Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018IR0185

    Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Il-Wirt Kulturali bħala riżorsa strateġika għal reġjuni aktar koeżivi u sostenibbli fl-UE

    COR 2018/00185

    ĠU C 361, 5.10.2018, p. 31–36 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    5.10.2018   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 361/31


    Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Il-Wirt Kulturali bħala riżorsa strateġika għal reġjuni aktar koeżivi u sostenibbli fl-UE

    (2018/C 361/06)

    Relatur:

    Babette WINTER (DE/PSE), Segretarja tal-Istat għall-Affarijiet Ewropej u l-Kultura fil-Kanċellerija tal-Istat ta’ Thüringen

    RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

    IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI

    Id-diversità kulturali u l-wirt komuni Ewropew

    1.

    jirrikonoxxi li d-diversi forom tal-wirt kulturali huma ġid prezzjuż għall-Ewropa: Dan huwa strument b’potenzjal kbir ta’ ingranaġġ għal reġjuni aktar koeżivi u sostenibbli fl-UE, li jista’ jikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-identità f’reġjun u fl-Ewropa kollha; u b’mod partikolari tgħodd għall-motto tal-UE: “Magħquda fid-diversità” u jikkomplementa l-impenn tal-Unjoni Ewropea li tirrispetta d-diversità kulturali, kif imħaddan fl-Artikolu 22 tal-Karta tal-UE tad-Drittijiet Fundamentali;

    2.

    ibbaża din l-Opinjoni fuq dokumenti tal-Kummissjoni Ewropea (1)(2), il-Kunsill Ewropew (3) u l-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni (KtR) (4) dwar il-ġejjieni tal-Ewropa u t-tisħiħ ta’ identità Ewropea permezz tal-edukazzjoni u l-kultura;

    3.

    jenfasizza l-importanza tal-valuri tal-UE riflessi fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali – id-dinjità, il-libertà, l-ugwaljanza u s-solidarjetà – sabiex jintlaħaq il-ġid komuni, u għalhekk jitlob għal aktar rispett lejn it-tradizzjoni u l-inklużività fil-promozzjoni tal-wirt kulturali;

    4.

    jenfasizza li l-wirt u l-identità kulturali huma mezz importanti għall-promozzjoni tal-għarfien u tas-sensibilizzazzjoni fost iċ-ċittadini dwar l-għeruq kulturali, filosofiċi u reliġjużi komuni fl-Ewropa fid-diversità kollha tagħhom. Il-wirt kulturali u l-identità kulturali jistgħu jtejbu l-fehim tat-tibdil u l-istorja tas-soċjetà u jżidu t-tolleranza u t-tħaddin tad-differenzi, bħala risposta għall-Ewroxettiċiżmu u firdiet anti-Ewropej li qed jikbru;

    5.

    jissottolinja li bit-tagħrif li għandna dwar ir-rabtiet fl-Ewropa li ilhom jeżistu sekli sħaħ, id-diversità u d-differenzi għandhom jiġu aċċettati b’rispett reċiproku, u ma għandhom bl-ebda mod jintużaw biex joħolqu xi distinzjonijiet u għalhekk jirrifjuta kwalunkwe abbuż tal-patrimonju kulturali għad-demarkazzjoni kemm fl-UE kif ukoll ’il barra minnha;

    6.

    jinnota li, filwaqt li l-istħarriġ tal-Ewrobarometru (5) juri li ċ-ċittadini tal-UE jqisu l-kultura bħala l-kolla l-aktar b’saħħitha biex tgħaqqad lill-Unjoni Ewropea – iktar mill-valuri Ewropej u l-istat tad-dritt – fl-istess ħin aktar minn 50 % ta’ dawk li wieġbu qalu li m’hemmx kultura Ewropea komuni (6);

    7.

    huwa tal-fehma li dawn ir-riżultati jikkuntradixxu lil xulxin biss b’mod superfiċjali: minflok, jesprimu l-idea li l-Ewropa għandha għeruq kulturali komuni u interkonnessjonijiet li jikkoinċidu f’diversi modi fil-livell reġjonali, u dan jirrifletti l-mudell ta’ UE li hija “Magħquda fid-diversità”;

