Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018IP0186

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' April 2018 dwar l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jikkonċernaw il-parlamenti nazzjonali (2016/2149(INI))

    ĠU C 390, 18.11.2019, p. 121–127 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    18.11.2019   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 390/121


    P8_TA(2018)0186

    L-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jikkonċernaw il-parlamenti nazzjonali

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' April 2018 dwar l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jikkonċernaw il-parlamenti nazzjonali (2016/2149(INI))

    (2019/C 390/18)

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), b'mod partikolari l-Artikolu 5 dwar l-għoti tal-kompetenzi u s-sussidjarjetà, l-Artikolu 10(1) dwar id-demokrazija rappreżentattiva, l-Artikolu 10(2) dwar ir-rappreżentanza taċ-ċittadini tal-UE, l-Artikolu 10(3) dwar id-dritt taċ-ċittadini tal-UE li jipparteċipaw fil-ħajja demokratika tal-Unjoni, l-Artikolu 11 dwar id-demokrazija parteċipattiva, l-Artikolu 12 dwar ir-rwol tal-parlamenti nazzjonali, l-Artikolu 48(3) dwar il-proċedura ta' reviżjoni ordinarja u l-Artikolu 48(7) (il-klawżola "passerelle") tiegħu,

    wara li kkunsidra l-Protokoll Nru 1 dwar ir-rwol tal-parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea anness mat-Trattat ta' Amsterdam u l-Protokoll Nru 2 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità anness mat-Trattat ta' Lisbona,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 15 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u l-Artikoli 41 u 42 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tat-12 ta' Ġunju 1997 dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali (1), tas-7 ta' Frar 2002 dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali fil-qafas tal-integrazzjoni Ewropea (2), tas-7 ta' Mejju 2009 dwar l-iżvilupp tar-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali taħt it-Trattat ta' Lisbona (3) u tas-16 ta' April 2014 dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali (4),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tas-16 ta' Frar 2017 dwar it-titjib tal-funzjonament tal-Unjoni Ewropea bl-isfruttament tal-potenzjal tat-Trattat ta' Lisbona (5), dwar il-kapaċità baġitarja għaż-żona tal-euro (6) u dwar evoluzzjonijiet u aġġustamenti possibbli tal-istruttura istituzzjonali attwali tal-Unjoni Ewropea (7),

    wara li kkunsidra r-rapporti annwali tal-Kummissjoni dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-parlamenti nazzjonali, b'mod partikolari r-rapport għall-2014 tat-2 ta' Lulju 2015 (COM(2015)0316), u għall-2015 tal-15 ta' Lulju 2016 (COM(2016)0471), u r-rapporti annwali tagħha dwar is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità, b'mod partikolari r-rapporti għall-2015 tal-15 ta' Lulju 2016 (COM(2016)0469), u għall-2016 tat-30 ta' Ġunju 2017 (COM(2017)0600),

    wara li kkunsidra r-rapporti annwali tad-Direttorat għar-Relazzjonijiet mal-Parlamenti Nazzjonali tal-Parlament Ewropew, b'mod partikolari r-Rapport ta' nofs it-terminu tal-2016 dwar ir-Relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali,

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Ottubru 2017 dwar il-monitoraġġ tal-applikazzjoni tad-dritt tal-UE fl-2015 (8),

    wara li kkunsidra l-White Paper tal-Kummissjoni dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa tal-1 ta' Marzu 2017, u d-diskors dwar l-Istat tal-Unjoni mill-President tal-Kummissjoni Jean-Claude Juncker tat-13 ta' Settembru 2017, li fih ġie ppreżentat pjan direzzjonali,

    wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni intitolata "Integrazzjoni Ewropea Akbar: It-triq 'il quddiem" mill-Presidenti tal-Camera dei Deputati tal-Italja, l-Assemblée Nationale ta' Franza, il-Bundestag tal-Ġermanja u x-Chambre des Députés tal-Lussemburgu, li ġiet iffirmata fl-14 ta' Settembru 2015 u hija attwalment approvata minn 15-il kamra tal-parlamenti nazzjonali fl-UE,

    wara li kkunsidra l-konklużjonijiet adottati mill-Konferenza tal-Ispeakers tal-Parlamenti tal-UE (il-Konferenza tal-Ispeakers tal-UE) fil-laqgħat tagħha mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona, b'mod partikolari dawk fil-Lussemburgu fl-2016 u fi Bratislava fl-2017,

    wara li kkunsidra l-kontributi u l-konklużjonijiet tal-laqgħat tal-Konferenza tal-Kumitati għall-Affarijiet Ewropej tal-Parlamenti tal-Unjoni Ewropea (COSAC) sa mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona, b'mod partikolari l-laqgħat li saru fil-Belt Valletta u f'Tallinn fl-2017, u r-rapporti biannwali tal-COSAC,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 13 tat-Trattat dwar l-Istabilità, il-Koordinazzjoni u l-Governanza fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja (TSKG) li fih hemm minquxa l-organizzazzjoni tal-konferenzi interparlamentari għall-finijiet tad-diskussjoni tal-politiki baġitarji u kwistjonijiet oħra koperti mit-Trattat;

