Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018IP0227

Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew tat-30 ta' Mejju 2018 fuq ir-rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà dwar il-Libja (2018/2017(INI))

ĠU C 76, 9.3.2020, p. 206–214 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

9.3.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 76/206


P8_TA(2018)0227

Il-Libja

Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew tat-30 ta' Mejju 2018 fuq ir-rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà dwar il-Libja (2018/2017(INI))

(2020/C 76/25)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 2259 (2015) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti u r-riżoluzzjonijiet sussegwenti,

wara li kkunsidra l-Ftehim Politiku Libjan,

wara li kkunsidra r-rapport tas-Segretarju Ġenerali dwar il-Missjoni ta' Appoġġ tan-NU fil-Libja, tat-22 ta' Awwissu 2017,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 1973 (2011) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u r-riżoluzzjonijiet sussegwenti kollha tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar il-Libja, fosthom ir-riżoluzzjoni 2380 (2017),

wara li kkunsidra r-rapport tas-Segretarju Ġenerali tan-NU skont ir-riżoluzzjoni 2312 (2016) tal-Kunsill tas-Sigurtà,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-14 ta' Novembru 2017 dwar it-tbatija tal-migranti fil-Libja li hija insult għall-kuxjenza tal-umanità,

wara li kkunsidra r-Rapport tal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem ta' April 2018 bit-titolu "Abuse Behind Bars: Arbitrary and unlawful detention in Libya" (L-abbuż fil-ħabsijiet: Detenzjoni arbitrarji u illegali fil-Libja),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tat-18 ta' Settembru 2014 (1), tal-15 ta' Jannar 2015 (2) u tal-4 ta' Frar 2016 (3) dwar is-sitwazzjoni fil-Libja,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Kopresidenti tal-Assemblea Parlamentari Konġunt AKP-UE dwar is-sitwazzjoni tal-migranti fil-Libja, tal-20 ta' Diċembru 2017,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Dritt tal-Baħar,

wara li kkunsidra l-Approċċ Globali tal-UE għall-Migrazzjoni u l-Mobilità,

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, tal-25 ta' Jannar 2017, bit-titolu "Il-migrazzjoni fuq ir-rotta tal-Mediterran Ċentrali – Niġġestixxu l-flussi, insalvaw il-ħajjiet" (JOIN(2017)0004),

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Malta tat-3 ta' Frar 2017,

wara li kkunsidra l-Istrateġija Konġunta UE-Afrika u l-pjan ta' azzjoni tagħha,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta dwar is-Sitwazzjoni tal-Migranti fil-Libja, miftiehma waqt is-Summit Unjoni Afrikana - Unjoni Ewropea 2017 u l-ħolqien tat-Task Force trilaterali ta' livell għoli UA-UE-NU,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Libja tas-17 ta' Lulju 2017,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tad-19 ta' Ottubru 2017,

wara li kkunsidra l-Artikolu 113 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A8-0159/2018),

A.

billi s-sitwazzjoni fil-Libja hija fraġli ħafna u l-pajjiż qiegħed iħabbat wiċċu ma' għadd ta' sfidi kumplessi u li għandhom rabta bejniethom fir-rigward tal-istabbiltà politika, tal-iżvilupp ekonomiku u tas-sigurtà;

B.

billi l-kriżi fil-Libja għandha impatt enormi fuq il-poplu tal-Libja kif ukoll tolqot ir-reġjun kollu tal-madwar u l-UE, u għalhekk huwa kruċjali, għall-ġid tal-popolazzjoni Libjana kif ukoll tal-pajjiżi ġirien u tar-reġjun sub-Saħarjan u dak tal-Mediterran, li l-istabbiltà politika fil-Libja tiġi żgurata, bħala rekwiżit preliminari fundamentali għat-titjib tas-sitwazzjoni ekonomika u soċjali tal-pajjiż;

C.

billi l-istabbiltà fin-Nofsinhar tal-Libja qiegħda tqajjem tħassib partikolari fid-dawl tal-qagħda fraġli tal-pajjiżi ġirien, fejn għall-gvernijiet imdgħajfa tar-reġjun Saħelo-Saħarjan hemm ir-riskju ta' rvell ġiħadista potenzjali;

D.

billi l-UE għandha tikkomunika b'mod aktar proattiv l-isforzi diplomatiċi tagħha u l-kontribut finanzjarju kbir tagħha għall-konsolidament tas-sigurtà u tas-sitwazzjoni soċjoekonomika tal-Libja;

E.

billi l-kunflitt fil-Libja jista' jissolva biss permezz ta' approċċ koerenti, komprensiv u inklużiv, li jinvolvi l-atturi internazzjonali kollha u l-partijiet interessati kollha, inklużi r-rappreżentanti tad-diversi komunitajiet lokali, il-kapijiet tribali u l-attivisti tas-soċjetà ċivili, kif ukoll li jiżgura li l-Libja jkollha s-sjieda tal-proċess ta' paċi u li tieħu sehem fih;

F.

billi l-Ftehim Politiku Libjan u l-Pjan ta' Azzjoni tan-NU għal-Libja jikkostitwixxu attwalment l-uniku qafas fattibbli għal soluzzjoni tal-kriżi;

G.

billi, permezz tal-azzjoni diplomatika u l-appoġġ konkret, l-UE qiegħda tassisti fit-tranżizzjoni politika tal-Libja lejn pajjiż stabbli u funzjonanti u qiegħda tagħti l-kontribut tagħha għall-isforzi ta' medjazzjoni mmexxija min-NU f'dan ir-rigward;

H.

billi huwa tal-akbar importanza li l-Istati Membri kollha jitkellmu b'vuċi waħda, isaħħu l-isforzi ta' medjazzjoni tal-UE u jenfasizzaw ir-rwol ċentrali tan-NU u tal-pjan ta' azzjoni tan-NU; billi inizjattivi individwali mill-Istati Membri għandhom fil-każijiet kollha jiġu milqugħa biss jekk jittieħdu fi ħdan il-qafas Ewropew u jkunu konformi għalkollox mal-politika barranija tal-UE;

I.

billi l-azzjoni tal-UE qiegħda turi riżultati fil-front tal-migrazzjoni, peress li fi tmiem l-2017 iċ-ċifri naqsu b'terz meta mqabbla ma' dawk tal-2016 u li fl-ewwel xhur tal-2018 niżlu b'50 % meta mqabbla ma' dawk tal-istess żmien tas-sena preċedenti;

J.

