Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018IP0199

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-3 ta' Mejju 2018 dwar l-elezzjonijiet fil-Venezwela (2018/2695(RSP))

    ĠU C 41, 6.2.2020, p. 33–34 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    6.2.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 41/33


    P8_TA(2018)0199

    Elezzjonijiet presidenzjali fil-Venezwela

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-3 ta' Mejju 2018 dwar l-elezzjonijiet fil-Venezwela (2018/2695(RSP))

    (2020/C 41/05)

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra d-diversi riżoluzzjonijiet tiegħu dwar il-Venezwela, b'mod partikolari dawk tas-27 ta' Frar 2014 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela (1), tat-18 ta' Diċembru 2014 dwar il-persekuzzjoni tal-oppożizzjoni demokratika fil-Venezwela (2), u tat-12 ta' Marzu 2015 (3), tat-8 ta' Ġunju 2016 (4), tas-27 ta' April 2017 (5) u tat-8 ta' Frar 2018 (6) dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela,

    wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

    wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi,

    wara li kkunsidra l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali,

    wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet ta' "El Grupo de Lima"tat-23 ta' Jannar 2018 u tal-14 ta' Frar 2018,

    wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-13 ta' Novembru 2017 u tat-22 ta' Jannar 2018,

    wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) tas-26 ta' Jannar 2018 dwar l-aħħar żviluppi fil-Venezwela,

    wara li kkunsidra l-istqarrija tat-8 ta' Frar 2018 tal-Prosekutur tal-Qorti Kriminali Internazzjonali, is-Sa Fatou Bensouda,

    wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-VP/RGħ, tad-19 ta' April 2018, dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela,

    wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-20 ta' April 2018 tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani (OAS) dwar is-sitwazzjoni umanitarja li sejra għall-agħar fil-Venezwela,

    wara li kkunsidra l-istqarrija tat-23 ta' April 2018 tal-Grupp tiegħu għas-Sostenn għad-Demokrazija u Koordinazzjoni tal-Elezzjonijiet,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    A.

    billi l-elezzjonijiet presidenzjali bikrija msejħa mill-Assemblea Kostitwenti Nazzjonali, mhux rikonoxxuta internazzjonalment, u approvati mill-Kunsill Elettorali Nazzjonali (CNE) issa għandhom isiru fl-20 ta' Mejju 2018; billi s-CNE ddeċieda li jillimita l-parteċipazzjoni fl-elezzjonijiet lokali u reġjonali simultanji għal dawk il-partiti li jippreżentaw kandidati għall-elezzjonijiet presidenzjali;

    B.

    billi, fil-25 ta' Jannar 2018, il-Qorti Suprema Venezwelana ddeċidiet li teskludi mill-elezzjonijiet presidenzjali l-Mesa de la Unidad Democrática (MUD), koalizzjoni ta' partiti tal-oppożizzjoni, deċiżjoni li tirrappreżenta ksur serju tal-prinċipju ta' elezzjonijiet ġusti, hekk li tipprojbixxi lill-kandidati tal-oppożizzjoni milli jikkompetu fl-elezzjonijiet liberament u fuq termini ugwali;

    C.

    billi l-kundizzjonijiet għal elezzjonijiet kredibbli, trasparenti u inklużivi mhumiex issodisfati, kif evidenzjat matul it-taħditiet f'Santo Domingo li fihom il-Gvern u l-oppożizzjoni tal-Venezwela ma waslux għal ftehim; billi entitajiet demokratiċi internazzjonali, inkluża l-Unjoni Ewropea, irrifjutaw l-istedina biex josservaw tali proċess elettorali illeġittimu;

    D.

    billi, fit-13 ta' Novembru 2017, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea ddeċieda li jadotta embargo fuq l-armi kontra l-Venezwela u projbizzjoni fuq materjal relatat li jista' jintuża għal repressjoni interna; billi fit-22 ta' Jannar 2018, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea ddeċieda, b'mod unanimu, li jimponi sanzjonijiet kontra seba' individwi Venezwelani li għandhom pożizzjonijiet uffiċjali, fil-forma ta' miżuri restrittivi bħall-projbizzjoni fuq vjaġġar u l-iffriżar tal-assi, b'konsegwenza tan-nuqqas ta' rispett tal-prinċipji demokratiċi;

