Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018PC0148

    Proposta għal DIRETTIVA TAL-KUNSILL dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq is-servizzi diġitali fir-rigward tad-dħul li jirriżulta mill-provvista ta’ ċerti servizzi diġitali

    COM/2018/0148 final - 2018/073 (CNS)

    Brussell, 21.3.2018

    COM(2018) 148 final

    2018/0073(CNS)

    Proposta għal

    DIRETTIVA TAL-KUNSILL

    dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq is-servizzi diġitali fir-rigward tad-dħul li jirriżulta mill-provvista ta’ ċerti servizzi diġitali

    {SWD(2018) 81}
    {SWD(2018) 82}


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

    Raġunijiet u għanijiet tal-proposta

    Is-Suq Uniku Diġitali huwa waħda mill-prijoritajiet politiċi ewlenin tal-Kummissjoni Ewropea 1 , bil-għan li joħloq opportunitajiet diġitali għan-nies u għan-negozji f’suq ta’ ’l fuq minn 500 miljun konsumatur fl-UE. Biex jilħaq il-milja tiegħu, is-Suq Uniku Diġitali jeħtieġ qafas tat-taxxa modern u stabbli, li jagħti spinta lill-innovazzjoni, jindirizza l-frammentazzjoni tas-suq, u jippermetti lill-atturi kollha japprofittaw mid-dinamika ġdida tas-suq b’kundizzjonijiet ġusti u bbilanċjati. L-iżgurar ta’ tassazzjoni ġusta tal-ekonomija ġusta huwa wkoll parti mill-aġenda tal-Kummissjoni Ewropea dwar sistema tat-taxxa ġusta u effiċjenti fl-Unjoni Ewropea 2 . 

    L-ekonomija diġitali qiegħda tittrasforma l-mod kif ninteraġixxu, nikkunsmaw u nagħmlu negozju. Il-kumpaniji diġitali qegħdin jikbru b’rata ferm iktar mgħaġġla mill-ekonomija inġenerali, u huwa mistenni li din ix-xejra tkompli. It-teknoloġiji diġitali jwasslu bosta benefiċċji għas-soċjetà u, mill-perspettiva tat-taxxa, joħolqu opportunitajiet għall-amministrazzjonijiet tat-taxxa u joffru soluzzjonijiet biex jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi, biex tiġi ffaċilitata l-kollaborazzjoni bejn l-awtoritajiet tat-taxxa, kif ukoll biex tiġi indirizzata l-evażjoni tat-taxxa.

    Madankollu, il-fassala tal-politika bħalissa qegħdin isibuha bi tqila jaslu għal soluzzjonijiet li kapaċi jiżguraw tassazzjoni ġusta u effettiva hekk kif it-trasformazzjoni diġitali tkompli taċċellera, billi r-regoli eżistenti dwar it-tassazzjoni korporattiva huma antikwati u ma jkoprux din l-evoluzzjoni. B’mod partikolari, ir-regoli attwali ma għadhomx tajbin għall-kuntest attwali fejn ġie ffaċilitat il-kummerċ transfruntiera onlajn mingħajr ebda preżenza fiżika, fejn in-negozji jiddependu ferm fuq assi intanġibbli li diffiċli jiġu vvalutati, u fejn il-kontenut iġġenerat mill-utenti u l-ġbir tad-dejta saru l-attivitajiet ewlenin għall-ħolqien tal-valur tan-negozji diġitali.

    Fil-livell internazzjonali, fir-rapport tagħha tal-Azzjoni 1 3 maħruġ fl-2015 bħala parti mill-proġett tagħha u tal-G20 dwar l-Erożjoni tal-Bażi tat-Taxxa u t-Trasferiment tal-Profitti (BEPS), l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) diġà kienet għarfet li d-diġitalizzazzjoni, u xi wħud mill-mudelli ta’ negozju li jirriżultaw minnha, iqajmu sfidi għat-tassazzjoni internazzjonali. Wara dak ir-rapport, il-Ministri tal-Finanzi tal-G20 tennew l-appoġġ tagħhom għall-ħidma tal-OECD fuq it-tassazzjoni u d-diġitalizzazzjoni. B’hekk, l-OECD ħadmet fuq rapport interim  4  dwar it-tassazzjoni tal-ekonomija diġitali, li tressaq lill-Ministri tal-Finanzi tal-G20 f’Marzu 2018. Ir-rapport interim jeżamina l-ħtieġa li s-sistema internazzjonali tat-taxxa tiġi adattata għad-diġitalizzazzjoni tal-ekonomija, u jidentifika l-elementi li jridu jitqiesu minn dawk il-pajjiżi li jkunu jixtiequ jdaħħlu miżuri temporanji biex jindirizzaw l-isfidi tat-taxxa mqajma mid-diġitalizzazzjoni.

    Fil-livell tal-Unjoni, dawk l-isfidi ġew identifikati fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Sistema tat-Taxxa Ġusta u Effiċjenti fl-Unjoni Ewropea għas-Suq Uniku Diġitali” 5 , adottata fil-21 ta’ Settembru 2017. L-inizjattiva attwali ssemmiet ukoll fl-ittra ta’ intenzjoni tal-President Juncker li akkumpanjat id-diskors tiegħu dwar l-Istat tal-Unjoni tal-2017 6 . Fejn jidħlu l-Istati Membri, għadd ta’ Ministri tal-Finanzi tal-UE ffirmaw stqarrija politika b’mod konġunt (“Inizjattiva konġunta dwar it-tassazzjoni ta’ kumpaniji li joperaw fl-ekonomija diġitali”), li appoġġat soluzzjonijiet kompatibbli mad-dritt tal-UE u effettivi “msejsa fuq il-kunċett tal-istabbiliment tal-hekk imsejħa ‘taxxa ta’ ugwalizzazzjoni’ fuq il-fatturat iġġenerat fl-Ewropa mill-kumpaniji diġitali” 7 . Wara din ġew il-konklużjonijiet adottati fid-19 ta’ Ottubru 2017 mill-Kunsill Ewropew 8 , li ssottolinjaw “il-ħtieġa għal sistema effettiva u ġusta ta’ tassazzjoni li hija adegwata għall-era diġitali. Barra minn hekk, il-Konklużjonijiet tal-Kunsill ECOFIN tal-5 ta’ Diċembru 2017 9 ħadu nota tal-interess ta’ bosta Stati Membri f’miżuri temporanji, bħal imposta bbażata fuq id-dħul minn attivitajiet diġitali fl-Unjoni, u qiesu li dawn il-miżuri jistgħu jiġu vvalutati mill-Kummissjoni.

    Din il-proposta hija tweġiba għal dawk l-appelli għall-azzjoni, u tindirizza, b’mod temporanju, il-problema li r-regoli attwali tat-taxxa korporattiva mhumiex xierqa għall-ekonomija diġitali.

    Meta nkitbu r-regoli attwali tat-taxxa korporattiva, kienu maħsubin għan-negozji tradizzjonali. Ir-regoli attwali tat-taxxa huma mibnija fuq il-prinċipju li l-profitti jridu jiġu intaxxati fil-post fejn jinħoloq il-valur. Madankollu, dawn ir-regoli nħolqu prinċipalment fil-bidu tas-seklu 20 għal negozji “b’ħanut fiżiku” u jiddefinixxu x’jagħti lok għad-dritt tal-intaxxar f’pajjiż (fejn tiġi imposta t-taxxa) u kemm mill-introjtu korporattiv jiġi allokat għal kull pajjiż (l-ammont tat-taxxa imposta) fil-biċċa l-kbira abbażi ta’ preżenza fiżika f’dak il-pajjiż. Dan ifisser li għall-finijiet tat-tassazzjoni, dawk li mhumiex residenti jiġu intaxxati f’pajjiż biss jekk ikollhom preżenza li tammonta għal stabbiliment permanenti hemmhekk. Madankollu, dawk ir-regoli ma jkoprux il-firxa dinjija tal-attivitajiet diġitali, fejn il-preżenza fiżika ma għadhiex rekwiżit biex jiġu pprovduti s-servizzi diġitali. Barra minn hekk, in-negozji diġitali għandhom karatteristiki differenti minn dawk tradizzjonali f’dak li jirrigwarda kif jinħoloq il-valur, minħabba l-kapaċità tagħhom li jwettqu attivitajiet mill-bogħod, il-kontribut tal-utenti finali fil-ħolqien tal-valur tagħhom, l-importanza tal-assi intanġibbli, kif ukoll it-tendenza lejn strutturi tas-suq fejn ir-rebbieħ jieħu l-iktar, li għandhom l-għeruq tagħhom fil-preżenza qawwija ta’ effetti ta’ netwerk u fil-valur tal-big data.

    L-applikazzjoni tar-regoli attwali dwar it-taxxa korporattiva għall-ekonomija diġitali wasslet għal nuqqas ta’ allinjament bejn il-post fejn il-profitti jiġu intaxxati u l-post fejn jinħoloq il-valur, speċifikament fil-każ ta’ mudelli ta’ negozju li jserrħu bil-qawwi fuq il-parteċipazzjoni tal-utenti. Dan joħloq sfida doppja mill-perspettiva tat-taxxa. L-ewwel nett, l-input li negozju jikseb mill-utenti, li fil-fatt jikkostitwixxi l-ħolqien tal-valur għall-kumpanija, jista’ jkun lokalizzat f’ġurisdizzjoni tat-taxxa fejn il-kumpanija li twettaq attività diġitali ma tkunx stabbilita fiżikament (u b’hekk mhux stabbilita għall-finijiet tat-taxxa skont ir-regoli attwali), u fejn, għaldaqstant, il-profitti ġġenerati minn tali attivitajiet ma jistgħux jiġu intaxxati. It-tieni nett, anki fejn kumpanija jkollha stabbiliment permanenti fil-ġurisdizzjoni fejn jinsabu l-utenti, il-valur maħluq mill-parteċipazzjoni tal-utenti ma jitqiesx meta jiġi deċiż kemm għandha titħallas taxxa f’kull pajjiż. Dan ikollu konsegwenzi wkoll minħabba r-riskju li ċerti regoli marbutin mal-istabbiliment permanenti jiġu evitati b’mod artifiċjali, filwaqt li joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni fost l-atturi fis-suq diġitali, u jolqot ħażin lid-dħul.

    Il-Kummissjoni għarfet li l-approċċ ideali jkun li, fid-dawl tan-natura globali ta’ din l-isfida, jinstabu soluzzjonijiet multilaterali u internazzjonali biex tiġi intaxxata l-ekonomija diġitali. Il-Kummissjoni qiegħda taħdem mill-qrib mal-OECD biex tappoġġa l-iżvilupp ta’ soluzzjoni internazzjonali. Madankollu, li jsir progress fil-livell internazzjonali huwa għadma iebsa, minħabba n-natura kumplessa tal-problema u l-firxa wiesgħa ta’ kwistjonijiet li jridu jiġu indirizzati, u għaldaqstant, il-kisba ta’ kunsens internazzjonali jaf iddum ma tasal. Huwa għalhekk li l-Kummissjoni ddeċidiet li tieħu azzjoni, u llum qiegħda tipproponi li tadatta r-regoli dwar it-taxxa korporattiva fil-livell tal-Unjoni sabiex ikunu xierqa għall-karatteristiki tan-negozji diġitali 10 , u tirrakkomanda li l-Istati Membri jestendu din is-soluzzjoni komprensiva għat-trattati tagħhom kontra t-tassazzjoni doppja ma’ ġurisdizzjonijiet mhux tal-Unjoni 11 . Filwaqt li l-Kunsill ECOFIN saħaq ukoll, fil-Konklużjonijiet tiegħu tal-5 ta’ Diċembru 2017, fuq il-preferenza tiegħu għal soluzzjoni dinjija li tfittex li timmonitorja mill-qrib l-iżviluppi internazzjonali futuri u tikkunsidra risposti xierqa, laqa’ l-idea li tittieħed azzjoni tal-UE. Minkejja dawn il-proposti, il-ħidma fil-livell tal-OECD hija kruċjali sabiex jintlaħaq kunsens dinji fuq dan is-suġġett. Il-Kummissjoni se tkun qiegħda ssegwi l-iżviluppi mill-qrib.

    Sakemm tasal is-soluzzjoni komprensiva, li jaf iddum ma tiġi adottata u implimentata, l-Istati Membri jinsabu taħt pressjoni biex jaġixxu fir-rigward ta’ din il-kwistjoni, minħabba r-riskju li l-bażijiet tat-taxxa korporattiva tagħhom jitnaqqru b’mod sinifikanti tul iż-żmien, kif ukoll minħabba l-perċezzjoni tal-inġustizzja tas-sitwazzjoni. Filwaqt li hemm miżuri unilaterali fis-seħħ jew ippjanati b’mod konkret f’10 Stati Membri biex jindirizzaw din il-problema b’mod limitat, ix-xejra ilha tiżdied, u l-miżuri adottati huma diversi ħafna f’termini ta’ ambitu u ta’ raġunament. In-nuqqas ta’ koordinazzjoni bejn il-miżuri meħudin mill-Istati Membri b’mod individwali joħloq ir-riskju ta’ aktar frammentazzjoni tas-Suq Uniku u distorsjoni tal-kompetizzjoni, sitwazzjoni li xxekkel l-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet diġitali ġodda kif ukoll il-kompetittività tal-Unjoni kollha.

    Għaldaqstant, jeħtieġ li l-Kummissjoni taġixxi u tipproponi approċċ armonizzat fuq soluzzjoni temporanja li tindirizza din il-problema b’mod immirat. Għal tali soluzzjoni temporanja, din il-proposta tistipula s-sistema komuni tat-taxxa fuq id-dħul idderivat mill-provvista ta’ ċerti servizzi diġitali minn persuni taxxabbli (minn issa ’l quddiem “it-Taxxa fuq is-Servizzi Diġitali” jew “TSD”). L-għan speċifiku ta’ din il-proposta huwa li titressaq miżura li timmira lejn id-dħul idderivat mill-provvista ta’ ċerti servizzi diġitali, li faċilment tiġi implimentata, u li tgħin biex ikun hemm kundizzjonijiet indaqs waqt il-perjodu temporanju sa meta soluzzjoni komprensiva tkun fis-seħħ.

    Dan huwa konformi mal-objettivi ġenerali ta’ din il-proposta, li għandha l-għan li:

    tħares l-integrità tas-Suq Uniku u tiżgura l-funzjonament tajjeb tiegħu;

    tiżgura li l-finanzi pubbliċi fl-Unjoni jkunu sostenibbli, u li l-bażijiet tat-taxxa nazzjonali ma jitnaqqrux;

    tiżgura li l-ġustizzja soċjali tiġi ppreżervata, u li jkun hemm kundizzjonijiet indaqs għan-negozji kollha li joperaw fl-Unjoni; u

    tiġġieled l-ippjanar aggressiv tat-taxxa, u timla l-lakuni li jeżistu bħalissa fir-regoli internazzjonali u li permezz tagħhom ċerti kumpaniji diġitali jistgħu jaħarbu t-tassazzjoni f’pajjiżi fejn joperaw u joħolqu l-valur.

    Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

    Din il-proposta hija parti mill-isforzi li qegħdin isiru fil-livell tal-Unjoni u dak internazzjonali sabiex il-qafas attwali tat-taxxa jiġi adattat għall-ekonomija diġitali.

    Fil-livell internazzjonali, l-isfida li jiġi żgurat li l-atturi kollha fl-ekonomija diġitali huma intaxxati b’mod ġust fuq l-introjtu tagħhom kienet diġà ġiet identifikata fl-Azzjoni 1 tal-proġett tal-BEPS tal-OECD/G20, u l-OECD ħadmet fuq rapport interim dwar it-tassazzjoni tal-ekonomija diġitali li tressaq lill-Ministri tal-Finanzi tal-G20 f’Marzu 2018.

    Fil-livell tal-Unjoni, ir-regoli ġusti tat-taxxa għat-tassazzjoni tal-ekonomija diġitali huma parti mill-aġenda tal-Kummissjoni għat-tassazzjoni ġusta, li se tikkomplementa t-titjib tal-qafas tat-taxxa korporattiva li nkiseb fl-aħħar ftit snin. F’dan ir-rigward, fl-2016 il-Kummissjoni reġgħet varat il-proposta dwar Bażi Komuni Konsolidata għat-Taxxa Korporattiva (BKKTK) 12 , li se tipprovdi qafas kompetittiv, ġust u b’saħħtu għall-intaxxar tal-kumpaniji fis-Suq Uniku. Fil-qasam tal-VAT, il-Kummissjoni qiegħda tindirizza wkoll l-isfidi mqajma mill-ekonomija diġitali, permezz tal-proposta tagħha dwar il-kummerċ elettroniku li ġiet adottata mill-Kunsill f’Diċembru 2017 13 , li hija bi qbil ma’ miżuri leġiżlattivi oħra stabbiliti fil-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-VAT tal-2016 14 .

    Din il-proposta hija parti minn pakkett li jinkludi wkoll proposta għal Direttiva dwar soluzzjoni komprensiva 15 , Rakkomandazzjoni lill-Istati Membri biex jirriflettu s-soluzzjoni komprensiva fit-trattati tagħhom kontra t-tassazzjoni doppja ma’ ġurisdizzjonijiet mhux tal-Unjoni 16 , u Komunikazzjoni li tistabbilixxi l-kuntest u tispjega r-rabtiet bejn il-proposti 17 . Il-prinċipji li jirfdu din il-proposta u, b’mod partikulari, il-kunċett tal-ħolqien tal-valur mill-utenti, huma allinjati mal-proposta għal Direttiva dwar soluzzjoni komprensiva u mar-Rakkomandazzjoni, kif tispjega l-Komunikazzjoni. B’mod speċifiku, din il-miżura temporanja tkopri dawk il-każijiet fejn il-kontribut tal-utenti lejn il-ħolqien tal-valur għal kumpanija huwa iktar sinifikanti, filwaqt li l-kunċett tal-ħolqien tal-valur mill-utenti huwa wkoll il-fattur li s-soluzzjoni komprensiva għandha l-għan li tirrifletti fil-qafas tat-taxxa korporattiva.

       Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

    Din il-proposta hija konsistenti wkoll mal-istrateġija għal Suq Uniku Diġitali 18 , fejn il-Kummissjoni ntrabtet li tiżgura l-aċċess għall-attivitajiet onlajn għall-individwi u għan-negozji fil-qafas ta’ kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni ġusta, kif ukoll li tiftaħ opportunitajiet diġitali għan-nies u għan-negozji, u ssaħħaħ il-pożizzjoni tal-Ewropa bħala mexxejja dinjija fl-ekonomija diġitali.

