru u li l-kontenut tagħhom huwa kopja veru tad-dokument miżmum mir-reġistru jew li hu konsistenti mal-informazzjoni li fih.";

(8)L-Artikolu 18 huwa emendat kif ġej:

(a)il-paragrafu 1 jinbidel b’dan li ġej:

"1. Il-kopji f’forma elettronika tad-dokumenti u l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 14 għandhom ikunu wkoll disponibbli pubblikament permezz tas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri. L-Istati Membri jistgħu jagħmlu disponibbli wkoll dokumenti u informazzjoni msemmija fl-Artikolu 14 għal tipi ta’ kumpaniji minbarra dawk imniżżla fl-Anness II.";

(b)fil-paragrafu 3, il-punt (a) jinbidel b’dan li ġej:

"(a) id-dokumenti u l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 14, inkluż għal tipi ta’ kumpaniji minbarra dawk elenkati fl-Anness II fejn tali dokumenti jiġu magħmula disponibbli mill-Istati Membri;";

(9)L-Artikolu 19 jinbidel b’dan li ġej:

“Artikolu 19
Tariffi li jistgħu jiġu imposti għal dokumenti u informazzjoni

1.It-tariffi imposti għall-kisba tad-dokumenti u l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 14 permezz tas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri m’għandhomx ikunu ogħla mill-ispejjeż amministrattivi tagħhom.

2.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni li ġejja tkun disponibbli bla ħlas permezz tas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri:

(a)l-isem jew l-ismijiet u l-forma ġuridika tal-kumpanija;

(b)l-uffiċċju reġistrat tal-kumpanija u l-Istat Membru fejn hu rreġistrat;

(c)in-numru tar-reġistrazzjoni tal-kumpanija u l-EUID tagħha;

(d)id-dettalji tas-sit web tal-kumpanija, fejn applikabbli;

(e)l-istatus legali tal-kumpanija, bħal fejn hija magħluqa, maqtugħa mir-reġistru, likwidata, xolta, ekonomikament attiva jew inattiva kif definit mil-liġi nazzjonali u fejn disponibbli fir-reġistri nazzjonali;

(f)l-oġġett tal-kumpanija, fejn huwa rrekordjat fir-reġistru nazzjonali;

(g)in-numru ta’ impjegati tal-kumpanija, fejn dan huwa disponibbli fid-dikjarazzjonijiet finanzjarji tal-kumpanija kif meħtieġ mil-liġi nazzjonali;

(h)l-isem ta’ kwalunkwe persuna awtorizzata mill-kumpanija biex tirrappreżentaha f’negozjati ma’ partijiet terzi u fi proċedimenti legali jew biex jieħdu sehem fl-amministrazzjoni, fis-superviżjoni jew fil-kontroll tal-kumpanija, kif imsemmi fl-Artikolu 14(d);

(i)informazzjoni dwar kwalunkwe fergħa miftuħa mill-kumpanija fi Stat Membru ieħor inkluż l-isem, in-numru tar-reġistrazzjoni, l-EUID u l-Istat Membru fejn hija rreġistrata l-fergħa.

L-Istati Membri jistgħu jagħmlu aktar informazzjoni u dokumenti disponibbli bla ħlas.”;

(10)L-Artikolu 22 huwa emendat kif ġej:

(a)fil-paragrafu 4, is-subparagrafu li ġej għandu jiżdied:

"Il-Kummissjoni tista’ tistabbilixxi wkoll punti ta’ aċċess fakultattivi għas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri. Tali punti ta’ aċċess sejrin jikkonsistu f’sistemi żviluppati u operati mill-Kummissjoni sabiex iwettqu l-funzjonijiet amministrattivi tagħha jew biex tikkonforma mad-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-Unjoni. Il-Kummissjoni għandha tinnotifika lill-Istati Membri mingħajr dewmien bla bżonn bl-istabbiliment ta’ tali punti ta’ aċċess u bi kwalunkwe tibdil sinifikanti fl-operat tagħhom.";

