Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018JC0010

    Proposta Konġunta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim ta’ Sħubija Strateġika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Ġappun, min-naħa l-oħra

    JOIN/2018/10 final - 2018/0121 (NLE)

    Brussell, 27.4.2018

    JOIN(2018) 10 final

    2018/0121(NLE)

    Proposta Konġunta għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim ta’ Sħubija Strateġika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Ġappun, min-naħa l-oħra


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

    Fid-29 ta' Novembru 2012, il-Kunsill adotta Deċiżjoni li tawtorizza lill-Kummissjoni Ewropea u lir-Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà biex jinnegozjaw ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Ġappun min-naħa l-oħra. In-negozjati bdew f’April 2013 u tlestew f’April 2018.

    In-negozjati twettqu f’konsultazzjoni mal-Grupp ta’ Ħidma dwar l-Asja u l-Paċifiku (COASI), li kien maħtur bħala kumitat konsultattiv. Il-Parlament Ewropew ġie infurmat regolarment matul in-negozjati.

    Ir-Rappreżentant Għoli u l-Kummissjoni jikkunsidraw li l-objettivi stipulati mill-Kunsill fid-direttivi ta' negozjar tiegħu intlaħqu, u li l-abbozz tal-Ftehim ta’ Sħubija Strateġika jista' jiġi sottomess għall-iffirmar u l-applikazzjoni proviżorja.

    Din il-proposta tirrigwarda l-istrument legali li jawtorizza l-iffirmar u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim.

    2. L-GĦAN U L-KONTENUT TAL-FTEHIM

    L-UE u l-Ġappun għandhom storja estensiva ta’ kooperazzjoni politika, ekonomika u settorjali, li evolviet matul iż-żmien. L-UE stabbilixxiet Sħubija Strateġika mal-Ġappun fl-2001 ibbażata fuq valuri fundamentali komuni.

    Il-Ftehim ta’ Sħubija Strateġika huwa l-ewwel ftehim qafas bilaterali li qatt sar bejn l-UE u l-Ġappun. Il-Ftehim isaħħaħ ħafna s-sħubija ġenerali billi jippromwovi l-kooperazzjoni politika u settorjali u l-azzjonijiet konġunti fi kwistjonijiet ta’ interess komuni, fosthom dwar l-isfidi reġjonali u globali. Il-Ftehim se jipprovdi pedament legali biex titjieb il-kooperazzjoni bilaterali u l-kooperazzjoni f’organizzazzjonijiet u f’fora internazzjonali u reġjonali. Se jgħin biex jiġu promossi valuri u prinċipji komuni, b’mod partikolari d-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali.

    Il-Ftehim se jservi bħala pjattaforma għal kooperazzjoni eqreb u djalogu f’firxa wiesgħa ta’ kwistjonijiet bilaterali, reġjonali u multilaterali. Il-Ftehim isaħħaħ il-kooperazzjoni politika, ekonomika u settorjali f’medda wiesgħa ta’ oqsma ta’ politika, bħat-tibdil fil-klima, ir-riċerka u l-innovazzjoni, l-affarijiet marittimi, l-edukazzjoni, il-kultura, il-migrazzjoni, il-ġlieda kontra t-terroriżmu u kontra l-kriminalità organizzata u ċ-ċiberkriminalità. Itenni l-impenn tal-Partijiet biex jissalvagwardjaw il-paċi u s-sigurtà internazzjonali billi jipprevjenu l-proliferazzjoni tal-armi tal-qerda massiva u billi jieħdu miżuri biex jindirizzaw il-kummerċ illeċitu tal-armi ħfief u ta' kalibru żgħir.

    Huwa jistabbilixxi Kumitat Konġunt bl-objettiv li jikkoordina s-sħubija kumplessiva li hija mibnija fuq dan il-Ftehim.

    Il-Ftehim jipprevedi l-possibbiltà li tiġi sospiża l-applikazzjoni tiegħu f’każ ta’ ksur ta’ elementi essenzjali tal-Ftehim, jiġifieri l-klawżola dwar id-drittijiet tal-bniedem (l-Artikolu 2(1) tal-Ftehim) u l-klawżola dwar in-nonproliferazzjoni (l-Artikolu 5(1) tal-Ftehim). Barra minn hekk, il-Partijiet jinnutaw li f’każ bħal dan Parti tista’ tieħu miżuri xierqa oħra lil hinn mill-qafas ta’ dan il-Ftehim skont il-liġi internazzjonali.

    Il-Ftehim ta’ Sħubija Strateġika u l-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika huma parti minn kuntest ta’ negozjati wieħed u għandhom rabta legali ċara. Flimkien, dawn mistennija jipprovdu benefiċċji u opportunitajiet tanġibbli lill-popli tal-UE u tal-Ġappun.

    3.    BAŻI ĠURIDIKA GĦAD-DEĊIŻJONI PROPOSTA

    3.1. Bażi ġuridika sostantiva

    Il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja ddeċidiet 1 li miżura li ssegwi simultanjament għadd ta’ objettivi, jew li għandha diversi komponenti, li huma marbutin flimkien b’mod inseparabbli mingħajr ma wieħed ikun inċidentali għall-ieħor, u li għaldaqstant diversi dispożizzjonijiet tat-Trattat japplikaw għalihom, iridu jkunu bbażati, b’mod eċċezzjonali, fuq id-diversi bażijiet ġuridiċi korrispondenti, sakemm il-proċeduri stabbiliti għal kull bażi ġuridika ma jkunux inkompatibbli ma' xulxin.

    Il-Ftehim isegwi objettivi u għandu komponenti fl-oqsma ta’ (i) il-kooperazzjoni fil-politika barranija u ta’ sigurtà komuni (PESK) u (ii) il-kooperazzjoni ekonomika, finanzjarja u teknika ma’ pajjiżi terzi. Dawn l-aspetti tal-Ftehim huma marbuta b'mod li ma jistgħux jinfirdu minn xulxin u mingħajr ma wieħed mhu inċidentali għall-ieħor.

    Il-bażi ġuridika tad-deċiżjoni proposta għandha għalhekk tinkludi l-Artikolu 37 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u l-Artikolu 212 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

    3.2. Il-bażi ġuridika proċedurali

    L-Artikolu 218(5) tat-TFUE jipprevedi l-adozzjoni ta' deċiżjoni li tawtorizza l-iffirmar ta' ftehim u l-applikazzjoni proviżorja tiegħu qabel ma’ jidħol fis-seħħ. It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(8) tat-TFUE jipprevedi li l-Kunsill għandu jaġixxi b'mod unanimu jekk il-ftehim ikopri qafas li għalih tkun meħtieġa l-unanimità biex jiġi adotta att tal-Unjoni. Il-PESK huwa qasam li fih l-anonimità hija meħtieġa għall-adozzjoni ta' att tal-Unjoni.

    3.3. Konklużjoni

    Għaldaqstant, jenħtieġ li l-bażi ġuridika tad-deċiżjoni proposta tkun l-Artikoli 37 tat-TUE u 212 tat-TFUE, flimkien mal-Artikoli 218(5) tat-TFUE u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(8) tat-TFUE. Ma hija meħtieġa l-ebda dispożizzjoni addizzjonali bħala bażi ġuridika 2 .

    4. ELEMENTI ĠURIDIĊI OĦRA TAL-PROPOSTA

    L-Unjoni u l-Ġappun qablu li l-iżgurar tal-implimentazzjoni tal-Ftehim malajr kemm jista’ jkun wara l-iffirmar tiegħu tkun ta’ benefiċċju reċiproku. Madankollu, minħabba restrizzjonijiet legali min-naħa Ġappuniża, ma kienx possibbli li jintuża l-lingwaġġ standard tal-UE dwar l-applikazzjoni proviżorja.

    Il-Partijiet minflok ftiehmu li ċerti partijiet tal-Ftehim se jiġu applikati “fl-istennija tad-dħul fis-seħħ tiegħu” u li jkollhom “l-istess effett legali bħallikieku l-Ftehim kien fis-seħħ bejn il-Partijiet” (ara l-Artikolu 47(2) u (3) tal-Ftehim). Dikjarazzjoni li se ssir mill-Unjoni Ewropea mal-iffirmar tal-Ftehim se tiċċara li l-effett legali tal-partijiet li se jiġu applikati sakemm jidħol fis-seħħ se jiġu interpretati b’mod li huwa konsistenti mal-Artikolu 25 “Applikazzjoni proviżorja” tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-Liġi tat-Trattati.

    5. Il-ĦTIEĠA TAD-DEĊIŻJONI PROPOSTA

    L-Artikolu 216 tat-TFUE jipprevedi li l-Unjoni tista’ tikkonkludi ftehim ma’ pajjiż terz wieħed jew aktar

    meta t-Trattati jipprevedu dan, jew meta dan ikun (i) meħtieġa sabiex jinkiseb, fil-qafas tal-politiki tal-Unjoni, wieħed mill-objettivi msemmija fit-Trattati, (ii) previst f’att tal-Unjoni li jorbot legalment, jew (iii) x’aktarx jaffettwa regoli komuni jew jibdel il-kamp tal-applikazzjoni tagħhom.

