Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018IR6337

    Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Trasformazzjoni strutturali soċjoekonomika tar-reġjuni tal-faħam fl-Ewropa

    ĠU C 39, 5.2.2020, p. 58–61 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    5.2.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 39/58


    Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Trasformazzjoni strutturali soċjoekonomika tar-reġjuni tal-faħam fl-Ewropa

    (2020/C 39/12)

    RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

    IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI

    L-appoġġ għall-għanijiet tal-politika dwar il-klima

    1.

    jilqa’ l-għanijiet tal-politika dwar il-klima tal-Istati tal-UE. Fil-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima li saret f’Diċembru 2015 f’Pariġi, 197 Stat qablu dwar ftehim globali dwar it-tibdil fil-klima, li ġie ratifikat ukoll mill-Istati tal-UE. B’dan, l-Istati jimpenjaw ruħhom li jillimitaw it-tisħin globali għal ferm anqas minn 2 °C meta mqabbel mal-era preindustrijali u jagħmlu sforzi biex jillimitaw iż-żieda fit-temperatura medja għal 1,5 °C;

    2.

    jirrimarka li fil-Komunikazzjoni tagħha għat-tħejjija tas-Summit dwar il-Klima tan-Nazzjonijiet Uniti li sar f’Katowice, il-Kummissjoni Ewropea ddikjarat li l-UE jeħtiġilha tilħaq newtralità f’termini ta’ impatt fuq il-klima sal-2050 jekk trid tkun ta’ eżempju għad-dinja. Madankollu, sabiex jintlaħaq dan l-għan, jeħtieġ li fl-aħħar mill-aħħar il-karburanti fossili jiġu evitati sal-akbar livell possibbli. B’mod partikolari, jeħtieġ li l-ġenerazzjoni tal-enerġija mill-faħam titnaqqas b’mod sinifikanti;

    3.

    jenfasizza l-fatt li attwalment il-faħam għadu jiġi prodott f’41 reġjun tal-livell 2 tan-NUTS fi 12-il Stat Membru (inkluż ir-Renju Unit). Dawn ir-reġjuni jikkondividu l-importanza ekonomika kbira tas-settur tal-faħam u l-oqsma marbuta miegħu tal-valur miżjud u l-impjiegi. Madankollu, dawn ir-reġjuni għandhom ukoll differenzi kbar bejniethom, pereżempju f’termini tal-pożizzjoni ġeografika, tal-iżvilupp ekonomiku u tal-perspettivi demografiċi;

    4.

    jirrimarka li sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-politika dwar il-klima, dawn ir-reġjuni se jkollhom jabbandunaw il-ktajjen tal-valur miżjud eżistenti li huma bbażati fuq il-minjieri tal-faħam u jistabbilixxuhom fuq bażi ġdida. Barra minn hekk, jeħtieġ li fit-terminu qasir, medju u twil, dawn jagħlqu wkoll il-minjieri tal-faħam u l-minjieri miftuħa;

    5.

    jinsisti li l-bidla strutturali soċjoekonomika fir-reġjuni tal-faħam tal-Ewropa qed issir fl-isfond ta’ sforzi li qed jiżdiedu mad-dinja kollha biex il-konsum tal-faħam jiġi eliminat gradwalment. Jiġbed l-attenzjoni, b’mod partikolari, għal sitwazzjoni normali ġdida fiċ-Ċina, li tikkonsma nofs il-produzzjoni dinjija tal-faħam u tirrappreżenta sehem simili ta’ importazzjonijiet globali, u fejn id-domanda domestika tal-faħam issa qed tilħaq il-quċċata, minkejja kapaċità eċċessiva enormi fil-produzzjoni domestika. Jenfasizza wkoll deċiżjoni tal-qorti fl-istat Awstraljan ta’ New South Wales, il-pajjiż li l-aktar jesporta faħam, li għall-ewwel darba waqqfet kumpanija milli tiżviluppa minjieri ġodda minħabba li l-investiment tagħha ma tqiesx li hu konsistenti mal-Ftehim ta’ Pariġi. Għalhekk, jappoġġja l-kooperazzjoni internazzjonali li takkumpanja l-eliminazzjoni gradwali tal-faħam, bħal pereżempju Powering Past Coal Alliance, li tinkludi, fost l-oħrajn, 30 gvern nazzjonali u 22 gvern sottonazzjonali;

