EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018DC0728

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI dwar l-Implimentazzjoni ta' Ftehimiet ta' Kummerċ Ħieles l-1 ta' Jannar 2017 - il-31 ta' Diċembru 2017

COM/2018/728 final

Brussell, 31.10.2018

COM(2018) 728 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

dwar l-Implimentazzjoni ta' Ftehimiet ta' Kummerċ Ħieles







l-1 ta' Jannar 2017 - il-31 ta' Diċembru 2017

{SWD(2018) 454 final}


Tabella 1 Ħarsa ġenerali lejn il-ftehimiet koperti min dan ir-rapport (l-1el parti)

Tabella 1 Ħarsa ġenerali lejn il-ftehimiet koperti min dan ir-rapport (it-2ni parti)

1.Introduzzjoni

2.ħarsa ġenerali lejn il-kostatazzjonijiet ewlenin

3.FTAs tal-“ġenerazzjoni l-ġdida”: il-Korea ta’ Isfel, il-Kolombja-l-Ekwador-il-Peru, l-Amerika Ċentrali, il-Kanada

3.1 FTA UE-IL-KOREA TA’ ISFEL

3.2 FTEHIMIET KUMMERĊJALI TAL-UE MAL-KOLOMBJA, L-EKWADOR U L-PERÙ

3.3 FTEHIM TA’ ASSOĊJAZZJONI TAL-UE MAL-AMERIKA ĊENTRALI

3.4.Il-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv UE-Kanada (CETA)

4.ŻONI TA’ KUMMERĊ ĦIELES APPROFONDITI U KOMPRENSIVI (DCFTAS)

5.L-FTAs TAL-EWWEL ĠENERAZZJONI

5.1 L-Iżvizzera

5.2 In-Norveġja

5.3 Il-pajjiżi Mediterranji

5.4 Il-Messiku

5.5Iċ-Ċilì

5.6 L-Unjoni Doganali mat-Turkija,

5.7 Ftehimiet ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni mal-Balkani tal-Punent

6.Ftehimiet ta' Sħubija Ekonomika (EPAs) mal-pajjiżi Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (AKP)

6.1.L-EPA mal-Komunità ta’ Żvilupp tal-Afrika tan-Nofsinhar (SADC)

6.2.L-EPA interim mal-Istati tal-Afrika tal-Lvant u ta’ Isfel (ESA)

6.3.L-EPA mal-Forum tal-Grupp tal-Karibew ta’ Stati AKP (CARIFORUM)

6.4.L-EPA tal-Paċifiku u l-EPAs mal-Ghana, il-Kosta tal-Avorju u l-Kamerun:

7.Il-Kummerċ u l-Iżvilupp sostenibbli (TSD): aġġornament dwar attivitajiet riċenti

8.Attenzjoni fuq: il-kummerċ agroalimentari skont l-FTAs

9.aġġornament dwar attivitajiet pendenti u futuri

10.INFURZAR LEGALI

Anness 1 - L-Użu tal-Preferenzi fuq l-Importazzjonijiet fl-UE

Anness 2 - L-UŻU PREFERENZJALI FUQ L-ESPORTAZZJONI MILL-UE

Anness 3 - LISTA TA’AKRONIMI



Tabella 1    Ħarsa ġenerali lejn il-ftehimiet koperti min dan ir-rapport (l-1el parti)

FTAs tal-“ġenerazzjoni l-ġdida”

Sħab

Applikat minn

FTA UE-il-Korea ta’ Isfel

l-1 ta’ Lulju 2011

FTA UE-il-Kolombja-il-Peru-l-Ekwador

l-1 ta’ Marzu 2013 fil-każ tal-Peru; l-1 ta’ Awwissu 2013, fil-każ tal-Kolombja; sa mill-1 ta’ Jannar 2017 fil-każ tal-Ekwador.

Il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Amerika Ċentrali:

l-1 ta' Awissu 2013: il-pilastru kummerċjali japplika mal-Honduras, man-Nikaragwa u mal-Panama, mill-1 ta’ Ottubru 2013: mal-Costa Rica u El Salvador; mill-1 ta' Diċembru 2013: mal-Gwatemala.

Il-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv UE-il-Kanada (CETA)

il-21 ta' Settembru 2017

Żoni ta’ Kummerċ Ħieles Approfonditi u Komprensivi (Deep and Comprehensive Free Trade Areas – DCFTAs)

UE-il-Georgia

l-1 ta’ Settembru 2014, u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2016.

UE-il-Moldova

l-1 ta’ Settembru 2014, u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2016.

UE-l-Ukrajna

l-1 ta’ Jannar 2016, u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Settembru 2017.

FTAs tal-“ewwel ġenerazzjoni”

Sħab

Applikat minn

L-Unjoni Doganali bejn l-UE u t-Turkija

Ftehim ta' Assoċjazzjoni ffirmat fl-1963; il-fażi finali tal-Unjoni Doganali tlestiet fl-1 ta’ Jannar 1996.

UE-l-Iżvizzera

1972

UE-in-Norveġja

l-1 ta' Lulju 1973

UE-l-Iżrael

l-1 ta' Jannar 1996

UE-il-Ġordan

l-1 ta' Mejju 2002

UE-il-Palestina 1

l-1 ta' Lulju 1997

UE-it-Tuneżija

l-1 ta' Marzu 1998

UE-il-Marokk

it-18 ta' Marzu 2000

UE-il-Libanu:

l-1 ta' Marzu 2003

UE-l-Eġittu:

il-21 ta' Diċembru 2003

UE-l-Alġerija

l-1 ta' Settembru 2005

Il-Ftehim Globali bejn l-UE u l-Messiku

FTA għall-prodotti applikat mill-1 ta’ Lulju 2000. FTA għas-servizzi applikat mill-1 ta’ Marzu 2001.



Tabella 1    Ħarsa ġenerali lejn il-ftehimiet koperti min dan ir-rapport (it-2ni parti)

FTAs tal-“ewwel ġenerazzjoni”

Sħab

Applikat minn

Il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-UE u ċ-Ċilì

l-1 ta' Frar 2003

FSA UE-l-eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja 2

Ftehim Interim dwar il-kummerċ, l-1 ta’ Ġunju 2001

FSA UE-l-Albanija

Ftehim Interim dwar il-kummerċ, l-1 ta’ Diċembru 2006

FSA UE-il-Montenegro

Ftehim interim dwar il-kummerċ, l-1 ta’ Jannar 2008

FSA UE-is-Serbja

Ftehim Interim dwar il-kummerċ għas-Serbja: l-1 ta' Frar 2009; għall-UE: it-8 ta' Diċembru 2009

FSA UE-il-Bożnija-Ħerzegovina

Ftehim Interim dwar il-kummerċ, l-1 ta’ Lulju 2008

FSA UE-il-Kosovo 3

l-1 ta' April 2016

Ftehimiet ta’ Sħubija Ekonomika (FSE),

Sħab

Applikat minn

UE-Paċifiku

it-28 ta' Lulju 2014: Il-Fiġi l-20 ta' Diċembru 2009: Il-Papua New Guinea.

UE-Cariforum

id-29 ta' Diċembru 2008: Antigwa u Barbuda; il-Belize; il-Bahamas; il-Barbados; Dominika; ir-Repubblika Dominicana; Grenada; il-Guyana; il-Ġamajka; St. Kitts u Nevis; Santa Lucia; Saint Vincent u l-Grenadini; is-Suriname; u Trinidad u Tobago.

UE-is-sottoreġjun tal-Afrika tal-Lvant u ta’ Isfel (Eastern and Southern Afrida - ESA)

l-14 ta' Mejju 2012: il-Madagascar, il-Maurititus, is-Seychelles u ż-Żimbabwe.

EPA UE-l-Afrika Ċentrali

l-4 ta' Awissu 2014: il-Kamerun

FSE UE-SADC (il-Komunità ta’ Żvilupp tal-Afrika tan-Nofsinhar - Southern African Development Community)

l-10 ta’ Ottubru 2016: il-Botswana, il-Lesoto, in-Namibja, l-Afrika ta’ Isfel u s-Swaziland; l-4 ta' Frar 2018: il-Mozambique.

FSE Interim UE-il-Ghana

il-15 ta' Diċembru 2016

FSE UE-il-Kosta tal-Avorju

it-3 ta' Settembru 2016

1.Introduzzjoni

1.1    Għala sar dan ir-rapport?

Il-ftehimiet ta’ kummerċ ħieles bilaterali u reġjonali (FTAs) huma muturi mill-aktar importanti tat-tkabbir ekonomiku. Billi jisfruttaw il-possibbiltajiet tal-globalizzazzjoni, iġibu magħhom benefiċċji importanti għan-nies u għall-kumpaniji fl-Unjoni Ewropea (UE) u fil-pajjiżi sħab tagħna. L-FTAs huma kontributuri mill-akbar lejn il-prestazzjoni fil-kummerċ estern tal-UE hekk kif jiftħu swieq ġodda għall-esportaturi u joffru ambjent ta’ negozju aktar prevedibbli, ibbażat fuq ir-regoli, li jkun ta’ benefiċċju għall-għażla tal-konsumaturi u għall-kompetizzjoni. Filwaqt li t-tneħħija tat-tariffi u ta’ ostakoli mhux tariffarji “ta’ wara l-fruntiera” għadhom elementi ċentrali tal-ftehimiet kummerċjali, hemm elementi oħra li qegħdin isiru aktar importanti. B’mod partikolari qegħdin jingħataw aktar importanza r-regoli li jappoġġjaw kummerċ ħieles u ġust (pereż. dawk marbuta mal-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (IPR) u mar-regoli tal-kompetizzjoni), kif ukoll regoli li jipproteġu d-drittijiet tal-ħaddiema u l-ambjent. Barra minn dan, ċerti FTAs jista’ jkun li joffru opportunità ta’ kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn il-partijiet dwar firxa ta’ kwistjonijiet, mir-riċerka għall-innovazzjoni għall-istandardizzazzjoni u t-tibdil fil-klima.

Hekk kif qiegħed jiżdied l-għadd tal-ftehimiet ta’ kummerċ konklużi mill-UE, hekk ukoll qiegħed jiżdied l-interess tal-pubbliku fl-impatti tagħhom. Sabiex tanalizza l-benefiċċji reali u potenzjali ta’ ftehimiet maġġuri ta’ kummerċ 4 , il-Kummissjoni stess, fil-Komunikazzjoni tagħha Kummerċ għal kulħadd 5  impenjat lilha nnifisha li kull sena tanalizza kif ikun qegħdin jiġu implimentati dawn il-ftehimiet, b’mod li jinxteħet dawl fuq il-progress, iżda wkoll fuq l-isfidi li jibqa’ u l-passi li l-Kummissjoni qiegħda tieħu sabiex l-FTAs ikunu jistgħu jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom.

F’konformità mal- ewwel rapport 6 ippubblikat f’Novembru 2017 dan it-tieni Rapport Annwali dwar l-Implimentazzjoni tal-FTAs (minn issa: “ir-rapport”) huwa intenzjonat li jżid l-għarfien u t-trasparenza dwar kif il-Kummissjoni timplimenta l-FTAs. Ir-rapport għandu għax jippermetti lil istituzzjonijiet oħra tal-UE, lill-Istati Membri tal-UE, lis-soċjetà ċivili, lin-negozji u lil dawk kollha li għandhom xi interess fil-politika tal-kummerċ tal-UE biex jiflu u jiddibattu dwar kif l-UE qiegħda tapplika l-FTAs tagħha. L-informazzjoni miġbura permezz ta’ dan l-eżerċizzju se tintuża wkoll biex tinforma lil dawk li jipparteċipaw f’negozjati dwar il-kummerċ aktar ’il quddiem. Barra minn dan, ir-rapport jipprovdi wkoll ideat utli dwar sa liema livell il-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw jibbenefikaw minn FTAs mal-UE, u dwar kif l-assistenza għall-iżvilupp titfassal aħjar f’konformità mal-istrateġija “Għajnuna għall-Kummerċ” .

1.2    Data użata għar-rapport

L-istatistika ġenerali dwar il-kummerċ 7 fil-rapport dwar l-evoluzzjoni tal-flussi ta’ kummerċ u investiment tuża, ħlief fejn muri mod ieħor, data tal-EUROSTAT (COMTEXT) kif disponibbli fil-15 ta’ Lulju 2018 8 . Ħlief fejn indikat mod ieħor, l-aktar data reċenti disponibbli għall-kummerċ fi prodotti hija dik għall-2017, filwaqt li dik għas-servizzi u l-investiment hija dik għall-2016. L-istatistika dwar rati ta’ utilizzazzjoni tal-preferenzi (PURs) 9 hija bbażata fuq data amministrattiva miġbura mill-pajjiż importatur. Il-PUR turi sa liema livell il-flussi ta’ kummerċ jużaw il-preferenzi taħt xi ftehim ta’ kummerċ. Il-PUR tirrifletti s-sehem mill-importazzjonijiet jew l-esportazzjonijiet li jidħlu taħt il-preferenzi kummerċjali bħala sehem mill-valur totali tal-importazzjonijiet jew l-esportazzjonijiet eliġibbli għall-preferenzi minn pajjiż sħab, jiġifieri l-valur totali tal-importazzjonijiet jew esportazzjonijiet eliġibbli għall-użu ta’ preferenzi diviż bl-importazzjonijiet/esportazzjonijiet li fil-fatt ikunu daħlu taħt l-iskema ta’ preferenza. Importazzjonijiet/esportazzjonijiet eliġibbli ta’ preferenza jkunu jeżitu meta t-tariffa preferenzjali applikata tkun iċken mit-tariffa tan-”nazzjon l-aktar iffavorit” (MFN) li tkun qiegħda tiġi applikata. Sussegwentement, il-kummerċ ħieles mid-dazju MFN mhux inkluż fil-kalkoli.

Il-PUR fuq l-importazzjonijiet lejn l-UE minn sħab fl-FTA hija bbażata fuq iċ-ċifri tal-Eurostat. Il-Eurostat jgħaqqad it-tariffi u l-flussi kummerċjali biex jibni ġabra ta' data li minnha l-Kummissjoni tieħu informazzjoni kemm dwar it-trattament li prodott ikun eliġibbli għalih, kif ukoll dwar kemm jintuża dan it-trattament eliġibbli. Is-sett tad-data miksub huwa armonizzat u konsistenti 10 u jippermetti li jsir paragun bejn il-pajjiżi msieħba u bejn is-snin.

B’kuntrast ma’ dan, biex tikkalkula l-PURs fuq l-esportazzjonijiet mill-UE lejn sħab tal-FTA, il-Kummissjoni tuża data amministrattiva miġbura mill-pajjiż terz rispettiv ta’ importazzjoni kkonċernat. Din l-istatistika mhix armonizzata. Għalhekk, jenħtieġ li t-tqabbil dirett bejn pajjiżi sħab jew ma’ importazzjonijiet tal-UE jitqies biss bħala indikattiv. Il-PURs huma pprovduti biss fejn kienet disponibbli data biżejjed affidabbli.

1.3    Il-kopertura u l-istruttura tar-rapport

Dan ir-rapport jipprovdi aġġornament tal-attivitajiet tal-Kummissjoni fl-implimentazzjoni tal-FTA u jiġbor fil-qosor l-iżviluppi ewlenin li jirrigwardaw 35 ftehim kummerċjali maġġuri ma’ 62 pajjiż sieħeb li jkun ilhom qegħdin jiġu applikati għal mill-anqas diversi xhur fl-2017 (ara t-Tabella I). Informazzjoni dettaljata dwar kull ftehim individwali tista’ tinstab f’Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal li jakkumpanja dan ir-rapport.

·It-Taqsima 2 tiġbor fil-qosor parti mill-kostatazzjonijiet ewlenin fl-oqsma ewlenin koperti mill-ftehimiet, u tiddeskrivi l-progress miksub u telenka l-kwistjonijiet pendenti.

·It-Taqsimiet 3-6 ikopru l-punti ewlenin fi ħdan kull kategorija ta’ FTA:

oFTAs tal-“ġenerazzjoni l-ġdida” (it-taqsima 3)

oŻoni ta’ Kummerċ Ħieles Approfonditi u Komprensivi (DCFTAs; taqsima 4)

oFTAs tal-“ġenerazzjoni l-ġdida” (it-taqsima 5) u

oFtehimiet ta' Sħubija Ekonomika (taqsima 6).

·It-Taqsima 7 tħares lejn l-implimentazzjoni tal-impenji relatati mal-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli (TSD).

·It-Taqsima 8 tqis il-kummerċ agroalimentari skont l-FTAs.

·It-Taqsima 9 teżamina l-ħidma kontinwa tal-Kummissjoni biex iżżid l-għarfien u ttejjeb l-użu tal-FTAs.

·It-Taqsima 10 tirrifletti s-sitwazzjoni attwali fejn jidħol l-infurzar legali.

2.ħarsa ġenerali lejn il-kostatazzjonijiet ewlenin

2.1    Kuntest

L-FTAs huma katalizzaturi ewlenin li jiftħu s-swieq u li jiġġeneraw il-kundizzjonijiet qafas li jwasslu għall-kummerċ u l-investiment. Il-ftehimiet kummerċjali jippermettu lill-kumpaniji tal-UE jżidu l-esportazzjonijiet u l-importazzjonijiet tagħhom, u dan jikkontribwixxi biex jiżdied il-prodott domestiku gross (PDG) tal-UE. Ġiet stabbilita wkoll rabta ċara bejn l-impjiegi (fl-UE u barra minnha) u l-valur miżjud iġġenerat mill-esportazzjonijiet tal-UE lejn il-bqija tad-dinja 11 . Iżda l-FTAs isegwu wkoll firxa ta’ objettivi addizzjonali, kemm ġenerali kif ukoll speċifiċi għall-pajjiż jew reġjun sieħeb . L-UE hija impenjata li tiżgura li l-politika tal-kummerċ tkun ukoll dwar il-promozzjoni tal-valuri, bħall-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, id-drittijiet tal-ħaddiema, l-ambjent u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima.

Barra minn hekk, iż-Żoni ta’ Kummerċ Ħieles Approfonditi u Komprensivi (DCFTAs) mas-sħab tal-viċinat tagħna tal-Lvant, il-Moldova, l-Ukrajna u l-Georgia jiddependu ħafna fuq it-tqarrib gradwali tal-liġijiet ta’ dawn il-pajjiżi mal-acquis tal-UE. Il-Ftehimiet ta’ Sħubija Ekonomika (EPA) mal-pajjiżi Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (AKP) huma ftehimiet assimetriċi li jipprovdu aċċess għas-suq tal-UE lil pajjiżi sħab tagħna, mingħajr dazju u mingħajr kwoti, flimkien ma’ għajnuna teknika u miżuri ta’ għajnuna għall-iżvilupp. Il-ftehimiet mal-Balkani tal-Punent huma mibnija fuq perspettiva Ewropea qawwija ta’ dawn il-pajjiżi li qegħdin jaspiraw għal adeżjoni mal-UE fil-ġejjieni.