(b)il-paragrafu 5 jinbidel b’dan li ġej:

“5.    L-aċċess għall-informazzjoni mis-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri għandu jkun żgurat permezz tal-portal u permezz tal-punti ta’ aċċess fakultattivi stabbiliti mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni.”;

(11)L-Artikolu 24 huwa emendat kif ġej:

(a)il-punt (d) jinbidel b’dan li ġej:

“(d) l-ispeċifikazzjoni teknika li tiddefinixxi l-metodi ta’ skambju ta’ informazzjoni bejn ir-reġistru tal-kumpanija u r-reġistru tal-fergħa kif imsemmi fl-Artikolu 20, paragrafi (4) u (6) tal-Artikolu 28a, l-Artikolu 28c, l-Artikolu 30a u l-Artikolu 34;”,

(b)il-punt (n) jinbidel b’dan li ġej:

“(n) il-proċedura u r-rekwiżiti tekniċi għall-konnessjoni tal-punti ta’ aċċess fakultattivi mal-pjattaforma kif imsemmi fl-Artikolu 22;”,

(c)jiżdied il-punt (o) li ġej:

“(o) l-ispeċifikazzjoni teknika għall-metodi tal-iskambju bejn ir-reġistri tal-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 13h.”;

(12)fil-Kapitolu III tat-Titolu I, it-titolu tat-Taqsima2 jinbidel b’dan li ġej:

“Regoli ta’ reġistrazzjoni u żvelar applikabbli għall-fergħat ta’ kumpaniji minn Stati Membri oħra”;

(13)fit-Taqsima 2 tal-Kapitolu III tat-Titolu I, jiddaħħlu l-Artikoli 28a, 28b u 28c li ġejjin:

“Artikolu 28 a
Reġistrazzjoni onlajn ta’ fergħat

1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-reġistrazzjoni ta’ fergħa ta’ kumpanija fi Stat Membru, li hija regolata mil-liġi ta’ Stat Membru ieħor, tista’ ssir onlajn mill-bidu sal-aħħar mingħajr il-bżonn li l-applikant, jew ir-rappreżentant tiegħu, jidher fiżikament quddiem awtorità kompetenti jew quddiem kwalunkwe persuna oħra jew korp ieħor li qed jittrattaw l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni, soġġett għall-kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 13b(4).

2.L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli ddettaljati għar-reġistrazzjoni onlajn ta’ fergħat, inkluż regoli dwar id-dokumenti u l-informazzjoni meħtieġa li jiġu sottomessi lil awtorità kompetenti. Bħala parti minn dawn ir-regoli l-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-reġistrazzjoni onlajn tista’ ssir billi jiġu ppreżentati informazzjoni jew dokumenti f’format elettroniku, inkluż kopji elettroniċi tad-dokumenti u l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 16a(4), jew billi jintużaw l-informazzjoni jew dokumenti ppreżentati qabel lil reġistru.

3.Ir-regoli, imsemmija fil-paragrafu 2, għandhom jipprevedu tal-inqas dan li ġej:

(a)il-proċedura biex tiġi żgurata l-kapaċità ġuridika tal-applikant u l-awtorità tagħhom li jirrappreżentaw lill-kumpanija;

(b)il-mezzi għall-verifika tal-identità tal-persuna jew persuni li qed jirreġistraw il-fergħa jew ir-rappreżentanti tagħhom.

4.L-Istati Membri jistgħu jivverifikaw l-informazzjoni dwar il-kumpanija permezz tas-sistema tal-interkonnessjoni tar-reġistri meta tkun qed tiġi reġistrata fergħa ta’ kumpanija stabbilita fi Stat Membru ieħor.

L-Istati Membri m’għandhomx jagħmlu r-reġistrazzjoni onlajn ta’ fergħa kundizzjonali fuq il-kisba ta’ kwalunkwe liċenzja jew awtorizzazzjoni qabel tiġi rreġistrata l-fergħa, ħlief meta tkun indispensabbli għall-kontroll xieraq ta’ ċerti attivitajiet stabbiliti fil-liġi nazzjonali.

