Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018IP0216

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-29 ta' Mejju 2018 dwar it-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-UE 2017 (2018/2009(INI))

    ĠU C 76, 9.3.2020, p. 36–41 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    9.3.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 76/36


    P8_TA(2018)0216

    It-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-UE 2017

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-29 ta' Mejju 2018 dwar it-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-UE 2017 (2018/2009(INI))

    (2020/C 76/05)

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikoli 2, 6 u 7 tiegħu,

    wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 70, 85, 86, 258, 259 u 260 tiegħu,

    wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet rilevanti tiegħu fil-qasam tal-istat tad-dritt u f'dak tal-ġustizzja,

    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni tal-10 ta' April 2017 bit-titolu "It-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-UE 2017" (COM(2017)0167),

    wara li kkunsidra l-istudju tal-2017 taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni Ewropea bl-isem "The judicial system and economic development across EU Member States" ("Is-sistema ġudizzjarja u l-iżvilupp ekonomiku fl-Istati Membri kollha tal-UE") (1),

    wara li kkunsidra l-Istħarriġ tal-2017 tal-Istitut għar-Riforma Legali tal-Kungress tal-Istati Uniti, (Institute for Legal Reform) bit-titolu "The Growth of Collective Redress in the EU" ("It-Tkabbir tar-Rimedju Kollettiv fl-UE") (2),

    wara li kkunsidra l-Bażi tad-Data bl-Istatistika dwar il-Ġeneri tal-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE) (3),

    wara li kkunsidra r-rapporti li għamlet il-Kummissjoni Ewropea għad-Demokrazija permezz tad-Dritt (il-Kummissjoni ta' Venezja), b'mod partikolari l-Lista tal-Kriterji tal-Istat tad-Dritt (4) tagħha,

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Marzu 2014 dwar l-evalwazzjoni tal-ġustizzja fir-rigward tal-ġustizzja kriminali u l-istat tad-dritt (5),

    wara li kkunsidra l-"Comparative study on access to justice in gender equality and anti-discrimination law"("Studju komparattiv dwar l-aċċess għall-ġustizzja fil-liġi dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi u kontra d-diskriminazzjoni") tal-2011 ta' Milieu (6),

    wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar l-imħallfin: l-indipendenza, l-effiċjenza u r-responsabiltajiet (judges: independence, efficiency and responsibilities) (CM/Rec(2010)12) (7),

    wara li kkunsidra l-istudju tal-2017 tad-Dipartiment Tematiku tad-Drittijiet taċ-Ċittadini u l-Affarijiet Kostituzzjonali tal-Parlament Ewropew bit-titolu "Mapping the Representation of Women and Men in Legal Professions Across the EU" ("L-Immappjar tar-Rappreżentanza tan-Nisa u l-Irġiel fil-Professjonijiet Legali Madwar l-UE") (8),

    wara li kkunsidra r-rapporti ta' evalwazzjoni annwali dwar is-sistemi ġudizzjarji Ewropej imfassla mill-Kummissjoni Ewropea għall-Effiċjenza tal-Ġustizzja (CEPEJ) tal-Kunsill tal-Ewropa (9),

    wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali u l-opinjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0161/2018),

    A.

    billi sistemi ġudizzjarji indipendenti, effiċjenti u ta' kwalità huma essenzjali għar-rispett tal-istat tad-dritt, il-ġustizzja fi proċedimenti ġudizzjarji u l-fiduċja taċ-ċittadini u tan-negozji fl-ordinament ġuridiku, billi jiżguraw li l-individwi u n-negozji jistgħu jgawdu b'mod sħiħ id-drittijiet tagħhom; billi sistema ġudizzjarja effettiva hija inseparabbli mill-indipendenza ġudizzjarja, u tappoġġa t-tkabbir ekonomiku, tiddefendi d-drittijiet fundamentali u tirfed l-applikazzjoni xierqa tad-dritt tal-Unjoni; billi l-ġustizzja hija valur fiha nnifisha u minnha nnifisha, b'mod partikolari f'dak li jirrigwarda l-aċċess taċ-ċittadini għall-ġustizzja u r-rispett tad-dritt ta' proċess ġust;