billi l-Libja tirrappreżenta punt ta' tranżitu u ta' tluq importanti għall-migranti li jippruvaw jaslu l-Ewropa, partikolarment għal dawk li ġejjin mill-Afrika sub-Saħarjana, billi eluf ta' migranti u rifuġjati li qegħdin jaħarbu mill-vjolenzi fil-Libja tilfu ħajjithom huma u jippruvaw jaqsmu l-Mediterran biex jaslu l-Ewropa;

K.

billi l-migranti huma fost dawk li l-aktar isofru minħabba l-problemi ta' sigurtà fil-Libja, peress li spiss jisfaw vittmi ta' vjolenza, arrest u detenzjoni arbitrarji minn atturi mhux statali, estorsjoni, ħtif ta' persuni bil-ħsieb li jintalab rikatt, u sfruttament;

L.

billi ħafna migranti, partikolarment dawk mill-Afrika sub-Saħarjana, ġew suġġetti għal detenzjoni arbitrarja minn diversi gruppi armati fil-pajjiż;

M.

billi r-ritorn sfurzat lejn il-Libja min-Niġer ta' mill-inqas 132 Sudaniż li kienu qed jirċievu assistenza mill-UNHCR huwa sors ta' tħassib kbir;

N.

billi għadha attwali l-problema tal-persuni spostati internament, billi tali persuni jsibu ruħhom quddiem theddid kritiku bħall-qsim ta' żoni ta' kunflitt, il-preżenza ta' mini tal-art u ta' mezzi mhux sploduti, kif ukoll il-vjolenza tad-diversi milizji;

O.

billi l-Libja saret pajjiż ta' tranżitu għat-traffikar tal-bnedmin; billi l-Libja għadha tospita mijiet ta' eluf ta' rifuġjati u persuni li jfittxu l-asil ta' nazzjonalitajiet differenti, li ħafna minnhom qed jgħixu f'kundizzjonijiet traġiċi u għaldaqstant jikkostitwixxu bersall għall-faċilitaturi ta' dħul klandestin ta' bnedmin; billi kien hemm allegazzjonijiet ta' skjavitù fil-Libja;

P.

billi l-ħajja ta' kuljum tal-Libjani ordinarji hija kkaratterizzata minn ċirkostanzi ta' ħajja saħansitra aktar ibsin, ikkumplikati ulterjorment minn kriżi tal-flus, qtugħ tal-ilma u tal-provvista tal-enerġija frekwenti, u l-qagħda ġeneralment katastrofika tas-sistema tal-assistenza fil-qasam tas-saħħa fil-pajjiż;

Q.

billi l-klima politika fil-Libja hija kkaratterizzata minn sfiduċja profonda bejn l-atturi politiċi u militari ewlenin tar-reġjuni differenti;

R.

billi l-Gvern ta' Kunsens Nazzjonali (GNA) rikonoxxut internazzjonalment qed jiddependi dejjem aktar fuq il-milizzji għas-sigurtà tiegħu; billi dawn il-milizzji kisbu livell mingħajr preċedent ta' influwenza fuq l-istituzzjonijiet tal-istat fi Tripli, u b'hekk qed jheddu t-tentattivi kontinwi tan-NU għall-ħolqien ta' qafas politiku aktar vijabbli fil-pajjiż;

S.

billi l-pajjiżi bħat-Turkija, il-Qatar, l-Eġittu u l-Emirati Għarab Magħquda għandhom influwenza notevoli fuq id-diversi gruppi tal-fazzjonijiet involuti fil-kunflitt;

T.

billi l-identitajiet subnazzjonali tad-diversi komunitajiet, tribujiet u gruppi etniċi Libjani dejjem ikkostitwew in-nisġa soċjokulturali sottostanti tal-Libja u jiżvolġu rwol fundamentali fid-dinamika soċjali u politika u fil-kwistjonijiet ta' sigurtà tal-pajjiż; billi s-soċjetà Libjana għandha tradizzjonijiet qawwijin ta' proċessi informali ta' riżoluzzjoni tat-tilwim bejn il-bliet, it-tribujiet u l-komunitajiet etniċi;

U.

billi bħalissa fil-pajjiż jonqos qafas leġiżlattiv ċar u kondiviż fuq bażi wiesgħa għal dak li għandu x'jaqsam mas-sistema elettorali; billi ebda kostituzzjoni ma ġiet adottata, u b'hekk il-pajjiż tħalla mingħajr il-qafas legali meħtieġ biex jiġu organizzati elezzjonijiet ġodda; billi l-prevalenza tal-klima attwali ta' impunità, tal-illegalità mifruxa, tal-korruzzjoni kif ukoll ir-rwol tal-gruppi armati u tat-tensjonijiet tribali u reġjonali Libjani, jikkontribwixxu biex tkompli tonqos il-fiduċja fl-istituzzjonijiet pubbliċi u governattiv li diġà huma dgħajfa;

V.

billi fil-Libja qegħdin jiżdiedu kontinwament l-eżekuzzjonijiet extraġudizzjarji, it-torturi, id-detenzjonijiet arbitrarji u l-attakki indiskriminati fuq żoni residenzjali u infrastrutturi, kif ukoll qegħdin jiżdiedu d-diskors ta' mibegħda u l-inċitament għall-vjolenza;

W.

billi l-grupp estremista Salafista Madkhalista qed isir aktar b'saħħtu u aktar rilevanti fil-Lvant kif ukoll fil-Punent tal-Libja; billi l-Madkhalisti jopponu l-elezzjonijiet, huma ħerqana li l-istatus quo jinżamm, jiċħdu kompletament kwalunkwe mudell ta' demokrazija u huma armati ħafna, u b'hekk jirrappreżentaw riskju konkret ta' aktar estremiżmu u vjolenza fil-pajjiż;

X.

billi l-kollass tas-sistema tal-ġustizzja kriminali jsaħħaħ l-impunità fil-pajjiż, inaqqas il-possibbiltajiet għall-vittmi li jiksbu protezzjoni u mezzi ta' rimedju; billi f'bosta reġjuni, anki fil-każijiet li fihom sar rapport lill-pulizija wara reat, ftit li xejn sar biex jinbdew investigazzjonijiet fil-pront, bir-reqqa, effikaċi, imparzjali u indipendenti u biex min hu responsabbli jittella' quddiem il-ġustizzja; billi l-ebda awtur ta' reati li jagħmel parti minn grupp armat ma ġie kkundannat fil-Libja mill-2011;

Y.

billi ċ-ċirku ta' vjolenza fil-Libja huwa kontinwament alimentat mill-impunità ġenerali għal ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem; billi, sakemm ma jkunx hemm soluzzjoni adegwata, l-assenza kostanti tal-istat tad-dritt se jneħħi s-sinifikat għall-popolazzjoni tal-idea ta' koeżistenza paċifika u tal-ġlieda kontra l-estremiżmu vjolenti;