    8.

    jinnota li, b’riżultat ta’ dan, l-amministrazzjonijiet reġjonali għandhom responsabbiltà partikolari li jippromwovu l-kultura bħala dik il-ħaġa li tgħaqqad is-soċjetà – kemm fir-rigward tal-kultura speċifika tar-reġjun tagħhom kif ukoll permezz ta’ rabtiet u skambji fi ħdan l-Ewropa u lil hinn mill-fruntieri attwali tal-Unjoni Ewropea – u b’hekk l-UE ssir il-fulkru tal-kontinent tal-Ewropa;

    9.

    għalhekk iħeġġeġ lill-Unjoni biex iżżid l-identità u l-valuri komuni tagħha stess fil-perċezzjonijiet reġjonali u nazzjonali eżistenti li jirrigwardaw l-appartenenza sabiex tiġi promossa ċ-ċittadinanza f’diversi livelli, kif inhu pprovdut fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u fl-Artikolu 2 tat-Trattat ta’ Lisbona;

    10.

    jirreferi għar-rapporti tal-Istati dwar l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni tal-Unesco (7), li ħafna mill-Istati Membri tal-UE, għalkemm mhux kollha, huma msieħba;

    11.

    jikkonferma d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea (8), li r-responsabbiltà għall-edukazzjoni u għall-kultura tinsab l-ewwel nett fil-livelli nazzjonali, lokali u reġjonali tal-Istat Membri; Billi l-Artikoli 6 u 167 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jiddefinixxu l-kompetenza tal-UE fil-qasam tal-kultura biss bħala dik li tagħti appoġġ, tikkoordina jew tissupplimenta l-azzjonijiet tal-Istati Membri, il-KtR jappoġġja l-inizjattivi tal-UE fi ħdan dan il-mandat, li jenfasizzaw id-dimensjonijiet Ewropej u transnazzjonali importanti f’dan il-qasam ta’ politika;

    12.

    jilqa’ l-fatt li l-laqgħa informali tal-Ministri tal-kultura taħt il-motto “Kultura – valur inklużiv tal-UE” u l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar Pjan ta’ Ħidma għall-Kultura (9) jenfasizzaw l-importanza ta’ aċċess għall-kultura, il-preservazzjoni tal-wirt kulturali, il-mobbiltà tal-artisti, u appoġġ pubbliku akbar;

    Il-wirt kulturali u attivitajiet kulturali għall-identifikazzjoni, il-koeżjoni soċjali u l-iżvilupp soċjali

    13.

    jenfasizza li l-wirt kulturali jista’ jsaħħaħ l-perċezzjonijiet tan-nies dwar identità komuni fi ħdan ir-reġjun u r-rabtiet tagħha mat-tradizzjonijiet u l-istorja tagħhom stess, u jista’ jassisti l-iżvilupp ta’ kooperazzjoni intrareġjonali. Dan jista’ jagħti spinta biex jinbdew inizjattivi kulturali u edukattivi ġodda u djalogu interkulturali, u b’hekk jinkoraġġixxu l-attività soċjali;

    14.

    jenfasizza li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom kompetenzi importanti fil-promozzjoni tad-djalogu interkulturali, speċjalment fil-koordinazzjoni ta’ netwerks lokali u reġjonali multidimensjonali fil-qasam kulturali, li jinvolvu lill-atturi prinċipali kollha. F’dan il-kuntest għandhom jissaħħu s-sħubijiet pubbliċi-privati;

    15.

    jilqa’ r-rikonoxximent tal-mexxejja tal-UE tal-edukazzjoni, il-kultura u l-politiki mmirati lejn iż-żgħażagħ fid-Dikjarazzjoni ta’ Ruma (10), u japprova l-valutazzjoni dwar il-fatt li “l-edukazzjoni […] u l-kultura huma importanti mhux biss għall-kompetittività iżda wkoll l-inklużività u l-koeżjoni tas-soċjetajiet tagħna”;

    16.