L-implimentazzjoni ta’ FTA, min-natura tagħha, tiġi wara l-proċess ta’ negozjar u jkollha tiġi aġġustata biex tiżgura l-kisba tal-objettivi speċifiċi ta’ politika tal-ftehim inkwistjoni. Jistgħu jsiru konklużjonijiet sinifikanti biss ladarba jkun ġie applikat ftehim għal bosta snin. Sabiex teżamina l-impatti tagħhom, il-Kummissjoni wettqet evalwazzjonijiet ex post għal FTAs tal-“ewwel ġenerazzjoni” tal-UE maċ-Ċilì (2012) u l-Messiku (2016), u dalwaqt se tagħmel analiżi fil-fond tal-ewwel Ftehim tal-“ġenerazzjoni ġdida” mal-Korea ta’ Isfel. Il-konklużjoni, fl-2016, tal-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv (CETA) mal-Kanada mmarkat il-kisba ta’ miri ġodda f’termini ta’ kamp ta’ applikazzjoni u ta’ kontenut u dan ikun rifless ukoll fl-implimentazzjoni tiegħu.

Aktar ma’ ftehim kummerċjali jkun ambizzjuż u komprensiv, aktar tkun kumplessa u aktar tkun teħtieġ riżorsi l-implimentazzjoni tiegħu. Għalhekk illum il-ġurnata il-monitoraġġ tal-funzjonament tal-FTAs ewlenin tagħna, perjodikament u b’mod sistematiku, għandu importanza aktar kruċjali. Il-kostatazzjonijiet dwar x’jaħdem u ma jaħdimx taħt il-ftehimiet differenti tagħna jistgħu jinfurmaw in-negozjati dwar ftehimiet ġodda u l-modernizzazzjoni ta’ dawk eżistenti. B’hekk, il-Kummissjoni tagħmel enfasi fuq tranżizzjoni bla xkiel min-negozjati għall-fażi ta’ implimentazzjoni u fuq it-tħejjija aħjar għal dakinhar meta jibda japplika ftehim ġdid b’mod proviżorju, kif jidher mis-CETA u mill-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika mal-Ġappun. L-implimentazzjoni effettiva ta’ FTA għalhekk tista’ titqies bħala parti miċ-ċiklu tal-politika tal-kummerċ.

2.2    Kummerċ ta' prodotti 12

Il-kummerċ totali tal-UE dipendenti fuq l-FTAs fl-2017 kien ta’ EUR 1 179 biljun, li huwa madwar 32% tal-kummerċ totali tal-UE ma’ pajjiżi terzi (madwar EUR 3 737 biljun f’dik l-istess sena). L-akbar imsieħba kummerċjali tagħna b’FTAs huma l-Iżvizzera, li lejha jmorru 7% tal-kummerċ estern totali tal-UE, segwita mit-Turkija b’4,1%, in-Norveġja bi 3,4% u l-Korea ta’ Isfel bi 2,7%. L-importazzjonijiet totali dipendenti fuq l-FTAs tal-UE fl-2017 ammontaw għal madwar EUR 542 biljun, filwaqt li l-esportazzjonijiet totali kienu ta’ madwar EUR 637 biljun.

Kumplessivament, fl-2017 il-kummerċ fi prodotti żdied, b'mod partikolari fir-rigward tal-esportazzjonijiet tal-UE. Fejn l-esportazzjonijiet tal-UE naqsu, jidher li dan kien ikkawżat prinċipalment minn fatturi esterni 13 li jaffettwaw l-ekonomija tal-pajjiż sieħeb ikkonċernat u mhux ir-riżultat ta’ xi problema bl-FTA bħala tali. Analiżi settorjali tal-flussi tal-kummerċ uriet żidiet konsiderevoli fl-esportazzjonijiet tal-UE ta’ prodotti agroalimentari u ta’ vetturi bil-mutur lejn xi wħud mis-sħab tagħna b’FTA tal-“ġenerazzjoni l-ġdida”. Fl-istess ħin għad hemm ħafna potenzjal mhux sfruttat f’ċerti setturi, bħal dak tat-tagħmir jew makkinarju tat-trasport fejn il-valur sottostanti tal-esportazzjonijiet u l-iffrankar potenzjali ta’ dazju huma komparattivament għolja fost l-Istati Membri kollha tal-UE u s-sħab tal-FTA. Pereżempju, skont studju riċenti mwettaq mid-DG TRADE, l-esportaturi tal-UE jistgħu jiffrankaw madwar EUR 15-il biljun fis-sena kieku jużaw b’mod sħiħ il-preferenzi offruti mit-18-il FTA tal-UE 14 .

2.3    Rati ta’ Utilizzazzjoni tal-Preferenzi (PURs) 15

Il-PUR fuq l-importazzjonijiet lejn l-UE minn sħab b’FTA

Fl-2017 dehru xi żviluppi pożittivi b’mod partikolari fejn jidħlu l-pajjiżi tal-Amerika Latina, iċ-Ċilì u l-Messiku, u l-imsieħba tal-EFTA, in-Norveġja u l-Iżvizzera, li kienu kapaċi jagħmlu użu aħjar mill-preferenzi tal-FTA konċessi mill-UE. B’mod ġenerali, l-imsieħba b’FTA tal-Mediterran għamlu użu tajjeb mill-preferenzi tal-FTA, kif għamlu xi pajjiżi Andini bħall-Ekwador. Il-pajjiżi Ċentru-Amerikani qegħdin ukoll juru xejra ‘l fuq, b’mod partikolari El Salvador u l-Panama.

Il-PUR fuq l-importazzjonijiet mill-UE lejn sħab b’FTA

Il-kalkolu tal-użu tal-preferenzi fuq l-esportazzjonijiet mill-UE lejn sħab b’FTA għadu diffiċli f’ħafna każijiet, minħabba n-nuqqas ta’ data jew nuqqas ta’ data affidabbli. Ta’ min jinnota li, kif kien il-każ is-sena li għaddiet, id-data dwar il-PUR tal-esportazzjonijiet mill-UE lejn sħab b’FTA għal darb’oħra ma kinitx disponibbli faċilment mis-sħab kollha b’FTA u f’xi każijiet deher li d-data li waslet kienet jew inaffidabbli jew inkonsistenti 16 . Dan minħabba l-fatt li kull pajjiż sieħeb juża l-metodu tiegħu ta’ ġbir u rapportar tal-importazzjonijiet. F’xi każijiet, l-insuffiċjenza hija dovuta għal nuqqasijiet ta’ kapaċità u għal nuqqas ta’ għarfien espert, filwaqt li xi pajjiżi jsostnu li ma jiġbru din id-data xejn.

Il-Kummissjoni qajmet il-kwistjoni mal-pajjiżi sħab ikkonċernati bl-użu tal-istrutturi istituzzjonali taħt l-FTAs tagħha biex tippromwovi skambji perjodiċi bejn il-partijiet. Fl-FTAs l-aktar reċenti, mis-CETA ’il quddiem, se tiġi inkluża dispożizzjoni vinkolanti dwar skambju perjodiku ta’ data dwar il-kummerċ.

Fuq il-bażi tal-informazzjoni għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni kien hemm titjib fil-PUR fejn jidħlu l-esportazzjonijiet mill-UE lejn għadd ta’ sħab b’FTA, kif kien il-każ għall-Korea ta’ Isfel, fejn il-PURs kienu qegħdin jiżdiedu għar-raba’ sena wara l-oħra, kif ukoll fil-każ tal-Georgia u ċ-Ċilì. Il-PUR fuq l-esportazzjonijiet mill-UE lejn l-akbar sieħeb tagħna fil-kummerċ b’FTA, l-Iżvizzera, baqgħet stabbli fil-livell ta’ madwar 80%. Minkejja dawn l-iżviluppi pożittivi, xorta għax hemm hafna lok għal titjib fl-użu tal-FTAs minn esportaturi tal-UE. Il-Kummissjoni qiegħda taħdem biex ittejjeb l-użu tal-FTAs minn kumpaniji tal-UE, bl-użu ta’ taħlita ta’ miżuri li għandhom l-għan li jipprovdu informazzjoni aktar fil-ħin kif ukoll gwida prattika dwar kwistjonijiet kumplessi, bħar-regoli ta’ oriġini. Il-Kummissjoni qiegħda taħdem ukoll biex ittejjeb il-Bażi ta’ Data dwar l-Aċċess għas-Suq u l-Helpdesk għall-Kummerċ tagħha, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri tal-UE u mal-komunità tan-negozju, biex taġġustahom għall-ħtiġijiet tal-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs).

2.4    Servizzi u investiment

L-FTAs u d-DCFTAs “tal-ġenerazzjoni l-ġdida” kollha fihom dispożizzjonijiet ambizzjużi dwar is-servizzi u l-investiment. Dawk l-aktar reċenti (pereżempju s-CETA jew il-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomija (EPA) mal-Ġappun) jgħinu biex jiġi stabbilit u msaħħaħ qafas regolatorju biex jiffaċilita l-provvista ta’ servizzi, filwaqt li jiġu protetti l-konsumaturi. Is-CETA u l-FTAs tal-UE ma’ Singapor u l-Vjetnam fihom ukoll dispożizzjonijiet mill-aktar avvanzati ta’ protezzjoni tal-investiment. L-FTAs tal-UE jmorru lil hinn mid-WTO peress li jilliberalizzaw l-investiment mhux biss fis-servizzi iżda fil-biċċa l-kbira tas-setturi ekonomiċi, inklużi l-manifattura u l-agrikoltura. B’hekk il-prattika tan-negozju ssir aktar faċli għall-fornituri tas-servizzi u għall-investituri tal-UE, li joffri ambjent aktar prevedibbli u sigurtà legali akbar.

Minkejja dan, in-nuqqas ta’ data diżaggregata jagħmilha diffiċli li jitkejjel l-impatt preċiż tal-FTAs fuq il-kummerċ fis-servizzi u l-investiment dirett barrani (FDI). Ikun għalhekk meħtieġ li l-effetti tal-FTAs fis-servizzi jiġu studjati f’aktar dettall biex tinkiseb stampa aktar ċara. Dawn huma wħud mill-iktar kostatazzjonijiet importanti sa issa: 

üIl-kummerċ tas-servizzi żdied taħt l-FTAs tal-“ġenerazzjoni l-ġdida” mal-Korea ta’ Isfel, il-Kolombja, l-Ekwador, il-Perù u l-Amerika Ċentrali, sa mid-dħul fis-seħħ tagħhom. Pereżempju, fil-każ tal-Amerika Ċentrali, il-kummerċ tas-servizzi fl-2016 laħaq kważi 40% tal-valur tal-kummerċ totali, mal-Panama biss dan huwa responsabbli għal aktar min-nofs din iż-żieda.

üTista’ tiġi osservata tendenza 'l fuq simili fejn jidħlu l-ftehimiet tal-“ewwel ġenerazzjoni” maċ-Ċili u l-Messiku. Il-ftehimiet immodernizzati se jġibu aktar titjib. B’mod partikolari, il-Messiku impenja ruħu li jżomm is-swieq tas-servizzi tiegħu miftuħa b’mod wiesa’ għall-fornituri tal-UE, b’konċessjonijiet komprensivi u ambizzjużi.

üFtehimiet tal-”ewwel ġenerazzjoni” mas-sħab Mediterranji tagħna għandhom biss dispożizzjonijiet limitati ħafna dwar l-investiment u s-servizzi peress li jiffukaw l-aktar fuq il-prodotti. L-evoluzzjoni tal-kummerċ fis-servizzi u l-investimenti kienet ġeneralment waħda pożittiva, minkejja t-tnaqqis riċenti f’xi servizzi tat-turiżmu ta’ xi pajjiżi minħabba tħassib ta’ instabbiltà jew ta’ sigurtà.

üIl-valur tal-kummerċ fis-servizzi pprovdut minn kumpaniji tal-UE fl-Iżvizzera u viċi versa qiegħed jikber b’rata mgħaġġla, b’bilanċ pożittiv favur l-UE.

üIl-kummerċ fis-servizzi u l-investiment mal-Ukrajna u l-Moldova taħt id-DCFTAs kompla jiżdied fl-2016, li rkupra wara l-kriżi ekonomika u politika, filwaqt li dan għadu mhuwiex il-każ għall-Georgia.

üFost l-FSE fis-seħħ, huwa biss dak ta’ mal-Karibew li jkopri s-servizzi, il-liberalizzazzjoni tal-investiment u suġġetti oħra relatati mal-kummerċ, filwaqt li FSE oħra għandhom klawżoli rendez-vous għan-negozjati fuq dawn il-kwistjonijiet fi stadju aktar tard.

2.5    Il-progress li sar u l-kwistjonjiet ewlenin miftuħa

Il-Kummissjoni tuża l-qafas istituzzjonali tal-FTA biex tindirizza problemi konkreti mal-pajjiżi sħab, u għamlet dan b’suċċess fl-2017 17 . Dawn huma xi wħud mill-kisbiet ewlenin u l-kwistjonijiet pendenti sal-lum:

Miżuri sanitarji u fitosanitarji (SPS)

üIċ-Ċilì fetaħ is-suq tiegħu għaċ-ċanga mill-UE, u b’hekk neħħa l-aħħar ostakli li kien għad fadal għall-qatgħat tal-laħam u aġġusta t-termini taċ-ċertifikat tas-saħħa għall-esportazzjoni.

üIl-Perù ta aċċess kważi sħiħ għas-suq għall-prodotti tal-ħalib mill-UE.

üIl-Kolombja, il-Costa Rica u l-Panama tejbu l-proċeduri tal-SPS, inkluż l-elenkar minn qabel tal-istabbilimenti tal-UE.

üIl-Moldova adottat u bdiet timplimenta strateġija SPS u l-Georgia adottat pjan direzzjonali leġiżlattiv.

·L-esportazzjonijiet taċ-ċanga Ewropea lejn il-Korea ta’ Isfel għadhom ipprojbiti. Il-kwistjoni tqajmet mill-ġdid fil-Kumitat tal-SPS fis-6 ta’ Settembru 2017.

·Fil-Kolombja, għad hemm xi proċeduri kkumplikati relatati mal-SPS, fir-rigward tal-prodotti mill-pjanti; fil-Perù sar progress limitat dwar l-approvazzjoni taċ-ċertifikati armonizzati għall-importazzjoni tal-prodotti tal-laħam.

·Għal xi wħud mis-sħab tagħna b’DCFTA, bħal pereżempju l-Georgia, għad hemm bżonn li l-kapaċità istituzzjonali f’termini ta’ kontroll tas-sikurezza tal-ikel titjieb; Il-Moldova jeħtieġ li taġġorna l-kapaċità djanjostika tal-laboratorji tagħha għall-monitoraġġ u s-sorveljanza tal-mard tal-annimali.

Ostakoli tekniċi u amministrattivi għall-kummerċ

üIl-Messiku neħħa l-ostakli fir-rigward tar-reġistrazzjoni u l-approvazzjoni ta’ prodotti tas-saħħa u s-sustanzi kimiċi għall-agrikoltura.

üIt-Turkija neħħiet ir-restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni tar-ruttam tar-ram u tal-aluminju u neħħiet il-prodotti tal-karti mill-ambitu tal-iskema tagħha ta’ sorveljanza tal-importazzjoni.

üIl-Kolombja mmodifikat il-liġijiet tagħha biex toħloq kundizzjonijiet ekwi għall-importazzjonijiet u l-bejgħ ta’ spirti domestiċi u impurtati u ħabbret il-ħolqien ta’ kundizzjonijiet ekwi għal trakkijiet importati (għalkemm dawn l-impenji għadhom qegħdin jiġu implimentat).

·L-Ukrajna kompliet bil-projbizzjoni tal-esportazzjoni taz-zkuk tal-injam u ftit sar progress dwar leġiżlazzjoni pendenti dwar il-foresti li suppost kellha tneħħi din ir-restrizzjoni kummerċjali.

·Xi pajjiżi tal-Mediterran, inklużi l-Alġerija, l-Eġittu, il-Marokk u t-Tuneżija, japplikaw skemi ta’ reġistrazzjoni, proċessi ta’ ċertifikazzjoni, kontrolli tekniċi fil-portijiet u spezzjonijiet ikkumplikati ta’ qabel it-trasport għal prodotti industrijali, jew rekwiżiti ta’ kontenut lokali għal sejħiet għall-offerti pubbliċi.

·Fit-Turkija, il-miżuri restrittivi għall-kummerċ kienu jinkludu diskriminazzjoni kontra l-esportazzjonijiet mill-UE ta’ tratturi, restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni ta’ prodotti tal-ġilda kif ukoll il-politika ta’ lokalizzazzjoni tat-Turkija fis-settur farmaċewtiku.

Indikazzjonijiet Ġeografiċi (IĠ)

üL-IĠ tal-UE “Prosecco” u t-trademark internazzjonali korrispondenti issa huma legalment protetti fil-Moldova.

·Fil-każ tal-Korea ta’ Isfel, kien hemm diffikultajiet biex jiżdiedu aktar IĠ tal-UE mal-lista mħarsa skont l-FTA . 

L-akkwist pubbliku

üL-Ukrajna adottat pjan direzzjonali komprensiv dwar l-akkwist pubbliku, pass ulterjuri lejn sistema ta’ akkwist pubbliku aktar trasparenti u miftuħa.

·Minħabba nuqqas ta’ trasparenza, il-kompetituri mill-UE għadhom ma jistgħux jibbenefikaw mill-ftuħ tas-swieq tal-akkwisti lokali f’xi pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant.

Il-klima tan-negozju, l-investiment, l-aċċess għas-swieq mill-SMEs

üIl-Messiku tejjeb l-aċċess għall-investiment dirett barrani (IDB) bit-tneħħija ta’ limiti massimi ta’ ekwità f’setturi importanti, inklużi t-telekomunikazzjoni, l-istituzzjonijiet tal-enerġija u dawk tal-assigurazzjoni.