    2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

    Bażi ġuridika

    Id-Direttiva proposta hija msejsa fuq l-Artikolu 113 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). Din id-dispożizzjoni tippermetti lill-Kunsill, filwaqt li jaġixxi unanimament skont proċedura leġiżlattiva speċjali u wara li jikkonsulta lill-Parlament Ewropew u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, jadotta dispożizzjonijiet għall-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri dwar forom oħra ta’ tassazzjoni indiretta, sa fejn tali armonizzazzjoni tkun meħtieġa biex tiżgura l-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq intern, kif ukoll biex tiġi evitata d-distorsjoni tal-kompetizzjoni.

    Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

    Il-proposta hija konsistenti mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). Sakemm tasal azzjoni komuni u koordinata fil-livell tal-Unjoni biex tirriforma l-qafas tat-taxxa korporattiva sabiex ikopri l-attivitajiet diġitali tal-kumpaniji, l-Istati Membri jistgħu jdaħħlu miżuri temporanji unilaterali biex jindirizzaw l-isfidi tal-intaxxar tal-kumpaniji tal-ekonomija diġitali. Uħud minn dawn il-miżuri, li jistgħu jkunu ta’ natura mill-iktar diversa, diġà jinsabu fis-seħħ jew qegħdin jiġu ppjanati mill-Istati Membri. F’dan ir-rigward, jeħtieġ azzjoni tal-UE biex ittaffi l-frammentazzjoni tas-Suq Uniku u l-ħolqien ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni fl-Unjoni minħabba l-adozzjoni ta’ azzjonijiet unilaterali daqshekk diverġenti fil-livell nazzjonali. Barra minn hekk, soluzzjoni tal-UE pjuttost milli politiki nazzjonali differenti tissarraf fi tnaqqis tal-piż ta’ konformità fuq in-negozji li jkun soġġetti għar-regoli l-ġodda. Fl-istess ħin, soluzzjoni tal-UE tagħti sinjal qawwi tal-impenn tal-UE lill-komunità internazzjonali fejn jidħol l-iżgurar ta’ tassazzjoni ġusta tal-ekonomija diġitali.

    Proporzjonalità

    L-għażla ppreferuta hija konsistenti mal-prinċipju tal-proporzjonalità, jiġifieri ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħqu l-objettivi tat-Trattati, b’mod partikulari l-funzjonament bla xkiel tas-Suq Uniku. Bħalma diġà wera t-test tas-sussidjarjetà, mhuwiex possibbli li l-Istati Membri jindirizzaw il-problema mingħajr ma jfixklu s-Suq Uniku. Barra minn hekk, din il-proposta għandha l-għan li tistabbilixxi struttura komuni tat-taxxa, filwaqt li tħalli lill-Istati Membri biżżejjed wisa’ biex jistipulaw effettivament ċerti aspetti amministrattivi marbutin mal-miżura, fosthom l-obbligi tal-kontabbiltà u ż-żamma tar-rekords, kif ukoll obbligi oħrajn maħsubin biex jiżguraw li t-TSD dovuta effettivament titħallas. L-Istati Membri jistgħu wkoll jadottaw miżuri għall-prevenzjoni tal-evażjoni, l-evitar u l-abbuż fir-rigward tat-TSD, u tibqa’ f’idejhom il-kapaċità li jinfurzaw il-ħlas tat-TSD u li jwettqu awditi tat-taxxa skont ir-regoli u l-proċeduri tagħhom stess. Ara wkoll it-taqsima 9.4.2 tal-valutazzjoni tal-impatt li takkumpanja din il-proposta 19 .

    Għażla tal-istrument

    Qiegħda tiġi proposta Direttiva, li hija l-uniku strument disponibbli skont l-Artikolu 113 tat-TFUE.

    3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

    Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

     L-istrateġija ta’ konsultazzjoni ffokat fuq tliet gruppi ewlenin ta’ partijiet ikkonċernati: l-amministrazzjonijiet tat-taxxa tal-Istati Membri, in-negozji, u ċ-ċittadini. Iż-żewġ attivitajiet ewlenin ta’ konsultazzjoni kienu jikkonsistu minn konsultazzjoni pubblika miftuħa, li rċeviet total ta’ 446 tweġiba matul 12-il ġimgħa (mis-26 ta’ Ottubru 2017 sat-3 ta’ Jannar 2018), u stħarriġ immirat li ntbagħat lill-amministrazzjonijiet tat-taxxa fl-UE kollha. Il-membri tal-Pjattaforma għall-Governanza Tajba fil-Qasam tat-Taxxa (magħmula mill-awtoritajiet tat-taxxa kollha fl-Unjoni u minn 15-il organizzazzjoni li jirrappreżentaw lin-negozji, lis-soċjetà ċivili, u lill-prattikanti tat-taxxa) ġew infurmati wkoll b’din l-inizjattiva u ntalbu l-fehmiet tagħhom. Tqiesu wkoll il-kontributi spontanji. Kif jidher fl-Anness 2 tal-valutazzjoni tal-impatt li takkumpanja din il-proposta, instab li taxxa fuq id-dħul idderivat mill-provvista ta’ ċerti servizzi diġitali kienet l-alternattiva ppreferuta għal soluzzjoni temporanja mill-partijiet ikkonċernati (10 minn 21 awtorità nazzjonali tat-taxxa, kif ukoll 53 % ta’ dawk li wieġbu għall-konsultazzjoni pubblika miftuħa). 

    Valutazzjoni tal-impatt

    Il-valutazzjoni tal-impatt għal din il-proposta ġiet eżaminata mill-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju tal-Kummissjoni fis-7 ta’ Frar 2018. Il-Bord ħareġ opinjoni pożittiva dwar il-proposta, flimkien ma’ xi rakkomandazzjonijiet, li tqiesu fil-verżjoni aħħarija tal-valutazzjoni tal-impatt. L-opinjoni tal-Bord, ir-rakkomandazzjonijiet u spjegazzjoni ta’ kif tqiesu huma inklużi fl-Anness 1 tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal li jakkumpanja din il-proposta 20 . Ara l-Anness 3 tal-istess dokument għal ħarsa ġenerali lejn min kieku jintlaqat mill-proposta u kif.

    Il-valutazzjoni tal-impatt ta’ din il-proposta eżaminat għadd ta’ alternattivi possibbli għal soluzzjoni temporanja. Minħabba għadd ta’ limiti ġuridiċi, ħareġ biċ-ċar madankollu li l-enfasi għandha tkun fuq taxxa fuq id-dħul idderivat mill-provvista ta’ ċerti servizzi diġitali. Tqiesu għadd ta’ alternattivi rigward id-disinn ta’ tali TSD (ara t-taqsima 9.2 tal-valutazzjoni tal-impatt), u b’mod partikulari rigward l-ambitu tagħha (liema servizzi jiġu koperti), l-applikazzjoni ta’ livelli limitu ta’ fatturat (liema negozji jiġu koperti), ir-rata tat-taxxa, u l-ġbir tat-taxxa.

    Kif inhu spjegat fil-valutazzjoni tal-impatt, id-disinn ippreferut ta’ din l-alternattiva huwa taxxa b’ambitu limitat, imposta fuq id-dħul gross ta’ negozju dderivat mill-provvista ta’ ċerti servizzi diġitali fejn il-ħolqien tal-valur mill-utenti huwa ċentrali, u fejn in-negozji li jinsabu ’l fuq minn żewġ livelli limitu marbutin mad-dħul ikunu l-uniċi li jikkwalifikaw bħala persuni taxxabbli li jridu jħallsu t-taxxa.

    4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

    Il-proposta mhi se jkollha l-ebda implikazzjoni għall-baġit tal-UE.

    5.ELEMENTI OĦRA

    Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar

    Il-Kummissjoni se timmonitorja l-implimentazzjoni tad-Direttiva ladarba tkun ġiet adottata, kif ukoll l-applikazzjoni tagħha f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, u se tevalwa jekk din l-inizjattiva tkunx qiegħda taħdem sew u sa fejn ikunu ntlaħqu l-għanijiet tagħha, abbażi tal-indikaturi stabbiliti fit-taqsima 10 tal-valutazzjoni tal-impatt li takkumpanja din il-proposta.

    Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

    Definizzjonijiet (l-Artikolu 2)

    Dan l-Artikolu jagħti d-definizzjonijiet ta’ għadd ta’ kunċetti meħtieġa għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet fid-Direttiva.

    Id-dħul taxxabbli (l-Artikolu 3)

    Dan l-Artikolu jiddefinixxi liema tipi ta’ dħul jikkwalifikaw bħala dħul taxxabbli għall-finijiet ta’ din id-Direttiva.

    It-TSD hija taxxa b’ambitu mmirat, imposta fuq id-dħul idderivat mill-provvista ta’ ċerti servizzi diġitali kkaratterizzati mill-ħolqien tal-valur mill-utenti. Is-servizzi li jaqgħu fl-ambitu tat-TSD huma dawk fejn il-parteċipazzjoni ta’ utent f’attività diġitali tikkostitwixxi input essenzjali għan-negozju li jwettaq dik l-attività, u li minnu n-negozju jkun jista’ jikseb dħul. Fi kliem ieħor, il-mudelli ta’ negozju koperti b’din id-Direttiva huma dawk li ma jkunux kapaċi jeżistu fil-forma attwali tagħhom mingħajr l-involviment tal-utenti. Ir-rwol li jiżvolġu l-utenti ta’ dawn is-servizzi diġitali huwa uniku, u iktar kumpless mir-rwol tradizzjonalment adottat minn klijent. Dawn is-servizzi jistgħu jiġu pprovduti mill-bogħod, mingħajr il-bżonn li l-fornitur tas-servizzi jkun fiżikament stabbilit fil-ġurisdizzjoni fejn jinsabu l-utenti u fejn jinħoloq il-valur. Għaldaqstant, tali mudelli ta’ negozju huma responsabbli għall-ikbar differenza bejn fejn jiġu intaxxati l-profitti u fejn jinħoloq il-valur. Madankollu, dak li hu soġġett għat-tassazzjoni huwa d-dħul miksub mill-monetizzazzjoni tal-input tal-utenti, iżda mhux il-parteċipazzjoni tal-utenti nnifisha.

    Hemm għadd ta’ modi kif il-parteċipazzjoni tal-utent tista’ tikkontribwixxi għall-valur ta’ negozju. Pereżempju, in-negozji diġitali jistgħu jisiltu dejta dwar l-attivitajiet tal-utenti fuq interfaċċa diġitali, li mbagħad tintuża tipikament sabiex isir reklamar immirat lejn dawk l-utenti, jew li tista’ tiġi trażmessa lil partijiet terzi bi ħlas. Mod ieħor huwa permezz tal-impenn attiv u kontinwu tal-utenti f’interfaċċi diġitali b’diversi naħat, li jibnu fuq l-effetti ta’ netwerk fejn, b’mod ġenerali, aktar ma jkun hemm utenti jużaw l-interfaċċa, aktar jiżdied il-valur tas-servizz. Il-valur għal tali interfaċċi jinsab fil-konnessjonijiet bejn l-utenti u l-interazzjoni bejniethom, li ta’ sikwit timplika li l-utenti jkunu qegħdin itellgħu u jxerrdu informazzjoni fin-netwerk. Dawn l-interfaċċi diġitali b’diversi naħat jistgħu jiffaċilitaw il-provvista ta’ oġġetti u ta’ servizzi sottostanti direttament bejn l-utenti; din tikkostitwixxi forma ċara oħra ta’ parteċipazzjoni tal-utenti.

    Abbażi tal-għadd ta’ forom ta’ parteċipazzjoni tal-utenti deskritti hawn fuq, it-tipi ta’ dħul inklużi fl-ambitu ta’ din it-taxxa (id-dħul taxxabbli) ikunu dawk idderivati mill-provvista ta’ kwalunkwe wieħed mis-servizzi li ġejjin (servizzi taxxabbli), kif stabbilit fl-Artikolu 3(1):

    servizzi li jikkonsistu fit-tqegħid fuq interfaċċa diġitali ta’ reklamar immirat lejn l-utenti tal-istess interfaċċa; kif ukoll it-trażmissjoni ta’ dejta miġbura dwar l-utenti li tkun ġiet iġġenerata mill-attivitajiet ta’ dawk l-utenti fuq l-interfaċċi diġitali;

    servizzi li jikkonsistu fit-tqegħid ta’ interfaċċi diġitali b’diversi naħat għad-dispożizzjoni għall-utenti, li jistgħu jissejħu wkoll “servizzi ta’ intermedjazzjoni”, li jippermettu lill-utenti jsibu utenti oħra u jinteraġixxu magħhom, u li jistgħu jiffaċilitaw ukoll il-provvista sottostanti ta’ oġġetti jew ta’ servizzi direttament bejn l-utenti.

    Il-provvista ta’ servizzi tar-reklamar li jikkonsistu fit-tqegħid fuq interfaċċa diġitali tar-reklamar ta’ klijent, immirat lejn l-utenti ta’ dik l-interfaċċa, hija ddefinita fl-Artikolu 3(1)(a) b’mod wiesa’, bi qbil mal-mudelli ta’ negozju eżaminati. Dan għaliex it-tqegħid ta’ tali reklamar f’kuntest diġitali jikkostitwixxi l-mod kif il-kumpanija li tippermetti li r-reklamar jidher fuq interfaċċa diġitali tipikament timmonetizza t-traffiku tal-utenti u d-dejta tal-utenti li jitqiesu għall-finijiet ta’ dak it-tqegħid ta’ reklamar. Id-definizzjoni tas-servizz ma tqisx jekk il-fornitur tas-servizz tar-reklamar huwiex is-sid tal-interfaċċa diġitali li fuqha jidher ir-reklam. Madankollu, l-Artikolu 3(3) jiċċara li f’każijiet fejn il-fornitur tas-servizz tar-reklamar u s-sid tal-interfaċċa diġitali jkunu entitajiet differenti, dan tal-aħħar ma jitqiesx li jkun ipprovda servizz taxxabbli skont id-deskrizzjoni tal-Artikolu 3(1)(a). L-għan huwa li jiġu evitati effetti kaskata potenzjali jew it-tassazzjoni doppja tal-istess dħul (parti mid-dħul miksub mill-entità li tqiegħed ir-reklamar ta’ klijent se titħallas lis-sid tal-interfaċċa diġitali fejn ikun se jidher tali reklam, bi skambju mal-kiri tal-ispazju diġitali f’dik l-interfaċċa).

    Is-servizzi ta’ intermedjazzjoni huma ddefiniti fl-Artikolu 3(1)(b) b’referenza għal interfaċċi diġitali b’diversi naħat li jippermettu lill-utenti jsibu lil utenti oħra u jinteraġixxu magħhom. Huwa dan l-aspett li jippermetti lill-fornituri ta’ tali servizzi japprofittaw mill-effetti ta’ netwerk. Il-kapaċità ta’ dawn l-interfaċċi biex joħolqu rabta bejn l-utenti tiddistingwi lis-servizzi ta’ intermedjazzjoni minn servizzi oħra li jistgħu jitqiesu wkoll li jiffaċilitaw l-interazzjoni bejn l-utenti, iżda fejn l-utenti ma jistgħux jikkuntattjaw lil xulxin sakemm ma jkunux diġà stabbilew kuntatt b’mezzi oħra, pereżempju permezz ta’ servizzi ta’ messaġġerija istantanja. Il-ħolqien tal-valur għal tali servizzi oħra, li jistgħu jiġu ddefiniti b’mod ġenerali bħala servizzi ta’ komunikazzjoni jew ta’ pagament, jinsab fl-iżvilupp u fil-bejgħ ta’ softwer ta’ appoġġ li jippermetti li tali interazzjoni titwettaq, u għalhekk huwa inqas marbut mal-involviment tal-utenti. Għaldaqstant, is-servizzi ta’ komunikazzjoni jew ta’ pagament jibqgħu barra mill-ambitu tat-taxxa, kif inhu ċċarat fl-Artikolu 3(4)(a).

    Għal każijiet li jinvolvu interfaċċi diġitali b’diversi naħat li jiffaċilitaw il-provvista sottostanti ta’ oġġetti jew servizzi direttament bejn l-utenti tal-interfaċċa, id-dħul miksub mill-utenti permezz ta’ dawk it-tranżazzjonijiet jibqgħu barra mill-ambitu tat-taxxa. Id-dħul li jirriżulta minn attivitajiet relatati mal-bejgħ bl-imnut ta’ oġġetti jew ta’ servizzi li jiġi miftiehem onlajn permezz tas-sit web tal-fornitur ta’ tali oġġetti jew servizzi (li jistgħu jinvolvu dak li s-soltu jissejjaħ “kummerċ elettroniku”) jibqgħu wkoll barra mill-ambitu tat-TSD, billi l-ħolqien tal-valur għall-bejjiegħ bl-imnut jinsab fl-oġġetti jew fis-servizzi pprovduti filwaqt li l-interfaċċa diġitali tintuża sempliċement bħala mezz ta’ komunikazzjoni.

    L-Artikolu 3(4) jiċċara wkoll li s-servizzi minn entità lil utenti permezz ta’ interfaċċa diġitali, li jikkonsistu fil-provvista ta’ kontenut diġitali bħal vidjo, awdjo jew test, kemm jekk tali kontenut ikun proprjetà ta’ dik l-entità u kemm jekk dik l-entità tkun kisbet id-drittijiet ta’ distribuzzjoni, ma għandhomx jitqiesu bħala servizzi ta’ intermedjazzjoni, u għalhekk għandhom jiġu esklużi mill-ambitu tat-taxxa, billi hemm inqas ċertezza rigward sa fejn il-parteċipazzjoni tal-utenti tiżvolġi rwol ċentrali fil-ħolqien tal-valur għall-kumpanija. Jeħtieġ li dan il-punt jiġi ċċarat għaliex ċerti fornituri ta’ kontenut diġitali permezz ta’ interfaċċa diġitali aktarx jippermettu xi tip ta’ interazzjoni bejn dawk li jirċievu tali kontenut, u b’hekk ikunu jistgħu jitqiesu li jaqgħu fid-definizzjoni ta’ interfaċċi diġitali b’diversi naħat li jipprovdu servizzi intermedjarji. Madankollu, f’tali ċirkustanzi l-interazzjoni bejn l-utenti tibqa’ anċillari għall-provvista tal-kontenut diġitali fejn l-uniku għan jew l-għan ewlieni għal utent ikun li jirċievi l-kontenut diġitali mingħand l-entità li tagħmel disponibbli l-interfaċċa diġitali (eż. il-provvista ta’ logħba elettronika minn entità lil utent permezz ta’ interfaċċa diġitali tkun tikkostitwixxi provvista ta’ kontenut diġitali minn dik l-entità li taqa’ barra mill-ambitu tat-TSD, irrispettivament jekk tali utent ikunx kapaċi jilgħab kontra utenti oħra, u għalhekk xi tip ta’ interazzjoni tkun permessa bejniethom).