5.L-Istati Membri għandhom itemmu r-reġistrazzjoni onlajn ta’ fergħa fi żmien perjodu ta’ ħamest ijiem tax-xogħol minn meta jaslu d-dokumenti u l-informazzjoni neċessarji kollha meħtieġa minn awtorità kompetenti jew, fejn applikabbli, minn persuna jew korp responsabbli taħt il-liġi nazzjonali li jipproċessa applikazzjoni għar-reġistrazzjoni.

6.Wara r-reġistrazzjoni ta’ fergħa ta’ kumpanija stabbilita taħt il-liġijiet ta’ Stat Membru ieħor, ir-reġistru ta’ dik il-fergħa għandu jinnotifika lill-Istat Membru fejn il-kumpanija hija rreġistrata li l-fergħa ġiet irreġistrata permezz tas-sistema tal-interkonnessjoni tar-reġistri. L-Istati Membri fejn il-kumpanija hija rreġistrata għandhom jirrikonoxxu l-wasla ta’ din in-notifika u jirrekordjaw l-informazzjoni fir-reġistru tagħhom mingħajr dewmien.

Artikolu 28b
Preżentazzjoni onlajn għal fergħat

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkunu jistgħu jiġu sottomessi onlajn id-dokumenti u l-informazzjoni, kif imsemmija fl-Artikolu 30 jew kwalunkwe modifika tiegħu, fil-perjodu previst mil-liġijiet tal-Istat Membru fejn se tiġi rreġistrata l-fergħa. L-Istati Membru għandhom jiżguraw li tali preżentazzjoni tista’ ssir onlajn mill-bidu sal-aħħar mingħajr il-bżonn li l-applikant, jew ir-rappreżentant tiegħu, jidher fiżikament quddiem awtorità kompetenti jew quddiem kwalunkwe persuna oħra li tittratta l-preżentazzjoni onlajn, soġġett għall-kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 13b(4).

Artikolu 28c
Għeluq ta’ fergħat

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li mal-wasla tad-dokumenti u l-informazzjoni msemmija fil-punt (h) tal-Artikolu 30(1), ir-reġistru ta’ Stat Membru li fih hija rreġistrata fergħa ta’ kumpanija għandu, permezz tas-sistema tal-interkonnessjoni tar-reġistri, jinforma lir-reġistru ta’ Stat Membru fejn il-kumpanija hija rreġistrata li l-fergħa tagħha ngħalqet. Ir-reġistru tal-Istat Membru tal-kumpanija għandu jirrikonoxxi l-wasla ta’ din in-notifika, ukoll permezz ta’ dik is-sistema u ż-żewġ reġistri għandhom jirrekordjaw din l-informazzjoni fir-reġistru rispettiv tagħhom mingħajr dewmien.";

(14)jiddaħħal l-Artikolu 30 a li ġej:

“Artikolu 30a
Bidliet fid-dokumenti u l-informazzjoni tal-kumpanija

1.L-Istat Membru fejn kumpanija hija rreġistrata għandu jinnotifika mingħajr dewmien, permezz tas-sistema tal-interkonnessjoni tar-reġistri, lill-Istat Membru fejn fergħa ta’ kumpanija hija rreġistrata, fejn ġiet sottomessa bidla fir-rigward ta’ dan li ġej:

(a)isem il-kumpanija;

(b)l-uffiċċju reġistrat tal-kumpanija;

(c)in-numru tar-reġistrazzjoni tal-kumpanija fir-reġistru;

(d)il-forma ġuridika tal-kumpanija;

(e)id-dokumenti u l-informazzjoni msemmija fil-punti (d) u (f) tal-Artikolu 14.