    B.

    billi l-Kummissjoni ppubblikat It-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-UE 2017, li hija għodda informattiva, komparattiva mhux vinkolanti li fil-prinċipju tivvaluta l-effikaċja, l-indipendenza u l-kwalità tas-sistemi ġudizzjarji nazzjonali, bil-għan li jiġi ddeterminat kwalunkwe nuqqas, jiġu identifikati prattika tajba u progress u jiġu ddefiniti aħjar il-politiki tal-ġustizzja tal-Istati Membri, filwaqt li tiffoka għal dak il-għan fuq il-parametri tas-sistemi ġudizzjarji li jikkontribwixxu għal titjib fil-klima tan-negozju, tal-investiment u tal-konsumatur fl-Unjoni;

    C.

    billi l-ħames Tabella ta' Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-UE tanalizza b'mod partikolari, kwistjonijiet relatati mal-aċċess pubbliku għall-proċedimenti ġudizzjarji, l-indipendenza tal-ġudikatura kif meqjus mill-individwi u mis-settur tan-negozju, l-użu attwali tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICT) fis-sistema ġudizzjarja u l-operat tas-sistemi ġudizzjarji nazzjonali f'oqsma speċifiċi relatati mas-suq uniku u mas-settur tan-negozju, filwaqt li tagħti wkoll ħarsa ġenerali inizjali lejn il-funzjonament tas-sistemi ġudizzjarji kriminali nazzjonali fl-infurzar tal-leġiżlazzjoni tal-UE kontra l-ħasil tal-flus;

    D.

    billi t-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-UE 2017 ma tippreżentax klassifikazzjoni ġenerali tas-sistemi ġudizzjarji nazzjonali u m'għandhiex il-ħsieb li tpoġġi sistema qabel oħra;

    E.

    billi, min-naħa l-oħra, it-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Ġustizzja għandha tkun manwal utli li joffri ħarsa ġenerali tal-aħjar prattiki li għandhom jintużaw mill-Istati Membri fil-qasam tal-ġustizzja ċivili, kummerċjali u amministrattiva;

    F.

    billi ħafna data li tirrigwarda ċerti Stati Membri għadha mhijiex disponibbli; billi hemm diskrepanzi fil-kwantità u fil-kontenut speċifiku tad-data pprovduta minn ċerti Stati Membri;

    G.

    billi t-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Ġustizzja 2017 tiffoka prinċipalment fuq il-ġustizzja ċivili, kummerċjali u amministrattiva, iżda tippreżenta wkoll ħarsa ġenerali tal-bidu lejn il-funzjonament tas-sistemi nazzjonali meta japplikaw il-leġiżlazzjoni tal-UE ta' kontra l-ħasil tal-flus fil-ġustizzja kriminali;

    H.

    billi dan l-eżerċizzju mhux vinkolanti għandu l-merti li jidentifika xejriet kemm pożittivi kif ukoll negattivi u li joffri forum għat-tagħlim tal-pari u għall-iskambju tal-aqwa prattiki madwar l-Unjoni sabiex jippromwovi u jiggarantixxi l-konformità mal-istat tad-dritt;

    I.

    billi l-għoti ta' informazzjoni dwar is-sistema ġudizzjarja b'mod li jkun faċli għall-utent huwa prerekwiżit għall-aċċess għall-ġustizzja;

    J.

    billi s-sistemi ġudizzjarji għandhom jiġu adattati biex jilqgħu għall-isfidi l-ġodda li qed tħabbat wiċċha magħhom l-UE;

    Osservazzjonijiet ġenerali

    1.