    Il-provvista ta’ kontenut diġitali minn entità lil utenti permezz ta’ interfaċċa diġitali, li hija servizz barra mill-ambitu tat-TSD, għandha tkun distinta mit-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ interfaċċa diġitali b’diversi naħat li permezz tagħha l-utenti jistgħu jtellgħu u jaqsmu kontenut diġitali ma’ utenti oħra, jew mit-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ interfaċċa li tiffaċilita l-provvista sottostanti ta’ kontenut diġitali direttament bejn l-utenti. Dawn l-aħħar servizzi jikkostitwixxu servizz ta’ intermedjazzjoni mill-entità li tagħmel disponibbli l-interfaċċa diġitali b’diversi naħat, u għalhekk jaqgħu fl-ambitu tat-TSD, irrispettivament min-natura tat-tranżazzjoni sottostanti. B’hekk, l-Artikolu 3(4)(a) jenfasizza li l-provvista ta’ kontenut diġitali li taqa’ barra mill-ambitu tat-TSD trid issir mill-entità li tagħmel disponibbli l-interfaċċa diġitali li permezz tagħha jiġi pprovdut il-kontenut diġitali, u mhux minn utenti ta’ dik l-interfaċċa lil utenti oħra.

    Is-servizzi taxxabbli li jikkonsistu fit-trażmissjoni ta’ dejta miġbura dwar l-utenti huma deskritti fl-Artikolu 3(1)(c) b’referenza għad-dejta li tkun ġiet iġġenerata mill-attivitajiet ta’ dawk l-utenti fuq l-interfaċċi diġitali. Dan għaliex is-servizzi li jaqgħu fl-ambitu tat-TSD huma dawk li jużaw l-interfaċċi diġitali bħala mod kif joħolqu l-input mill-utenti, pjuttost milli dawk is-servizzi li jużaw l-interfaċċi bħala mod kif jittrażmettu d-dejta li tkun ġiet iġġenerata mod ieħor. Għaldaqstant, it-TSD mhijiex taxxa fuq il-ġbir tad-dejta, lanqas fuq l-użu tad-dejta miġbura minn negozju għall-iskopijiet interni tiegħu, u lanqas fuq il-qsim tad-dejta miġbura minn negozju ma’ partijiet oħra b’xejn. It-TSD timmira lejn it-trażmissjoni għall-kunsiderazzjoni tad-dejta miksuba minn attività speċifika ħafna (l-attivitajiet tal-utenti fuq l-interfaċċi diġitali).

    Il-punti (b) u (c) tal-Artikolu 3(4) jispjegaw li s-servizzi rregolati fil-punti (1) sa (9) tat-Taqsima A tal-Anness I tad-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 21 , u pprovduti minn ċentri ta’ negozjar jew minn internalizzaturi sistematiċi, kif iddefiniti f’dik id-Direttiva, jew minn fornituri ta’ servizzi ta’ crowdfunding irregolat, ma jaqgħux fl-ambitu tat-TSD. Barra minn hekk, is-servizzi li jikkonsistu fl-iffaċilitar tal-għoti ta’ self, u li huma pprovduti minn fornituri ta’ servizzi ta’ crowdfunding irregolat, ma jaqgħux fl-ambitu tat-TSD. “Fornituri ta’ servizzi ta’ crowdfunding irregolat” tirreferi għall-fornituri ta’ servizzi li huma soġġetti għal kwalunkwe regola futura tal-Unjoni adottata skont l-Artikolu 114 tat-TFUE għar-regolamentazzjoni tas-servizzi ta’ crowdfunding.

    L-interfaċċi diġitali b’diversi naħat li jippermettu lill-utenti jirċievu jew isiru jafu dwar servizzi ta’ eżekuzzjoni tan-negozju, servizzi ta’ investiment jew servizzi ta’ riċerka għall-investiment, bħal dawk li jagħmlu disponibbli l-entitajiet imsemmija hawn fuq, ta’ sikwit jimplikaw l-interazzjoni bejn l-utenti. Madankollu, l-utent ma jiżvolġix rwol ċentrali fil-ħolqien tal-valur għall-entità li tagħmel disponibbli interfaċċa diġitali. Minflok, il-valur jinsab fil-kapaċità ta’ tali entità li tlaqqa’ lix-xerrejja u lill-bejjiegħa ta’ prodotti finanzjarji skont kundizzjonijiet speċifiċi u distintivi li mod ieħor ma jkunux preżenti (imqabbel, ngħidu aħna, ma’ tranżazzjonijiet li jiġu konklużi direttament bejn il-kontropartijiet ’il barra minn tali interfaċċi). Servizz li jikkonsisti fit-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ interfaċċa diġitali minn tali entità jmur lil hinn mis-sempliċi ffaċilitar tat-tranżazzjonijiet fi strumenti finanzjarji bejn l-utenti ta’ tali interfaċċa. B’mod partikulari, is-servizzi rregolati li huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva jimmiraw li jipprovdu ambjent sikur għat-tranżazzjonijiet finanzjarji. Għaldaqstant, l-entità li tipprovdi dawn is-servizzi tiddetermina l-kundizzjonijiet speċifiċi li bihom tali tranżazzjonijiet finanzjarji jistgħu jiġu eżegwiti sabiex tiggarantixxi elementi essenzjali, fosthom il-kwalità tal-eżekuzzjoni tat-tranżazzjonijiet, il-livell ta’ trasparenza fis-suq, u t-trattament ġust tal-investituri. Fl-aħħar nett, tali servizzi għandhom l-għan essenzjali u distint li jiffaċilitaw il-finanzjament, l-investimenti jew it-tfaddil.

    Fir-rigward tal-pjattaformi ta’ crowdfunding, l-investiment u s-self mogħti abbażi ta’ crowdfunding huwa ’l barra mill-ambitu tat-taxxa minħabba li l-fornituri ta’ tali servizzi jaqdu l-istess rwol bħal dak taċ-ċentri ta’ negozjar u tal-internalizzaturi sistematiċi, u għaldaqstant ma jikkostitwix sempliċi intermedjazzjoni. Madankollu, is-servizzi pprovduti minn pjattaformi ta’ crowdfunding li ma jkunux ibbażati fuq investiment u self mogħti u li jikkostitwixxu intermedjazzjoni, bħal pereżempju donazzjoni jew crowdfunding abbażi ta’ premjijiet, jew is-servizzi pprovduti minn tali pjattaformi li jikkonsistu fit-tqegħid ta’ reklamar, jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva.

    Billi t-trażmissjoni tad-dejta miċ-ċentri ta’ negozjar, mill-internalizzaturi sistematiċi u mill-fornituri ta’ servizzi ta’ crowdfunding irregolat hija limitata għall-provvista tas-servizzi finanzjarji rregolati deskritti hawn fuq u tifforma parti minnha, u bħala tali hija rregolata skont id-dritt tal-Unjoni, il-provvista ta’ servizzi ta’ trażmissjoni tad-dejta minn dawk l-entitajiet għandha tkun eskluża wkoll mill-ambitu tat-TSD, kif inhu stipulat fl-Artikolu 3(5).

    L-Artikolu 3(2) jiċċara li t-TSD tiġi imposta fuq id-dħul gross ta’ negozju li jirriżulta mill-provvista tas-servizzi li jaqgħu fl-ambitu tat-taxxa, nett mit-taxxa fuq il-valur miżjud u minn taxxi oħra simili.

    L-Artikolu 3(7) jiċċara li d-dħul li jirriżulta mill-provvista ta’ servizzi taxxabbli bejn l-entitajiet ta’ grupp ikkonsolidat għall-finijiet tal-kontabbiltà finanzjarja ma jikkwalifikax bħala dħul taxxabbli.

    Skont l-Artikolu 3(8), fejn entità ta’ grupp ikkonsolidat għall-finijiet tal-kontabbiltà finanzjarja tipprovdi servizz taxxabbli lil parti terza iżda r-rimunerazzjoni għal tali servizz tinkiseb minn entità oħra f’dak il-grupp, ir-rimunerazzjoni titqies li nkisbet mill-entità li tipprovdi s-servizzi taxxabbli. Din id-dispożizzjoni hija salvagwardja sabiex teskludi li entità li tipprovdi servizzi taxxabbli u li tikseb id-dħul idderivat minn tali servizzi permezz ta’ entità oħra fl-istess grupp taħrab mill-obbligu tat-TSD.

    Persuna taxxabbli (l-Artikolu 4)

    Skont l-Artikolu 4(1), għall-finijiet tat-TSD, entità li tinsab ’il fuq mil-livelli limitu li ġejjin tikkwalifika bħala “persuna taxxabbli”:

    l-ammont totali ta’ dħul madwar id-dinja, irrappurtat mill-entità għall-aħħar sena finanzjarja kompluta li għaliha hemm dikjarazzjoni finanzjarja disponibbli, jaqbeż is-EUR 750 000 000; u

    l-ammont totali ta’ dħul taxxabbli miksub mill-entità fl-Unjoni matul dik is-sena finanzjarja jaqbeż il-EUR 50 000 000.

    L-ewwel livell limitu (id-dħul annwali totali mad-dinja kollha) jillimita l-applikazzjoni tat-taxxa lil kumpaniji ta’ ċerta skala, li huma dawk li laħqu pożizzjonijiet ta’ saħħa fis-suq li jippermettulhom jibbenefikaw relattivament iktar mill-effetti ta’ netwerk u mill-isfruttament tal-big data, u b’hekk jibnu l-mudelli ta’ negozju tagħhom madwar il-parteċipazzjoni tal-utenti. Dawn il-mudelli ta’ negozju, li jwasslu għal differenzi akbar bejn fejn il-profitti jiġu intaxxati u fejn jinħoloq il-valur, jaqgħu fl-ambitu tat-taxxa. Il-kapaċità ekonomika tan-negozji li jikkwalifikaw bħala persuni taxxabbli għandha titqies li tindika l-kapaċità tagħhom li jiġbdu volum għoli ta’ utenti, li huwa neċessarju biex tali mudelli ta’ negozju jkunu vijabbli. Barra minn hekk, il-kumpaniji l-kbar huma l-iktar li jkollhom l-opportunità li jwettqu ppjanar aggressiv tat-taxxa. Huwa għalhekk li ġie propost l-istess livell limitu f’inizjattivi oħra tal-Unjoni, bħall-BKKTK. Tali livell limitu huwa maħsub ukoll biex jagħti ċertezza tad-dritt, u biex jiffaċilita u jraħħas għan-negozji u għall-awtoritajiet tat-taxxa d-determinazzjoni tal-obbligu tat-TSD għal entità, speċjalment billi wħud minnhom jaf ma jżommux rekords separati tad-dħul mill-attivitajiet li jaqgħu fl-ambitu ta’ din it-taxxa. Dan il-livell limitu għandu jeskludi wkoll lill-impriżi ż-żgħar u lill-istartups, billi l-piż tal-konformità mat-taxxa l-ġdida x’aktarx ikollu effett sproporzjonat fuqhom.

    Mill-banda l-oħra, it-tieni livell limitu (id-dħul annwali totali taxxabbli fl-Unjoni) jillimita l-applikazzjoni tat-taxxa fejn ikun hemm preżenza diġitali sinifikanti fil-livell tal-UE b’rabta mat-tipi ta’ dħul koperti bit-TSD. Dan il-livell limitu huwa stabbilit fil-livell tal-Unjoni, sabiex ma jqisx id-differenzi fid-daqs tas-swieq li jistgħu jeżistu fl-Unjoni.

    Jekk in-negozju jkun parti minn grupp ikkonsolidat għall-finijiet tal-kontabbiltà finanzjarja, il-livelli limitu jridu jiġu applikati skont id-dħul totali tal-grupp ikkonsolidat, kif inhu stipulat fl-Artikolu 4(6).

    Ikunx stabbilit fi Stat Membru jew f’ġurisdizzjoni mhux tal-Unjoni, negozju li jissodisfa ż-żewġ kundizzjonijiet ta’ hawn fuq jikkwalifika bħala persuna taxxabbli. Skont fejn il-persuna taxxabbli tkun stabbilita, ix-xenarji fejn jista’ jinqala’ l-obbligu tat-TSD jistgħu jinvolvu lil persuna taxxabbli stabbilita f’ġurisdizzjoni mhux tal-Unjoni li jkollha tħallas it-TSD fi Stat Membru, persuna taxxabbli stabbilita fi Stat Membru li jkollha tħallas it-TSD fi Stat Membru ieħor, jew persuna taxxabbli stabbilita fi Stat Membru li jkollha tħallas it-TSD f’dak l-istess Stat Membru.

    Il-post tat-tassazzjoni (l-Artikolu 5)

    L-Artikolu 5 jiddetermina liema proporzjon tad-dħul taxxabbli miksub minn entità jrid jiġi ttrattat bħala miksub fi Stat Membru għall-finijiet ta’ din it-taxxa. Bi qbil mal-kunċett tal-ħolqien tal-valur mill-utenti li jirfed l-ambitu oġġettiv tat-TSD, din id-dispożizzjoni tiddetermina li t-TSD hija dovuta fl-Istat Membru jew fl-Istati Membri fejn jinsabu l-utenti.

    Dan l-approċċ isegwi l-loġika li huwa l-involviment tal-utenti fl-attivitajiet diġitali ta’ kumpanija li jiġġenera l-valur għal dik il-kumpanija, li mhux neċessarjament jimplika ħlas min-naħa tal-utenti (eż. dawk li jaraw reklamar fuq interfaċċa diġitali); jew li jista’ jinvolvi ħlas minn ċerti utenti biss (eż. interfaċċi diġitali b’diversi naħat fejn ċerti utenti biss ikollhom iħallsu biex jaċċessaw l-interfaċċa, filwaqt li utenti oħra jkollhom aċċess b’xejn). Għaldaqstant, huwa l-Istat Membru fejn jinsab l-utent li għandu drittijiet tal-intaxxar fir-rigward tat-TSD, irrispettivament jekk l-utent ikunx ikkontribwixxa flus għall-ġenerazzjoni tad-dħul għal dik il-kumpanija. Jiġu stabbiliti regoli speċifiċi biex jiddeterminaw meta utent jitqies li jinsab fi Stat Membru.

    Id-dħul taxxabbli li jirriżulta mill-provvista ta’ servizz taxxabbli jrid jitqies, għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, bħala miksub fi Stat Membru f’perjodu tat-taxxa jekk utent fir-rigward ta’ tali servizzi jitqies li jinsab f’dak l-Istat Membru f’dak il-perjodu tat-taxxa skont ir-regoli tal-Artikolu 5(2), li għandhom jiġu applikati għal kull tip ta’ servizz taxxabbli. Fil-każ ta’ utenti involuti f’servizz taxxabbli li jinsabu fi Stati Membri jew f’ġurisdizzjonijiet mhux tal-Unjoni differenti, id-dħul taxxabbli miksub minn entità bil-provvista ta’ dak is-servizz ikollu jitqassam lil kull Stat Membru b’mod proporzjonali, u skont il-kjavi ta’ kontribuzzjoni stabbiliti fl-Artikolu 5(3) għal kull tip ta’ servizz taxxabbli. Tali kjavi ta’ kontribuzzjoni ġew stabbiliti fid-dawl tan-natura ta’ kull wieħed mis-servizzi taxxabbli, u b’mod partikulari, skont x’jiskatta t-twassil ta’ dħul għall-fornitur tas-servizz.

    Fil-każ ta’ servizz taxxabbli li jikkonsisti fit-tqegħid ta’ reklamar fuq interfaċċa diġitali, l-għadd ta’ drabi li reklam ikun deher fuq l-apparati tal-utenti f’perjodu tat-taxxa fi Stat Membru jitqies għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-proporzjon tad-dħul li għandu jiġi allokat lil dak l-Istat Membru f’dak il-perjodu tat-taxxa.

    Fejn jidħol it-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-interfaċċi diġitali b’diversi naħat, sabiex jiġi ddeterminat il-proporzjon ta’ dħul taxxabbli li jrid jiġi allokat lil Stat Membru, issir distinzjoni bejn il-każijiet fejn l-interfaċċa tiffaċilita tranżazzjonijiet sottostanti direttament bejn l-utenti, u l-każijiet fejn l-interfaċċa ma tagħmilx dan. F’każijiet li jinvolvu l-iffaċilitar ta’ tranżazzjonijiet sottostanti, l-allokazzjoni tad-dħul taxxabbli lil Stat Membru f’perjodu tat-taxxa titwettaq abbażi tal-għadd ta’ utenti li jkunu kkonkludew tali tranżazzjoni f’dak il-perjodu tat-taxxa huma u jużaw apparat f’dak l-Istat Membru. Dan għaliex hija l-azzjoni li normalment tiġġenera d-dħul għall-entità li tagħmel disponibbli l-interfaċċa. Id-drittijiet tat-tassazzjoni fuq id-dħul tan-negozju li jagħmel disponibbli l-interfaċċa jiġu allokati lill-Istati Membri fejn jinsabu l-utenti li jikkonkludu tranżazzjonijiet sottostanti, irrispettivament jekk l-utenti humiex il-bejjiegħa jew ix-xerrejja tal-oġġetti jew tas-servizzi. Dan għaliex kemm il-bejjiegħa u kemm ix-xerrejja jiġġeneraw valur għall-interfaċċa diġitali b’diversi naħat permezz tal-parteċipazzjoni tagħhom, billi r-rwol tal-interfaċċa huwa li tlaqqa’ l-provvista u d-domanda. Madankollu, jekk is-servizz ta’ intermedjazzjoni ma jinvolvix l-iffaċilitar ta’ tranżazzjonijiet sottostanti, id-dħul tipikament jinkiseb permezz ta’ ħlasijiet perjodiċi wara li l-utent ikun irreġistra jew ikun fetaħ kont fuq interfaċċa diġitali. B’hekk, għall-finijiet tal-allokazzjoni tad-dħul taxxabbli lil Stat Membru f’perjodu tat-taxxa, jitqies l-għadd ta’ utenti f’dak il-perjodu tat-taxxa li jkollhom kont li nfetaħ bl-użu ta’ apparat f’dak l-Istat Membru, ikunx infetaħ matul dik is-sena tat-taxxa jew qabel.