üDiversi pajjiżi fir-reġjun Ewro-Mediterranju għamlu bidliet fil-liġijiet tagħhom li jirregolaw l-investimenti fi sforz biex jiġi attirat aktar investiment dirett barrani: Pereżempju, l-Eġittu u t-Tuniżija għaddew Liġi ġdida dwar l-Invesstimenti, l-Alġerija mmodifikat il-Kodiċi tal-Investiment tagħha, il-Palestina adottat għadd ta’ leġiżlazzjonijiet li għandhom l-għan li jtejbu l-klima ta’ investiment u l-Ġordan u l-Marokk stabbilew istituzzjonijiet ġodda biex jiġu żviluppati l-investimenti. L-implimentazzjoni effettiva se tkun iċ-ċavetta tas-suċċess ta’ tali miżuri.

·Il-korruzzjoni u l-governanza dgħajfa komplew jaffettwaw lin-negozji tal-UE f’xi pajjiżi tal-Balkani tal-Punent u l-pajjiżi tal-Viċinat tal-Lvant.

3.FTAs tal-“ġenerazzjoni l-ġdida”: il-Korea ta’ Isfel, il-Kolombja-l-Ekwador-il-Peru, l-Amerika Ċentrali, il-Kanada

Għall-fini ta’ dan ir-rapport, FTAs tal-“ġenerazzjoni l-ġdida” huma FTAs komprensivi nnegozjati wara l-2006 ma’ pajjiżi terzi magħżula. Mill-ftehimiet applikati, dawk mal-Korea ta’ Isfel, il-Kolombja, il-Perù, l-Ekwador, l-Amerika Ċentrali u l-Kanada jappartjenu għal din il-kategorija. Dawn il-ftehimiet tipikament imorru lil hinn minn tnaqqis fit-tariffi u l-kummerċ ta’ prodotti, u jkopru wkoll servizzi u akkwist pubbliku. Il-Ftehim mal-Korea ta’ Isfel u dak mal-Kanada wkoll jinkludu dispożizzjonijiet dwar liberalizzazzjoni akbar tal-investiment u, aktar minn hekk, is-CETA tkopri wkoll il-protezzjoni tal-investiment (għalkemm għadha mhix applikata b’mod provviżorju) u l-kooperazzjoni regolatorja. Id-dispożizzjonijiet sodi dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli (TSD) huma parti ċentrali mill-ftehimiet kummerċjali kollha tal-“ġenerazzjoni l-ġdida” konklużi sa mill-2010.

3.1    FTA UE-IL-KOREA TA’ ISFEL

Evoluzzjoni tal-kummerċ u utilizzazzjoni ta’ preferenza

L-FTA ilu jiġi applikat għal seba’ snin. Fl-2017, il-kummerċ tal-UE mal-Korea ta’ Isfel kiber b’mod aktar sod (5,7% fis-sena bħala medja tul dawn l-aħħar seba’ (7) snin) mill-kummerċ estern globali bejn l-UE u pajjiżi terzi li kiber b’rata ta’ 3,8%, bl-FTA bħala pilastru ta’ dan l-iżvilupp. L-importazzjonijiet tal-UE żdiedu b’mod aktar qawwi mill-esportazzjonijiet tal-UE, appoġġjati mill-qawmien mill-ġdid tal-ekonomija tal-UE u domanda domestika qawwija min-naħa tal-UE.

L-esportazzjonijiet tal-UE lejn il-Korea ta’ Isfel fejn jidħlu vetturi bil-mutur reġgħu żdiedu b’7,3% wara li kienu naqsu b'7,5% fl-2016.

L-esportazzjonijiet tal-UE lejn il-Korea ta’ Isfel u l-importazzjonijiet mill-Korea ta’ Isfel fis-settur agroalimentari żdiedu b’10% u 11% rispettivament, u b’hekk qabżu r-rata ta’ tkabbir osservata għall-esportazzjonijiet agroalimentari tal-UE u l-importazzjonijiet madwar l-imsieħba kollha tal-FTA flimkien (li kienu jikkorrispondu għal 4% u 5%, rispettivament). Il-kwoti tar-rata tariffarja (tariff rate quotas - TRQs) 18 għal prodotti agrikoli sensittivi kienu wkoll użati aħjar mill-esportaturi tal-UE milli kienu fis-sentejn ta’ qabel.

Fl-2017, l-UE rreġistrat bilanċ favorevoli ta’ EUR 2,6 biljun f’kummerċ agroalimentari mal-Korea ta’ Isfel. Meta wieħed iħares lejn il-perjodu ta’ żmien bejn l-2010 u l-2017, l-esportazzjonijiet agroalimentari tal-UE lejn il-Korea ta’ Isfel żdiedu b’113%, l-importazzjonijiet mill-Korea ta’ Isfel b’212% (għalkemm dawn tal-aħħar minn valur baxx ħafna, minn EUR 65 għal EUR 203 miljun).

Il-PUR fuq l-esportazzjonijiet mill-UE lejn il-Korea ta’ Isfel kienet ta’ 74.3%, l-ogħla rata li qatt kien hemm. Il-PUR fuq l-importazzjonijiet lejn l-UE mill-Korea ta’ Isfel ukoll żdiedet bi ftit, minn 87% fl-2016 għal 88% fl-2017.

Il-kummerċ fis-servizzi tal-UE mal-Korea ta’ Isfel jirrappreżenta bejn wieħed u ieħor 1% tal-kummerċ estern tal-UE fis-servizzi. Bejn l-2010 u l-2016, l-esportazzjonijiet tas-servizzi mill-UE żdiedu b’70%. Fl-2016, l-esportazzjonijiet mill-UE naqsu ftit b’3,6% u l-importazzjonijiet mill-UE naqsu bi 3,3%, meta mqabbla mal-2015. Matul l-istess perjodu, l-istokks eżoġeni ta’ FDI tal-UE żdiedu b’46% u l-istokks endoġeni ta’ FDI tal-UE (l-investimenti tal-UE fil-Korea ta’ Isfel) żdiedu b’34%.

L-għatx tal-Korea għall-inbid Taljan

Il-fabbrika tal-inbid Col d’Orcia ilha tipproduċi l-inbid fit-Toskana sa mill-1890, u hija magħrufa għall-inbid tagħha Brunello di Montalcino li huwa tipiku għar-reġjun. Col d’Orcia ilha tesporta l-inbid tagħha madwar id-dinja għal 45 sena, bl-użu ta’ ftehimiet kummerċjali tal-UE. Suq partikolarment b’saħħtu għal Col d’Orcia huwa dak tal-Korea ta’ Isfel, peress li l-FTA bejn l-UE u l-Korea neħħa d-dazji doganali u dan jippermetti lill-kumpanija toffri l-prodotti tagħha bi prezzijiet ħafna aktar kompetittivi. Col d’Orcia issa tesporta aktar minn 1500 flixkun inbid kull sena.

Kumpanija Żvediża tan-nanoteknoloġija Insplorion tagħmel suċċes fil-Korea

Il-kumpanija Żvediża Insplorion tuża n-nanoteknoloġija l-aktar avvanzata biex tipproduċi sensuri tal-batteriji b’rendiment għoli ħafna, sensuri tal-kwalità tal-arja u tagħmir ta’ riċerka. Insplorion toffri teknoloġija li tintuża għall-kejl u l-indirizzar tat-tniġġis tal-arja u ż-żieda fil-produzzjoni tal-enerġija, b’mod partikolari permezz ta’ rata ta’ ħlas imtejba bi spejjeż aktar baxxi. Is-soluzzjonijiet tagħha jistgħu jintużaw għal għadd kbir ta’ skopijiet, minn żieda fid-distanza li tista’ tinsaq vettura elettrika wara li tiġi ċċarġjata, għal ħażna tal-enerġija orħos u għal batteriji aktar sikuri. Fid-dawl taż-żieda tal-urbanizzazzjoni u t-tniġġis tal-arja f’pajjiżi bħall-Korea ta’ Isfel, il-ħtieġa ta’ sensuri kompetittivi tal-kwalità tal-arja kibret b’mod esponenzjali. L-FTA bejn l-UE u l-Korea għamilha ħafna aktar faċli biex Insplorion tkun tista’ tbigħ l-istrumenti tagħħha bbażati fuq ir-riċerka lil manifatturi tal-batteriji Koreani. Il-ftehim jappoġġja wkoll il-kooperazzjoni strateġika bejn Insplorion u l-imsieħba Koreani tagħha, li hija kruċjali biex titrawwem l-innovazzjoni.

Il-ftehim kummerċjali tal-UE jiggarantixxi l-impjiegi fis-settur tal-inġinerija Ġermaniż

Kolbus, li twaqqfet fl-1775, hija kumpanija Ġermaniża minn Nordrhein-Westphalen li tispeċjalizza f’magni li jillegaw il-kotba u magni li jipproċessaw il-karti. Bis-saħħa tal-FTA bejn l-UE u l-Korea, manifattur Ġermaniż sab swieq fil-Korea ta’ Isfel li jħallu l-qligħ. Mill-2015, Kolbus irdoppjat l-esportazzjoni tagħha lejn il-Korea ta’ Isfel. Fattur deċiżiv fis-suċċess ta’ Kolbus huwa li d-dazji doganali naqsu minn 8% għal żero skont il-ftehim, li wassal għal iffrankar potenzjali ta’ mill-inqas 25 000 EUR/kull magna. Il-makkinarju huwa t-tieni l-aktar prodottt importanti ta’ esportazzjoni Ġermaniż b’valur totali ta’ madwar EUR 3,14 biljun, li jinqabeż biss mill-vetturi bil-mutur (b’valur ta’ esportazzjoni ta’ EUR 6 biljun fis-sena).

Id-drittijiet tal-ħaddiema

Il-Kummissjoni kompliet tesprimi t-tħassib serju tagħha u qawwiet it-ton tal-messaġġi tagħha lill-gvern il-ġdid tal-Korea ta’ Isfel fir-rigward tal-impenji fejn jidħlu d-drittijiet tal-ħaddiema skont l-FTA.

Il-kwistjonijiet li tqajmu kienu jinkludu progress mhux suffiċjenti rigward ir-riformi fid-dinja tax-xogħol, meħtieġa biex jiġi żgurat ir-rispett għall-prinċipju tal-libertà tal-assoċjazzjoni u d-dritt tan-negozjar kollettiv li ġej mis-sħubija tal-Korea fl-Organizzazzjoni Dinjija tax-Xogħol (ILO), u dwar ir-ratifika ta’ erba’ konvenzjonijiet fundamentali tal-ILO li kienu għadhom pendenti 19 . Il-Kummissjoni fakkret ukoll fir- rapport tal-Parlament Ewropew 20 u fl-appelli tas-soċjetà ċivili biex tiġi inizjata proċedura formali ta’ riżoluzzjoni tat-tilwim taħt il-kapitolu tat-TSD tal-FTA.

Wara interventi mill-UE, il-Korea ta’ Isfel dan l-aħħar ikkomunikat lill-UE l-passi li l-gvern beħsiebu jieħu fil-pajjiż lejn ir-ratifika ta’ erba’ konvenzjonijiet fundamentali pendenti tal-ILO (ara: Ġabra fil-qosor tad-diskussjonijiet fis-6t Kumitat tat-TSD ) . L-approċċ tal-Korea ta’ Isfel huwa li twettaq il-bidliet legali neċessarji qabel ma taderixxi mal-konvenzjonijiet tal-ILO. Il-Korea ta’ Isfel ħadet xi passi li ġew ikkomunikati lill-UE. Il-Kummissjoni qiegħda tkompli żżomm għajnejha fuq dan il-proċess u se tirreaġixxi b’mod adegwat għall-iżviluppi fil-Korea ta’ Isfel.

Evalwazzjoni ex post tal-FTA bejn l-UE u l-Korea ta’ Isfel

Skont il-Komunikazzjoni tagħha “Kummerċ għal Kulħadd” il-Kummissjoni bħalissa qiegħda tipprepara biex toħroġ l-ewwel analiżi dettaljata ex post tagħha dwar il-prestazzjoni tal-FTA bejn l-UE u l-Korea ta’ Isfel. It-tagħlimiet miksuba se jgħinu biex jitjieb it-tfassil ta’ FTAs oħra li bħalissa qegħdin jiġu nnegozjati kif ukoll titjieb l-implimentazzjoni ta’ FTAs li ġew konklużi dan l-aħħar.    

3.2    FTEHIMIET KUMMERĊJALI TAL-UE MAL-KOLOMBJA, L-EKWADOR U L-PERÙ

Il-Ftehim Kummerċjali mal-Kolombja u l-Perù, fil-ħames sena ta’ implimentazzjoni tiegħu, qiegħed jaħdem sew. Huwa kellu effett stabilizzanti fil-kuntest ta’ tnaqqis fil-prezzijiet tal-prodotti li affettwa l-ekonomija tal-pajjiżi tal-Komunità Andina bejn l-2015 u l-2016. Il-Ftehim ħoloq opportunitajiet importanti ta’ negozju, li qegħdin dejjem aktar jinħatfu minn negozji miż-żewġ naħat. F’Jannar 2017, l-Ekwador aderixxa fil-Ftehim mal-Kolombja u l-Perù.

Il-Ftehim ħalla impatt pożittiv ħafna fuq l-SMEs. Pereżempju, skont l-istatistika Kolombjana, anki kieku kellu jitħalla barra s-settur tal-minjieri, total ta’ 1155 kumpanija Kolombjana kienu qegħdin jesportaw lejn l-UE fl-2017, fosthom 328 SMEs u 582 mikroimpriża.

Evoluzzjoni tal-kummerċ u utilizzazzjoni ta’ preferenza

Fl-2017, kontra x-xejra li dehret fl-2015 u fl-2016, it-tliet imsieħba kollha kemm huma rrappurtaw żieda fil-kummerċ bilaterali mal-UE – 7% għall-Kolombja, 16% għall-Perù, u ċifra impressjonanti ta’ 20% fl-ewwel sena ta’ implimentazzjoni mal-Ekwador.

Il-PUR fuq importazzjonijiet lejn l-UE mill-Kolombja u l-Perù baqgħet stabbli fil-livell ta’ 97% u 96% rispettivament, u fil-każ tal-Ekwador 97%. Il-PUR għall-esportazzjonijiet mill-UE lejn il-Kolombja għall-2017 kienet ta’ 68%, tnaqqis żgħir minn 71% fl-2016; 52% għall-Perù u 42% għall-Ekwador.

L-esportazzjonijiet tal-UE ta’ prodotti agrikoli komplew jiżdiedu permezz tat-tliet imsieħba Andini u huma mistennija li jespandu aktar wara l-implimentazzjoni sħiħa tal-kapitolu dwar l-SPS. Il-Kolombja u l-Perù tejbu l-użu tat-TRQs tagħhom fl-2017 u l-istess jgħodd għall-esportaturi tal-UE. Fil-każ tal-Ekwador, li għadu kif aderixxa mal-Ftehim, l-użu fuq iż-żewġ naħat għadu baxx. Fl-2017, il-mekkaniżmu ta’ stabbilizzazzjoni għall-banana ġie estiż biex jinkludi l-Ekwador. Barra miis-settur agrikolu, diversi setturi industrijali, inkluż dak farmaċewtiku, tal-makkinarju u tal-vetturi bil-mutur, ukoll ibbenefikaw minn aċċess aħjar għas-suq.

Il-kummerċ fis-servizzi baqa’ pjuttost stabbli, bl-UE tirreġistra bilanċ pożittiv sostanzjali mal-imsieħba kollha. L-UE għadha l-akbar investitur barrani fil-Kolombja u l-Perù. L-istokkijiet tal-FDI tal-UE fl-Ekwador għadhom f’livelli aktar baxxi, minħabba regolamenti u proċeduri legali kumplessi u nuqqasijiet fl-infurzar ġudizzjarju tal-kuntratti.

Il-frott Peruvjan u Kolombjan ingredjent essenzjali fit-tkabbir ta’ ditta fil-Lussemburgu

Il-kumpanija TUKI ta’ Harald-Sven Sontag, bil-kwartieri ġenerali fil-Lussemburgu, tipproduċi u tbigħ meraq tal-frott eżotiku fil-Lussemburgu, il-Belġju, Franza u l-Ġermanja. Sabiex joffri prodotti naturali ta’ kwalità għolja, Sontag juża frott bħalma huma l-guanbana lulo u l-mora, importat mill-Kolombja. Il-bejgħ barra l-Lussemburgu jammonta għal 20% tal-fatturat u Harald-Sven issa qiegħed jimmira li jirdoppja l-bejgħ.

Bl-għajnuna tal-ftehim kummerċjali tal-UE u biż-żieda fil-popolarità tagħha li teħtieġ kwantitajiet akbar ta’ frott, TUKI issa qiegħda tippjana li ġġib il-frott direttament mingħand il-produtturi Kolombjani.  Ix-xiri b’mod dirett se jgħin lil Harald-Sven biex ikompli jespandi n-negozju tiegħu.

Funikular għal Bogotà, manifatturat fl-Awstrija

Wara li kienu bdew bħala ħanut tax-xogħol żgħir, Doppelmayr, ibbażati f’Vorarlberg, l-Awstrija, żviluppaw f’manifattur ta’ funikulari fost dawk minn ta’ quddiem fid-dinja. L-FTA bejn l-UE u l-Kolombja kien ta’ għajnuna biex Doppelmayr seta’ jespandi lejn l-Amerika ta’ Isfel. Bis-saħħa tal-ftehim bejn l-UE u l-Kolombja, Doppelmayr immanifattura funikular li jista’ jġorr sa 2600 persuna fis-siegħa, li mistenni li jiżdied mas-sistema tat-trasport pubbliku ta’ Bogota fl-2018. Mis-suċċess ta’ Dopplmayr ibbenefikaw fornituri lokali Awstrijaċi: il-kuntratti ma’ kumpaniji bbażati madwar Wolfurt għandhom valur ta’ aktar minn EUR 50 miljun, il-kontribuzzjoni ta’ Doppelmayr lejn l-ekonomija ta’ Vorarlberg hija ta’ madwar EUR 158 miljun fis-sena, filwaqt li l-ordnijiet annwali min-negozji Awstrijaċi jiswew EUR 325 miljun.

