IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 4.12.2018
COM(2018) 785 final
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL EMPTY
Rapport dwar l-evalwazzjoni tal-Qafas tal-UE tal-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom sal-2020
{SWD(2018) 480 final}
1. Introduzzjoni
Il- qafas tal-UE għal strateġiji nazzjonali għall-integrazzjoni tar-Rom sal- 2020
huwa l-ewwel inizjattiva tal-UE immirata lejn ir-Rom li tinkludi wkoll mekkaniżmu ta’ segwitu. L-għanijiet ewlenin tagħha huma li jiġu indirizzati l-esklużjoni soċjoekonomika ta’ u d-diskriminazzjoni kontra r-Rom permezz tal-promozzjoni ta’ aċċess ugwali għall-edukazzjoni, l-impjiegi, is-saħħa u l-akkomodazzjoni. Hija stiednet lill-Istati Membri biex ifasslu strateġiji nazzjonali għall-integrazzjoni tar-Rom (National Roma Integration Strategies -NRIS)
u jinnominaw punti ta’ kuntatt nazzjonali għar-Rom (National Roma Contact Points - NRCP) sabiex jikkoordinaw l-ippjanar, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ ta’ dawn l-istrateġiji sabiex jiġu sodisfati l-għanijiet tal-UE għall-integrazzjoni tar-Rom. Għal kull għan ta’ integrazzjoni tar-Rom, il-qafas tal-UE elenka sett ta’ miżuri li l-Istati Membri jistgħu jieħdu. Fil-pajjiżi tat-tkabbir ġie miżjud il-ħames għan, l-aċċess għad-dokumentazzjoni ċivika, u l-għanijiet tal-UE biex jitjieb l-għoti tal-assistenza ta’ qabel l-adeżjoni, jissaħħaħ l-involviment tas-soċjetà ċivili u jitjieb il-monitoraġġ.
Kaxxa 1: Għanijiet tal-UE għall-integrazzjoni tar-Rom
1. Tiżgura li t-tfal kollha Rom jlestu tal-anqas l-iskola primarja
2. Tnaqqas id-distakk fl-impjiegi bejn ir-Rom u l-kumplament tal-popolazzjoni
3. Tnaqqas id-distakk fl-istatus tas-saħħa
4. Tnaqqas id-distakk fl-aċċess għall-akkomodazzjoni u l-utilitajiet pubbliċi
Evalwazzjoni li tkopri l-perjodu 2011-2017 twettqet b’rispons għall-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar “L-Aċċellerazzjoni tal-Proċess tal-Integrazzjoni tar-Rom.”
Dan ir-rapport jiġbor fil-qosor ir-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika miftuħa (Open Public Consultation - OPC), ir-riżultati tal-evalwazzjoni u t-tagħlimiet meħuda mill-evalwazzjoni. Id-dokument ta’ ħidma tal-persunal ta’ akkumpanjament anness ma’ dan ir-Rapport fih l-evalwazzjoni sħiħa.
2. Il-konsultazzjoni pubblika
Il-konsultazzjoni staqsiet dwar il-kawżi ta’ esklużjoni, il-metodi u l-atturi biex jindirizzawhom, u l-prijoritajiet għal azzjoni. Hija tiġbor l-opinjonijiet dwar il-kisbiet, l-isfidi u l-progress fir-rigward kemm tal-iżvilupp tal-politika u s-sitwazzjoni tar-Rom fl-edukazzjoni, l-impjiegi, is-saħħa, l-akkomodazzjoni u rigward id-diskriminazzjoni / anti-żingariżmu
. Ir-riżultati jkopru l-perċezzjoni tal-partijiet ikkonċernati bħal l-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali tar-Rom, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u individwi minn Stati Membri u l-pajjiżi tat-tkabbir.
Maġġoranza kbira tal-240 li wieġbu taħseb li s-sitwazzjoni tar-Rom hija agħar minn dik ta’ persuni li mhumiex Rom fil-ħames oqsma, partikolarment rigward id-diskriminazzjoni, fl-impjiegi u fl-akkomodazzjoni. Ħafna jaħsbu wkoll li huma meħtieġa interventi pubbliċi kemm mill-istituzzjonijiet tal-UE kif ukoll mill-awtoritajiet nazzjonali f’dawn l-oqsma kollha biex itejbu s-sitwazzjoni.
F’termini ta’ bidla mill-2011 il-biċċa l-kbira tan-nies rat titjib fl-edukazzjoni. Filwaqt li ħafna nies raw titjib fis-saħħa, l-opinjonijiet dwar l-impjiegi huma maqsuma. Rigward kemm l-akkomodazzjoni kif ukoll id-diskriminazzjoni dawk li jemmnu li s-sitwazzjoni qed tmur għall-agħar huma ħafna aktar minn dawk li jaraw titjib.
Grafika 1: Tibdiliet perċepiti fis-sitwazzjoni tar-Rom mill-2011
Konsultazzjoni Pubblika Miftuħa
Rigward l-iżvilupp tal-politika fil-livell tal-UE l-aktar progress sar fl-edukazzjoni u fil-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni. Anki rigward saħħa u impjiegi aktar nies raw titjib milli deterjorament. Rigward l-akkomodazzjoni l-opinjonijiet negattivi huma aktar numerużi minn dawk pożittivi. F’dak li għandu x’jaqsam mal-iżvilupp tal-politika fuq livell nazzjonali, il-bilanċ ixaqleb lejn dak pożittiv għall-edukazzjoni u l-kura tas-saħħa, u wieħed negattiv għall-impjiegi, id-diskriminazzjoni u speċjalment l-akkomodazzjoni.
It-tweġibiet jikkonfermaw li strateġiji ta’ integrazzjoni tar-Rom li jkunu suċċess fuq il-livell Ewropew u dak nazzjonali jridu jkunu komprensivi, u jkopru mill-inqas l-oqsma ewlenin tal-qafas tal-UE kif ukoll il-ġlieda kontra s-sentiment kontra ż-żingari. Minn lista ta’ 20 qasam potenzjali ta’ prijorità l-edukazzjoni ħarġet bħala prijorità ċara (67 % fil-livell Ewropew u 76 % fuq livell nazzjonali), segwita mill-impjiegi (49 % fuq livell Ewropew u 57 % fuq livell nazzjonali), filwaqt li iktar minn terz ta’ dawk li wieġbu kemm fil-livell Ewropew kif ukoll dak nazzjonali għażlu l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni u s-sentiment kontra ż-żingari, kif ukoll l-aċċess għall-akkomodazzjoni u għall-kura tas-saħħa bħala prijoritajiet.
