This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52018IE1543
Opinion of the European Economic and Social Committee on Common Minimum Standards in the field of unemployment insurance in EU Member States — A concrete step towards the effective implementation of the European Pillar of Social Rights (own-initiative opinion)
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Standards minimi komuni tal-UE fl-assigurazzjoni tal-qgħad — Pass konkret lejn l-implimentazzjoni effettiva tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Standards minimi komuni tal-UE fl-assigurazzjoni tal-qgħad — Pass konkret lejn l-implimentazzjoni effettiva tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)
EESC 2018/01543
ĠU C 97, 24.3.2020, p. 32–40
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
24.3.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 97/32 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Standards minimi komuni tal-UE fl-assigurazzjoni tal-qgħad — Pass konkret lejn l-implimentazzjoni effettiva tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali”
(opinjoni fuq inizjattiva proprja)
(2020/C 97/05)
Relatur:
Oliver RÖPKE
Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja |
15.3.2018 |
Bażi legali |
Artikolu 32(2) tar-Regoli ta; Proċedura |
|
Opinjoni fuq inizjattiva proprja |
Sezzjoni kompetenti |
Sezzjoni għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza |
Adottata fis-sezzjoni |
15.11.2019 |
Adottata fil-plenarja |
11.12.2019 |
Sessjoni plenarja Nru |
548 |
Riżultat tal-votazzjoni (favur/kontra/astensjonijiet) |
141/65/14 |
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1. |
Fis-Summit Soċjali tal-UE li sar fis-17 ta’ Novembru 2017 f’Gothenburg, ġie pproklamat solennement il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (EPSR). Sabiex il-Pilastru jibda jiffunzjona, l-UE u l-Istati Membri jeħtieġ li jieħdu passi konkreti għall-implimentazzjoni effettiva tiegħu. |
1.2. |
Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jirreferi għall-prinċipju 13 tal-EPSR dwar il-benefiċċji tal-qgħad, li jgħid li l-persuni qiegħda għandhom id-dritt għal appoġġ xieraq mis-servizzi pubbliċi tal-impjiegi fl-integrazzjoni (mill-ġdid) fis-suq tax-xogħol u għal benefiċċji xierqa għal tul ta’ żmien raġonevoli, f’konformità mal-kontribuzzjonijiet tagħhom u r-regoli ta’ eliġibbiltà nazzjonali. Dawn il-benefiċċji ma għandhomx jikkostitwixxu diżinċentiv għal ritorn lura ta’ malajr għax-xogħol. |
1.3. |
L-assigurazzjoni tal-qgħad hija parti integrali mis-sistemi ta’ protezzjoni soċjali tal-Istati Membri kollha, minkejja l-fatt li tinsab f’forom nazzjonali differenti. Il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni li standards aħjar fis-sistemi tal-assigurazzjoni tal-qgħad tal-Istati Membri jippermettu funzjonament aħjar tas-swieq tax-xogħol u li l-Istati Membri li għandhom sistemi tal-assigurazzjoni tal-qgħad aktar ġenerużi, u nfiq ogħla għall-politiki u miżuri attivi tas-suq tax-xogħol, huma aktar kapaċi jintegraw mill-ġdid lill-persuni qiegħda fis-suq tax-xogħol b’mod sostenibbli (1). Fl-istess ħin, il-KESE jenfasizza l-funzjoni importanti bħala stabbilizzatur awtomatiku. |
1.4. |
Bħalissa jeżistu differenzi kbar bejn l-Istati Membri fir-rigward tal-benefiċċji tal-qgħad. Il-KESE jirreferi għar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi għall-2019, li jenfasizza l-importanza li jingħataw biżżejjed benefiċċji tal-qgħad fi żmien raġonevoli, li l-ħaddiema kollha jkollhom aċċess għalihom u li jkunu akkumpanjati minn politiki effettivi tas-suq tax-xogħol, sabiex dawk li jfittxu l-impjieg jiġu appoġġjati biex jidħlu lura fis-suq tax-xogħol (2). |
1.5. |
Il-KESE jtenni t-talba tiegħu għal standards għolja (3) fil-qasam tal-impjiegi u dak soċjali u għalhekk jirrakkomanda li jiġu stabbiliti miri għall-benefiċċji tal-qgħad tal-Istati Membri. Il-miri għandhom jiġu stabbiliti għar-rata netta ta’ sostituzzjoni, għall-perjodu tal-eliġibbiltà u għar-rata ta’ kopertura. Barra minn hekk, il-KESE jirrakkomanda li jiġu stabbiliti miri għat-taħriġ u l-attivazzjoni. |
1.6. |