    Fejn tidħol it-trażmissjoni tad-dejta miġbura dwar l-utenti, l-allokazzjoni tad-dħul taxxabbli fi Stat Membru f’perjodu tat-taxxa tqis l-għadd ta’ utenti li minnhom tkun ġiet iġġenerata dejta trażmessa f’dak il-perjodu tat-taxxa, b’riżultat tal-użu ta’ apparat minn tali utenti f’dak l-Istat Membru.

    L-Artikolu 5(4) jiċċara wkoll li, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-post tat-tassazzjoni, ma għandux jitqies il-post li minnu jkun sar il-ħlas għas-servizzi taxxabbli. Għal każijiet li jinvolvu l-provvista ta’ oġġetti jew ta’ servizzi sottostanti direttament bejn l-utenti ta’ interfaċċa diġitali b’diversi naħat, lanqas ma għandu jitqies il-post fejn isiru tali tranżazzjonijiet sottostanti.

    Abbażi tad-dispożizzjoni fl-Artikolu 5(5), l-utenti jitqiesu li jinsabu fl-Istat Membru tal-indirizz tal-Protokoll tal-Internet (IP) tal-apparat użat minnhom, jew inkella, jekk aktar preċiż, kwalunkwe metodu ieħor ta’ ġeolokalizzazzjoni. L-indirizz IP huwa proxy sempliċi u effettiv biex jiġi ddeterminat fejn jinsab l-utent. Barra minn hekk, jekk il-persuna taxxabbli taf, b’mezz ieħor ta’ ġeolokalizzazzjoni, li l-utent ma jinsabx fl-Istat Membru indikat mill-indirizz IP, dik il-persuna taxxabbli xorta tkun tista’ sserraħ fuq dak il-mezz l-ieħor ta’ ġeolokalizzazzjoni biex jiddetermina l-post tat-tassazzjoni.

    L-imponibbiltà, il-kalkolu tat-taxxa, u r-rata (l-Artikoli 6-8)

    Skont l-Artikolu 6, it-taxxa l-ġdida se tkun imponibbli fi Stat Membru fuq il-proporzjon tad-dħul taxxabbli miksub minn persuna taxxabbli f’perjodu tat-taxxa, li jitqies bħala miksub f’dak l-Istat Membru.

    L-Artikolu 7 jistabbilixxi r-regola dwar kif tiġi kkalkolata t-TSD.

    L-Artikolu 8 jistabbilixxi rata unika ta’ 3 % mal-Unjoni kollha.

    Obbligi (l-Artikoli 9-19)

    L-Artikoli 9 sa 19 jipprovdu s-sett ta’ obbligi li jridu jinqdew mill-persuni taxxabbli bl-obbligu tat-TSD.

    L-Artikolu 9 jiċċara li l-persuna taxxabbli li tipprovdi servizzi taxxabbli għandha l-obbligu li tħallas it-taxxa u li taqdi l-obbligi stabbiliti fil-Kapitolu 3. Jistabbilixxi wkoll li grupp ikkonsolidat għall-finijiet tal-kontabbiltà finanzjarja għandu l-għażla li jaħtar entità unika fl-istess grupp għall-finijiet tal-ħlas tat-TSD u tal-qadi tal-obbligi fil-Kapitolu 3 f’isem kull persuna taxxabbli f’dak il-grupp bl-obbligu tat-TSD.

    Sabiex jiġġestixxi l-aspetti amministrattivi marbutin ma’ din it-taxxa, mekkaniżmu ta’ simplifikazzjoni fil-forma ta’ punt uniku ta’ servizz isir disponibbli għall-persuni kollha taxxabbli. Il-funzjonament tal-punt uniku ta’ servizz jissejjes fuq l-idea li persuna taxxabbli b’obbligu tat-TSD fi Stat Membru wieħed jew aktar għandha tgawdi minn punt uniku ta’ kuntatt (l-Istat Membru tal-identifikazzjoni) li permezz tiegħu l-obbligi tat-TSD kollha tiegħu jistgħu jinqdew (l-identifikazzjoni, it-tressiq tad-dikjarazzjoni tat-TSD, u l-ħlas). Dak l-Istat Membru tal-identifikazzjoni jkun responsabbli li jaqsam dik l-informazzjoni mal-Istati Membri l-oħra fejn it-TSD hija dovuta, kif ukoll li jittrasferixxi l-proporzjon tat-TSD miġbur f’isem dawk l-Istati Membri l-oħra.

    Kif inhu spjegat fl-Artikolu 10, “Stat Membru tal-identifikazzjoni” tfisser l-Istat Membru fejn persuna taxxabbli għandha l-obbligu li tħallas it-TSD, sakemm ma jkollhiex l-obbligu tat-TSD f’iktar minn Stat Membru wieħed, f’liema każ tista’ tagħżel l-Istat Membru tal-identifikazzjoni minn fosthom.

    Il-fatt li persuna taxxabbli tista’ tkun residenti fi Stat Membru għall-finijiet tat-taxxa korporattiva fuq l-introjtu ma għandu l-ebda impatt fuq id-determinazzjoni tal-Istat Membru tal-identifikazzjoni għall-finijiet tat-TSD, fid-dawl tan-natura differenti tat-taxxa. L-għan huwa wkoll li ma jkunx hemm piż amministrattiv sproporzjonat fuq l-Istati Membri fejn persuna taxxabbli tista’ tkun stabbilita għall-finijiet tat-tassazzjoni korporattiva, iżda fejn forsi ma jkollhiex obbligu tat-TSD. Għaldaqstant, persuna taxxabbli b’obbligu tat-TSD f’għadd ta’ Stati Membri tkun tista’ tuża l-punt uniku ta’ servizz fl-Istat Membru tal-identifikazzjoni tagħha, fir-rigward tal-obbligi tat-TSD kollha tagħha, u irrispettivament jekk tkunx resident tat-taxxa għall-finijiet tat-taxxa korporattiva fuq l-introjtu. Pereżempju, persuna taxxabbli b’obbligu tat-TSD f’żewġ Stati Membri (l-Istat Membru A, fejn hija resident għall-finijiet tat-taxxa korporattiva fuq l-introjtu, u l-Istat Membru B, fejn mhijiex resident għall-finijiet tat-taxxa korporattiva fuq l-introjtu), li tkun għażlet l-Istat Membru B bħala l-Istat Membru ta’ identifikazzjoni, tkun tista’ taqdi l-obbligi tat-TSD tagħha fir-rigward kemm tal-Istat Membru A u kemm ta-Istat Membru B, permezz tal-punt uniku ta’ servizz.

    L-Artikolu 10 jistabbilixxi obbligu għal persuna taxxabbli li tinnotifika, permezz ta’ sistema ta’ awtodikjarazzjoni, lill-Istat Membru tal-identifikazzjoni li għandha l-obbligu li tħallas it-TSD fl-Unjoni, kif ukoll id-dettalji li jridu jiġu nnotifikati. Dik il-persuna taxxabbli tingħata numru tal-identifikazzjoni skont l-Artikolu 11. Jekk persuna taxxabbli ma tibqax bl-obbligu tat-TSD fl-Unjoni, għandha tinnotifika dik l-informazzjoni lill-Istat Membru tal-identifikazzjoni skont l-Artikolu 12, u l-Istat Membru tal-identifikazzjoni jrid iħassar dik il-persuna taxxabbli mir-reġistru tal-identifikazzjoni tiegħu. L-Artikolu 13 jiċċara r-regoli dwar bidla possibbli fl-Istat Membru tal-identifikazzjoni.

    Barra minn hekk, dik il-persuna taxxabbli trid tressaq dikjarazzjoni tat-TSD fl-Istat Membru tal-identifikazzjoni skont l-Artikolu 14, bid-dettalji speċifikati fl-Artikolu 15. B’mod partikulari, dan ifisser li għandha tiddikjara, għal kull Stat Membru fejn it-TSD hija dovuta għall-perjodu tat-taxxa rilevanti, l-ammont totali tad-dħul taxxabbli kif miksub minn persuna taxxabbli f’dak l-Istat Membru, flimkien mat-TSD dovuta fuq dak l-ammont. It-TSD totali dovuta fl-Istati Membri kollha, u l-informazzjoni dwar il-livelli limitu applikabbli għall-finijiet tal-Artikolu 4, iridu jiġu rrappurtati wkoll.

    L-arranġamenti għall-ħlas huma rregolati bl-Artikolu 16, li jispeċifika wkoll li rifużjonijiet possibbli tat-taxxa lill-kontribwenti, ladarba t-TSD dovuta tkun diġà ġiet ittrasferita mill-Istat Membru tal-identifikazzjoni lill-Istat Membru fejn it-TSD kienet dovuta, għandhom isiru minn dan tal-aħħar direttament lil dik il-persuna taxxabbli. Sabiex jiġu evitati diskrepanzi fil-funzjonament tal-punt uniku ta’ servizz, fl-Artikolu 17 iddaħħlet dispożizzjoni li tirregola emendi possibbli fid-dikjarazzjoni tat-TSD. L-Artikolu 18 jikkonċerna l-kontabbiltà, iż-żamma tar-rekords u l-miżuri kontra l-frodi, li huma f’idejn l-Istati Membri. Din id-dispożizzjoni tiċċara wkoll li l-eżistenza ta’ punt uniku ta’ servizz u ta’ Stat Membru tal-identifikazzjoni ma taffettwax il-fatt li t-TSD hija dovuta mill-persuna taxxabbli direttament lil kull Stat Membru fejn it-TSD hija dovuta, u l-fatt li Stat Membru huwa intitolat li jimponi l-ħlas tat-TSD direttament fuq il-persuna taxxabbli li għandha l-obbligu li tħallasha, kif ukoll li jwettaq awditi tat-taxxa u miżuri ta’ kontroll.

    L-Artikolu 19 jistabbilixxi li kull Stat Membru għandu jaħtar awtorità kompetenti biex tiġġestixxi l-obbligi amministrattivi kollha marbutin mat-TSD, kif ukoll ir-rekwiżiti ta’ kooperazzjoni amministrattiva stabbiliti fil-Kapitolu 4.

    Il-kooperazzjoni amministrattiva fir-rigward tal-obbligi (l-Artikoli 20-23)

    Id-dispożizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 20-23 jirregolaw l-iskambji meħtieġa bejn l-Istati Membri fir-rigward tal-identifikazzjoni tal-persuni taxxabbli u t-tressiq tad-dikjarazzjonijiet tat-TSD, kif ukoll it-trasferiment ta’ fondi li jikkorrispondu għall-ħlasijiet tat-TSD mill-Istat Membru tal-identifikazzjoni lill-Istati Membri l-oħra fejn it-TSD hija dovuta.

    2018/0073 (CNS)

    Proposta għal

    DIRETTIVA TAL-KUNSILL

    dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq is-servizzi diġitali fir-rigward tad-dħul li jirriżulta mill-provvista ta’ ċerti servizzi diġitali

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 113 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew 22 ,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 23 ,

    Filwaqt li jaġixxi skont proċedura leġiżlattiva speċjali,

    Billi:

    (1)L-ekonomija globali qiegħda ssir diġitali b’rata mgħaġġla, u b’riżultat ta’ dan, tfaċċaw modi ġodda ta’ negozju. Il-kumpaniji diġitali huma kkaratterizzati mill-fatt li l-operati tagħhom huma konnessi mill-qrib ħafna mal-internet. B’mod partikulari, il-mudelli ta’ negozju diġitali jserrħu ħafna fuq il-kapaċità li jwettqu attivitajiet mill-bogħod u bi ftit jew bl-ebda preżenza fiżika, fuq il-kontribut tal-utenti finali lejn il-ħolqien tal-valur, u fuq l-importanza tal-assi intanġibbli.

    (2)Ir-regoli attwali tat-tassazzjoni korporattiva ġew żviluppati l-iktar matul is-seklu 20 għal negozji tradizzjonali. Huma msejsa fuq l-idea li t-tassazzjoni għandha ssir fejn jinħoloq il-valur. Madankollu, l-applikazzjoni tar-regoli attwali għall-ekonomija diġitali wasslet għal allinjament ħażin bejn il-post fejn il-profitti jiġu intaxxati u l-post fejn jinħoloq il-valur, speċifikament fil-każ ta’ mudelli ta’ negozju li jserrħu bil-qawwi fuq il-parteċipazzjoni tal-utenti. B’hekk sar evidenti li r-regoli attwali tat-taxxa korporattiva għall-intaxxar tal-profitti tal-ekonomija diġitali mhumiex xierqa, u jeħtieġ li jiġu rieżaminati.

    (3)Dan ir-rieżami jikkostitwixxi elementi importanti tas-Suq Uniku Diġitali 24 , billi s-Suq Uniku Diġitali jeħtieġ qafas tat-taxxa modern u stabbli għall-ekonomija diġitali, li jagħti spinta lill-innovazzjoni, jindirizza l-frammentazzjoni tas-suq, u jippermetti lill-atturi kollha japprofittaw mid-dinamiki ġodda tas-suq b’kundizzjonijiet ġusti u bbilanċjati.

    (4)Fil-Komunikazzjoni tagħha dwar “Sistema tat-Taxxa Ġusta u Effiċjenti fl-Unjoni Ewropea għas-Suq Uniku Diġitali” 25 , li ġiet adottata fil-21 ta’ Settembru 2017, il-Kummissjoni identifikat l-isfidi mqajma mill-ekonomija diġitali għar-regoli tat-taxxa eżistenti, u ntrabtet li tanalizza l-alternattivi ta’ politika disponibbli. Il-konklużjonijiet tal-Kunsill ECOFIN tal-5 ta’ Diċembru 2017 26 stiednu lill-Kummissjoni tadotta proposti li jwieġbu għall-isfidi tal-intaxxar tal-profitti fl-ekonomija diġitali, filwaqt li ħadu nota wkoll tal-interess espress minn bosta Stati Membri favur miżuri temporanji mmirati lejn it-tipi ta’ dħul li jirriżultaw mill-attivitajiet diġitali fl-Unjoni u li jkunu jibqgħu ’l barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-konvenzjonijiet kontra t-tassazzjoni doppja.

    (5)Billi l-problema tal-intaxxar tal-ekonomija diġitali hija ta’ natura dinjija, l-approċċ ideali jkun li tinstab soluzzjoni multilaterali u internazzjonali għaliha. Huwa għal din ir-raġuni li l-Kummissjoni hija impenjata attivament fid-dibattitu internazzjonali. Bħalissa għaddejja l-ħidma fl-OECD. Madankollu, li jsir progress fil-livell internazzjonali huwa għadma iebsa. Għaldaqstant, qiegħda tittieħed azzjoni biex tadatta r-regoli tat-taxxa korporattiva fil-livell tal-Unjoni 27 , kif ukoll biex tħeġġeġ l-ilħiq ta’ ftehimiet ma’ ġurisdizzjonijiet mhux tal-Unjoni 28 , bil-għan li l-qafas tat-taxxa korporattiva jkun jista’ jsir xieraq għall-mudelli ta’ negozju diġitali l-ġodda.

    (6)Sakemm issir dik l-azzjoni, li jaf iddum ma tiġi adottata u implimentata, l-Istati Membri jinsabu taħt pressjoni biex jaġixxu fir-rigward tal-kwistjoni, minħabba r-riskju li l-bażijiet tat-taxxa korporattiva tagħhom jitnaqqru b’mod sinifikanti tul iż-żmien. In-nuqqas ta’ koordinazzjoni bejn il-miżuri meħudin mill-Istati Membri b’mod individwali joħloq ir-riskju ta’ aktar frammentazzjoni tas-Suq Uniku u distorsjoni tal-kompetizzjoni, sitwazzjoni li xxekkel l-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet diġitali ġodda kif ukoll il-kompetittività tal-Unjoni kollha. Għalhekk jeħtieġ li jiġi adottat approċċ armonizzat fuq soluzzjoni temporanja li tindirizza din il-kwistjoni b’mod immirat, sakemm tidħol fis-seħħ soluzzjoni komprensiva.

    (7)Dik is-soluzzjoni temporanja jenħtieġ li tistabbilixxi s-sistema komuni ta’ taxxa fuq is-servizzi diġitali (“TSD”) fuq id-dħul idderivat mill-provvista ta’ ċerti servizzi diġitali minn ċerti entitajiet. Jenħtieġ li tkun miżura li faċli timplimentaha, li timmira lejn id-dħul idderivat mill-provvista ta’ servizzi diġitali fejn l-utenti jikkontribwixxu b’mod sinifikanti għall-proċess tal-ħolqien tal-valur. Dan il-fattur (il-ħolqien tal-valur mill-utenti) jirfed ukoll l-azzjoni fir-rigward tar-regoli tat-taxxa korporattiva, kif deskritt fil-premessa (5).

    (8)Jenħtieġ li jiġu ddefiniti l-elementi li ġejjin tat-TSD: it-tipi ta’ dħul taxxabbli (x’jiġi intaxxat), il-persuna taxxabbli (min jiġi intaxxat), il-post tat-tassazzjoni (liema proporzjon tad-dħul taxxabbli jitqies li nkiseb fi Stat Membru, u meta), l-imponibbiltà, il-kalkolu tat-taxxa, ir-rata, u l-obbligi relatati, inkluż mekkaniżmu ta’ ġbir b’punt uniku ta’ servizz.

    (9)Jenħtieġ li t-TSD tiġi applikata fuq id-dħul idderivat mill-provvista ta’ ċerti servizzi diġitali biss. Jenħtieġ li s-servizzi diġitali jkunu dawk li jiddependu ħafna fuq il-ħolqien tal-valur mill-utenti, fejn tipikament ikun hemm l-ikbar differenza bejn il-post fejn jiġu intaxxati l-profitti u l-post fejn l-utenti jkunu stabbiliti. Huwa d-dħul miksub mill-ipproċessar tal-input mill-utenti li jenħtieġ li jiġi intaxxat, mhux il-parteċipazzjoni tal-utent innifisha.

