IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 12.12.2018
COM(2018) 838 final
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI
dwar il-linji gwida għall-awtoritajiet regolatorji nazzjonali dwar it-trasparenza u l-valutazzjoni tat-tariffi tal-pakketti transkonfini skont ir-Regolament (UE) 2018/644 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1263
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI
dwar il-linji gwida għall-awtoritajiet regolatorji nazzjonali dwar it-trasparenza u l-valutazzjoni tat-tariffi tal-pakketti transkonfini skont ir-Regolament (UE) 2018/644 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1263
I.Introduzzjoni
L-impatt tar-Regolament (UE) 2018/644 dwar servizzi tal-konsenja tal-pakketti transkonfini (ir-Regolament) se jiddependi l-aktar fuq l-abilità tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali biex jiġbru l-informazzjoni u jieħdu ħsieb l-attivitajiet ta’ segwitu meħtieġa (b’mod partikolari l-valutazzjoni tat-tariffi skont l-Artikolu 6). Il-ħidma tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali hija għalhekk essenzjali biex jinkisbu l-għanijiet tar-Regolament. Din hija r-raġuni għaliex il-Komunikazzjoni tibni fuq l-input mill-Grupp Ewropew tar-Regolaturi tas-Servizzi Postali (ERGP).
Il-Komunikazzjoni fiha gwida dwar l-użu tal-formoli stabbiliti fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1263 li jistabbilixxi l-formoli għat-tressiq ta’ informazzjoni minn fornituri tas-servizzi tal-konsenja tal-pakketti (fuq il-bażi tal-Artikolu 4 tar-Regolament) u dwar is-sottomissjoni ta’ informazzjoni lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament f’bażi ta’ data elettronika li ġiet stabbilita għal dan l-iskop. Il-Komunikazzjoni tistabbilixxi wkoll linji gwida dwar il-metodoloġija li trid tintuża fir-rigward tal-elementi li jridu jintużaw għall-valutazzjoni tat-tariffi għal pakketti individwali transkonfini pprovduti fl-Artikolu 6(2) u (3) tar-Regolament (UE) 2018/644. Barra dan, il-Komunikazzjoni tipprovdi gwida dwar il-mekkaniżmu ta’ filtrazzjoni ta’ prevalutazzjoni oġġettiva għall-identifikazzjoni ta’ dawk it-tariffi. Din il-gwida hija pprovduta b’konformità mal-Artikolu 6(1) tar-Regolament (li jeħtieġ identifikazzjoni minn qabel tat-tariffi li jridu jiġu vvalutati). Identifikazzjoni minn qabel bħal din se tnaqqas il-piż amministrattiv fuq l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali u fuq il-fornituri tas-servizzi tal-konsenja tal-pakketti soġġetti għall-obbligu ta’ servizz universali.
II.Provvista ta’ informazzjoni
L-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1263 fih formoli għat-tressiq ta’ informazzjoni skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2018/644 mill-fornituri tas-servizzi tal-konsenja tal-pakketti.
It-Tabelli 1.1, 1.2 u 1.3 tal-Anness II ta’ dan ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni jinkludu distinzjoni bejn il-pakketti li huma rrapportati bħala “ikkuntrattati mal-mittent” u dawk “ittrattati f’isem fornitur ieħor”. Din id-distinzjoni hija meħtieġa biex jiġi evitat l-għadd doppju tal-pakketti.
Meta jirrapportaw informazzjoni bħal din, fin-numru/il-fatturat tal-pakketti li jidħlu, il-fornituri tas-servizzi tal-konsenja tal-pakketti jenħtieġ li jiddistingwu bejn dawk il-każijiet fejn ikunu kkuntrattaw direttament mal-mittent li jinsab barra l-pajjiż (fi Stat Membru ieħor jew pajjiż terz) u dawk il-każijiet fejn ikunu rċevew pakketti minn fornitur tas-servizzi tal-konsenja tal-pakketti ieħor li jinsab barra mill-pajjiż, li għandu kuntatt dirett mal-mittent.