    It-Trattati jipprevedu li jiġu konklużi ftehimiet bħall-Ftehim ta’ Sħubija Strateġika, jiġifieri fl-Artikolu 37 tat-TUE u l-Artikolu 212 tat-TFUE. Barra minn hekk, il-konklużjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija Strateġika hija meħtieġa biex jinkisbu — fil-qafas tal-PESK u tal-kooperazzjoni ekonomika, finanzjarja u teknika ma’ pajjiżi terzi — l-objettivi msemmija fit-Trattati. Dawn jinkludu objettivi fl-oqsma ta’: id-drittijiet tal-bniedem, in-nonproliferazzjoni tal-armi ta' qerda massiva, il-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata, il-migrazzjoni, l-ambjent, l-enerġija, it-tibdil fil-klima, it-trasport, l-impjiegi u l-affarijiet soċjali, l-edukazzjoni u l-agrikultura. Il-Ftehim ta’ Sħubija Strateġika jqiegħed is-sħubija u l-kooperazzjoni f’livell aktar strateġiku.

    Il-Ftehim irid jiġi ffirmat qabel ma jkun jista' jiġi konkluż f’isem l-Unjoni.

    2018/0121 (NLE)

    Proposta Konġunta għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim ta’ Sħubija Strateġika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Ġappun, min-naħa l-oħra

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 37 tiegħu,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 212(1), flimkien mal-Artikolu 218(5) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(8) tiegħu 3 ,

    Wara li kkunsidra l-proposta konġunta mill-Kummissjoni Ewropea u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

    Billi:

    (1)Fid-29 ta’ Novembru 2012 il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni u lir-Rappreżentant Għoli biex jiftħu negozjati mal-Ġappun dwar ftehim qafas bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġappun.

    (2)In-negozjati ġew konklużi b’suċċess f’April 2018.

    (3)L-objettiv tal-Ftehim huwa li jsaħħaħ il-kooperazzjoni u d-djalogu f’firxa wiesgħa ta’ kwistjonijiet bilaterali, reġjonali u multilaterali.

    (4)Għalhekk, jenħtieġ li l-Ftehim jiġi ffirmat f’isem l-Unjoni Ewropea, suġġett għall-konklużjoni tiegħu f’data aktar tard.

    (5)Minħabba l-importanza li l-Ftehim jiġi implimentat malajr kemm jista’ jkun wara l-iffirmar, partijiet mill-Ftehim jenħtieġ li jiġu applikati proviżorjament.

    (6)Dikjarazzjoni li se ssir mill-Unjoni Ewropea mal-iffirmar tal-Ftehim se tiċċara li l-Artikolu 47(3) tal-Ftehim irid jiġi interpretat b’mod konsistenti mal-Artikolu 25 “Applikazzjoni proviżorja” tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-Liġi tat-Trattati u jenħtieġ li jkun approvat,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    1.L-iffirmar tal-Ftehim ta’ Sħubija Strateġika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa, u l-Ġappun, min-naħa l-oħra, huwa b'dan approvat f’isem l-Unjoni, soġġett għall-konklużjoni tal-istess Ftehim.

    2.It-test tal-Ftehim huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    1. Id-dikjarazzjoni tal-Unjoni Ewropea dwar l-Artikolu 47(3) tal-Ftehim hija b’dan approvata f’isem l-Unjoni.

    2. It-test tad-Dikjarazzjoni mill-Unjoni Ewropea dwar l-Artikolu 47(3) tal-Ftehim huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 3

    Is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill se jistabbilixxi l-istrumenti għall-għoti tal-awtorizzazzjoni sħiħa għall-iffirmar tal-Ftehim, suġġett għall-konklużjoni tiegħu, lill-persuna/i indikata/i min-negozjaturi tal-Ftehim.

    Artikolu 4

    1. Sakemm jidħol fis-seħħ, skont l-Artikolu 47 tal-Ftehim u soġġett għan-notifiki previsti fih, il-partijiet li ġejjin tal-Ftehim għandhom jiġu applikati b'mod proviżorju bejn l-Unjoni u l-Ġappun:

    l-Artikoli 1, 2, 3, 4, 5(1), 11, 12, 13, 14, 15 (bl-eċċezzjoni tal-paragrafu 2(b)), 16, 17, 18, 20, 21, 22, 23, 24, 25, 26, 27, 28, 29, 30, 31, 37, 38(1), 39, 40, 41, 42 (bl-eċċezzjoni tal-paragrafu 2(c)), 43, 44, 45, 46, 47, 48(3), 49, 50, 51.

    2. Id-data minn meta l-partijiet tal-Ftehim imsemmija fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandhom jiġu applikati b’mod proviżorju għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.

    Artikolu 5

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fi Brussell,

       Għall-Kunsill

       Il-President

    (1)    Il-Kawża C-490/10 Il-Parlament vs Il-Kunsill, ECLI: UE: C: 2012: 525(46).
    (2)    Il-Kawża C-377/12 Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, ECLI: UE: C: 2014: 1903.
    (3)    ĠU L[…], […], p. […].
    Top

    Brussell,27.4.2018

    JOIN(2018) 10 final

    Proposta Konġunta għal

    ANNESS

    ta'

    Deċiżjoni tal-Kunsill


    dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim ta’ Sħubija Strateġika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Ġappun, min-naħa l-oħra


    ANNESS

    FTEHIM TA' SĦUBIJA STRATEĠIKA BEJN L-UNJONI EWROPEA U L-ISTATI MEMBRI TAGĦHA MINN NAĦA, U L-ĠAPPUN MIN-NAĦA L-OĦRA

       

     

    L-Unjoni Ewropea, minn hawn 'il quddiem imsejħa “l-Unjoni”,

    u

    Ir-Renju tal-Belġju,

    Ir-Repubblika tal-Bulgarija,

    Ir-Repubblika Ċeka,

    Ir-Renju tad-Danimarka,

    Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja,

    Ir-Repubblika tal-Estonja,

    L-Irlanda,

    Ir-Repubblika Ellenika,

    Ir-Renju ta’ Spanja,

    Ir-Repubblika Franċiża,

    Ir-Repubblika tal-Kroazja,

    Ir-Repubblika Taljana,

    Ir-Repubblika ta’ Ċipru,

    Ir-Repubblika tal-Latvja,

    Ir-Repubblika tal-Litwanja,

    Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu

    L-Ungerija,

    Ir-Repubblika ta’ Malta,

    Ir-Renju tan-Netherlands,

    Ir-Repubblika tal-Awstrija,

    Ir-Repubblika tal-Polonja,

    Ir-Repubblika Portugiża,

    Ir-Rumanija,

    Ir-Repubblika tas-Slovenja,

    Ir-Repubblika Slovakka,

    Ir-Repubblika tal-Finlandja,

    Ir-Renju tal-Iżvezja,

    Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq,

    Partijiet Kontraenti għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u għat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, minn hawn 'il quddiem imsejħa “l-Istati Membri”,

    minn hawn 'il quddiem imsejħa "il-Parti tal-Unjoni".

    minn naħa,

    u

    L-ĠAPPUN

    min-naħa l-oħra, 

    minn hawn ’il quddiem imsejħa konġuntament “il-Partijiet”,

    WAQT LI JAFFERMAW MILL-ĠDID l-impenn tagħhom lejn il-valuri u l-prinċipji komuni, b’mod partikolari d-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, li jikkostitwixxu l-bażi għall-kooperazzjoni profonda u fit-tul tagħhom bħala sħab strateġiċi;

    IFAKKRU fir-rabtiet dejjem aktar mill-qrib imsawrin bejniethom mill-ħruġ fl-1991 tad-Dikjarazzjoni Konġunta dwar ir-Relazzjonijiet bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha u l-Ġappun;

    JIXTIEQU jibnu fuq, u jtejbu, il-kontribut siewi għar-relazzjonijiet, li sar permezz tal-ftehimiet eżistenti bejniethom f’diversi oqsma;

    JIRRIKONOXXU li l-interdipendenza globali li dejjem qed tiżdied wasslet għall-ħtieġa ta’ kooperazzjoni internazzjonali aktar profonda;

    KONXJI, f’dan ir-rigward, bħala sħab globali bl-istess ħsieb, tar-responsabbiltà kondiviża u l-impenn tagħhom sabiex jistabbilixxu ordni internazzjonali ġusta u stabbli skont il-prinċipji u l-miri tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, u sabiex jiksbu l-paċi, l-istabilità u l-prosperità fid-dinja kif ukoll is-sigurtà tal-bniedem;

    DEĊIŻI, f’dan ir-rigward, li jaħdmu mill-qrib sabiex jindirizzaw l-isfidi globali l-kbar li l-komunità internazzjonali jkollha tiffaċċja, bħall-proliferazzjoni tal-armi tal-qerda massiva, it-terroriżmu, it-tibdil fil-klima, il-faqar u l-mard infettiv, u t-theddid għall-interess komuni fil-qasam marittimu, iċ-ċiberspazju u l-ispazju;

    DEĊIŻI wkoll, f’dan ir-rigward li l-aktar reati serji ta’ tħassib għall-komunità internazzjonali inġenerali għandhom ikunu kkastigati;

    DETERMINATI, f’dan ir-rigward li jsaħħu s-sħubija globali tagħhom b’mod komprensiv billi jwessgħu r-rabtiet politiċi, ekonomiċi u kulturali tagħhom u permezz ta’ ftehimiet;