    Jissottolinja li l-ġustizzja tafferma l-istat tad-dritt fis-soċjetà u tiżgura d-dritt ta' kulħadd għal proċess ġust minn qorti indipendenti u imparzjali; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li kwalunkwe riforma tal-ġustizzja tiddefendi l-istat tad-dritt u tikkonforma mal-istandards tal-UE dwar l-indipendenza ġudizzjarja; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, tkompli timmonitorja r-riformi ġudizzjarji nazzjonali fil-qafas tas-Semestru Ewropew, li jutilizza wkoll informazzjoni mit-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-UE; jistieden barra minn hekk lill-Kummissjoni tiżviluppa kriterji ġodda bil-għan li tivvaluta aħjar il-konformità tas-sistemi ġudizzjarji mal-istat tad-dritt, billi tibbaża ruħha b'mod partikolari fuq il-Lista tal-Kriterji tal-Istat tad-Dritt tal-Kummissjoni ta' Venezja;

    2.

    Jistieden lill-Kummissjoni tiġbor informazzjoni aktar preċiża dwar il-mod kif qed jiġi ttrattat il-ksur tal-istat tad-dritt u t-theddidiet kontra d-drittijiet fundamentali, inklużi l-korruzzjoni, id-diskriminazzjoni u l-ksur kontra l-privatezza, il-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza, tar-reliġjon, tal-espressjoni, tal-għaqda u tal-assoċjazzjoni;

    3.

    Ifakkar fit-talba li saret fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2016 dwar mekkaniżmu tal-UE dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali, u jtenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni li tressaq proposta għall-konklużjoni ta' Patt tal-Unjoni għad-Demokrazija, l-Istat tad-Dritt u d-Drittijiet Fundamentali (Patt tal-UE għad-DRF); jistieden lill-Kummissjoni tiġbor flimkien ir-rapporti eżistenti, inkluża t-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Ġustizzja, sakemm jiġi adottat il-Patt tal-UE għad-DRF);

    4.

    Jieħu nota tat-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-UE 2017 b'interess kbir u jistieden lill-Kummissjoni tkompli tippromwovi aktar dan l-eżerċizzju b'konformità mat-Trattati u b'konsultazzjoni mal-Istati Membri;

    5.

    Jenfasizza li l-ħolqien ta' Tabella ta' Valutazzjoni tal-Ġustizzja separata fi kwistjonijiet kriminali se jservi ta' kontribut fundamentali għall-ħolqien ta' fehim komuni tal-leġiżlazzjoni tal-UE fil-qasam tal-ġustizzja kriminali fost l-imħallfin u l-prosekuturi, u għaldaqstant isaħħaħ il-fiduċja reċiproka;

    6.

    Jistieden lill-Kummissjoni tqis il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, u jidhirlu li l-inklużjoni ta' din il-kwistjoni fit-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Ġustizzja hija prijorità;

    7.

    Jappoġġja l-għan ta' dan l-iskambju u jenfasizza li sistema ġudizzjarja indipendenti, effiċjenti, ta' kwalità għolja tista' tagħti lin-negozji inċentivi biex jiżviluppaw u jinvestu fil-livell nazzjonali u f'dak transfruntier, filwaqt li fl-istess ħin tipproteġi d-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini, u tinforza d-drittijiet tal-konsumaturi u tal-ħaddiema, u b'hekk tagħti spinta lill-kontribut ekonomiku tagħhom;

    8.

    Jinnota l-importanza tal-valurireferenzjarji ġudizzjarji għall-fiduċja reċiproka transfruntiera, għall-kooperazzjoni effettiva bejn l-istituzzjonijiet tal-ġustizzja u għall-ħolqien ta' spazju ġudizzjarju komuni u kultura ġudizzjarja Ewropea; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, għalhekk, tkompli tiżviluppa indikaturi konkreti biex tivvaluta, fil-prattika, ir-rispett tal-valuri tal-UE bħalma hu l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet fundamentali;

    9.