L-Anness ta’ din il-Komunikazzjoni jistabbilixxi eżempji prattiċi dwar ir-rapportar ta’ informazzjoni bħal din f’xenarji kummerċjali/operattivi differenti.
Il-ħarsa ġenerali tal-pakketti minn ġewwa/minn barra l-UE/ŻEE hija meħtieġa biex tagħti stampa preċiża tas-suq, notevolment id-daqs relattiv tal-importazzjonijiet/esportazzjonijiet. Dan huwa meħtieġ b’mod speċjali minħabba t-tkabbir reċenti fil-kummerċ elettroniku ma’ pajjiżi li jinsabu barra mill-UE u ż-ŻEE. Din il-ħarsa ġenerali hija meħtieġa wkoll biex jiġu evalwati l-effetti tal-importazzjonijiet/esportazzjonijiet fuq il-passi differenti fil-katina tal-konsenja tal-pakketti.
III.Trasparenza tat-tariffi transkonfini
Skont l-Artikolu 5(1) u 5(2) u l-Anness tar-Regolament, il-fornituri tas-servizzi tal-konsenja tal-pakketti li għandhom l-obbligu li jirrapportaw l-informazzjoni jenħtieġ li jipprovdu lill-awtorità regolatorja nazzjonali tal-Istat Membru li huma stabbiliti fih bil-lista pubblika tat-tariffi applikabbli fl-1 ta’ Jannar ta’ kull sena kalendarja għall-konsenja ta’ oġġetti postali individwali domestiċi u intra-UE. Din il-lista jenħtieġ li jkun fiha t-tariffi applikabbli għal sa 15-il oġġett postali standard, reġistrat u traċċabbli f’kategoriji tal-piż differenti ta’ bejn 500 g u 5 kg.
Il-fornitur tas-servizzi tal-konsenja tal-pakketti jenħtieġ li jibgħat id-data tal-prezzijiet lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali sal-31 ta’ Jannar ta’ kull sena kalendarja. Imbagħad, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jenħtieġ li jittrażmettu l-informazzjoni li jirċievu lill-Kummissjoni sat-28 ta’ Frar ta’ kull sena kalendarja. Il-Kummissjoni jenħtieġ li tippubblika t-tariffi kollha pubbliċi li tirċievi fuq sit web iddedikat sal-31 ta’ Marzu ta’ kull sena kalendarja.
Informazzjoni dwar l-oġġetti postali msemmija fl-Anness tar-Regolament
Id-daqsijiet massimi tal-oġġetti postali elenkati fil-punti (a) sa (i) tal-Anness tar-Regolament (ittri) jikkunsidraw id-daqsijiet rilevanti stabbiliti fil-Konvenzjoni tal-Unjoni Postali Universali. L-oġġetti elenkati fil-punti (j) sa (o) (pakketti) jenħtieġ li ma jkunux iżgħar mill-uniku daqs minimu stabbilit għall-ittri, li huwa ta’ 20 mm.
Għall-fornituri tas-servizzi tal-konsenja tal-pakketti li japplikaw tariffi intra-UE differenti skont l-Istat Membru ta’ destinazzjoni, il-fornitur tas-servizzi tal-konsenja tal-pakketti jenħtieġ li jipprovdi t-tariffi applikabbli għal kull Stat Membru separatament.
Jekk hemm iktar minn oġġett wieħed postali li jaqa’ f’waħda mill-kategoriji taħt (a) sa (o) identifikati fl-Anness tar-Regolament (UE) 2018/644, huwa biss l-oġġett bit-tariffa l-iktar baxxa li jenħtieġ jiġi rapportat. Sabiex jiddetermina din it-tariffa, il-fornitur tas-servizzi tal-konsenja tal-pakketti jenħtieġ fil-prinċipju li jqabbel it-tariffi tal-oġġetti postali differenti li jaqgħu taħt l-istess kategorija f’termini ta’ kwalità (żmien għad-dispaċċ), iżda jenħtieġ li jinjora servizzi li għandhom disponibbiltà jew distribuzzjoni ġeografika differenti (eż. oġġett postali li huwa disponibbli biss għal destinazzjoni speċifika ħafna fl-Istat Membru tad-destinazzjoni).