Bħala l-ewwel pass, il-miri għall-benefiċċji tal-qgħad għandhom jiġu stabbiliti u mmonitorjati fi proċess tal-parametru referenzjarju fil-qafas tas-Semestru Ewropew. Il-KESE jtenni r-rakkomandazzjoni tiegħu li l-EPSR għandu jkollu wkoll impatt fuq il-governanza ekonomika fl-UE (4). Fil-fehma tal-KESE, ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż lill-Istati Membri fil-qafas tas-Semestru Ewropew għandhom jinkludu miri konkreti b’rabta mar-rata netta ta’ sostituzzjoni, il-perjodu tal-eliġibbiltà u r-rata ta’ kopertura tal-benefiċċji tal-qgħad, kif ukoll mat-taħriġ u l-attivazzjoni. Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż jitfasslu mill-Kummissjoni, jiġu adottati mill-Kunsill u jiġu approvati mill-Kunsill Ewropew. |
1.7. |
Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż għandhom ikunu bbażati fuq il-linji gwida integrati (5). Skont il-linja gwida 7 tal-linji gwida dwar l-impjiegi 2018 (6), li se jibqgħu fis-seħħ għall-2019 (7), jeħtieġ li l-Istati Membri jipprovdu lill-persuni qiegħda b’benefiċċji tal-qgħad adegwati għal tul ta’ żmien raġonevoli, f’konformità mal-kontribuzzjonijiet tagħhom u r-regoli ta’ eliġibbiltà nazzjonali għalkemm tali benefiċċji ma għandhomx jikkostitwixxu diżinċentiv għal ritorn lura ta’ malajr għax-xogħol. |
1.8. |
L-EPSR huwa akkumpanjat minn tabella ta’ valutazzjoni bbażata fuq il-politika soċjali li timmonitorja l-implimentazzjoni tal-pilastru billi ssegwi x-xejriet u l-progress fl-Istati Membri u tinkorporahom fis-Semestru Ewropew. Il-KESE jirrakkomanda li fil-futur il-benefiċċji tal-qgħad jiġu mmonitorjati wkoll fit-tabella ta’ valutazzjoni soċjali. Barra minn hekk, jirrakkomanda li jiġi stabbilit proċess tal-parametru referenzjarju għall-benefiċċji tal-qgħad biex jikkomplementa t-tabella ta’ valutazzjoni bbażata fuq il-politika soċjali. Għalhekk, il-KESE jilqa’ b’mod espliċitu l-isforzi attwali tal-Kummissjoni biex tistabbilixxi tal-parametru referenzjarju għall-benefiċċji tal-qgħad, u jqis li dawn l-isforzi għandhom jiġu intensifikati u akkumpanjati minn proċess ta’ monitoraġġ kontinwu. |
1.9. |
L-għan tal-proċess tal-parametru referenzjarju li ġie propost għall-benefiċċji tal-qgħad huwa l-konverġenza soċjali ’l fuq tal-Istati Membri u funzjonament aħjar tas-swieq tax-xogħol. Il-proċess tal-parametru referenzjarju għandu jkun ibbażat fuq analiżi tal-istatus quo, li m’għandhiex tkun imqassra jew vaga. Il-proċess tal-parametru referenzjarju m’għandux ikun limitat għal monitoraġġ u evalwazzjoni. L-Istati Membri għandhom jitgħallmu minn xulxin billi janalizzaw lil dawk bl-aqwa prestazzjoni (tagħlim komparattiv) u jimplimentaw titjib (azzjoni komparattiva). |
1.10. |
Il-proċess tal-parametru referenzjarju tal-benefiċċji tal-qgħad għandu jiġi ġestit mill-Kummissjoni, u l-imsieħba soċjali għandhom ikunu involuti b’mod aktar kontinwu u intensiv fl-iffissar tal-parametri referenzjarji. |
1.11. |
Maż-żmien il-miri soċjali għandhom iwasslu għal konverġenza soċjali. Il-persuni għandhom ikunu konxji tal-fatt li l-prinċipji tal-EPSR, mhumiex stipulati biss fuq il-karti, iżda huma implimentati wkoll b’mod konkret u jtejbu l-kundizzjonijiet tal-għajxien tagħhom b’mod gradwali. |
1.12. |
Il-KESE jirrakkomanda li r-riżultati tal-proċess tal-parametru referenzjarju jiġu mmonitorjati u evalwati mill-qrib. Jekk ma jkunx hemm progress biżżejjed fir-rigward tar-riżultati mixtieqa, għandu jiġi introdott strument legalment vinkolanti li jappoġġja u jikkomplementa l-isforzi tal-Istati Membri biex jimmodernizzaw is-sistemi tal-assigurazzjoni tal-qgħad tagħhom. Minbarra Rakkomandazzjoni tal-Kunsill biex tiggwida lill-Istati Membri, il-KESE jirrakkomanda l-introduzzjoni ta’ Direttiva skont l-Artikolu 153 tat-TFUE li tistabbilixxi standards minimi legalment vinkolanti għas-sistemi tal-assigurazzjoni tal-qgħad tal-Istati Membri. Din għandha tinkludi standards minimi fl-UE kollha għall-benefiċċji tal-qgħad f’termini ta’ rata netta ta’ sostituzzjoni, perjodu ta’ intitolament u rata ta’ kopertura. Il-KESE huwa wkoll favur standards minimi għall-UE kollha għat-taħriġ u l-attivazzjoni fil-kuntest tal-assigurazzjoni tal-qgħad. |
1.13. |
Standards minimi legalment vinkolanti jiġu applikati b’mod gradwali matul perjodu xieraq ta’ żmien iddeterminat b’tali mod li l-Istati Membri kollha jkunu jistgħu jilħqu l-istandards komuni. |