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tas-Senát tar-Repubblika Ċeka tat-30 ta' Novembru 2016 (is-26 riżoluzzjoni tal-11-il terminu), ir-riżoluzzjoni tas-Senato della Repubblica tal-Italja tad-19 ta' Ottubru 2016 (Dok. XVIII nru. 164) u l-kontributi tal-Kumitat għall-Politiki tal-Unjoni Ewropea tiegħu tat-2 ta' Mejju 2017 (Prot. 573) u l-kontributi tal-Kumitat għall-Affarijiet tal-UE tal-Assemblée Nationale ta' Franza fil-31 ta' Mejju 2017 (referenza 2017/058) u l-Kumitat Permanenti għall-Affarijiet Ewropej tat-Tweede Kamer der Staten-Generaal (Kamra tar-Rappreżentanti) tan-Netherlands tat-22 ta' Diċembru 2017 (ittra A(2018)1067);

    wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, kif ukoll l-Artikolu 1(1)(e) u l-Anness 3 tad-deċiżjoni tal-Konferenza tal-Presidenti tat-12 ta' Diċembru 2002 dwar il-proċedura tal-għoti ta' awtorizzazzjoni għat-tfassil tar-rapporti fuq inizjattiva proprja,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali (A8-0127/2018),

    A.

    billi l-parlamenti nazzjonali jikkontribwixxu attivament għall-funzjonament kostituzzjonali tajjeb tal-Unjoni Ewropea (l-Artikolu 12 tat-TUE) u b'hekk għandhom rwol importanti fil-leġittimità demokratika tagħha u jwettquha fil-milja tagħha;

    B.

    billi l-obbligu ta' rendikont parlamentari tal-gvernijiet nazzjonali fil-qafas tal-affarijiet Ewropej, li jiddependi mill-prattiki nazzjonali individwali, huwa l-bażi fundamentali tar-rwol tal-parlamenti nazzjonali fit-Trattat Ewropew attwali;

    C.

    billi, sabiex jitjieb is-sens ta' appartenenza, il-parlamenti nazzjonali għandhom jiskrutinizzaw il-gvernijiet nazzjonali bħalma l-Parlament Ewropew jiskrutinizza l-eżekuttiv Ewropew; billi, madankollu, il-livell ta' influwenza tal-parlamenti nazzjonali fuq il-gvernijiet nazzjonali jvarja b'mod sinifikanti fil-livell ta' Stat Membru;

    D.

    billi l-parlamenti nazzjonali ħafna drabi jilmentaw dwar l-involviment limitat tagħhom fl-affarijiet tal-Unjoni u jixtiequ jkunu assoċjati aktar mal-iżvilupp tal-proċess ta' integrazzjoni Ewropea;

    E.

    billi n-nuqqas ta' trasparenza fil-proċessi leġiżlattivi u tat-teħid ta' deċiżjonijiet tal-UE jġib ir-riskju li jimmina kemm il-prerogattivi tal-parlamenti nazzjonali taħt it-Trattati u l-Protokolli rilevanti kif ukoll, b'mod partikolari, ir-rwol tagħhom bħala l-gwardjani tal-gvernijiet tagħhom;

    F.

    billi l-pluraliżmu tal-parlamenti nazzjonali huwa ta' benefiċċju notevoli għall-Unjoni, billi l-allinjament ta' pożizzjonijiet politiċi differenti fl-Istati Membri jsaħħaħ u jwessa' d-dibattiti trażversali fil-livell Ewropew;

    G.

    billi s-sottorappreżentanza tal-minoranzi parlamentari fl-affarijiet Ewropej għandha tiġi kontrobilanċjata filwaqt li jiġu rispettati b'mod sħiħ il-maġġoranzi f'kull parlament nazzjonali, u b'mod konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità;

    H.

    billi l-parlamenti nazzjonali għandhom rwol fi kwalunkwe reviżjoni tat-Trattati Ewropej u riċentement intalbu jinvolvu ruħhom f'sensiela ta' fora demokratiċi tal-UE;

    I.