Mal-wasla tan-notifika msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, ir-reġistru fejn il-fergħa hija rreġistrata għandu, permezz tas-sistema tal-interkonnessjoni tar-reġistri, jirrikonoxxi l-wasla ta’ din in-notifika u jiżgura li d-dokumenti u l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 30(1) jiġu aġġornati mingħajr dewmien.”;

(15)il-paragrafu li ġej jiżdied mal-Artikolu 31:

“L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li l-iżvelar obbligatorju tad-dokumenti tal-kontijiet imsemmija fil-punt (g) tal-Artikolu 30(1) jista’ jiġi kkunsidrat sodisfatt mill-iżvelar fir-reġistru tal-kumpanija skont il-punt (f) tal-Artikolu 14.”;

(16)L-Artikolu 43 jitħassar.

(17)L-Artikolu 161 jinbidel b’dan li ġej:

“Artikolu 161
Protezzjoni ta’ dejta

L-ipproċessar ta’ kwalunkwe dejta personali mwettaq fil-kuntest ta’ din id-Direttiva se jkun soġġett għar-Regolament (UE) 2016/679.";

(18)jiddaħħal l-Artikolu 162 a li ġej:

“Artikolu 162a
Emendi għall-Annessi

L-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Kummissjoni mingħajr dewmien bi kwalunkwe bidla fit-tipi ta’ kumpaniji b’responsabbiltà limitata previsti fil-liġi nazzjonali tagħhom li jaffettwaw il-kontenuti tal-Annessi I, II u IIA.

F’każ bħal dan, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadatta l-lista tat-tipi ta’ kumpaniji inkluża fl-Annessi I, II u IIA skont l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, permezz ta’ atti delegati skont l-Artikolu 163.";

(19)L-Artikolu 163 jinbidel b’dan li ġej:

“Artikolu 163
Eżerċitar tad-delega

1.Is-setgħa li tadotta atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.Is-setgħa li tadotta l-atti delegati msemmija fl-Artikolu 25(3) u fl-Artikolu 162a għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ żmien mhux determinat minn [date of entry into force of this directive].

3.Id-delega tas-setgħa imsemmija fl-Artikolu 25(3) u fl-Artikolu 162a tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta’ revoka għandha ttemm id-delegazzjoni tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Hija għandha ssir effettiva fil-jum ta’ wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata hemmhekk. Din m’għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.Qabel ma’ tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti innominati minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.

5.Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

Att delegat adottat skont l-Artikolu 25(3) u l-Artikolu 162a għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien perjodu ta’ xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż bi tliet xhur fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.”;

(20)fl-Anness I, is-sebgħa u għoxrin inċiż jinbidel b’dan li ġej:

“—    L-Iżvezja:

publikt aktiebolag;”;

(21)fl-Anness II, is-sebgħa u għoxrin inċiż jinbidel b’dan li ġej:

“—    L-Iżvezja:

privat aktiebolag

publikt aktiebolag;”;

(22)Jiddaħħal l-Anness IIa.

Artikolu 2
Traspożizzjoni

1.L-Istati Membri għandhom jimplimentaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard minn ….[OP please set the date = the last day of the month of 24 months after the date of entry into force]. L-Istati Membri għandhom jgħaddu minnufih it-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni.

Minkejja l-ewwel subparagrafu, l-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw mal-Artikolu 16(5) u mal-punt (g) tal-Artikolu 19(2) sa mhux aktar tard minn ….[OP please set the date = the last day of the month of 60 months after the date of entry into force].

2.Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jirreferu għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati mit-tali referenza waqt il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw il-mod kif għandha ssir dik ir-referenza.

3.L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tad-dritt nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3
Rapportar u reviżjoni

1.Il-Kummissjoni għandha, mhux iktar tard minn ħames snin wara [OP please insert the date of the end of the transposition period of this Directive], twettaq evalwazzjoni ta’ din id-Direttiva u tippreżenta Rapport dwar is-sejbiet tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew. L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni bl-informazzjoni meħtieġa għall-preparazzjoni tar-rapport, jiġifieri billi tipprovdi d-dejta dwar l-għadd ta’ reġistrazzjonijiet onlajn u l-ispejjeż relatati.