    DETERMINATI WKOLL, f’dan ir-rigward li jtejbu l-kooperazzjoni tagħhom u jżommu l-koerenza ġenerali tal-kooperazzjoni, inkluż billi jsaħħu l-konsultazzjonijiet fil-livelli kollha u billi jieħdu azzjonijiet konġunti dwar kull kwistjoni ta’ interess komuni; u

    JINNOTAW li, fil-każ li l-Partijiet jiddeċiedu, fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim, li jidħlu fi ftehimiet speċifiċi fil-qasam tal-libertà, tas-sigurtà u tal-ġustizzja u liema ftehimiet l-Unjoni Ewropea tikkonkludi skont it-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-dispożizzjonijiet ta’ dawn il-ftehimiet futuri speċifiċi ma jkunux jorbtu lir-Renju Unit u/jew lill-Irlanda sakemm l-Unjoni Ewropea, fl-istess ħin mar-Renju Unit u/jew mal-Irlanda fir-rigward tar-relazzjonijiet bilaterali preċedenti rispettivi tagħhom, ma tgħarrafx lill-Ġappun li r-Renju Unit u/jew l-Irlanda saru marbuta b’dawn il-ftehimiet bħala parti mill-Unjoni Ewropea skont il-Protokoll (Nru 21) dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u tal-Irlanda fir-rigward taż-żona tal-libertà, tas-Sigurtà u tal-Ġustizzja, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea; b'mod simili, kwalunkwe miżura sussegwenti interna għall-UE li tiġi adottata skont dak it-Titolu V biex jiġi implimentat dan il-Ftehim ma tkunx torbot lir-Renju Unit u/jew l-Irlanda sakemm dawn ma jkunux innotifikaw ix-xewqa tagħhom li jieħdu sehem jew li jaċċettaw tali miżuri f'konformità mal-Protokoll (Nru 21). Jinnotaw ukoll li tali ftehimiet speċifiċi futuri jew tali miżuri sussegwenti interni għall-UE jaqgħu taħt il-Protokoll (Nru 22) dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka annessa ma' dawk it-Trattati,

    FTIEHMU KIF ĠEJ:

    ARTIKOLU 1

    Skop u prinċipji ġenerali

    1. L-għan ta’ dan il-Ftehim huwa li:

    (a) tissaħħaħ is-sħubija ġenerali bejn il-Partijiet billi tissokta l-kooperazzjoni politika u settorjali u l-azzjonijiet konġunti dwar kwistjonijiet ta’ interess komuni fosthom dwar l-isfidi reġjonali u globali;

    (b) jiġi pprovdut pedament legali fit-tul għat-titjib tal-kooperazzjoni bilaterali kif ukoll tal-kooperazzjoni fl-organizzazzjonijiet u l-fora internazzjonali u reġjonali;

    (c) jingħata kontribut konġunt għall-paċi u l-istabilità internazzjonali permezz tal-promozzjoni tar-riżoluzzjoni paċifika ta’ tilwim f’konformità mal-prinċipji tal-ġustizzja u tal-liġi internazzjonali; u

    (d) jingħata kontribut konġunt għall-promozzjoni ta’ valuri u prinċipji komuni, b’mod partikolari d-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali.

    2. Biex isegwu l-għan stabbilit fil-paragrafu 1, il-Partijiet għandhom jimplimentaw dan il-Ftehim abbażi tal-prinċipju tar-rispett reċiproku, tas-sħubija ugwali u tar-rispett tal-liġi internazzjonali. 

    3. Il-Partijiet għandhom isaħħu s-sħubija tagħhom permezz tad-djalogu u l-kooperazzjoni dwar kwistjonijiet ta’ interess reċiproku fl-oqsma ta’ kwistjonijiet politiċi, tal-politika estera u tas-sigurtà u kooperazzjoni settorjali oħra. Għal dan il-għan, il-Partijiet għandhom jorganizzaw laqgħat f’kull livell, inkluż dawk tal-mexxejja, tal-ministri u tal-uffiċjali anzjani u jippromwovu skambji usa’ bejn in-nies tagħhom kif ukoll skambji parlamentari.

    ARTIKOLU 2

    Id-Demokrazija, l-Istat tad-dritt, id-Drittijiet tal-bniedem u l-Libertajiet fundamentali

    Il-Partijiet għandhom ikomplu jħarsu l-valuri komuni u l-prinċipji tad-demokrazija, tal-istat tad-dritt, tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali li jsostnu l-politiki domestiċi u internazzjonali tal-Partijiet. F’dan ir-rigward, il-Partijiet jaffermaw mill-ġdid ir-rispett għad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u għat-trattati internazzjonali rilevanti dwar id-drittijiet tal-bniedem li għalihom huma partijiet.

    2.  Il-Partijiet għandhom jippromwovu dawn il-valuri u l-prinċipji komuni fil-fora internazzjonali. Il-Partijiet għandhom jikkooperaw u jikkoordinaw, fejn xieraq, fil-promozzjoni u t-twettiq ta’ dawn il-valuri u l-prinċipji, inkluż ma’ pajjiżi terzi jew fihom.

    ARTIKOLU 3

    Il-promozzjoni tal-paċi u s-sigurtà

    1. Il-Partijiet għandhom jaħdmu flimkien sabiex jippromwovu l-paċi u s-sigurtà internazzjonali u reġjonali.

    2. Il-Partijiet għandhom jippromwovu b’mod konġunt ir-riżoluzzjoni paċifika tat-tilwim, inkluż fir-reġjuni rispettivi tagħhom, u jħeġġu lill-komunità internazzjonali ssolvi kwalunkwe tilwima b’mezzi paċifiċi skont il-liġi internazzjonali.

    ARTIKOLU 4

    Il-ġestjoni tal-kriżijiet

    Il-Partijiet għandhom itejbu l-iskambju tal-opinjonijiet u jagħmlu ħilithom sabiex jaġixxu b’mod konġunt fuq kwistjonijiet ta’ tħassib komuni fil-qasam tal-ġestjoni tal-kriżijiet u l-bini tal-paċi, inkluż bil-promozzjoni ta’ pożizzjonijiet komuni, b’kooperazzjoni fir-rigward ta’ riżoluzzjonijiet u deċiżjonijiet f’fora u f’organizzazzjonijiet internazzjonali, b’appoġġ għall-isforzi nazzjonali ta’ pajjiżi li joħorġu minn kunflitt sabiex tinkiseb paċi sostenibbli u b’kooperazzjoni fl-operazzjonijiet ta’ ġestjoni tal-kriżijiet u programmi u proġetti rilevanti oħrajn.

    ARTIKOLU 5

    L-armi tal-qerda massiva

    1. Il-Partijiet għandhom jikkooperaw fit-tisħiħ tar-reġim tan-nonproliferazzjoni u tad-diżarm sabiex jipprevjenu l-proliferazzjoni tal-armi tal-qerda massiva (“AQM”) u tal-mezzi li jwassluhom permezz ta’ konformità sħiħa mal-obbligi tagħhom, u tal-implimentazzjoni tagħhom, skont il-liġi internazzjonali, inklużi l-ftehimiet internazzjonali rilevanti u obbligi internazzjonali oħrajn, kif japplikaw għall-Partijiet.

    2. Il-Partijiet għandhom jippromwovu t-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari (“TNP”), li huwa l-pedament essenzjali għall-kisba tad-diżarm nukleari, il-pilastru tar-reġim globali tan-nonproliferazzjoni nukleari, u l-bażi għall-promozzjoni tal-użi paċifiċi tal-enerġija nukleari. Il-Partijiet għandhom isegwu wkoll politiki u jkomplu jikkontribwixxu b’mod attiv għall-isforzi globali għal dinja aktar sigura għal kulħadd, b’enfażi fuq l-importanza li jiġu indirizzati l-isfidi kollha għar-reġim tan-nonproliferazzjoni u tad-diżarm u l-ħtieġa li t-TNP jitmexxa ’l-quddiem u jissaħħaħ, u li jinħolqu l-kundizzjonijiet għal dinja mingħajr armi nukleari, skont il-miri tat-TNP b’mod li jippromwovi l-istabilità internazzjonali u abbażi tal-prinċipju tas-sigurtà sħiħa għal kulħadd.

    3. Il-Partijiet għandhom ikomplu jiġġieldu kontra l-proliferazzjoni tal-AQM u l-mezzi tat-twassil tagħhom l-aktar billi jiżviluppaw u jżommu sistema effettiva ta’ kontrolli tal-esportazzjoni ta’ oġġetti u teknoloġiji b’użu doppju u relatati mal-AQM, inkluż il-kontroll tal-utent aħħari u sanzjonijiet effettivi għall-ksur tal-kontrolli tal-esportazzjoni.

    4. Il-Partijiet għandhom iżommu u jtejbu d-djalogu f’dan il-qasam sabiex jikkonsolidaw l-impenji tal-Partijiet kif stabbiliti f’dan l-Artikolu.

    ARTIKOLU 6

    L-armi konvenzjonali, inklużi l-armi ħfief u ta’ kalibru żgħir

    1. Il-Partijiet għandhom jikkooperaw u jikkoordinaw fil-qasam tal-kontroll tat-trasferiment ta’ armi konvenzjonali, kif ukoll oġġetti u teknoloġiji b’użu doppju, fil-livelli globali, reġjonali, subreġjonali u domestiku bl-għan li jipprevjenu d-devjazzjoni tagħhom, jikkontribwixxu għall-paċi, is-sigurtà u l-istabilità kif ukoll għat-tnaqqis tat-tbatija tal-bniedem f’kull wieħed minn dawk il-livelli. Il-Partijiet għandhom jiżviluppaw u jimplimentaw il-politika tagħhom tal-kontroll tat-trasferiment b’mod responsabbli, fost l-oħrajn, b’kunsiderazzjoni xierqa għat-tħassib ta’ xulxin dwar is-sigurtà fil-livell globali u dik relatata mar-reġjuni tagħhom u ma’ reġjuni oħrajn.