Z.

billi għexieren ta' attivisti politiċi u tad-drittijiet tal-bniedem, professjonisti tal-mezzi tal-komunikazzjoni u personalitajiet pubbliċi oħra nħatfu jew ġew mhedda; billi n-NU rċevew rapporti ta' detenzjoni arbitrarja u tortura u maltrattament kommessi miż-żewġ naħat;

AA.

billi l-attakki dejjem aktar numerużi kontra esponenti tal-ġudikatura, l-organizzazzjonijiet lokali tas-soċjetà ċivili, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-professjonisti tal-midja, kif ukoll ir-rifuġjati u l-migranti, aċċeleraw id-deterjorament tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem taċ-ċivili kollha preżenti fit-territorju Libjan; billi l-assenza tal-istat tad-dritt u l-impunità għal ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi t-tortura, id-detenzjonijiet arbitrarji, l-eżekuzzjonijiet extraġudizzjarji u l-attakki indiskriminati kontra ċ-ċivili u l-infrastrutturi, għadhom jalimentaw ċ-ċirku ta' vjolenza fil-pajjiż;

AB.

billi l-porożità tal-konfini Libjani jħeġġeġ it-traffikar illeċitu transfruntier; billi l-proliferazzjoni tal-gruppi armati fiż-żoni tal-konfini kompliet ħarrxet il-kunflitt bejn it-traffikanti rivali għall-kontroll tar-riżorsi transfruntieri u għall-aċċess għalihom; billi l-hekk imsejħa "foreign fighters" (ġellieda barranin) li jaslu fil-pajjiż u d-diversi xbieki kriminali għadhom jibbenefikaw mill-proliferazzjoni inkontrollata tal-armi;

AC.

billi l-insigurtà u l-instabbiltà politika għamlu lil-Libja territorju fertili għall-attivitajiet tal-gruppi estremisti; billi r-reġjun tal-Fezzan huwa strutturalment instabbli u post storiku ta' tranżitu lejn l-Ewropa għal rifuġjati u migranti u għall-kuntrabandu ta' żejt, deheb, armi, drogi u t-traffikar tal-bnedmin; billi l-istess reġjun huwa kkaratterizzat minn tensjonijiet etniċi u tribali li żdiedu minn mindu waqa' l-Kurunell Gaddafi u mill-ġlieda għall-kontroll tar-riżorsi tal-pajjiż; billi l-istabbilizzazzjoni tal-Fezzan hija fundamentali għall-istabbilizzazzjoni tal-pajjiż kollu kemm hu;

AD.

billi l-awtoritajiet lokali Libjani jiżvolġu rwol importanti fil-prevenzjoni tal-kunflitti u fil-provvista ta' servizzi pubbliċi essenzjali għall-popolazzjoni;

AE.

billi l-belt ta' Derna kienet soġġetta għal attakki mill-art, mill-ajru u tal-artillerija mis-7 ta' Mejju 2018; billi bosta persuni ċivili ġew maqtula, filwaqt li l-għajnuna u l-aċċess mediku kienu limitati ħafna u s-sitwazzjoni umanitarja hija drammatika;

AF.

billi delegazzjoni uffiċjali tal-Parlament wettqet missjoni fil-Libja bejn l-20 u t-23 ta' Mejju 2018;

1.

Jirrakkomanda lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà:

(a)

li jiżguraw l-appoġġ l-aktar qawwi għall-Pjan ta' Azzjoni tan-NU għal-Libja, ippreżentat f'Settembru 2017 mir-Rappreżentant Speċjali tan-NU, Ghassan Salamé, għall-istabbilizzazzjoni tal-Libja u għal proċess politiku inklużiv ta' rikonċiljazzjoni nazzjonali li se jippermetti lill-atturi Libjani kollha, inklużi l-entitajiet tribali, jilħqu ftehim politiku stabbili u dejjiemi u fl-istess ħin jagħti attenzjoni xierqa lill-involviment tan-nisa u tal-minoranzi; li jqisu r-riżultati tal-proċessi konsultattivi inklużivi ppreżentati lill-KSNU fil-21 ta' Mejju 2018; li jikkundannaw bis-saħħa kwalunkwe tentattiv li jikkomprometti l-proċess ta' paċi mmexxi min-NU; li jkomplu jikkooperaw mill-qrib mal-Missjoni ta' Appoġġ tan-NU fil-Libja (UNSMIL);

(b)

li jintensifikaw l-isforzi diplomatiċi tagħhom biex jappoġġjaw l-Pjan tan-NU u jgħinu l-konsolidament ta' Gvern Libjan fl-isforzi tiegħu biex joħloq kunsens politiku, jiggarantixxi s-sigurtà u jestendi l-awtorità tiegħu fit-territorju kollu tal-Libja, lil hinn mill-kontroll territorjali limitat tal-Gvern ta' Kunsens Nazzjonali (GNA) rikonoxxut fuq livell internazzjonali, bħala l-prekundizzjoni neċessarja għal soluzzjoni politika li tippromwovi l-istabbilizzazzjoni, ir-rikostruzzjoni u r-rikonċiljazzjoni tal-pajjiż, għall-bini tal-Istat u għal kwalunkwe operazzjoni għaż-żamma tal-paċi bbażata fuq id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem; li jiżguraw is-sjieda Libjana tal-proċess ta' stabbilizzazzjoni u d-deċiżjoni dwar il-forma futura tal-Istat; li jsostnu t-tisħiħ tal-mekkaniżmi lokali u tal-kapaċitajiet fil-pajjiż fir-rigward tal-medjazzjoni, tar-riżoluzzjoni tat-tilwim u tal-waqfien mill-ġlied u li jiġu kollegati mal-Pjan ta' Azzjoni tan-NU bħala parti minn approċċ koerenti u integrat li se jwassal għal riżultati konkreti u dejjiema;

(c)

li jappoġġaw l-hekk imsejħa "laqgħat fil-livell lokali" li qed isiru f'diversi muniċipalitajiet taħt l-umbrella tan-NU, bħala inizjattiva ta' rikonċiljazzjoni effettiva minn isfel għal fuq bl-għan li tħeġġeġ id-djalogu bejn il-komunitajiet differenti, u b'hekk tikkontribwixxi b'mod konkret għall-iżvilupp ta' soluzzjoni sostenibbli u vijabbli għall-kriżi Libjana u tgħin biex tinħoloq kultura nazzjonali ta' sens ċiviku;