2.Ir-rapport tal-Kummissjoni se jevalwa, fost oħrajn, li ġej:

(a)il-bżonn u l-fattibbiltà tal-provvediment ta’ reġistrazzjoni kompletament onlajn tat-tipi ta’ kumpaniji mniżżla fl-Anness I;

(b)il-bżonn u l-fattibbiltà tal-provvediment ta’ mudelli mill-Istati Membri għat-tipi kollha ta’ kumpaniji b’responsabbiltà limitata u l-bżonn u l-fattibbiltà tal-provvediment ta’ mudell armonizzat madwar l-Unjoni li se jintuża mill-Istati Membri kollha għat-tipi ta’ kumpaniji mniżżla fl-Anness IIA;

(c)il-metodi tal-preżentazzjoni onlajn, inkluż l-użu ta’ interfaċċi ta’ programmar ta’ applikazzjonijiet;

(d)il-ħtieġa u l-fattibbiltà li iktar informazzjoni issir disponibbli b’xejn kif stipulat fl-Artikolu 19 (2) u tiżgura aċċess mingħajr xkiel għal dan l-aċċess;

(e)il-ħtieġ u l-fattibbiltà ta’ iktar applikazzjoni tal-prinċipju ta’ “darba biss”.

3.Ir-rapport għandu jkun akkumpanjat, jekk xieraq, minn proposti għal emendi tad-Direttiva (UE) 2017/1132.