Il-bżonn ta’ approċċ komprensiv ġie ssuġġerit ukoll mir-riżultat li hemm diversi kawżi ta’ esklużjoni li l-istrateġiji għall-integrazzjoni jridu jindirizzaw simultanjament. Dawn jinkludu primarjament id-diskriminazzjoni u s-sentiment kontra ż-żingari, l-impenn politiku limitat, in-nuqqas ta’ parteċipazzjoni tar-Rom, il-kapaċitajiet limitati tal-istituzzjonijiet u finanzjament insuffiċjenti.
Skont 60 % ta’ dawk li wieġbu l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali għandhom bżonn l-għajnuna tal-UE biex itejbu s-sitwazzjoni tar-Rom. Il-partijiet ikkonċernati jaraw rwol aktar b’saħħtu għall-UE milli għall-awtoritajiet nazzjonali fil-monitoraġġ u l-infurzar tal-leġiżlazzjoni Ewropea dwar in-nondiskriminazzjoni u kontra r-razziżmu u sabiex l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-politiki ambizzjużi għall-inklużjoni tar-Rom isiru kundizzjonijiet ta’ aċċess għall-finanzjament. L-awtoritajiet nazzjonali huma mistennija li jkollhom rwol akbar f’miżuri fil-ġlieda kontra ż-żingari (bħall-bini ta’ komunitajiet bejn ir-Rom u persuni mhux Rom, taħriġ dwar in-nondiskriminazzjoni u l-inklużjoni tar-Rom għall-uffiċjali pubbliċi, jew l-inklużjoni tal-istorja u l-kultura tar-Rom fil-kurrikuli skolastiċi) u f’żieda fil-parteċipazzjoni tar-Rom (parteċipazzjoni politika, fora nazzjonali ta’ kooperazzjoni, bini ta’ kapaċità, l-involviment fl-iżvilupp u l-monitoraġġ tal-politika).
Il-kisbiet (l-inklużjoni tar-Rom fuq quddiem fl-aġenda politika, il-finanzjament tal-UE, ir-rikonoxximent tas-sentiment kontra ż-żingari bħala forma speċifika ta’ intolleranza) huma marbuta mal-UE, milli fil-livell nazzjonali. Fir-rigward tal-isfidi lill-qafas u l-NRIS, l-isfida universali enfasizzata mill-biċċa l-kbira tal-partijiet ikkonċernati li ħadu sehem fil-konsultazzjonijiet pubbliċi hija n-nuqqas ta’ integrazzjoni effettiva (jiġifieri s-sensibilità tal-politiki pubbliċi ta’ integrazzjoni għall-bżonnijiet tar-Rom).
3. Ir-riżultati skont kriterju ta’ evalwazzjoni
L-evalwazzjoni vvalutat ħames kriterji bażiċi (ir-rilevanza, il-koerenza, l-effettività, l-effiċjenza u l-valur miżjud tal-UE) u tlieta oħra addizzjonali (l-ekwità, il-koordinazzjoni, is-sostenibbiltà). Il-kriterji addizzjonali huma analizzati hawn taħt marbuta mal-kriterji ta’ evalwazzjoni bażiċi li għaliha huma l-aktar relatati mill-qrib (ekwità skont ir-rilevanza, koordinazzjoni skont l-effettività, u s-sostenibbiltà taħt il-valur miżjud tal-UE).
3.1. Rilevanza
L-analiżi ta’ rilevanza tħares lejn jekk l-objettivi stabbiliti kinux rilevanti għall-ħtiġijiet fiż-żmien u jekk għadhomx rilevanti sal-lum. Ir-rilevanza hija vvalutata bħala ġeneralment pożittiva b’limitazzjonijiet. L-evalwazzjoni kkonfermat l-oqsma ta’ prijorità ġew bħala element ewlieni għall-inklużjoni tar-Rom u għadhom validi sa llum.
L-evalwazzjoni identifikat ukoll nuqqasijiet fit-tfassil inizjali tal-qafas:
·Filwaqt li rilevanti, l-għan fil-qasam tal-edukazzjoni (li t-tfal Rom kollha jtemmu mill-inqas l-edukazzjoni primarja) ma kienx ambizzjuż.
·Il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni kienet objettiv ġenerali, tema transversali mingħajr għan speċifiku kontra d-diskriminazzjoni. Azzjoni li tindirizza s-sentiment kontra ż-żingari nstabet li kienet insuffiċjenti, minkejja li l-qafas identifika miżuri li jittrattaw id-diskriminazzjoni f’kull qasam ta’ politika u dokumenti ta’ politika tal-UE sussegwenti rrikonoxxew is-sentiment kontra ż-żingari bħala forma speċifika ta’ intolleranza,
kif ukoll passi fil-livell tal-UE u dak nazzjonali biex tiġġieled id-diskriminazzjoni, ir-razziżmu u l-ksenofobija f’konformità mal-leġiżlazzjoni tal-UE.
·Filwaqt li l-qafas enfasizza d-diversità taħt l-umbrella wiesgħa tat-terminu Rom
, irriżulta li kellu kapaċità limitata biex jindirizza d-diversità fil-popolazzjoni tar-Rom. Huwa ma ħax ħsieb biżżejjed biex jiġu mmirati gruppi speċifiċi fost ir-Rom, biex jindirizza d-dimensjoni tal-ġeneru jew id-diskriminazzjoni multipla (ekwità).