    Jemmen li tqabbil bħal dan jeħtieġ li jkun ibbażat fuq kriterji oġġettivi u evidenza li tkun ikkompilata, imqabbla u analizzata b'mod preċiż filwaqt li jitqiesu l-oqfsa kostituzzjonali u legali individwali; jenfasizza kemm hu importanti li tiġi żgurata l-ugwaljanza fit-trattament bejn l-Istati Membri kollha meta jkunu qed jiġu vvalutati b'mod imparzjali s-sistemi ġudizzjarji tagħhom;

    10.

    Jilqa' l-isforzi tal-Kummissjoni biex tivvaluta, għall-ewwel darba, ċerti aspetti tal-ġustizzja kriminali relatati mal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, u jirrakkomanda li l-Kummissjoni tieħu l-miżuri meħtieġa biex tinkoraġġixxi lill-Istati Membri jipprovdu data dwar it-tul tal-proċeduri ġudizzjarji f'dan il-qasam, bil-ħsieb tad-dħul fis-seħħ tar-Raba', u aktar 'il quddiem, tal-Ħames Direttiva dwar il-Ġlieda kontra l-Ħasil tal-Flus;

    11.

    Jilqa' l-isforzi tal-Kummissjoni biex tippreżenta data li tista' titkejjel u biex tislet konklużjonijiet konkreti dwar kif l-Istati Membri tejbu jew għad jistgħu jtejbu l-kwalità u l-effiċjenza tas-sistemi ġudizzjarji tagħhom, b'mod speċjali fir-rigward tal-istatus u l-ħatra tal-imħallfin, l-indipendenza tagħhom u l-bilanċ bejn is-sessi; jirrimarka li l-lakuna li hemm fid-data kompliet tonqos, b'mod partikolari għall-indikaturi relatati mal-effiċjenza tas-sistemi ġudizzjarji; jiddispjaċih, madankollu, li għad hemm każijiet fejn, għalkemm applikabbli jew disponibbli, l-ebda data ma ġiet ipprovduta minn xi Stati Membri għal ċerti kategoriji; jistieden, għalhekk, lill-Istati Membri jintensifikaw l-isforzi tagħhom biex jagħmlu d-data komparabbli u biex jikkollaboraw bis-sħiħ mal-Kummissjoni billi jagħtu d-data mitluba; jenfasizza li l-Istati Membri jeħtiġilhom inaqqsu l-lakuna li hemm fid-data bil-għan li jilħqu l-prijoritajiet tagħhom għal sistemi tal-ġudizzjarji effiċjenti; jistieden lill-Istati Membri jikkooperaw mill-qrib mal-Kummissjoni Ewropea għall-Effikaċja tal-Ġustizzja (CEPEJ) mal-Kummissjoni, speċjalment permezz tal-grupp informali ta' esperti nazzjonali mill-Ministeri u mis-sistemi ġudizzjarji rispettivi, sabiex jimlew il-lakuni li għad fadal fid-data taħt xi kategoriji tat-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Ġustizzja;

    12.

    Jistieden lill-Istati Membri jeżaminaw mill-qrib ir-riżultati tat-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-UE 2017 u jiddeterminaw x'lezzjonijiet jeħtieġ jitgħallmu minnha u jikkunsidraw jekk għandhomx jiġu adottati miżuri nazzjonali sabiex titranġa kwalunkwe irregolarità li tirrigwarda l-kwalità, l-effiċjenza u l-indipendenza tas-sistemi ġudizzjarji nazzjonali tagħhom;

    13.

    Jinnota li ħafna mill-Istati Membri żammew l-isforzi tagħhom sabiex itejbu l-effettività tas-sistemi ġudizzjarji nazzjonali tagħhom permezz tal-introduzzjoni ta' riformi; jilqa' l-fatt li tħabbar għadd sinifikanti ta' riformi ġodda fir-rigward tal-għajnuna legali, metodi ta' soluzzjoni alternattiva għat-tilwim (alternative dispute resolution - ADR), l-ispeċjalizzazzjoni tal-qrati u l-mapep ġudizzjarji;

    Effiċjenza

    14.