    Il-mitigazzjoni tal-konsegwenzi soċjoekonomiċi li jirriżultaw mill-proċess tat-trasformazzjoni

    6.

    jenfasizza l-fatt li t-tnaqqis ulterjuri maħsub tal-produzzjoni tal-faħam u tal-ġenerazzjoni tal-enerġija mħaddma mill-faħam se jkun akkumpanjat minn trasformazzjoni sinifikanti fl-istruttura ekonomika, b’rabta ma’ tnaqqis massiv fl-impjiegi, fil-valur miżjud u fil-kapaċità tal-akkwist f’dawn ir-reġjuni. Il-maġġoranza tar-reġjuni tal-faħam huma żoni industrijali tradizzjonali, fejn l-industrijalizzazzjoni kienet marbuta mal-użu tar-riżorsi naturali lokali. Għaldaqstant, ir-reġjuni huma marbuta b’mod partikolari mal-industriji tal-ħadid, tal-azzar u tal-metall, l-industrija tal-kimika u industriji oħra li jagħmlu użu intensiv mill-enerġija; l-għan għandu jkun li tissawwar bidla strutturali fir-reġjuni tal-faħam inkwistjoni, b’mod li jkun ekonomikament ta’ suċċess, ambjentalment sostenibbli u, fuq kollox, soċjalment aċċettabbli, bil-ħsieb li tinkiseb ekonomija aktar diversifikata u b’livell baxx ta’ karbonju;

    7.

    ifakkar li bħalissa, il-produzzjoni tal-faħam għadha tħaddem 185 000 persuna madwar l-Ewropa, u 52 000 persuna oħra jaħdmu fil-ġenerazzjoni tal-enerġija mħaddma mill-faħam. L-industrija tal-faħam hija wkoll indirettament marbuta ma’ setturi differenti tal-industrija, bħalma huma l-manifattura ta’ inputs, tagħmir, servizzi u prodotti għall-konsumatur. Skont stimi ta’ studju tal-Kummissjoni Ewropea, 215 000 impjegat ieħor jiddependu fuq dawn ir-rabtiet. Skont dan l-istudju, il-pjani attwali biex jitneħħew gradwalment il-minjieri tal-faħam u l-ġenerazzjoni tal-enerġija mħaddma mill-faħam jistgħu jirriżultaw f’telf ta’ madwar 160 000 impjieg sal-2030;

    8.

    jirrimarka li l-Istati tal-UE qablu li jkunu minn ta’ quddiem nett fit-tranżizzjoni globali lejn ekonomija newtrali f’termini ta’ emissjonijiet tal-karbonju u ekonomija ċirkolari. Il-bidla profonda fis-sistema kollha tal-enerġija se tirriżulta kemm f’piżijiet kif ukoll f’opportunitajiet. It-tranżizzjoni tal-enerġija li ġiet imnedija diġà ħolqot ħafna impjiegi ġodda fl-Ewropa u għandha titkompla fid-dawl tal-ħtiġijiet futuri. Għandha tingħata attenzjoni biex ir-reġjuni tal-faħam jibbenefikaw minn dan l-iżvilupp. L-istrateġija Ewropea għall-ilħuq tal-għanijiet klimatiċi għandha tqis il-konsegwenzi li jkollhom jiffaċċjaw ir-reġjuni;

    9.

    ifakkar li l-esperjenza li nkisbet s’issa mir-reġjuni tal-faħam turi li dawn il-proċessi tat-trasformazzjoni jieħdu ħafna żmien. Għalhekk, wasal iż-żmien li jiġu żviluppati perspettivi ġodda għar-reġjuni tal-faħam u li jittieħdu miżuri. Dan jirrikjedi li jsiru sforzi kbar fil-livelli kollha;