Il-fornituri tas-servizzi universali jenħtieġ li jindikaw il-prodotti li huma soġġetti għal obbligu ta’ servizz universali u li jistgħu, fil-prinċipju, jkunu soġġetti għall-valutazzjoni skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2018/644. Il-fornituri jridu jipprovdu wkoll informazzjoni addizzjonali dwar il-prodotti inklużi f’din il-kategorija, bħal: (i) l-isem kummerċjali tal-prodott li jippermetti l-identifikazzjoni tiegħu, (ii) il-karatteristiċi speċifiċi tal-prodott (inkluż b’mod partikolari l-format), u (iii) informazzjoni dwar il-limitazzjonijiet ġeografiċi potenzjali relatati mal-konsenja tal-prodott.
Proċedura għall-ġbira tad-data
Sabiex jiġi limitat il-piż amministrattiv fuq l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali u l-fornituri tas-servizzi tal-konsenja tal-pakketti, ir-Regolament (UE) 2018/644 jissuġġerixxi li l-informazzjoni li trid tiġi rrapportata jenħtieġ li tiġi trasferita b’mod elettroniku.
Sabiex tikseb dawn l-objettivi, il-Kummissjoni żviluppat applikazzjoni bbażata fuq il-web għall-awtoritajiet regolatorji nazzjonali biex jibgħatulha l-informazzjoni skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament. Barra dan, sabiex tappoġġja l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali fil-ġbir ta’ din l-informazzjoni mill-fornituri, din l-applikazzjoni tappoġġja wkoll it-trażmissjoni ta’ informazzjoni mill-fornituri lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali.
Fl-applikazzjoni bbażata fuq il-web ġew żviluppati żewġ moduli għal dan l-iskop, wieħed għas-sottomissjoni tad-data skont l-Artikolu 5(1) u l-ieħor għas-sottomissjoni tad-data skont l-Artikolu 5(2).
L-ewwel modulu tal-applikazzjoni jippermetti lill-fornituri tas-servizzi tal-konsenja tal-pakketti (inklużi l-fornituri tas-servizzi universali) jissottomettu l-lista pubblika tat-tariffi għal dawk is-servizzi li joffru li jaqgħu taħt il-15-il kategorija identifikati fl-Anness tar-Regolament, lill-awtorità regolatorja nazzjonali.
It-tieni modulu tal-applikazzjoni jippermetti lill-awtorità regolatorja nazzjonali tibgħat id-data lill-Kummissjoni. Kull awtorità regolatorja nazzjonali tista’ tikkontrolla d-data li tirċievi u taċċettaha qabel ma tissottomettiha lill-Kummissjoni.
Jekk, minħabba d-deċiżjonijiet meħuda mill-awtorità regolatorja nazzjonali, il-fornituri tas-servizzi tal-konsenja tal-pakketti jużaw mezzi oħra biex jittrażmettu l-informazzjoni lill-awtorità regolatorja nazzjonali, l-awtorità regolatorja nazzjonali rilevanti jenħtieġ li ddaħħal id-data tat-tariffi li tirċievi fl-applikazzjoni bbażata fuq il-web u tissottometti din id-data lill-Kummissjoni.
IV.Valutazzjoni tat-tariffi bil-biċċa transkonfini
1.Mekkaniżmu ta’ filtrazzjoni ta’ prevalutazzjoni
Identifikazzjoni tat-tariffi
Skont l-Artikolu 6(1), l-ARN tidentifika, għal kull oġġett postali individwali elenkat fl-Anness tar-Regolament, dawk it-tariffi transkonfini li huma soġġetti għall-obbligu ta’ servizz universali li tqis oġġettivament li jeħtieġu jiġu vvalutati. Għal dan l-iskop, ir-Regolament jissuġġerixxi l-użu ta’ mekkaniżmu ta’ filtrazzjoni ta’ prevalutazzjoni oġġettiva, b’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità.