Biex jirrispetta l-kompetenzi tal-Istati Membri, il-qafas tal-UE pprovda flessibbiltà għall-adattament tal-objettivi tiegħu u l-għażla ta’ gruppi fil-mira għal kuntesti nazzjonali speċifiċi. Din il-flessibbiltà timplika li r-rilevanza tal-qafas tiddependi mill-qrib fuq l-adegwatezza u l-ambizzjoni tal-objettivi u l-miżuri mniżżlin fl-NRIS. Waqt li approċċ bħal dan għandu l-potenzjal li jsaħħaħ ir-rilevanza ta’ azzjonijiet, l-evalwazzjoni sabet li b’mod ġenerali huwa kkontribwixxa għal implimentazzjoni frammentata li tnaqqas l-effettività.
3.2. Effettività
L-analiżi tal-effettività tqis il-punt sa fejn il-qafas għamel progress lejn l-objettivi tiegħu, kemm f’termini ta’ għanijiet ta’ integrazzjoni tar-Rom u t-twaqqif ta’ strumenti u strutturi għall-integrazzjoni tar-Rom fil-livell tal-UE u dak nazzjonali (koordinazzjoni).
L-effettività fil-progress lejn l-għanijiet għall-integrazzjoni tar-Rom hija vvalutata bħala ġeneralment limitata b’differenza sinifikanti fost l-oqsma u l-pajjiżi
. L-edukazzjoni hija l-qasam bl-akbar progress (titjib fit-tluq bikri mis-sistema edukattiva, edukazzjoni bikrija tat-tfal u l-edukazzjoni obbligatorja, iżda deterjorament f’segregazzjoni). L-istat perċepit tas-saħħa tar-Rom tjieb iżda l-kopertura medika għadha limitata. Ma kienx hemm titjib fl-aċċess għall-impjiegi, u s-sehem ta’ żgħażagħ Rom li ma għandhomx impjieg, edukazzjoni jew taħriġ (not in employment, education or training, NEET) saħansitra kompla jiżdied. Is-sitwazzjoni tal-akkomodazzjoni tibqa’ diffiċli. Kien osservat xi progress fir-rigward tal-għan ġenerali tal-ġlieda kontra l-faqar. Is-sentiment kontra ż-żingari u r-reati ta’ mibegħda jkomplu jkunu kwistjonijiet ta’ tħassib kbir, minkejja evidenza ta’ xi tnaqqis f’esperjenzi ta’ diskriminazzjoni tar-Rom meta jaċċessaw servizzi f’xi oqsma.
Grafika 2: 2011-2016 bidliet fis-sitwazzjoni tar-Rom fl-oqsma ta’ politika, il-faqar; Diskriminazzjoni skont iż-żona u s-sentiment kontra ż-żingari
FRA 2011, 2016, 2017
L-effettività f’termini ta’ koordinazzjoni hija vvalutata bħala pożittiva fil-livell tal-UE u limitata fil-livell nazzjonali. Skont ir-riżultati tal-evalwazzjoni, il-qafas irnexxielu jwaqqaf jew isaħħaħ l-istrumenti u l-istrutturi ta’ governanza u bini tal-kapaċità u kooperazzjoni fost l-atturi li jaħdmu għall-inklużjoni tar-Rom. Il-qafas kompla jtejjeb il-kooperazzjoni tal-partijiet ikkonċernati fil-livell tal-UE u dak nazzjonali, iżda l-parteċipazzjoni għad ma għandhiex biżżejjed impatt fuq it-tfassil tal-politika u d-disinn tas-servizz. Fil-livell nazzjonali, il-qafas wassal għall-iżvilupp ta’ strumenti - l-istrateġiji nazzjonali għar-Rom, Punti ta’ Kuntatt (national Roma Contact Points, NRCP) u pjattaformi - iżda l-allinjament tal-NRIS mal-għanijiet tal-integrazzjoni tar-Rom mhux komplut. Skont ir-riżultati tal-evalwazzjoni, għalkemm it-twaqqif ta’ NRCP wassal għal titjib fil-kooperazzjoni fost entitajiet tal-amministrazzjoni pubblika u bejn l-amministrazzjonijiet pubbliċi u partijiet ikkonċernati oħra, diversi NRCP xorta ma għandhomx piż istituzzjonali, ir-riżorsi u l-kapaċità.
3.3. Koerenza
L-analiżi tal-koerenza teżamina kemm jaħdem sew il-qafas tal-UE flimkien ma’ strumenti oħra nazzjonali u tal-UE. Koerenza ġie valutata bħala pożittiva fil-livell tal-UE u limitata fil-livell nazzjonali.
L-evalwazzjoni turi li fil-livell tal-UE sar progress fil-mobilizzazzjoni ta’ politika, fondi u strumenti legali għall-inklużjoni tar-Rom. Dan huwa partikolarment il-każ għall-istrateġija Ewropa 2020 (permezz ta’ sinerġiji bejn il-miri tal-Ewropa 2020 u l-objettivi ta’ integrazzjoni tar-Rom u rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż dwar ir-Rom) u l-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (FSIE 2014-2020: prijorità ta’ investiment speċifika għar-Rom u kondizzjonalità ex ante). Barra minn hekk, inħolqot rabta bejn l-Ewropa 2020 u l-FSIE: l-Istati Membri li rċevew rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż dwar ir-Rom kellhom jinkludu l-prijorità ta’ investiment speċifika għar-Rom u jużaw l-FSIE għal riforma inklużiva tal-politika. Din min-naħa l-oħra ħolqot l-applikabbiltà tal-kondizzjonalità ex ante tematika relatata mar-Rom u l-kriterji tat-twettiq tagħha, marbuta mill-qrib mal-għanijiet tal-qafas.
L-evalwazzjoni tissuġġerixxi li l-qafas irnexxielu wkoll jiżgura l-integrazzjoni tal-għanijiet tal-inklużjoni tar-Rom f’oqsma bħat-tkabbir
, l-Aġenda Urbana
, il-politiki tal-UE kontra t-traffikar
jew proposti reċenti bħal pereżempju r-riformulazzjoni tad-Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb
. Madankollu, l-evalwazzjoni tinnota li r-Rom mhumiex espliċitament imsemmija fil-Garanzija għaż-Żgħażagħ jew fil-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Il-qafas tal-UE u l-istrumenti legali tal-UE huma komplementari ħafna f’termini ta’ għanijiet u kamp ta’ applikazzjoni. L-infurzar tal-leġiżlazzjoni tal-UE mill-Kummissjoni jsaħħaħ l-objettivi ta’ politika tal-qafas, filwaqt li l-implimentazzjoni ta’ monitoraġġ tal-NRIS tinforma lill-Kummissjoni dwar l-istat attwali tal-leġiżlazzjoni tal-UE.