    billi l-isfera pubbblika Ewropea tista' titrawwem permezz ta' sensiela ta' fora dwar il-futur tal-Ewropa, li għandhom jiġu organizzati mill-parlamenti nazzjonali u l-Parlament Ewropew bħala rappreżentanti naturali tad-demos Ewropew; billi tali fora jistgħu jiġu approvati permezz tal-Ġimgħa Ewropea komuni, li fiha membri tal-kmamar parlamentari nazzjonali jiddiskutu simultanjament affarijiet Ewropej fil-preżenza ta' Kummissarji u Membri tal-Parlament Ewropew;

    J.

    billi kif intwera mit-tendenzi elettorali riċenti, il-kriżi ekonomika, finanzjarja u soċjali kattret l-isfiduċja u d-diżillużjoni taċ-ċittadini tal-UE fil-mudell ta' rappreżentanza demokratiku attwali, kemm fil-livell Ewropew kif ukoll dak nazzjonali;

    K.

    billi l-implimentazzjoni tad-dritt tal-parlamenti nazzjonali li jiskrutinizzaw il-konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, abbażi tal-hekk imsejħa sistema ta' twissija bikrija (STB), tejbet parzjalment ir-relazzjonijiet bejn l-istituzzjonijiet tal-UE u l-parlamenti nazzjonali;

    L.

    billi l-parlamenti nazzjonali xi kultant jikkritikaw l-STB u jiddikjaraw li mhuwiex faċli li jitpoġġew fil-prattika d-dispożizzjonijiet tagħha u li m'għandhiex kamp ta' applikazzjoni wiesgħa;

    M.

    billi ntlaħaq progress fl-implimentazzjoni tal-STB kif muri mill-aktar ċifri riċenti dwar l-għadd totali ta' opinjonijiet preżentati mill-parlamenti nazzjonali fil-qafas tad-djalogu politiku; billi l-użu limitat tal-proċedura ta' karta safra u l-ineffikaċja tal-proċedura ta' karta oranġjo juru li għad hemm lok għal titjib u li koordinazzjoni aħjar bejn il-parlamenti nazzjonali hija possibbli f'dan ir-rigward;

    N.

    billi l-perjodu ta' tmien ġimgħat stabbilit fl-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 1 ma nstabx adegwat għall-monitoraġġ f'waqtu tal-konformità mal-principju tas-sussidjarjetà;

    O.

    billi l-STB tista' tiġi kkomplementata mis-sistema li attwalment tippermetti lill-parlamenti nazzjonali jippreżentaw proposti kostruttivi għall-kunsiderazzjoni tal-Kummissjoni u bir-rispett dovut għad-dritt ta' inizjattiva tagħha;

    P.

    billi diversi parlamenti nazzjonali esprimew l-interess tagħhom fi strument għat-titjib tad-djalogu politiku li jkun jagħtihom l-opportunità li jissuġġerixxu proposti kostruttivi għall-kunsiderazzjoni tal-Kummissjoni u bir-rispett dovut għad-dritt ta' inizjattiva tal-Kummissjoni;

    Q.

    billi l-parlamenti nazzjonali jistgħu, fi kwalunkwe ħin, joħorġu opinjonijiet fil-qafas tad-djalogu politiku, jagħtu mandat lill-gvernijiet tagħhom biex jitolbu l-formulazzjoni tal-proposti leġiżlattivi permezz tal-Kunsill jew, f'konformità mal-Artikolu 225 tat-TFUE, sempliċement jistiednu lill-Parlament jippreżenta proposti lill-Kummissjoni;

    R.

    billi l-implimentazzjoni ta' proċedura ta' karta ħamra mhijiex possibbli f'dan l-istadju tal-proċess ta' integrazzjoni Ewropea;

    S.

    billi l-firxa komprensiva ta' drittijiet ta' informazzjoni previsti fit-Trattat ta' Lisbona tista' tissaħħaħ jekk il-parlamenti nazzjonali jingħataw aktar riżorsi u żmien biex ilaħħqu mad-dokumenti mibgħuta lilhom mill-Istituzzjonijiet Ewropej;

    T.

    billi l-IPEX, pjattaforma għall-iskambju kontinwu ta' informazzjoni fost il-parlamenti nazzjonali u bejn il-parlamenti nazzjonali u l-istituzzjonijiet Ewropej, għandha tkompli tiġi żviluppata b'mod konformi mal-Istrateġija Diġitali tagħha, li fiha l-Parlament Ewropew għandu rwol ta' appoġġ ewlieni;

    U.