(d)

li jħabirku biex isibu l-mezzi biex jitrawmu t-tisħiħ tal-istituzzjonijiet, il-ħolqien ta' soċjetà ċivili vera u proprja u l-istimolu tal-ekonomija, kif ukoll li jitbiegħdu minn servizz pubbliku li jippreżenta diffikultajiet enormi u jrawmu l-iżvilupp ta' settur privat sostenibbli, li huma neċessarji biex ikunu garantiti l-istabbiltà u l-prosperità fit-tul fil-pajjiż;

(e)

li jsostnu l-isforzi Libjani maħsuba biex joħolqu ordni kostituzzjonali ġdid li għandu jinkludi formula għat-tqassim ġust tal-ġid li jiġi miż-żejt kif ukoll diviżjoni ċara tal-kompiti u tal-obbligi bejn ir-reġjuni storiċi, minn naħa, u kwalunkwe gvern nazzjonali, min-naħa l-oħra; li jfakkru li din il-kostituzzjoni l-ġdida, li tista' tkun ispirata minn elementi tal-kostituzzjoni emendata tal-1963, tista' tikkontribwixxi għall-isforzi biex ikunu organizzati elezzjonijiet nazzjonali li jsiru biss wara li tkun ġiet adottata l-kostituzzjoni ġdida u jkunu ġew issodisfati b'mod adegwat il-kundizzjonijiet neċessarji biex ikun żgurat li perċentwal għoli ta' eletturi joħorġu jivvutaw, kif ukoll aċċettazzjoni mill-pubbliku u leġittimità;

(f)

li jkomplu jagħtu prijorità lix-xogħol, fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-UE, dwar il-mod kif jiġu indirizzati aħjar l-aspetti kollha tal-kunflitt Libjan, u liema strumenti u setturi jiġu involuti, anki billi tingħata aktar attenzjoni lid-dinamiki lokali, bil-għan li jinħoloq approċċ komprensiv u effikaċi fil-konfront tal-pajjiż u ħalli l-istituzzjonijiet u l-Istati Membri juru unità fl-intenzjonijiet u fl-inizjattivi, bil-għan li tkun żgurata l-koerenza tal-miżuri min-naħa tal-atturi kollha involuti, bħala parti minn strateġija reġjonali usa';

(g)

li jsaħħu l-preżenza u l-viżibbiltà tagħha kif ukoll il-fehim tagħha tal-kumplessità tas-sitwazzjoni fil-pajjiż billi tkun stabbilita mill-ġdid id-delegazzjoni tal-UE fi Tripli u jerġa' jintbagħat il-persunal permanenti tal-UE fid-delegazzjoni;

(h)

li jkomplu jenfasizzaw il-fatt li ma jista' jkun hemm l-ebda soluzzjoni militari għall-kriżi Libjana u li jtennu l-ħtieġa li l-partijiet u l-gruppi armati kollha fil-Libja jimpenjaw ruħhom favur l-Artikolu 42 tal-Ftehim Politiku Libjan, jirrispettaw il-prinċipji tad-dritt umanitarju internazzjonali u tad-dritt internazzjonali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u joqogħdu lura milli jużaw retorika vjolenti u jirrikorru għall-vjolenza, u li jiddemobilizzaw u jimpenjaw ruħhom għal soluzzjoni paċifika tal-kunflitt, u b'hekk jiġi evitat li ssir iktar ħsara u li jintilfu aktar ħajjiet; iqis li n-negozjati għandhom iservu biex jgħaqqdu l-forzi tas-sigurtà Libjani tar-reġjuni kollha tal-pajjiż, bil-għan li tinbena arkitettura ta' sigurtà nazzjonali taħt il-kontroll ċivili, taħt il-kappa tal-gvern inklużiv Libjan rikonoxxut fuq livell internazzjonali, b'garanziji ta' trasparenza u obbligu ta' rendikont fir-rispett tal-obbligi internazzjonali tal-Libja fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, u għandhom iwasslu għall-iffirmar ta' protokoll li bis-saħħa tiegħu l-gruppi armati kollha jintrabtu li jirrinunzjaw għall-użu tal-forza u tal-vjolenza, fi ħdan il-qafas ta' proċess koerenti u komprensiv ta' diżarm, demobilizzazzjoni u reintegrazzjoni (DDR) immirat li jintegra mill-ġdid fis-soċjetà lill-membri tal-gruppi armati kif ukoll proċess ta' riforma tas-settur tas-sigurtà (SSR), fuq il-bażi tal-prinċipji ta' Skhirat ta' nondiskriminazzjoni u trasparenza; jemmen li l-iffirmar ta' protokoll bħal dan għandu jippermetti l-implimentazzjoni tal-ftehim ta' paċi li jwitti t-triq għal elezzjonijiet liberi u ġusti u għandu jġib miegħu inċentivi ekonomiċi u finanzjarji u jġiegħel lill-firmatarji jaħdmu favur il-ħolqien ta' istituzzjonijiet tal-Istat ġodda;

(i)

li jżommu quddiem għajnejhom il-ħtieġa li jiġu żviluppati programmi mfassla apposta biex jintegraw mill-ġdid lill-individwi, mhux gruppi, mill-milizzji lejn l-apparat tas-sigurtà regolari, u b'hekk jiġu limitati l-lealtajiet maqsuma;

(j)

li jsostnu l-isforzi tan-NU mmirati lejn l-organizzazzoni ta' elezzjonijiet fil-Libja sa tmiem l-2018, u biss ladarba tkun ġiet adottata kostituzzjoni ġdida; li jsostnu b'mod partikolari l-isforzi biex ikunu rreġistrati l-votanti, billi sal-lum madwar 50 % biss tal-votanti eleġibbli ġie rreġistrat; li jiżguraw li jkun adottat ftehim dwar qbil tranżitorju qabel l-elezzjonijiet, bil-għan li terġa' tinbena l-fiduċja u b'hekk tissaħħaħ il-leġittimità internazzjonali u nazzjonal tal-gvern il-ġdid; li jsostnu, anki b'mezzi tekniċi, il-proċess għall-istabbiliment ta' qafas kostituzzjonali validu u l-proċess elettorali kollu kemm hu, billi l-kontributi finanzjarji Ewropej jintrabtu mal-adozzjoni ta' liġi elettorali li tirrispetta, kemm jista' jkun, il-prinċipji internazzjonali stabbiliti mill-Kummissjoni ta' Venezja;

(k)

li jeżerċitaw pressjoni fuq dawk li qegħdin jostakolaw it-taħditiet politiċi ta' paċi u li japplikaw b'mod effikaċi l-embargo tan-NU fuq l-armi fil-konfront tal-Libja; li jikkunsidraw l-introduzzjoni ta' sanzjonijiet ġodda kontra min isostni akkordji illegali fiż-żejt;