Il-mekkaniżmu ta’ filtrazzjoni ta’ prevalutazzjoni huwa maħsub biex inaqqas il-piż amministrattiv fuq l-awtorità regolatorja nazzonali u fuq il-fornituri tas-servizzi tal-konsenja tal-pakketti soġġetti għal obbligu ta’ servizz universali, billi dan jiffoka l-valutazzjoni skont l-Artikolu 6(2) u 6(3) tar-Regolament fuq għadd limitat ta’ tariffi. L-użu ta’ filtrazzjoni ta’ prevalutazzjoni hu meħtieġ ukoll sabiex jiġi rrispettat il-prinċipju tal-proporzjonalità. . Il-mekkaniżmu jenħtieġ li ma jkunx maħsub biex jissostitwixxi jew jidduplika l-proċess ta’ valutazzjoni fil-fond ipprovdut fl-Artikolu 6(2) u 6(3). Għall-ebda raġuni m’għandu l-mekkaniżmu ta’ filtrazzjoni jintuża biex wieħed jasal għal deċiżjoni dwar jekk it-tariffi humiex “għoljin wisq”, għaliex dan huwa ġudizzju li jista’ jsir biss wara li tkun tlestiet il-valutazzjoni skont l-Artikolu 6(2) u 6(3). Minflok, l-għan tal-mekkaniżmu ta’ filtrazzjoni jenħtieġ li jkun li jagħti indikazzjonijiet oġġettivi biex juri l-firxa ta’ tariffi li (i) jistgħu jiġu identifikati faċilment fuq il-bażi tal-informazzjoni disponibbli skont l-Artikolu 5, u (ii) li jistgħu jkunu għoljin wisq, sakemm issir valutazzjoni iktar komprensiva.
Kif jiġu żgurati l-komparabbiltà u l-ġustizzja madwar l-UE
L-użu ta’ mekkaniżmi ta’ filtrazzjoni differenti jirriżulta fi proċess ta’ valutazzjoni żbilanċjat, u se jaffettwa l-komparabbiltà tar-riżultati tal-valutazzjoni. Madankollu, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jistgħu jivvalutaw ukoll tariffi oħra flimkien ma’ dawk identifikati taħt il-mekkaniżmu ta’ filtrazzjoni komparabbli madwar l-UE. F’dan il-każ l-awtorità regolatorja nazzjonali tista’ tagħmel dan bħala riżultat tad-deċiżjoni proprja (eż. fuq il-bażi ta’ għarfien li ma tkunx kisbet skont l-Artikolu 5) jew fuq il-bażi ta’ mekkaniżmu ta’ filtrazzjoni ta’ prevalutazzjoni addizzjonali.
Mekkaniżmu ta’ filtrazzjoni flessibbli u adattabbli li jikkunsidra t-tibdil fis-suq
Sabiex jinkisbu l-għanijiet stabbiliti hawn fuq, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jenħtieġ li jużaw mekkaniżmu ta’ filtrazzjoni bbażat fuq klassifikazzjoni tat-tariffi transkonfini tal-Istati Membri kollha għal kull waħda mill-15-il kategorija ta’ oġġetti postali individwali elenkati fl-Anness tar-Regolament. Dan il-mekkaniżmu għandu l-vantaġġ li joħloq paragun madwar l-UE bbażat fuq it-tariffi rispettivi, li se jkun disponibbli għall-awtoritajiet regolatorji nazzjonali fuq l-applikazzjoni tal-web tal-Kummissjoni. Barra minn hekk, dan huwa mekkaniżmu sempliċi u ċar. Dan ma jserraħx fuq il-kostijiet (jew indikaturi għall-kostijiet), li huma parti mill-proċess ta’ valutazzjoni. Sabiex isir paragun veru u ġust, it-tariffi fuq il-paġna web tal-Kummissjoni jenħtieġ li jiġu kkoreġuti skont il-paritajiet tal-kapaċità tal-akkwist, kif stabbiliti mill-Eurostat. Sabiex titpatta r-riġidità konnessa ma’ perċentwal fiss, huwa xieraq li tiġi stabbilita firxa ta’ bejn 25 % u 5 % tal-ogħla tariffi għal kull kategorija, bil-firxa l-iktar għolja (jiġifieri 25 %) li tintuża fl-ewwel sentejn segwita minn tnaqqis gradwali tal-perċentwal. Sussegwentement, il-perċentwal li jenħtieġ jiġi kkunsidrat għal dan il-mekkaniżmu jenħtieġ li jiġi determinat permezz ta’ kooperazzjoni mill-qrib bejn il-Kummissjoni, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali u l-ERGP.