    (10)B’mod partikulari, jenħtieġ li d-dħul taxxabbli jkun dak idderivat mill-provvista tas-servizzi li ġejjin: (i) it-tqegħid fuq interfaċċa diġitali ta’ reklamar immirat lejn l-utenti tal-istess interfaċċa; (ii) it-tqegħid ta’ interfaċċi diġitali b’diversi naħat għad-dispożizzjoni tal-utenti, li jippermettu lill-utenti jsibu utenti oħra u jinteraġixxu magħhom, u li jistgħu jiffaċilitaw ukoll il-provvista ta’ oġġetti jew servizzi sottostanti direttament bejn l-utenti (kultant imsejħa servizzi ta’ “intermedjazzjoni”); u (iii) it-trażmissjoni ta’ dejta miġbura dwar l-utenti u li tkun ġiet iġġenerata mill-attivitajiet ta’ dawk l-utenti fuq l-interfaċċi diġitali. Jekk ma jkun inkiseb ebda dħul mill-provvista ta’ tali servizzi, jenħtieġ li ma jkunx hemm obbligu tat-TSD. Dħul ieħor miksub mill-entità li tipprovdi tali servizzi iżda li ma jkunx idderivat direttament minn tali provvisti jenħtieġ li jaqa’ wkoll barra mill-ambitu tat-taxxa.

    (11)Is-servizzi li jikkonsistu fit-tqegħid fuq interfaċċa diġitali ta’ reklamar ta’ klijent immirat lejn l-utenti ta’ dik l-interfaċċa jenħtieġ li ma jiġux iddefiniti b’referenza għal min ikun is-sid tal-interfaċċa diġitali li permezz tagħha r-reklamar jidher fuq l-apparat ta’ utent, iżda minflok, b’referenza għall-entità responsabbli li tippermetti li r-reklamar jidher fuq dik l-interfaċċa. Dan għaliex il-valur għal negozju li jqiegħed ir-reklamar ta’ klijent fuq interfaċċa diġitali jinsab fit-traffiku tal-utenti u fid-dejta tal-utenti li tipikament jitqiesu għall-finijiet tat-tqegħid tar-reklamar, irrispettivament jekk l-interfaċċa tkunx proprjetà tan-negozju nnifsu jew ta’ parti terza li tkun qiegħda tikri l-ispazju diġitali fejn ikun se jidher ir-reklam. Madankollu, għandu jiġi ċċarat li f’każijiet fejn il-fornitur tas-servizz ta’ reklamar u s-sid tal-interfaċċa diġitali jkunu entitajiet differenti, jenħtieġ li dan tal-aħħar ma jitqiesx li jkun ipprovda servizz taxxabbli għall-finijiet tat-TSD. Dan sabiex jiġu evitati effetti kaskata possibbli u t-tassazzjoni doppja.

    (12)Jenħtieġ li s-servizzi pprovduti minn interfaċċi diġitali b’diversi naħat jiġu ddefiniti b’referenza għall-kapaċità tagħhom li jippermettu lill-utenti jsibu lil utenti oħra u jinteraġixxu magħhom. L-aspett li jiddistingwi l-interfaċċi diġitali b’diversi naħat huwa li jippermettu interazzjoni bejn l-utenti li ma tistax issir mingħajr ma l-interfaċċa tlaqqa’ l-utenti ma’ xulxin (fi kliem ieħor, l-interfaċċa tippermetti lill-utenti jikkuntattjaw lil utenti oħra). Ċerti servizzi tipikament imsejħa servizzi ta’ komunikazzjoni jew ta’ pagament, bħas-servizzi ta’ messaġġerija instantanja, is-servizzi tal-posta elettronika jew is-servizzi tal-pagament elettroniku, aktarx jitqiesu li jiffaċilitaw l-interazzjoni bejn l-utenti permezz ta’ interfaċċa diġitali, iżda l-utenti s-soltu ma jkunux kapaċi jikkuntattjaw lil xulxin sakemm ma jkunux diġà stabbilew kuntatt b’mezzi oħra. Għaldaqstant, jenħtieġ li d-dħul idderivat mill-provvista ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni jew ta’ pagament jibqa’ ’l barra mill-ambitu tat-taxxa, għaliex tali fornituri ma joperawx bħala suq, iżda jipproduċu softwer ta’ appoġġ jew strumenti informatiċi oħra li jippermettu lill-klijenti jikkuntattjaw lil persuni oħra li fil-biċċa l-kbira tal-każijiet diġà jkollhom relazzjoni magħhom.

    (13)Għal każijiet li jinvolvu interfaċċi diġitali b’diversi naħat li jiffaċilitaw il-provvista sottostanti ta’ oġġetti jew ta’ servizzi direttament bejn l-utenti tal-interfaċċa, it-tranżazzjonijiet sottostanti u d-dħul miksub mill-utenti permezz ta’ dawk it-tranżazzjonijiet jenħtieġ li jibqgħu ’l barra mill-ambitu tat-taxxa. Id-dħul idderivat minn attivitajiet relatati mal-bejgħ bl-imnut ta’ oġġetti jew ta’ servizzi li jiġi miftiehem onlajn permezz tas-sit web tal-fornitur ta’ tali oġġetti jew servizzi, u fejn il-fornitur ma jaġixxix bħala intermedjarju, jenħtieġ li jibqa’ wkoll ’il barra mill-ambitu tat-TSD, billi l-ħolqien tal-valur għall-bejjiegħ bl-imnut jinsab fl-oġġetti jew fis-servizzi pprovduti filwaqt li l-interfaċċa diġitali tintuża sempliċement bħala mezz ta’ komunikazzjoni. Jekk fornitur ikunx qed ibigħ oġġetti jew servizzi onlajn fuq il-kont tiegħu stess, jew jekk ikunx qiegħed jipprovdi servizzi ta’ intermedjazzjoni, jista’ jiġi ddeterminat billi titqies is-sustanza ġuridika u ekonomika ta’ tranżazzjoni, kif riflessa fl-arranġamenti bejn il-partijiet rilevanti. Pereżempju, fornitur ta’ interfaċċa diġitali fejn jitqiegħdu għad-dispożizzjoni oġġetti ta’ parti terza jista’ jitqies li qiegħed jipprovdi servizz ta’ intermedjazzjoni (fi kliem ieħor, it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ interfaċċa diġitali b’diversi naħat) fejn ma jkun qed jittieħed ebda riskju sinifikanti għall-inventarju, jew fejn tkun il-parti terzi li effettivament tistabbilixxi l-prezz ta’ tali oġġetti.

    (14)Is-servizzi li jikkonsistu fil-provvista ta’ kontenut diġitali minn entità permezz ta’ interfaċċa diġitali jenħtieġ li jiġu esklużi mill-ambitu tat-taxxa, irrispettivament jekk il-kontenut diġitali jkunx proprjetà ta’ dik l-entità jew jekk l-entità tkunx kisbet id-drittijiet biex ixxerrdu. Anki jekk xi tip ta’ interazzjoni bejn ir-riċevituri ta’ tali kontenut diġitali tista’ tkun permessa, u għaldaqstant il-fornitur ta’ tali servizzi jista’ jitqies li qiegħed jagħmel disponibbli interfaċċa diġitali b’diversi naħat, huwa inqas ċar li l-utent jaqdi rwol ċentrali fil-ħolqien tal-valur għall-kumpanija li tipprovdi l-kontenut diġitali. Minflok, l-enfasi mill-perspettiva tal-ħolqien tal-valur tinsab fuq il-kontenut diġitali nnifsu li jiġi pprovdut mill-entità. Għaldaqstant, id-dħul miksub minn tali provvisti jenħtieġ li jaqa’ ’l barra mill-ambitu tat-taxxa.

    (15)Jenħtieġ li l-kontenut diġitali jiġi ddefinit biex ifisser id-dejta pprovduta f’forma diġitali, bħal programmi informatiċi, applikazzjonijiet, logħob, mużika, vidjo jew test, irrispettivament jekk jiġux aċċessati bi tniżżil jew bl-istreaming, u minbarra d-dejta rrappreżentata mill-interfaċċa diġitali nnifisha. L-għan huwa li jiġu koperti l-forom differenti li jista’ jieħu l-kontenut diġitali meta jinkiseb minn utent, u dan ma jolqotx il-fatt li l-għan uniku jew ewlieni mill-perspettiva tal-utent ikun il-kisba tal-kontenut diġitali.

    (16)Jenħtieġ li ssir distinzjoni bejn is-servizz deskritt fil-premessa (14) u servizz li jikkonsisti fit-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ interfaċċa diġitali b’diversi naħat li permezz tagħha l-utenti jistgħu jtellgħu u jaqsmu kontenut diġitali ma’ utenti oħra, jew mit-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ interfaċċa li tiffaċilita l-provvista sottostanti ta’ kontenut diġitali direttament bejn l-utenti. Dawn l-aħħar servizzi jikkostitwixxu servizz ta’ intermedjazzjoni, u għalhekk jenħtieġ li jaqgħu fl-ambitu tat-TSD, irrispettivament min-natura tat-tranżazzjoni sottostanti.

    (17)Is-servizzi taxxabbli li jikkonsistu fit-trażmissjoni ta’ dejta miġbura dwar l-utenti jenħtieġ li jkopru biss id-dejta li tkun ġiet iġġenerata mill-attivitajiet ta’ tali utenti f’interfaċċi diġitali, iżda mhux id-dejta li tkun ġiet iġġenerata minn sensuri jew b’mezzi oħra u li tkun inġabret b’mod diġitali. Dan għaliex is-servizzi li jaqgħu fl-ambitu tat-TSD jenħtieġ li jkunu dawk li jużaw l-interfaċċi diġitali bħala mod kif joħolqu l-input mill-utenti li jimmonetizzaw, pjuttost milli dawk is-servizzi li jużaw l-interfaċċi biss bħala mod kif jittrażmettu d-dejta li tkun ġiet iġġenerata mod ieħor. Għaldaqstant, jenħtieġ li t-TSD ma tkunx taxxa fuq il-ġbir tad-dejta, lanqas fuq l-użu tad-dejta miġbura minn negozju għall-iskopijiet interni tiegħu, u lanqas fuq il-qsim tad-dejta miġbura minn negozju ma’ partijiet oħra b’xejn. Jenħtieġ li t-TSD timmira lejn il-ġenerazzjoni ta’ dħul mit-trażmissjoni tad-dejta miksuba minn attività speċifika ħafna (l-attivitajiet tal-utenti fuq l-interfaċċi diġitali).

    (18)Is-servizzi rregolati fil-punti (1) sa (9) tat-Taqsima A tal-Anness I tad-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 29 , u pprovduti minn ċentri ta’ negozjar jew minn internalizzaturi sistematiċi, kif iddefiniti f’dik id-Direttiva, jew minn fornituri ta’ servizzi ta’ crowdfunding irregolat, jenħtieġ li ma jaqgħux fl-ambitu tat-TSD. Barra minn hekk, is-servizzi li jikkonsistu fl-iffaċilitar tal-għoti ta’ self, u li huma pprovduti minn fornituri ta’ servizzi ta’ crowdfunding irregolat, jenħtieġ li ma jaqgħux fl-ambitu tat-TSD. “Fornituri ta’ servizzi ta’ crowdfunding irregolat” tirreferi għall-fornituri ta’ servizzi li huma soġġetti għal kwalunkwe regola futura tal-Unjoni adottata skont l-Artikolu 114 tat-TFUE għar-regolamentazzjoni tas-servizzi ta’ crowdfunding.

    (19)L-interfaċċi diġitali b’diversi naħat li jippermettu lill-utenti jirċievu jew isiru jafu dwar servizzi ta’ eżekuzzjoni tan-negozju, servizzi ta’ investiment jew servizzi ta’ riċerka għall-investiment, bħal dawk li jagħmlu disponibbli l-entitajiet imsemmija hawn fuq, ta’ sikwit jimplikaw l-interazzjoni bejn l-utenti. Madankollu, l-utent ma jiżvolġix rwol ċentrali fil-ħolqien tal-valur għall-entità li tagħmel disponibbli interfaċċa diġitali. Minflok, il-valur jinsab fil-kapaċità ta’ tali entità li tlaqqa’ lix-xerrejja u lill-bejjiegħa ta’ prodotti finanzjarji skont kundizzjonijiet speċifiċi u distintivi li mod ieħor ma jkunux preżenti (imqabbel, ngħidu aħna, ma’ tranżazzjonijiet li jiġu konklużi direttament bejn il-kontropartijiet ’il barra minn tali interfaċċi). Servizz li jikkonsisti fit-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ interfaċċa diġitali minn tali entità jmur lil hinn mis-sempliċi ffaċilitar tat-tranżazzjonijiet fi strumenti finanzjarji bejn l-utenti ta’ tali interfaċċa. B’mod partikulari, is-servizzi rregolati li huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva jimmiraw li jipprovdu ambjent sikur għat-tranżazzjonijiet finanzjarji. Għaldaqstant, l-entità li tipprovdi dawn is-servizzi tiddetermina l-kundizzjonijiet speċifiċi li bihom tali tranżazzjonijiet finanzjarji jistgħu jiġu eżegwiti sabiex tiggarantixxi elementi essenzjali, fosthom il-kwalità tal-eżekuzzjoni tat-tranżazzjonijiet, il-livell ta’ trasparenza fis-suq, u t-trattament ġust tal-investituri. Fl-aħħar nett, tali servizzi għandhom l-għan essenzjali u distint li jiffaċilitaw il-finanzjament, l-investimenti jew it-tfaddil.

    (20)Fir-rigward tal-pjattaformi ta’ crowdfunding, jenħtieġ li l-investiment u s-self mogħti abbażi ta’ crowdfunding ikun ’il barra mill-ambitu tat-taxxa billi l-fornituri ta’ tali servizzi jaqdu l-istess rwol bħal dak taċ-ċentri ta’ negozjar u tal-internalizzaturi sistematiċi, u għaldaqstant ma jikkostitwix intermedjazzjoni. Madankollu, jenħtieġ li s-servizzi pprovduti minn pjattaformi ta’ crowdfunding li ma jkunux ibbażati fuq investiment u self mogħti u li jikkostitwixxu intermedjazzjoni, bħal pereżempju donazzjoni jew crowdfunding abbażi ta’ premjijiet, jew is-servizzi pprovduti minn tali pjattaformi li jikkonsistu fit-tqegħid ta’ reklamar, jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva.

    (21)Billi t-trażmissjoni tad-dejta miċ-ċentri ta’ negozjar, mill-internalizzaturi sistematiċi u mill-fornituri ta’ servizzi ta’ crowdfunding irregolat hija limitata għall-provvista tas-servizzi finanzjarji rregolati deskritti hawn fuq u tifforma parti minnha, u bħala tali hija rregolata skont id-dritt tal-Unjoni, il-provvista ta’ servizzi ta’ trażmissjoni tad-dejta minn dawk l-entitajiet jenħtieġ li tkun eskluża wkoll mill-ambitu tat-TSD.

    (22)Jenħtieġ li ċerti entitajiet biss jikkwalifikaw bħala persuni taxxabbli għall-finijiet tat-TSD, irrispettivament jekk ikunux stabbiliti fi Stat Membru jew f’ġurisdizzjoni mhux tal-Unjoni. B’mod partikulari, jenħtieġ li entità tikkwalifika bħala persuna taxxabbli biss jekk tissodisfa ż-żewġ kundizzjonijiet li ġejjin: (i) l-ammont totali ta’ dħul madwar id-dinja, irrappurtat mill-entità għall-aħħar sena finanzjarja kompluta li għaliha hemm dikjarazzjoni finanzjarja disponibbli, jaqbeż is-EUR 750 000 000; u (ii) l-ammont totali ta’ dħul taxxabbli miksub mill-entità fl-Unjoni matul dik is-sena finanzjarja jaqbeż il-EUR 50 000 000.

    (23)Jenħtieġ li l-ewwel livell limitu (id-dħul totali annwali madwar id-dinja) jillimita l-applikazzjoni tat-TSD lill-kumpaniji ta’ ċerta skala, jiġifieri dawk l-iktar kapaċi li jipprovdu dawk is-servizzi diġitali li għalihom il-kontribut tal-utenti jiżvolġi rwol fundamentali, u li jiddependu bil-qawwi fuq netwerks estensivi ta’ utenti, fuq traffiku kbir ta’ utenti, u fuq l-isfruttament ta’ pożizzjoni b’saħħitha fis-suq. Tali mudelli ta’ negozju, li jiddependu fuq il-ħolqien tal-valur mill-utenti għall-ksib tad-dħul u li huma vijabbli biss jekk jitwettqu minn kumpaniji ta’ ċertu daqs, huma dawk responsabbli għad-differenza kbira bejn il-post fejn jiġu intaxxati u l-post fejn jinħoloq il-valur. Barra minn hekk, il-kumpaniji l-kbar huma l-iktar li jkollhom l-opportunità li jwettqu ppjanar aggressiv tat-taxxa. Huwa għalhekk li ġie propost l-istess livell limitu f’inizjattivi oħra tal-Unjoni 30 . Tali livell limitu huwa maħsub biex jagħti ċertezza tad-dritt, billi jkun jiffaċilita u jraħħas, għall-kumpaniji u għall-awtoritajiet tat-taxxa, id-determinazzjoni jekk entità jkollhiex l-obbligu tat-TSD. Dan il-livell limitu jeskludi wkoll lill-impriżi ż-żgħar u lill-istartups, billi l-piż tal-konformità mat-taxxa l-ġdida x’aktarx ikollu effett sproporzjonat fuqhom.

    (24)Jenħtieġ li t-tieni livell limitu (id-dħul annwali totali taxxabbli fl-Unjoni) jillimita l-applikazzjoni tat-taxxa għal każijiet fejn ikun hemm preżenza diġitali sinifikanti fil-livell tal-Unjoni b’rabta mat-tipi ta’ dħul koperti bit-TSD. Jenħtieġ li dan il-livell limitu jiġi stabbilit fil-livell tal-Unjoni, sabiex ma jqisx id-differenzi fid-daqs tas-swieq li jistgħu jeżistu fl-Unjoni.

    (25)Sabiex tikkonforma mal-qafas ġuridiku eżistenti, jenħtieġ li kwalunkwe entità li tikkwalifika bħala persuna taxxabbli u li tikseb dħul taxxabbli li jitqies li ġie miksub fi Stat Membru, tkun soġġetta għat-TSD f’dak l-Istat Membru, irrispettivament jekk dik l-entità tkunx stabbilita f’dak l-Istat Membru, fi Stat Membru ieħor jew f’ġurisdizzjoni mhux tal-Unjoni.

    (26)Jenħtieġ li jiġu stabbiliti regoli speċjali għall-entitajiet li huma parti minn grupp ikkonsolidat għall-finijiet tal-kontabbiltà finanzjarja. Id-dħul miksub minn entità permezz tal-provvista lil entitajiet oħra li huma parti mill-istess grupp ikkonsolidat għall-finijiet tal-kontabbiltà finanzjarja jenħtieġ li jkun eskluż mill-ambitu tat-taxxa l-ġdida. Għall-finijiet tad-determinazzjoni jekk entità tkunx ’il fuq mil-livelli limitu applikabbli u b’hekk tikkwalifika bħala persuna taxxabbli, jenħtieġ li l-livelli limitu jiġu applikati fir-rigward tad-dħul totali tal-grupp ikkonsolidat.