    10.

    jenfasizza li sabiex l-istruttura ekonomika tiġi ttrasformata b’suċċess, jeħtieġ li l-ħaddiema kkonċernati tal-industrija tal-faħam jingħataw perspettivi ġodda. Dan jinkludi li jkunu kkwalifikati għal impjiegi ġodda. Barra minn hekk, għandu jiġi ffaċilitat l-aċċess għal impjiegi ġodda fir-reġjun jew fir-reġjuni tal-viċinat;

    Il-promozzjoni tat-trasformazzjoni soċjoekonomika fir-reġjuni tal-faħam

    11.

    jinsab konvint li t-tranżizzjoni tal-enerġija fil-mira, u għalhekk il-bidla strutturali fir-reġjuni tal-faħam, hija kompitu Ewropew. Dan jeħtieġ li jittieħed approċċ olistiku, li jkun jinkludi b’mod partikolari miżuri relatati mal-iżvilupp tal-infrastruttura, l-innovazzjoni, ir-riċerka u x-xjenza, it-tisħiħ u l-iżvilupp tal-intrapriżi, l-iżvilupp tal-ħiliet, il-kummerċjalizzazzjoni, il-kultura u t-turiżmu;

    12.

    jirrimarka li sabiex ikun hemm trasformazzjoni strutturali sostenibbli fir-reġjuni, jeħtieġ li jintużaw il-vantaġġi eżistenti. L-istrutturi industrijali u tas-settur tal-enerġija eżistenti għandhom jibnu l-bażi għall-iżvilupp futur u jqisu ċ-ċikli tal-innovazzjoni u tal-investiment tal-atturi industrijali eżistenti. Għalhekk, jeħtieġ li nibnu fuq ir-raggruppamenti industrijali reġjonali u l-ħiliet operazzjonali, il-ħiliet tal-professjonisti u l-vantaġġi eżistenti fil-qasam tar-riċerka u l-iżvilupp;

    13.

    jirrimarka li minħabba din is-sitwazzjoni, hemm ir-riskju li fir-reġjuni affettwati se jiġu żviluppati strateġiji simili ħafna għall-proċess tat-trasformazzjoni. Sabiex jiġu evitati l-ineffiċjenzi, pereżempju permezz ta’ żviluppi paralleli, jeħtieġ li jkun hemm skambju reċiproku fil-livell Ewropew;

    14.

    jilqa’ għalhekk il-“Pjattaforma għat-Tranżizzjoni taż-Żoni tal-Faħam”, li ġiet stabbilita mill-Kummissjoni Ewropea u li ltaqgħet għall-ewwel darba fil-11 ta’ Diċembru 2017. L-għan tal-pjattaforma huwa li tappoġġja lill-41 reġjun tal-faħam fi 12-il Stat Membru tal-UE fl-isforzi tagħhom biex jimmodernizzaw l-istruttura ekonomika tagħhom u biexiħejju ruħhom għall-bidla strutturali u teknoloġika. Dan ix-xogħol għandu jiġi intensifikat aktar;

    15.

    jemmen li din il-pjattaforma tista’ tintuża bħala strument interreġjonali sabiex tingħata għajnuna teknika fil-livell tal-UE lis-servizzi tal-Kummissjoni, fejn ikun meħtieġ, permezz tal-iskambju tal-esperjenzi u aċċess ikkoordinat;

    16.

    jenfasizza li l-kooperazzjoni interreġjonali u transkonfinali, bħal fil-qafas tal-inizjattivi eżistenti bħalma hija l-Inizjattiva Vanguard jew b’rabta ma’ approċċ ibbażat fuq il-post għall-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej, għandha taqdi rwol importanti fl-approċċ tat-trasformazzjoni strutturali: Anke f’dan il-qasam l-UE tista’ taqdi rwol aktar b’saħħtu, sabiex tniedi u tippromovi tali kooperazzjoni;

    17.