    2. Il-Partijiet, waqt li jaffermaw mill-ġdid l-impenji rispettivi tagħhom lejn il-qafas tal-istrumenti internazzjonali rilevanti, bħat-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi, il-Programm ta’ Azzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Prevenzjoni, il-Ġlieda kontra u l-Qerda tal-Kummerċ Illeċitu tal-Armi Ħfief u ta’ Kalibru Żgħir fl-Aspetti Kollha Tiegħu u r-riżoluzzjonijiet rilevanti tan-Nazzjonijiet Uniti, għandhom jikkooperaw u, kif xieraq, jikkoordinaw skont dawk l-istrumenti sabiex jirregolaw il-kummerċ internazzjonali kif ukoll sabiex jipprevjenu u jeqirdu l-kummerċ illeċitu u d-devjazzjoni tal-armi konvenzjonali, inklużi l-armi ħfief u ta’ kalibru żgħir kif ukoll tal-munizzjon tagħhom. Il-kooperazzjoni skont dan il-paragrafu għandha, kif xieraq, tinkludi l-promozzjoni tal-universalizzazzjoni u l-appoġġ għall-implimentazzjoni sħiħa dan il-qafas f’pajjiżi terzi.

    3. Il-Partijiet għandhom iżommu u jtejbu d-djalogu li jakkumpanja u jikkonsolida l-impenn tagħhom skont dan l-Artikolu.

    ARTIKOLU 7

    Reati serji ta' tħassib internazzjonali u l-Qorti Kriminali Internazzjonali

     

    1. Il-Partijiet għandhom jikkooperaw sabiex jippromwovu l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati serji ta’ tħassib internazzjonali inkluż permezz tal-Qorti Kriminali Internazzjonali u, kif xieraq, ta’ qrati stabbiliti skont ir-riżoluzzjonijiet rilevanti tan-Nazzjonijiet Uniti.

    2. Il-Partijiet għandhom jikkooperaw fil-promozzjoni tal-objettivi tal-Istatut ta’ Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali, magħmul f’Ruma fis-17 ta’ Lulju, 1998. Għal dan il-għan, huma għandhom:

    (a) ikomplu jippromwovu l-universalità ta’ dan l-Istatut, inkluż, kif xieraq, bil-qsim tal-esperjenzi fl-adozzjoni ta’ miżuri meħtieġa għall-konklużjoni u l-implimentazzjoni tiegħu.

    (b) jissalvagwardjaw l-integrità ta’ dan l-Istatut billi jħarsu l-prinċipji ewlenin tiegħu. u

    (c) jaħdmu flimkien sabiex ikomplu jtejbu l-effettività tal-Qorti Kriminali Internazzjonali.

    ARTIKOLU 8

    Il-ġlieda kontra t-terroriżmu

    1. Il-Partijiet għandhom jaħdmu flimkien fil-livelli bilaterali, reġjonali u internazzjonali sabiex jipprevjenu u jikkumbattu l-atti ta’ terroriżmu fil-forom u l-manifestazzjonijiet kollha tiegħu skont il-liġi internazzjonali applikabbli, inklużi l-ftehimiet internazzjonali relatati mal-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-liġi umanitarja internazzjonali u l-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet umani, kif applikabbli għall-Partijiet, u l-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti.

    2. Il-Partijiet għandhom itejbu l-kooperazzjoni waqt li jikkunsidraw l-Istrateġija Globali tan-Nazzjonijiet Uniti Kontra t-Terroriżmu u r-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti.

    3. Il-Partijiet għandhom jippromwovu d-djalogu u l-iskambju ta’ informazzjoni u opinjonijiet dwar l-atti ta’ terroriżmu kollha u l-metodu u l-prattiki tagħhom, filwaqt li jirrispettaw il-ħarsien tal-privatezza u tad-dejta personali skont il-liġi internazzjonali u l-liġi domestika.

    ARTIKOLU 9

    Il-mitigazzjoni tar-riskju kimiku, bijoloġiku, radjoloġiku u nukleari

    1. Il-Partijiet għandhom itejbu l-kooperazzjoni fil-prevenzjoni, it-tnaqqis,u l-kontroll tar-riskji kimiċi, bijoloġiċi, radjoloġiċi u nukleari u r-rispons għalihom.

    2. Il-Partijiet għandhom itejbu l-kooperazzjoni bl-għan li jsaħħu l-kapaċitajiet istituzzjonali f’pajjiżi terzi sabiex dawn iġestixxu r-riskji kimiċi, bijoloġiċi, radjoloġiċi u nukleari.

    ARTIKOLU 10

    Il-kooperazzjoni internazzjonali u reġjonali u r-riforma tan-Nazzjonijiet Uniti

    1. Il-Partijiet għandhom jagħmlu ħilithom, b’appoġġ għall-impenn tagħhom lejn multilateraliżmu effettiv, sabiex jiskambjaw opinjonijiet u jtejbu l-kooperazzjoni u, fejn xieraq, jikkoordinaw il-pożizzjonijiet tagħhom fil-qafas tan-Nazzjonijiet Uniti u f’organizzazzjonijiet u f’fora oħrajn internazzjonali u reġjonali.

    2. Il-Partijiet għandhom jikkooperaw sabiex jippromwovu r-riforma tan-Nazzjonijiet Uniti sabiex isaħħu l-effiċjenza, l-effettività, it-trasparenza, l-akkontabilità, il-kapaċità u r-rappreżentattività tas-sistema sħiħa tan-Nazzjonijiet Uniti, inkluż il-Kunsill tas-Sigurtà.

    ARTIKOLU 11

    Il-politika dwar l-iżvilupp

    1. Il-Partijiet għandhom itejbu l-iskambju tal-opinjonijiet dwar il-politika tal-iżvilupp inkluż permezz ta’ djalogu regolari u, fejn xieraq, jikkoordinaw il-politiki speċifiċi tagħhom dwar l-iżvilupp sostenibbli u l-qerda tal-faqar fil-livell globali.

    2. Fejn hu xieraq, il-Partijiet għandhom jikkoordinaw il-pożizzjonijiet tagħhom dwar il-kwistjonijiet tal-iżvilupp fil-fora internazzjonali u reġjonali.

    3. Il-Partijiet għandhom jagħmlu ħilithom sabiex ikomplu jħeġġu l-iskambju tal-informazzjoni u l-kooperazzjoni bejn l-aġenziji u d-dipartimenti tal-iżvilupp rispettivi tagħhom u, fejn xieraq, il-koordinazzjoni ta’ attivitajiet fil-pajjiż.

    4. Il-Partijiet għandhom jagħmlu ħilithom ukoll sabiex jiskambjaw informazzjoni, l-aħjar prattiki u l-esperjenza fil-qasam tal-assistenza għall-iżvilupp u sabiex jikkooperaw bl-għan li jrażżnu l-flussi finanzjarji illeċiti kif ukoll jipprevjenu u jiġġieldu l-irregolaritajiet, il-frodi, il-korruzzjoni u attivitajiet illegali oħrajn li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tagħhom u tal-pajjiżi riċevitur f’kull livell.

    ARTIKOLU 12

    Il-ġestjoni tad-diżastri u l-azzjoni umanitarja

    1. Il-Partijiet għandhom itejbu l-kooperazzjoni u, fejn xieraq, jippromwovu l-koordinazzjoni fil-livell bilaterali, reġjonali u internazzjonali għall-prevenzjoni u l-mitigazzjoni tad-diżastri, għat-tħejjija u r-rispons għalihom u għall-irkupru minnhom, sabiex jonqos ir-riskju tad-diżastri u sabiex tiżdied ir-reżiljenza f’dan il-qasam.

    2. Il-Partijiet għandhom jagħmlu ħilithom sabiex jikkooperaw fl-azzjoni umanitarja inkluż f’operazzjonijiet ta’ sokkors ta' emerġenza, bl-għan li jipprovdu rispons ikkoordinat effettiv.

    ARTIKOLU 13

    Il-politiki ekonomiċi u finanzjarji

    1. Il-Partijiet għandhom itejbu l-iskambju tal-informazzjoni u l-esperjenzi bil-ħsieb li jppromwovu l-koordinazzjoni bilaterali u multilaterali tal-politiki li jappoġġjaw l-objettiv komuni tagħhom ta’ tkabbir sostenibbli u bilanċjat, ta’ trawwim tal-ħolqien tax-xogħol, tal-indirizzar tal-iżbilanċi makroekonomiċi eċċessivi u tal-ġlieda kontra kull forma ta’ protezzjoniżmu.

    2. Il-Partijiet għandhom itejbu l-iskambju tal-informazzjoni dwar il-politiki u r-regolamenti finanzjarji tagħhom bl-għan li jsaħħu l-kooperazzjoni sabiex jiżguraw l-istabilità finanzjarja u s-sostenibbiltà fiskali, inkluż billi jtejbu r-reġimi regolatorji u superviżorji għall-kontabilità, l-awditjar, l-ibbankjar, l-assigurazzjoni, is-swieq finanzjarji u partijiet oħrajn tas-settur finanzjarju b’appoġġ għall-ħidma li qed titwettaq bħalissa fl-organizzazzjonijiet u l-fora internazzjonali rilevanti.