(l)

li jintensifikaw il-kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet internazzjonali kollha u ma' atturi oħra fuq il-post sabiex isaħħu l-koerenza u l-konverġenza tal-azzjoni internazzjonali; li jżidu l-isforzi diplomatiċi mal-atturi reġjonali kollha u mal-pajjiżi ġirien, biex jiżguraw li jikkontribwixxu għal soluzzjoni pożittiva tal-kriżi fil-Libja f'konformità mal-Pjan ta' Azzjoni tan-NU – l-uniku qafas possibbli għal soluzzjoni tal-kriżi; li jappoġġjaw il-proċess li għaddej tal-Konferenza Nazzjonali fil-Libja bl-objettiv li tilħaq qbil bejn il-partijiet differenti tal-pajjiż rigward il-passi li jmiss li għandhom isiru biex titlesta t-tranżizzjoni; li jiskoraġġixxi lill-atturi reġjonali milli jikkunsidraw kwalunkwe intervent militari unilaterali jew multilaterali nieqes minn kwalunkwe bażi ġuridika jew kunsens politiku tal-gvern Libjan;

(m)

li jsostnu r-rikors għal leġiżlaturi, imħallfin u prosekuturi speċjalizzati fil-Libja li jista' jagħtu assistenza fir-reviżjoni tal-liġijiet kontra t-terroriżmu tal-Libja u jiżguraw li jkunu ppreparati adegwatament biex jippresjedu u jmexxu 'l quddiem kawżi fil-qasam tal-ġlieda kontra t-terroriżmu fir-rispett tal-istat tad-dritt;

(n)

li jirriflettu dwar il-kriżi fil-Libja f'kuntest usa', reġjonali u pan-Afrikan, filwaqt li jżommu quddiem għajnejhom li l-Libja hija fundamentali għall-istabbiltà tal-Afrika ta' Fuq, tas-Saħel u tal-Mediterran; li jippromwovu u jiffaċilitaw il-kooperazzjoni tal-Libja mal-ġirien tagħha fis-Saħel; li jikkunsidraw, bħala parti minn din ir-riflessjoni, l-impatt tas-sitwazzjoni fil-Libja fuq id-dinamika u l-isfidi li magħhom tħabbat wiċċha l-UE; li jiżviluppaw, fil-konfront tal-Libja, politika komprensiva li tqis il-perspettiva reġjonali u pan-Afrikana u li tkopri politiki tal-iżvilupp, tas-sigurtà u tal-migrazzjoni usa' kif ukoll il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali, il-ġlieda kontra t-terroriżmu u dik kontra l-iskjavitù u l-isfruttament; li jiżguraw li din il-politika tkun appoġġjata minn finanzjament adegwat u suffiċjenti għall-implimentazzjoni tagħha fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss, sabiex tagħti riżultati konkreti; li jkomplu u jintensifikaw, meta possibbli, il-kooperazzjoni bejn l-Operation Sea Guardian tan-NATO u EUNAVFOR Med Operazzjoni Sophia;

(o)

li jiżguraw involviment permanenti u attiv fl-isforzi fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u kontra t-traffikar tal-bnedmin, mhux biss permezz tal-integrazzjoni tas-servizzi tal-intelligence, tal-kooperazzjoni finanzjarja u tas-sostenn tattiku, iżda wkoll bi programmi soċjali u edukattivi għall-assistenza fil-qasam tas-saħħa u l-edukazzjoni li jappoġġjaw it-taħriġ u l-użu ta' atturi soċjali u opinjonisti influwenti biex jingħeleb l-estremiżmu vjolenti u jinfirex messaġġ ta' koeżistenza u kooperazzjoni paċifika;

(p)

li jżommu quddiem għajnejhom li, filwaqt li d-Daesh/IS x'aktax iddgħajjef b'mod sinifikanti fil-Libja, hemm forom ġodda ta' estremiżmu li qed jikbru fil-pajjiż, bħal dik rappreżentata mill-Madkhalisti; li jiftakru li r-risposta l-aktar effikaċi għall-preżenza radikali militanti fil-pajjiż tinsab, fl-aħħar mill-aħħar, fil-ħolqien ta' istituzzjonijiet nazzjonali inklużivi li jistgħu japplikaw l-istat tad-dritt, jagħtu servizzi pubbliċi, jiżguraw is-sigurtà lokali u jiġġieldu b'mod effikaċi kontra l-gruppi li qegħdin jheddu l-istabbiltà tal-pajjiż u tar-reġjun tal-madwar;

(q)

li jiżguraw li, konformement mad-Dikjarazzjoni ta' Pariġi tal-25 ta' Lulju 2017, il-finanzjamenti tal-UE jintużaw b'mod effikaċi biex jiggarantixxu l-koordinament intergovernattiv fl-istabbiliment mill-ġdid tal-infrastrutturi pubbliċi permezz ta' faċilitajiet ta' stabbilizzazzjoni tal-UE; li jagħtu prijorità, b'mod partikolari, lill-finanzjamenti għal proġetti u inizjattivi li jsostnu l-atturi li jippromwovu l-obbligu ta' rendikont u l-bidla demokratika u li jrawmu mekkaniżmi ta' djalogu, rikonċiljazzjoni u riżoluzzjoni tat-tilwim integrati f'livell lokali, bl-involviment tan-nisa u b'ħidma maż-żgħażagħ biex ikun evitat li jipparteċipaw f'attivitajiet kriminali bħad-dħul f'milizji involuti fil-kuntrabandu u fit-traffikar; li jkomplu jsaħħu s-soċjetà ċivili, speċjalment id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, u jsostnu l-proċess politiku, is-sigurtà u l-attivitajiet ta' medjazzjoni speċjalment permezz tal-Istrument Ewropew ta' Viċinat (ENI) u l-Istrument li jikkontribwixxi għall-istabbiltà u l-paċi (IcSP); li jippromwovu l-implimentazzjoni ta' governanza rappreżentattiva f'livell lokali u nazzjonali biex tingħata tweġiba aħjar lill-isfidi marbuta mar-rikonċiljazzjoni, mal-istabbilizzazzjoni u mal-istabbiliment mill-ġdid tas-sigurtà; li jiżguraw li l-flus fl-ambitu tal-Fond Fiduċjarju ta' Emerġenza tal-UE jingħataw biss meta jirrispettaw l-objettivi oriġinali tiegħu u jkunu akkumpanjati minn analiżi soda tal-awtoritajiet lokali u tal-benefiċjarji u minn evalwazzjoni sussegwenti;