2.Il-metodoloġija li trid tintuża għall-valutazzjoni tat-tariffi għal pakketti individwali transkonfini (l-Artikolu 6(2) u 6(3))
L-Artikolu 6(2) jidentifika erba’ elementi li l-awtortijiet regolatorji nazzjonali jenħtieġ li jikkunsidraw b’mod partikolari meta jwettqu l-valutazzjoni tat-tariffi għal pakketti individwali li huma soġġetti għall-obbligu ta’ servizz universali. Ma hemm l-ebda ġerarkija bejn l-elementi, u għalhekk jenħtieġ li l-valutazzjoni tindirizzahom kollha kemm huma, filwaqt li tikkunsidra l-kundizzjonijiet speċifiċi stabbiliti fil-punti rilevanti. L-Artikolu 6(3) jidentifika żewġ elementi fakultattivi li jridu jintużaw f’din il-valutazzjoni.
(a)it-tariffi domestiċi u oħrajn rilevanti tas-servizzi tal-konsenja tal-pakketti komparabbli fl-Istat Membru tal-oriġini u fl-Istat Membru ta’ destinazzjoni
Is-servizzi tal-konsenja tal-pakketti komparabbli (fi kliem ieħor: il-prodotti) fil-prinċipju se jkunu l-prodotti tas-servizzi universali korrispondenti fl-Istat Membru ta’ destinazzjoni. Madankollu, xorta jista’ jkun xieraq li jiġi vverifikat jekk hemmx servizzi tal-konsenja tal-pakketti oħra li jistgħu jiġu mqabbla mal-prodotti li qed jiġu vvalutati. It-tariffi tal-oġġetti postali individwali normalment se jiddependu sa ċertu punt fuq il-kwalità tas-servizz u karatteristiċi oħra tal-prodotti. Għalhekk il-prodott użat għall-valutazzjoni tat-tariffi jenħtieġ li, jekk ma jkunx identiku, ikun simili kemm jista’’ jkun, b’mod speċjali f’dak li jikkonċerna l-kwalità u karatteristiċi oħra.
L-awtorità regolatorja nazzjonali jenħtieġ li — flimkien mat-tariffi għall-oġġetti postali soġġetti għall-obbligu ta’ servizz universali — tikkunsidra wkoll fil-valutazzjoni oġġetti postali oħra minn fornituri tas-servizzi tal-konsenja tal-pakketti li mhumiex soġġetti għal obbligu ta’ servizz universali. Sabiex oġġetti bħal dawn jingħataw kunsiderazzjoni, huwa essenzjali li jinkisbu minn qabel il-karatteristiċi speċifiċi tal-prodott u informazzjoni dwar il-kwalità tas-servizz (eż. assigurazzjoni/responsabbiltà, veloċità tal-konsenja, żmien tal-ivvjaġġar garantit jew medju, kopertura territorjali) sabiex jiġi żgurat li s-servizzi jistgħu jiġu sostitwiti bil-kundizzjonijiet tas-suq.
Jista’ jkun il-każ li ma jkunx hemmx biżżejjed informazzjoni li turi li prodotti bħal dawn huma, mill-perspettiva tal-utent, interkambjabbli sa livell suffiċjenti mal-prodotti li qed jiġu vvalutati (b’kunsiderazzjoni tal-karatteristiċi tas-servizzi, inkluż kwalunkwe karatteristiċi ta’ valur miżjud, kif ukoll l-użu intiż, u l-ipprezzar). F’dan il-każ, il-paragun jenħtieġ li jsir biss għal prodotti soġġetti għal obbligu ta’ servizzi universali.
Il-grafika turi l-oġġetti potenzjali li jistgħu jkunu parti mill-paragun; bl-aħmar huwa l-oġġett li jrid jiġi vvalutat, bl-oranġjo huma s-servizzi komparattivi potenzjali primarji, u bl-aħdar huma s-servizzi komparattivi potenzjali sekondarji.