    ARTIKOLU 14

    Ix-xjenza, it-teknoloġija u l-innovazzjoni

    Skont il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tal-Ġappun l-dwar il-Kooperazzjoni fix-Xjenza u t-Teknoloġija, magħmul fi Brussell fit-30 ta’ Novembru 2009, kif jista’ jkun emendat, il-Partijiet għandhom itejbu l-kooperazzjoni fil-qasam tax-xjenza, tat-teknoloġija u tal-innovazzjoni b’enfażi speċjali fuq il-prijoritajiet ta’ interess reċiproku.

    ARTIKOLU 15

    It-Trasport

    1. Il-Partijiet għandhom ifittxu l-kooperazzjoni billi jtejbu l-iskambju tal-informazzjoni u d-djalogu dwar il-politiki u l-prattiki tat-trasport u oqsma oħrajn ta’ interess reċiproku fil-modi ta’ trasport kollha u jikkoordinaw, fejn xieraq, il-pożizzjonijiet tagħhom fil-fora internazzjonali tat-trasport.

     

    2. L-oqsma tal-kooperazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikopru:

    (a) is-settur tal-avjazzjoni, bħas-sigurtà fl-avjazzjoni, is-sikurezza fl-avjazzjoni, il-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru, u regolamenti oħrajn rilevanti bl-objettiv li jiffaċilitaw relazzjonijiet usa’ u ta’ benefiċċju reċiproku tat-trasport bl-ajru, inkluż, jekk xieraq, permezz ta’ kooperazzjoni teknika u regolatorja u ftehimiet addizzjonali bbażati fuq interess u kunsens reċiproku.

    (b) is-settur tat-trasport marittimu;

    (c) is-settur ferrovjarju. 

    ARTIKOLU 16

    L-ispazju

    1. Il-Partijiet għandhom itejbu l-iskambju tal-opinjonijiet u l-informazzjoni dwar il-politiki u l-attivitajiet rispettivi tagħhom dwar l-ispazju.

    2. Il-partijiet għandhom jagħmlu ħilithom sabiex jikkooperaw, fejn ikun xieraq, inkluż permezz ta’ djalogu regolari, għall-esplorazzjoni u l-użu paċifiċi tal-ispazju extratmosferiku, inkluż il-kompatibbiltà reċiproka tas-sistemi ta’ navigazzjoni bis-satellita tagħhom, fl-osservazzjoni u l-monitoraġġ tad-dinja, it-tibdil fil-klima, ix-xjenza u t-teknoloġiji tal-ispazju, fl-aspetti tas-sigurtà tal-attivitajiet fl-ispazju u f’oqsma oħra ta’ interess reċiproku.

    ARTIKOLU 17

    Kooperazzjoni industrijali    

    1. Il-Partijiet għandhom jippromwovu l-kooperazzjoni industrijali sabiex itejbu l-kompetittività tal-impriżi tagħhom. Għal dan il-għan, huma għandhom itejbu l-iskambju tal-opinjonijiet u tal-aħjar prattiki dwar il-politiki industrijali rispettivi tagħhom f’oqsma bħall-innovazzjoni, it-tibdil fil-klima, l-effiċjenza fl-enerġija, l-istandardizzazzjoni, ir-responsabbiltà soċjali korporattiva, u t-titjib tal-kompetittività tal-impriżi żgħar u medji u l-appoġġ għall-internazzjonalizzazzjoni tagħhom.

    2. Il-Partijiet għandhom jiffaċilitaw l-attivitajiet ta’ kooperazzjoni stabbiliti mis-setturi pubbliċi u privati bl-għan li jtejbu l-kompetittività u l-kooperazzjoni tal-impriżi rispettivi tagħhom inkluż permezz tad-djalogu bejniethom.

    ARTIKOLU 18

    Id-dwana

     

    Il-Partijiet għandhom itejbu l-kooperazzjoni fil-qasam tad-dwana inkluż il-faċilitazzjoni tal-kummerċ leġittimu filwaqt li jiżguraw kontroll doganali effettiv u konformità mal-leġiżlazzjoni doganali kif ibbażata fuq il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tal-Ġappun dwar il-Kooperazzjoni u l-Assistenza Amministrattiva Reċiproka fil-Qasam Doganali, magħmul fi Brussell fit-30 ta’ Jannar 2008, kif jista’ jiġi emendat. Huma għandhom jiskambjaw ukoll opinjonijiet u jikkooperaw fl-oqfsa internazzjonali rilevanti.

    ARTIKOLU 19

    It-tassazzjoni

    Bl-għan li jippromwovu l-governanza tajba fil-kwistjonijiet tat-taxxa, il-Partijiet għandhom jagħmlu ħilithom sabiex itejbu l-kooperazzjoni f’konformità mal-istandards tat-taxxa stabbiliti internazzjonalment, b’mod partikolari billi jħeġġu lil pajjiżi terzi jtejbu t-trasparenza, jiżguraw l-iskambju tal-informazzjoni u jeliminaw il-prattiki dannużi tat-taxxa.

    ARTIKOLU 20

    It-turiżmu

    Il-Partijiet għandhom itejbu l-kooperazzjoni rigward l-iżvilupp sostenibbli tat-turiżmu u t-titjib tal-kompetittività tal-industriji tat-turiżmu, li jistgħu jikkontribwixxu għat-tkabbir ekonomiku, l-iskambju kulturali u l-iskambju bejn il-popli.

    ARTIKOLU 21

    Is-soċjetà tal-informazzjoni

    Il-Partijiet għandhom jiskambjaw l-opinjonijiet dwar il-politiki u r-regolamenti rispettivi tagħhom fil-qasam tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni biex itejbu l-kooperazzjoni f’oqsma ewlenin inkluż:

    (a) il-komunikazzjonijiet elettroniċi inkluża l-governanza tal-internet u s-sigurtà u s-sikurezza onlajn;

    (b) l-interkonnessjoni ta’ netwerk ta’ riċerka, inkluż f’kuntest reġjonali;

    (c) il-promozzjoni tal-attivitajiet ta’ riċerka u ta’ innovazzjoni; u

    (d) l-istandardizzazzjoni u t-tixrid ta’ teknoloġiji ġodda.

    ARTIKOLU 22

    Il-politika dwar il-konsumatur

    Il-Partijiet għandhom jippromwovu djalogi u jiskambjaw opinjonijiet dwar il-politiki u l-leġiżlazzjoni bl-għan li jiksbu livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur u jtejbu l-kooperazzjoni f’oqsma ewlenin inklużi s-sigurtà tal-prodotti, l-infurzar tal-leġiżlazzjoni dwar il-konsumaturi, l-edukazzjoni u l-għoti tas-setgħa lill-konsumaturi u r-rimedju.

    ARTIKOLU 23

    L-ambjent

    1. Il-Partijiet għandhom itejbu l-iskambju tal-opinjonijiet u tal-informazzjoni, inklużi l-aħjar prattiki, dwar il-politiki u r-regolamenti ambjentali, u jtejbu l-kooperazzjoni f’oqsma bħal:

    (a) l-użu effiċjenti tar-riżorsi;

    (b) id-diversità bijoloġika;

    (c) il-konsum u l-produzzjoni sostenibbli;

    (d) it-teknoloġiji, l-oġġetti u servizzi li jappoġġjaw il-protezzjoni ambjentali;

    (e) il-konservazzjoni u l-ġestjoni sostenibbli tal-foresti, inkluż, fejn xieraq, il-qtugħ tas-siġar illegali; u

    (f) oqsma oħrajn deċiżi fid-djalogu tal-politika rilevanti.

    2. Il-Partijiet għandhom jagħmlu ħilithom sabiex itejbu l-kooperazzjoni fil-qafas ta’ ftehimiet internazzjonali u strumenti rilevanti, kif applikabbli, kif ukoll fil-fora internazzjonali.

    ARTIKOLU 24

    It-tibdil fil-klima

    1. Il-Partijiet, waqt li jirrikonoxxu l-ħtieġa għal tnaqqis urġenti, profond u sostnut tal-emissjonijiet globali ta’ gassijiet b’effett ta’ serra sabiex iż-żieda tat-temperatura medja globali tinżamm sew taħt iż-2°C ogħla mil-livelli preindustrijali u li jitkomplew l-isforzi biex iż-żieda fit-temperatura tiġi limitata għal 1.5°C ogħla mil-livelli preindustrijali, se jieħdu l-inizjattiva fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u l-effetti negattivi tiegħu, inkluż permezz ta’ azzjonijiet domestiċi u internazzjonali sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet b'effett ta’ serra antropoġeniċi. Il-Partijiet għandhom jikkooperaw, kif xieraq, taħt il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima sabiex jiksbu l-objettiv tal-Konvenzjoni, fl-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Pariġi, u sabiex isaħħu l-qafas legali multilaterali. Huma se jfittxu wkoll li jtejbu l-kooperazzjoni f’fora internazzjonali rilevanti oħrajn.