(r)

li jsostnu l-muniċipalitajiet huma u jagħtu servizzi essenzjali u jibnu l-governanza lokali; li jiżguraw lill-popolazzjoni livelli ta' għajxien bażiċi, billi jżommu quddiem għajnejhom il-fatt li għarfien aktar fil-fond tas-sistema politika u ekonomika lokali huwa fundamentali biex iqarreb lill-persuni lejn il-proċess ta' rikonċiljazzjoni u biex ikun miġġieled it-traffikar illegali; li jiżguraw li l-finanzjamenti tal-UE jintużaw b'mod effikaċi għal proġetti li jgħinu lill-popolazzjoni u lis-soċjetà ċivili Libjani; li jippromwovu l-komunikazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-awtoritajiet governattivi lokali;

(s)

li jappoġġaw inizjattivi bħal dik promossa mill-Kumitat ta' Rikonċiljazzjoni Misrata-Tawergha, li fih iż-żewġ bliet ta' Misrata u Tawergha laħqu ftehim ibbażat fuq duttrina ta' koeżistenza paċifika, li jiftaħ it-triq għar-ritorn lejn Tawergha tal-popolazzjoni spostata minn beltha;

(t)

li jkomplu jinkoraġġixxu lill-istituzzjonijiet Libjani jaħdmu b'mod aktar effikaċi u trasparenti għat-titjib tal-kundizzjonijiet ta' ħajja tal-Libjani kollha billi, fost oħrajn, jiġu stabbiliti mill-ġdid is-servizzi pubbliċi prijoritarji u jinbnew mill-ġdid l-infrastrutturi pubbliċi, biex iqawwu l-governanza ekonomika tal-pajjiż, tissolva l-problema tal-kriżi tal-likwidità u jkunu implimentati r-riformi finanzjarji u ekonomiċi neċessarji, rikjesti mill-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali biex ikunu sostnuti l-irkupru ekonomiku u l-istabbilizzazzjoni; li jassistu lill-pajjiż fl-istabbiliment ta' ekonomija bbażata fuq is-suq kapaċi tagħti vantaġġi lil-Libjani kollha; li jħeġġu lill-awtoritajiet Libjani jiżguraw li d-dħul mir-riżorsi naturali u li ġej mill-benefiċċji jintuża għall-ġid tal-popolazzjoni kollha, inkluż fil-livell lokali; li jistiednu lill-awtoritajiet Libjani jimpenjaw ruħhom favur standards għoljin ta' trasparenza fis-settur estrattiv nazzjonali, u, b'mod partikolari, jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-Inizjattiva għat-trasparenza tal-industriji estrattivi (EITI) kemm jista' jkun malajr; li jgħinu lill-awtoritajiet Libjani jiġġieldu kontra kwalunkwe attività illegali li xxekkel l-ekonomija nazzjonali, kif irrapportat dan l-aħħar fir-rapport interim tal-Grupp ta' Esperti stabbilit skont ir-riżoluzzjoni 1973 (2011) dwar il-Libja;

(u)

li jkomplu jikkundannaw b'mod riżolut l-abbuż tad-drittijiet tal-bniedem u l-ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali u li jintensifikaw l-isforzi biex tingħata assistenza umanitarja lill-popolazzjoni li tinsab fil-bżonn kif ukoll lill-partijiet kollha tal-pajjiż, partikolarment fl-assistenza fil-qasam tas-saħħa u fil-faċilitajiet tal-enerġija; li jżidu l-effikaċja tal-assistenza finanzjarja umanitarja u li jsaħħu l-appoġġ lill-organizzazzjonijiet umanitarji li jinsabu fil-post u jikkooperaw magħhom; li jikkundannaw il-bosta tentattivi, li maż-żmien qegħdin jiżdiedu, biex jiċċekken l-ispazju għad-dispożizzjoni tas-soċjetà ċivili, speċjalment permezz ta' qafas ġuridiku repressiv u attakki kontra d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-ġudikatura; li jappellaw lill-UA, lin-NU u lill-UE jkomplu jaħdmu flimkien u jieħdu miżuri b'saħħithom biex immedjatament jintemm dan il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem; li jsaħħu s-soċjetà ċivili u jsostnu l-iżvilupp u l-indipendenza tal-midja lokali;

(v)

li jħaffu l-isforzi rigward il-mekkaniżmu ta' evakwazzjoni ta' emerġenza tal-UNHCR iffinanzjat mill-UE, li ppermetta li jkunu evakwati mil-Libja madwar 1 000 minn fost l-aktar rifuġjati vulnerabbli u fil-bżonn ta' protezzjoni; li jinkoraġġixxu lill-kontropartijiet Libjani jżidu n-numru ta' nazzjonalitajiet li l-Libja attwalment tippermetti lill-UNHCR taħdem magħhom;

(w)

li jindirizzaw il-kwistjoni tal-migrazzjoni irregolari fi tranżitu mil-Libja u li ġejja minn tali pajjiż, billi jżommu quddiem għajnejhom il-bżonn li jinstabu soluzzjonijiet effikaċi u sostenibbli fit-tul li għandhom jindirizzaw il-kawżi profondi tal-migrazzjoni fl-Afrika, fil-pajjiżi ta' oriġini u ta' tranżitu u jiddefinixxu l-bażi ġuridika għall-proċessi tal-migrazzjoni internazzjonali, attwalment ibbażati fuq ir-risistemazzjonijiet permezz tal-Mekkaniżu tat-Tranżitu ta' Emerġenza jew ir-risistemazzjonijiet diretti; li jikkonċentraw l-isforsi tal-UE fuq il-protezzjoni tal-migranti fil-Libja; li jassistu lill-awtoritajiet Libjani jiżguraw ir-ritorn tal-persuni spostati internament (IDPs) fi djarhom u li jsostnu lill-komunitajiet lokali jilqgħu l-isfidi, filwaqt li jiżguraw li r-ritorn tal-IDPs ma jikkostitwix sempliċement skambju bejn kumpens monetarju li jiffavorixxi d-diversi milizji u d-dritt għar-ritorn; li jwissu lill-komunità internazzjonali bil-ħtieġa ta' miżuri biex ikunu indirizzati l-isfidi fil-qasam tal-iżvilupp, tad-drittijiet tal-bniedem u tas-sigurtà fil-Libja u fir-reġjun Saħelo-Saħarjan, inklużi mezzi biex jiġġieldu kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-faċilitazzjoni ta' immigrazzjoni illegali; li jiżguraw li l-miżuri maħsuba għall-ġlieda kontra l-kuntrabandu u t-traffikar tal-bnedmin mhumiex qegħdin jostakolaw il-libertà ta' moviment fid-dawl tal-iżvilupp ekonomiku tar-reġjun;