    jenfasizza l-importanza tas-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali 2018 (EYCH 2018) bħala inizjattiva sinifikanti, u jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-Kummissjoni Ewropea diġà ħabbret valutazzjoni; jenfasizza b’rabta ma’ dan li l-effetti pożittivi tal-EYCH 2018 iridu jiġu amplifikati iżjed permezz ta’ miżuri ta’ segwitu fis-snin il-ġejjin. Dan għandu jiġi rifless ukoll fid-diversi programmi ta’ appoġġ tal-QFP li jmiss sabiex jingħata sostenn lid-disseminazzjoni tal-wirt kulturali Ewropew wara l-2018;

    17.

    jirrimarka li l-mobilità tal-artisti – iffaċilitata fost l-oħrajn minn Ewropa Kreattiva – tikkontribwixxi għas-suċċess tal-integrazzjoni Ewropea, u għalhekk iqis li huwa meħtieġ li jitkompla u jespandi l-programm Ewropa Kreattiva;

    18.

    huwa konvint li l-wirt kulturali jikkontribwixxi għall-koeżjoni soċjali u l-kwalità tal-ħajja. Minħabba r-rabtiet storiċi inerenti tiegħu ma’ postijiet speċifiċi, li mhumiex biss postijiet miżjura ppreferuti, iżda wkoll postijiet u reġjuni li bħalissa qed jiffaċċjaw sfidi partikolari, jista’ joffri opportunitajiet ta’ żvilupp, mhux l-inqas permezz tal-potenzjal enormi tiegħu għall-ħolqien tal-impjieg. Dan japplika speċjalment għal reġjuni milquta mill-bidla demografika u mit-tnaqqis fil-popolazzjoni, għal reġjuni ultraperiferiċi kif ukoll għal żoni metropolitani bi sfidi partikolari marbuta mal-integrazzjoni;

    19.

    jenfasizza li approċċi parteċipattivi fi ħdan l-awtoritajiet lokali u reġjonali jistgħu jkunu mezz tajjeb biex tiġi stabbilita bażi soċjali wiesgħa għal kunċetti ta’ żvilupp kulturali u biex jinkiseb aktar appoġġ għall-investiment kulturali, kif ukoll l-identifikazzjoni miegħu. Dan se jwassal għal spinta sostenibbli tal-interazzjoni soċjali u r-responsabbiltà tas-soċjetà għall-wirt kulturali lokali;

    20.

    iħeġġeġ lill-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jevalwaw l-esperjenzi tagħhom ma’ dan it-tip ta’ approċċ parteċipattiv u jaqsmuhom ma’ xulxin;

    21.

    jitlob li jkun hemm titjib fl-iskambju bejn diversi atturi fir-rigward ta’ modi possibbli kif il-libreriji, il-mużewijiet u postijiet oħra kulturali jistgħu jiġu żviluppati biex iservu ta’ Agora, “Post Terz”, għall-iskambji u l-parteċipazzjoni f’diskussjonijiet dwar il-futur tal-ibliet u r-reġjuni tagħna. F’dan il-kuntest, tinġibed l-attenzjoni lejn il-possibbiltà li jintużaw in-netwerks ta’ informazzjoni ġenerali tal-Unjoni Ewropea bħalma huma l-Europe Direct;

    22.

    fl-istess ħin, iħeġġeġ lill-UE biex tagħmel aktar biex tippromwovi l-iskambju ta’ esperjenzi bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali u bejn ir-rappreżentanti ta’ istituzzjonijiet kulturali f’reġjuni differenti u bejn Stati Membri;

    23.

    jinnota f’dan il-kuntest l-ostakli lingwistiċi huma xkiel partikolari għall-partijiet interessati lokali u li hemm bżonn ta’ appoġġ fil-livell Ewropew biex dawn jingħelbu;

    24.

    barra minn hekk jappoġġja l-inklużjoni kontinwa, fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss (QFP), ta’ infrastruttura ta’ appoġġ għall-wirt kulturali, b’enfasi partikolari fuq il-koeżjoni soċjokulturali. Barra minn hekk, ktajjen ta’ produzzjoni li jinvolvu l-ġestjoni sostenibbli tal-wirt kulturali għandhom jiġu msaħħa, u proġetti ta’ kooperazzjoni transsettorjali – eż. bejn il-wirt kulturali u l-edukazzjoni – għandhom ikunu appoġġati;