    jenfasizza l-ħtieġa ta’ ambjent aktar sikur għall-investimenti fit-tul u l-ħolqien ta’ impjiegi ġodda. Jeħtieġ li, sa fejn ikun possibbli, il-ktajjen tal-valur eżistenti fir-reġjuni jiġu estiżi akar. Il-KtR jenfasizza l-ħtieġa li jiġi mħeġġeġ l-investiment pubbliku u privat b’mod partikolari fil-kuntest tat-tkabbir ekonomiku attwali, sabiex jissaħħu l-investimenti fil-modernizzazzjoni u fid-dekarbonizzazzjoni tas-sistemi industrijali, tat-trasport u tal-enerġija Ewropej;

    18.

    jenfasizza l-ħtieġa li tissaħħaħ il-kapaċità innovattiva tar-reġjuni. Il-KtR iħeġġeġ lir-reġjuni tal-faħam biex jiżviluppaw strateġija biex jappoġġjaw in-negozji eżistenti fl-isforzi tagħhom għall-innovazzjoni, kif ukoll għall-ħolqien ta’ negozji ġodda, b’mod partikolari f’oqsma orjentati lejn il-futur bħad-diġitalizzazzjoni u l-intelliġenza artifiċjali. F’dan il-kuntest, huwa estremament importanti li jittejjeb il-qafas ġenerali għan-negozji ġodda. Il-KtR jirrimarka li f’bosta reġjuni tal-faħam l-impjegaturi industrijali, kummerċjali u artiġjanali huma pjuttost żgħar;

    19.

    jemmen li s-settur tax-xjenza jaqdi rwol ċentrali fl-iżvilupp ekonomiku tar-reġjuni. Ir-reġjuni tal-faħam għandhom għalhekk jippromovu wkoll it-twaqqif ta’ universitajiet b’enfasi fuq teknoloġiji futuri li jistgħu jservu ta’ clusters għat-twaqqif ta’ kumpaniji. Madankollu, f’dan il-qasam il-koordinazzjoni fuq livell Ewropew hija partikolarment meħtieġa sabiex jiġu evitati strutturi ineffiċjenti. Barra minn hekk, jeħtieġ li hawnhekk tiġi promossa l-kooperazzjoni interreġjonali fir-riċerka;

    20.

    jemmen li infrastruttura moderna u effiċjenti tat-trasport u tal-enerġija kif ukoll infrastruttura diġitali huma prerekwiżit għal trasformazzjoni strutturali ta’ suċċess, sabiex tissaħħaħ l-attraenza tat-territorji bħala ċentri ekonomiċi għall-istabbiliment ta’ intrapriżi. F’dan ir-rigward huma utli wkoll koordinazzjoni madwar l-Ewropa u netwerking aktar b’saħħtu;

    Appoġġ finanzjarju lir-reġjuni tal-faħam

    21.

    jenfasizza li l-iżvilupp ta’ attivitajiet ekonomiċi ġodda fir-reġjuni huwa proċess twil li jeħtieġ riżorsi finanzjarji sinifikanti. Il-KtR jinnota li l-awtoritajiet lokali u reġjonali tar-reġjuni tal-faħam jeħtieġu appoġġ għal dan, speċjalment peress li fil-bidu jitilfu d-dħul minħabba t-tneħħija gradwali tal-produzzjoni tal-faħam u tal-ġenerazzjoni tal-enerġija mħaddma mill-faħam. Il-parti l-kbira tal-investimenti għall-iżvilupp ekonomiku jeħtieġ li jiġu pprovduti permezz ta’ fondi pubbliċi mill-Istati Membri kkonċernati jew billi jiġi attirat investiment privat ġdid. F’dan il-kuntest, il-KtR jistieden l-ewwel lill-Istati Membri kkonċernati biex jipprovdu biżżejjed riżorsi finanzjarji u riżorsi oħrajn għal dan;

    22.

    huwa tal-fehma li l-wirt kulturali u industrijali li jirriżulta mill-passat għani, kif ukoll l-infrastruttura u t-tradizzjoni tal-isport għandu jkollhom rwol pożittiv f’din it-trasformazzjoni u m’għandhomx jitqiesu biss bħala wirt oneruż ta’ jiem aħjar fl-imgħoddi;