    Jenfasizza l-importanza ta' proċedimenti effiċjenti u f'waqthom skont l-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE; jenfasizza, barra minn hekk, kemm huma importanti li l-proċedimenti jsiru malajr u b'mod effiċjenti fi kwistjonijiet ta' ħarsien tal-konsumatur, drittijiet tal-proprjetà intellettwali u privatezza tad-data; jinnota bi tħassib li tali proċedimenti damu żżejjed f'xi Stati Membri; jindika li l-fatt li jkun hemm għadd kbir ta' każijiet pendenti jista' jwassal ukoll biex iċ-ċittadini u n-negozji jkollhom inqas rieda li jafdaw fis-sistema ġudizzjarja, filwaqt li l-fiduċja hija l-ġebla tax-xewka tar-rispett tal-istat tad-dritt;

    15.

    Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jinvestu fl-użu u fl-iżvilupp kontinwu ta' għodod tal-ICT fis-sistemi ġudizzjarji tagħhom, fi sforz biex dawn isiru aktar aċċessibbli, aktar komprensibbli u aktar faċli biex jintużaw miċ-ċittadini kollha tal-UE, b'mod speċjali dawk b'xi forma ta' diżabilità u l-gruppi vulnerabbli, inklużi l-minoranzi nazzjonali u/jew il-migranti; jenfasizza l-benefiċċju li għandhom is-sistemi tal-ICT għall-kooperazzjoni transfruntiera bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istati Membri kif ukoll fil-livell nazzjonali fit-tnaqqis tal-ispejjeż għall-partijiet ikkonċernati kollha involuti, kif ukoll f'dawk li huma t-titjib tal-effiċjenza u l-kwalità ġenerali tas-sistemi ġudizzjarji, pereżempju permezz tat-tressiq elettroniku tal-pretensjonijiet, il-possibilità li proċedimenti jiġu monitorjati u mwettqa online u l-komunikazzjoni elettronika bejn il-qrati u l-avukati; jiddispjaċih għall-fatt li s'issa mkien fl-UE kollha għadu ma ntlaħaq il-potenzjal sħiħ tas-sistemi tal-ICT; jilqa' t-trasparenza fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri rigward il-pubblikazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-qrati; jenfasizza li d-disponibilità tal-informazzjoni online b'mod li jkun faċli għall-utent tikkontribwixxi b'mod sinifikanti biex il-ġustizzja tkun aċċessibbli għaċ-ċittadini u n-negozji; jistieden lill-Istati Membri jippubblikaw online id-deċiżjonijiet kollha tal-qrati peress li dan se jgħin liċ-ċittadini u lin-negozji jsiru aktar familjari mas-sistema ġudizzjarja kif ukoll jagħmilha iktar trasparenti; Jinnota barra minn hekk li dan jista' jiffaċilita l-konsistenza tal-ġurisprudenza;

    16.