1.14. |
Kif enfasizzat fl-Artikolu 153 tat-TFUE, il-kompetenza rikonoxxuta tal-Istati Membri li jistabbilixxu l-prinċipji bażiċi tas-sistema tas-sigurtà soċjali tagħhom u l-bilanċ finanzjarju tagħhom m’għandhomx jiġu affettwati b’mod sinifikanti. Dan il-prinċipju għandu jiġi rispettat irrispettivament mill-forma jew is-sustanza tas-sistema fl-Istat Membru. L-Istati Membri ma jinżammux milli jeżerċitaw id-dritt previst fit-Trattat sabiex iżommu jew jintroduċu miżuri protettivi aktar stretti. L-organizzazzjoni differenti tas-sistemi ta’ assigurazzjoni nazzjonali, l-involviment tal-imsieħba soċjali kif ukoll il-finanzjament għandhom jingħataw attenzjoni partikolari. |
2. Il-punt ta’ tluq u l-kuntest tal-Opinjoni
2.1. |
Wara l-esperjenzi koroh tal-kriżi ekonomika u finanzjarja mill-2008 u l-instabbiltà li din ġabet magħha, issa l-ekonomija qed terġa’ tikber u r-rati tal-qgħad qed jonqsu. Madankollu, l-irkupru attwali tas-swieq tax-xogħol mhuwiex qed jipproċedi bl-istess pass fl-Istati Membri, ir-reġjuni u l-gruppi tal-popolazzjoni kollha. Il-KESE jirreferi f’dan ir-rigward għar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi għall-2019 (8). |
2.2. |
Il-KESE jaqbel mal-fehma tal-Kunsill li l-Istati Membri u l-UE għandhom jindirizzaw l-impatti soċjali tal-kriżi ekonomika u finanzjarja u għandhom jagħmlu ħilithom biex jibnu soċjetà inklużiva. Jenħtieġ li jiġu indirizzati l-inugwaljanza u d-diskriminazzjoni. L-aċċess u l-opportunitajiet għandhom jiġu żgurati għal kulħadd u l-faqar u l-esklużjoni soċjali għandhom jitnaqqsu, b’mod partikolari billi jiġu żgurati swieq tax-xogħol u sistemi tal-protezzjoni soċjali li jiffunzjonaw tajjeb (9). |
2.3. |
Permezz tal-Istrateġija Ewropa 2020, l-UE stabbilixxiet l-għan li sal-2020, tnaqqas l-għadd ta’ persuni li jinsabu f’riskju ta’ faqar u esklużjoni soċjali b’20 miljun. Dan l-għan għadu ’l bogħod wisq milli jintlaħaq. Għalkemm rajna titjib kontinwu mill-2012 (meta kważi 25 % tal-popolazzjoni kollha tal-UE kienet tinsab f’riskju ta’ faqar u esklużjoni soċjali), l-Ewropa għadha qed taffaċċja sfidi enormi. Fl-2018, kważi 22 % tal-popolazzjoni Ewropea kienet tinsab f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali (10). |
2.4. |
L-assigurazzjoni tal-qgħad hija parti integrali mis-sistemi soċjali tal-Istati Membri kollha. Din toffri xibka ta’ sikurezza għall-ħaddiema f’każ li dawn jitilfu l-impjieg tagħhom u toffri protezzjoni kontra l-faqar. Fl-istess ħin, il-benefiċċji tal-qgħad huma stabbilizzaturi awtomatiċi, peress li f’każ ta’ żieda globali fir-rati tal-qgħad, l-introjtu u għalhekk il-konsum ma jonqsux b’mod konsiderevoli. Benefiċċji tal-qgħad effettivi u xierqa jippermettu wkoll lill-ħaddiema jsibu impjieg li jissodisfa l-aspettattivi u l-kwalifiki tagħhom jew li jitħarrġu mill-ġdid bħala parti minn politika attiva tas-suq tax-xogħol. |
2.5. |
F’dawn l-aħħar snin, il-protezzjoni soċjali ddgħajfet f’xi Stati Membri b’konsegwenza tal-kriżi politika. L-għadd ta’ persuni li jemmnu li l-interessi u l-ħtiġijiet soċjali tagħhom fl-UE mhumiex qed jiġu rispettati qed kulma jmur jiżdied. Għall-ewwel darba, il-Brexit wassal għal treġġigħ lura tal-integrazzjoni Ewropea. Dawn l-iżviluppi għandhom jitqiesu bħala sinjal ta’ twissija. Fil-fehma tal-KESE, sabiex tiġi żgurata l-vijabbiltà futura tal-UE u terġa’ tinkiseb il-fiduċja tan-nies, jeħtieġ li tissaħħaħ id-dimensjoni soċjali tal-UE, inkluż l-indirizzar ta’ sfidi attwali oħrajn bħat-tibdil fil-klima u d-diġitalizzazzjoni. Dan jirrikjedi impenn fil-livelli kollha, inklużi l-Istati Membri, l-imsieħba soċjali u l-atturi tas-soċjetà ċivili abbażi ta’ ekonomija stabbli, sostenibbli u inklużiva (11). |
2.6. |
Fis-Summit Soċjali tal-UE li sar fis-17 ta’ Novembru 2017 f’Gothenburg, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni Ewropea pproklamaw solennement il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (EPSR). Sabiex dan jibda jiffunzjona, jeħtieġ li l-UE u l-Istati Membri jieħdu passi konkreti biex jimplimentawh b’mod effettiv. Il-President tal-Kummissjoni, Ursula von der Leyen, li għadha kemm ġiet eletta ħabbret pjan ta’ azzjoni għall-implimentazzjoni sħiħa tal-EPSR fil-linji gwida politiċi għall-Kummissjoni Ewropea 2019–2024. Il-KESE jixtieq jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-EPSR billi jipproponi miri għall-benefiċċji tal-qgħad tal-Istati Membri. |