    25.

    jenfasizza li l-kultura hija kompitu maqsum bejn l-atturi soċjali kollha – l-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-Istati Membri – iżda fl-istess ħin, il-kultura tirrikjedi wkoll finanzjamenti privati speċifiċi u attivitajiet volontarji jew tas-soċjeta’ ċivili;

    26.

    jenfasizza l-fatt li d-diġitalizzazzjoni – kemm tal-wirt kulturali kif ukoll tal-mezzi kif jinxtered – tippreżenta potenzjal enormi għall-ġejjieni: jista’ joħloq forom ġodda ta’ aċċess, partikolarment għaż-żgħażagħ, u tista’ wkoll ixxerred l-għarfien dwar id-diversità kulturali bejn il-fruntieri, madwar l-Ewropa kollha. Id-diġitalizzazzjoni hija wkoll intrinsikament transnazzjonali, u hija għodda utli ħafna għall-iżvilupp ta’ forma ta’ turiżmu li huwa kemm diversifikat kif ukoll sostenibbli;

    27.

    għalhekk jistieden lil-livelli kollha tal-gvern biex jappoġġaw bil-qawwa l-Europeana bħala spazju diġitali pubbliku għal wirtna;

    28.

    jappoġġja s-sejħa minn Culture Action Europe (11) biex jiġi żgurat li tal-anqas 1 % tal-QFP li jmiss jiġi allokat għall-kultura bejn l-oqsma ta’ politika u l-programmi ta’ finanzjament;

    L-influwenza tal-wirt kulturali fuq it-turiżmu u l-iżvilupp ekonomiku tar-reġjuni

    29.

    jenfasizza l-valur tal-wirt kulturali għall-iżvilupp ekonomiku fir-reġjuni, prinċipalment permezz tat-turiżmu, peress li 26 % tal-vjaġġaturi tal-UE (12) jindikaw li l-kultura hija fattur ewlieni fl-għażla tad-destinazzjoni tal-btala tagħhom, iżda tirrappreżenta wkoll fattur determinanti għat-tisħiħ tal-attrazzjoni tal-impjiegi;

    30.

    jinnota li l-industriji kulturali u kreattivi jammontaw għal aktar minn 3 % tal-PDG u madwar l-istess ċifra għall-impjiegi fl-UE (13). Din l-industrija qed issir ukoll fattur ekonomiku dejjem aktar importanti speċjalment f’żoni ta’ konurbazzjoni;

    31.

    ifakkar li l-awtoritajiet lokali u reġjonali integraw b’suċċess l-industriji kulturali u kreattivi fl-istrateġiji ta’ żvilupp tagħhom, u li dan kien ta’ għajnuna biex l-ekonomija lokali tingħata spinta ’l quddiem, u ffavorixxa wkoll il-ħolqien ta’ intrapriżi ta’ servizzi kwalifikati u multisettorjali. Sabiex isir użu saħansitra akbar tal-potenzjal kreattiv tar-reġjuni, huma mixtieqa xenarji ta’ finanzjament usa’, transekonomiċi u transkulturali;

    32.

    jinnota li flimkien mal-prijorità tar-ristorazzjoni u l-preservazzjoni tal-monumenti kulturali, il-kwistjoni tal-ġestjoni u tax-xogħol pedagoġiku ta’ medjazzjoni tal-istituzzjonijiet kulturali hija essenzjali. Din tiddeċiedi jekk monument kulturali jistax jiżviluppa l-potenzjal kulturali, turistiku, ekonomiku u soċjali tiegħu;

    33.

    jenfasizza li l-approċċ kreattiv tal-artisti fir-rigward tal-wirt kulturali joffri potenzjal speċjali u innovattiv għal tagħlim mill-istorja fir-rigward tal-ġejjieni tas-soċjetà;

    34.