Għalhekk, it-tariffi li ġejjin jenħtieġ li jingħataw kunsiderazzjoni għal meta jsir il-paragun mat-tariffa/i li qed jiġu vvalutati:
·l-ewwel nett, is-somma tat-tariffa domestika tal-fornitur tas-servizzi universali fl-Istat Membru tal-oriġini u t-tariffa domestika tal-fornitur tas-servizzi universali fl-Istat Membru tad-destinazzjoni (paragun primarju);
·it-tieni, is-somma tat-tariffa domestika tal-fornitur tas-servizzi universali fl-Istat Membru tal-oriġini u t-tariffa domestika ta’ kompetitur rilevanti, li jipprovdi servizzi interkambjabbli (ara hawn fuq) fl-Istat Membru tad-destinazzjoni (paragun sekondarju).
Barra dan, il-valutazzjoni jenħtieġ ukoll li tqis il-fatt li jintużaw prinċipji differenti biex jiġu stabbiliti t-tariffi. It-tariffi għas-servizzi postali universali huma mfassla skont l-obbligu li jiġu rispettati l-prinċipji li jinsabu fl-Artikolu 12 tad-Direttiva dwar is-Servizzi Postali. Dan ifisser li dawn it-tariffi jridu jkunu orjentati lejn il-kostijiet, affordabbli, trasparenti u mhux diskriminatorji.
Jekk il-valutazzjoni tirriżulta f’differenzi sostantivi bejn it-tariffa li qed tiġi vvalutata u s-somma tat-tariffi domestiċi jew it-tariffi transkonfini komparabbli, huwa importanti li jiġu vvalutati b’mod partikolari, il-kostijiet rispettivi sottostanti tas-servizz li qed jiġi vvalutat.
(b) kwalunwe applikazzjoni ta’ tariffa uniformi għal żewġ Stati Membri jew iktar
L-applikazzjoni ta’ tariffa uniformi tista’ fiha nnifisha titqies bħala devjazzjoni leġittima mill-prinċipju ta’ orjentazzjoni lejn il-kostijiet, billi din il-possibbiltà hija pprovduta fit-tielet inċiż tal-Artikolu 12 tad-Direttiva dwar is-Servizzi Postali. F’dan ir-rigward, ir-Regolament jirreferi għall-fatt li t-tariffi uniformi għall-konsenji transkonfini lil żewġ Stati Membri jew iktar jistgħu jkunu importanti għall-protezzjoni tal-koeżjoni reġjonali u soċjali. Bħala riżultat, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jenħtieġ jikkunsidraw li jista’ jkun hemm differenza ġustifikata bejn il-kost ta’ servizz speċifiku (jiġifieri l-kost sottostanti ta’ oġġett postali mibgħut lil destinazzjoni speċifika) u t-tariffa tas-servizz. F’dawn il-każijiet, isir kalkolu tal-medja bejn destinazzjonijiet differenti u għalhekk bejn oġġetti bi strutturi tal-kostijiet differenti.
Fil-prattika, il-maġġoranza tal-fornituri ta’ servizz universali jitolbu tariffa uniformi waħda għall-ittri, u ħafna drabi anke għall-pakketti mibgħuta lill-Istati Membri l-oħra kollha. Xi fornituri ta’ servizz universali għandhom ukoll diversi tariffi uniformi konnessi b’mod ġenerali mal-prossimità ġeografika (eż. Stati Membri tal-viċinat/il-bqija tal-UE; żewġ jew tliet reġjuni). Huma biss ftit fornituri ta’ servizz universali li għandhom iktar distinzjonijiet jew tariffi differenzjati għall-Istati Membri kollha.
(c) volumi bilaterali, kostijiet speċifiċi tat-trasport jew tat-trattament, kostijiet oħra rilevanti u standards tal-kwalità tas-servizz
L-elementi elenkati fl-Artikolu 6(2)(c) tar-Regolament huma relatati mal-kostijiet f’sens wiesa' u jenħtieġ li jkunu jikkostitwixxu l-qalba tal-valutazzjoni li titwettaq mill-awtorità regolatorja nazzjonali. Il-lista mhijiex eżawrjenti, u tkopri t-tipi kollha ta’ kostijiet possibbli (ara hawn, taħt “kostijiet oħra”).