    Jenfasizza l-ħtieġa li l-ambitu tat-taħriġ offrut lill-imħallfin jiġi intensifikat u diversifikat, għaliex dan huwa wkoll bażi għal sistema ġudizzjarja effiċjenti, indipendenti u imparzjali; jenfasizza b'mod partikolari l-ħtieġa li jingħata taħriġ fl-oqsma tar-rwoli, in-normi u l-istereotipi tas-sessi, l-etika ġudizzjarja, il-ħiliet tal-IT, il-ġestjoni ġudizzjarja, il-medjazzjoni, u l-komunikazzjoni mal-partijiet u mal-istampa; jenfasizza barra minn hekk l-importanza ta' taħriġ adegwat fid-dritt tal-UE u fl-istrutturi ta' kooperazzjoni differenti tal-UE, bħalma hi l-Eurojust; jinnota li oqsma speċifiċi tad-dritt tal-UE, bħalma hi l-leġiżlazzjoni dwar id-drittijiet tal-awtur u l-privatezza, jistgħu jeħtieġu fehim mhux biss tal-liġi iżda tal-iżviluppi teknoloġiċi wkoll; jinnota li l-ispeċjalizzazzjoni tal-imħallfin u tal-qrati tidher li għandha effett pożittiv fuq l-effiċjenza kif ukoll fuq il-kwalità tas-sistemi ġudizzjarji; jitlob lill-Kummissjoni tkompli teżamina din il-kwistjoni fl-eżerċizzju tas-sena d-dieħla; jissottolinja li huwa meħtieġ taħriġ kontinwu u sistematiku tal-imħallfin u ta' esperti legali oħra sabiex jiġu żgurati l-applikazzjoni koerenti u ta' kwalità għolja tad-dritt tal-Unjoni u l-infurzar effiċjenti tagħha; jistieden lill-Istati Membri jinvestu aktar fl-iżvilupp tat-taħriġ ġudizzjarju u fl-edukazzjoni kontinwa għall-professjonisti fil-qasam tal-ġustizzja, bħalma huma l-imħallfin, inkluż fi Stati Membri oħra, bil-għan li jiġu skambjati l-esperjenzi u l-aħjar prattiki;

    17.

    Iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet tal-UE jappoġġjaw l-iżvilupp ulterjuri tal-medjazzjoni fil-livell tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta b'mod sistematiku l-impatti tal-medjazzjoni fis-sistemi ġudizzjarji tal-UE;

    Kwalità

    18.

    Jistieden lill-Kummissjoni żżid il-proċeduri ta' rimedju kollettiv mal-eżerċizzju komparattiv tas-sena d-dieħla dwar il-fatturi ta' aċċessibilità tas-sistemi ġudizzjarji, peress li jemmen li l-aċċess għall-ġustizzja u għar-riżoluzzjoni effiċjenti tat-tilwim huwa ta' importanza ewlenija; iqis li dawn il-proċeduri huma għodda mill-akbar sabiex jissaħħaħ il-ħarsien tal-konsumatur, tal-ambjent u tas-saħħa fl-UE kollha kemm hi, f'oqsma fejn għadd kbir ta' rikorrenti huma affettwati direttament; iqis li l-proċeduri ta' rimedju kollettiv jiffaċilitaw l-aċċess taċ-ċittadini għall-ġustizzja u għas-soluzzjoni effiċjenti tat-tilwim u konsegwentement jeliminaw l-ostakli mhux raġonevoli, b'mod partikolari għaċ-ċittadini li jgħixu taħt is-soll tal-faqar jew li jkunu involuti f'każijiet b'dimensjoni transfruntiera;

    19.

    Jinnota li l-biċċa l-kbira tal-Istati Membri jirrikjedu lill-partijiet iħallsu onorarju tal-qorti meta jkunu qed jagħtu bidu għal proċedimenti legali; jenfasizza li d-disponibilità tal-għajnuna legali u l-livell tal-onorarji tal-qrati għandhom impatt ewlieni fuq l-aċċess għall-ġustizzja, li hu dritt fundamentali fl-UE, b'mod partikolari għaċ-ċittadini li qed jgħixu fil-faqar, u jissottolinja r-rwol tal-għajnuna legali biex jiġi ggarantit li l-partijiet aktar dgħajfa jistgħu jkollhom aċċess għall-ġustizzja b'kundizzjonijiet indaqs; jenfasizza li l-għajnuna legali għall-konsumaturi li jgħixu taħt is-soll tal-faqar tibqa' fattur ta' bbilanċjar essenzjali; jirrimarka li d-diffikultà biex tinkiseb għajnuna legali tista' tkun deterrent mill-akbar fejn l-onorarji tal-qorti u/jew l-onorarji legali jirrappreżentaw sehem sinifikanti tal-valur tal-pretensjoni; iqis li l-għajnuna legali għandha jkollha rabta mas-soll tal-faqar fl-Istati Membri; isostni li l-ispejjeż legali għandhom, b'mod ġenerali, ikomplu jitnaqqsu, pereżempju, billi jsir użu ta' portali elettroniċi nazzjonali tal-ġustizzja elettronika; jistieden lill-Istati Membri jtejbu l-faċilità tal-użu tal-informazzjoni online għall-utent ħalli jippermettu liċ-ċittadini jsiru jafu jekk ikunux eliġibbli għall-għajnuna legali, inkluża informazzjoni online aċċessibbli għall-persuni b'vista batuta;

    20.