2.7. |
Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jirreferi għall-prinċipju 13 tal-EPSR dwar il-benefiċċji tal-qgħad, li jgħid li l-persuni qiegħda għandhom id-dritt għal appoġġ xieraq mis-servizzi pubbliċi tal-impjiegi fl-integrazzjoni (mill-ġdid) fis-suq tax-xogħol u għal benefiċċji xierqa għal tul ta’ żmien raġonevoli, f’konformità mal-kontribuzzjonijiet tagħhom u r-regoli ta’ eliġibbiltà nazzjonali. Dawn il-benefiċċji ma għandhomx jikkostitwixxu diżinċentiv għal ritorn lura ta’ malajr għax-xogħol. |
2.8. |
F’dan il-kuntest, il-KESE jirreferi għall-prinċipju 17 tal-EPSR skont liema l-persuni b’diżabbiltà għandhom id-dritt għal appoġġ għall-introjtu, sabiex dawn jiġu żgurati ħajja dinjituża u servizzi li jippermettulhom jieħdu sehem fis-suq tax-xogħol u fil-ħajja soċjali. Fir-rigward tal-perjodu ta’ intitolament fl-assigurazzjoni tal-qgħad, għandu jitqies li t-tfittxija għal impjieg ġdid jew it-taħriġ tal-persuni b’diżabbiltà huma aktar diffiċli u jirrikjedu aktar żmien. |
2.9. |
L-assigurazzjoni tal-qgħad hija parti integrali mis-sistemi soċjali tal-Istati Membri kollha. Id-dispożizzjonijiet nazzjonali tas-sistemi tal-assigurazzjoni tal-qgħad huma mfassla b’mod differenti ħafna, anke f’termini ta’ eliġibbiltà, ammont, tul u mod ta’ kalkolu. Il-KESE jirrakkomanda li jiġu stabbiliti miri għall-benefiċċji tal-qgħad fil-qafas tas-Semestru Ewropew. Barra minn hekk, il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li jiġu ssalvagwardjati l-benefiċċji soċjali fundamentali abbażi ta’ regoli komuni fil-livell tal-UE (12). Jirrakkomanda evalwazzjoni kontinwa tal-proċess tal-parametru referenzjarju. Tista’ tintuża Rakkomandazzjoni tal-Kunsill biex jinbdew u jiġu ggwidati dibattiti u riformi fl-Istati Membri rigward l-introduzzjoni ta’ standards minimi komuni, u biex tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri f’dan il-qasam. |
2.10. |
Jekk, maż-żmien, ma jkunx hemm progress biżżejjed fir-rigward tar-riżultati mixtieqa, il-KESE jirrakkomanda l-introduzzjoni ta’ Direttiva skont l-Artikolu 153 tat-TFUE li tistabbilixxi standards minimi legalment vinkolanti għas-sistemi tal-assigurazzjoni tal-qgħad tal-Istati Membri. Din għandha tinkludi standards minimi fl-UE kollha għall-benefiċċji tal-qgħad f’termini ta’ rata netta ta’ sostituzzjoni, perjodu ta’ intitolament u rata ta’ kopertura. Il-KESE huwa wkoll favur standards minimi għall-UE kollha għat-taħriġ u l-attivazzjoni fil-kuntest tal-assigurazzjoni tal-qgħad. Ir-rekwiżiti minimi m’għandhomx jipprevjenu lill-Istati Membri milli jistabbilixxu standards ogħla (ara l-punt 16 tal-preambolu tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali). L-istandards eżistenti fl-Istati Membri m’għandhomx jitnaqqsu. Il-KESE jirrakkomanda li jiġu stabbiliti rekwiżiti minimi għas-sistemi tal-assigurazzjoni tal-qgħad tal-Istati Membri flimkien ma’ applikazzjoni xierqa ta’ klawsola ta’ nonrigressjoni (biex jiġi evitat rigress minħabba l-introduzzjoni ta’ standards minimi). B’dan il-mod se jitqies l-għan tal-UE biex ittejjeb il-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol f’termini ta’ konverġenza ’l fuq bejn l-Istati Membri (l-Artikolu 151 tat-TFUE). |
2.11. |
Fir-rigward tal-għajnuna lill-persuni qiegħda, għandha ssir distinzjoni bejn il-benefiċċji tal-protezzjoni soċjali (il-benefiċċji tal-assigurazzjoni) u l-assistenza soċjali. Normalment, il-benefiċċji tal-assigurazzjoni huma bbażati fuq il-kontribuzzjonijiet u jirrikjedu perjodu speċifiku ta’ impjieg. L-assistenza soċjali hija benefiċċju soċjali mhux kontributorju, iffinanzjat mit-taxxi, imfassla biex tgħin lill-persuni li ma jaffordjawx jgħixu waħedhom u li huma soġġetti għal valutazzjoni tal-ħtiġijiet. F’din l-Opinjoni fuq inizjattiva proprja, il-KESE jittratta l-benefiċċji relatati mas-sigurtà soċjali. |
2.12. |