Is-sors inizjali (u possibbilment prinċipali) tal-informazzjoni rilevanti f’dan ir-rigward se jkun is-sistema ta’ kontabbiltà tal-kostijiet tal-fornituri tas-servizzi universali, li hija stabbilita skont l-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar is-Servizzi Postali (li tipprovdi, pereżempju, informazzjoni dwar il-volumi u l-kostijiet għal kull servizz). L-informazzjoni dwar il-kostijiet se tkun komparabbli biss mas-servizzi elenkati fl-Anness tar-Regolament (UE) 2018/644, jekk l-informazzjoni dwar il-kostijiet tiġi diżaggregata fi prodotti individwali u kontabilizzata separatament. Jekk l-informazzjoni dettaljata rilevanti mhijiex disponibbli minn dan is-sors, l-awtorità regolatorja nazzjonali jenħtieġ li tuża s-setgħat tagħha skont l-Artikolu 6(5) tar-Regolament biex titlob l-informazzjoni inkwistjoni.
Il-volumi lejn Stat Membru partikolari se jaffettwaw il-kost għal kull unità. Jekk il-volumi huma għoljin, jista’ jkun hemm ekonomiji ta’ skala. Jekk il-volumi huma baxxi, jista’ ma jkunx hemm ekonomiji ta’ skala (u għalhekk kost unitarju ogħla). Il-volumi jenħtieġ li jitkejlu fin-numru ta’ pakketti għas-servizz li qed jiġi vvalutat, u servizzi oħrajn li jitwettqu flimkien, jekk dan huwa rilevanti. Pereżempju, anke jekk hemm verament ftit oġġetti ta’ servizz partikolari minn Stat Membru A għal Stat Membru B, xorta jista’ jkun hemm oġġetti ta’ servizz wieħed jew iktar li huma trasportati b’mod konġunt li jistgħu joħolqu ekonomiji ta’ skala, u b’hekk ibaxxu l-kost unitarju. Jekk id-data dettaljata dwar il-volumi mhijiex disponibbli, jenħtieġ li l-awtorità regolatorja nazzjonali tagħmel stima tal-volumi. Din l-istima tal-volumi tista’, pereżempju, tkun ibbażata fuq id-data tad-dħul.
Il-kostijiet tat-trasport se jiddependu l-aktar fuq il-mezzi ta’ trasport magħżula. Pereżempju, il-kost tat-trasport bl-ajru (li jista’ jkun l-unika għażla disponibbli għal Stati Membri gżejjer) probabbilment se jkun ogħla minn dak tat-trasport fuq l-art” (inkluż bil-ferrovija). L-istandards tal-kwalità tas-servizz meħtieġa wkoll jistgħu jaffettwaw direttament l-użu ta’ mezzi speċifiċi ta’ trasport (dan huwa b’mod speċjali l-każ għal trasport fuq distanzi twal).
Il-kostijiet tat-trattament probabbilment ivarjaw b’mod konsiderevoli għall-oġġetti differenti fl-Anness tar-Regolament, billi l-ittri normalment jiġu ssortjati minn magna. Oġġetti oħra, b’mod speċjali ċerti pakketti, ħafna drabi jiġu ttrattati manwalment. Dan jista’ jwassal għal kostijiet lavorattivi ogħla għal dawn l-oġġetti.
Hemm ukoll kostijiet oħra li jenħtieġ li jiġu kkunsidrati. Wieħed minn dawn huwa l-kost tar-rati tat-terminal. Kif stabbilit fid-dispożizzjonijiet rilevanti adottati mill-Unjoni Postali Universali, it-terminu “rati tat-terminal” ikopri kemm l-ammonti dovuti tat-terminal (li japplikaw għall-ittri) kif ukoll ir-rati tal-konsenji li jidħlu (li japplikaw għall-pakketti). F’dan ir-rigward, jenħtieġ li l-fornituri tas-servizzi tal-konsenja tal-pakketti jkunu meħtieġa jipprovdu lill-awtorità regolatorja nazzjonali bir-rati tat-terminal speċifiċi inkwistjoni għat-tariffa li qed tiġi vvalutata.