    jinnota li flimkien man-nuqqas ta’ riżorsi finanzjarji, in-nuqqas ta’ viżibilità u xi kultant ukoll in-nuqqas ta’ kuxjenza politika tar-riżorsi kulturali, huma ta’ xkiel għall-iżvilupp ulterjuri tal-wirt kulturali bħala riżorsa strateġika ta’ reġjun;

    35.

    jilqa’, f’dan il-kuntest, il-ħolqien taċ-ċertifikat tal-patrimonju Ewropew, u jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tieħu miżuri sabiex iżżid il-viżibilità tiegħu;

    36.

    jenfasizza li l-kultura – wara s-servizzi pubbliċi u l-infrastruttura bħall-akkomodazzjoni, it-trasport pubbliku u l-edukazzjoni fl-iskejjel – għandha rwol deċiżiv għall-attrazzjoni tal-postijiet. Fid-dawl tal-iżviluppi riċenti fil-qasam tal-mobilità interreġjonali u ekstrareġjonali u d-demografija, din hija speċjalment importanti għall-istrateġiji ta’ żvilupp lokali u reġjonali, biex iżżid il-ħaddiema f’reġjuni żvantaġġati u biex toħloq bilanċ f’żoni ta’ konurbazzjoni;

    37.

    jisħaq fuq il-fatt li l-wirt kulturali – flimkien ma’ programm kulturali kontemporanju u attraenti– għandu jkun fattur turistiku sostenibbli, li jaffettwa b’mod partikolari lir-reġjuni. Dan japplika bl-istess mod għall-hekk imsejħa “fanali tal-portijiet”, bħal Siti ta’ Wirt Dinji tal-Unesco jew siti biċ-ċertifikat tal-patrimonju Ewropew, kif ukoll diversi siti ta’ wirt lokali;

    38.

    jirrimarka li l-wirt kulturali distribwit b’mod wiesa’ joffri l-opportunità għal ridirezzjoni u distribuzzjoni aħjar tal-effetti tat-turiżmu kulturali permezz ta’ offerta turistika usa’ u mifruxa. B’riżultat ta’ dan, jista’ jittaffa l-piż minn fuq il-postijiet li jilħqu l-limiti tal-għadd ta’ turisti li jifilħu, peress li dan iwassal għal aktar ħsara fil-wirt kulturali. Jenfasizza li meta l-wirt kulturali inqas magħruf ikun sfruttat favur it-turiżmu, dan jirrappreżenta għodda relevanti biex tiġi diversifikata l-offerta għat-turisti u biex jingħata element ta’ żvilupp sostenibbli f’żoni marġinali, aktar u aktar jekk il-proġetti individwali ta’ valorizzazzjoni turistika jkunu koerenti mal-pjani ġenerali ta’ żvilupp territorjali u jkunu integrati fis-sistema tas-servizzi lokali. Dan huwa speċjalment il-każ fir-rigward tal-mobilità sostenibbli. Dan għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, fid-dawl tal-fatt li t-turiżmu kulturali fl-Ewropa qed jikber, u b’mod partikolari minħabba l-ħolqien ta’ postijiet tax-xogħol lokali;

    Passi neċessarji għall-iżvilupp u l-isfruttar tal-potenzjal tal-wirt kulturali

    39.

    jinnota, b’mod kritiku, li fl-istrateġija Ewropa 2020 għall-iżvilupp ulterjuri tal-UE, il-kultura ma ġietx meqjusa;

    40.

    jitlob, għalhekk, sabiex fid-dawl tal-importanza ppruvata tal-koeżjoni fl-UE u tal-iżvilupp soċjoekonomiku f’bosta reġjuni, il-kultura, flimkien mal-istituzzjonijiet u siti ta’ patrimonju, tibda tiġi kkunsidrata bħala qasam strateġiku fl-istrateġija ta’ segwitu u fil-pjan politiku;

    41.

    jinsisti fuq il-fatt li l-kultura u l-wirt kulturali għandhom jiġu integrati aħjar fil-prijoritajiet tal-QFP li jmiss kemm permezz ta’ mainstreaming kif ukoll l-iffissar ta’ mira baġitarja ta’ aktar minn EUR 2 biljun għall-programm li se jsegwi wara “Ewropa Kreattiva”;

    42.