    (27)Sabiex jittaffew każijiet possibbli ta’ tassazzjoni doppja fejn l-istess dħul ikun soġġett għat-taxxa korporattiva u għat-TSD, huwa mistenni li l-Istati Membri jippermettu lin-negozji jnaqqsu t-TSD imħallsa bħala kost mill-bażi tat-taxxa korporattiva fit-territorju tagħhom, irrispettivament jekk iż-żewġ taxxi jitħallsux fl-istess Stat Membru jew fi Stati Membri differenti.

    (28)Jenħtieġ li d-dħul taxxabbli ta’ entità jitqies daqslikieku nkiseb fi Stat Membru f’perjodu tat-taxxa jekk l-utenti fir-rigward ta’ servizz taxxabbli pprovdut minn dik l-entità jinsabu f’dak l-Istat Membru. Jenħtieġ li utent jitqies li jinsab fi Stat Membru f’perjodu tat-taxxa abbażi ta’ ċerti regoli speċifiċi, iddeterminati għal kull wieħed mis-servizzi taxxabbli, u abbażi tal-post fejn ikun intuża l-apparat ta’ utent.

    (29)Fejn l-utenti fir-rigward ta’ servizz taxxabbli partikulari jinsabu fi Stati Membri jew f’ġurisdizzjonijiet tal-Unjoni differenti, jenħtieġ li d-dħul taxxabbli rilevanti miksub minn dak is-servizz jiġi allokat lil kull Stat Membru b’mod proporzjonali abbażi ta’ ċerti kjavi ta’ kontribuzzjoni speċifiċi. Jenħtieġ li tali kjavi jiġu stabbiliti skont in-natura ta’ kull servizz taxxabbli u l-elementi distintivi li jiskattaw it-twassil ta’ dħul għall-fornituri ta’ tali servizz.

    (30)Fil-każ ta’ servizz taxxabbli li jikkonsisti fit-tqegħid ta’ reklamar fuq interfaċċa diġitali, l-għadd ta’ drabi li reklam ikun deher fuq l-apparati tal-utenti f’perjodu tat-taxxa fi Stat Membru jenħtieġ li jitqies għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-proporzjon tad-dħul taxxabbli li jrid jiġi allokat lil dak l-Istat Membru f’dak il-perjodu tat-taxxa.

    (31)Fejn jidħol it-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-interfaċċi diġitali b’diversi naħat, sabiex jiġi ddeterminat il-proporzjon ta’ dħul taxxabbli li jrid jiġi allokat lil Stat Membru, jenħtieġ li ssir distinzjoni bejn il-każijiet fejn l-interfaċċa tiffaċilita tranżazzjonijiet sottostanti direttament bejn l-utenti, u l-każijiet fejn l-interfaċċa ma tagħmilx dan. F’każijiet li jinvolvu l-iffaċilitar ta’ tranżazzjonijiet sottostanti, l-allokazzjoni tad-dħul taxxabbli lil Stat Membru f’perjodu tat-taxxa jenħtieġ li titwettaq abbażi tal-għadd ta’ utenti li jkunu kkonkludew tali tranżazzjoni f’dak il-perjodu tat-taxxa huma u jużaw apparat f’dak l-Istat Membru. Dan għaliex hija l-azzjoni li normalment tiġġenera d-dħul għan-negozju li jagħmel disponibbli l-interfaċċa. Id-drittijiet tat-tassazzjoni fuq id-dħul tan-negozju li jagħmel disponibbli l-interfaċċa jenħtieġ li jiġu allokati lill-Istati Membri fejn jinsabu l-utenti li jikkonkludu tranżazzjonijiet sottostanti, irrispettivament jekk l-utenti humiex il-bejjiegħa jew ix-xerrejja tal-oġġetti jew tas-servizzi. Dan għaliex kemm il-bejjiegħa u kemm ix-xerrejja jiġġeneraw valur għall-interfaċċa diġitali b’diversi naħat permezz tal-parteċipazzjoni tagħhom, billi r-rwol tal-interfaċċa huwa li tlaqqa’ l-provvista u d-domanda. Madankollu, jekk is-servizz ta’ intermedjazzjoni ma jinvolvix l-iffaċilitar ta’ tranżazzjonijiet sottostanti, id-dħul tipikament jinkiseb permezz ta’ ħlasijiet perjodiċi wara li l-utent ikun irreġistra jew ikun fetaħ kont fuq interfaċċa diġitali. B’hekk, għall-finijiet tal-allokazzjoni tad-dħul taxxabbli lil Stat Membru f’perjodu tat-taxxa, jenħtieġ li jitqies l-għadd ta’ utenti f’dak il-perjodu tat-taxxa li jkollhom kont li nfetaħ bl-użu ta’ apparat f’dak l-Istat Membru, ikunx infetaħ matul dik is-sena tat-taxxa jew qabel.

    (32)Fejn tidħol it-trażmissjoni tad-dejta miġbura dwar l-utenti, l-allokazzjoni tad-dħul taxxabbli fi Stat Membru f’perjodu tat-taxxa jenħtieġ li tqis l-għadd ta’ utenti li minnhom tkun ġiet iġġenerata dejta trażmessa f’dak il-perjodu tat-taxxa, b’riżultat tal-użu ta’ apparat minn tali utenti f’dak l-Istat Membru.

    (33)L-identifikazzjoni tal-post fejn ikun intuża l-apparat ta’ utent, u għaldaqstant, il-post tat-tassazzjoni, jenħtieġ li tkun possibbli permezz tal-indirizz tal-Protokoll tal-Internet (IP) tal-apparat tal-utent, jew inkella, jekk ikun iktar preċiż, b’metodu ieħor ta’ ġeolokalizzazzjoni. Jenħtieġ li l-post tat-tassazzjoni ma jqisx jekk l-utenti jkunux ikkontribwew flus għall-ġenerazzjoni tad-dħul, il-post li minnu jkun sar il-ħlas bi skambju għall-provvisti li jiskattaw l-obbligu tat-TSD, jew il-post fejn tkun saret il-provvista possibbli ta’ oġġetti jew ta’ servizzi sottostanti miftiehma permezz ta’ interfaċċa diġitali b’diversi naħat.

    (34)Kull ipproċessar ta’ dejta personali li jsir fil-kuntest tat-TSD jenħtieġ li jitwettaq skont ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 31 , inkluż dak li jkun meħtieġ b’rabta mal-indirizzi tal-Protokoll tal-Internet jew b’mezzi oħra ta’ ġeolokalizzazzjoni. B’mod partikulari, jenħtieġ li jitqies il-bżonn li jiġu pprovduti miżuri tekniċi u organizzazzjonali xierqa għall-konformità mar-regoli marbutin mal-legalità u mas-sigurtà tal-attivitajiet tal-ipproċessar, l-għoti ta’ informazzjoni u d-drittijiet tas-soġġetti tad-dejta. Kull meta jkun possibbli, jenħtieġ li d-dejta personali ssir anonima.

    (35)Jenħtieġ li d-dħul taxxabbli jkun ugwali għad-dħul gross totali miksub minn persuna taxxabbli, nett mit-taxxa fuq il-valur miżjud u taxxi oħra simili. Jenħtieġ li d-dħul taxxabbli jiġi rrikonoxxut bħala miksub minn persuna taxxabbli fil-mument li jsir dovut, irrispettivament jekk ikunx diġà tħallas sa dak il-mument. Jenħtieġ li t-TSD tkun imponibbli fi Stat Membru fuq il-proporzjon tad-dħul taxxabbli miksub minn persuna taxxabbli f’perjodu tat-taxxa li jiġi jitqies bħala miksub f’dak l-Istat Membru, u jenħtieġ li tiġi kkalkolata billi tiġi applikata r-rata tat-TSD lil dak il-proporzjon. Jenħtieġ li jkun hemm rata unika tat-TSD fil-livell tal-Unjoni, sabiex jiġu evitati d-distorsjonijiet fis-Suq Uniku. Ir-rata tat-TSD jenħtieġ li tiġi stabbilita għal 3 %, li tippermetti li jintlaħaq bilanċ xieraq bejn id-dħul iġġenerat mit-taxxa u l-kunsiderazzjoni tal-impatti differenti tat-TSD fuq negozji b’marġnijiet tal-profitt differenti.

    (36)Il-persuni taxxabbli li jipprovdu servizzi taxxabbli jenħtieġ li jkollhom l-obbligu tal-ħlas tat-TSD, u li jkunu responsabbli li jaqdu sensiela ta’ obbligi amministrattivi. Jenħtieġ li jitwaqqaf mekkaniżmu ta’ simplifikazzjoni fil-forma ta’ punt uniku ta’ servizz għall-persuni taxxabbli bl-obbligu tat-TSD fi Stat Membru wieħed jew iktar, sabiex ikunu jistgħu jinqdew f’daqqa l-obbligi kollha tat-TSD tagħhom (l-identifikazzjoni, it-tressiq tad-dikjarazzjoni tat-TSD, u l-ħlas). Jenħtieġ li l-obbligi jinqdew fi Stat Membru wieħed (l-Istat Membru tal-identifikazzjoni), li għandu jiġbor l-informazzjoni u l-ħlas tat-TSD f’isem l-Istati Membri l-oħra fejn it-TSD tkun dovuta, u mbagħad jaqsam magħhom l-informazzjoni rilevanti u l-ammonti miġburin tat-TSD. Tali mekkaniżmu huwa mingħajr ħsara għall-fatt li t-TSD tkun dovuta mill-persuna taxxabbli direttament f’kull Stat Membru fejn it-TSD tkun dovuta. B’hekk, jenħtieġ li kull Stat Membru fejn it-TSD tkun dovuta jkun intitolat li jimponi l-ħlas tat-TSD direttament fuq il-persuna taxxabbli bl-obbligu tat-TSD, kif ukoll li jwettaq awditi tat-taxxa u miżuri ta’ kontroll immirati biex jeżaminaw l-obbligu tat-TSD ta’ persuna taxxabbli. Jenħtieġ li dawn il-miżuri ta’ infurzar u ta’ kontroll ikunu rregolati bir-regoli u bil-proċeduri applikabbli f’kull Stat Membru fejn it-TSD tkun dovuta.

    (37)Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu intitolati li jistabbilixxu obbligi ta’ kontabbiltà, ta’ żamma tar-rekords u oħrajn bil-għan li jiżguraw li t-TSD dovuta effettivament titħallas, kif ukoll miżuri oħra għall-prevenzjoni tal-evażjoni, tal-evitar u tal-abbuż tat-taxxa.

    (38)Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva fir-rigward tal-obbligi amministrattivi li jridu jinqdew u l-iskambji ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri meħtieġa għall-funzjonament tal-punt uniku ta’ servizz, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni. Jenħtieġ ukoll li l-Kummissjoni tkun tista’ tipproponi regoli komuni dwar il-kontabbiltà, iż-żamma tar-rekords jew obbligi oħra li jridu jiġu stabbiliti mill-Istati Membri. Jenħtieġ li dawk is-setgħat jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 32 .

    (39)Fejn ikun meħtieġ, jenħtieġ li l-Istati Membri jużaw id-dispożizzjonijiet adottati mill-Unjoni dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-taxxa, bħad-Direttivi tal-Kunsill 2011/16/UE 33 u 2010/24/UE 34 , jew miżuri oħra disponibbli internazzjonalment, bħall-Konvenzjoni Multilaterali dwar l-Assistenza Amministrattiva fil-Qasam tat-Taxxa, l-Artikolu 26 tal-Mudell ta’ Konvenzjoni dwar it-Taxxa tal-OECD u l-Mudell ta’ Ftehim tal-OECD dwar l-Iskambju tal-Informazzjoni fil-Qasam tat-Taxxa.

    (40)B’konformità mad-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tat-28 ta’ Settembru 2011 tal-Istati Membri u l-Kummissjoni dwar id-dokumenti ta’ spjegazzjoni 35 , l-Istati Membri impenjaw ruħhom li, f’każijiet iġġustifikati, in-notifika tal-miżuri ta’ traspożizzjoni tagħhom tkun akkumpanjata minn dokument wieħed jew iktar li jispjega r-relazzjoni bejn il-komponenti ta’ Direttiva u l-partijiet korrispondenti tal-istrumenti nazzjonali ta’ traspożizzjoni. Fir-rigward ta’ din id-Direttiva, il-leġiżlatur iqis li t-trażmissjoni ta’ dawk id-dokumenti hija ġġustifikata.

    (41)L-għanijiet ta’ din id-Direttiva huma l-protezzjoni tal-integrità tas-Suq Uniku, l-iżgurar tal-funzjonament tajjeb tiegħu, u l-evitar tad-distorsjoni tal-kompetizzjoni. Peress li dawn l-għanijiet, fid-dawl tan-natura tagħhom, ma jistgħux jintlaħqu b’mod xieraq mill-Istati Membri iżda jistgħu jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, b’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. B’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħqu dawk l-għanijiet,

    ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

    Kapitolu 1

    SUĠĠETT U DEFINIZZJONIJIET

    Artikolu 1

    Suġġett

    Din id-Direttiva tistabbilixxi s-sistema komuni ta’ taxxa fuq is-servizzi diġitali (“TSD”) fir-rigward tad-dħul idderivat mill-provvista ta’ ċerti servizzi diġitali.

    Artikolu 2

    Definizzjonijiet

    Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    (1)“entità” tfisser kwalunkwe persuna ġuridika jew arranġament ġuridiku li jwettqu negozju permezz ta’ kumpanija jew permezz ta’ struttura li tkun trasparenti għall-finijiet tat-taxxa;

    (2)“grupp ikkonsolidat għall-finijiet tal-kontabbiltà finanzjarja” tfisser l-entitajiet kollha li huma inklużi bis-sħiħ f’dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati mfassla skont l-Istandards Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju jew skont sistema nazzjonali ta’ rappurtar finanzjarju;

    (3)“interfaċċa diġitali” tfisser kwalunkwe softwer, inklużi sit web jew parti minnu u applikazzjonijiet, fosthom applikazzjonijiet mobbli, aċċessibbli mill-utenti;

    (4)“utent” tfisser kwalunkwe individwu jew negozju;

    (5)“kontenut diġitali” tfisser dejta pprovduta f’forma diġitali, bħal programmi informatiċi, applikazzjonijiet, mużika, vidjo, test, logħob jew kull softwer ieħor, għajr id-dejta rrappreżentata minn interfaċċa diġitali;

    (6)“indirizz tal-Protokoll tal-Internet (IP)” tfisser serje ta’ ċifri assenjati lil apparati imqabbda ma’ netwerk li jiffaċilitaw il-komunikazzjoni bejniethom fuq l-internet;

    (7)“perjodu tat-taxxa” tfisser sena kalendarja.

    Artikolu 3

    Dħul taxxabbli

    1.It-tipi ta’ dħul minn entità dderivati mill-provvista ta’ kull wieħed mis-servizzi li ġejjin għandhom jikkwalifikaw bħala “dħul taxxabbli” għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

    (a)it-tqegħid fuq interfaċċa diġitali ta’ reklamar immirat lejn l-utenti tal-istess interfaċċa;

    (b)it-tqegħid ta’ interfaċċa diġitali b’diversi naħat għad-dispożizzjoni tal-utenti, li tippermetti lill-utenti jsibu utenti oħra u jinteraġixxu magħhom, u li tista’ wkoll tiffaċilita l-provvista ta’ oġġetti jew ta’ servizzi sottostanti direttament bejn l-utenti;

    (c)it-trażmissjoni ta’ dejta miġbura dwar l-utenti li tkun ġiet iġġenerata mill-attivitajiet ta’ dawk l-utenti fuq l-interfaċċi diġitali.

    2.Ir-referenza għad-dħul fil-paragrafu 1 għandha tinkludi d-dħul gross totali, nett mit-taxxa fuq il-valur miżjud u minn kull taxxa oħra simili.

    3.Il-punt (a) tal-paragrafu 1 għandu japplika irrispettivament jekk l-interfaċċa diġitali tkunx proprjetà tal-entità responsabbli għat-tqegħid ta’ reklamar fuqha. Fejn l-entità li tqiegħed ir-reklamar ma tkunx is-sid tal-interfaċċa diġitali, dik l-entità, u mhux is-sid tal-interfaċċa, għandha titqies li qiegħda tipprovdi servizz skont id-definizzjoni tal-punt (a).

    4.Il-punt (b) tal-paragrafu 1 ma għandux jinkludi:

    (d)it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ interfaċċa diġitali fejn l-għan uniku jew ewlieni tat-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-interfaċċa jkun li l-entità li tagħmilha disponibbli tkun tista’ tipprovdi kontenut diġitali lill-utenti, jew tipprovdi servizzi ta’ komunikazzjoni lill-utenti, jew tipprovdi servizzi ta’ pagament lill-utenti;

    (e)il-provvista minn ċentru ta’ negozjar jew minn internalizzatur sistematiku ta’ kwalunkwe wieħed mis-servizzi msemmija fil-punti (1) sa (9) tat-Taqsima A tal-Anness I tad-Direttiva 2014/65/UE;

    (f)il-provvista minn fornitur ta’ servizzi ta’ crowdfunding irregolat ta’ kwalunkwe wieħed mis-servizzi msemmija fil-punti (1) sa (9) tat-Taqsima A tal-Anness I tad-Direttiva 2014/65/UE, jew ta’ servizz li jikkonsisti fl-iffaċilitar tal-għoti ta’ self.

    5.Il-punt (c) tal-paragrafu 1 ma għandux jinkludi t-trażmissjoni tad-dejta minn ċentru ta’ negozju, minn internalizzatur sistematiku jew minn fornitur ta’ servizzi ta’ crowdfunding irregolat.

    6.Fil-paragrafi 4 u 5:

    (g)“ċentru ta’ negozjar” u “internalizzatur sistematiku” għandhom it-tifsiriet mogħtija fil-punti (24) u (20), rispettivament, tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/65/UE;

    (h)“fornitur ta’ servizzi ta’ crowdfunding irregolat” tfisser fornitur ta’ servizzi ta’ crowdfunding li huwa soġġett għall-awtorizzazzjoni u għas-superviżjoni skont kwalunkwe miżura ta’ armonizzazzjoni adottata skont l-Artikolu 114 tat-Trattat għar-regolamentazzjoni tas-servizzi ta’ crowdfunding.