    2. Bil-ħsieb li jippromwovu l-iżvilupp sostenibbli, il-Partijiet għandhom ifittxu wkoll il-kooperazzjoni billi jtejbu l-iskambju tal-informazzjoni, inklużi l-aħjar prattiki u fejn xieraq, jippromwovu l-koordinazzjoni tal-politiki dwar kwistjonijiet ta’ interess reċiproku fil-qasam tat-tibdil fil-klima inklużi kwistjonijiet bħal:

    (a) il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima permezz ta’ diversi miżuri bħar-riċerka u l-iżvilupp ta’ teknoloġija b'emissjoni baxxa ta' karbonju, mekkaniżmi bbażati fuq is-suq u t-tnaqqis ta’ sustanzi inkwinanti ta' ħajja qasira;

    (b) l-adattament għall-effetti avversi tat-tibdil fil-klima; u

    (c) l-assistenza lil pajjiżi terzi.

    ARTIKOLU 25

    Il-politika urbana

    Il-Partijiet għandhom itejbu l-iskambju ta’ esperjenza u prattika tajba fil-qasam tal-politiki urbani, b’mod speċjali biex jiġu indirizzati sfidi komuni f'dan il-qasam inklużi dawk maħluqa mid-dinamika demografika u mit-tibdil fil-klima. Il-Partijiet għandhom iħeġġu wkoll, fejn xieraq, dan l-iskambju ta’ esperjenzi u prattiki tajba fost il-gvernijiet lokali jew l-awtoritajiet tal-ibliet tagħhom.

    ARTIKOLU 26

    L-enerġija

    Il-Partijiet għandhom jagħmlu ħilithom sabiex itejbu l-kooperazzjoni u, fejn xieraq, il-koordinazzjoni mill-qrib fil-fora u fl-organizzazzjonijiet internazzjonali, fl-oqsma tal-enerġija inklużi s-sikurezza tal-enerġija, il-kummerċ u l-investiment globali fl-enerġija, il-funzjonament tas-swieq tal-enerġija globali, l-effiċjenza fl-enerġija, u t-teknoloġiji relatati mal-enerġija.

    ARTIKOLU 27

    L-agrikoltura

    1. Il-Partijiet għandhom jikkooperaw fuq il-politiki tal-agrikoltura, l-iżvilupp rurali u l-ġestjoni tal-foresti inklużi l-agrikoltura sostenibbli, is-sigurtà tal-ikel u l-integrazzjoni ta’ rekwiżiti ambjentali fil-politika dwar l-agrikoltura, il-politika dwar l-iżvilupp taż-żoni rurali u l-politika tal-promozzjoni u tal-kwalità tal-prodotti agrikoli tal-ikel,inklużi l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi, il-produzzjoni organika, il-prospetti agrikoli internazzjonali, il-ġestjoni sostenibbli tal-foresti u rabtiet bejn il-politiki ta’ agrikoltura sostenibbli, l-iżvilupp rurali u l-forestrija, u dawk dwar l-ambjent u t-tibdil fil-klima;

    2. Il-Partijiet għandhom itejbu l-kooperazzjoni fir-riċerka u fl-innovazzjoni fil-qasam tal-agrikoltura u tal-ġestjoni tal-foresti.

    ARTIKOLU 28

    Is-sajd

    1. Il-Partijiet għandhom jippromwovu d-djalogu u jtejbu l-kooperazzjoni dwar il-politiki tas-sajd skont l-approċċi tal-prekawzjoni u tal-ekosistema, bl-għan li jippromwovu l-konservazzjoni fit-tul, il-ġestjoni effettiva u l-użu sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd fuq il-bażi tal-aħjar informazzjoni xjentifika disponibbli.

    2. Il-Partijiet għandhom itejbu l-iskambju tal-opinjonijiet u tal-informazzjoni u jippromwovu l-kooperazzjoni internazzjonali sabiex jipprevjenu, jiskoraġġixxu u jeliminaw is-sajd illegali, mhux irrapportat u mhux irregolat.

    3. Il-Partijiet għandhom isaħħu l-kooperazzjoni fi ħdan l-organizzazzjonijiet rilevanti tal-ġestjoni tas-sajd reġjonali.

    ARTIKOLU 29

    L-affarijiet marittimi

     

    Skont il-liġi internazzjonali kif riflessa fil-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar tal-10 ta’ Diċembru 1982 (“UNCLOS”), il-Partijiet għandhom jippromwovu d-djalogu u jtejbu l-fehim reċiproku dwar l-affarijiet marittimi u jaħdmu flimkien sabiex jippromwovu:

    (a) l-istat tad-dritt f'dan il-qasam, inklużi l-libertajiet tan-navigazzjoni u tat-titjiriet minn fuq l-ibħra u l-libertajiet l-oħrajn tal-ibħra miftuħa kif rifless fl-Artikolu 87 tal-UNCLOS; u

    (b) il-konservazzjoni fit-tul, il-ġestjoni sostenibbli u għarfien aħjar tal-ekosistemi u r-riżorsi mhux ħajjin tal-ibħra u l-oċeani skont il-liġi internazzjonali applikabbli.

    ARTIKOLU 30

    L-impjiegi u l-affarijiet soċjali

    1. Il-Partijiet għandhom itejbu l-kooperazzjoni fil-qasam tal-impjiegi, l-affarijiet soċjali u x-xogħol deċenti, bħall-politiki dwar l-impjieg u s-sistema tas-sigurtà soċjali fil-kuntest tad-dimensjoni soċjali tal-globalizzazzjoni u l-bidliet demografiċi permezz tal-iskambju ta’ opinjonijiet u esperjenzi u fejn xieraq, attivitajiet ta’ kooperazzjoni dwar kwistjonijiet ta’ interess komuni.

    2. Il-Partijiet għandhom jagħmlu ħilithom sabiex jirrispettaw, jippromwovu u jwettqu standards soċjali u tax-xogħol rikonoxxuti internazzjonalment u jippromwovu xogħol deċenti fuq il-bażi tal-impenji rispettivi tagħhom lejn l-istrumenti internazzjonali rilevanti bħad-Dikjarazzjoni dwar il-Prinċipji u d-Drittijiet Fundamentali tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol adottata fl-1998 u d-Dikjarazzjoni tal-2008 dwar il-Ġustizzja Soċjali għal Globalizzazzjoni Ġusta.

     

    ARTIKOLU 31

    Is-saħħa

    Il-Partijiet għandhom itejbu l-iskambju ta’ opinjonijiet, informazzjoni u esperjenzi fil-qasam tas-saħħa sabiex jindirizzaw b’mod effettiv il-problemi transfruntiera tas-saħħa, b’mod speċjali, billi jikkooperaw fil-prevenzjoni u l-kontroll ta’ mard li jittieħed u mard li ma jitteħidx, inkluż permezz tal-promozzjoni, kif xieraq, ta’ ftehimiet internazzjonali dwar is-saħħa.

    ARTIKOLU 32

    Il-kooperazzjoni ġudizzjarja

    1. Il-Partijiet għandhom itejbu l-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali, b’mod partikolari fir-rigward tal-promozzjoni u l-effettività tal-konvenzjonijiet dwar il-kooperazzjoni ġudizzjarja ċivili.

    2. Il-Partijiet għandhom itejbu l-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali abbażi tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġappun dwar Assistenza Legali Reċiproka f’Materji Kriminali magħmul f’Tokyo fil-15 Diċembru 2009 u fi Brussell fit-30 ta’ Diċembru 2009, kif jista’ jkun emendat.

    ARTIKOLU 33

    Il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata

    Il-Partijiet għandhom itejbu l-kooperazzjoni fil-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata transnazzjonali inkluż it-traffikar tal-armi tan-nar u l-kriminalità ekonomika u finanzjarja inkluż permezz tal-promozzjoni tal-ftehimiet internazzjonali rilevanti, kif xieraq.

    ARTIKOLU 34

    Il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu.

    Il-Partijiet għandhom itejbu l-kooperazzjoni, inkluż permezz tal-iskambju ta’ informazzjoni, sabiex jipprevjenu li s-sistemi finanzjarji rispettivi tagħhom jintużaw għall-ħasil ta’ rikavat minn attività kriminali u għall-iffinanzjar tat-terroriżmu, waqt li jieħdu inkunsiderazzjoni standards rikonoxxuti universalment taħt il-korpi internazzjonali rilevanti, bħat-Task Force tal-Azzjoni Finanzjarja.

    ARTIKOLU 35

    Il-ġlieda kontra d-drogi illeċiti

    Il-Partjiet għandhom itejbu l-kooperazzjoni fil-prevenzjoni u l-ġlieda kontra d-drogi illeċiti bil-għan li:

    (a) inaqqsu l-provvista, it-traffikar u d-domanda għad-drogi illeċiti;

    (b) jipprevjenu d-devjazzjoni ta' prekursuri li jintużaw għall-manifattura illegali ta’ drogi narkotiċi jew sustanzi psikotropiċi;

    (c) jipproteġu s-saħħa u l-benesseri pubblika; u

    (d) iżarmaw in-netwerks kriminali transnazzjonali involuti fit-traffikar tad-drogi, speċjalment biex jipprevjenu l-penetrazzjoni tagħhom f’negozju kummerċjali u finanzjarju leġittimu, fost l-oħrajn permezz tal-iskambju ta’ informazzjoni u l-aħjar prattiki.