L-evalwazzjoni sabet li l-qafas ikkontribwixxa għall-integrazzjoni tar-Rom fi strumenti legali, ta’ politika u finanzjarji fil-livell nazzjonali sa ċertu punt iktar limitat. Fil-biċċa l-kbira l-NRIS ma jorbtux sew ma’ politiki pubbliċi. Ostaklu ewlieni huwa l-influwenza limitata tal-NRCPs fuq it-tfassil, l-implimentazzjoni u l-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet ta’ politiki ewlenin.
3.4. Effiċjenza
L-analiżi tal-effiċjenza tivvaluta r-relazzjoni bejn ir-riżorsi użati f’intervent u tibdil li jiġi ġġenerat. L-evalwazzjoni ffokat fuq l-effiċjenza tal-monitoraġġ u r-rappurtar u ppruvat tivvaluta l-ispejjeż u l-benefiċċji fil-kuntest tal-qafas tal-UE u l-NRIS.
L-effiċjenza tas-sistemi ta’ monitoraġġ u rappurtar ġiet ivvalutata bħala limitata. L-istrumenti ta’ monitoraġġ jiżviluppaw gradwalment. Ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-2013 introduċiet rappurtar komprensiv mill-Istati Membri, għalkemm biss mill-2016. Dan ir-rappurtar, f’konformità mal-impenji tal-Istati Membri primarjament jiffoka fuq miżuri ta’ integrazzjoni, aktar milli r-riżultat u l-indikaturi tar-riżultati li jippermettu l-kejl tal-effettività ġenerali tal-interventi. L-evalwazzjoni sabet li l-għodda ta’ rappurtar onlajn ipprovduti mill-Kummissjoni għar-rappurtar mil-livell nazzjonali għal dak Ewropew huma pass pożittiv lejn it-tagħlim tal-politika u t-trasparenza, iżda għad għandu nuqqasijiet li jridu jiġu indirizzati (Ara t-Taqsima 4.5.). Monitoraġġ indipendenti ġie żgurat permezz tal-FRA u l-istħarriġ iffinanzjata mill-IPA li jagħmlu possibbli l-monitoraġġ tal-progress matul iż-żmien.. Sa mill-2017 il-Kummissjoni mexxiet proġett biex timmonitorja l-implimentazzjoni tal-NRIS minn koalizzjonijiet kkoordinati tas-soċjetà ċivili
.
L-evalwazzjoni tgħid li l-ispejjeż u l-benefiċċji ma setgħux jiġu kwantifikati, evalwati u attribwiti b’mod konklużiv lill-qafas. Waqt li l-ispejjeż ikunu għal żmien qasir, il-maġġoranza tal-benefiċċji potenzjali huma fit-tul u ma jistgħux iseħħu sal-2020. Fuq terminu twil, il-progress li sar fl-oqsma tal-edukazzjoni, l-impjiegi, l-akkomodazzjoni u s-saħħa mhux biss inaqqas il-faqar fost ir-Rom, iżda jġib ukoll benefiċċji fiskali bħal kontribuzzjonijiet għall-baġit tal-gvern jew impatt fuq l-użu ta’ beni u servizzi pubbliċi (tnaqqis fl-assorbiment ta’ benefiċċji soċjali). L-integrazzjoni tar-Rom fis-suq tax-xogħol jista’ jkollha impatt pożittiv fuq is-suq tax-xogħol (titjib fl-effiċjenza permezz ta’ tnaqqis fl-iskarsezzi tal-ħaddiema u tal-ħiliet) u l-ekonomija, inkluż il-PDG.
3.5. Valur miżjud tal-UE
L-analiżi tal-valur miżjud tal-UE tfittex tibdiliet li skattaw mill-qafas lil hinn minn dak li seta’ raġonevolment ikun mistenni minn partijiet ikkonċernati waħedhom jew minn kull nuqqas ta’ azzjoni. Il-valur miżjud tal-UE ġie valutat bħala pożittiv. L-evalwazzjoni tosserva li l-azzjoni tal-UE pprovdiet valur miżjud lill-politiki nazzjonali tar-Rom u lill-implimentazzjoni tagħhom permezz ta’ dimensjonijiet politiċi, ta’ governanza u finanzjarji.
Kaxxa 2: Valur miżjud tal-UE
Politika:
·L-inklużjoni tar-Rom minn ta’ quddiem fuq l-aġendi tal-UE u l-aġendi nazzjonali
·Attenzjoni mogħtija lill-kwistjonijiet Rom anki f’pajjiżi b’popolazzjonijiet Rom iżgħar
Governanza
·L-iżvilupp ta’ strutturi għall-inklużjoni tar-Rom
·L-istabbiltà bis-saħħa tal-karattru pluriennali ta’ azzjoni tal-UE
·Gwida politika, qafas għall-monitoraġġ u r-rappurtar għal responsabbiltà u trasparenza
·Opportunitajiet għal skambju reċiproku u kooperazzjoni
·Approċċ komprensiv
Finanzjarji
·L-appoġġ FSIE u IPA għall-implimentazzjoni tal-NRIS
L-evalwazzjoni sabet li mingħajr il-qafas tal-UE, il-kwistjonijiet tar-Rom jirċievu inqas attenzjoni fl-aġenda ta’ politika tal-UE. F’xi pajjiżi l-NRIS jistgħu jieqfu jeżistu; f’oħrajn jistgħu jsiru iktar dgħajfa u b’hekk ikompli jonqos l-impenn politiku lejn l-inklużjoni tar-Rom. It-tmiem tal-qafas jirriżulta f’monitoraġġ u rappurtar inqas frekwenti u laxk. Xi politiki nazzjonali attwali u strutturi mmirati jieqfu jew isiru inqas operazzjonali u aktar simboliċi. Huwa meħtieġ aktar żmien għall-konsolidazzjoni tal-istrutturi tax-xogħol, il-garanzija tas-sostenibbiltà u l-impatt fit-tul tal-politiki, skont l-evalwazzjoni. Huwa essenzjali li l-NRIS jitkomplew u jitjiebu, iggwidati minn qafas komuni. Filwaqt li l-fażi inizjali kisbet xi riżultati tanġibbli, għalkemm insuffiċjenti, l-evalwazzjoni tissottometti li l-proċess globali issa jrid jiġi msaħħaħ u aktar iffukat, b’enfasi fuq l-impenn politiku mtejjeb, l-introduzzjoni ta’ miri speċifiċi li jistgħu jitkejlu u monitoraġġ rigoruż, u implimentazzjoni aktar effettiva appoġġata minn fondi suffiċjenti u sistemi ta’ governanza parteċipattivi.