    7.Id-dħul idderivat mill-provvista ta’ servizz skont id-definizzjoni tal-paragrafu 1 minn entità li tifforma parti minn grupp ikkonsolidat għall-finijiet tal-kontabbiltà finanzjarja lil entità oħra fl-istess grupp ma għandux jikkwalifika bħala dħul taxxabbli għall-finijiet ta’ din id-Direttiva.

    8.Jekk entità li tifforma parti minn grupp ikkonsolidat għall-finijiet tal-kontabbiltà finanzjarja tipprovdi servizz skont id-definizzjoni tal-paragrafu 1, u d-dħul idderivat mill-provvista ta’ dak is-servizz jinkiseb minn entità oħra fl-istess grupp, għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, dak id-dħul għandu jitqies li nkiseb mill-entità li tipprovdi s-servizz.

    9.Is-servizzi skont id-definizzjoni tal-paragrafu 1 huma msemmija fil-Kapitoli 2 u 3 bħala “servizzi taxxabbli”.

    Artikolu 4

    Persuna taxxabbli

    10.“Persuna taxxabbli”, fir-rigward ta’ perjodu tat-taxxa, għandha tfisser entità li tissodisfa ż-żewġ kundizzjonijiet li ġejjin:

    (i)l-ammont totali ta’ dħul madwar id-dinja rrappurtat mill-entità għas-sena finanzjarja rilevanti jaqbeż is-EUR 750 000 000;

    (j)l-ammont totali ta’ dħul taxxabbli miksub mill-entità fl-Unjoni matul dik is-sena finanzjarja rilevanti jaqbeż il-EUR 50 000 000.

    11.Fejn entità tirrapporta jew tikseb dħul f’munita differenti mill-euro, id-dħul għandu jiġi kkonvertit f’euro għall-finijiet tal-paragrafu 1 billi tiġi applikata r-rata tal-kambju kif ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fl-aħħar data tas-sena finanzjarja rilevanti, jew inkella, jekk ma tkunx ġiet ippubblikata dakinhar, ir-rata ppubblikata fil-jum ta’ qabel.

    12.Fil-paragrafi 1 u 2, “is-sena finanzjarja rilevanti” tfisser is-sena finanzjarja koperta mill-aħħar dikjarazzjoni finanzjarja disponibbli maħruġa mill-entità qabel tmiem il-perjodu tat-taxxa inkwistjoni.

    13.Ir-regola fl-Artikolu 5(1) għandha tapplika fid-determinazzjoni, skont il-paragrafu 1(b), ta’ jekk id-dħul taxxabbli jkunx inkiseb fl-Unjoni.

    14.Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, id-dħul taxxabbli għandu jiġi rrikonoxxut li ġie miksub fil-mument meta jkun sar dovut, irrispettivament jekk l-ammonti rilevanti jkunux diġà tħallsu.

    15.Jekk l-entità msemmija fil-paragrafu 1 tkun parti minn grupp ikkonsolidat għall-finijiet tal-kontabbiltà finanzjarja, dak il-paragrafu għandu japplika, minflok, għad-dħul madwar id-dinja rrappurtat mill-grupp sħiħ, u għad-dħul taxxabbli miksub fl-Unjoni mill-grupp sħiħ.

    Kapitolu 2

    IL-POST TAT-TASSAZZJONI, L-IMPONIBBILTÀ U L-KALKOLU TAT-TAXXA

    Artikolu 5

    Il-post tat-tassazzjoni

    16.Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, id-dħul taxxabbli miksub minn entità f’perjodu tat-taxxa għandu jitqies bħala miksub fi Stat Membru f’dak il-perjodu tat-taxxa jekk l-utenti fir-rigward tas-servizz taxxabbli jinsabu f’dak l-Istat Membru f’dak il-perjodu tat-taxxa.

    L-ewwel subparagrafu japplika irrispettivament jekk tali utenti jkunux ikkontribwew flus għall-ġenerazzjoni ta’ dak id-dħul.

    17.Fir-rigward ta’ servizz taxxabbli, utent għandu jitqies li jinsab fi Stat Membru f’perjodu tat-taxxa jekk:

    (k)fil-każ ta’ servizz skont id-definizzjoni tal-Artikolu 3(1)(a), ir-reklamar inkwistjoni jidher fuq l-apparat tal-utent f’mument fejn l-apparat ikun qiegħed jintuża f’dak l-Istat Membru f’dak il-perjodu tat-taxxa biex jaċċessa interfaċċa diġitali;

    (l)fil-każ ta’ servizz skont id-definizzjoni tal-Artikolu 3(1)(b):

    (i)jekk is-servizz jinvolvi interfaċċa diġitali b’diversi naħat li tiffaċilita l-provvista ta’ oġġetti jew ta’ servizzi sottostanti direttament bejn l-utenti, l-utent juża apparat f’dak l-Istat Membru f’dak il-perjodu tat-taxxa biex jaċċessa l-interfaċċa diġitali u jikkonkludi tranżazzjoni sottostanti fuq dik l-interfaċċa f’dak il-perjodu tat-taxxa;

    (ii)jekk is-servizz jinvolvi interfaċċa diġitali b’diversi naħat ta’ tip mhux kopert mill-punt (i), l-utent jkollu kont għal parti minn dak il-perjodu tat-taxxa jew għal tul il-perjodu tat-taxxa kollu, li jippermettilu jaċċessa l-interfaċċa diġitali, u dak il-kont infetaħ bl-użu ta’ apparat f’dak l-Istat Membru;

    (m)fil-każ ta’ servizz skont id-definizzjoni tal-Artikolu 3(1)(c), id-dejta ġġenerata mill-utent li jkun uża apparat f’dak l-Istat Membru biex jaċċessa interfaċċa diġitali tiġi trażmessa f’dak il-perjodu tat-taxxa, irrispettivament jekk matul dak il-perjodu tat-taxxa jew fi kwalunkwe perjodu tat-taxxa qabel.

    18.Għal kull perjodu tat-taxxa, il-proporzjon tad-dħul taxxabbli totali ta’ entità, li fil-paragrafu 1 jitqies bħala miksub fi Stat Membru, għandu jiġi ddeterminat kif ġej:

    (n)fir-rigward ta’ dħul taxxabbli li jirriżulta mill-provvista ta’ servizzi skont id-definizzjoni tal-Artikolu 3(1)(a), b’mod proporzjonali għall-għadd ta’ drabi li reklam ikun deher fuq l-apparati tal-utenti f’dak il-perjodu tat-taxxa;

    (o)fir-rigward tad-dħul taxxabbli dderivat mill-provvista ta’ servizzi skont id-definizzjoni tal-Artikolu 3(1)(b):

    (i)jekk is-servizz jinvolvi interfaċċa diġitali b’diversi naħat li tiffaċilita l-provvista ta’ oġġetti jew ta’ servizzi sottostanti direttament bejn l-utenti, b’mod proporzjonali għall-għadd ta’ utenti li jkunu kkonkludew tranżazzjonijiet sottostanti fuq l-interfaċċa diġitali f’dak il-perjodu tat-taxxa;

    (ii)jekk is-servizz jinvolvi interfaċċa diġitali b’diversi naħat ta’ tip mhux kopert mill-punt (i), b’mod proporzjonali għall-għadd ta’ utenti li jkollhom kont għal parti minn dak il-perjodu tat-taxxa jew għal tul il-perjodu tat-taxxa kollu, li jippermettilhom jaċċessaw l-interfaċċa diġitali;

    (p)fir-rigward ta’ dħul taxxabbli dderivat mill-provvista ta’ servizzi skont id-definizzjoni tal-Artikolu 3(1)(c), b’mod proporzjonali għall-għadd ta’ utenti li minnhom dejta trażmessa f’dak il-perjodu tat-taxxa tkun ġiet iġġenerata b’riżultat tal-użu mill-utenti ta’ apparat biex jaċċessaw interfaċċa diġitali, irrispettivament jekk f’dak il-perjodu tat-taxxa jew f’perjodu tat-taxxa qabel.

    19.Għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-post tat-tassazzjoni tad-dħul taxxabbli soġġett għat-TSD, l-elementi li ġejjin ma għandhomx jitqiesu:

    (q)jekk ikun hemm provvista sottostanti ta’ oġġetti jew ta’ servizzi direttament bejn l-utenti ta’ interfaċċa diġitali b’diversi naħat kif imsemmi fl-Artikolu 3(1)(b), il-post fejn issir dik il-provvista sottostanti;

    (r)il-post li minnu jsir kwalunkwe ħlas għas-servizz taxxabbli.

    20.Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, l-Istat Membru fejn jintuża l-apparat ta’ utent għandu jkun iddeterminat b’referenza għall-indirizz tal-Protokoll tal-Internet (IP) tal-apparat jew, jekk aktar preċiż, b’referenza għal kwalunkwe metodu ieħor ta’ ġeolokalizzazzjoni.

    21.Id-dejta li tista’ tinġabar mingħand l-utenti għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva għandha tkun limitata għal dejta li tindika l-Istat Membru fejn jinsabu l-utenti, mingħajr ma tippermetti l-identifikazzjoni ta’ dawk l-utenti.

    Artikolu 6

    L-imponibbiltà

    It-TSD għandha tkun imponibbli fi Stat Membru fuq il-proporzjon tad-dħul taxxabbli miksub minn persuna taxxabbli f’perjodu tat-taxxa, li skont l-Artikolu 5 jitqies bħala miksub f’dak l-Istat Membru. It-TSD għandha ssir dovuta f’dak l-Istat Membru fil-jum tax-xogħol li jmiss wara tmiem dak il-perjodu tat-taxxa.

    Artikolu 7

    Il-kalkolu tat-taxxa

    It-TSD għandha tiġi kkalkulata għal Stat Membru għal perjodu tat-taxxa billi tiġi applikata r-rata tat-TSD lill-proporzjon tad-dħul taxxabbli msemmi fl-Artikolu 6.

    Artikolu 8

    Ir-rata

    Ir-rata tat-TSD għandha tkun 3 %.

    Kapitolu 3

    OBBLIGI

    Artikolu 9

    Persuna b’obbligu ta’ ħlas u ta’ qadi tal-obbligi

    22.It-TSD għandha titħallas, u l-obbligi f’dan il-Kapitolu għandhom jinqdew, mill-persuna taxxabbli li tipprovdi s-servizzi taxxabbli.

    23.Grupp ikkonsolidat għall-finijiet tal-kontabbiltà finanzjarja għandu jkollu l-għażla li jaħtar entità waħda fl-istess grupp għall-finijiet tal-ħlas tat-TSD u tal-qadi tal-obbligi f’dan il-Kapitolu f’isem kull persuna taxxabbli f’dak il-grupp bl-obbligu tat-TSD.

    Artikolu 10

    Identifikazzjoni

    24.Persuna taxxabbli għandha tinnotifika lill-Istat Membru tal-identifikazzjoni li l-persuna taxxabbli jkollha l-obbligu tat-TSD fi Stat Membru wieħed jew iktar.

    25.In-notifika għandha ssir b’mod elettroniku sa mhux iktar tard minn 10 ijiem tax-xogħol wara tmiem l-ewwel perjodu tat-taxxa li għalih il-persuna taxxabbli jkollha l-obbligu tat-TSD skont din id-Direttiva (“l-ewwel perjodu imponibbli”).

    26.L-Istat Membru tal-identifikazzjoni għandu jkun:

    (s)l-Istat Membru fejn il-persuna taxxabbli jkollha l-obbligu tat-TSD għall-ewwel perjodu tat-taxxa imponibbli;

    (t)jekk il-persuna taxxabbli jkollha l-obbligu tat-TSD għal dak il-perjodu tat-taxxa f’aktar minn Stat Membru wieħed, kwalunkwe wieħed minn dawk l-Istati Membri skont l-għażla tal-persuna taxxabbli.

    27.In-notifika meħtieġa skont il-paragrafu 1 għandha tinkludi, mill-inqas, l-informazzjoni li ġejja fir-rigward tal-persuna taxxabbli:

    (u)l-isem;

    (v)l-isem kummerċjali, jekk differenti mill-isem;

    (w)l-indirizz postali;

    (x)l-indirizz tal-posta elettronika;

    (y)in-numru tat-taxxa nazzjonali, jekk ikollha;

    (``)l-isem ta’ kuntatt;

    (aa)in-numru tat-telefon;

    (bb)l-Istati Membri fejn il-persuna taxxabbli jkollha l-obbligu tat-TSD;

    (cc)in-numru IBAN jew OBAN.

    28.Il-persuna taxxabbli għandha tinnotifika lill-Istat Membru tal-identifikazzjoni b’kull bidla fl-informazzjoni prevista skont il-paragrafu 4.

    29.Fejn entità tinħatar skont l-Artikolu 9(2), l-informazzjoni pprovduta minn dik l-entità maħtura skont dan l-Artikolu fir-rigward ta’ kull persuna taxxabbli fil-grupp għandu jinkludi wkoll informazzjoni fir-rigward tal-entità maħtura nnifisha skont l-elementi elenkati fil-punti (a) sa (g) tal-paragrafu 4.

    30.Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni biex tiddetermina format komuni għan-notifika meħtieġa skont dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 24(2).

    Artikolu 11

    In-numru ta’ identifikazzjoni

    31.L-Istat Membru tal-identifikazzjoni għandu jalloka lill-persuna taxxabbli numru ta’ identifikazzjoni individwali għall-finijiet tat-TSD, u għandu jinnotifika dak in-numru lill-persuna taxxabbli b’mezzi elettroniċi sa mhux aktar tard minn 10 ijiem tax-xogħol mill-jum li fih tkun waslet in-notifika skont l-Artikolu 10.

    32.Kull numru ta’ identifikazzjoni individwali għandu jkollu prefiss skont il-kodiċi ISO 3166 Alpha 2, li permezz tiegħu l-Istat Membru tal-identifikazzjoni jkun jista’ jiġi identifikat. Madankollu, il-Greċja u r-Renju Unit għandhom jużaw il-prefiss “EL” u “UK” rispettivament.

    33.L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li s-sistemi ta’ identifikazzjoni tagħhom jippermettu lill-persuni taxxabbli jiġu identifikati, u għandhom iżommu reġistru tal-identifikazzjoni bin-numri ta’ identifikazzjoni individwali kollha allokati minnhom.

    Artikolu 12

    Tħassir mir-reġistru tal-identifikazzjoni

    34.Persuna taxxabbli għandha tinnotifika lill-Istat Membru tal-identifikazzjoni b’mezzi elettroniċi fi kwalunkwe miċ-ċirkustanzi li ġejjin:

    (dd)il-persuna taxxabbli ma tibqax tikseb dħul taxxabbli li jitqies skont din id-Direttiva bħala miksub fl-Unjoni;

    (ee)il-persuna taxxabbli ma tibqax tikkwalifika bħala persuna taxxabbli;

    (ff)il-persuna taxxabbli ma tibqax teżisti;

    (gg)il-persuna taxxabbli ma tibqax bl-obbligu tat-TSD fl-Unjoni għal kwalunkwe raġuni oħra.

    35.L-Istat Membru tal-identifikazzjoni għandu jħassar il-persuna taxxabbli mir-reġistru tal-identifikazzjoni fi tmiem il-perjodu ta’ 60 jum tax-xogħol wara tmiem il-perjodu tat-taxxa li fih tkun ġiet innotifikata l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1.

    36.L-Artikolu 10 għandu japplika jekk, wara t-tħassir ta’ persuna taxxabbli mir-reġistru tal-identifikazzjoni, il-persuna taxxabbli jerġa’ jkollha l-obbligu tat-TSD fl-Unjoni. Ir-referenzi fl-Artikolu 10 għall-ewwel perjodu tat-taxxa imponibbli għandhom jiġu mifhuma skont dan.

    Artikolu 13

    Bidla fl-Istat Membru tal-identifikazzjoni

    37.Fejn persuna taxxabbli tkun għażlet Stat Membru tal-identifikazzjoni skont l-Artikolu 10(3)(b), il-persuna taxxabbli għandha tkun marbuta b’dik l-għażla għall-ewwel perjodu imponibbli li għalih tkun saret in-notifika skont l-Artikolu 10, kif ukoll għaż-żewġ perjodi tat-taxxa ta’ wara.

    38.Madankollu, jekk il-persuna taxxabbli ma tibqax bl-obbligu tat-TSD f’dak l-Istat Membru tal-identifikazzjoni magħżul skont l-Artikolu 10(3)(b), il-persuna taxxabbli għandha tibdel l-Istat Membru tal-identifikazzjoni tagħha skont ir-rekwiżiti tal-Artikolu 10.

    39.Kull bidla fl-Istat Membru tal-identifikazzjoni ta’ persuna taxxabbli għandha tiġi nnotifikata lill-Istat Membru tal-identifikazzjoni eżistenti, u dik il-bidla għandha tapplika mill-perjodu tat-taxxa ta’ wara l-perjodu tat-taxxa li fih tkun ġiet innotifika dik l-informazzjoni. L-Istat Membru tal-identifikazzjoni eżistenti għandu jħassar il-persuna taxxabbli mir-reġistru tal-identifikazzjoni skont l-Artikolu 12(2).

    40.Dik il-persuna taxxabbli għandha tinnotifika lill-Istat Membru tal-identifikazzjoni l-ġdid skont l-Artikolu 10, u r-referenzi f’dak l-Artikolu għall-ewwel perjodu imponibbli għandhom ikunu għall-perjodu tat-taxxa li minnu tapplika l-bidla.

    Artikolu 14

    Id-dikjarazzjoni tat-TSD

    Persuna taxxabbli għandha tressaq dikjarazzjoni tat-TSD lill-Istat Membru tal-identifikazzjoni għal kull perjodu tat-taxxa. Id-dikjarazzjoni għandha titressaq b’mod elettroniku sa 30 jum tax-xogħol wara tmiem il-perjodu tat-taxxa kopert bid-dikjarazzjoni.

    Artikolu 15

    L-informazzjoni fid-dikjarazzjoni tat-TSD

    41.Id-dikjarazzjoni tat-TSD għandha tinkludi l-informazzjoni li ġejja:

    (hh)in-numru ta’ identifikazzjoni individwali msemmi fl-Artikolu 11;

    (ii)għal kull Stat Membru fejn tkun dovuta t-TSD għall-perjodu tat-taxxa rilevanti, l-ammont totali ta’ dħul taxxabbli, li jitqies bħala miksub mill-persuna taxxabbli f’dak l-Istat Membru f’dak il-perjodu tat-taxxa, flimkien mal-ammont ta’ TSD dovuta fuq dak l-ammont f’dak l-Istat Membru għal dak il-perjodu tat-taxxa;

    (jj)it-TSD totali dovuta mill-persuna taxxabbli fl-Istati Membri kollha għall-perjodu tat-taxxa rilevanti.