L-FTA bejn l-UE u l-Kolombja jagħti s-saħħa lil Kaeser Kompressoren

KAESER Kompressoren, ditta ta’ daqs medju proprjetà ta’ familja mill-Bavarja, fil-Ġermanja, twaqqfet 100 sena ilu, u timmanifattura sistemi ta’ arja kkompressata manifatturati fl-impjanti tagħha f’Coburg (il-Bavarja) u f’Geran (Thüringen). Illum din timpjega 6000 persuna madwar id-dinja u tesporta 90% tal-produzzjoni tagħha lejn pajjiżi madwar id-dinja. Il-Ftehim ta’ Kummerċ tal-UE mal-Kolombja ippermetta lil Kaeser biex tkabbar l-affiljata Kolombjana tagħha, Kaeser Compressores, b’mod partikolari bħala riżultat tat-tnaqqis gradwali tat-tariffi tal-importazzjoni, li se jgħibu għal kollox fl-2019. Compressores de Colombia timpjega 200 persuna.

“Il-Ftehim Kummerċjali tal-UE mal-Kolombja ppermetta lill-kumpanija ttejjeb b’mod sinifikanti l-bejgħ fis-suq Kolombjan li dejjem qiegħed jikber, bħala riżultat tat-tnaqqis tat-tariffi tal-importazzjoni” qal Nelson Lopez, il-Maniġer Ġenerali tal-KAESER Compressores de Colombia.

Progress fl-implimentazzjoni u kwistjonijiet pendenti

Jistgħu jiġu nnutati diversi passi pożittivi li saru fl-2017. Il-Kolombja, wara kontestazzjoni mressqa mill-UE quddiem id-WTO, temmet ir-restrizzjonijiet fuq l-ispirti importati billi emendat il-liġi tagħha dwar l-ispirti. B’mod parallel il-Kolombja ħabbret ukoll il-ħolqien ta’ kundizzjonijiet ekwi għal trakkijiet importati, għalkemm dawn l-impenji għad irid jiġu implimentati. Barra minn hekk, il-Kolombja ċċarat l-impenji tagħha skont l-anness dwar l-akkwisti pubbliċi tal-gvern fil-Ftehim, li għandu jtejjeb l-aċċess għall-kumpaniji tal-UE għal offerti fil-livell lokali. Il-Perù kkonċeda aċċess kważi sħiħ għas-suq tal-prodotti tal-ħalib.

Kwistjonijiet pendenti li l-Kummissjoni qiegħda tindirizza mas-sħab tagħha fil-Kumitat għall-Kummerċ jinkludu ostakli tekniċi għall-kummerċ fil-Kolombja u diskriminazzjoni tat-taxxa fil-Perù, li japplika trattament tat-taxxa preferenzjali għal “Pisco”, li jiddiskrimina kontra l-ispirti importati. L-esportazzjonijiet agroalimentari tal-UE xorta għadhom jaffaċċjaw restrizzjonijiet permezz ta’ liċenzji ta’ importazzjoni kkumplikati obbligatorji, kif ukoll ta’ limiti arbitrarji fuq it-TRQs applikati mill-Ekwador. Barra minn hekk , l-UE għadha qiegħda tirsisti biex it-tliet sħab Andini tagħha jaċċettaw il-qsim tal-kunsinni fil-każ ta’ prodotti oriġinarji li jkunu fi tranżitu minn pajjiż terz.

Drittijiet tax-xogħol u ambjentali

Kien hemm ftuħ dejjem jikber mis-sħab Andini tal-UE b’FTA biex jiddiskutu l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar il-ħaddiema u dawk ambjentali taħt il-kapitolu tat-TSD. L-UE organizzat attivitajiet ta’ kooperazzjoni mat-tliet pajjiżi sħab kollha, inkluż dwar l-ispezzjoni tax-xogħol u l-formalizzazzjoni tax-xogħol mal-Perù, u dwar l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ Internazzjonali ta’ Speċi ta’ Fawna u Flora Selvaġġi fil-Periklu (CITES), l-ekonomija ċirkolari u r-responsabbiltà soċjali korporattiva mal-Kolombja. Mal-Ekwador ġew organizzati azzjonijiet matul is-sena sabiex jitqajjem għarfien u tinbena l-kapaċità biex jiġi assistit l-istadju inizjali tal-implimentazzjoni tal-kapitolu dwar it-TSD.

Għad hemm sfidi kbar quddiem it-tliet sħab kollha fil-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles tal-Andini. Il-Perù jeħtieġ li jtejjeb b’mod sinifikanti l-mekkaniżmi konsultattivi domestiċi tiegħu u jżid l-isforzi biex jimplimenta l-obbligi sostantivi tiegħu. Il-ħolqien ta’ grupp konsultattiv domestiku (DAG) fil-Kolombja, biex jikkomplementa l-mekkaniżmi konsultattivi eżistenti tagħha, sar b’reazzjoni għal appelli ripetuti mis-soċjeta ċivili. Mal-Ekwador, kien hemm impenn kostruttiv fl-ewwel sena tal-implimentazzjoni tal-kapitolu dwar it-TSD u x-xogħol issa ser ikun iffukat fuq punti ta’ azzjoni konkreti.

3.3    FTEHIM TA’ ASSOĊJAZZJONI TAL-UE MAL-AMERIKA ĊENTRALI

Evoluzzjoni tal-kummerċ u utilizzazzjoni ta’ preferenza

Ħames snin wara d-dħul fis-seħħ tagħha, il-parti tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-UE u sitt pajjiżi tal-Amerika Ċentrali (il-Panama, il-Costa Rica, il-Honduras, il-Gwatemala, in-Nikaragwa u El Salvador) għaddiet minn perjodu ta’ ħajja ġdida hekk kif il-flussi kummerċjali tal-UE mal-Amerika Ċentrali żdiedu b’7.2% fl-2017.

Apparti l-flussi kummerċjali li kienu jammontaw għal EUR 11-il biljun bejn il-pajjiżi tal-Amerika Ċentrali u l-UE, il-Ftehim u l-kuntest istituzzjonali tiegħu, flimkien mal-programmi tal-UE fir-reġjun, kienu qegħdin ikomplu jkabbru l-integrazzjoni ekonomika reġjonali fl-Amerika Ċentrali. L-importazzjonijiet tal-UE mir-reġjun għaddew minn tendenza qawwija ta’ żieda f’ħamsa mis-sitt pajjiżi fir-reġjun. L-esportazzjonijiet tal-UE lejn l-Amerika Ċentrali żdiedu b’mod ġenerali, għalkemm b’mod aktar kajman.

L-użu tat-TRQs tjieb fl-2017 għaż-żewġ reġjuni filwaqt li kien jiffoka fuq prodotti speċifiċi. L-Amerika Ċentrali użat bis-sħiħ il-kwota taz-zokkor u tar-rum f’massa tagħha, filwaqt li l-esportaturi tal-UE tejbu l-użu tagħhom tat-TRQs, b’mod partikolari fil-każ tal-ħalib tat-trab (ta’ 91%).

Il-PUR fuq l-importazzjonijiet lejn l-UE mill-Amerika Ċentrali reġa’ kien għoli b’medja ta’ 95%. Id-data biex il-PUR tiġi kkalkulata fuq l-esportazzjonijiet tal-UE lejn l-Amerika Ċentrali ma kinitx disponibbli.

Il-kummerċ fis-servizzi bejn iż-żewġ reġjuni kompla jiżdied f’termini assoluti u relattivi u fl-2016 kien jirrappreżenta kważi 40% tal-valur tal-kummerċ totali. Il-Panama huwa d-destinazzjoni ta’ madwar 60% tal-esportazzjonijiet tal-UE lejn ir-reġjun u ta’ aktar minn 60% tal-kummerċ totali fis-servizzi.

L-investiment tal-UE fir-reġjun baqa’ relattivament b’saħħtu. Pereżempju, fl-2016 l-istokkijiet tal-FDI tal-UE fl-Amerika Ċentrali kienu d-doppju jew aktar dawk fil-Kolombja jew fil-Perù, b’valuri kummerċjali simili jew aktar baxxi u kienu eqreb għal dawk mal-Arġentina, li fl-2016 kellha fluss kummerċjali ta’ 50% ogħla mal-UE.

Drittijiet tal-ħaddiema u dawk konnessi mal-ambjentali

Intlaħaq stadju importanti fl-implimentazzjoni tal-kapitolu tat-TSD, wara l-istabbiliment ta’ DAGs fil-pajjiżi tal-Amerika Ċentrali kollha. L-UE għal darb’oħra ffinanzjat diversi attivitajiet flimkien mal-ILO, l-OECD u s-soċjetà ċivili lokali fost l-oħrajn li jkopru r-reġjun, b’attenzjoni fuq suġġetti importanti bħal ma hi r-responsabbiltà soċjali korporattiva u l-kondotta responsabbli fin-negozju, inklużi laqgħat ta’ esperti. L-UE pprovdiet ukoll finanzjament lill-Uffiċċju Reġjonali tal-ILO biex jappoġġa l-implimentazzjoni effettiva tal-konvenzjonijiet fundamentali tal-ILO f’El Salvador u fil-Gwatemala.

Progress fl-implimentazzjoni u kwistjonijiet pendenti

Wara proċess twil u iebes, il-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni fl-2018 qabel dwar soluzzjoni reċiprokament sodisfaċenti ta’ prinċipju li għandha twitti t-triq għall-inkorporazzjoni sħiħa tal-Kroazja fil-Ftehim, li se tiġi wara li jiġu attwati r-rekwiżiti legali meħtieġa biex issir effettiva.

Dan l-aħħar il-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni kkunsidra wkoll il-kwistjoni relatata man-nuqqas ta’ data meħtieġa mis-sħan tal-Amerika Ċentrali biex ikunu jistgħu jiġu kkalkulati l-PURs fuq l-esportazzjonijiet mill-UE lejn l-Amerika Ċentrali. Is-Sottokumitat dwar l-Aċċess għas-Suq ġie inkarigat li jidentifika r-raġunijiet u s-soluzzjonijiet potenzjali biex jirrimedja n-nuqqasijiet.

Kumpanija tal-ipproċessar tal-ħut Spanjola tirkeb il-mewġa tal-FTA bejn l-UE u l-Amerika Ċentrali

Il-Grupo Calvo huwa grupp ta’ kumpaniji Spanjol iddedikati għas-sajd, l-ipproċessar u d-distribuzzjoni ta’ prodotti fil-bottijiet, li kiber maż-żmien minn fabbrika żgħira tal-mili fil-laned fil-belt Carballo fil-Galicia biex isir grupp internazzjonali tal-ikel. Illum jopera f’aktar minn 70 pajjiż u jimpjega aktar minn 5,000 persuna. Wieħed mis-swieq ċentrali tal-kumpanija huwa dak tal-Amerika Ċentrali, fejn għandu l-ogħla volum ta’ bejgħ tiegħu fil-Costa Rica, segwit mill-Panama u El Salvador.

Fl-2013, wara d-dħul fis-seħħ tal-ftehim kummerċjali bejn l-UE u sitt pajjiżi tal-Amerika Ċentrali, Grupo Calvo seta’ juża l-kwota assenjati lis-sħab tal-Amerika Ċentrali biex jesporta madwar 160 tunnellata metrika ta’ tonn. Minn dakinhar, kien hemm tkabbir kostanti u konsistenti tal-Grupo Calvo fl-Amerika Ċentrali matul dawn l-aħħar snin. Sa mill-iffirmar tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, Grupo Calvo kontinwament għafas fuq iċ-ċertezza legali u l-opportunitajiet ta’ investiment li l-Ftehim iġib lejn ir-reġjun. Dan għamilha aktar faċli għall-grupp biex jidħol f’alleanzi strateġiċi ma’ entitajiet nazzjonali li jippermettu lill-produtturi lokali u lill-SMEs jagħmlu użu tal-aħjar prattiki. Grupo Calvo spiċċa minn quddiem nett fid-dinja fejn jidħol in-negozju innovattiv fil-Costa Rica.

3.4.    Il-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv UE-Kanada (CETA)

L-ewwel esperjenzi

L-applikazzjoni provviżorja 21 ma bdietx qabel il-21 ta’ Settembru 2017 u għadu mhux possibbli li jsiru konklużjonijiet dwar l-impatt fuq il-flussi tal-kummerċ, iżda l-benefiċċji bdew juru.

üFl-ewwel disa’ (9) xhur tal-applikazzjoni tal-ftehim (Ottubru 2017 sa Ġunju 2018), l-esportazzjonijiet mill-UE ta’ prodotti lejn il-Kanada żdiedu b’7%, bl-ogħla livellli jkunu fl-esportazzjonijiet agrikoli: il-frott u l-ġewż (29%) u l-inbid frizzanti (11%).

üL-esportazzjonijiet tal-makkinarju u t-tagħmir mekkaniku (wieħed minn ħamsa tal-esportazzjonijiet tal-UE lejn il-Kanada) ukoll żdiedu bi 8%. L-esportazzjonijiet fil-prodotti farmaċewtiċi (10% tal-esportazzjonijiet tal-UE lejn il-Kanada) żdiedu b’10%. Esportazzjonijiet importanti oħra mill-UE ukoll kienu qegħdin jiżdiedu, pereżempju fil-każ tal-għamara (10%), il-fwejjaħ/il-kożmetiċi (11%), iż-żraben (8%) u l-hwejjeġ (11%).

üIl-Kummissjoni qiegħda żżomm għajnejha fuq l-użu tal-allokazzjoni u t-trasferimenti tal-kwoti tar-rati tat-tariffi (TRQs) li jolqtu l-ġobon, u qiegħda tiġbor informazzjoni dwarhom.

Passi meħuda biex l-implimentazzjoni titmexxa ‘l quddiem

Il-ħidma mxiet ’il quddiem malajr fejn jidħol il-bini tal-qafas istituzzjonali komprensiv li jikkonsisti minn 13-il kumitat u sitt (6) djalogi speċjalizzati, li jirrappurtaw lill-Kumitat Konġunt tas-CETA . Fl-ewwel nofs tal-2018 iltaqgħu diversi kumitati, inkluż dawk iddedikati għall-indikazzjonijiet ġeoġrafiċi (IĠ), SPS, l-akkwist tad-dwana u pubbliku, il-kummerċ elettroniku, l-inbejjed u l-ispirti, kif ukoll id-Djalogi ddedikati għall-“Prodotti mill-Foresta” u l- “Aċċess għas-Suq Bijotekniku”. Aktar informazzjoni tista’ tinkiseb hawn .

L-ewwel Kumitat dwar it-TSD tlaqqa’ fit-13 ta’ Settembru 2018, u  r-rapport konġunt jista’ jiġi kkonsultat hawn. L-UE u l-Kanada esploraw, fost affarijiet oħra, azzjonijiet konġunti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Pariġi u modi ta’ faċilitazzjoni tal-involviment tar-rappreżentanti rispettivi tas-soċjetà ċivili. Il-Kummissjoni u l-Kanada ddiskutew ukoll ir-reviżjoni bikrija tad-dispożizzjonijiet tat-TSD, li jirriflettu l-impenn tal-Kummissjoni fis-CETA “l-Istrument Interpretattiv Konġunt” (JII)  .

Barra minn hekk, il-Kummissjoni, b’kollaborazzjoni mal-Istati Membri u l-Kanada, ħejjiet Gwida dwar ir-regoli tal-oriġini fis-CETA  għall-partijiet interessati, li qed jiġu msaħħa b’mod kontinwu.

Bis-CETA, il-Kummissjoni ħadet pass ieħor biex iżżid it-trasparenza, bil-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni f’waqtha dwar l-attivitajiet tal-korpi istituzzjonali fuq paġna web speċifika għas-CETA, imsejħa “Laqgħat u dokumenti”  .

Il-gwida l-ġdida, pass pass, tas-CETA għan-negozji kif ukoll spazju ddedikat għas-CETA fi ħdan il-Bażi tad-Data tal-Aċċess għas-Suq kienet ta’ suċċess kbir u dawn l-istrumenti jistgħu jservu ta’ ispirazzjoni għal ftehimiet futuri.

Sabiex tiġi mmonitorjata u mtejba aktar l-implimentazzjoni tas-CETA, is-sitwazzjoni attwali ġiet diskussa mill- Grupp ta’ Esperti dwar il-Ftehimiet Kummerċjali tal-UE fit-11 ta’ Lulju 2018.

Tuffieħ Pollakk: Lesti biex jinqata' l-frott tas-CETA

Il-kumpanija Ewa-Bis, ibbażata f’Varsavja, tissupplixxi kemm prodotti organiċi mkabbra b’mod konvenzjonali, kif ukoll prodotti organiċi, lil aktar minn 25 pajjiż. Il-proprjetarju tagħha, Marek Marzec, bl-għajnuna tal-finanzjament tal-UE li huwa ngħata fl-2014, kien kapaċi jibni sistema tal-IT li taħdem minn negozju għal negozju li tiżviluppa bażi tad-data ta’ fornituri u klijenti madwar id-dinja. Ewa-Bis stabbiliet preżenza f’Toronto f’aspettattiva li tespandi n-negozju tagħha biex tagħmel użu mis-CETA, b’mod partikolari n-nuqqas ta’ dazji doganali fuq l-esportazzjonijiet tagħha ta’ frott u ħaxix lejn il-Kanada. Ewa-Bis se tibbenefika wkoll minn approvazzjonijiet simplifikati u aktar rapidi għall- esportazzjoni ta’ pjanti, frott u ħxejjex mill-UE lejn il-Kanada.

Ġobon Franċiż mill-ifjen għal fuq il-mejda Kanadiża

Maison Mons hija kumpanija tal-familja Franċiża mwaqqfa fl-1964, speċjalizzata fir-raffinar u l-bejgħ ta’ ġobnijiet tal-ogħla kwalità magħmula bil-mod tradizzjonali. Il-kumpanija ġġib 190 tip ta' ġobon minn 130 razzett differenti u tesportah lejn iktar minn 25 pajjiż, fosthom il-Kanada. Bis-CETA issa fis-seħħ, il-kumpanija qiegħda tistenna bil-ħerqa li żżid l-esportazzjonijiet tagħha, peress li s-CETA tirdoppja l-kwota attwali ta’ bla dazju għall-esportazzjonijiet tal-ġobon tal-UE lejn il-Kanada, minn 8,000 għal 18,500 tunnellata. Maison Mons u l-prodotti tagħha se jibbenefikaw ukoll mill-protezzjoni ta’ 140 prodott tipiku reġjonali, kif ukoll xarbiet, Ewropej, fis-suq Kanadiż.