    billi l-kooperazzjoni interistituzzjonali tjiebet wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona u l-hekk imsejħa inizjattiva Barroso – id-djalogu politiku mibdi mill-Kummissjoni f'Settembru 2006 li jagħti lill-parlamenti nazzjonali l-opportunità li jikkummentaw, jipprovdu feedback pożittiv jew jikkritikaw il-proposti tal-Kummissjoni;

    V.

    billi l-parlamenti nazzjonali kultant jilmentaw dwar ir-relazzjonijiet tagħhom mal-Unjoni Ewropea, u jsostnu li huma kumplessi ħafna;

    W.

    billi l-parlamenti nazzjonali għandhom kompetenzi rilevanti fl-ispazji tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja, skont l-Artikoli 70, 85 u 88 tat-TFUE u għalhekk għandu jkollhom sehem fil-futur tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża tal-Unjoni;

    X.

    billi għandu jkun hemm kontroll parlamentari nazzjonali u Ewropew akbar tal-politiki fiskali u ekonomiċi, tad-deċiżjonijiet li jittieħdu u ta' materji ta' governanza fil-livell tal-UE;

    Y.

    billi d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta' Mejju 2017 dwar in-natura mħallta tal-ftehim kummerċjali bejn l-UE u Singapore biddlet il-mod kif il-parlamenti nazzjonali se jkunu involuti fil-ftehimiet kummerċjali fil-ġejjieni;

    Z.

    billi interazzjoni aħjar u skambju ta' informazzjoni mtejjeb bejn l-MPE u l-MP u wkoll bejn l-impjegati taċ-ċivil tal-parlamenti nazzjonali jistgħu jgħinu biex jitjieb l-iskrutinju tad-dibattitu Ewropew fil-livell nazzjonali u għalhekk irawwem kultura parlamentari u politika Ewropea;

    L-iskrutinju tal-attività governattiva fl-affarijiet Ewropej

    1.

    Iqis li l-implimentazzjoni tad-drittijiet u d-dmirijiet tal-parlamenti nazzjonali li ġejjin mit-Trattat ta' Lisbona tejbet ir-rwol tagħhom fil-qafas kostituzzjonali Ewropew u għalhekk tipprevedi aktar pluraliżmu, leġittimità demokratika u l-funzjonament aħjar tal-Unjoni;

    2.

    Jirrikonoxxi li l-gvernijiet nazzjonali huma demokratikament responsabbli lejn il-parlamenti nazzjonali kif rikonoxxut mill-Artikolu 10(2) tat-TUE, f'konformità mal-ordinamenti kostituzzjonali nazzjonali rispettivi tagħhom; huwa tal-fehma li dan l-obbligu ta' rendikont huwa l-element ċentrali tar-rwol tal-kmamar parlamentari nazzjonali fl-Unjoni Ewropea; iħeġġeġ lill-parlamenti nazzjonali jeżerċitaw b'mod sħiħ il-funzjonijiet Ewropej tagħhom sabiex jinfluwenzaw direttament u jiskrutinizzaw il-kontenut tal-politiki Ewropej, b'mod partikolari permezz tal-monitoraġġ tal-gvernijiet nazzjonali tagħhom waqt li jaġixxu bħala membri tal-Kunsill Ewropew jew il-Kunsill;

    3.

    Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-parlamenti nazzjonali jingħataw biżżejjed żmien, il-kapaċità u l-aċċess meħtieġ għall-informazzjoni sabiex jissodisfaw ir-rwol kostituzzjonali tagħhom ta' skrutinju u b'hekk jilleġittimaw l-attività tal-gvernijiet nazzjonali meta dawn il-gvernijiet jaġixxu fil-livell Ewropew, kemm fil-Kunsill kif ukoll fil-Kunsill Ewropew; Jirrikonoxxi li din il-funzjoni Ewropea għandha sseħħ f'konformità sħiħa mat-tradizzjonijiet kostituzzjonali rispettivi tal-Istati Membri; jemmen li, sabiex jiġi ppreservat u msaħħaħ dan ir-rwol, l-iskambju eżistenti tal-aħjar prattiki u l-interazzjoni bejn il-parlamenti nazzjonali għandu jiġi msaħħaħ u promoss;

    4.