    42.Id-dikjarazzjoni tat-TSD għandha turi wkoll, fir-rigward tal-perjodu tat-taxxa, l-ammont totali ta’ dħul madwar id-dinja u l-ammont totali ta’ dħul taxxabbli fl-Unjoni applikabbli għall-finijiet tal-Artikolu 4(1).

    43.L-Istat Membru tal-identifikazzjoni jista’ jirrikjedi li d-dikjarazzjoni ssir fil-munita nazzjonali tiegħu.

    44.Malli tasal għandu dikjarazzjoni tat-TSD, l-Istat Membru tal-identifikazzjoni għandu jalloka minnufih numru ta’ dikjarazzjoni tat-TSD lid-dikjarazzjoni.

    45.L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li s-sistemi ta’ identifikazzjoni tagħhom jippermettu li d-dikjarazzjonijiet tat-TSD jiġu identifikati, u għandhom iżommu reġistru tal-identifikazzjoni tad-dikjarazzjonijiet tat-TSD bin-numri individwali kollha tad-dikjarazzjonijiet tat-TSD allokati minnhom.

    46.Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni biex tiddetermina format komuni għad-dikjarazzjoni tat-TSD u għan-numru tad-dikjarazzjoni tat-TSD. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 24(2).

    Artikolu 16

    Arranġamenti ta’ ħlas

    47.It-TSD totali dovuta minn persuna taxxabbli fl-Istati Membri kollha għal perjodu tat-taxxa għandha titħallas mill-persuna taxxabbli fl-Istat Membru tal-identifikazzjoni.

    48.It-TSD totali dovuta għandha titħallas lill-Istat Membru tal-identifikazzjoni sa mhux aktar tard minn 30 jum tax-xogħol wara tmiem il-perjodu tat-taxxa kkonċernat, u meta twettaq il-ħlas, il-persuna taxxabbli għandha tagħmel referenza għan-numru tad-dikjarazzjoni tat-TSD korrispondenti.

    49.Jekk persuna taxxabbli twettaq ħlas mingħajr referenza għan-numru tad-dikjarazzjoni tat-TSD korrispondenti, jew jekk in-numru ta’ referenza ma jikkorrispondi mal-ebda dikjarazzjoni tat-TSD pendenti, l-Istat Membru tal-identifikazzjoni jista’ jieħu passi biex jiċċara l-kwistjoni. Jekk il-kwistjoni tibqa’ ma tissolviex, il-ħlas għandu jingħata lura lill-persuna taxxabbli, u l-ħlas ma għandux jitqies li jkun sar għall-finijiet tal-paragrafi 1 u 2.

    50.Il-ħlas għandu jsir lil kont tal-bank indikat mill-Istat Membru tal-identifikazzjoni.

    51.L-Istat Membru tal-identifikazzjoni jista’ jirrikjedi li l-ħlas isir fil-munita nazzjonali tiegħu.

    52.Stat Membru tal-identifikazzjoni li jirċievi ħlas li jaqbeż it-TSD totali dovuta kif indikat fid-dikjarazzjoni tat-TSD korrispondenti għandu jagħti lura l-ammont żejjed direttament lill-persuna taxxabbli kkonċernata.

    53.Fejn Stat Membru tal-identifikazzjoni jkun irċieva ħlas fir-rigward ta’ dikjarazzjoni tat-TSD li sussegwentement ikun instab li kienet skorretta u emendata skont l-Artikolu 17, u dak l-Istat Membru diġà jkun qassam dak l-ammont lil kull Stat Membru fejn it-TSD tkun dovuta, dawk l-Istati Membri fejn it-TSD tkun dovuta għandhom jagħtu lura l-parti rispettiva tagħhom ta’ kwalunkwe ammont żejjed direttament lill-persuna taxxabbli.

    Artikolu 17

    Emendi fid-dikjarazzjoni tat-TSD

    54.Bidliet fiċ-ċifri inklużi f’dikjarazzjoni tat-TSD għandhom isiru biss permezz ta’ emendi għal dik id-dikjarazzjoni, u mhux permezz ta’ aġġustamenti f’dikjarazzjoni sussegwenti.

    55.L-emendi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jitressqu b’mod elettroniku lill-Istat Membru tal-identifikazzjoni fi żmien tliet snin mid-data li fiha kien meħtieġ li titressaq id-dikjarazzjoni inizjali. L-emendi li jsiru wara tali perjodu għandhom ikunu rregolati mir-regoli u mill-proċeduri applikabbli f’kull Stat Membru fejn it-TSD tkun dovuta.

    56.Kull ħlas addizzjonali minn persuna taxxabbli ta’ TSD dovuta, idderivat mill-emendi msemmija fil-paragrafu 1, għandu jsir lill-Istat Membru tal-identifikazzjoni skont l-Artikolu 16, u r-referenzi għat-“TSD totali dovuta” għandhom jiġu mifhuma skont dan. Kull rimborż lil persuna taxxabbli ta’ TSD imħallsa, idderivat mill-emendi msemmija fil-paragrafu 1, għandu jsir skont l-Artikolu 16(7).

    Artikolu 18

    Kontabbiltà, żamma tar-rekords, u miżuri kontra l-frodi, ta’ infurzar u ta’ kontroll

    57.L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu obbligi ta’ kontabbiltà, ta’ żamma tar-rekords u oħrajn, bil-għan li jiżguraw li t-TSD dovuta lill-awtoritajiet tat-taxxa effettivament titħallas. Tali regoli fi Stat Membru għandhom japplikaw lil kull entità b’obbligu tat-TSD f’dak l-Istat Membru, ikun liema jkun l-Istat Membru tal-identifikazzjoni ta’ dik il-persuna taxxabbli.

    58.Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni biex tiddetermina l-miżuri li jridu jittieħdu skont il-paragrafu 1. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 24(2).

    59.L-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri biex jipprevjenu l-evażjoni, l-evitar u l-abbuż tat-taxxa fir-rigward tat-TSD.

    60.Stat Membru tal-identifikazzjoni magħżul skont l-Artikolu 10 għandu jaġixxi f’isem l-Istati Membri l-oħra fejn it-TSD tkun dovuta għall-finijiet tal-obbligi f’dan il-Kapitolu, iżda t-TSD għandha tkun dovuta mill-persuna taxxabbli direttament lil kull Stat Membru fejn it-TSD tkun dovuta. B’hekk, kull Stat Membru fejn it-TSD tkun dovuta għandu jkun intitolat li jinforza l-ħlas tat-TSD direttament fuq il-persuna taxxabbli rilevanti. Għal dak il-għan, ir-regoli u l-proċeduri ta’ kull Stat Membru fejn it-TSD tkun dovuta għandhom japplikaw, inkluż ir-regoli u l-proċeduri dwar il-penali, l-imgħax u imposti oħra minħabba l-ħlas tard jew in-nuqqas ta’ ħlas tat-TSD, kif ukoll r-regoli u l-proċeduri dwar l-infurzar tad-dejn.

    61.L-awditi tat-taxxa u l-miżuri ta’ kontroll mill-Istati Membri mmirati li jeżaminaw l-informazzjoni u l-azzjonijiet kollha rilevanti għall-kalkolu tal-obbligu tat-TSD ta’ persuna taxxabbli f’dak l-Istat Membru għandhom ikunu rregolati bir-regoli u bil-proċeduri applikabbli f’dak l-Istat Membru.

    Artikolu 19

    Il-ħatra tal-awtoritajiet kompetenti

    Kull Stat Membru għandu jaħtar l-awtorità kompetenti li trid tkun responsabbli, f’dak l-Istat Membru, għall-ġestjoni tal-aspetti kollha marbutin mal-obbligi stabbiliti f’dan il-Kapitolu u fil-Kapitolu 4, u għandu jinnotifika l-isem u l-indirizz tal-posta elettronika ta’ dik l-awtorità lill-Kummissjoni. il-Kummissjoni għandha tippubblika l-ismijiet u l-indirizzi tal-posta elettronika tal-awtoritajiet kompetenti f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Kapitolu 4

    KOOPERAZZJONI AMMINISTRATTIVA

    Artikolu 20

    L-iskambju ta’ informazzjoni rigward l-identifikazzjoni

    62.L-Istat Membru tal-identifikazzjoni għandu jittrażmetti kull notifika li jirċievi skont l-Artikolu 10 lill-awtorità kompetenti ta’ kull Stat Membru fejn it-TSD tkun dovuta. In-notifika għandha tiġi trażmessa fi żmien 10 ijiem tax-xogħol mill-jum li fih waslet in-notifika.

    63.L-Istat Membru tal-identifikazzjoni għandu jinforma wkoll lil kull wieħed minn dawk l-Istati Membri bin-numru tal-identifikazzjoni individwali allokat lill-persuna taxxabbli rilevanti skont l-Artikolu 11.

    64.L-Istat Membru tal-identifikazzjoni għandu jinforma wkoll lil kull Stat Membru fejn it-TSD tkun dovuta b’kull tħassir mir-reġistru tal-identifikazzjoni mwettaq skont l-Artikolu 12, fi żmien 10 ijiem mill-jum li fih ikun sar it-tħassir.

    Artikolu 21

    L-iskambju ta’ informazzjoni rigward id-dikjarazzjoni tat-TSD

    65.L-Istat Membru tal-identifikazzjoni għandu jittrażmetti d-dikjarazzjonijiet tat-TSD, u kull emenda għal dikjarazzjoni tat-TSD li titressaqlu skont l-Artikolu 14 jew 17, lill-awtorità kompetenti ta’ kull Stat Membru fejn it-TSD tkun dovuta. Id-dikjarazzjonijiet u l-emendi għandhom jiġu trażmessi fi żmien 10 ijiem tax-xogħol mill-jum li fih ikunu waslu.

    66.Jekk dikjarazzjoni tat-TSD titressaq f’munita differenti mill-euro, l-Istat Membru tal-identifikazzjoni għandu jikkonverti l-ammont f’euro billi japplika r-rata ta’ kambju kif ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fl-aħħar data tal-perjodu tat-taxxa kopert bid-dikjarazzjoni, jew inkella, jekk ma saritx pubblikazzjoni dakinhar, fil-jum ta’ pubblikazzjoni ta’ qabel, u għandu jittrażmetti dik l-informazzjoni lill-Istati Membri rilevanti flimkien mad-dikjarazzjoni, jew mal-emendi, trażmessi lilu skont il-paragrafu 1.

    67.L-Istat Membru tal-identifikazzjoni għandu jittrażmetti lill-awtoritajiet kompetenti ta’ kull Stat Membru fejn it-TSD tkun dovuta kull informazzjoni oħra meħtieġa biex torbot kull ħlas ma’ dikjarazzjoni tat-TSD korrispondenti.

    Artikolu 22

    L-iskambju ta’ informazzjoni rigward il-ħlas

    68.L-Istat Membru tal-identifikazzjoni għandu jiżgura li l-ammont li persuna taxxabbli tkun ħallset skont l-Artikolu 16 u li tikkorrispondi għat-TSD dovuta fi Stat Membru differenti mill-Istat Membru tal-identifikazzjoni, jiġi ttrasferit lill-awtorità kompetenti ta’ dak l-Istat Membru. It-trasferiment għandu jsir fi żmien 10 ijiem tax-xogħol mill-jum li fih ikun wasal il-ħlas.

    69.L-ammont imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jiġi ttrasferit f’euro fil-kont tal-bank indikat minn dak l-Istat Membru l-ieħor.

    70.L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħra bin-numru tal-kont tal-bank li għandu jintuża għall-finijiet tal-paragrafu 2.

    71.Kull ammont li jirċievi l-Istat Membru tal-identifikazzjoni f’munita differenti mill-euro għandu jiġi kkonvertit f’euro billi tiġi applikata r-rata tal-kambju kif ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fl-aħħar data tal-perjodu tat-taxxa kopert bid-dikjarazzjoni, jew inkella, jekk ma tkunx ġiet ippubblikata dakinhar, ir-rata ppubblikata fil-jum ta’ pubblikazzjoni ta’ qabel.

    72.Jekk persuna taxxabbli tħallas biss parti mit-TSD dovuta minnha, l-Istat Membru tal-identifikazzjoni għandu jiżgura li dik il-parti tiġi ttrasferita lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri fejn it-TSD tkun dovuta b’mod proporzjonali għat-taxxa dovuta f’kull Stat Membru. L-Istat Membru tal-identifikazzjoni għandu jinforma b’dan lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri fejn it-TSD tkun dovuta.

    73.Jekk Stat Membru fejn it-TSD tkun dovuta jkun ħallas lura kwalunkwe ammont żejjed direttament lill-persuna taxxabbli skont l-Artikolu 16(7), dak l-Istat Membru għandu jinforma lill-Istat Membru tal-identifikazzjoni bl-ammont ta’ dawk ir-rimborżi.

    Artikolu 23

    Il-mezzi tal-iskambju ta’ informazzjoni

    74.L-informazzjoni u d-dokumentazzjoni li jridu jiġu trażmessi skont dan il-Kapitolu għandhom jiġu trażmessi b’mod elettroniku.

    75.Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni biex tiddetermina d-dettalji tekniċi kif tali informazzjoni u dokumentazzjoni jridu jiġu trażmessi. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 24(2).

    Kapitolu 5

    DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

    Artikolu 24

    Proċedura ta’ kumitat

    76.Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn kumitat. Dan il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

    77.Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

    Artikolu 25

    Traspożizzjoni

    1.L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa mhux aktar tard mill-[31 ta’ Diċembru 2019], il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva. Għandhom jinfurmaw minnufih lill-Kummissjoni b’dan.

    Għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet mill-[1 ta’ Jannar 2020].

    Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, fihom għandu jkun hemm referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn dik ir-referenza meta ssir il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom.

    2.L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert b’din id-Direttiva.

    Artikolu 26

    Dħul fis-seħħ

    Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 27

    Destinatarji

    Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Brussell,

       Għall-Kunsill

       Il-President

    (1)    COM(2015) 192 final.
    (2)    COM(2015) 302 final.
    (3)    OECD (2015), “Addressing the Tax Challenges of the Digital Economy: Action 1 – 2015 Final Report”, OECD Publishing, Pariġi.
    (4)    OECD (2018), “Tax Challenges Arising from Digitalisation – Interim Report 2018: Inclusive Framework on BEPS”, OECD Publishing, Pariġi.
    (5)    COM(2017) 547 final.
    (6)    L-Istat tal-Unjoni 2017. Ittra ta’ intenzjoni lill-President Antonio Tajani u lill-Prim Ministru Jüri Ratas, it-13 ta’ Settembru 2017, disponibbli fuq https://ec.europa.eu/commission/sites/beta-political/files/letter-of-intent-2017_mt.pdf .
    (7)    Stqarrija politika: inizjattiva konġunta dwar it-tassazzjoni ta’ kumpaniji li joperaw fl-ekonomija diġitali – http://www.mef.gov.it/inevidenza/banner/170907_joint_initiative_digital_taxation.pdf imressqa mill-Ġermanja, Franza, l-Italja u Spanja lill-Presidenza Estonjana tal-Kunsill f'Settembru 2017.
    (8)

       Laqgħa tal-Kunsill Ewropew (id-19 ta’ Ottubru 2017) – Konklużjonijiet (dok. EUCO 14/17).

    (9)    Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-5 ta’ Diċembru 2017 – Ir-reazzjoni għall-isfidi tat-tassazzjoni tal-profitti tal-ekonomija diġitali (FISC 346 ECOFIN 1092).
    (10)    Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li tistabbilixxi r-regoli dwar it-tassazzjoni korporattiva ta’ preżenza diġitali sinifikanti (COM(2018) 147 final).
    (11)    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tassazzjoni korporattiva ta’ preżenza diġitali sinifikanti (C(2018) 1650 final).
    (12)    COM(2016) 685 final u COM(2016) 683 final.
    (13)    Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2017/2455 tal-5 ta’ Diċembru 2017 li temenda d-Direttiva 2006/112/KE u d-Direttiva 2009/132/KE fir-rigward ta’ ċerti obbligi tat-taxxa fuq il-valur miżjud għall-provvisti ta’ servizzi u għall-bejgħ mill-bogħod ta’ oġġetti (ĠU L 348, 29.12.2017, p. 7).
    (14)    COM(2016) 148 final.
    (15)    COM(2018) 147 final.
    (16)    C(2018) 1650 final.
    (17)    COM(2018) 146 final.
    (18)    COM(2015) 192 final.
    (19)    SWD(2018) 81 final.
    (20)    SWD(2018) 81 final.
    (21)    Id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349).
    (22)    ĠU C , , p. .
    (23)    ĠU C , , p. .
    (24)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar Strateġija għal Suq Uniku Diġitali għall-Ewropa (COM(2015) 192 final tas-6 ta’ Mejju 2015).
    (25)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill “Sistema tat-Taxxa Ġusta u Effiċjenti fl-Unjoni Ewropea għas-Suq Uniku Diġitali” (COM(2017) 547 final tal-21 ta' Settembru 2017).
    (26)    Nirreaġixxu għall-isfidi tat-tassazzjoni tal-profitti tal-ekonomija diġitali – il-konklużjonijiet tal-Kunsill (il-5 ta’ Diċembru 2017) (FISC 346 ECOFIN 1092).
    (27)    Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li tistabbilixxi r-regoli dwar it-tassazzjoni korporattiva ta’ preżenza diġitali sinifikanti (COM(2018) 147 final).
    (28)    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tassazzjoni korporattiva ta’ preżenza diġitali sinifikanti (C(2018) 1650 final).
    (29)    Id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349).
    (30)    Ara l-Artikolu 2 tal-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar Bażi Komuni Konsolidata għat-Taxxa Korporattiva (BKKTK) (COM(2016) 683 final).
    (31)     Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).
    (32)    Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).
    (33)     Id-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE tal-15 ta’ Frar 2011 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni u li tħassar id-Direttiva 77/799/KEE (ĠU L 64. 11.3.2011. p. 1).
    (34)     Id-Direttiva tal-Kunsill 2010/24/UE tas-16 ta’ Marzu 2010 dwar l-assistenza reċiproka għall-irkupru ta’ talbiet relatati ma’ taxxi, dazji u miżuri oħra (ĠU L 84, 31.3.2010, p. 1).
    (35)    ĠU C 369, 17.12.2011, p. 14.
    Top