4. Evalwazzjoni: konklużjonijiet u lezzjonijiet meħuda
L-evalwazzjoni wriet li l-qafas kien kruċjali għall-iżvilupp ta’ u l-istrumenti u strutturi tal-UE u dawk nazzjonali li għandhom l-għan li jippromwovu l-inklużjoni tar-Rom, iżda l-ambizzjoni ta’ “tasal fi tmiemha l-esklużjoni tar-Rom” ma ntlaħqitx. Kemm ir-riżultati tal-evalwazzjoni kif ukoll il-valutazzjonijiet annwali preċedenti
I
li saru mill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-NRIS jindikaw il-prijoritajiet ewlenin li għandhom jiġu indirizzati; dawn jinkludu l-ħtieġa għal integrazzjoni aħjar, enfasi ċara fuq il-ġlieda kontra s-sentiment kontra ż-żingari, titjib tas-sħubija u l-parteċipazzjoni tar-Rom, l-indirizzar tad-diversità fost ir-Rom (b’enfasi fuq in-nisa, iż-żgħażagħ u t-tfal Rom) u l-iffissar ta’ miri aħjar, il-ġbir tad-data u r-rappurtar għall-promozzjoni tat-tagħlim dwar il-politiki.
4. 1. Il-kombinazzjoni ta’ integrazzjoni effettiva u u t-tqegħid fil-mira tar-Rom biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà
Skont ir-riżultati tal-evalwazzjoni, il-qafas tal-UE u l-NRIS jenħtieġ li jiġu mobilizzati b’mod aktar effettiv biex jiġi żgurat li l-ħtiġijiet tar-Rom jiġu riflessi fil-politiki ewlenin. L-inklużjoni tar-Rom tiġri meta l-politiki tradizzjonali jkunu reattivi għall-bżonnijiet speċifiċi tagħhom. Bosta politiki attwali immirati lejn l-inklużjoni tar-Rom ma għandhomx perspettiva sistematika. L-evalwazzjoni sabet li l-awtoritajiet nazzjonali jenħtieġ li jsegwu strateġija fuq żewġ livelli sabiex is-servizzi ta’ integrazzjoni jsiru inklużivi u biex jipprovdu programmi mmirati lejn l-aktar vulnerabbli. L-NRIS jenħtieġ li jipprovdu dettalji dwar kif jistgħu jkomplu jiġu inklużi r-Rom fl-edukazzjoni, l-impjiegi, is-saħħa u l-akkomodazzjoni u x’miżuri espliċiti se jiġu żviluppati biex jegħlbu żvantaġġi speċifiċi u jiżguraw aċċess ugwali effettiv fl-oqsma differenti. Għal dan il-għan l-Istati Membri jenħtieġ li jagħmlu użu sħiħ mill-prijorità ta’ investiment għall-integrazzjoni ta’ komunitajiet emarġinati bħar-Rom u prijoritajiet ta’ investiment rilevanti oħra.
B'rabta ma’ dan il-punt, għar-regolamenti tal-FSIE ta’ wara l-2020, il-Kummissjoni pproponiet li ssaħħaħ ir-rabta bejn l-NRIS u l-finanzjament tal-UE, li jinżamm objettiv speċifiku dwar l-integrazzjoni soċjoekonomika ta’ komunitajiet emarġinati bħar-Rom u tippermetti li l-fondi jintużaw biss jekk ikunu marbuta ma’ kundizzjonijiet ta’ abilitazzjoni tematiċi msaħħa li jinkludu rekwiżiti għall-NRIS
:
·miżuri biex jaċċelleraw l-integrazzjoni tar-Rom, u jipprevjenu u jeliminaw is-segregazzjoni;
·filwaqt li titqies id-dimensjoni tas-sessi u s-sitwazzjoni taż-żgħażagħ Rom;
·billi tistabbilixxi linji bażi, stadji importanti u miri li jistgħu jitkejlu;
·l-arranġamenti għall-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-reviżjoni;
·l-arranġamenti għall-integrazzjoni tal-inklużjoni tar-Rom fil-livelli reġjonali u lokali;
·l-arranġamenti għall-iżgurar li t-tfassil, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u r-rieżami tal-NRIS jitmexxew b’kooperazzjoni mill-qrib mas-soċjetà ċivili Rom u tal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha, inklużi dawk fil-livelli reġjonali u lokali.
L-inklużjoni tar-Rom hija wkoll fost il-prijoritajiet tematiċi għal assistenza futura għar-reġjun ta’ tkabbir permezz tal-IPA III.
Anki fil-livell tal-UE, l-evalwazzjoni tissuġġerixxi li l-konsistenza bejn il-qafas u politiki oħra jenħtieġ li tissaħħaħ. Ir-rabta tal-prijoritajiet ta’ politika (it-tnejn jippromwovu riforma strutturali inklużiva taħt is-Semestru u l-politika tat-tkabbir, u politiki mmirati taħt l-NRIS) mal-fondi tal-UE jenħtieġ li tiġi intensifikata. Il-Kummissjoni tista’ pereżempju tesplora aktar possibiltajiet sabiex il-finanzjament ikun soġġett għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni u s-sentiment kontra ż-żingari, u tisfrutta bis-sħiħ is-sinerġiji bejn l-objettivi ta’ integrazzjoni tar-Rom u l-isforzi ta’ politika ewlenin tal-UE u internazzjonali, bħal pereżempju l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u l-Aġenda 2030 tan-NU dwar l-Iżvilupp Sostenibbli hija mekkaniżmu ieħor li għandu jiġi kkunsidrat biex jintuża bis-sħiħ..