    Iqis li t-trasparenza tal-metodi ta' ħidma u tal-proċessi ta' teħid ta' deċiżjonijiet tal-istituzzjonijiet tal-UE tirrapreżenta prekundizzjoni sabiex il-parlamenti nazzjonali jkunu jistgħu jissodisfaw b'mod effikaċi r-rwol istituzzjonali tagħhom li ġej mit-Trattati; barra minn hekk, jitlob li l-parlamenti nazzjonali jagħmlu użu sħiħ mill-kompetenzi rispettivi tagħhom bl-għan li jeżerċitaw skrutinju fuq l-azzjonijiet tal-gvernijiet fil-livell Ewropew, inter alia billi jadattaw l-organizzazzjoni interna, l-iskedi ta' żmien u r-regoli ta' proċedura tagħhom sabiex ikunu jistgħu jagħmlu dan; Jissuġġerixxi wkoll skambju tal-aħjar prattiki bejn il-parlamenti nazzjonali, dibattiti regolari bejn il-ministri rispettivi u l-kumitati speċjalizzati fil-parlamenti nazzjonali qabel u wara l-laqgħat tal-Kunsill u tal-Kunsill Ewropew u laqgħat regolari bejn il-membri tal-parlamenti nazzjonali, il-Kummissarji u l-MPE;

    5.

    Hu tal-fehma li għandha tingħata attenzjoni sabiex tiġi evitata kwalunkwe regolamentazzjoni żejda tal-leġiżlazzjoni tal-UE min-naħa tal-Istati Membri u li l-parlamenti nazzjonali għandhom rwol importanti x'jaqdu f'dan ir-rigward; ifakkar, madankollu, li dan huwa mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Istati Membri li japplikaw klawsoli ta' nuqqas ta' rigressjoni u li, pereżempju, jistabbilixxu standards soċjali u ambjentali ogħla fil-livell nazzjonali;

    6.

    Ifakkar, waqt li jħeġġeġ djalogu msaħħaħ u politiku mal-parlamenti nazzjonali u jirrikonoxxi l-ħtieġa ċara biex tissaħħaħ il-parteċipazzjoni parlamentari, li d-deċiżjonijiet għandhom jittieħdu f'konformità mal-kompetenzi kostituzzjonali u billi tiġi kkunsidrata d-delinjazzjoni ċara bejn il-kompetenzi ta' teħid ta' deċiżjonijiet rispettivi tal-korpi nazzjonali u Ewropej;

    7.

    Jiddikjara li l-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali għandhom ikunu involuti aħjar fis-Semestru Ewropew u jirrakkomanda li l-kalendarji baġitarji fil-livell nazzjonali u Ewropew jiġu kkoordinati aħjar matul il-proċess sabiex jiġi mħeġġeġ użu aktar effikaċi ta' dan l-istrument; barra minn hekk, ifakkar li l-allinjament tas-Semestru Ewropew mal-aġendi tal-parlamenti nazzjonali jista' jikkontribwixxi aktar għall-koordinazzjoni tal-politiki ekonomiċi filwaqt li jissottolinja li tali allinjament ma għandux jinjora s-setgħat ta' awto governanza u r-regoli speċifiċi ta' proċedura ta' kull kamra parlamentari;

    8.

    Jissuġġerixxi, għalhekk, l-implimentazzjoni ta' perjodu nazzjonali għad-djalogu baġitarju, li matulu l-parlamenti nazzjonali jkunu jistgħu jiddeliberaw fuq is-Semestru Ewropew u jikkontribwixxu għalih billi jagħtu mandat lill-gvernijiet tagħhom stess fir-relazzjonijiet tagħhom mal-Kummissjoni u l-Kunsill;

    9.

    Jissottolinja li matul l-aħħar laqgħa plenarja tal-Konferenza tal-Kumitati Parlamentari għall-Affarijiet Ewropej (COSAC), f'Tallinn, ġie rikonoxxut li l-maġġoranza tal-parlamenti nazzjonali attivament attendew is-sessjonijiet plenarji biex jiddibattu kwistjonijiet tal-UE, kemm f'intervalli regolari jew kif ukoll fuq bażi ad hoc u li aktar dibattiti plenarji dwar kwistjonijiet tal-UE jżidu l-viżibilità tal-Unjoni u jagħtu liċ-ċittadini l-opportunità li jitgħallmu aktar dwar l-aġenda tal-UE u l-pożizzjonijiet tal-partiti politiċi dwar dawn il-kwistjonijiet;

    Il-ħolqien ta' sfera pubblika Ewropea

    10.

    Jinnota li l-allinjament ta' pożizzjonijiet politiċi differenti fl-Istati Membri kollha jista' jsaħħaħ u jespandi dibattiti trażversali fil-livell Ewropew; jirrakkomanda, għalhekk, li d-delegazzjonijiet parlamentari nazzjonali li jaġixxu quddiem l-Istituzzjonijiet Ewropej għandhom jirriflettu d-diversità politika; f'dan ir-rigward, jenfasizza r-rilevanza tal-prinċipju ta' rappreżentazzjoni proporzjonali ta' membri minn partiti politiċi differenti;

    11.