Flimkien mad-dibattitu dwar it-tisħiħ tal-unjoni ekonomika u monetarja, il-Kummissjoni Ewropea tipproponi li tinħoloq funzjoni ta’ stabbilizzazzjoni għaż-żona tal-euro (b’opportunitajiet ta’ parteċipazzjoni għall-Istati Membri barra miż-żona tal-euro), li għandha tagħmilha aktar faċli sabiex fil-futur ikun hemm reazzjoni aħjar fir-rigward tax-xokkijiet asimmetriċi. Bħala alternattiva possibbli għal funzjoni ta’ stabbilizzazzjoni, il-Kummissjoni Ewropea ssemmi l-ħolqien ta’ Skema Ewropea ta’ Riassigurazzjoni tal-Qgħad bħala “fond ta’ riassigurazzjoni” għas-sistemi tal-assigurazzjoni tal-qgħad nazzjonali (13). Din il-proposta bbażata fuq il-politika fiskali, li bħalissa qed tiġi diskussa b’mod kontroversjali, għandha tiġi sseparata b’mod ċar minn din l-Opinjoni fuq inizjattiva proprja, li hija proposta bbażata fuq il-politika soċjali għat-tisħiħ tad-dimensjoni soċjali tal-UE. |
2.13. |
Reċentement, il-KESE esprima l-appoġġ tiegħu sabiex tiġi eżaminata l-possibbiltà ta’ standards minimi fl-UE kollha fl-iskemi tal-qgħad nazzjonali, sabiex, fost l-oħrajn, ikun żgurat li kull persuna li tkun qed tfittex impjieg tista’ tibbenefika minn appoġġ finanzjarju (14). Attwalment, il-Kumitat qed jissodisfa dan il-mandat b’din l-Opinjoni. |
3. Kummenti ġenerali
3.1. |
Skont il-linja gwida 7 tal-linji gwida dwar l-impjiegi 2018 (15), li se jibqgħu fis-seħħ għall-2019 (16), jeħtieġ li l-Istati Membri jipprovdu lill-persuni qiegħda b’benefiċċji tal-qgħad adegwati għal tul ta’ żmien raġonevoli, f’konformità mal-kontribuzzjonijiet tagħhom u r-regoli ta’ eliġibbiltà nazzjonali. Din ir-rakkomandazzjoni tfisser li l-EPSR ġie inkorporat fil-linji gwida tal-politika dwar l-impjiegi. |
3.2. |
It-tnaqqis tal-għadd ta’ persuni affettwati jew mhedda mill-faqar u l-esklużjoni soċjali huwa wieħed mill-ħames għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020 u wieħed mis-17-il għan tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli (SDG) tan-Nazzjonijiet Uniti. It-tabella ta’ valutazzjoni bbażata fuq il-politika soċjali stabbilita fil-kuntest tal-EPSR tissorvelja wkoll ix-xejriet u l-progress fl-Istati Membri fir-rigward tal-persuni affettwati jew mhedda mill-faqar jew l-esklużjoni soċjali. |
3.3. |
Il-KESE jfakkar id-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea, li l-perjodu tal-eliġibbiltà għall-benefiċċju tal-assigurazzjoni tal-qgħad għandu impatt dirett fuq ir-riskju tal-faqar fost il-persuni qiegħda. L-Istati Membri li għandhom sistemi tal-assigurazzjoni tal-qgħad aktar ġenerużi u nfiq ogħla fuq politiki u miżuri attivi fis-suq tax-xogħol huma aktar kapaċi jintegraw mill-ġdid lill-persuni qiegħda fis-suq tax-xogħol (17). Jeżistu differenzi kbar bejn l-Istati Membri. Il-perjodu massimu tal-eliġibbiltà għall-benefiċċji tal-qgħad ivarja minn 90 jum fl-Ungerija għal perjodu indefinit tal-eliġibbiltà fil-Belġju (18). |
3.4. |
Fil-fehma tal-KESE, il-benefiċċji tas-sigurtà soċjali għandhom jitfasslu b’tali mod li jiżguraw standard ta’ għajxien diċenti f’każ ta’ riskju bħall-qgħad. Għaldaqstant, l-ammont tal-benefiċċju tal-assigurazzjoni tal-qgħad, jiġifieri r-rata netta ta’ sostituzzjoni, għandu jkun raġonevoli. Anke f’dan ir-rigward jeżistu differenzi kbar fi ħdan l-UE. Ir-rati netti ta’ sostituzzjoni għal ħaddiem b’paga baxxa b’esperjenza qasira ta’ xogħol (sena) ivarjaw minn anqas minn 20 % tal-qligħ (nett) preċedenti fl-Ungerija sa madwar 90 % fil-Lussemburgu (19). |
3.5. |
L-għadd ta’ persuni qiegħda li jirċievu benefiċċji tal-assigurazzjoni tal-qgħad bħala proporzjon tal-għadd totali tal-persuni qiegħda, huwa espress bir-rata ta’ kopertura (ir-rata ta’ identifikazzjoni). Ir-rata ta’ kopertura tingħata f’kull każ b’rabta ma’ perjodu speċifiku tal-qgħad (pereżempju proporzjon tal-persuni qiegħda li jirċievu benefiċċju wara li jkunu ilhom qiegħda għal sena). Anke f’dan ir-rigward jeżistu differenzi kbar bejn l-Istati Membri. Bħala medja, il-proporzjon ta’ persuni qiegħda fuq perjodu ta’ żmien qasir (dawk li jkunu ilhom qiegħda għal anqas minn sena) li jirċievu benefiċċji tal-qgħad jikkostitwixxi biss terz tan-nies qiegħda. Il-Ġermanja għandha l-ogħla rata ta’ kopertura b’madwar 63 %. B’kuntrast ma’ dan, ir-rati ta’ kopertura f’Malta, il-Kroazja, il-Polonja, ir-Rumanija u l-Bulgarija huma ferm taħt il-15 % (20). |
3.6. |
