Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018DP0020

    Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' Frar 2018 dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Steeve Briois (2017/2221(IMM))

    ĠU C 463, 21.12.2018, p. 70–71 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    21.12.2018   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 463/70


    P8_TA(2018)0020

    Talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Steeve Briois

    Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' Frar 2018 dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Steeve Briois (2017/2221(IMM))

    (2018/C 463/14)

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra t-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Steeve Briois, imressqa fil-25 ta' Settembru 2017 mill-Ministru tal-Ġustizzja għar-Repubblika Franċiża fuq talba tal-Prosekutur Ġenerali tal-Qorti tal-Appell ta' Douai b'rabta ma' kwerela mressqa kontra s-Sur Briois minn parti ċivili għar-reat ta' insult li sar fil-pubbliku dirett lejn individwu (“injures publiques envers un particuliers”) u mħabbra fis-seduta plenarja fit-2 ta' Ottubru 2017,

    wara li kkunsidra l-informazzjoni addizzjonali dwar il-kawża mogħtija mill-Prosekutur Pubbliku tal-Qorti Reġjonali ta’Douai f'ittra datata 12 ta' Diċembru 2017,

    wara li sema' lil Steeve Briois skont l-Artikolu 9(6) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra l-Artikoli 8 u 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea kif ukoll l-Artikolu 6(2) tal-Att dwar l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew b'suffraġju universali dirett, tal-20 ta' Settembru 1976,

    wara li kkunsidra s-sentenzi mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fit-12 ta' Mejju 1964, fl-10 ta' Lulju 1986, fil-15 u l-21 ta' Ottubru 2008, fid-19 ta' Marzu 2010, fis-6 ta' Settembru 2011 u fis-17 ta' Jannar 2013 (1),

    wara li kkunsidra l-Artikolu 26 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika Franċiża,

    wara li kkunsidra l-Artikoli 5(2) u 6(1) u l-Artikolu 9 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A8-0011/2018),

    A.

    billi l-Prosekutur Ġenerali tal-Qorti tal-Appell ta' Douai talab it-tneħħija tal-immunità parlamentari ta' Membru tal-Parlament Ewropew, Steeve Briois, b'rabta mal-proċedimenti legali pendenti quddiem il-Qorti Reġjonali ta' Douai; billi din it-talba twasslet lill-Parlament mill-Ministru tal-Ġustizzja għar-Repubblika Franċiża;

    B.

    billi t-talba għat-tneħħija tal-immunità tas-Sur Briois hija marbuta mal-proċedimenti legali istitwiti fir-rigward tar-reat ta' insult li sar fil-pubbliku dirett lejn individwu (it-tieni paragrafu tal-Artikolu 29, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 33 u l-Artikolu 23 tal-Att tad-29 ta' Lulju 1881) b'rabta ma' kummenti allegatament malafamanti li għadd ta' utenti tal-internet ħallew b'reazzjoni għat-test li ppubblika s-Sur Briois fit-23 ta' Diċembru 2015 fuq il-paġna ta' Facebook tiegħu u li ma tneħħewx fil-pront mis-Sur Briois; billi, fuq talba tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali, il-Prosekutur Pubbliku tal-Qorti Reġjonali ta' Douai ddikjara li fil-21 ta' Novembru 2017 il-kummenti msemmija hawn fuq żgur kienu għadhom online;

    C.

    billi skont l-Artikolu 8 tal-Protokoll Nru 7, il-Membri tal-Parlament Ewropew m'għandhom ikunu suġġetti għal ebda forma ta' investigazzjoni, detenzjoni jew proċeduri legali, fir-rigward ta' opinjonijiet espressi jew voti mogħtija minnhom fil-qadi ta' dmirijiethom;

    D.

    billi, skont l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7, waqt is-sessjonijiet tal-Parlament Ewropew, il-Membri tiegħu għandhom igawdu, fit-territorju tal-Istat tagħhom stess, l-immunitajiet mogħtija lil membri tal-parlament tagħhom;

    E.

    billi, fost affarijiet oħra, l-Artikolu 26 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika Franċiża jipprevedi li l-ebda Membru tal-Parlament ma jista' jiġi arrestat għal delitt jew ikun soġġett għal kwalunkwe miżura li ċċaħħad jew li tirrestrinġi l-libertà ħlief bl-awtorizzazzjoni tal-parlament;

    F.

    billi l-Artikoli 8 u 9 tal-Protokoll Nru 7 jeskludu lil xulxin (2);

    G.

    billi l-allegazzjonijiet kontra Steeve Briois u t-talba sussegwenti għat-tneħħija tal-immunità tiegħu mhumiex relatati ma' opinjoni espressa jew vot mogħti minnu fil-qadi ta' dmirijietu bħala Membru tal-Parlament Ewropew, iżda mal-fatt li hu allegatament naqas milli jneħħi mill-paġna uffiċjali ta' Facebook tiegħu għadd ta' kummenti miktuba minn partijiet terzi u perċepiti mill-persuna mmirata bħala insult;

    H.

    billi, bħala konsegwenza, l-immunità mogħtija mill-Artikolu 8 tal-Protokoll Nru 7 mhijiex applikabbli u l-każ inkwistjoni jaqa' kompletament taħt l-Artikolu 9 tal-istess Protokoll;

    I.

    billi ma hemm l-ebda evidenza ta' fumus persecutionis, jiġifieri suspett serju u preċiż biżżejjed li l-kawża nfetħet bl-intenzjoni li ssir ħsara politika lill-Membru kkonċernat;

    1.

    Jiddeċiedi li jneħħi l-immunità ta' Steeve Briois;

    2.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi minnufih din id-deċiżjoni u r-rapport tal-kumitat responsabbli tiegħu lill-Ministru tal-Ġustizzja tar-Repubblika Franċiża u lil Steeve Briois.

    (1)  Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta' Mejju 1964, Wagner vs Fohrmann u Krier, 101/63, ECLI:EU:C:1964:28; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta' Lulju 1986, Wybot vs Faure et., 149/85, ECLI:EU:C:1986:310; sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta' Ottubru 2008, Mote vs Il-Parlament, T-345/05, ECLI:EU:T:2008:440; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta' Ottubru 2008, Marra vs De Gregorio u Clemente, C-200/07 u C-201/07, ECLI:EU:C:2008:579; sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta' Marzu 2010, Gollnisch vs Il-Parlament, T-42/06, ECLI:EU:T:2010:102; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta' Settembru 2011, Patriciello, C-163/10, ECLI:EU:C:2011:543; sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta' Jannar 2013, Gollnisch vs Il-Parlament, T-346/11 u T-347/11, ECLI:EU:T:2013:23.

    (2)  Kawżi magħquda C-200/07 u C-201/07, Marra, iċċitati aktar 'il fuq, paragrafu 45.


    Top