4.2. Fokus akbar fuq il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni u s-sentiment kontra ż-żingari
L-evalwazzjoni sabet li n-nuqqas ta’ għan speċifiku kontra d-diskriminazzjoni u strateġiji mmirati u azzjoni biex tiġġieled is-sentiment kontra ż-żingari kienu fost id-dgħufijiet ewlenin. Filwaqt li d-diskriminazzjoni u l-esklużjoni soċjali jsaħħu lil xulxin, kwalunkwe Rom jista’ jiġi espost għal diskriminazzjoni, iżda mhux kollha huma esklużi soċjalment.
Diġà saru xi sforzi biex jirrettifikaw din id-dgħufija: Is-sentiment kontra ż-żingari huwa mmonitorjat skont id-Direttiva dwar l-Ugwaljanza Razzjali u d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill dwar il-ġlieda kontra r-razziżmu u l-ksenofobija; il-monitoraġġ tad-diskors ta' mibegħda onlajn ikopri s-sentiment kontra ż-żingari u involva NGOs tar-Rom; il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni u s-sentiment kontra ż-żingari ġew prijoritizzati f’sejħiet taħt il-Programm tad-Drittijiet, l-Ugwaljanza u ċ-Ċittadinanza, taħt il-proġett tal-Monitor Ċivili tar-Rom, f’diskussjonijiet mal-partijiet ikkonċernati, bħall-Pjattaforma Ewropea għall-Inklużjoni tar-Rom jew il-Grupp ta’ Livell Għoli dwar il-ġlieda kontra r-razziżmu u l-ksenofobija, u f’xogħol ta’ riċerka tal-FRA
.
L-evalwazzjoni tissuġġerixxi li l-Istati Membri jenħtieġ li jiġu mħeġġa jimplimentaw aktar miżuri li jindirizzaw id-diskriminazzjoni u s-sentiment kontra ż-żingari, pereżempju skont l-evalwazzjoni, l-NRIS jenħtieġ li jinkludu miżuri mmirati li jkollhom l-għan li jipprevjenu u jindirizzaw ir-reati ta’ mibegħda mmotivati mill-preġudizzju, id-diskors ta' mibegħda u l-istigmatizzazzjoni minħabba s-sentiment kontra ż-żingari (bħall-aġġornament tal-kurrikulu tal-edukazzjoni, il-bini ta’ komunità inter-etnika, taħriġ ta’ sensibilizzazzjoni għall-impjegaturi, tal-awtoritajiet fl-edukazzjoni, is-saħħa u l-akkomodazzjoni, kif ukoll il-pulizija, il-prosekuturi u l-imħallfin). Huma meħtieġa sforzi sistematiċi biex jiġi evitat li l-fondi tal-UE jappoġġaw prattiki diskriminatorji. It-tagħlim reċiproku u l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet pubbliċi, is-soċjetà ċivili, il-midja u l-korpi ta’ ugwaljanza jenħtieġ li jkopru l-monitoraġġ u l-ġlieda kontra s-sentiment kontra ż-żingari. Jenħtieġ li l-NRCP tinvolvi korpi tal-ugwaljanza meta jfasslu pjanijiet ta’ azzjoni dwar il-ġlieda kontra s-sentiment kontra ż-żingari, ir-razziżmu u d-diskriminazzjoni taħt l-NRIS.
L-evalwazzjoni tgħid li jenħtieġ li l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni u s-sentiment kontra ż-żingari jkunu qasam ta’ prijorità separat tal-qafas b’għan speċifiku ta’ nondiskriminazzjoni flimkien mal-erba’ għanijiet tal-integrazzjoni tar-Rom. Fl-istess ħin, jenħtieġ ukoll tibqa’ prijorità trasversali b’objettivi speċifiċi f’kull wieħed mill-erba’ oqsma ta’ politika. Attenzjoni iktar ċara fuq il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni u s-sentiment kontra ż-żingari jenħtieġ li tikkomplementa, mhux tissostitwixxi l-approċċ ta’ inklużjoni. Din tista’ ssaħħaħ kemm l-infurzar tal-leġiżlazzjoni kontra d-diskriminazzjoni u dwar id-delitti ta’ mibegħda u żżid l-effikaċja tal-politiki ta’ inklużjoni soċjali.
4.3. Sħubija
L-evalwazzjoni sabet li hemm mekkaniżmi ta’ governanza xierqa fis-seħħ fil-livell tal-UE u f’dak nazzjonali, iżda l-funzjoni tagħhom għadha limitata. B’mod ġenerali, l-NRIS ma jintrabtux b’mod effettiv biex jissimplifikaw il-politiki, billi ma jinvolvux setturi ewlenin u l-partijiet ikkonċernati b’mod konsistenti. Il-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili fl-istadji kollha ta’ governanza f’diversi livelli Ewropea ġiet promossa. Madankollu ir-Rom għad għandhom biss opportunitajiet limitati biex jipparteċipaw b’mod effettiv fil-ħajja politika u fl-istadji kollha tal-proċess politiku. It-tisħiħ tal-qafas u l-NRIS jeħtieġu setgħa u l-bini tal-kapaċità tar-Rom, is-soċjetà ċivili, l-awtoritajiet nazzjonali, b’mod partikolari l-NRCP u l-gvernijiet lokali.
Sabiex ikun hemm l-għoti tas-setgħa u l-parteċipazzjoni tar-Rom jinħtieġu miżuri dedikati biex tissaħħaħ il-vuċi tar-Rom fil-proċess tal-politika. Dawn jinkludu:
·il-parteċipazzjoni politika permezz ta’ azzjoni komunitarja;
·il-promozzjoni tal-parteċipazzjoni tar-Rom f’professjonijiet fejn huma sottorappreżentati;
·il-promozzjoni ta’ prattiki tajba għall-kooperazzjoni bejn ir-Rom u dawk li mhumiex Rom;
·appoġġ għall-involviment tar-Rom mal-awtoritajiet lokali u s-soċjetà ċivili.