    Jistieden lill-Kummissjoni tintroduċi, qabel l-għeluq tal-eżerċizzju tas-sena d-dieħla, indikatur ġdid dwar l-aċċess għall-ġustizzja għal kwalunkwe grupp li jista' possibilment ikun sottoprivileġġjat jew qed isofri diskriminazzjoni, ħalli jiġu identifikati l-ostakli li jista' jkun hemm;

    21.

    Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu indirizzati d-disparitajiet li għadhom jeżistu fil-bilanċ bejn is-sessi u l-lakuni konsiderevoli li għad hemm fil-proporzjonijiet fost l-imħallfin, jiġifieri fil-qrati ta' istanza ogħla / qrati supremi, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f'dak tal-UE; jinnota, b'dispjaċir, l-iżvilupp negattiv riċenti fil-proporzjon ta' mħallfin professjonali nisa f'xi Stati Membri;

    22.

    Jenfasizza li għad hemm ħafna xi jsir f'dik li hi ugwaljanza bejn is-sessi fil-professjonijiet ġudizzjarji madwar l-Ewropa, b'mod speċjali fl-aċċess għall-maġistratura, f'dawk li huma stereotipi tas-sessi, trasparenza fil-ħatriet, rikonċiljazzjoni bejn ir-responsabilitajiet tax-xogħol u dawk mhux tax-xogħol jew l-eżistenza ta' prattiki ta' gwida minn mentor; jenfasizza d-diskrepanza ċara li hemm bejn il-proporzjon ta' professjonisti nisa fil-livelli aktar baxxi tal-ġudikatura (inklużi uffiċjali mhux ġudizzjarji) u tal-qrati superjuri u tal-prosekuzzjoni; iħeġġeġ lill-Istati Membri jidderieġu l-isforzi tagħhom, b'mod partikolari fil-qasam tal-edukazzjoni għolja, lejn in-nisa li jinsabu fil-professjonijiet ġuridiċi, u jinkoraġġixxu attitudni pożittiva lejn l-imħallfin nisa;

    23.

    Ifakkar fid-Dikjarazzjoni Konġunta tal-2015 tal-Parlament Ewropew u mill-Kunsill (10) li tiddikjara li l-Istati Membri għandhom, kemm jista' jkun possibbli u fid-dawl tal-objettiv li tintlaħaq l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa stabbilit fl-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, jiżguraw preżenza indaqs ta' nisa u rġiel meta jkunu qed jaħtru kandidati bħala mħallfin fil-Qorti Ġenerali tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea; iħeġġeġ lill-Istati Membri jagħtu eżempju tajjeb f'dan ir-rigward;

    24.

    Jenfasizza li, filwaqt li iktar minn nofs l-Istati Membri żiedu n-nefqa tagħhom fuq is-sistema ġudizzjarja għal kull abitant fl-2015, id-determinazzjoni tar-riżorsi finanzjarji għadha fil-biċċa l-kbira msejsa fuq l-ispejjeż storiċi minflok li huma msejsa fuq il-piż tax-xogħol attwali jew fuq l-għadd ta' talbiet tal-qorti;

    25.

    Jilqa' l-użu akbar ta' mekkaniżmi alternattivi għas-soluzzjoni tat-tilwim fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, b'mod partikolari dak tal-pjattaforma Ewropea għas-soluzzjoni online għat-tilwim (ODR) għall-konsumaturi u n-negozjanti;

    26.