Artikolu 4
Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 5
Indirizzi

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1)    COM(2015) 192 final.
(2)    COM(2016) 179 final.
(3)    Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta’ portal diġitali uniku li jipprovdi informazzjoni, proċeduri, u servizzi ta’ assistenza u ta’ soluzzjoni tal-problemi u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1024/2012 - COM(2017)256.
(4)    Ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta’ Mejju 2017 dwar il-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar il-Gvern elettroniku 2016-2020; ( 2016/2273(INI) ).
(5)    Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Politika tas-Suq Uniku, 6197/15, 2-3 ta’ Marzu 2015.
(6)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar ir-Rieżami ta’ Nofs it-Term dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali - Suq Uniku Diġitali Konness għal Kulħadd (- COM/2017/0228 final).
(7)    Id-Dikjarazzjoni ta’ Tallinn dwar il-Gvern elettroniku ġiet iffirmata fil-laqgħa ministerjali waqt il-Presidenza Estonjana tal-Kunsill tal-UE fis-6 ta’ Ottubru 2017.
(8)    COM(2016) 710 final.
(9)    Id-Direttiva (UE) 2017/1132 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2017 dwar ċerti aspetti tal-liġi dwar il-kumpaniji (ĠU L 169, 30.6.2017, p. 46).
(10)    Id-dritt soċjetarju tal-UE tirreferi għar-reġistri kummerċjali bħala “reġistru ċentrali, kummerċjali jew tal-kumpaniji” (ara l-Artikolu 16 tad-Direttiva (UE) 2017/1132).
(11)    Is-sett komuni ta’ dejta bla ħlas ikopri isem il-kumpanija, l-indirizz reġistrat, il-forma ġuridika u n-numru tar-reġistrazzjoni tal-kumpanija.
(12)    Pereżempju fl-Irlanda, ir-reġistrazzjoni onlajn tieħu ħamest ijiem minflok 10 sa 15-il jum fuq il-karta u tiswa nofs ir-reġistrazzjoni fuq il-karta. Bl-istess mod, ir-reġistrazzjoni onlajn fil-Finlandja, ir-Renju Unit u l-Estonja hija ħafna iktar rapida u tiswa inqas.
(13)    Ara d-Direttiva 2014/67/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar l-infurzar tad-Direttiva 96/71/KE dwar l-istazzjonament ta’ ħaddiema fil-qafas tal-prestazzjoni ta’ servizzi u li temenda r-Regolament (UE) Nru 1024/2012 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva permezz tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern (“ir-Regolament tal-IMI”) (ĠU L 159, 28.5.2014, p. 11).
(14)    Il-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-koordinazzjoni ta’ sistemi tas-sigurtà soċjali u r-Regolament (KE) Nru 987/2009 li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 (COM(2016)815 final).
(15)    Il-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1071/2009 u r-Regolament (KE) Nru 1072/2009 bil-għan li jadattahom għall-iżviluppi fis-settur, COM(2017)281 final.
(16)    Ara pereżempju l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar is-segwitu għall-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-VAT Lejn żona unika tal-VAT fl-UE - Wasal iż-żmien li naġixxu COM(2017) 566 final.
(17)    Tipprovdi għal skambju ta’ informazzjoni awtomatiku u obbligatorju dwar deċiżjonijiet preliminari tat-taxxa u arranġamenti preliminari ta’ prezzijiet bejn Stati Membri, id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2015/2376 tat-8 ta’ Diċembru 2015 li temenda d-Direttiva 2011/16/UE dwar l-iskambju awtomatiku obbligatorju ta’ informazzjoni fil-qasam ta’ tassazzjoni (ĠU L. 332, 18.12.2015, p. 1).
(18)    Tipprovdi għal skambju ta’ informazzjoni awtomatiku u obbligatorju tar-rappurtar pajjiż b’pajjiż minn intrapriżi multinazzjonali, id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2016/881 tal-25 ta’ Mejju 2016 li temenda d-Direttiva 2011/16/UE dwar l-iskambju awtomatiku obbligatorju ta’ informazzjoni fil-qasam ta’ tassazzjoni (ĠU L. 146, 3.6.2016, p. 8).
(19)     Tistabbilixxi regoli kontra l-prattiki ta’ evitar tat-taxxa li jaffettwaw direttament il-funzjonament tas-suq intern , inklużi dispożizzjonijiet dwar taxxa ta’ ħruġ biex jipprevjenu lil kumpanija milli jevitaw it-taxxa meta jkunu qed jirrilokaw l-assi, id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2016/1164 tat-12 ta’ Lulju 2016 li tistabbilixxi regoli kontra l-prattiki ta’ evitar tat-taxxa li jaffettwaw direttament il-funzjonament tas-suq intern (ĠU L. 193, 19.7.2016, p. 1).
(20)    COM(2017) 335 final.
(21)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Naġġornaw is-Suq Uniku: iktar opportunitajiet għan-nies u n-negozji - COM/2015/550 final. .
(22)    Ir-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għal transazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern u li jħassar id-Direttiva 1999/93/KE.
(23)    Ir-Regolament (UE) 2016/1191 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Lulju 2016 dwar il-promozzjoni tal-moviment liberu taċ-ċittadini permezz tas-simplifikazzjoni tar-rekwiżiti għall-preżentazzjoni ta’ ċerti dokumenti pubbliċi fl-Unjoni Ewropea u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1024/2012.
(24)    Għal aktar dettalji ara l-Anness II: Il-konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati tal-Valutazzjoni tal-Impatt.
(25)    Grupp Informali ta’ Esperti dwar il-Liġi tal-Kumpaniji, Rapport dwar id-diġitalizzazzjoni fid-dritt soċjetarju , Marzu 2016. https://ec.europa.eu/info/sites/info/files/icleg-report-on-digitalisation-24-march-2016_en.pdf
(26)    Studju dwar id-Diġitalizzazzjoni tal-Liġi tal-Kumpaniji, Everis 2017 u Valutazzjoni tal-impatti tal-użu tal-għodod diġitali fil-kuntest ta’ operazzjonijiet transfruntiera ta’ kumpanija, Optimity Advisors u Tipik Legal, 2017.
(27)    Id-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati u r-rapporti relatati ta’ ċerti tipi ta’ impriżi, u li temenda d-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE Test b’relevanza għaż-ŻEE.
(28)    ĠU C , ,, , p. ..
(29)    Id-Direttiva (UE) 2017/1132 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2017 dwar ċerti aspetti tal-liġi dwar il-kumpaniji (ĠU L 169, 30.6.2017, p. 46).
(30)    COM(2015) 192 final tas-6 ta’ Mejju 2015.
(31)    COM(2016) 179 final tad-19 ta’ April 2016.
(32)    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE tas-6 ta’ Mejju 2003 dwar id-definizzjoni ta’ intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju (ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36).
(33)    Ir-Regolament […] tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta’ portal diġitali uniku li jipprovdi informazzjoni, proċeduri, u servizzi ta’ assistenza u ta’ soluzzjoni tal-problemi u li jemenda r-Regolament UE Nru 1024/2012.
(34)    Ir-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għal tranżazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern u li jħassar id-Direttiva 1999/93/KE (ĠU L 257, 28.8.2014, p. 73).
(35)    Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali dejta, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).
(36)    ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.
(37)    Id-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (ĠU L 141, 5.6.2015, p. 73).
(38)    Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-dejta (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).
(39)    ĠU C 369, 17.12.2011, p. 14.
(40)