    Jinnota l-fatt li r-rieda vinkolanti tal-maġġoranzi parlamentari tista' tiġi espressa fl-opinjonijiet maħruġa mill-parlamenti nazzjonali fil-qafas jew barra mill-qafas tal-STB; madankollu, japprova l-idea li l-minoranzi politiċi parlamentari jingħataw il-possibilità li jesprimu fehmiet diverġenti li mbagħad ikunu jistgħu jiġu inkorporati fl-annessi ta' tali opinjonijiet; jemmen li dawn l-opinjonijiet għandhom jinħarġu f'konformità sħiħa mal-prinċipju tal-proporzjonalità u f'konformità mar-regoli ta' proċedura ta' kull kamra parlamentari nazzjonali;

    12.

    Jieħu nota tat-talba riċenti għal sensiela ta' konvenzjonijiet demokratiċi madwar l-Ewropa; jemmen, f'dan ir-rigward, li l-istabbiliment ta' ġimgħa Ewropea annwali tippermetti lill-MPE u lill-Kummissarji, partikolarment Viċi Presidenti inkarigati mir-Raggruppamenti jidhru quddiem assemblej parlamentari nazzjonali sabiex jiddiskutu u jispjegaw l-aġenda Ewropea flimkien mal-MP u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili; jissuġġerixxi li jirrevedi r-regoli ta' proċedura tiegħu stess sabiex japprova l-inizjattiva u jħeġġeġ lill-parlamenti nazzjonali jagħmlu l-istess; jemmen ukoll li l-laqgħat bejn il-gruppi politiċi nazzjonali u dawk Ewropej fil-qafas tal-kooperazzjoni interparlamentari tal-UE jistgħu jġibu valur miżjud fil-forma ta' dibattitu politiku Ewropew awtentiku;

    Is-sostenn tar-riforma tal-STB

    13.

    Jissottolinja l-fatt li l-STB rarament intużat mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona, u jemmen li tista' tiġi riformata fil-qafas kostituzzjonali attwali;

    14.

    Jinnota li eżempji bħall-iskattar tal-proċedura ta' "karta safra" kontra l-proposta tal-Kummissjoni dwar ir-reviżjoni tad-"Direttiva dwar l-Istazzjonar tal-Ħaddiema" fl-2016 turi li l-STB hija operattiva; jissottolinja li l-użu limitat tal-proċedura ta' "karta safra" jista' jindika li l-prinċipju tas-sussidjarjetà huwa b'mod ġenerali rispettat fl-UE; għalhekk jemmen li n-nuqqasijiet proċedurali tal-STB ma għandhomx jitqiesu prova konklużiva li ma ġietx osservata s-sussidjarjetà; barra minn hekk, jinnota li l-parlamenti nazzjonali jistgħu jintervjenu u jeżaminaw il-kwistjoni ta' konformità mal-principju tas-sussidjarjetà qabel il-preżentazzjoni ta' proposta leġiżlattiva mill-Kummissjoni fil-forma ta' Green Paper u White Paper jew il-preżentazzjoni annwali tal-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni;

    15.

    Ifakkar li, fir-rigward ta' kwalunkwe inizjattiva leġiżlattiva ġdida, il-Kummissjoni hija obbligata teżamina jekk l-UE għandhiex id-dritt li tieħu azzjoni u jekk tali azzjoni tkunx ġustifikata; barra minn hekk jissottolinja li l-esperjenza preċedenti wriet li d-distinzjoni bejn id-dimensjoni politika tal-principju tas-sussidjarjetà u d-dimensjoni legali tal-prinċipju tal-proporzjonalità hija, xi kultant, diffiċli u problematika; għalhekk, jistieden lill-Kummissjoni, fir-risposti tagħha għall-opinjonijiet motivati maħruġa fil-qafas tal-STB jew barra minnu, tindirizza wkoll il-proporzjonalità u, fejn ikun xieraq, kwalunkwe tħassib dwar l-alternattivi ta' politika proposti, flimkien mal-interpretazzjoni tagħha tal-prinċipju tas-sussidjarjetà;

    16.

    Jirrikonoxxi t-talba li saret min-naħa ta' parlamenti nazzjonali biex jiġi estiż il-perjodu ta' tmien ġimgħat li matulu jistgħu joħorġu opinjonijiet motivati skont l-Artikolu 3 tal-Protokoll Nru 1; madankollu, jissottolinja li l-qafas attwali tat-Trattat ma jipprevedix tali estensjoni; iqis, għaldaqstant, li l-Kummissjoni għandha timplimenta perjodu ta' notifika teknika fl-STB sabiex tagħti żmien addizzjonali bejn id-data li fiha abbozzi ta' atti leġiżlattivi teknikament jiġu rċevuti mill-kmamar parlamentari nazzjonali u d-data li fiha jibda l-perjodu ta' tmien ġimgħat; ifakkar, f'dan ir-rigward, li arranġamenti prattiċi oħrajn għat-tħaddim tal-mekkaniżmu ta' kontroll sussidjarju tqiegħdu fil-prattika mill-Kummissjoni fl-2009;

    17.