    23.

    jitlob li t-trasformazzjoni strutturali tiġi appoġġjata wkoll fil-livell Ewropew; B’mod partikolari, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali diġà jikkostitwixxi għodda importanti għat-tisħiħ tar-reġjuni. Il-Fond Soċjali Ewropew, Orizzont 2020, u r-riżorsi tal-Bank Ewropew tal-Investiment jagħtu wkoll kontribut importanti għall-iżvilupp reġjonali. Madankollu, il-KtR jirrimarka li l-fondi allokati f’dan ir-rigward mhumiex iffukati direttament fuq ir-reġjuni tal-faħam u huma ftit wisq fid-dawl tal-isfidi li qed jiffaċċjaw ir-reġjuni tal-faħam u li minnhom jistgħu jibbenefikaw ukoll żoni oħra. Il-KtR jitlob għalhekk li jiġu pprovduti fondi addizzjonali mfassla apposta għall-ħtiġijiet tar-reġjuni tal-faħam;

    24.

    jenfasizza li f’dawn iż-żoni l-appoġġ finanzjarju mill-UE huwa partikolarment utli, peress li l-proġetti għandhom jiġu implimentati bejn l-fruntieri nazzjonali. Peress li bħalissa r-reġjuni kollha tal-faħam għaddejjin minn tibdil strutturali, il-kollaborazzjoni bejn ir-reġjuni fl-iżvilupp ta’ proġetti li jħarsu lejn il-ġejjieni hija partikolarment promettenti. F’dan ir-rigward jista’ jkun utli wkoll li fl-istrateġiji jiġu inklużi ż-żoni fil-qrib, sabiex jinħolqu unitajiet funzjonali;

    25.

    jappoġġja, f’dan il-kuntest, it-talba tal-Parlament Ewropew fin-negozjati li għaddejjin bħalissa dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) għal finanzjament addizzjonali biex jittaffa l-impatt soċjali, soċjoekonomiku u ambjentali tal-bidla strutturali fir-reġjuni tal-faħam Ewropej permezz ta’ Fond ta’ Tranżizzjoni Ġusta tal-Enerġija ġdid ta’ EUR 4,8 biljun; jenfasizza, madankollu, li dan il-fond ikollu jiġi ffinanzjat permezz ta’ riżorsi addizzjonali u mhux mill-pakkett ipprovdut għall-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej; jilqa’ l-fatt li l-President elett tal-Kummissjoni esprima wkoll l-appoġġ fil-linji gwida politiċi ppreżentati f’Lulju 2019 għall-prinċipju ta’ dan il-Fond ta’ Tranżizzjoni Ġusta tal-Enerġija;

    26.

    iqis, madankollu, li l-finanzjament għandu jkollu rabta mill-qrib mal-politika ta’ koeżjoni, filwaqt li l-KtR jappella li jsiru sforzi biex jiġi żgurat li dan il-finanzjament ma jiġix ikkalkulat fil-limiti proposti tal-Anness XXII, iżda jsir disponibbli bħala finanzjament addizzjonali. Dan il-finanzjament addizzjonali, imbagħad, jista’ jintuża biex jissaħħu l-programmi tal-FEŻR u tal-FSE għal dawn ir-reġjuni NUTS 2 matul is-seba’ snin li ġejjin. Din ir-rabta mill-qrib tkun tippermetti wkoll li jiġi pprovdut appoġġ imfassal apposta għar-reġjuni kollha tal-faħam. Dawn il-fondi għandhom jippromovu b’mod attiv il-valur miżjud Ewropew u jkunu miftuħa għar-reġjuni kollha tal-faħam affettwati mit-trasformazzjoni strutturali. Il-kriterji għall-allokazzjoni jistgħu jinkludu l-impjieg totali fil-minjieri tal-faħam u l-ammont tal-produzzjoni tal-faħam fis-sena referenzjarja tal-2019, ir-reġjuni li diġà bdew jagħlqu l-minjieri u li għaddew minn dawn it-tranżizzjonijiet b’mod parzjali, ma għandhomx jiġu esklużi sakemm l-estrazzjoni tal-faħam tkun għadha qed isseħħ;