   ĠU L 123, 12.5. 2016, p. 1.

Top

Brussell,25.4.2018

COM(2018) 239 final

ANNESS

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li temenda d-Direttiva (UE) 2017/1132 fir-rigward tal-użu ta' għodod u proċessi diġitali fid-dritt soċjetarju

{SWD(2018) 141 final}

{SWD(2018) 142 final}


ANNESS IIA

TIPI TA' KUMPANIJI MSEMMIJA FL-ARTIKOLI 13, 13e, 13g, u 162a

       Il-Belġju:

société privée à responsabilité limitée/besloten vennootschap met beperkte aansprakelijkheid, 

société privée à responsabilité limitée unipersonnelle/Eenpersoons besloten vennootschap met beperkte aansprakelijkheid;

       Il-Bulgarija:

дружество с ограничена отговорност

еднолично дружество с ограничена отговорност

       Ir-Repubblika Ċeka:

společnost s ručením omezeným;

       Id-Danimarka:

Anpartsselskab;

       Il-Ġermanja:

Gesellschaft mit beschränkter Haftung;

       L-Estonja:

osaühing;

       L-Irlanda:

private company limited by shares or by guarantee/cuideachta phríobháideach faoi theorainn scaireanna nó ráthaíochta, 

designated activity company/cuideachta ghníomhaíochta ainmnithe;

       Il-Greċja:

εταιρεία περιορισμένης ευθύνης,

ιδιωτική κεφαλαιουχική εταιρεία;

       Spanja:

sociedad de responsabilidad limitada;

       Franza:

société à responsabilité limitée,

entreprise unipersonnelle à responsabilité limitée,

société par actions simplifiée,

société par actions simplifiée unipersonnelle;

       Il-Kroazja:

društvo s ograničenom odgovornošću,

jednostavno društvo s ograničenom odgovornošću;

       L-Italja:

società a responsabilità limitata, 

società a responsabilità limitata semplificata;

       Ċipru:

ιδιωτική εταιρεία περιορισμένης ευθύνης με μετοχές ή/και με εγγύηση;

       Il-Latvja:

sabiedrība ar ierobežotu atbildību;

       Il-Litwanja:

uždaroji akcinė bendrovė;

       Il-Lussemburgu:

société à responsabilité limitée;

       L-Ungerija:

korlátolt felelősségű társaság;

       Malta:

private limited liability company/kumpannija privata;

       In-Netherlands:

besloten vennootschap met beperkte aansprakelijkheid;

       L-Awstrija:

Gesellschaft mit beschränkter Haftung;

       Il-Polonja:

spółka z ograniczoną odpowiedzialnością;

       Il-Portugall:

sociedade por quotas;

       Ir-Rumanija:

societate cu răspundere limitată;

       Is-Slovenja:

družba z omejeno odgovornostjo;

       Is-Slovakkja:

spoločnosť s ručením obmedzeným;

       Il-Finlandja:

yksityinen osakeyhtiö/privat aktiebolag;

       L-Iżvezja:

privat aktiebolag; 

       Ir-Renju Unit:

Private Limited by shares or guarantee

Top