Rata ta’ kopertura baxxa fi Stat Membru jista’ jkollha kawżi differenti. Kawża minnhom hija l-qgħad fost iż-żgħażagħ. Iż-żgħażagħ qiegħda li ma jirnexxilhomx jidħlu fis-suq tax-xogħol ta’ spiss ma jkunux jissodisfaw ir-regoli ta’ eliġibbiltà minħabba li ma jkunux ikkompletaw perjodi ta’ impjieg. Għalhekk, iż-żgħażagħ qiegħda ma jirċevux benefiċċji f’ħafna każijiet. |
3.7. |
Għal darb’oħra, il-KESE jisħaq fuq l-importanza tat-tranżizzjoni taż-żgħażagħ mill-edukazzjoni (skolastika) għas-suq tax-xogħol. Dawn għandhom jingħataw l-akbar appoġġ possibbli, sabiex jiġi żgurat li dawn jintegraw malajr fis-suq tax-xogħol. |
3.8. |
It-tul tal-qgħad jaffettwa wkoll ir-rata ta’ kopertura. Filwaqt li r-rata ta’ kopertura għall-persuni qiegħda fuq perjodu ta’ żmien qasir fil-medja tal-UE hija ta’ madwar terz, din hija aktar baxxa għall-qgħad fuq perjodu ta’ żmien twil peress li fil-maġġoranza tal-Istati Membri t-tul tal-benefiċċji tal-qgħad huwa limitat fiż-żmien. Il-KESE jirrakkomanda li tiġi stabbilita mira fir-rigward tar-rata ta’ kopertura għall-persuni qiegħda fuq perjodu ta’ żmien qasir (dawk li jkunu ilhom qiegħda għal anqas minn sena). |
3.9. |
Kawża oħra għal rata ta’ kopertura baxxa hija l-forom ġodda ta’ impjiegi kif ukoll l-impjiegi atipiċi u prekarji, li jagħmluha diffiċli sabiex wieħed jissodisfa r-regoli ta’ eliġibbiltà. B’referenza għall-ftehim politiku tal-Kunsill dwar Rakkomandazzjoni dwar l-aċċess għall-protezzjoni soċjali għall-ħaddiema u għall-persuni li jaħdmu għal rashom, il-KESE jappella għal soluzzjoni komprensiva fir-rigward tar-rikonoxximent tad-drittijiet tas-sigurtà soċjali għall-ħaddiema f’forom ġodda ta’ impjieg (21). |
3.10. |
Skont l-ewwel prinċipju tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, kull persuna għandha d-dritt għal edukazzjoni, taħriġ u tagħlim tul il-ħajja ta’ kwalità u b’mod inklużiv sabiex iżżomm u tikseb ħiliet li jippermettulha tipparteċipa b’mod sħiħ fis-soċjetà u timmaniġġja b’suċċess tranżizzjonijiet fis-suq tax-xogħol. Għalhekk, il-KESE japprova l-miri għat-taħriġ u l-attivazzjoni u jtenni l-pożizzjoni tiegħu li l-iżgurar tad-dritt għat-tagħlim tul il-ħajja għal kulħadd għandu jkun fuq l-aġenda tal-UE (22). |
3.11. |
Il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni Ewropea, li standards aħjar fis-sistemi tal-assigurazzjoni tal-qgħad tal-Istati Membri jippermettu funzjonament aħjar tas-suq tax-xogħol. Min-naħa l-oħra, standards baxxi ma jimplikawx neċessarjament nefqa pubblika aktar baxxa, peress li fil-maġġoranza tal-każijiet, il-persuni qiegħda li ma jkunux qed jirċievu benefiċċji tal-assigurazzjoni tal-qgħad, jirċievu forom oħrajn ta’ appoġġ pubbliku (pereżempju assistenza tal-qgħad jew introjtu minimu). Il-Kumitat jaqbel ukoll mal-Kummissjoni li huwa raġonevoli li wieħed jassumi li l-infiq addizzjonali għall-iżgurar aħjar tal-istandards tal-assigurazzjoni tal-qgħad flimkien ma’ politika attiva tas-suq tax-xogħol – f’perjodu relattivament qasir – jiġi kkumpensat b’żieda fl-impjiegi u għaldaqstant bi dħul ogħla mit-taxxi kif ukoll tkabbir ekonomiku aktar mgħaġġel (23). |
4. Kummenti speċifiċi
4.1. |
Bħalissa jeżistu differenzi kbar bejn l-Istati Membri fir-rigward tal-benefiċċji tal-qgħad. Il-KESE jirreferi għar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi għall-2019, li jenfasizza l-importanza li jingħataw biżżejjed benefiċċji tal-qgħad fi żmien raġonevoli, li l-ħaddiema kollha jkollhom aċċess għalihom u li jkunu akkumpanjati minn politiki effettivi tas-suq tax-xogħol, sabiex dawk li jfittxu l-impjieg jiġu appoġġjati biex jidħlu lura fis-suq tax-xogħol (24). |
4.2. |
Għalhekk, il-KESE jirrakkomanda li jiġu stabbiliti miri għall-benefiċċji tal-qgħad għall-Istati Membri. Il-miri għandhom jiġu stabbiliti għar-rata netta ta’ sostituzzjoni, għall-perjodu tal-eliġibbiltà u għar-rata ta’ kopertura. Barra minn hekk, il-KESE jirrakkomanda li jiġu stabbiliti miri għat-taħriġ u l-attivazzjoni. |
4.3. |
Il-KESE jilqa’ b’mod espliċitu l-isforzi tal-Kummissjoni sabiex jiġi implimentat l-ESPR, inkluż fis-Semestru Ewropew, u sabiex jiġi promoss proċess tal-parametru referenzjarju għall-prestazzjoni tas-sistemi tal-assigurazzjoni tal-qgħad nazzjonali (fost l-oħrajn permezz tar-rapport konġunt dwar l-impjiegi). Il-valutazzjoni komparattiva hija ġustament meqjusa għodda importanti għall-implimentazzjoni tal-ESPR. Dawn l-isforzi għandhom jiġu intensifikati u marbuta ma’ proċess ta’ monitoraġġ. L-għan tal-proċess tal-parametru referenzjarju tal-benefiċċji tal-qgħad għandu jkun li jikkontribwixxi għal konverġenza soċjali ’l fuq fl-UE u għal funzjonament aħjar tas-swieq tax-xogħol. |