    27.

    jitlob li dawn il-fondi, bl-istess mod tal-finanzjament tal-FEŻR, jiġu allokati direttament lir-reġjuni fejn jinsabu dawn il-minjieri tal-faħam. L-appoġġ għar-reġjuni affettwati jiġi marbut ma’ strateġija speċifika għat-tneħħija gradwali tal-faħam, ivvalutat abbażi ta’ miri verifikabbli;

    28.

    jissuġġerixxi li din l-allokazzjoni tiġi ffinanzjata minn riżorsi previsti għall-istrument ta’ implimentazzjoni tar-riforma taħt il-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss;

    29.

    jistieden lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex jinkludu din il-proposta għal allokazzjoni tranżitorja speċifika fin-negozjati li għaddejjin bħalissa dwar il-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss;

    Ir-rieżami tal-liġi dwar l-għajnuna mill-Istat

    30.

    jirrimarka li l-liġi Ewropea dwar l-għajnuna mill-Istat għandha tiġi rrispettata, filwaqt li jfakkar li l-qafas attwali tal-għajnuna mill-Istat se jiskadi fl-2020, sakemm l-applikabbiltà tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat ma tiġix estiża b’sentejn (sal-aħħar tal-2022). Il-KtR jistieden lill-Kummissjoni biex meta tfassal il-linji gwida ġodda, tqis ukoll il-problemi relatati mat-trasformazzjoni strutturali li jiffaċċjaw ir-reġjuni tal-faħam u b’hekk tiżgura li dawn ir-reġjuni tal-faħam jingħataw biżżejjed flessibbiltà sabiex ikunu jistgħu jillimitaw l-impatti soċjali u ekonomiċi li jirriżultaw mit-tneħħija gradwali tal-faħam;

    31.

    jenfasizza, mill-perspettiva tal-liġi dwar l-għajnuna mill-Istat, li diġà huwa possibbli li jiġu ffinanzjati proġetti li jinvolvu kooperazzjoni transkonfinali, b’mod partikolari proġetti ta’ interess komuni Ewropew. L-Istituzzjonijiet Ewropej responsabbli għandhom jipprovdu lir-reġjuni b’pariri aktar intensivi fir-rigward tal-ippjanar u l-implimentazzjoni ta’ tali proġetti;

    32.

    jappella, f’dan il-kuntest, biex ir-reġjuni tal-faħam jidentifikaw żoni li jirrikjedu appoġġ speċjali skont l-Artikolu 107(3)(a) u (c) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u li l-liġi tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat tiġi adattata għal dawn ir-reġjuni speċjali sabiex ikunu jistgħu jittieħdu miżuri li jindirizzaw it-trasformazzjoni strutturali, li għandhom jikkumpensaw għar-rinunzja tal-ħolqien tal-valur miżjud minn għanijiet politikament superjuri. Barra minn hekk, għandu jiġi eżaminat jekk tali miżuri ta’ appoġġ jistgħux ikunu bbażati fuq l-Artikolu 107(3)(b) tat-TFUE minħabba l-importanza prominenti u eżemplari tar-rikostruzzjoni adattata għall-klima tar-reġjuni tal-faħam għall-politika tal-Unjoni Ewropea dwar l-enerġija u l-klima. Sabiex dawn il-kwistjonijiet jiġu riżolti fil-ħin, qed ikun propost li kemm jista’ jkun malajr jiġi stabbilit grupp ta’ ħidma konġunt magħmul minn rappreżentanti tar-reġjuni tal-faħam u tal-Istati Membri interessati, id-Direttorati Ġenerali għall-Kompetizzjoni u l-Politika Reġjonali u l-KtR.

    Brussell, id-9 ta’ Ottubru 2019.

    Il-President

    tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

    Karl-Heinz LAMBERTZ


    Top