Il-Kap Eżekuttiv Herve Mon: “Is-CETA qegħda tkun il-mutur biex isir negozju ġdid. Diġa għandna għadd kbir ta’ ordnijiet għall-ġobnijiet tagħna minn bejjiegħa bl-imnut fil-Kanada minn mindu daħal fis-seħħ il-ftehim.” Jgħids Laure Dubouloz, id-direttur tal-bejgħ għall-Amerika tat-Tramuntana: “Minn mindu hawn is-CETA, bdejna nirċievu talbiet mingħand bejjiegħa bl-imnut fil-Kanada dwar il-ġobnijiet tagħna. Għalihom, l-irduppjar tal-kwota bla dazju tfisser li dawn jistgħu joffru firxa usa’ ta’ ġobnijiet ta’ kwalita għolja. Ninsabu eċitati dwar din l-opportunità ġdida fis-suq”.

Il-whiskey Irlandiż tradizzjonali jsir komuni fil-Kanada

Il-kumpanija Chapel Gate Irish Whiskey hija l-unika “Whiskey Bonder” fl-Irlanda, ibbażata fil-Kontea ta’ Clare. Il-fundatriċi Louise McGuane takkwista l-whiskey minn diversi distilleriji madwar l-Irlanda kollha u tħallih jimmatura fir-“rack-house” mibnija apposta fuq il-post. Meta jkun lest dan jitħallat biex jiinħolqu tipi uniċi. Peress li hija SME ta’ livell globali, madwar 70% tal-esportazzjonijiet tagħha jmorru fis-swieq barra l-UE, u d-dħul mistenni li jittrippla s-sena d-dieħla. Il-ftehimiet kummerċjali bħas-CETA jagħmluha aktar faċli għal kumpaniji miż-żgħar bħal Chapel Gate biex jikbru u jikkompetu b’suċċess f’dawn is-swieq. B’mod partikolari, is-CETA jiżgura infurzar aktar effettiv tar-regoli li jipproteġu l-marka kummerċjali kontra l-imitazzjoni. Is-CETA jnaqqas ukoll il-burokrazija, b’mod partikolari fil-livell provinċjali, u b’hekk jiffaċilita l-esportazzjoni.

Kif osservat il-kap eżekuttiv Louise MaGaune: “Il-ftehim jiftaħ it-triq biex negozji żgħar bħal tiegħi jkunu jistgħu jesportaw biex b’hekk jibqgħu jeżistu u jkunu jistgħu jikbru. Permezz tat-tnaqqis tal-piż tat-taxxa, nistgħu nsiru ħafna aktar kompetittiv fis-suq globali. Ġeneralment, l-alkoħol huwa settur protett ħafna madwar id-dinja, u għalhekk it-tneħħija tal-ostakli għall-kummerċ huwa essenzjali għalina biex ikollna aċċess għal swieq li altrimenti kienu jkunu magħluqa għalina.”

4.ŻONI TA’ KUMMERĊ ĦIELES APPROFONDITI U KOMPRENSIVI (DCFTAS) 22

Is-sitwazzjoni attwali

Il-Ftehimiet ta’ Assoċjazzjoni tal-UE mal-Georgia, ir-Repubblika tal-Moldova (il-Moldova) u l-Ukrajna għandhom l-għan li japprofondixxu l-assoċjazzjoni politika u jħejju għall-integrazzjoni ekonomika gradwali bejn l-UE u t-tliet sħab tagħha tal-Lvant fil-qafas tas-Sħubija tal-Lvant bħala parti mill-Politika Ewropea tal-Viċinat.

Id-DCFTAs għandhom żewġ komponenti ewlenin:

·il-ftuħ reċiproku tas-suq għall-prodotti, b’xi assimetrija li tibbenefika lill-imsieħba tal-Lvant; kif ukoll

·approssimazzjoni regolatorja wiesgħa mal-liġi tal-UE, b’mod notevoli f’oqsma relatati man-negozju.

Wara aktar minn sentejn mill-applikazzjoni mal-Ukrajna u aktar minn erba’ snin mal-Moldova u l-Georgia bdew jidhru riżultati tajbin u l-kummerċ qiegħed jiżdied. L-approssimazzjoni leġiżlattiva qiegħda tavvanza b’mod gradwali. L-impatt tiegħu f’termini tad-dinamika tal-kummerċ u s-sostenibbiltà tagħhom jeħtieġ li tiġi osservata fuq medda medja sa twila ta’ żmien.

Evoluzzjoni tal-kummerċ u utilizzazzjoni ta’ preferenza

L-UE hija l-akbar sieħeb kummerċjali tat-tliet pajjiżi kollha kemm huma, u fl-2017 kienet tirrappreżenta 56% tal-kummerċ totali fil-każ tal-Moldova, 42% tal-Ukrajna u 27% tal-Georgia. L-UE għandha bilanċ kummerċjali pożittiv mat-tliet pajjiżi kollha.

üIl-kummerċ bejn l-UE u l-Ukrajna qiegħed jiżdied b’mod qawwi. L-esportazzjonijiet tal-UE lejn l-Ukrajna, u l-importazzjonijiet mingħandha, żdiedu b'22% u b’27% rispettivament, l-aktar minħabba l-istabbilizzazzjonijiet tas-sitwazzjoni ekonomika wara l-kriżi ekonomika tal-2014-2015.

üIl-kummerċ mal-Moldova żdied ukoll, bl-importazzjonijiet mill-UE jikbru bi 23%, ftit iktar mill-esportazzjonijiet, li żdiedu b’19% fl-2017. L-ekonomija tal-Moldova qiegħda tikber u l-kumpaniji tal-Moldova tejbu l-prestazzjoni tagħhom bħala fornituri ta’ makkinarju, prodotti tal-ikel, ċerti prodotti agrikoli u tat-tessuti.

üIl-kummerċ bejn l-UE u l-Georgia żdied b’6%, u l-esportazzjonijiet żdiedu b’1.4% biss, filwaqt li l-importazzjonijiet tal-UE żdiedu bi 23%, li jikkonsistu l-aktar fi prodotti minerali, bħal minerali, gagazza u rmied.

Il-PURs fuq l-importazzjonijiet lejn l-UE mit-tliet sħab b’DCFTA, minkejja tnaqqis ċkejken meta mqabbel mal-2016, baqgħu relattivament għolja b’77% għall-Georgia, 85% għall-Moldova u 87% għall-Ukrajna. Il-PUR fuq l-importazzjonijiet mill-UE lejn il-Georgia żdied b’mod qawwi, minn 71% fl-2016 għal 77% fl-2017. Id-data mill-Ukrajna u l-Moldova ma kinitx disponibbli.

L-Ukrajna, il-Moldova u l-Georgia ma kinux qegħdin jużaw b’mod sħiħ it-TRQs preferenzjali għall-prodotti agrikoli konċessi mill-UE, peress li għadhom ma jissodisfawx ir-rekwiżiti kollha tal-SPS u qegħdin jaffaċċjaw xi problemi fil-pożizzjonament tal-prodotti tagħhom fuq is-suq.

Bejn l-2015 u l-2016, l-esportazzjonijiet tal-UE fis-servizzi lejn it-tliet sħab żdiedu b’6% u l-importazzjonijiet bi 3%, rispettivament. L-esportazzjonijiet mill-UE lejn l-Ukrajna żdiedu b’9% filwaqt li l-importazzjonijiet naqsu bi 2%. L-importazzjonijiet tal-UE mill-Georgia baqgħu stabbli filwaqt li l-esportazzjonijiet mill-UE naqsu bi 33%. L-esportazzjonijiet ta’ servizzi mill-UE lejn il-Moldova naqsu b’16% filwaqt li l-importazzjonijiet żdiedu b’35%.

Fl-2016, il-flussi ta’ FDI tal-UE lejn il-Moldova żdiedu b’183% (għalkemm minn livell baxx ħafna) filwaqt li l-flussi tal-investiment Moldovani lejn l-UE naqsu b’145%. Il-flussi tal-investiment mill-Georgia baqgħu stabbli filwaqt li l-flussi mill-UE lejn il-Georgia naqsu meta mqabbla mal-2015. L-FDI tal-UE fl-Ukrajna baqa’ f’livell baxx fl-2016.

Progress fl-implimentazzjoni tad-DCFTA, u kwistjonijiet pendenti

Id-dazji ogħla tal-esportazzjoni fuq l-esportazzjonijiet tar-ruttam tal-metall lejn l-UE ma ġewx applikati mill-Ukrajna, filwaqt li l-projbizzjoni fuq l-esportazzjoni tal-injam mhux maħdum imposta fl-2015 baqgħet, minkejja sforzi qawwija mill-UE biex l-Ukrajna ssolvi l-kwistjonijiet. L-approċċ kostruttiv mill-Kummissjoni u r-riluttanza tal-Ukrajna għall-progress ifisser li l-Kummissjoni issa qiegħda tikkunsidra li tindirizza dan l-ostakolu għall-kummerċ permezz tal-mekkaniżmu ta’ soluzzjoni tat-tilwim previst skont id-DCFTA.

Il-Moldova solviet nuqqasijiet fil-protezzjoni tal-IĠ tal-UE Prosecco, wara deċiżjoni mill-Qorti Suprema. Il-Moldova għad trid tindirizza preokkupazzjonijiet relatati man-nuqqas ta’ trasparenza fid-distribuzzjoni tal-elettriku u d-diskriminazzjoni kontinwa fir-rigward ta’ liġi dwar ix-xiri lokali għall-bejjiegħa bl-imnut. Dawn il-kwistjonijiet qegħdin jiġu diskussi fil-korpi ta’ implimentazzjoni u fil-livell politiku.

Dwar il-miżuri ta' SPS, sar progress tajjeb mill-Moldova, li adottat u bdiet timplimenta l-istrateġija tagħha tal-SPS f’Diċembru 2017, filwaqt li l-Georgia adottat pjan direzzjonali leġiżlattiv. L-Ukrajna għandha tagħmel l-istess fl-2018. L-għadd ta’ kumpaniji li jirċievu awtorizzazzjonijiet tal-UE biex jesportaw prodotti agrikoli lejn l-Ukrajna kien qiegħed jikber dan l-aħħar.

L-Ukrajna u l-Moldova wrew interess li jibdew negozjati dwar Ftehimiet dwar il-Valutazzjoni tal-Konformità u r-Rikonoxximent ta’ Prodotti Industrijali (ACAAs).

It-tliet pajjiżi kollha kemm huma ħadu passi biex itejbu s-sistemi ta’ akkwist pubbliku tagħhom, u kienu qegħdin jimplimentaw strateġiji komprensivi ta’ riforma. Dan jinkludi sistema tal-akkwist elettroniku fl-Ukrajna u l-Moldova, li għandha ttejjeb l-effiċjenza u tnaqqas il-korruzzjoni.

Appoġġ tal-UE għar-riformi

L-UE tipprovdi assistenza finanzjarja u teknika fit-tliet pajjiżi sħab kollha biex tappoġġa r-riformi domestiċi li jirriżultaw mid-DCFTA u biex trawwem il-kapaċità amministrattiva tal-istituzzjonijiet li se jfasslu u jimplimentaw dawn ir-riformi. L-appoġġ tal-UE jkopri firxa wiesgħa ta’ oqsma bħas-sikurezza tal-ikel, ir-regolamenti u l-istandards tekniċi, il-prokuratur pubbliku, il-proprjetà intellettwali, il-kompetizzjoni, eċċ. L-assistenza tal-UE qiegħda titwassal permezz ta’ ġabra sħiħa ta’ modalitajiet (bħall-Ġemellaġġ, it-TAIEX jew il-Kuntratti ta’ Prestazzjoni tar-Riforma tas-Setturi tal-UE, li jinvolvu l-appoġġ baġitarju kontra l-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ politika).

Appoġġ tal-UE għall-SMEs

L-SMEs f’pajjiżi li ffirmaw Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, inkluż xi DCFTA mal-UE, jiksbu appoġġ addizzjonali mill-Faċilità tad-DCFTA għall-SMEs. Din il-faċilità se tirċievi madwar EUR 200 miljun f’għotjiet mill-baġit tal-UE biex tillibera minn tal-inqas EUR 2 biljun ta’ investimenti ġodda mill-SMEs. Dawn il-fondi jgħinu lin-negozji fil-Georgia, il-Moldova u l-Ukrajna biex jadattaw għal rekwiżiti ġodda tas-suq, billi jissimplifikaw il-proċessi u jinvestu f’tagħmir ġdid biex jikkonformaw mar-regoli tal-UE f’oqsma bħall-kwalità u s-sikurezza, l-effiċjenza tal-enerġija u l-konformità ambjentali.

Soluzzjonijiet ta’ softwer Rumen għall-banek fil-Moldova.

Il-kumpanija Rumena Allevo bil-kwartieri tagħha f’Bukarest timpjega 50 membru tal-persunal u tipprovdi soluzzjonijiet ta’ softwer li jgħinu lill-istituzzjonijiet finanzjarji joperaw, jipproċessaw il-pagamenti u jikkonformaw ma’ standards u regolamenti Ewropej u lokali. Kif previst fid-DCFTA, il-Moldova qiegħda tadotta regolamenti tal-UE li jippermettu lill-banek tal-Moldova biex jippożizzjonaw lilhom infushom b’mod aħjar fis-suq usa’ tas-servizzi finanzjarji. Dan jiftaħ opportunitajiet ta’ negozju għal Allevo, li qiegħda toffri soluzzjonijiet adattati għall-ħtiġijiet tal-banek. Barra minn hekk, skont id-DCFTA, il-kumpaniji tal-UE bħal Allevo, li joperaw fil-Moldova, issa qegħdin jiġu ttrattati bħal kumpaniji Moldovani, b’mod li jkun aktar faċli għalihom li joperaw. Bis-saħħa tad-DCFTA, il-Moldova issa qegħda tibbaża l-biċċa l-kbira tar-regolament finanzjarju tagħha fuq il-mudell tal-UE u b’hekk tissimplifika l-bejgħ tas-servizzi tal-UE.

Kumpanija Pollakka ta’ tagħmir li jintuża f'attivitajiet fuq barra tilħaq livelli ġodda fl-Ukrajna

Il-kumpanija Pollakka Fjord Nansen ibbażata fir-raħal ta’ Chwaszczyno qrib Gdynia tispeċjalizza f’tagħmir li jintuża barra bħal ma huma tined, backpacks, sleeping bags, termosijiet u ħwejjeġ ta’ barra. Kif ikkonfermat mis-sid, Dariusz Stanzewski, l-esportazzjonijiet qegħdin jakkwistaw importanza dejjem akbar għal Fjord Nansen. Suq kruċjali huwa dak tal-Ukrajna. Fl-2011 il-kumpanija esportat rekord ta’ 23% mill-produzzjoni tagħha hemmhekk. Iż-żona ta’ kummerċ ħieles kummerċjali bejn l-UE u l-Ukrajna, li ilha fis-seħħ minn Jannar 2016, tiffaċilita t-tkabbir tan-negozju u l-isfruttar tal-potenzjal sħiħ tagħha..

Il-kumpanija tal-moda mill-Ukrajna tuża l-FTA bħala tarġa biex tissupplixxi lil marki ewlenin Ewropej tal-ħwejjeġ

Is-sostenn għall-iżvilupp tan-negozju u għalhekk għal stabbilta ekonomija akbar f’pajjii sħab huwa objettiv kruċjali tad-DCFTAs. Il-fabbrika tal-ħwejjeġ “Uzhgorod” qiegħda taħdem ordnijiet ta’ klijenti Ewropej famużi bħal Gerry Weber u Marc O’Polo u tikkollabora ma’ Hugo Boss u ma’ Dolce & Gabbana. Id-Direttur tal-fabbrika jisħaq li kien mument importanti ħafna meta fl-1 ta’ Jannar 2016, bħala riżultat tal-bidu tal-applikazzjonijiet tad-DCFTA, l-awtorijtajiet tad-dwana tal-Ukrajna bdew joħorġu ċertifikati ta’ oriġini għall-prodotti, u b’hekk ġew iggarantiti d-dazji doganali preferenzjali fil-mument tal-importazzjonijiet lejn l-UE. Uzhgorod tissupplixxi bejn 400 000 u 450 000 biċċa ta’ lbies kull sena lejn l-Ewropa u tħaddem 300 impjegat.

Drittijiet tax-xogħol u ambjentali

L-implimentazzjoni tal-kapitoli dwar it-TSD mxiet ’il quddiem. Fil-Moldova u l-Georgia, il-mekkaniżmi konsultattivi tas-soċjetà ċivili issa ilhom joperaw għal xi ftit tas-snin. Il-pass li jmiss fil-Moldova huwa li jiġi stabbilit pjan ta’ ħidma ta’ implimentazzjoni tat-TSD. Il-Georgia adottat pjan ta’ ħidma ta’ TSD fl-2018 u saru djalogi kostruttivi li jinvolvu korpi tas-soċjetà ċivili rigward standards li jolqtu lill-ħaddiema, b’mod partikolari l-ispettorati tax-xogħol bħala istituzzjoni prinċipali għall-implimentazzjoni effettiva tagħhom, kif ukoll dwar kwistjonijiet ambjentali u dawk li jolqtu t-tibdil fil-klima. Fl-Ukrajna, beda d-djalogu bejn il-Partijiet, b’enfasi fuq il-ġestjoni sostenibbli tal-foresti; id-dispożizzjonijiet dwar il-ħaddiema għad iridu jiġu diskussi mill-Kumitat Konġunt dwar it-TSD. Il-grupp konsultattiv tas-soċjetà ċivili tal-Ukrajna għad irid jiġi stabbilit.

5.L-FTAs TAL-EWWEL ĠENERAZZJONI

Introduzzjoni

Għall-fini ta’ dan ir-rapport, l-FTAs “tal-ewwel ġenerazzjoni” huma ftehimiet innegozjati qabel il-Komunikazzjoni “Ewropa Globali” tal-2006 u l-Ftehimiet ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (SAAs) mal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent li ġew konklużi bejn l-2009 u l-2016. Mill-ftehimiet applikati, ir-rapport ikopri dan li ġej 23 :

·FTAs mal-Iżvizzera u man-Norveġja 24 , li jmorru lura għas-snin 1970

·Il-FTAs mal-imsieħba Mediterranji tal-UE 25 bħala parti mill-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni konklużi fis-snin 1990.

·FTAs mal-Messiku u ċ-Ċilì (li jmorru lura għall-2000 u l-2003)

·L-Unjoni Doganali mat-Turkija (1995),

·L-SAAs ma’ ħames pajjiżi tal-Balkani tal-Punent (konklużi bejn l-2001 u l-2016).