(x)

li jintensifikaw l-isforzi konġunti li jsiru mill-UE, mill-Unjoni Afrikana u min-NU biex titjieb il-protezzjoni tal-migranti u tar-rifuġjati fil-Libja, u tingħata attenzjoni partikolari lill-individwi vulnerabbli; li jinvestigaw bir-reqqa u minnufih l-allegazzjonijiet dwar l-abbużi u t-trattament diżuman tal-migranti u tar-rifuġjati fil-Libja min-naħa ta' gruppi kriminali, kif ukoll l-allegazzjonijiet ta' skjavitù; li jelaboraw inizjattivi li jimpedixxu li jerġgħu jseħħu episodji simili fil-ġejjieni; li jtejbu l-kundizzjonijiet tar-rifuġjati u tal-migranti fiċ-ċentri ta' detenzjoni u li jħeġġu lill-awtoritajiet Libjani jagħlqu mill-aktar fis dawk il-faċilitajiet li jirriżultaw mhux konformi mal-istandards internazzjonali; li jkompu u jintensifikaw ir-ritorni volontarji assistiti u l-isforzi ta' risistemazzjoni li saru f'kooperazzjoni man-NU u mal-Unjoni Afrikana, b'hekk f'dan il-kuntest tkun sottolinjata l-importanza tal-abolizzjoni tar-rekwiżit Libjan tal-"viżi tal-ħruġ"; li jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet Libjani jwaqqfu d-detenzjonijiet arbitrarji u jevitaw id-detenzjoni ta' persuni vulnerabbli, partikolarment it-tfal; li jiżguraw li l-migranti jkunu ttrattati fir-rispett sħiħ tal-istandards internazzjonali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u li jallokaw il-finanzjamenti neċessarji mill-baġit tal-UE għal dan l-għan; li jistiednu lil-Libja tiffirma u tirratifika l-Konvenzjoni ta' Ġinevra tal-1951 dwar l-Istatus tar-Rifuġjati u l-Protokoll tal-1967 tagħha; li jiżguraw li l-Missjoni tal-Unjoni Ewropea ta' Assistenza fil-Fruntieri (EUBAM) fil-Libja, EUNAVFOR MED operazzjoni SOPHIA u l-Operazzjoni Themis ta' Frontex ikunu ċċentrati konġuntament fuq il-ġlieda kontra l-attivitajiet illeċiti, fosthom il-faċilitazzjoni ta' immigrazzjoni illegali, it-traffikar tal-bnedmin u t-terroriżmu fil-Mediterran ċentrali; li jiżguraw li l-EUBAM, konformement mal-mandat tagħha, tibqa' tassisti u tikkollabora attivament mal-awtoritajiet Libjani f'oqsma prijoritarji relatati mal-ġestjoni tal-fruntieri, mal-eżekuzzjoni tal-liġi u mas-sistema tal-ġustizzja kriminali f'sens usa';

(y)

li jkomplu jiżviluppaw l-isforzi tagħha kontra l-forom kollha ta' faċilitazzjoni tal-immigrazzjoni illegali u ta' traffikar tal-bnedmin fit-territorju Libjan, fi tranżitu mil-Libja u minn tali pajjiż kif ukoll barra mix-xtut tal-Libja, fatt li jikkomprometti l-proċess ta' stabbilizzazzjoni tal-Libja u jipperikola l-ħajja ta' eluf ta' nies; li jiżguraw, f'dan is-sens, il-kontinwità tal-kontribut tal-UE fil-ġlieda kontra tali problemi, billi tagħti assistenza lill-kontropartijiet Libjani fit-tisħiħ tal-kapaċità indispensabbli li tkun garantita s-sigurtà tal-konfini tal-art u tal-baħar tal-pajjiż, u tikkollabora mal-awtoritajiet Libjani fl-attwazzjoni ta' strateġija komprensiva ta' ġestjoni tal-fruntieri;

(z)

li jappoġġjaw soluzzjoni sostenibbli għall-aktar minn 180 000 persuna spostata internament fil-Libja, inklużi, skont stimi, l-40 000 ex abitant ta' Tawargha, permezz tal-possibbiltà ta' risistemazzjoni jew l-aġevolazzjoni ta' ritorni sikuri fi djarhom u b'aktar sostenn lill-UNHCR u lill-IOM għal dan l-għan;

(aa)

li jindirizzaw il-fenomenu tal-ibridazzjoni bejn l-attivitajiet tal-gruppi kriminali internazzjonali u dawk tal-gruppi terroristiċi, billi jsiru investigazzjonijiet bir-reqqa rigward, b'mod partikolari, it-traffikar tal-bnedmin u l-vjolenzi sesswali li saru matul il-kunflitt;

(ab)

li jsostnu l-kollaborazzjoni mal-gwardja tal-kosta Libjana li ppermettiet li ssalvaw kważi 19 000 migrant fl-ilmijiet territorjali Libjani bejn Jannar u l-aħħar ta' Ottubru 2017; li jassistu lill-awtoritajiet Libjani fil-komunikazzjoni formali taż-żona ta' Tiftix u Salvataġġ (SAR) tagħhom, li jinħolqu sensiela ta' proċeduri operattivi standard ċari għall-iżbark u li tiġi garantita sistema ta' monitoraġġ funzjonanti tal-gwardja tal-kosta Libjana sabiex jiġi stabbilit reġistru ċar u trasparenti tal-persuni kollha żbarkati fuq ix-xtut tal-Libja, u jkun żgurat li jittieħed ħsieb tagħhom kif jixraq, b'konformità mal-istandards umanitarji internazzjonali; li jikkollaboraw aktar mal-awtoritajiet Libjani biex tkun intensifikata l-ħidma preparatorja għal ċentru ta' koordinament tas-salvataġġ marittimu fil-Libja bl-iskop li tissaħħaħ il-kapaċità tagħhom ta' tiftix u salvataġġ; li jiżguraw it-tkomplija tat-taħriġ speċjalizzat mogħti mill-IOM u mill-UNHCR lill-gwardja tal-kosta Libjana fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali, id-dritt fil-qasam tar-rifuġjati u tad-drittijiet tal-bniedem;

(ac)

li jintensifikaw l-għajnuna umanitarja u ċivili tagħhom bil-għan li jtaffu s-sitwazzjoni kritika tal-popolazzjoni Libjana u jwieġbu għall-bżonnijiet l-aktar urġenti tal-persuni li ntlaqtu b'mod gravi mill-kunflitt fil-Libja, b'mod partikolari fl-inħawi l-aktar milquta, u jlestu ruħhom ħalli jwieġbu għal kwalunkwe deterjorament tas-sitwazzjoni; li jħeġġu lill-UE tappoġġja r-responsabbilizzazzjoni tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, b'mod partikolari lill-gruppi tan-nisa, li jippruvaw isibu soluzzjonijiet mhux vjolenti għad-diversi kriżijiet tal-pajjiż;