    jenfasizza li l-isħubiji kulturali qed jinbnew madwar l-Istati Membri kollha, u li, f’dan l-isfond, iħeġġeġ promozzjoni akbar ta’ rotot kulturali tematiċi lil hinn mill-fruntieri tal-Istati Membri, fosthom fil-qafas tal-Programm Interreg;

    43.

    jitlob li s-sostenn tar-riżorsi tal-wirt kulturali għall-iżvilupp reġjonali jsir element importanti tal-politika ta’ koeżjoni wara l-2020. L-allokazzjoni għall-iskop tal-wirt kulturali mifrux għandu jiżdied u ma għandu jitnaqqas bl-ebda mod. Il-konċentrazzjoni tematika – jekk din tinżamm bħala regola wara l-2020 – għandha tieħu inkunsiderazzjoni kwistjonijiet kulturali;

    44.

    jenfasizza li huwa importanti li l-Unjoni Ewropea tniedi strateġija ġenwina għal diplomazija kulturali. Għal dan il-għan, huwa importanti ħafna li jiġu promossi l-komunikazzjoni artistika u kulturali kif ukoll skambji bejn ir-reġjuni tal-UE – b’mod speċjali r-reġjuni ultraperiferiċi – u ta’ pajjiżi terzi, anke permezz ta’ miżuri li jagħmluha iżjed faċli għal artisti u x-xogħlijiet tagħhom li jivvjaġġaw lejn pajjiżi terzi u viċi versa; b’rabta ma’ dan itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni Ewropea biex tipprijotizza l-iżvilupp ulterjuri tad-diplomazija kulturali bil-għan li tiġi introdotta fil-politika barranija tal-UE (14);

    45.

    jinnota, b’mod kritiku, li fil-perjodu ta’ finanzjament attwali tal-Fondi Strutturali u ta’ Koeżjoni, il-limitu massimu tal-baġit tal-proġett ta’ EUR 5 miljun għall-investimenti talFEŻR għall-infrastruttura kulturali huwa ta’ ostakolu għall-iżvilupp ta’ infrastrutturi kulturali akbar;

    46.

    jistieden, għalhekk, lill-Kumissjoni Ewropea sabiex tirrevoka dan il-limitu arbitrarju, u tallinja l-programmi skont il-kriterji sostantivi u l-miri li jridu jintlaħqu, b’mod partikolari l-valur miżjud Ewropew;

    47.

    jafferma mill-ġdid it-tħassib tiegħu fir-rigward tal-Partijiet li qed jinnegozjaw il-ftehim għall-ħruġ tar-Renju Unit, biex dawn jikkunsidraw l-impatt potenzjali tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE fuq il-programmi edukattivi, kulturali u taż-żgħażagħ, u jistedinhom isibu soluzzjonijiet adattati, li jippermettu l-involviment ta’ pajjiżi mhux parti mill-UE;

    48.

    iqis essenzjali li l-Kunsill jespandi u jkompli jiżviluppa l-Pjan ta’ Ħidma għall-Kultura tiegħu 2015-2018 (15);

    49.

    jappoġġja l-għan tal-Kummissjoni Ewropea, li toħloq pjan ta’ azzjoni tal-UE fit-tul għall-wirt kulturali (16), li jagħti dimensjoni sostenibbli lill-attivitajiet tal-EYCH 2018;

    50.

    jistieden lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Kunsill, sabiex fil-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Pjan ta’ Ħidma għall-Kultura u fl-inizjattivi għat-tagħlim bejn il-pari, jinvolvu b’mod aktar xieraq u konsiderevoli lir-rappreżentanti reġjonali bl-esperjenzi diretti tagħhom;

    51.

    jappoġġja t-tisħiħ tal-kapaċità finanzjarja tal-Faċilità ta’ Garanzija għall-industriji kulturali u kreattivi, u jinsisti fuq il-fatt li l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha huwa aktar mifrux u jintegra lill-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs), peress li dan jirrifletti s-settur kulturali u kreattiv;

    52.