Barra dan, jista’ jkun hemm kostijiet oħra speċifiċi għal ċertu rotta (bilaterali) li jistgħu jkunu rilevanti. Kostijiet bħal dawn jistgħu jkunu minħabba d-distribuzzjoni fuq gżira, jew il-konsenja lil żoni skarsament popolati u żoni muntanjużi.
(d)l-impatt potenzjali tat-tariffi transkonfini applikabbli fuq utenti individwali u intrapriżi żgħar u medji, inklużi dawk sitwati f’żoni mbiegħda jew skarsament popolati, u fuq utenti individwali b’diżabilità jew bil-mobilità mnaqqsa, fejn possibbli mingħajr ma jiġi imponut piż sproporzjonat
L-impatt potenzjali tat-tariffa transkonfini li qed tiġi vvalutata jenħtieġ li jiġi evalwat mill-perspettiva tal-utent (b’mod partikolari mill-perspettiva tal-affordabilità u d-disponibbiltà). L-impatt ta’ tariffi bħal dawn jenħtieġ għalhekk li ma jkunx biss ta’ karattru ipotetiku. Jenħtieġ li jkun hemm raġunijiet (eż. studji) biex wieħed jemmen li l-utenti meqjusin bħala vulnerabbli jiġu fil-fatt milquta mit-tariffi inkwistjoni.
(e)jekk it-tariffi humiex soġġetti għal regolazzjoni tal-prezzijiet speċifika taħt il-leġiżlazzjoni nazzjonali
Skont ir-rapport tal-ERGP dwar ir-regolazzjoni tat-tariffi f’kuntest ta’ volumi li qed jonqsu, jeżistu forom differenti ta’ regolazzjoni tal-prezzijiet fl-Istati Membri differenti. Fil-prinċipju, ir-regolazzjoni tal-prezzijiet massimi jew il-kontrolli tal-prezzijiet individwali huma l-metodi preferuti għar-regolazzjoni tat-tariffi. Madankollu, ir-regolazzjoni tal-prezzijiet massimi jew il-kontrolli tal-prezzijiet individwali jkunu utli biss jekk it-tariffa għall-oġġett speċifiku tal-Anness tar-Regolament tkun soġġetta għal kontroll tal-prezzijiet individwali speċifiku (jiġifieri li l-prinċipju tal-orjentazzjoni lejn il-kostijiet jiġi applikat fil-livell ta’ kull servizz individwali).
L-awtorità regolatorja nazzjonali jenħtieġ li tuża l-informazzjoni miġbura fil-proċess tar-regolazzjoni tat-tariffi biex tiddetermina jekk hemmx raġuni oġġettiva għat-tariffa transkonfini li hi tkun identifikat bħala potenzjalment għolja wisq (ara hawn fuq taħt IV.1).
(f)abbuż ta’ pożizzjoni dominanti fis-suq stabbilita taħt il-liġi rilevanti applikabbli
It-tieni element fakultattiv li l-awtorità regolatorja nazzjonali tista’ tikkunsidra huwa l-azzjonijiet ta’ infurzar tal-kompetizzjoni preċedenti. Pereżempju, jista’ jkun hemm każijiet fejn l-awtorità tal-kompetizzjoni tkun iddeterminat fil-passat li l-fornitur tas-servizzi universali kien abbuża mill-pożizzjoni dominanti tiegħu fis-suq fil-provvista ta’ oġġetti transkonfini. Għall-fini tal-valutazzjoni, determinazzjoni bħal din mill-awtorità tal-kompetizzjoni tkun rilevanti l-aktar meta l-abbuż tal-pożizzjoni dominanti fis-suq kien jinvolvi l-isfruttament tal-utenti finali (bħal prattiki ta’ prezzijiet eċċessivi) aktar milli l-esklużjoni ta’ kompetitur (bħal ipprezzar predatorju jew kompressjoni tal-prezzijiet).