(ad)

li jagħmlu disponibbli r-riżorsi finanzjarji u umani kollha neċessarji biex ikunu megħjuna r-rifuġjati u li jagħtu għajnuna umanitarja adegwata lill-persuni li ġew spostati biex tkun indirizzata l-kriżi umanitarja fil-Libja, li ġiegħlet lil eluf ta' persuni jaħarbu mill-pajjiż;

(ae)

li jiżdiedu l-isforzi internazzjonali biex jiżżarmaw ix-xbieki tal-faċilitazzjoni tal-immigrazzjoni illegali u tat-traffikar tal-bnedmin u jintensifikaw l-isforzi biex tali reat jiġi miġġieled u dawk responsabbli jittellgħu quddiem il-ġustizzja; li jkomplu u jintensifikaw il-ħidma tal-EUNAVFOR MED operazzjoni SOPHIA biex ifixklu l-mudell ta' negozju tat-traffikanti u tal-faċilitaturi ta' dħul klandestin ta' bnedmin, jiġu żviluppati l-kapaċitajiet tal-gwardja tal-kosta Libjana u tkun sostnuta l-implimentazzjoni tar-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar l-embargo fuq l-armi u t-traffikar illegali taż-żejt; li jkomplu jagħtu sostenn lil-Libja permezz tal-missjonijiet ċivili tal-PSDK; li jżidu l-kapaċitajiet relatati mat-tiftix u salvataġġ ta' persuni f'diffikultà u l-kapaċitajiet li għandhom jintużaw mill-Istati kollha, u li jirrikonoxxu s-sostenn mogħti mill-atturi privati u mill-NGOs fit-twettiq tal-operazzjonijiet ta' salvataġġ fil-baħar u fuq l-art, billi jżommu quddiem għajnejhom il-qafas ġuridiku internazzjonali eżistenti u t-tħassib marbuta mas-sigurtà;

(af)

li jtennu s-sostenn sħiħ tagħhom lill-mandat tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI) rigward il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem li qiegħed isir fil-Libja, filwaqt li jitfakkar li l-mekkaniżmi internazzjonali ta' obbligu ta' rendikont bħall-QKI u l-ġurisdizzjoni universali jiżvolġu rwol importanti fl-implimentazzjoni tal-pjan ta' paċi, fl-ambitu ta' qafas li jipprevedi dispożizzjonijiet fil-qasam tal-obbligu ta' rendikont u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem fil-Libja; li jappoġġjaw lill-Qorti Kriminali Internazzjonali fl-isforzi tagħha biex l-awturi tal-atroċitajiet jittellgħu quddiem il-ġustizzja; li jsostnu lir-Rappreżentant Speċjali tan-NU għal-Libja fl-appell tiegħu lill-komunità internazzjonali, ta' Novembru 2017, biex il-Libja tkun megħjuna fil-ġlieda kontra l-impunità tad-delitti tal-gwerra u tkun ikkunsidrata l-possibbiltà li jinħolqu tribunali konġunti; li jistiednu lill-UE u lill-Istati Membri jsostnu l-mekkaniżmi internazzjonali li lis-sistema tal-ġustizzja nazzjonali jagħtuha l-mezzi kollha neċessarji biex jinfetħu investigazzjonijiet dwar ksur gravi tal-imgħoddi u preżenti u biex ikunu appoġġjati l-awtoritajiet futuri leġittimi tal-Libja fil-qadi awtonomu ta' din il-missjoni; li jqisu li proċessi ġusti jkunu jiggarantixxu l-ġustizzja lill-vittmi kollha tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fit-territorju Libjan u dan se jwitti t-triq għal rikonċiljazzjoni u paċi sostenibbli;

(ag)

li jesprimu tħassib bil-preżenza dejjem akbar tad-Daesh u gruppi terroristiċi oħra fil-Libja, li qiegħda tiddestabbilizza l-pajjiż u thedded il-pajjiżi ġirien u l-UE;

(ah)

li jistiednu, b'mod partikolari, lill-awtoritajiet u lill-milizji Libjani jiżguraw aċċess estern għall-faċilitajiet ta' detenzjoni, b'mod partikolari dawk għall-migranti;

(ai)

li jiċċaraw is-sitwazzjoni rigward il-ħlas ta' dividendi fi stokks, l-introjtu mill-bonds u l-pagament tal-imgħax tal-Libyan Investment Authority iffriżati fl-UE; li jfornu rapport dettaljat dwar l-ammont totali tal-imgħax prodott mill-assi ta' Gaddafi minn mindu ġew iffriżati fl-2011 u lista tal-individwi u tal-entitajiet li bbenefikaw li dawn il-pagamenti tal-imgħax; li jindirzzaw bi prijorità l-problema ta' lakuna possibbli rigward dan l-aspett fir-reġim ta' sanzjonijiet tal-UE;

(aj)

li jippromwovu proġetti maħsuba għall-iżvilupp ekonomiku tar-reġjun tal-Fezzan u tal-ekonomija legali bis-saħħa tal-kooperazzjoni mill-qrib mad-diversi muniċipalitajiet, partikolarment dawk li jinsabu tul ir-rotot migratorji, biex jiġu miġġielda l-attivitajiet illegali tax-xbieki kriminali u l-estremiżmu vjolenti tal-gruppi terroristiċi permezz tal-ħolqien ta' għejun alternattivi ta' introjtu, partikolarment għaż-żgħażagħ;

(ak)

li jkomplu l-embargo fuq l-esportazzjoni tal-armi fil-Libja, b'hekk ikun evitat li dawn jaslu f'idejn l-estremisti u l-gruppi armati, fattur li jalimenta ulterjorment l-insigurtà u l-instabbiltà fil-Libja kollha hemm hi;

(al)

li jieħdu azzjoni diplomatika urġenti sabiex jipproteġu lill-popolazzjoni ċivili u jindirizzaw is-sitwazzjoni umanitarja f'Derna;

2.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-rakkomandazzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, kif ukoll, għal skopijiet ta' informazzjoni, lill-Gvern Libjan ta' Kunsens Nazzjonali.

(1)  ĠU C 234, 28.6.2016, p. 30.

(2)  ĠU C 300, 18.8.2016, p. 21.

(3)  ĠU C 35, 31.1.2018, p. 66.


Top