Il-kummerċ fiż-żewġ direzzjonijiet żdied fil-każijiet kollha matul l-applikazzjoni tal-FTAs. Il-PURs fuq l-importazzjonijiet lejn l-UE minn pajjiżi sħab kienu jvarjaw bejn 97% (importazzjonijiet mill-Alġerija u l-Eġittu) u 69% (importazzjonijiet min-Norveġja) b’medja ta’ 87%. L-informazzjoni statistika meħtieġa biex jiġu kkalkulati l-PURs dwar l-esportazzjonijiet mill-UE lejn pajjiżi sħab ma kinitx disponibbli mis-sħab kollha. Fejn kienet disponibbli d-data, il-PURs kienu jvarjaw bejn 86% (esportazzjonijiet mill-UE lejn l-Iżrael) u 44% (esportazzjonijiet mill-UE lejn l-Eġittu) 26 . Is-servizzi mhumiex koperti mill-FTAs “tal-ewwel ġenerazzjoni”, ħlief fil-każijiet tal-Messiku u taċ-Ċilì.

F’April 2018, l-UE u l-Messiku laħqu “ftehim fil-prinċipju” dwar il-parti kummerċjali tal-Ftehim Globali mmodernizzat bejn l-UE u l-Messiku. Bħalissa għaddejjin negozjati biex jiġu aġġornati l-FTAs eżistenti maċ-Ċilì u t-Tunezija, u bdew negozjati mal-Marokk. Il-Kummissjoni rċeviet l-approvazzjoni inizjali biex tibda negozjati mal-Ġordan u mal-Eġittu, meta dawn il-pajjiżi jkunu lesti. Il-Kummissjoni pproponiet ukoll li jinbdew negozjati għall-immodernizzar tal-unjoni doganali mat-Turkija.

5.1    L-Iżvizzera

Evoluzzjoni tal-kummerċ u utilizzazzjoni tal-preferenza

L-Iżvizzera hija l-akbar sieħeb kummerċjali b’FTA u t-tielet l-akbar sieħeb kummerċjali tagħha b’mod ġenerali. L-esportazzjonijiet tal-UE bejn l-2016 u l-2017 żdiedu b’6%, b'qawwa ftit akbar minn matul dawn l-aħħar għaxar snin (5%), filwaqt li l-importazzjonijiet tal-UE naqsu b’9%. Ix-xejra ’l isfel tal-PUR fuq l-importazzjonijiet lejn l-UE mill-Iżvizzera nqalbet fl-2017 meta l-PUR reġgħet lura għal 85%. Il-PUR fuq l-esportazzjonijiet mill-UE lejn l-Iżvizzera baqgħet stabbli matul dawn l-aħħar erba’ snin u ammontat għal 78% fl-2017.

L-Iżvizzera hija t-tieni l-akbar sieħeb tal-UE fejn jidħlu s-servizzi. Il-valur tas-servizzi pprovdut minn kumpaniji tal-UE fl-Iżvizzera, u bil-kontra, qiegħed jikber b’rata mgħaġġla. Bejn l-2016 u l-2017, l-esportazzjonijiet mill-UE tas-servizzi żdiedet bi 12%, filwaqt li l-importazzjonijiet fl-UE naqsu b’26%, biex il-bilanċ favorevoli kummerċjali tal-UE aktar minn irdoppja, li kien jammonta għal EUR 58 biljun fl-2017 27 .Ma hemm l-ebda ftehim komprensiv dwar is-servizzi bejn l-UE u l-Iżvizzera, hemm biss kopertura parzjali permezz tal-ftehimiet dwar it-trasport fuq l-art u dwar it-trasport bl-ajru u l-ftehim dwar il-Moviment Liberu tal-Persuni, u dan juri li hemm potenzjal għal aktar żvilupp fil-kummerċ.

It-titjib tal-kuntest istituzzjonali għall-kummerċ bejn l-UE u l-Iżvizzera

It-titjib tal-kuntest istituzzjonali għar-relazzjonijiet kummerċjali bejn l-UE u l-Iżvizzera, li llum huma rregolati mill-FTA tal-1972 u minn diversi ftehimiet settorjali, huwa diskuss ukoll fil-kuntest usa’ tan-negozjati dwar Ftehim Qafas Istituzzjonali bejn l-UE u l-Iżvizzera.

5.2    In-Norveġja

Evoluzzjoni tal-kummerċ u utilizzazzjoni ta’ preferenza

In-Norveġja hija t-tielet l-akbar sieħeb kummerċjali tal-UE b’FTA u s-seba’ l-akbar fejn jidħlu l-prodotti b’mod ġenerali. Il-kummerċ fil-prodotti huwa dinamiku ħafna bejn in-Norveġja u l-UE. Bejn l-2016 u l-2017, l-importazzjonijiet min-Norveġja żdiedu bi 22%. L-esportazzjonijiet lejn in-Norveġja żdiedu wkoll, minkejja li b’pass aktar bil-mod (b’4,9%).

It-TRQs mogħtija min-Norveġja għal prodotti agrikoli ewlenin (ċanga, majjal, ġobon) ġew kompletament jew kważi kompletament utilizzati mill-esportaturi tal-UE mill-2012 ’l hawn. In-Norveġja użat biss erba’ TRQs mogħtija mill-UE.

L-2017 kienet l-ewwel sena mill-2013 li matulha reġgħet żdiedet il-PUR fuq l-importazzjonijiet lejn l-UE min-Norveġja (70%).

Ftehim ġdid dwar l-agrikoltura

Fl-2017, l-UE esportat prodotti agrikoli b’valur ta’ EUR 4.5 biljun lejn in-Norveġja u x-xejra qed tiżdied. Il-Ftehim dwar l-agrikoltura ffirmat f’Diċembru 2017, ladarba jiġi applikat b’mod provviżorju, se joffri opportunitajiet kummerċjali ġodda għall-esportaturi tal-UE u dawk Norveġiżi, b’36 linji tariffarji u TRQs għal kollox illiberalizzati, li għandhom jinfetħu miż-żewġ naħat.

5.3    Il-pajjiżi Mediterranji

L-għoti ta’ aċċess għas-suq tal-UE huwa strument ewlieni li jappoġġja l-Politika Ewropea tal-Viċinat fl-objettiv tagħha li tippromwovi l-prosperità fil-pajjiżi sħab. F’dan il-kuntest, l-FTAs mal-Alġerija, l-Eġittu, l-Iżrael, il-Ġordan, il-Libanu, il-Marokk, il-Palestina u t-Tuneżija jipprovdu għal-liberalizzazzjoni reċiproka tal-kummerċ kollu fil-prodotti industrijali u, fi gradi differenti, tal-kummerċ fi prodotti agrikoli, prodotti agrikoli pproċessati u prodotti tas-sajd. Dawn jinkludu elementi ta’ assimetrija favur il-biċċa l-kbira tal-pajjiżi tal-Mediterran biex jippromwovu l-iżvilupp ekonomiku fir-reġjun u l-integrazzjoni aktar mill-qrib tiegħu fis-suq intern tal-UE.

Evoluzzjoni tal-kummerċ u utilizzazzjoni tal-preferenza

Għall-biċċa l-kbira ta’ dawn il-pajjiżi, l-UE hija s-sieħeb kummerċjali ewlieni u s-sors ewlieni ta’ importazzjonijiet. L-UE hija wkoll id-destinazzjoni ewlenija għall-prodotti mill-akbar ħames ekonomiji fir-reġjun (l-Alġerija, l-Eġittu, l-Iżrael, il-Marokk u t-Tunezija). Filwaqt li l-kummerċ kiber fuq iż-żewġ naħat, l-esportazzjonijiet mill-UE lejn is-sħab tagħha, ħlief għat-Tuneżija u l-Iżrael, żdiedu b’rata akbar mill-importazzjonijiet minn mindu daħlu fis-seħħ il-ftehimiet, għalkemm meta wieħed iħares lejn il-perjodu 2016-2017, l-esportazzjonijiet tal-UE żdiedu b’rata aktar kajmana mill-importazzjonijiet fil-biċċa l-kbira tal-każijiet (ħlief għall-Ġordan, il-Palestina u t-Tuneżija). L-esportazzjonijiet lejn l-Alġerija u l-Eġittu naqsu matul l-istess perjodu, hekk kif għandhom quddiemhom ostakoli kummerċjali sinifikanti.

Il-pajjiżi li relattivament għamlu l-aktar progress fid-diversifikazzjoni, bħall-Marokk, it-Tuneżija u l-Iżrael għandhom defiċits kummerċjali mal-UE relattivament iżgħar u aktar stabbli. Fl-2017 l-Alġerija kienet pratikament irkuprat mid-defiċit kummerċjali li kellha mal-UE u probabbilment se jerġa’ jkollha bilanċ favorevoli mal-UE, kif kien il-każ fis-snin qabel l-2015. Dan jidher li huwa xprunat miż-żieda fil-prezzijiet taż-żejt iżda wkoll mir-restrizzjonijiet kummerċjali applikati mill-Alġerija li jaffettwaw l-esportazzjonijiet tal-UE.

Is-sħab Mediterranji tagħna għamlu użu tajjeb mill-preferenzi kummerċjali fl-2017, il-PUR medja fuq l-importazzjonijiet lejn l-UE mit-tmien pajjiżi hija ta’ 87%. Id-data dwar il-PUR fuq l-esportazzjonijiet tal-UE kienet disponibbli biss għall-Iżrael (86%), il-Libanu (58%) u l-Eġittu (44%) 28 . It-TRQs agrikoli konċessi mill-UE mhumiex utilizzati biżżejjed mill-maġġoranza tas-sħab, ħlief għall-Iżrael u għall-Marokk, parzjalment minħabba diffikultajiet fil-konformità mar-regoli tal-SPS tal-UE. Barra minn dan, l-utilizzazzjoni tal-kwoti mogħtija lill-UE lanqas ma hija kompletament sodisfaċenti f’dan l-istadju.

Rigward il-kummerċ fis-servizzi u l-FDI, l-UE hija jew l-akbar sieħeb jew waħda mill-akbar sħab fil-kummerċ tas-servizzi u fornitur ewlieni ta’ FDI fil-pajjiżi kollha kkonċernati.

Kumpanija Spanjola tiskopri suq għaċ-ċanga fil-Lvant Nofsani

L-azjendi tal-familja Spanjola, Cecinas Nieto, tispeċjalizza fi prodotti tal-laħam ta’ kwalità. Il-kumpanija, rebbieħa ta’ diversi premjiet, stabbilita fl-1965, tesporta l-prodotti tagħha lejn ħafna pajjiżi madwar id-dinja b’enfasi dan l-aħħar fuq il-Lvant Nofsani.

Il-ftehim kummerċjali bejn l-UE u l-Libanu jgħin lill-kumpaniji Ewropej bħal Cecinas Nieto biex jesportaw il-prodotti tagħhom hemm mingħajr restrizzjoni, u b’hekk jibbenefikaw wkoll mit-tneħħija ftit ftit tat-tariffi, li se jgħibu kompletament fl-2018. Dan jippermetti lill-esportaturi tal-laħam taċ-ċanga Ewropej biex iżommu l-pass ma’ kompetizzjoni iebsa minn pajjiżi bħal ma huma l-Indja u l-Brażil.

Il-Libanu mhuwiex l-uniku pajjiż fejn Cecinas Nieto kellha tkabbir. In-negozju internazzjonali tagħha ppermetta li Cecinas Nieto żżomm il-livelli tal-impjiegi u li tingħata spinta ’il quddiem lill-attività ekonomika fir-reġjun.

Imbuttatura għall-kaffeina fil-kummerċ dinji: Il-kafè mill-Awstrija jagħti l-enerġija lis-swieq fil-Mediterran u lil hinn minnu

Għal sekli sħaħ, Vjenna kienet magħrufa għall-ħwienet tal-kafè tagħha. Coffeeshop Company kienet fetħet l-ewwel stabbiliment tagħha hemmhekk fl-1999, fejn kienet tinkalja l-kafè, tiżviluppa magni tal-kafè u toħloq atmosfera awtentika taħt saqaf wieħed.

Meta ġiet biex tespandi fi swieq barra l-UE, l-għarfien tal-kulturi lokali tal-kafè u tat-tradizzjonijiet lokali kien ta’ importanza ewlenija għas-suċċess tal-kumpanija. Barra minn hekk, il-kumpanija bbenefikat minn ftehimiet kummerċjali tal-UE mal-Marokk fl-2000 u l-Eġittu fl-2004: L-istabbiliment ta’ franchises sar aktar faċli u irħas u l-prodotti roħsu. Illum, Coffeeshop Company għandha aktar minn 300 franchise li jimpjegaw 4 500 persuna, fosthom 36 fl-Eġittu b’54 oħra mistennija li jiftħu hemm. In-negozju twaqqaf mill-familja Schärf u għadu parti mill-Grupp Schärf, li kien stabbilit fis-snin 1950 u huwa impjegatur importanti f’Neusiedl am See fejn hu bbażat.

Hemm pjanijiet biex xi wħud minn dawn l-FTAs jiġu aġġornati għal DCFTAs li jkunu jikkorrispondu aħjar għall-iskambji ekonomiċi aktar kumplessi li jseħħu llum bejn l-UE u s-sħab tagħha fil-Mediterran. In-negozjati biex jiġu aġġornati l-FTAs għadhom għaddejjin mat-Tuneżija, u bdew mal-Marokk, u l-Kummissjoni rċeviet l-approvazzjoni biex tibda n-negozjati mal-Ġordan u mal-Eġittu, meta dawn il-pajjiżi ikunu lesti.

L-instabbiltà fir-reġjun għadha taffettwa l-ekonomija fil-pajjiżi sħab Mediterranji tagħna, u dan jagħmilha aktar diffiċli biex jiġu attirati investituri barranin . B’mod partikolari, l-ekonomiji tal-Ġordan u l-Libanu ġew affettwati b’mod negattiv mill-effetti tal-kriżi Sirjana. Il-miżuri ta’ faċilitazzjoni tal-kummerċ marbuta mal-laxkar tar-regoli ta’ oriġini bħala appoġġ għall-Ġordan biex jissaħħu l-investimenti, l-esportazzjonijiet u l-opportunitajiet ta’ xogħol, kemm għal refuġjati Ġordaniżi kif ukoll għal dawk Sirjani, ftit taw frott. L-UE qiegħda tesplora modi kif issaħħaħ il-kooperazzjoni ekonomika u l-assistenza relatata mal-kummerċ bil-għan li tiżgura li l-pajjiżi Mediterranji jibbenefikaw aktar mil-liberalizzazzjoni tal-kummerċ mal-UE.

5.4    Il-Messiku

Evoluzzjoni tal-kummerċ u utilizzazzjoni tal-preferenza

Fl-2017, il-kummerċ bilaterali fil-prodotti żdied bi 15% meta mqabbel mal-2016, b’total ta’ EUR 61.7 biljun. Is-surplus kummerċjali tal-UE mal-Messiku żdied ukoll, għalkemm l-importazzjonijiet tal-UE kibru b’rata aktar mgħaġġla mill-esportazzjonijiet tal-UE.

Il-PUR għall-esportazzjonijiet lejn l-UE mill-Messiku kienet ta’ 71%, żieda tajba minn 58% fl-2016. Il-PUR fuq l-esportazzjonijiet mill-UE lejn il-Messiku 29 , b’kuntrast, naqset minn 85% għal 75% 30 .

Il-kummerċ fis-servizzi kiber b’mod aktar modest b’2.1%, mingħajr ebda bidla fil-bilanċ pożittiv tal-UE meta mqabbel mal-2015. B’27% (EUR 6.5 biljun) mit-total tal-FDI, l-UE kienet it-tieni l-akbar investitur wara l-Istati Uniti.

Chorizo Spanjol lejn il-Messiku

Il-kumpanija tal-familja Spanjola Tello bdiet aktar minn 50 sena ilu f’Toledo, fi Spanja ċentrali, meta Eusebio Tello ddeċieda li jiftaħ negozju żgħir biex ibigħ majjal imkabbar lokalment, prieżet imsajrin jew ippreservati, patè u prodotti oħrajn tal-majjal. Illum il-Grupp Tello jesporta lejn aktar minn 40 pajjiż.

Il-ftehim immodernizzat ta’ kummerċ bejn l-UE u l-Messiku se jgħin lill-kumpaniji bħal Tello biex jespandu u jaċċessaw is-suq Messikan ta’ 125 miljun konsumatur, billi jiġu eliminati d-dazji, li bħalissa huma ta’ 20%, fuq l-importazzjonijiet tal-majjal Ewropew. Bis-saħħa tal-ftehim, se jsir aktar faċli li jkun hemm importazzjonijiet ta’ majjal minn biċċeriji f’kull pajjiż tal-UE. Pereżempju, ladarba l-Messiku jkun approva l-esportazzjonijiet minn pajjiż tal-UE bħal ma hu Spanja, dan awtomatikament ikun approva s-siti l-oħra kollha simili f’dak il-pajjiż.

Progress, kwistjonijiet pendenti u prospetti

Wara diskussjonijiet fil-qafas tal-FTA, ġew solvuti xi diffikultajiet li jħabbtu wiċċhom magħhom l-esportaturi tal-UE fir-reġistrazzjoni u l-approvazzjoni ta’ prodotti tas-saħħa u prodotti agrokimiċi fil-Messiku. Il-Messiku neħħa wkoll ir-restrizzjonijiet tal-FDI billi warrab il-limiti massimi tal-ekwità f’diversi setturi. Il-ftehim immodernizzat bejn l-UE u l-Messiku se jgħin biex titjieb b’mod sinifikanti s-sitwazzjoni rigward il-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, ir-restrizzjonijiet tal-SPS u l-akkwist pubbliku mill-gvern. Se tinkludi wkoll kapitolu dwar it-TSD.

5.5    Iċ-Ċilì

Evoluzzjoni tal-kummerċ u utilizzazzjoni tal-preferenza

Għalkemm l-FTA kien ta’ għajnuna biex jittaffa dan l-effett, is-sehem tal-UE fis-suq fiċ-Ċilì naqas filwaqt li dak ta’ sħab kummerċjali oħra, bħaċ-Ċina u l-Istati Uniti żdied, u bħalissa hija t-tielet sieħeb kummerċjali taċ-Ċilì. Fl-2017 il-kummerċ bilaterali ta’ prodotti bejn l-UE u ċ-Ċilì żdied bi kważi 7% meta mqabbel mal-2016, bl-importazzjonijiet tal-UE li żdiedu b’mod komparattivament aktar b’saħħtu, parzjalment minħabba l-irkupru tal-prezzijiet tar-ram.