    Jieħu nota tat-talba li saret min-naħa ta' ċerti parlamenti nazzjonali biex jiġi estiż il-perjodu ta' tmien ġimgħat li matulu jistgħu joħorġu opinjoni motivata skont l-Artikolu 6 tal-Protokoll Nru 2;

    18.

    Jissuġġerixxi, f'konformità mad-djalogu politiku mniedi mill-Kummissjoni fl-2016, l-użu sħiħ tas-sistema li permezz tagħha l-parlamenti nazzjonali jistgħu jissottomettu proposti kostruttivi lill-Kummissjoni bl-għan li jinfluwenzaw pożittivament id-dibattitu Ewropew u s-setgħa ta' inizjattiva tal-Kummissjoni; jissuġġerixxi, f'dan ir-rigward, li l-Kummissjoni tista' tgawdi mid-diskrezzjoni ta' jekk tadottax tali proposti jew jekk toħroġx risposta formali li tissottolinja r-raġunijiet għaliex ma adottathomx; jirrimarka li tali proċedura ma tistax tikkonsisti minn dritt għal inizjattiva jew dritt għall-irtirar jew l-emenda ta' leġiżlazzjoni, billi altrimenti tfixkel "il-metodu tal-Unjoni" u d-distribuzzjoni tal-kompetenzi bejn il-livell nazzjonali u l-livell Ewropew u b'hekk tikser it-Trattati; jirrakkomanda, sadattant, li fl-eventwalità ta' reviżjoni futura tat-Trattati, id-dritt ta' inizjattiva leġiżlattiva għandu jingħata lill-Parlament Ewropew bħala rappreżentant dirett taċ-ċittadini tal-UE;

    L-implimentazzjoni tad-dritt għall-informazzjoni

    19.

    Jafferma mill-ġdid li l-Artikolu 12 tat-TUE u l-Protokoll Nru 1 jagħtu lill-parlamenti nazzjonali d-dritt li jirċievu informazzjoni direttament mill-istituzzjonijiet Ewropej;

    20.

    Jenfasizza li l-parlamenti nazzjonali jistgħu jlaħħqu aħjar mal-informazzjoni mibgħuta lilhom jew bis-saħħa tal-STB, jew skont id-dritt tagħhom għall-informazzjoni, jekk il-pjattaforma IPEX tingħata r-rilevanza ta' Agora jew forum, għal djalogu informali permanenti fost il-parlamenti nazzjonali u bejn il-parlamenti nazzjonali u l-istituzzjonijiet Ewropej; jiddeċiedi, għalhekk, li jippromwovi l-użu tal-pjattaforma għat-tisħiħ tad-djalogu politiku; jirrakkomanda li l-parlamenti nazzjonali jużaw il-pjattaforma IPEX fil-ħin sabiex jiżguraw li l-mekkaniżmu ta' skrutinju nazzjonali jibda jaħdem malajr; jirrakkomanda li l-IPEX tiġi użata bħala mezz għall-kondiviżjoni sistematika tal-informazzjoni u għall-immarkar bikri ta' tħassib tas-sussidjarjetà; jara l-potenzjal għall-iżvilupp tal-IPEX bħala l-mezz prinċipali għall-komunikazzjoni u t-trażmissjoni ta' dokumenti rilevanti mill-istituzzjonijiet tal-UE lill-parlamenti nazzjonali u viċe versa, u, f'dan il-kuntest, jimpenja ruħu li joffri assistenza lill-amministrazzjonijiet tal-kmamar parlamentari nazzjonali dwar kif jaħdmu permezz ta' din il-pjattaforma; barra minn hekk, jinkoraġġixxi l-istabbiliment ta' aktar skambji bejn l-uffiċjali tal-istituzzjonijiet u l-gruppi politiċi fl-amministrazzjonijiet tal-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali;

    Il-previżjoni ta' kooperazzjoni interistituzzjonali aħjar

    21.

    Jieħu nota tal-kooperazzjoni li hemm bejn il-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali fil-COSAC, il-Konferenza Interparlamentari dwar il-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni (PESK-IPC), u fil-qafas tal-Artikolu 13 tat-TSKG; jenfasizza li tali kooperazzjoni għandha tiġi żviluppata abbażi tal-prinċipji tal-kunsens, il-kondiviżjoni tal-informazzjoni u l-konsultazzjoni, sabiex il-parlamenti nazzjonali jkunu jistgħu jeżerċitaw skrutinju fuq il-gvernijiet u l-amministrazzjonijiet rispettivi tagħhom;

    22.