L-ugwaljanza bejn is-sessi teħtieġ tiġi kkunsidrata meta jiġi promoss aktar involviment effettiv tar-Rom fil-livelli kollha.
L-evalwazzjoni turi li l-għoti tas-setgħa u l-bini tal-kapaċità tar-Rom u tas-soċjetà ċivili favur ir-Rom hija kruċjali mhux biss fil-provvista ta’ servizzi soċjali lir-Rom, iżda wkoll fl-iżvilupp tal-politika u u bħala organu ta’ kontroll indipendenti. Jenħtieġ li jiġi żgurat involviment kontinwu u koordinat ċivili fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni. L-involviment tagħhom fit-tfassil, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ ta’ politiki ta’ integrazzjoni jenħtieġ li jiġu appoġġati wkoll fil-livell nazzjonali, biex jiżguraw li l-politiki jilħqu lir-Rom. Għal dan il-għan jenħtieġ li jiġu appoġġati s-sinerġiji u kooperazzjoni bejn ir-Rom u l-NGOs ewlenin.
Jenħtieġ li l-NRCP jissaħħu f’termini ta’ mandat, il-kapaċità istituzzjonali, ir-riżorsi umani u l-baġit. Iridu jsiru difensuri effiċjenti favur l-integrazzjoni tar-Rom fl-oqsma kollha rilevanti ta’ politika u jimpenjaw id-dipartimenti ewlenin fil-livell nazzjonali. Għal dan il-għan, jenħtieġ li:
·jiżguraw djalogu permanenti mad-dipartimenti kollha rilevanti għall-inklużjoni tar-Rom;
·jaħdmu b’koordinazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet ta’ mmaniġġar;
·jaħdmu ma’ atturi reġjonali u lokali;
·jinvolvu lill-atturi kollha rilevanti fil-monitoraġġ tal-NRIS u l-politiki rilevanti għall-inklużjoni tar-Rom u l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni;
·issaħħu s-sistema ta’ konsultazzjoni u djalogu mas-soċjetà ċivili Rom u l-involviment tagħhom fil-monitoraġġ, il-valutazzjoni u r-rappurtar dwar l-implimentazzjoni.
Il-gvernijiet lokali spiss ma jkollhomx biżżejjed riżorsi u għarfien espert meta niġu għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni u l-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali. Jenħtieġ li l-fondi tal-UE jintużaw b’mod aktar wiesa’ biex jibnu kapaċitajiet lokali u jiġu promossi l-iżvilupp, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ ta’ strateġiji lokali. L-involviment tal-komunitajiet Rom f’inizjattivi mmirati għalihom u l-bini tal-kapaċità tagħhom biex jieħdu t-tmexxija f’dawn il-proġetti jtejbu l-effettività u l-effiċjenza tal-fondi tal-UE għall-inklużjoni tar-Rom u jikkontribwixxu għall-għoti tas-setgħa lin-nies li normalment nirreferu għalih bħala “il-grupp fil-mira”.
4.4. L-indirizzar tad-diversità fost ir-Rom
L-evalwazzjoni sabet li l-qafas tal-UE għandu kapaċità limitata biex jindirizza d-diversità fost ir-Rom. Id-dimensjoni tal-ġeneri nstabet li kienet dgħajfa, bi ftit NRIS biss li qiesu l-vulnerabilitajiet speċifiċi tan-nisa. Approċċ sensittiv għat-tfal kien jeħtieġ aktar strateġiji komprensivi li jindirizzaw il-bżonnijiet ta’ tfal simultanjament fl-edukazzjoni, is-saħħa u l-akkomodazzjoni kif ukoll fil-protezzjoni tat-tfal. Il-ġlieda kontra t-traffikar ta' bnedmin flimkien ma’ approċċ sensittiv għat-tfal u l-indirizzar tad-dimensjoni tal-ġeneri għadhom bżonn. Diskriminazzjoni multipla u intersezzjonali rari tiġi indirizzata.
Għalkemm l-iskattatur prinċipali għat-tnedija tal-qafas tal-UE kienet il-mobbiltà intra-UE wara t-tkabbir, il-qafas u l-biċċa l-kbira tal-NRIS ma jikkunsidrawx il-ħtiġijiet ta’ Rom li jiċċaqalqu fl-UE, ta’ dawk li mhumiex ċittadini tal-UE jew huma Rom apolidi. L-indirizzar ta’ dawn il-ħtiġijiet jeħtieġ miżuri espliċiti u prattiki bbażati fuq id-drittijiet tal-bniedem.
L-evalwazzjoni turi li jenħtieġ li l-NRIS jirriflettu aħjar il-bżonnijiet ta’ gruppi speċifiċi u d-diversità tal-kundizzjonijiet fost il-popolazzjoni tar-Rom. Jenħtieġ li l-NRIS jinkludu miri u indikaturi espliċiti li jindirizzaw il-ħtiġijiet speċifiċi ta’ gruppi vulnerabbli f’kull waħda mill-oqsma prinċipali. Il-grupp fil-mira fost ir-Rom ta’ miżuri ta’ inklużjoni ewlenin jenħtieġ li jiġi speċifikat mill-NRIS filwaqt li titqies id-Direttiva dwar id-Drittijiet taċ-Ċittadini.