L-esportazzjonijiet tal-UE jaqbżu bil-kbir it-TRQs mogħtija miċ-Ċilì fuq il-ġobon, għalkemm il-kwota tiżdied b’75 tunnellata kull sena. Iċ-Ċilì juża biss parzjalment il-kwoti tiegħu.

Il-PUR fuq l-importazzjonijiet lejn l-UE miċ-Ċilì kienet stabbli fil-livell ta’ madwar 95-96% matul l-aħħar tliet snin. Il-PUR fuq l-esportazzjonijiet mill-UE lejn iċ-Ċilì żdiedet minn 74% fl-2016 għal 76% fl-2017. L-esportazzjonijiet ta’ servizzi mill-UE lejn iċ-Ċilì żdiedu b’25% bejn l-2010 u l-2016 filwaqt li l-importazzjonijiet tal-UE żdiedu bi 18%. L-UE għadha l-fornitur prinċipali tal-FDI taċ-Ċilì. It-tnaqqis kontinwu fil-flussi tal-IDB tal-UE huwa kkawżat mit-tnaqqis fl-importanza relattiva tal-industrija tal-minjieri fl-ekonomija Ċilena, fejn kienet tirrappreżenta aktar minn 45% tat-total tal-FDI fil-pajjiż.

L-istil Taljan jagħmel preżenza fiċ-Ċilì bl-użu ta’ ftehimiet kummerċjali tal-UE

Moving hija kumpanijia mir-reġjun tal-Veneto li timmanifattura s-siġġijiet, stabbilita fl-1980. Il-kumpanija timpjega 45 ruħ u tiġġenera bejn 85 u 90% tal-fatturat tagħha mill-esportazzjonijiet, ċifra impressjonanti. Il-ftehim kummerċjali tal-UE maċ-Ċilì, li daħal fis-seħħ fl-2003, elimina d-dazji doganali kollha fuq l-għamara, li wassal għal żieda fid-domanda għall-prodotti ta’ Moving. L-esportazzjonijiet ta’ siġġijiet Taljani lejn iċ-Ċilì żdiedu b’aktar mid-doppju mindu daħal fis-seħħ il-ftehim kummerċjali ta’ bejn l-UE u ċ-Ċilì fl-2003, b’żidiet ta’ 103% f’termini ta’ valur u ta’ 121.4% f’termini ta’ kwantità. Dan ikkontribwixxa b’mod sostanzjali għat-tkabbir kumplessiv tal-fatturat tal-kumpanija. Il-ftehim kummerċjali tal-UE maċ-Ċilì ippermetta lil Moving tikkupensa għal tnaqqis fid-domanda minn swieq internazzjonali oħra u li żżomm forza lavorattiva stabbli. Barra minn hekk, Moving setgħet tinvesti EUR 300 000 f’makkinarju ġdid u li tidderieġi fondi lejn riċerka għall-iżvilupp ta’ prodotti speċifikament għas-suq Ċilen.

Progress, kwistjonijiet pendenti u prospetti

F’Marzu 2017 iċ-Ċili fetaħ is-suq tiegħu għaċ-ċanga mill-UE. Bħalissa qiegħed jivvaluta l-aġġornamenti meħtieġa għall-ftehimiet tal-2002 dwar l-Inbid u l-Ispirti. Se jkun meħtieġ li ċ-Ċilì jieħu aktar passi biex jimplimenta b’mod sħiħ l-obbligi tiegħu dwar l-akkwist pubbliku mill-gvern. Bħal fil-każ għall-Messiku, l-UE u ċ-Ċilì ddeċidew li jtejbu u jissostitwixxu l-ftehim kummerċjali eżistenti b’qafas ġdid u ambizzjuż għall-kummerċ bilaterali u l-investiment.

5.6    L-Unjoni Doganali mat-Turkija,

Evoluzzjoni tal-kummerċ u l-utilizzazzjoni tal-preferenza

It-Turkija hija t-tieni l-akbar sieħeb kummerċjali b’FTA tal-UE, u l-ħames l-akbar b’mod ġenerali. Fl-2017, kemm l-esportazzjonijiet tal-UE lejn it-Turkija kif ukoll l-importazzjonijiet mit-Turkija żdiedu bi 8,4% u 4,5%, rispettivament, meta mqabbla mal-2016. Matul l-istess perjodu, id-defiċit kummerċjali tal-UE fl-agrikoltura naqas b’mod sinifikanti minn EUR 1,4 biljun fl-2016 għal EUR 0,8 biljun fl-2017. L-użu tal-preferenzi baqa’ għoli fuq iż-żewġ naħat: Il-PUR fuq l-importazzjonijiet lejn l-UE mit-Turkija baqgħet stabbli fil-livell ta’ madwar 92%, filwaqt li l-PUR fuq l-esportazzjonijiet mill-UE lejn it-Turkija naqset bi ftit minn 95% għal 94%.

Il-modernizzazzjoni tal-Unjoni Doganali

Fl-2016 il-Kummissjoni adottat proposta ta’ modernizzazzjoni tal-Unjoni Doganali biex ittejjeb il-funzjonament tagħha u biex jiġi estiż l-ambitu biex tkun tirrifletti l-ftehimiet kummerċjali aktar reċenti tagħha. Il-proposta għad trid tingħata l-awtorizzazzjoni mill-Kunsill. Madankollu, il-Kunsill Affarijiet Ġenerali fl-26 ta’ Ġunju 2018 ikkonkluda li ma hija prevista l-ebda ħidma ulterjuri lejn il-modernizzazzjoni tal-Unjoni Doganali bejn l-UE u t-Turkija.

5.7    Ftehimiet ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni mal-Balkani tal-Punent

Ħarsa ġenerali - il-qagħda attwali

Ftehimiet ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni” (SAAs) konklużi bejn l-2001 u l-2016 mas-sħab tagħna tal-Balkani tal-Punent, li jinkludu l-Albanija, dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, il-Montenegro, is-Serbja, il-Bosnja-Ħerzegovina u l-Kosovo, huma ta’ appoġġ għall-iżvilupp ekonomiku u l-istabilizzazzjoni politika tar-reġjun. L-SAAs huma l-istrument legali għall-allinjament tal-liġijiet ta’ dawn il-pajjiżi mal-acquis tal-UE biex iħejju għall-integrazzjoni progressiva tagħhom fis-suq tal-UE. Minbarra l-Kosovo (fejn l-SAA daħal fis-seħħ b’mod dirett, li jkopri wkoll il-parti kummerċjali) id-dħul fis-seħħ tal-SAAs kien preċedut mid-dħul fis-seħħ ta’ Ftehimiet Interim li jkopru kwistjonijiet kummerċjali. Dawn il-Ftehimiet interim stabbilew żoni ta’ kummerċ ħieles individwali bejn l-UE u kull wieħed mis-sħab tal-Balkani tal-Punent li jeliminaw id-dazji u r-restrizzjonijiet kwantitattivi fuq il-kummerċ bilaterali tal-prodotti, bi ftit eċċezzjonijiet li jikkonċernaw l-aktar prodotti agrikoli u tas-sajd. L-SAAs jinkludu wkoll dispożizzjonijiet addizzjonali rilevanti għall-kompetizzjoni, il-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u l-kooperazzjoni doganali, l-impenji dwar is-servizzi u l-istabbiliment, u l-approssimazzjoni mal-acquis tal-UE fejn jidħlu l-akkwist pubbliku u l-istandardizzazzjoni.

31Is-sħab kollha tal-Balkani tal-Punent huma jew kandidati jew kandidati potenzjali biex isiru Membri tal-UE. Is-Serbja u l-Montenegro bħalissa qegħdin jinnegozjaw l-adeżjonijiet tagħhom.

L-UE tappoġġa l-isforzi tas-sħab tal-Balkani tal-Punent, mill-2017, biex tiġi żviluppata Żona Ekonomika Reġjonali, li tibni fuq iż-żona ta’ kummerċ ħieles stabbilita mill- Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles tal-Ewropa Ċentrali fl-2006. Iż-żona Ekonomika Reġjonali tal-Balkani tal-Punent għandha l-għan li tiżviluppa żona fejn l-oġġetti, is-servizzi, l-investimenti u l-ħaddiema tas-sengħa jkunu jistgħu jiċċaqalqu mingħajr xkiel.

Evoluzzjoni tal-kummerċ u utilizzazzjoni tal-preferenza

Il-kummerċ mar-reġjun tal-Balkani tal-Punent iktar minn irdoppja sa mill-2007 u l-espansjoni tal-kummerċ kienet b’mod ġenerali ta’ benefiċċju għall-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent: f’10 snin, ir-reġjun żied l-esportazzjonijiet tiegħu lejn l-UE b’142% kontra żieda iktar modesta ta’ esportazzjonijiet tal-UE lejn ir-reġjun ta’ 84%. Fl-2017, il-PURs tal-importazzjonijiet lejn l-UE mill-pajjiżi kollha tal-Balkani tal-Punent baqgħu għoljin, b’medja ta’ 91%. Fejn kienet disponibbli data, il-PURs fuq l-esportazzjonijiet tal-UE kienu ukoll relattivament għolja (78% għall-Albanija; 89% għall-eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja; 86% għall-Montenegro u 91% għas-Serbja).

L-isfidi ewlenin fl-implimentazzjoni

Sfidi komuni għas-sħab kollha tal-Balkani tal-Punent jinkludu nuqqas ta’ trasparenza, speċjalment fil-proċess tal-akkwist pubbliku, settur informali kbir u nuqqas ta’ infurzar sistematiku, effiċjenti u trasparenti tal-liġi, inkluż fl-ispezzjonijiet u fis-soluzzjoni tat-tilwim kummerċjali. It-titjib tal-klima tan-negozju għalhekk se tkun kruċjali għall-kumpaniji biex ikunu jistgħu jagħmlu użu sħiħ mill-opportunitajiet taħt l-SAAs.

6.Ftehimiet ta' Sħubija Ekonomika (EPAs) mal-pajjiżi Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (AKP)

Fl-2017, total ta’ seba’ Ftehimiet ta’ Sħubija Ekonomika kienu qegħdin jiġu implimentati ma’ 29 pajjiż tal-AKP. Dawn jinkludu 14-il pajjiż tal-Karibew, 13-il pajjiż Afrikan u żewġ pajjiżi tal-Paċifiku.

Skont l-EPAs, l-UE tagħti aċċess bla dazju u mingħajr kwota għall-prodotti kollha mill-ewwel jum, li jiffavorixxi l-AKP, filwaqt li dawn tal-aħħar jimpenjaw ruħhom biex jilliberalizzaw madwar 80% tal-kummerċ fuq perjodu ta’ bejn 15 u 20 sena. Ir-regoli tal-oriġini u s-salvagwardji speċjali huma mfassla biex jappoġġjaw l-iżvilupp ekonomiku, id-diversifikazzjoni tal-esportazzjoni u l-integrazzjoni reġjonali fil-pajjiżi sħab. L-esportazzjonijiet tas-sħab f’EPA għadhom mhumiex diversifikati biżżejjed, b’varjazzjonijiet fil-prezzijiet tal-prodotti bażiċi b’impatt qawwi fuq il-flussi tal-kummerċ minn sena għall-oħra.

L-appoġġ tal-UE għall-implimentazzjoni tal-EPAs għandu l-għan li jappoġġa l-iżvilupp tas-settur privat u l-ħolqien tal-impjiegi, li jiżdied il-kummerċ u li jiġi attirat l-investiment, inkluż f’setturi speċifiċi, bħall-agrikoltura. L-assistenza għall-iżvilupp relatata mal-kummerċ hija pprovduta fir-rigward tal-EPAs kollha u l-fondi huma assenjati fil-qafas tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ). Dan l-appoġġ huwa kkumplimentat mill-Istati Membri tal-UE, li jipprovdu wkoll finanzjament, b’mod partikolari taħt l-istrateġija Għajnuna għall-Kummerċ (AfT) 32 , kif ukoll bi programmi intra-AKP. Fil-futur, amalgamazzjoni intelliġenti ta’ Għajnuna għall-Kummerċ, appoġġ għall-implimentazzjoni tal-EPA u l-Pjan ta’ Investiment Estern Ewropew 33 se jippermettu lis-sħab biex ikomplu jaħtfu l-opportunitajiet li joffru l-FSE.



Il-bini ta’ kapaċità għall-kummerċ – eżempji ta’ appoġġ għall-implimentazzjoni mill-UE skont l-EPAs

L-appoġġ għall-implimentazzjoni tal-EPAs għandu l-għan li jrawwem il-kapaċità tal-politika tal-kummerċ, itejjeb il-klima tan-negozju u jsaħħaħ il-kapaċità min-naħa tal-provvista tas-settur privat fil-pajjiżi sħab. Pereżempju, fir-reġjun tal-EĠA tal-ESA, il-Mauritius qiegħed jimplimenta proġett biex itejjeb il-qafas regolatorju dwar kemm huwa faċli li wieħed jagħmel negozju u investiment, b’appoġġ mill-UE. Ġiet żviluppata pjattaforma għall-ħruġ ta’ liċenzji b’mod elettroniku bħala punt ta’ dħul uniku għal liċenzji u permessi tan-negozju, b’mod li l-proċedura ta’ applikazzjoni tqassret u ġiet issimplifikata. Fir-reġjun SADC EPA, l-amministrazzjonijiet nazzjonali rċevew appoġġ fil-qasam tad-dwana, il-ġestjoni tal-SPS u l-faċilitazzjoni tal-kummerċ, u dan rawwem kemm il-kummerċ reġjonali kif ukoll l-esportazzjonijiet lejn l-UE.

F’Lulju 2017, l-UE għamlet kontribuzzjoni addizzjonali ta’ EUR 5 miljun għall-Programm Kummerċjali Hub and Spokes (il-fus u l-imgħażel). Taħt il-programm, il-konsulent tal-kummerċ – “il-magħżel” – isaħħaħ u jtejjeb il-kapaċitajiet tal-ministeri tal-gvern, filwaqt li l-konsulent reġjonali tal-kummerċ – “il-fus” – jipprovdi assistenza lil organizzazzjonijiet reġjonali ewlenin. L-objettiv huwa li tittejjeb il-kapaċità tal-partijiet interessati ewlenin fis-settur pubbliku u privat fil-pajjiżi tal-AKP li jikkontribwixxu għall-formulazzjoni, in-negozjar u l-implimentazzjoni ta’ politiki u ftehimiet dwar il-kummerċ, bħall-EPAs.

Parti sinifikanti tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp (taħt il-firxa tal-istrumenti kollha ta’ għajnuna esterna tal-UE disponibbli, inkluż l-amalgamazzjoni) tipprovdi appoġġ għall-oqsma ta’ politika relatati mal-EPA fil-pajjiżi u r-reġjuni sħab rispettivi, inklużi l-iżvilupp tal-SMEs, l-industrijalizzazzjoni, l-edukazzjoni vokazzjonali, l-iżvilupp agrikolu u l-konnettività (infrastruttura tat-trasport u tal-enerġija).

6.4.L-EPA mal-Komunità ta’ Żvilupp tal-Afrika tan-Nofsinhar (SADC)

Matul l-ewwel sena sħiħa ta’ implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika, l-Afrika ta’ Isfel u l-UE għamlu użu wiesa’ minn linji tariffarji liberalizzati reċentement. Fil-każ tal-Botswana, il-Lesoto, in-Namibja u s-Sważiland, l-esportazzjonijiet lejn l-UE ta’ konċentrati ta’ xorb mhux alkoħoliku, kif ukoll ta’ frott u ġewż tropikali żdied. Xi sħab Afrikani b’EPA – b’mod partikolari l-Możambik, is-Sważiland u ż-Żimbabwe (li timplimenta l-FSE tal-ESA) — raw l-esportazzjonijiet taz-zokkor tagħhom lejn l-UE, minħabba żieda fil-kompetizzjoni globali minn produtturi oħra, kif ukoll minħabba t-tmiem tas-sistema tal-kwoti taz-zokkor tal-UE. L-ewwel Forum tas-Soċjetà Ċivili kien organizzat fl-Afrika ta’ Isfel f’Ottubru 2017. Il-Forum iddiskuta r-rwol tal-EPAs fl-iżvilupp sostenibbli, inklużi l-aspetti ambjentali u tax-xogħol tiegħu.

Fl-2017, l-UE kompliet tqajjem kwistjoni ta’ ostakoli għall-kummerċ fis-setturi tat-tjur u tat-tessuti mal-Istati b’EPA tal-SADC, speċjalment l-Afrika ta’ Isfel.

6.5.L-EPA interim mal-Istati tal-Afrika tal-Lvant u ta’ Isfel (ESA)

L-esportazzjonijiet lejn l-UE tal-erba’ pajjiżi sħab fl-EPA interim tal-ESA żdiedu mill-ġdid bi 15,3% fl-2017. Is-sħab fl-EPA pproponew li l-ftehim jiġi approfondit biex isir EPA sħiħ, li jkun ikopri materji lil hinn mill-kummerċ tal-oġġetti.



Wejfers ta’ fjuri li jistgħu jittieklu minn Mauritius jaslu sa fuq l-imwejjed fl-UE

Fl-2017, kważi nofs l-esportazzjonijiet ta’ Mauritius sabu triqthom lejn is-suq tal-UE. Waħda mill-kumpaniji li tibbenefika mill-EPA hija Creasim Ltd, kumpanija minn Mauritius li tipproduċi tiżjin għall-kejkijiet li jista’ jittiekel, forma ta’ fjuri, frott u weraq magħmula mill-wejfers, prodotti tal-għaġina u prodotti tal-furnara. Aktar minn 180 tunnellata fis-sena ta’ tiżjin tal-kejkijiet jiġu esportati lejn is-swieq tal-UE, li jirrappreżentaw 60% tal-fatturat tagħhom. Creasim għandha 230 ħaddiem, li 30% minnhom kienu impjegati minn mindu daħal fis-seħħ l-EPA. Il-wejfer qiegħed isir dejjem aktar popolari fl-UE minħabba l-kontenut baxx tagħha ta’ spejjeż, u ta’ kaloriji. Il-mudelli u l-mudelli reġistrati huma produzzjonijiet magħmula bl-idejn u huma soġġetti għal kontroll strett tal-kwalità li jkun konformi mal-istandards tal-UE.