    jistieden lill-Istati Membri jippromwovu aktar proġetti tal-infrastruttura kulturali, edukattivi, ta’ taħriġ okkupazzjonali mill-ġdid, ta’ innovazzjoni u ta’ kooperazzjoni fil-Fond Ewropew għall-Iżvilupp reġjonali (FEŻR);

    53.

    iħeġġeġ lill-awtoritajiet lokali u reġjonali, anke dawk fil-Gruppi ta’ Ħidma LEADER, sabiex iqisu l-infrastruttura kulturali f’żoni rurali bħala fattur importanti għall-koeżjoni soċjal, filwaqt li jiżguraw forom ta’ mobilità sostenibbli li lill-viżitaturi jippermettulhom igawdu l-pajsaġġ bl-inqas impatt ambjentali, bħal rotot għaċ-ċikliżmu, mogħdijiet jew passaġġi fuq l-ilma interni;

    54.

    jistieden ukoll lill-imprendituri mis-settur kulturali u kreattiv, sabiex jippromwovu b’mod attiv l-iżvilupp tal-komunità u tas-soċjetà, inkluż billi fost l-intrapriżi jiġu replikati fuq skala Ewropea dawk il-mudelli ta’ organizzazzjoni ta’ netwerks li rnexxew, bħala appoġġ għall-SMEs fis-settur biex jisfruttaw il-preġji storiċi-kulturali tat-territorju;

    55.

    jissuġġerixxi li nikkooperaw mill-qrib mal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Festivals (EFA) fl-iżvilupp ta’ skambji u ta’ azzjonijiet volontarji, miġbura taħt il-kappa tal-Korp Ewropew tas-Solidarjeta’ fil-qasam tal-kultura u tal-wirt kulturali, fil-kuntest tal-EYCH 2018 u oltre;

    56.

    jirrakkomanda li l-UE, fir-rwol ta’ benefiċjarju sussidjarja, iżżid il-fokus fuq kunċetti kulturali speċjalment fil-livell reġjonali u interreġjonali;

    57.

    jinnota, b’mod kritiku, li hemm nuqqas ta’ evalwazzjonijiet komparattivi madwar l-Ewropa, u jistieden, għalhekk, lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni Ewropea sabiex jikkummissjonaw b’mod regolari evalwazzjonijiet u studji professjonali għal tqabbil Ewropew, u biex jinkorporaw is-sejbiet fid-dibattiti politiċi fuq kull livell;

    58.

    jiċħad, madankollu, ġbir regolari u komprensiv tad-data, u obbligi tar-rapportar burokratiċi żżejjed;

    59.

    ifakkar lill-Kummissjoni Ewropea li ħafna aktar reġjuni milli kif ġie rifless fl-ispeċjalizzazzjoni tar-S3, iqisu l-wirt u l-kreazzjonijiet kulturali bħala fattur importanti għall-iżvilupp reġjonali;

    60.

    jitlob, għalhekk, sabiex f’dan ir-rigward il-finanzjament tar-riċerka jiġi ffaċilitat lil hinn mill-fokus dejjaq fuq Strateġiji għal Speċjalizzazzjoni intelliġenti (S3);

    61.

    jistieden lil dawk ir-reġjuni li jħarsu lejn il-wirt kulturali tagħhom bħala riżorsa b’saħħitha ħafna, biex jinkluduh fl-istrateġija tal-S3 tagħhom;

    62.

    bl-istess mod, huwa ddiżappuntat li l-aċċess għall-arti u l-kultura, li huma essenzjali għall-koeżjoni soċjali u l-inklużività, mhuwiex imnaqqax fil-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (17);

    63.

    jitlob li l-librerija virtwali Europeana tiġi promossa b’aktar qawwa permezz tal-integrazzjoni ta’ approċċi nazzjonali ta’ diġitalizzazzjoni; L-għaxar anniversarju tal-Europeana fl-2018 jipprovdi opportunità ideali sabiex din tilħaq il-livell ta’ żvilupp li jmiss;

    64.

    jistieden lill-Kummissjoni Ewropea testendi premji u rikonoxximenti, irrispettivament minn jekk il-proġetti rċevewx fondi tal-UE jew le. Ir-rikonoxximent ta’ proġetti innovattivi jippermetti perċezzjoni aħjar lil hinn mir-reġjun u l-Istat Membru, jippromwovi skambju Ewropew, u jħeġġeġ l-imitazzjoni f’reġjuni oħra tal-Ewropa;