    E.

    billi l-iżviluppi riċenti fil-Venezwela qed jikkawżaw aktar polarizzazzjoni u deterjorament tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt; billi l-Venezwela qed tħabbat wiċċha ma' kriżi politika, soċjali, ekonomika u umanitarja bla preċedent u li qed tirriżulta f'ħafna mwiet;

    1.

    Jirrifjuta b'mod qawwi d-deċiżjoni tal-Assemblea Kostitwenti Nazzjonali mhux rikonoxxuta internazzjonalment, u approvata mill-Kunsill Elettorali Nazzjonali, li jsiru elezzjonijiet presidenzjali bikrija, li attwalment huwa ppjanat li jsiru fl-20 ta' Mejju 2018; jappella biex jiġu sospiżi minnufih sakemm jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet għal elezzjonijiet kredibbli, trasparenti u inklużivi;

    2.

    Jinsisti li l-UE sejra tirrikonoxxi biss elezzjonijiet ibbażati fuq kalendarju elettorali vijabbli, maqbula fil-kuntest tad-djalogu nazzjonali mal-atturi rilevanti u l-partiti politiċi kollha, u li jirrispettaw kundizzjonijiet ta' parteċipazzjoni ekwi, ġusti u trasparenti – inklużi t-tneħħija tal-projbizzjonijiet tal-avversarji politiċi, il-ħlis tal-priġunieri politiċi, il-kompożizzjoni bbilanċjata ta' Kunsill Elettorali Nazzjonali imparzjali u l-eżistenza ta' garanziji suffiċjenti, inkluż monitoraġġ minn osservaturi internazzjonali indipendenti;

    3.

    Jappella biex jissejħu minnufih elezzjonijiet li jirrispettaw l-istandards internazzjonali kollha, b'konformità sħiħa mal-kriterji tal-OAS; jenfasizza li l-gvern leġittimu li jiġi ffurmat minn dawn l-elezzjonijiet għandu jindirizza b'mod urġenti l-kriżi ekonomika u soċjali attwali fil-Venezwela u jaħdem favur ir-rikonċiljazzjoni nazzjonali tal-pajjiż;

    4.

    Jistieden kemm lill-gvern kif ukoll lill-oppożizzjoni biex jadottaw mingħajr aktar dewmien pjan ta' stabilizzazzjoni makroekonomika flimkien mal-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali biex jiġu indirizzati l-bosta sfidi li l-pajjiż qed iħabbat wiċċu magħhom, bħalma huma l-kriżi umanitarja kkawżata bl-iperinflazzjoni u l-iskarsezza tal-komoditajiet bażiċi u tal-mediċini; itenni l-appell tiegħu lill-Gvern tal-Venezwela biex iħalli li l-għajnuna umanitarja tidħol fil-pajjiż;

    5.

    Ifakkar li, fiċ-ċirkustanzi attwali, il-Parlament Ewropew ma jistax jirrikonoxxi l-elezzjonijiet li jirriżultaw minn dan il-proċess illeġittimu; f'dan ir-rigward, jitlob lill-Unjoni Ewropea, lill-OAS u lill-"Grupo de Lima"biex jaġixxu b'għaqda u b'mod ikkoordinat;

    6.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Gvern u lill-Assemblea Nazzjonali tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela, lill-Assemblea Parlamentari Ewro-Latino-Amerikana u lis-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani.

    (1)  ĠU C 285, 29.8.2017, p. 145.

    (2)  ĠU C 294, 12.8.2016, p. 21.

    (3)  ĠU C 316, 30.8.2016, p. 190.

    (4)  ĠU C 86, 6.3.2018, p. 101.

    (5)  Testi adottati, P8_TA(2017)0200.

    (6)  Testi adottati, P8_TA(2018)0041.


    Top