    Itenni li l-qafas attwali tar-relazzjonijiet bejn l-Unjoni u l-parlamenti nazzjonali jista' jiġi simplifikat u armonizzat sabiex isir aktar effiċjenti u effikaċi; f'dan il-kuntest, jitlob li jsir rieżami tal-involviment bejn l-Unjoni u l-parlamenti nazzjonali fil-pjattaformi u l-fora eżistenti, bl-għan li jissaħħu dawn ir-relazzjonijiet u jiġu adattati għall-ħtiġijiet attwali; jinsisti, madankollu, li ssir delinjazzjoni ċara tal-kompetenzi ta' teħid tad-deċiżjonijiet bejn il-parlamenti nazzjonali u l-Parlament Ewropew, fejn tal-ewwel għandhom jeżerċitaw il-funzjoni Ewropea tagħhom fuq il-bażi tal-kostituzzjonijiet nazzjonali tagħhom, b'mod partikolari permezz tal-eżerċitar ta' skrutinju fuq il-membri tal-gvernijiet nazzjonali tagħhom bħala membri tal-Kunsill Ewropew u tal-Kunsill, li huwa l-livell li fih jinsabu fl-aħjar pożizzjoni sabiex jimmonitorjaw il-proċess leġiżlattiv Ewropew; għalhekk, jirrifjuta l-ħolqien ta' korpi parlamentari konġunti li jieħdu d-deċiżjonijiet għal raġunijiet ta' trasparenza, responsabilità politika u l-kapaċità li jieħdu azzjoni;

    23.

    Jindika li t-tisħiħ tad-djalogu politiku u tekniku bejn il-kumitati parlamentari, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll dak Ewropew, ikun pass produttiv ħafna lejn kooperazzjoni interparlamentari sħiħa; qiegħed jikkunsidra l-possibilità li jalloka riżorsi addizzjonali sabiex jikseb dan l-għan u l-użu ta' vidjokonferenzi meta jkun possibbli;

    24.

    Jirrikonoxxi r-rilevanza tal-Laqgħat Interparlamentari tal-Kumitati (ICM) stabbiliti fl-Artikoli 9 u 10 tal-Protokoll Nru 1; jemmen li tista' tinkiseb kooperazzjoni interistituzzjonali aħjar jekk l-ICM jingħataw aktar rilevanza mill-Membri tal-Parlament Ewropew u mill-parlamenti nazzjonali, u jekk jiġu mħejjija għal kooperazzjoni aktar mill-qrib;

    25.

    Jirrakkomanda li l-parlamenti nazzjonali jkunu involuti b'mod sħiħ fl-iżvilupp li għaddej tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni; jemmen li tali involviment għandu jiġi promoss f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Parlament Ewropew u b'rispett sħiħ tad-dispożizzjonijiet tal-kostituzzjonijiet nazzjonali fir-rigward tal-politiki ta' sigurtà u difiża, inkluż permezz ta' laqgħat interparlamentari konġunti bejn ir-rappreżentanti mill-parlamenti nazzjonali u Membri tal-Parlament Ewropew u permezz ta' djalogu politiku bejn Kumitat dwar is-Sigurtà u d-Difiża stabbilit b'mod sħiħ fil-Parlament Ewropew u l-kumitati parlamentari nazzjonali korrispondenti; jinnota l-potenzjal li dan għandu għall-Istati Membri tal-UE newtri biex jeżerċitaw skrutinju kostruttiv f'dan il-qasam;

    26.

    Iqis li djalogu politiku u leġiżlattiv imsaħħaħ bejn il-parlamenti nazzjonali u magħhom jiffavorixxi l-konformità mal-objettivi stabbiliti fil-ftehim interistituzzjonali dwar it-tfassil aħjar tal-liġijiet;

    o

    o o

    27.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

    (1)  ĠU C 200, 30.6.1997, p. 153.

    (2)  ĠU C 284 E, 21.11.2002, p. 322.

    (3)  ĠU C 212 E, 5.8.2010, p. 94.

    (4)  ĠU C 443, 22.12.2017, p. 40..

    (5)  Testi adottati, P8_TA(2017)0049.

    (6)  Testi adottati, P8_TA(2017)0050.

    (7)  Testi adottati, P8_TA(2017)0048.

    (8)  Testi adottati, P8_TA(2017)0421.


    Top