    ARTIKOLU 36

    Il-kooperazzjoni dwar il-kwistjonijiet ċibernetiċi

    1. Il-Partijiet għandhom itejbu l-iskambju ta’ opinjonijiet u informazzjoni dwar il-politiki u l-attivitajiet rispettivi tagħhom dwar il-kwistjonijiet ċibernetiċi u għandhom iħeġġu tali skambji ta’ opinjonijiet u informazzjoni fil-fora internazzjonali u reġjonali.

    2. Il-Partijiet għandhom itejbu l-kooperazzjoni sabiex jippromwovu u jipproteġu d-drittijiet tal-bniedem u l-fluss liberu tal-informazzjoni sal-massimu possibbli fiċ-ċiberspazju. Għal dan il-għan, u abbażi tal-fehim li l-liġi internazzjonali tapplika fiċ-ċiberspazju, huma għandhom jikkooperaw, fejn xieraq, fl-istabbiliment u fl-iżvilupp ta’ standards internazzjonali u fil-promozzjoni tal-bini tal-fiduċja fiċ-ċiberspazju.

    3. Il-Partijiet għandhom jikkooperaw, fejn xieraq, sabiex itejbu l-abilità ta’ pajjiżi terzi li jsaħħu ċ-ċibersigurtà tagħhom u jiġġieldu ċ-ċiberkriminalità.

    4. Il-Partijiet għandhom itejbu l-kooperazzjoni fil-prevenzjoni u fil-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità, inkluż id-distribuzzjoni ta’ kontenut illegali permezz tal-Internet.

    ARTIKOLU 37

    Ir-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri

    Il-Partijiet għandhom jagħmlu ħilithom sabiex jużaw sa fejn huwa konsistenti mal-liġijiet u mar-regolamenti rispettivi tagħhom, għodod disponibbli bħar-reġistri tal-ismijiet tal-passiġġieri sabiex jipprevjenu u jiġġieldu atti ta’ terroriżmu u reati serji, filwaqt li jirrispettaw id-dritt għall-privatezza u l-protezzjoni tad-dejta personali.

    ARTIKOLU 38

    Il-migrazzjoni

    1. Il-Partijiet għandhom jippromwovu d-djalogu dwar il-politiki fl-qasam tal-migrazzjoni bħall-migrazzjoni legali, l-immigrazzjoni irregolari, it-traffikar tal-bnedmin, l-ażil u l-ġestjoni tal-fruntieri inkluża s-sigurtà tal-viżi u tad-dokument tal-ivvjaġġar, waqt li jiġu kkunsidrati r-realtajiet soċjoekonomiċi tal-migrazzjoni.

    2. Il-Partijiet għandhom itejbu l-kooperazzjoni sabiex jipprevjenu u jikkontrollaw l-immigrazzjoni irregolari, inkluż billi jiżguraw ir-riammissjoni taċ-ċittadini tagħhom mingħajr dewmien żejjed u billi jipprovdulhom dokumenti tal-ivvjaġġar adegwati.

    ARTIKOLU 39

    Il-protezzjoni tad-dejta personali

    Il-Partijiet għandhom itejbu l-kooperazzjoni bl-għan li jiżguraw livell għoli ta’ protezzjoni tad-dejta personali.

    ARTIKOLU 40

    L-edukazzjoni, iż-żgħażagħ u l-isport

    1. Il-Partijiet għandhom itejbu l-iskambju ta’ opinjonijiet u informazzjoni dwar il-politiki tagħhom fl-oqsma tal-edukazzjoni, iż-żgħażagħ u l-isport.

    2. Il-Partijiet għandhom iħeġġu, fejn xieraq, l-attivitajiet ta’ kooperazzjoni fl-oqsma tal-edukazzjoni, taż-żgħażagħ u tal-isport bħal programmi konġunti, skambji ta’ persuni, u skambju ta’ għarfien u esperjenza.

    ARTIKOLU 41

    Il-kultura

    1. Il-Partijiet għandhom jagħmlu ħilithom sabiex itejbu l-iskambji ta’ persuni impenjati f’attivitajiet kulturali u ta’ xogħlijiet tal-arti u sabiex iwettqu, fejn xieraq, inizjattivi konġunti f’diversi oqsma kulturali, inklużi xogħlijiet awdjoviżivi bħal films.

    2. Il-Partijiet għandhom iħeġġu d-djalogu u l-kooperazzjoni bejn is-soċjetajiet ċivili u l-istituzzjonijiet fis-setturi kulturali rispettivi tagħhom sabiex itejbu l-għarfien u l-fehim reċiproku.

    3. Il-Partijiet għandhom jagħmlu ħilithom sabiex jikkooperaw f’materji ta’ interess reċiproku f’fora internazzjonali rilevanti, b’mod partikolari fl-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Edukazzjoni, ix-Xjenza u l-Kultura (UNESCO), sabiex jiġu segwiti objettivi komuni u tiġi promossa d-diversità kulturali kif ukoll il-protezzjoni tal-wirt kulturali.

    ARTIKOLU 42

    ll-Kumitat Konġunt

    1. Kumitat Konġunt magħmul minn rappreżentanti tal-Partijiet huwa hawnhekk stabbilit. Il-Kumitat Konġunt għandu jiġi kopresedut mill-Partijiet.

    2. Il-Kumitat Konġunt għandu:

    (a) jikkoordina s-sħubija ġenerali li hija mibnija fuq dan il-Ftehim;

    (b)    jitlob, kif xieraq, informazzjoni mingħand kumitati jew korpi oħrajn stabbiliti taħt ftehimiet oħrajn jew ftehimiet bejn il-Partijiet u jiskambja opinjonijiet dwar kwistjonijiet ta’ interess komuni;

    (c) jiddeċiedi dwar oqsma oħrajn ta’ kooperazzjoni li mhumiex elenkati f’dan il-Ftehim dment li jkunu konsistenti mal-għanijiet ta’ dan il-Ftehim.

    (d) jiżgura l-funzjonament tajjeb u l-implimentazzjoni effettiva ta' dan il-Ftehim;

    (e)    jagħmel ħiltu biex isolvi kwalunkwe tilwima li tinqala' mill-interpretazzjoni, mill-implimentazzjoni jew mill-applikazzjoni ta' dan il-Ftehim;

    (f) ikun forum fejn jiġi spjegat kwalunkwe tibdil rilevanti ta’ politiki, programmi jew kompetenzi rilevanti għal dan il-Ftehim; u

    (g)    jagħmel rakkomandazzjonijiet u jadotta deċiżjonijiet, fejn xieraq u jiffaċilita aspetti speċifiċi tal-kooperazzjoni abbażi ta’ dan il-Ftehim.

    3.    Il-Kumitat Konġunt għandu jieħu deċiżjonijiet b'kunsens.

    4.    Il-Kumitat Konġunt normalment għandu jiltaqa’ darba fis-sena f’Tokyo u fi Brussell b’mod alternat. Huwa għandu jitaqa’ wkoll fuq talba minn Parti jew l-oħra.

    5.    Il-Kumitat Konġunt għandu jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu.

    ARTIKOLU 43

    Is-soluzzjoni tat-tilwim

    1. Il-Partijiet għandhom jieħdu kwalunkwe azzjoni ġenerali jew speċifika meħtieġa sabiex jissodisfaw l-obbligi tagħhom taħt dan il-Ftehim, abbażi tal-prinċipji tar-rispett reċiproku, is-sħubija ugwali u r-rispett tal-liġi internazzjonali.

    Fil-każ li jinqala’ xi tilwim dwar l-interpretazzjoni, l-implimentazzjoni jew l-applikazzjoni ta' dan il-Ftehim, il-Partijiet għandhom isaħħu l-isforzi tagħhom biex jikkonsultaw u jikkooperaw ma’ xulxin sabiex isolvu l-kwistjoni fil-ħin u b'mod amikevoli.

    3.      Jekk tilwima ma tkunx tista’ tiġi solvuta skont il-paragrafu 2, kwalunkwe Parti tista’ titlob li l-kwistjoni tiġi riferuta lill-Kumitat Konġunt għal aktar diskussjoni u studju.

    4.      Il-Partijiet jikkunsidraw li ksur partikolarment serju u sostanzjali tal-obbligi deskritti fl-Artikolu 2(1) u 5(1), li rispettivament jikkostitwixxu element essenzjali tal-bażi ta’ kooperazzjoni taħt dan il-Ftehim, jista’ jkun indirizzat bħala każ ta’ urġenza speċjali, jekk il-gravità u n-natura tiegħu jkunu eċċezzjonali tant li jhedded il-paċi u s-sigurtà u jkollu riperkussjonijiet internazzjonali.

    5.      Fil-każ improbabbli u mhux mistenni li jseħħ każ ta’ urġenza speċjali kif imsemmi fil-paragrafu 4 fit-territorju ta’ Parti, il-Kumitat Konġunt għandu jikkonsulta b’mod urġenti fi żmien 15-il jum fuq it-talba tal-Parti l-oħra.

            F’każ li l-Kumitat Konġunt ma jkunx jista’ jilħaq soluzzjoni aċċettabbli mit-tnejn, huwa għandu jiltaqa’ b’mod urġenti rigward il-kwistjoni f’livell ministerjali. 