4.5. L-iffissar ta’ miri, il-ġbir tad-data, il-monitoraġġ u r-rapportar sabiex ikun hemm tagħlim tal-politika
Skont l-evalwazzjoni, jekk l-erba’ oqsma ta’ prijorità jiġu kkumplimentati b’enfasi fuq il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni u s-sentiment kontra ż-żingari kemm bħala rekwiżit trasversali u bħala qasam separat u bl-ispeċifikazzjoni ta’ portafoll ta’ objettivi għall-integrazzjoni tar-Rom individwalment adattabbli b’miri u indikaturi ta’ akkumpanjament jitjiebu l-effettività u r-rilevanza tal-qafas. Miri speċifiċi għall-pajjiż jistgħu jintgħażlu minn lista dettaljata ta’ miri u indikaturi fakultattivi għal kull qasam (miri differenzjati f’qafas komuni). Jenħtieġ li l-gvernijiet jaġġornaw l-objettivi tagħhom u jagħtu prijorità skont iċ-ċirkustanzi nazzjonali tagħhom fuq il-bażi ta’ data. Sett flessibbli iżda standardizzat ta’ objettivi u miri jista’ jgħin biex titqies aħjar id-diversità tal-popolazzjoni Rom. Qafas ta’ indikaturi flessibbli jippermetti lill-NRIS biex jadattaw is-sett ta’ miri kondiviżi għal prijoritajiet nazzjonali u jtejbu l-kwalità tal-NRIS b’diversi modi:
·L-għanijiet tal-NRIS jeħtieġ li jiġu speċifikati u diżaggregati, inklużi l-miri nazzjonali adattati għal sottosetturi.
·Jenħtieġ li l-għanijiet speċifiċi jidentifikaw miri speċifiċi, kwantifikati u marbuta bil-ħin f’kull qasam dettaljati skont is-sitwazzjonijiet tal-pajjiż.
·Il-miri jenħtieġ li jiġu stabbiliti f’termini assoluti sabiex jirriflettu titjib fis-sitwazzjoni tar-Rom, kif ukoll f’termini relattivi meta mqabbla mal-popolazzjoni ġenerali sabiex jitnaqqsu l-lakuni.
·L-inugwaljanzi bejn il-ġeneri u l-ħtiġijiet speċifiċi ta’ gruppi jenħtieġ li jkunu preżenti fil-miri.
·Jenħtieġ li l-NRIS jiddefinixxu r-rappurtar fil-miri rispettivi tagħhom u jagħtu attenzjoni lill-interkonnessjonijiet bejn miri f’oqsma ewlenin.
L-evalwazzjoni turi li l-ġbir tad-data, is-sistemi ta’ monitoraġġ u ta’ rappurtar jenħtieġ li jiġu msaħħa. In-nuqqas ta’ data affidabbli diżaggregata skont l-etniċità u n-nuqqas ta’ mekkaniżmi ta’ trasparenza u ta’ responsabbiltà huma sfidi ewlenin li minħabba fihom il-proċess ta’ monitoraġġ huwa diffiċli u mhux affidabbli. B’hekk mhux faċli li jitkejjel il-progress. Is-sistema ta’ monitoraġġ u rapportar tal-NRIS jenħtieġ li tipprovdi informazzjoni fil-livell tal-politika u tal-programm, informazzjoni dwar azzjonijiet immirati espliċiti u azzjonijiet biex jippromwovu politiki ta’ integrazzjoni aktar inklużivi. Id-disponibbiltà tad-data u d-diżaggregazzjoni jenħtieġ li jitjiebu sabiex jiżguraw li teżisti data xierqa biex timmonitorja l-implimentazzjoni, il-kisbiet u l-effiċjenza. Il-ġbir tad-data, ir-rapportar u l-analiżi biex jiġi segwit il-progress jenħtieġ li jiġi żviluppat bl-użu tal-appoġġ u l-assistenza teknika tal-FRAs lill-awtoritajiet nazzjonali sabiex jiġi ffaċilitat it-tagħlim tal-politika bbażata fuq l-evidenza. Jenħtieġ li tintuża data kwalitattiva biex jiġu kontestwalizzati indikaturi kwantitattivi u jinftehmu aħjar il-fatturi speċifiċi li jikkontribwixxu għas-suċċess jew għall-falliment tal-interventi individwali.
It-titjib fir-rappurtar nazzjonali kkoordinat mill-NRCP u l-involviment tas-soċjetà ċivili fil-monitoraġġ jistgħu jikkontribwixxu għas-sistematizzazzjoni tal-għarfien u d-dokumentazzjoni ta’ esperjenzi eżistenti, li tista’ ssaħħaħ it-tagħlim reċiproku u t-trasferiment tal-politiki.
4.6. Żieda ta’ ambizzjoni fuq il-progress matul il-fażi ta’ qabel l-adeżjoni
L-evalwazzjoni tinkludi wkoll lill-pajjiżi ta’ qabel l-adeżjoni u r-riżultati juru l-importanza tal-għanijiet ambizzjużi dwar l-integrazzjoni tar-Rom fil-fażi ta’ qabel l-adeżjoni. Għalhekk, il-promozzjoni ta’ aċċess ugwali għall-edukazzjoni, l-impjiegi, is-saħħa u l-akkomodazzjoni ġiet inkluża bħala parti mill-proċess ta’ tkabbir. Il-pajjiż tat-tkabbir kollha adottaw NRIS, ħatru NRCPs u implimentaw sistema ta’ rapportar annwali simili għall-Istati Membri. Anki jekk ikun hemm progress, għad fadal ħafna xi jsir fuq l-isfidi identifikati hawn fuq.
5. Konklużjonijiet
L-esklużjoni u d-diskriminazzjoni tar-Rom ilha teżisti għal sekli sħaħ. Biex tingħeleb din teħtieġ impenji fit-tul u approċċ komprensiv. Bidliet strutturali jeħtieġu ż-żmien u l-impatt reali ma jistax jitqies għal almenu ġenerazzjoni.
L-evalwazzjoni tal-qafas tal-UE għall-istrateġiji nazzjonali ta’ integrazzjoni tar-Rom sal-2020 wriet li l-qafas huwa l-bidu ta’ proċess li, minkejja bosta limitazzjonijiet u b’kont meħud tal-kompitu enormi involut, wera riżultati pożittivi u tibdil f’xejriet inizjali. Madankollu l-evalwazzjoni tissuġġerixxi wkoll li jistgħu jittieħdu aktar passi sabiex noqorbu iktar lejn l-kisba tal-għanijiet. .
Anness 1
Tabella 1 Sommarju ta’ valutazzjoni skont kriterju ta’ evalwazzjoni
Kategoriji tal-valutazzjoni : pożittiva ħafna/pożittiva/limitata/negattiva/negattiva ħafna
-
(I)
COM/2017/0458 final, COM/2016/0424 final, COM/2015/0299 final, COM/2014/0209 final, COM/2013/0454 final