    Jieħu nota tan-nuqqas ta' data disponibbli fil-qasam tal-kwistjonijiet matrimonjali u l-kwistjonijiet ta' responsabilità tal-ġenituri; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tinkludi tali data fit-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-UE meta din issir disponibbli mill-Istati Membri, possibilment bħala objettiv ta' nofs it-terminu li għandu jiddaħħal fis-seħħ wara li jitlesta r-rieżami tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta' sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta' responsabilità tal-ġenituri;

    Indipendenza

    27.

    Jissottolinja li l-indipendenza, il-kwalità u l-effiċjenza huma elementi fundamentali għal sistema ġudizzjarja effettiva, li min-naħa tagħha hija ċentrali għall-istat tad-dritt, għall-ġustizzja tal-proċedimenti ġudizzjarji u għall-fiduċja taċ-ċittadini u tan-negozji fl-ordinament ġuridiku; jenfasizza, barra minn hekk, li l-indipendenza tal-ġudikatura hija parti integrali mid-demokrazija; iqis li sistema ġudizzjarja indipendenti tiddependi, minn naħa, min-nuqqas ta' indħil jew pressjoni mill-gvernijiet u l-politiċi jew minn partijiet b'interessi ekonomiċi speċifiċi u, min-naħa l-oħra, mill-garanziji effettivi pprovduti mill-istatus u l-pożizzjoni tal-imħallfin kif ukoll mis-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom; jenfasizza li trid tiġi żgurata biżżejjed awtonomija sabiex l-awtoritajiet ta' prosekuzzjoni jiġu protetti minn influwenza politika mhux xierqa; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, tinkludi fil-parti tat-Tabella ta' Valutazzjoni taqsima ddedikata għall-istatus tal-prosekuturi pubbliċi u għall-awtonomija tagħhom; jistieden ukoll lill-Kummissjoni tkompli tivvaluta s-salvagwardji legali għall-indipendenza ġudizzjarja, inkluż b'kooperazzjoni man-netwerks tal-Qrati Supremi u tal-Kunsilli tal-Ġudikatura;

    28.

    Jirrimarka l-importanza ta' mekkaniżmi imparzjali, jiġifieri ħielsa mid-diskrezzjoni eżekuttiva arbitrarja, u komprensivi għall-ħatra, l-evalwazzjoni, it-trasferiment jew it-tkeċċija tal-imħallfin;

    o

    o o

    29.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

    (1)  http://publications.jrc.ec.europa.eu/repository/bitstream/JRC104594/jrc104594__2017_the_judicial_system_and_economic_development_ across_eu_member_states.pdf

    (2)  http://www.instituteforlegalreform.com/uploads/sites/1/The_Growth_of_Collective_Redress_in_the_EU_A_Survey_of_Developments_in_10_ Member_States_April_2017.pdf

    (3)  http://eige.europa.eu/gender-statistics/dgs

    (4)  http://www.venice.coe.int/webforms/documents/default.aspx?pdffile=CDL-AD(2016)007-e

    (5)  ĠU C 378, 9.11.2017, p. 136.

    (6)  Milieu Ltd (2011), ‘Comparative study on access to justice in gender equality and anti-discrimination law' ("Studju komparattiv dwar l-aċċess għall-ġustizzja fil-liġi dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi u kontra d-diskriminazzjoni’), Rapport ta' Sinteżi, DĠ Ġustizzja tal-Kummissjoni Ewropea, Brussell.

    (7)  https://wcd.coe.int/ViewDoc.jsp?p=&Ref=CM/Rec(2010)12&Language=lanEnglish&Ver=original&BackColorInternet=C3C3C3&BackColor Intranet=EDB021&BackColorLogged=F5D383&direct=true

    (8)  http://www.europarl.europa.eu/RegData/etudes/STUD/2017/596804/IPOL_STU(2017)596804_EN.pdf.

    (9)  https://www.coe.int/t/dghl/cooperation/cepej/evaluation/default_en.asp

    (10)  ĠU C 436, 24.12.2015, p. 1.


    Top