4.4. |
Fil-fehma tal-KESE, ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż għandhom jinkludu miri konkreti b’rabta mar-rata netta ta’ sostituzzjoni, il-perjodu tal-eliġibbiltà u r-rata ta’ kopertura, kif ukoll mat-taħriġ u l-attivazzjoni. F’dan ir-rigward, jeħtieġ li l-approċċ tal-Kummissjoni jiġi appoġġjat bil-fatt li benefiċċji aktar ġenerużi għandhom jimxu id f’id ma’ attivazzjoni korrispondenti tal-persuni qiegħda. |
4.5. |
Is-suċċess tas-suq intern jiddependi ħafna fuq l-effiċjenza tas-swieq tax-xogħol u tas-sistema soċjali kif ukoll fuq il-kapaċità tal-ekonomiji Ewropej li jadattaw ruħhom għal xokkijiet. Fuq din il-premessa, l-Istrateġija Ewropa 2020 ġiet stabbilita bħala strateġija għat-trasformazzjoni tal-UE f’ekonomija intelliġenti, sostenibbli u inklużiva bil-ħsieb li jinkisbu livelli għoljin ta’ impjieg, produttività u koeżjoni soċjali (25). Il-KESE jirrimarka li l-UE mhijiex se tilħaq il-mira tal-Istrateġija Ewropa 2020 li tnaqqas b’20 miljun l-għadd ta’ persuni affettwati jew mhedda mill-faqar u l-esklużjoni soċjali. |
4.6. |
Fil-fehma tal-KESE, wara l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew li saru bejn it-23 u s-26 ta’ Mejju 2019, il-prijorità għall-Kummissjoni kostitwita ġdida għandha tkun li tipproponi miżuri biex ittejjeb il-funzjonament tas-swieq tax-xogħol u għal konverġenza soċjali ’l fuq tal-Istati Membri. Hija meħtieġa wkoll strateġija ġdida dwar id-dimensjoni soċjali tal-Ewropa wara l-2020. |
4.7. |
Bħalissa l-Istati Membri qegħdin jiddiskutu d-dimensjoni soċjali tal-Ewropa wara l-2020. Fost affarijiet oħra, titqajjem il-kwistjoni dwar liema aspetti ewlenin għandhom jiddeterminaw id-dimensjoni soċjali futura (26). Fil-fehma tal-KESE, il-funzjonament aħjar tas-swieq tax-xogħol u l-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali huma aspetti ewlenin tad-dimensjoni soċjali tal-Ewropa ta’ wara l-2020. Il-miri għall-benefiċċji tal-qgħad tal-Istati Membri jistgħu jagħtu kontribut sinifikanti f’dan ir-rigward. |
4.8. |
Maż-żmien il-miri soċjali għandhom iwasslu għal konverġenza soċjali. In-nies jeħtieġ li jaraw li d-drittijiet u l-prinċipji, bħal dawk fl-ESPR, ma jeżistux biss fuq il-karta, iżda huma implimentati wkoll b’mod konkret u jtejbu l-kundizzjonijiet tal-għajxien tagħhom b’mod gradwali. |
4.9. |
Jekk il-miri stabbiliti b’rabta mas-Semestru Ewropew ma jkunux effettivi biżżejjed, il-KESE jirrakkomanda, fir-rigward tad-dimensjoni soċjali tal-Ewropa wara l-2020, li tiġi introdotta Direttiva skont l-Artikolu 153 tat-TFUE li tistabbilixxi standards minimi legalment vinkolanti għas-sistemi tal-assigurazzjoni tal-qgħad tal-Istati Membri. Din għandha tinkludi standards minimi fl-UE kollha għall-benefiċċji tal-qgħad f’termini ta’ rata netta ta’ sostituzzjoni, perjodu ta’ intitolament u rata ta’ kopertura. Il-KESE huwa wkoll favur standards minimi għall-UE kollha għat-taħriġ u l-attivazzjoni fil-kuntest tal-assigurazzjoni tal-qgħad. |
Brussell, il-11 ta’ Diċembru 2019.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Luca JAHIER
(1) Skeda Informattiva Tematika tas-Semestru Ewropew – Il-benefiċċji tal-qgħad – 2017.
(2) COM(2018) 761 final, 21.11.2018, Kunsill EPSCO ST 7619 2019 INIT, 15.3.2019.
(3) ĠU C 62, 15.2.2019, p. 165.
(4) ĠU C 81, 2.3.2018, p. 145.
(7) ĠU L 185, 11.7.2019, p. 44.
(8) COM(2018) 761 final, 21.11.2018, Kunsill EPSCO ST 7619 2019 INIT, 15.3.2019.
(10) Eurostat, 16.10.2019.
(11) ĠU C 262, 25.7.2018, p. 1.
(12) ĠU C 13, 15.1.2016, p. 40.
(13) COM(2017) 822 final, 6.12.2017.
(14) ĠU C 129, 11.4.2018, p. 7.
(15) ĠU L 224, 5.9.2018, p. 4.
(16) ĠU L 185, 11.7.2019, p. 44.
(17) Skeda Informattiva Tematika tas-Semestru Ewropew – Il-benefiċċji tal-qgħad – 2017.
(18) COM(2018) 761 final, 21.11.2018, Kunsill EPSCO ST 7619 2019 INIT, 15.3.2019.
(19) COM(2018) 761 final, 21.11.2018, Kunsill EPSCO ST 7619 2019 INIT, 15.3.2019.
(20) COM(2018) 761 final, 21.11.2018, Kunsill EPSCO ST 7619 2019 INIT, 15.3.2019.
(21) ĠU C 129, 11.4.2018, p. 7.