    65.

    itenni l-appoġġ qawwi tiegħu għall-Kapitali Ewropej tal-Kultura (2020-2033) u jitlob għat-tkomplija tal-inizjattiva lil hinn mill-2033, li għandha tirrifletti dejjem aktar ir-rikkezza kulturali Ewropea fid-diversità kollha tagħha u tippromovi l-iżvilupp fit-tul ta’ spazju kulturali komuni Ewropew imsejjes fuq il-parteċipazzjoni pubblika. Jiddispjaċih f’dan il-kuntest li l-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li teskludi r-Renju Unit mill-edizzjoni tal-2023. Fil-fatt, żona kulturali komuni Ewropea tmur lil hinn mill-fruntieri tal-Unjoni Ewropea;

    66.

    jirrakkomanda li din l-opinjoni fuq inzjattiva proprja tkun inkluża fil-laqgħa tal-Kunsill tal-Ministri tal-Kultura tat-22-23 ta’ Mejju 2018, li se tirrigwarda “il-futur tal-UE permezz ta’ viżjoni fit-tul għal kontenut kulturali Ewropew” u l-ħtieġa li l-wirt Ewropew jiġi integrat fid-direttivi kollha;

    67.

    jissuġġerixxi li l-membri stess tal-KtR iniedu skambju regolari ta’ proġetti u esperjenzi fir-rigward tas-siti ta’ wirt kulturali tagħhom.

    Brussell, is-17 ta’ Mejju 2018.

    Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

    Karl-Heinz LAMBERTZ


    (1)  White Paper dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa Riflessjonijiet u xenarji għall-UE27 sal-2025 (COM(2017) 2025 final).

    (2)  Komunikazzjoni dwar “It-tisħiħ tal-identità Ewropea permezz tal-Edukazzoni u l-Kultura”, għal-laqgħa informali tal-kapijiet ta’ stat jew ta’ gvern f’Gothenburg, is-17 ta’ Novembru 2017 (COM(2017) 673 final).

    (3)  “Leaders” Agenda: Education and culture”: disponibbli fuq http://www.european-council.europa.eu/media/31544/en_leaders-agenda-note-on-education-and-culture.pdf.

    (4)  RESOL-VI/014, CdR 4785/2016 fin.

    (5)  Standard Eurobarometer 88.

    (6)  Special Eurobarometer 466.

    (7)  Konvenzjoni li tikkonċerna l-protezzjoni tal-kultura u l-wirt naturali tad-dinja, Adottata mill-Konferenza Ġenerali fis-sbatax-il sessjoni tagħha f’Pariġi, 16 ta’ Novembru 1972.

    (8)  COM(2017) 673 final.

    (9)  Konklużjonijiet tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill, dwar Pjan ta’ Ħidma għall-Kultura (2015-2018) (ĠU C 463, 23.12.2014, p. 4).

    (10)  https://europa.eu/european-union/eu60_mt.

    (11)  https://cultureactioneurope.org/files/2018/03/CAE-Reflection-paper-Agenda-for-Culture-2018.pdf.

    (12)  Preferences of Europeans towards Tourism – Flash Eurobarometer Report 432 (March 2016):

    http://ec.europa.eu/COMMFrontOffice/publicopinion/index.cfm/Survey/getSurveyDetail/instruments/FLASH/surveyKy/2065. http://ec.europa.eu/COMMFrontOffice/publicopinion/index.cfm/Survey/getSurveyDetail/instruments/FLASH/surveyKy/2065.

    (13)  https://ec.europa.eu/culture/policy/cultural-creative-industries_en.

    (14)  COR-2016-05110.

    (15)  ĠU C 463, 23.12.2014, p. 4.

    (16)  Dan jista’ jkun il-legat tas-sena Ewropea tal-Wirt Kulturali 2018 u jista’ jiġi deċiż fl-“Assises du Patrimoine”.

    (17)  CDR 3141/2017.


    Top