    6.      F’każ ta’ urġenza speċjali fejn ma tinstab l-ebda soluzzjoni reċiprokament aċċettabbli fil-livell ministerjali, il-Parti li għamlet it-talba msemmija fil-paragrafu 5 tista’ tiddeċiedi li tissospendi d-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim skont il-liġi internazzjonali. Barra minn hekk, il-Partijiet jinnotaw li l-Parti li għamlet it-talba msemmija fil-paragrafu 5 tista’ tieħu miżuri oħrajn xierqa lil hinn mill-qafas ta’ dan il-Ftehim skont il-liġi internazzjonali.

           Parti għandha tinnotifika d-deċiżjoni minnufih bil-miktub lill-Parti l-oħra u tapplika d-deċiżjoni għall-perjodu minimu ta' żmien meħtieġ biex tiġi riżolta l-kwistjoni b'mod aċċettabbli għall-Partijiet.

    7.      Il-Partijiet għandhom jirrevedu b’mod kostanti l-iżvilupp tal-każ ta’ urġenza speċjali li jkun wassal għad-deċiżjoni li jiġu sospiżi d-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim. Il-Parti li tinvoka s-sospensjoni tad-dispożizzjonijiet għandha tirtiraha hekk kif ikun iġġustifikat, u fi kwalunkwe każ hekk kif il-każ ta’ urġenza speċjali ma jibqax jeżisti.

    8.      Dan il-Ftehim ma għandux jaffettwa jew jippreġudika l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta' ftehimiet oħra bejn il-Partijiet. B'mod partikolari, id-dispożizzjonijiet għar-riżoluzzjoni tat-tilwim ta' dan il-Ftehim ma għandhomx jissostitwixxu jew jaffettwaw b'xi mod id-dispożizzjonijiet għar-riżoluzzjoni tat-tilwim ta' ftehimiet oħra bejn il-Partijiet.

    DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

    ARTIKOLU 44

    Mixxellanji

    Il-Kooperazzjoni u l-azzjonijiet taħt dan il-Ftehim għandhom ikunu implimentati skont il-liġijiet u r-regolamenti rispettivi tal-Partijiet.

    ARTIKOLU 45

    Id-definizzjoni tal-Partijiet

    Għall-finijiet ta' dan il-Ftehim, it-terminu “il-Partijiet” ifisser l-Unjoni jew l-Istati Membri tagħha, jew l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, skont il-kompetenzi rispettivi tagħhom, minn naħa, u l-Ġappun, min-naħa l-oħra.

    ARTIKOLU 46

    Id-divulgazzjoni ta' informazzjoni

    Xejn f'dan il-Ftehim ma għandu jiġi interpretat li jitlob lil xi Parti tipprovdi informazzjoni li l-iżvelar tagħha hija tqis li jmur kontra l-interessi tas-sigurtà essenzjali tagħha.

    ARTIKOLU 47

    Id-dħul fis-seħħ u l-applikazzjoni sakemm jidħol fis-seħħ

    1. Dan il-Ftehim għandu jiġi ratifikat mill-Ġappun u approvat jew ratifikat mill-Parti tal-Unjoni skont il-proċeduri legali rispettivi tagħhom. L-istrument ta’ ratifika mill-Ġappun u l-istrument li jikkonferma t-tlestija tal-approvazzjoni u r-ratifika mill-Parti tal-Unjoni għandhom jiġu skambjati f’Tokyo. Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tat-tieni xahar wara d-data tal-iskambju tal-istrumenti.

     

    2. Minkejja l-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, l-Unjoni u l-Ġappun għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 1, 2, 3, 4, 5(1), 11, 12, 13, 14, 15 (bl-eċċezzjoni tal-paragrafu 2(b)), 16, 17, 18, 20, 21, 22, 23, 24, 25, 26, 27, 28, 29, 30, 31, 37, 38(1), 39, 40, 41, 42 (bl-eċċezzjoni tal-paragrafu 2(c)), 43, 44, 45, 46, 47, 48(3), 49, 50 u 51 ta’ dan il-Ftehim sakemm jidħol fis-seħħ. Din l-applikazzjoni għandha tibda fl-ewwel jum tat-tieni xahar wara d-data li fiha l-Ġappun ikun innotifika lill-Unjoni dwar it-tlestija tar-ratifika mill-Ġappun jew id-data li fiha l-Unjoni tkun innotifikat lill-Ġappun dwar it-tlestija tal-proċedura legali applikabbli meħtieġa għal dak l-għan, skont liema minnhom tiġi l-aħħar. In-notifiki għandhom isiru permezz ta’ noti diplomatiċi.

     

    3. Id-dispożizzjonijiet li għandhom jiġu applikati sakemm dan il-Ftehim jidħol fis-seħħ skont il-paragrafu 2 għandu jkollhom l-istess effett legali bħallikieku l-Ftehim kien fis-seħħ bejn il-Partijiet.

    ARTIKOLU 48

    It-terminazzjoni

    1. Dan il-Ftehim għandu jibqa’ fis-seħħ sakemm ma jiġix itterminat skont il-paragrafu 2.

    2. Kull Parti tista’ tavża lill-Parti l-oħra bil-miktub li hija tkun beħsiebha twaqqaf il-Ftehim. It-terminazzjoni għandha tidħol fis-seħħ sitt xhur wara d-data li fiha l-Parti l-oħra tkun irċeviet din in-notifika.

    3. Kwalunkwe Parti tista’ tinnotifika bil-miktub lill-Parti l-oħra dwar l-intenzjoni tagħha li tittermina l-applikazzjoni fl-istennija tad-dħul fis-seħħ previst fl-Artikolu 47(2). It-terminazzjoni għandha tidħol fis-seħħ sitt xhur wara d-data li fiha l-Parti l-oħra tkun irċeviet din in-notifika.

    ARTIKOLU 49

    Adeżjonijiet futuri fl-Unjoni

    1. L-Unjoni għandha tinforma lill-Ġappun rigward kwalunkwe adeżjoni ta’ pajjiż terz mal-Unjoni.

    2. Il-Partijiet għandhom jiddiskutu kwalunkwe implikazzjoni li l-adeżjoni tal-pajjiż terz mal-Unjoni jista’ jkollha fuq dan il-Ftehim inkluż fil-qafas tal-Kumitat Konġunt.

    3. L-Unjoni għandha tinforma lill-Ġappun dwar l-iffirmar u d-dħul fis-seħħ ta’ trattat li jirrigwarda l-adeżjoni ta’ pajjiż terz mal-Unjoni.

    ARTIKOLU 50

    L-applikazzjoni territorjali

    Dan il-Ftehim għandu japplika, minn naħa waħda, għat-territorji li fihom jiġu applikati t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u bil-kundizzjonijiet stipulati f’dawk it-Trattati, u, min-naħa l-oħra, għat-territorju tal-Ġappun.

    ARTIKOLU 51

    Testijiet awtentiċi

       Dan il-Ftehim huwa magħmul b’żewġ kopji fil-lingwa Bulgara, Ċeka, Daniża, Estonjana, Finlandiża, Franċiża, Ġermaniża, Griega, Ingliża, Kroata, Latvjana, Litwanjana, Maltija, Netherlandiża, Pollakka, Portugiża, Rumena, Slovakka, Slovena, Spanjola, Taljana, Ungeriża u Żvediża, u Ġappuniża b’kull test ugwalment awtentiku. F'każ ta' xi diverġenza bejn it-testi ta' dan il-Ftehim, il-partijiet għandhom jirreferu l-kwistjoni lill-Kumitat Konġunt.

    Magħmul fi…..[post], dan…jum ta’ ….[xahar], 2018.

    Għar-Renju tal-Belġju,

    Għar-Repubblika tal-Bulgarija,

    Għar-Repubblika Ċeka,

    Għar-Renju tad-Danimarka,

    Għar-Repubblika Federali tal-Ġermanja,

    Għar-Repubblika tal-Estonja,

    Għall-Irlanda,

    Għar-Repubblika Ellenika,

    Għar-Renju ta’ Spanja,

    Għar-Repubblika Franċiża,

    Għar-Repubblika tal-Kroazja,

    Għar-Repubblika Taljana,

    Għar-Repubblika ta’ Ċipru,

    Għar-Repubblika tal-Latvja,

    Għar-Repubblika tal-Litwanja,

    Għall-Gran Dukat tal-Lussemburgu,

    Għall-Ungerija,

    Għar-Repubblika ta’ Malta,

    Għar-Renju tan-Netherlands,

    Għar-Repubblika tal-Awstrija,

    Għar-Repubblika tal-Polonja,

    Għar-Repubblika Portugiża,

    Għar-Rumanija,

    Għar-Repubblika tas-Slovenja,

    Għar-Repubblika Slovakka,

    Għar-Repubblika tal-Finlandja,

    Għar-Renju tal-Iżvezja,

    Għar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq,

    GĦALL-UNJONI EWROPEA,

    GĦALL-ĠAPPUN

    (TMIEM) 

    Top

    Brussell,27.4.2018

    JOIN(2018) 10 final

    Proposta Konġunta għal

    ANNESS

    ta'

    Deċiżjoni tal-Kunsill

    dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim ta’ Sħubija Strateġika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Ġappun, min-naħa l-oħra


    ANNESS

    DIKJARAZZJONI

    mill-Unjoni Ewropea dwar l-Artikolu 47(3) tal-Ftehim

    L-Unjoni Ewropea tiddikjara li l-Artikolu 47(3) tal-Ftehim għandu jiġi interpretat b’mod li huwa konsistenti mal-Artikolu 25 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-Liġi tat-Trattati.

     

    Top