(22) ĠU C 237, 6.7.2018, p. 8, u l-Opinjonijiet tal-KESE ĠU C 14, 15.1.2020, p. 1 u ĠU C 14, 15.1.2020, p. 46.
(23) Skeda Informattiva Tematika tas-Semestru Ewropew – Il-benefiċċji tal-qgħad – 2017.
(24) COM(2018) 761 final, 21.11.2018, Kunsill EPSCO ST 7619 2019 INIT, 15.3.2019.
(25) COM(2018) 761 final, 21.11.2018, Kunsill EPSCO ST 7619 2019 INIT, 15.3.2019.
(26) Kunsill EPSCO ST 6622 2019 INIT, 27.2.2019.
ANNESS
L-emendi li ġejjin inċaħdu waqt id-diskussjoni iżda rċevew aktar minn kwart tal-voti (Artikolu 59(3) tar-Regoli ta’ Proċedura):
1. Punt 1.12
Ibdel it-test kif ġej:
Il-KESE jirrakkomanda li r-riżultati tal-proċess tal-parametru referenzjarju jiġu mmonitorjati u evalwati mill-qrib. Jekk ma jkunx hemm progress biżżejjed fir-rigward tar-riżultati mixtieqa, għandu jiġi introdott kkunsidrat qafas strument legali ment vinkolanti li jappoġġja u jikkomplementa l-isforzi tal-Istati Membri biex jimmodernizzaw is-sistemi tal-assigurazzjoni tal-qgħad tagħhom. Minbarra Rakkomandazzjoni tal-Kunsill biex tiggwida lill-Istati Membri, il-KESE jirrakkomanda li jitqies qafas legali vinkolanti l-introduzzjoni ta’ Direttiva skont l-Artikolu 153 tat-TFUE li t jistabbilixxi standards minimi legalment vinkolanti għas-sistemi tal-assigurazzjoni tal-qgħad tal-Istati Membri. Din għandha tinkludi Dan il-qafas legali għandu jinkludi standards minimi fl-UE kollha għall-benefiċċji tal-qgħad f’termini ta’ rata ta’ sostituzzjoni, perjodu ta’ intitolament u rata ta’ kopertura . Il-KESE huwa wkoll favur standards minimi għall-UE kollha għat-taħriġ u l-attivazzjoni fil-kuntest tal-assigurazzjoni tal-qgħad.
Riżultat tal-votazzjoni:
Favur: |
64 |
Kontra: |
119 |
Astensjonijiet: |
19 |
2. Punt 2.10
Jekk, maż-żmien, u wara monitoraġġ u valutazzjoni mill-qrib tar-riżultati, ma jkunx hemm progress biżżejjed fir-rigward tar-riżultati mixtieqa, il-KESE jirrakkomanda l-introduzzjoni li jiġi kkunsidrat qafas legali vinkolanti ta’ Direttiva skont l-Artikolu 153 tat-TFUE li t jistabbilixxi standards minimi legalment vinkolanti għas-sistemi tal-assigurazzjoni tal-qgħad tal-Istati Membri. Din għandha tinkludi Dan il-qafas legali għandu jinkludi standards minimi fl-UE kollha għall-benefiċċji tal-qgħad f’termini ta’ rata netta ta’ sostituzzjoni, perjodu ta’ intitolament u rata ta’ kopertura . Il-KESE huwa wkoll favur standards minimi għall-UE kollha għat-taħriġ u l-attivazzjoni fil-kuntest tal-assigurazzjoni tal-qgħad. Ir-rekwiżiti minimi m’għandhomx jipprevjenu lill-Istati Membri milli jistabbilixxu standards ogħla (ara l-punt 16 tal-preambolu tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali). L-istandards eżistenti fl-Istati Membri m’għandhomx jitnaqqsu. Il-KESE jirrakkomanda li jiġu stabbiliti rekwiżiti minimi għas-sistemi tal-assigurazzjoni tal-qgħad tal-Istati Membri flimkien ma’ applikazzjoni xierqa ta’ klawsola ta’ nonrigressjoni (biex jiġi evitat rigress minħabba l-introduzzjoni ta’ standards minimi). B’dan il-mod se jitqies l-għan tal-UE biex ittejjeb il-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol f’termini ta’ konverġenza ’l fuq bejn l-Istati Membri (l-Artikolu 151 tat-TFUE).
Riżultat tal-votazzjoni:
Favur: |
63 |
Kontra: |
122 |
Astensjonijiet: |
18 |
3. Punt 4.9
Jekk, wara monitoraġġ u evalwazzjoni mill-qrib, il-miri stabbiliti b’rabta mas-Semestru Ewropew ma jkunux effettivi biżżejjed, il-KESE jirrakkomanda, fir-rigward tad-dimensjoni soċjali tal-Ewropa wara l-2020, li jiġi kkunsidrat tiġi introdotta Direttiva skont l-Artikolu 153 tat-TFUE qafas legali vinkolanti li jistabbilixxi tistabbilixxi standards minimi legalment vinkolanti għas-sistemi tal-assigurazzjoni tal-qgħad tal-Istati Membri. Din għandha tinkludi Dan il-qafas legali għandu jinkludi standards minimi fl-UE kollha għall-benefiċċji tal-qgħad f’termini ta’ rata netta ta’ sostituzzjoni, perjodu ta’ intitolament u rata ta’ kopertura . Il-KESE huwa wkoll favur standards minimi għall-UE kollha għat-taħriġ u l-attivazzjoni fil-kuntest tal-assigurazzjoni tal-qgħad.
Riżultat tal-votazzjoni:
Favur: |
63 |
Kontra: |
122 |
Astensjonijiet: |
21 |