6.6.L-EPA mal-Forum tal-Grupp tal-Karibew ta’ Stati AKP (CARIFORUM)

L-esportazzjonijiet tal-Karibew lejn l-UE żdiedu bi 12% fl-2017 minkejja t-tnaqqis fl-esportazzjonijiet tal-banana, tal-kawkaw u tar-ross minħabba ċikluni. Il-pajjiżi tal-Karibew għad iridu jaraw il-benefiċċji ewlenin jakkumulaw mill-kummerċ tal-liberalizzazzjoni tas-servizzi. Hemm diversi fatturi li għandhom rwol hawnhekk, inkluż nuqqas ta’ implimentazzjoni fil-każ ta’ xi msieħba, nuqqas ta’ kapaċità ta’ provvista, iżda wkoll reġimi tal-viża tal-Istati Membri tal-UE u nuqqas ta’ data dwar is-Servizzi. Biex jindirizzaw dawn il-kwistjonijiet, is-sħab f’EPA qablu li jistabbilixxu Kumitat iddedikat għall-Kummerċ fis-Servizzi. Ir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili (il-Kumitat Konsultattiv tal-EPA) iltaqgħu għat-tielet darba fl-2017. Fir-rakkomandazzjonijiet tagħha, is-soċjetà ċivili sejħet għal adozzjoni f’waqtha ta’ mekkaniżmu ta’ monitoraġġ u enfasizzat il-ħtieġa li jiġu osservati l-aspetti soċjali u l-istandards ewlenin tax-xogħol fl-implimentazzjoni tal-EPA.

6.7.L-EPA tal-Paċifiku u l-EPAs mal-Ghana, il-Kosta tal-Avorju u l-Kamerun:

Fil-Paċifiku, il-Papua New Guinea għadha qiegħda tmexxi ’il quddiem l-esportazzjonijiet tagħha ta’ prodotti tal-ħut ippreparati u ppreservati (l-aktar tonn fil-landa). L-esportazzjonijiet żdiedu bi 48,7% fl-2017. L-Afrika tal-Punent u dik ċentrali, il-Kosta tal-Avorju u l-Kamerun komplew iżidu l-esportazzjonijiet tal-prodotti pproċessati tal-kawkaw skont l-EPAs rispettivi tagħhom.



Aktar banana mill-Kosta tal-Avorju

L-importazzjonijiet lejn l-UE ta’ banana mill-Kosta tal-Avorju żdiedu bi 80% matul l-aħħar għaxar snin (2007-2017), minkejja li l-importazzjoni kumplessiva tal-banana lejn l-UE żdiedet biss b’50%. L-esportazzjonijiet bħala kwantità żdiedu għal 316 000 tunnellata fl-2017 (li jammonta għal EUR 235 miljun bħala valur fl-2017). Ix-xejra ‘l fuq kienet megħjuna mill-aċċess bla dazju u bla limitazzjonijiet ta’ kwota, għat-tul lejn is-suq Ewropew permezz tal-EPA. Il-produzzjoni tal-banana għall-esportazzjoni tammonta għal madwar 10% tal-PDG agrikolu fil-Kosta tal-Avorju. Il-produzzjoni tal-banana tirrekjedi x-xogħol ta’ ħafna ħaddiema, bi proporzjon ta’ impjiegi ogħla minn setturi agrikoli oħra fil-pajjiż. Is-settur jimpjega madwar 10 000 ħaddiem direttament u 3 300 ħaddiem ieħor huma involuti f’attivitajiet ta’ appoġġ. Meta wieħed iqis il-membri tal-familja, 60 000 persuna jiddependu fuq is-settur tal-banana għall-għajxien tagħhom.



Il-kawkaw ipproċessat mill-Ghana jżid il-valur lokalment

Storja ewlenija ta’ suċċess għall-Ghana kienet il-kapaċità tagħha li żżid l-esportazzjonijiet ta’ prodotti pproċessati tal-kawkaw lejn l-UE bis-saħħa ta’ aċċess għas-suq mingħajr dazju u mingħajr kwoti skont l-EPA. Matul dawn l-aħħar 10 sena, il-Ghana żiedet l-esportazzjonijiet tagħha tal-butir tal-kawkaw, tal-pejst tal-kawkaw u tat-trab tal-kawkaw fl-UE b’237%. B’paragun, l-esportazzjonijiet lejn l-UE tal-kawkaw ipproċessat tan-Niġerja, li baqgħet taħt ir-reġim kummerċjali tal-GSP (is-sistema ġeneralizzata ta' preferenzi), staġnaw.

Bil-bidla lil hinn mill-esportazzjoni tal-fażola tal-kawkaw lejn prodotti tal-kakaw pproċessati lokalment, il-Ghana issir aktar reżiljenti kontra varjazzjonijiet fil-prezzijiet tas-suq dinji tal-materja prima. Il-prezzijiet baxxi għall-fażola tal-kawkaw fl-2017 wasslu għal tnaqqis ta’ EUR 400 miljun fl-esportazzjonijiet tal-fażola tal-kawkaw mill-Ghana lejn l-UE. B’kuntrast ma’ dan, issuktat ix-xejra ’il fuq fl-esportazzjonijiet tal-kawkaw ipproċessat.



7.Il-Kummerċ u l-Iżvilupp sostenibbli (TSD): aġġornament dwar attivitajiet riċenti

L-FTAs u d-DCFTAs kollha tal-“ġenerazzjoni l-ġdida” li l-UE kkonkludiet sa mill-2010 jinkludu kapitolu dwar it-TSD b’impenji legalment vinkolanti, li l-infurzar tagħhom huwa kkontrollat minn kumitat tat-TSD li jiltaqa’ darba fis-sena.

Fl-2017 kien hemm dibattitu politiku profond li jinvolvi l-istituzzjonijiet tal-UE, l-Istati Membri tal-UE u s-soċjetà ċivili dwar kif l-implimentazzjoni tal-kapitoli dwar it-TSD issir aktar effettiva u jitjieb l-infurzar tagħhom, filwaqt li jiġu affermati mill-ġdid l-impenji internazzjonali ewlenin, inkluż il-Ftehim ta’ Pariġi dwar it-tibdil fil-klima. B’dan il-ħsieb fil-26 ta’ Frar 2018, is-servizzi tal-Kummissjoni ppubblikaw dokument informali li jippreżenta strateġija mġedda mibnija fuq Pjan ta’ Azzjoni bi 15-il punt konkret ta’ azzjoni. Dawn huma miġbura taħt erba’ intestaturi wesgħin, li jirriflettu l-kunsens li ħareġ mid-dibattitu dwar l-oqsma fejn hemm bżonn ta’ titjib:

(1)    ħidma flimkien (ma’ Stati Membri tal-UE, mal-Parlament Ewropew u ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali);

(2)    li s-soċjetà ċivili, inklużi s-sħab soċjali, jingħataw l-abbiltà li jwettqu r-rwol tagħhom fl-implimentazzjoni;

(3)    it-twettiq (inkluż permezz tal-iffissar ta’ prijoritajiet speċifiċi għall-isħab, infurzar aktar assertiv u t-tisħiħ tal-kopertura tematika fir-rigward ta’ dispożizzjonijiet dwar il-ħaddiema u t-tibdil fil-klima kif ukoll b’żieda fir-riżorsi disponibbli taħt l-istrateġija ta’ Għajnuna għall-Kummerċ (AfT) - u lil hinn minnha); kif ukoll

(4)    komunikazzjoni u trasparenza mtejba.

L-enfasi issa hija fuq l-implimentazzjoni sħiħa tal-Pjan ta’ Azzjoni ta’ 15-il punt, fil-kunsiderazzjoni li huwa previst rieżami wara ħames snin.

Fl-implimentazzjoni tal-kapitoli tat-TSD, il-Kummissjoni tiżgura koordinazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri tal-UE permezz ta’ Grupp ta’ Esperti ddedikat dwar it-TSD u li jiltaqa’ erba’ darbiet fis-sena. Id-DAGs tas-soċjetà ċivili ġew stabbiliti skont il-ftehimiet kummerċjali u jiltaqgħu regolarment, bl-appoġġ tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew.

L-UE tibqa’ tagħti spinta lis-sħab tagħha biex jistabbilixxu mekkaniżmi għal djalogi trasparenti u bbilanċjati dwar kwistjonijiet relatati mat-TSD u qiegħda żżid ir-riżorsi finanzjarji biex tippromwovi l-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati. L-istabbiliment ta’ DAG fil-Kolombja jista’ jiġi enfasizzat bħala żvilupp importanti f’dan ir-rigward.

Il-progress fl-implimentazzjoni tal-impenji sostantivi ta’ TSD qiegħed isir b’veloċitajiet differenti li jirrifletti n-natura tal-isfidi ffaċċjati minn kull sieħeb. Madankollu, l-impenn aktar b’saħħtu tal-UE beda jħalli l-frott. Pereżempju, kien hemm sinjali inkoraġġanti mill-Korea ta’ Isfel hekk kif l-awtoritajiet ikkomunikaw lill-UE skeda għad-diskussjonijiet tripartitiċi dwar l-analiżi tal-kodiċi tax-xogħol u ta’ liġijiet oħra, sabiex titwitta t-triq għar-ratifika mill-Korea ta’ Isfel ta’ erba’ Konvenzjonijiet fundamentali tal-ILO li għadhom pendenti (ara: Ġabra fil-qosor tad-diskussjonijiet fis-6t Kumitat tat-TSD ). Is-servizzi tal-Kummissjoni qegħdin josservaw mill-qrib dan il-proċess u se jieħdu azzjonijiet ulterjuri skont il-bżonn. Fl-Amerika Ċentrali, l-UE impenjat ruħha mal-gvernijiet nazzjonali u mad-DAGs sabiex tmexxi ‘l quddiem impenji ta’ TSD f’ċirkostanzi ta’ sfida, f’kollaborazzjoni mal-ILO u entitajiet internazzjonali oħra. Mal-Perù, l-UE qed iżżid l-isforzi tagħha biex tiżgura li l-ħidma ta’ implimentazzjoni tiġi aċċellerata. Is-sottomissjoni li grupp ta’ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili ppreżenta lill-Kummissjoni kompla jesponi l-ħtieġa li l-awtoritajiet tal-Perù jinvolvu formalment is-soċjetà ċivili domestika tagħha dwar kwistjonijiet ta’ TSD.

L-attivitajiet rilevanti tat-TSD mhumiex esklussivi għall-FTAs u DCFTAs tal-“ġenerazzjoni l-ġdida” iżda huwa wkoll relatati ma’ tipi oħra ta’ ftehimiet kummerċjali, bħall-EPAs (ara pereżempju l-laqgħa tal-ewwel Forum tas-Soċjetà Ċivili skont l-SADC, deskritt fit-taqsima 6.1).

Għadd ta’ programmi u proġetti ffinanzjati mill-UE jikkontribwixxu wkoll għall-implimentazzjoni tal-objettivi ta’ TSD fil-pajjiżi koperti minn ftehimiet kummerċjali tal-UE u lil hinn 34 .

Barra minn hekk, il-Pjan ta’ Investiment Estern għall-Ewropa u r-Regolament tal-UE 2017/1601 tat-26 ta’ Settembru 2017 35 għandhom l-għan li jappoġġaw azzjonijiet li se jikkontribwixxu għall-objettivi tad-DSĠ.



8.Attenzjoni fuq: il-kummerċ agroalimentari skont l-FTAs

Kif l-FTAs tal-UE jikkontribwixxu għall-kummerċ agroalimentari: is-sitwazzjoni fl-2017

Il-kummerċ agroalimentari skont l-FTAs tal-UE qiegħed jikber u jikkontribwixxi b’mod konsiderevoli lejn is-suċċess tal-esportazzjonijiet agroalimentari tal-UE. Fl-2017, il-kummerċ agroalimentari tal-UE ma’ pajjiżi sħab f’FTAa kien jissarraf f’terz tal-esportazzjonijiet agroalimentari totali tal-UE u aktar minn 40% tal-importazzjonijiet. Il-kummerċ skont l-FTAs tal-“ewwel ġenerazzjoni” tal-UE (b’mod partikolari mal-Iżvizzera, man-Norveġja u mal-Alġerija) kien ta’ kontribut sostanzjali għall-bilanċ favorevoli tal-UE ta’ EUR 20 biljun fil-kummerċ totali agroalimentari fl-2017. Skont l-FTA tal-”ġenerazzjoni l-ġdida” mal-Korea ta’ Isfel, il-ħames l-akbar destinazzjoni ta’ esportazzjoni fil-kummerċ agroalimentari skont l-FTAs, l-esportazzjonijiet tal-UE fis-settur żdiedu b’113% matul l-aħħar tmien (8) snin. Bejn l-2016 u l-2017, l-esportazzjonijiet tal-UE lejn il-Korea ta’ Isfel żdiedu b’10%, minn EUR 2.6 biljun għal EUR 2,9 biljun. Il-Ftehim mal-Kanada, is-CETA huwa mistenni li jġib benefiċċji kbar hekk kif l-implimentazzjoni tiegħu timxi ‘l quddiem. Is-CETA jimmira lejn l-eliminazzjoni gradwali tad-dazji fuq 91% tal-linji tariffarji agrikoli kollha.

L-esportazzjonijiet tal-UE skont l-FTAs huma maqsumin b’mod ekwu bejn prodotti agrikoli primarji u ikel u xorb ipproċessat. Fl-2017, id-destinazzjonijiet ewlenin tal-esportazzjoni kienu l-Iżvizzera, in-Norveġja, it-Turkija, il-Kanada, il-Korea ta’ Isfel u l-Alġerija, li jammontaw għal 55% tal-esportazzjonijiet agroalimentari lejn il-pajjiżi b’FTA u 19% tal-esportazzjonijiet agroalimentari totali tal-UE. L-Ukraina issa hija l-ewwel sors ta’ importazzjonijiet agrikoli taħt l-FTAs (prinċipalment fejn jidħlu ċ-ċereali, iż-żjut veġetali u ż-żrieragħ taż-żejt). Fl-2017, l-importazzjonijiet minn dan il-pajjiż żdiedu b’terz. L-Ukrajna, l-Iżvizzera, it-Turkija, il-Kosta tal-Avorju, l-Afrika ta’ Isfel, il-Kolombja u ċ-Ċilì kienu responsabbli għal 51% tal-importazzjonijiet agroalimentari kollha u ta’ 22% tal-importazzjonijiet agroalimentari kollha tal-UE fl-2017. Il-biċċa l-kbira tal-importazzjonijiet tal-UE huma prodotti agrikoli bħal ma huma l-frott tropikali, il-kawkaw, il-ħaxix u l-kafè (72%), l-ikel u x-xorb ipproċessati jammontaw għal 22%.

L-FTAs jiftħu swieq għal prodotti agrikoli, għall-ikel u x-xorb, u b’hekk iżidu l-valur u joħolqu l-impjiegi fl-agrikoltura primarja kif ukoll fl-ipproċessar tal-ikel kif muri minn studju dwar l-impatt tal-ftehimiet kummerċjali tal-UE fuq is-settur agrikolu minn Copenhagen Economics għall-Kummissjoni, li tlesta fl-2016. Fl-2017, il-Kummissjoni għal darb’oħra għamlet eżerċizzju ta’ promozzjoni tal-kummerċ agrikolu, inkluż permezz ta’ żjarat ta’ livell għoli fil-Kanada u l-promozzjoni tal-prodotti tal-ikel u tax-xorb tal-UE f’fieri kummerċjali internazzjonali ewlenin (eż. f’Toronto u Abu Dhabi). Minbarra aktar minn 100 programm individwali ta’ promozzjoni li diġà kienu għaddejjin fl-2017, il-Kummissjoni għażlet 33 proposta addizzjonali biex tippromwovi l-prodotti agroalimentari tal-UE f’pajjiżi terzi, li se jiġu implimentati bejn l-2018 u l-2020. Xi wħud minn dawn il-kampanji kkofinanzjati mill-UE jinkludu, pereżempju, il-promozzjoni tat-tuffieħ bl-IĠ fl-Eġittu jew iż-żieda fl-esportazzjonijiet tal-prieżet u l-ġobnijiet tal-UE lill-Messiku.

L-esportaturi tal-UE jistgħu jibbenefikaw minn aktar minn 600 TRQs preferenzjali mogħtija mis-sħab tagħna b’FTA. L-użu tat-TRQs ivarja bejn il-pajjiżi u l-prodotti, għal diversi raġunijiet, u l-Kummissjoni qiegħda tfittex li ttejjeb l-adozzjoni tagħhom. Fl-2017, irnexxielha tikseb kundizzjonijiet imtejba ta’ aċċess għas-suq għall-esportazzjonijiet taċ-ċanga tal-UE lejn it-Turkija.

Id-dispożizzjonijiet tal-FTA dwar l-aspetti tal-SPS qegħdin jintużaw biex jiġu indirizzati l-ostakli għall-kummerċ relatati mal-miżuri SPS fil-pajjiżi sħab. Fl-2017, pereżempju, il-Kummissjoni kisbet aċċess akbar għas-suq għal diversi Stati Membri tal-UE għall-majjal fil-Messiku u l-prodotti tal-ħalib tal-UE fil-Perù. L-Ukrajna neħħiet il-projbizzjoni temporanja tagħha b’rabta mal-kontroll tal-influwenza tat-tjur u l-Ġappun neħħiet il-projbizzjoni tal-importazzjoni taċ-ċanga marbuta mal-enċefalopatija sponġiformi bovina għal żewġ Stati Membri addizzjonali. L-FTAs fihom ukoll dispożizzjonijiet li jippromwovu livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-pjanti u tal-annimali mas-sħab kummerċjali tal-UE, inkluż fil-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant u fil-Balkani tal-Punent. Suċċess riċenti kien l-adozzjoni mis-sottokumitati tad-DCFTA rilevanti tal-istrateġiji SPS għall-Moldova u l-Georgia. L-Ukrajna qiegħda tiffinalizza wkoll diskussjonijiet mal-Kummissjoni dwar dik il-kwistjoni.

L-FTAs jipprovdu għall-protezzjoni ta’ prodotti ewlenin tal-UE bħall-Aceto Balsamico di Modena, il-Feta, ir-Reblochon, il-Prosciutto di Parma jew il-Queso Manchego, kif ukoll inbejjed u spirti, imsejħa indikazzjonijiet ġeografiċi (IĠs) 36 . L-FTAs l-aktar reċenti tal-UE jiżguraw livell għoli u kamp ta’ applikazzjoni konsiderevoli ta’ protezzjoni għall-indikazzjonijiet ġeografiċi f’pajjiżi fejn, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, ma kienet offruta l-ebda protezzjoni qabel. Pereżempju, l-Ekwador se jipproteġi 116-il IĠ tal-UE. Sa minn Settembru 2017, 143 IĠ agroalimentari tal-UE jgawdu minn protezzjoni skont is-CETA, minbarra l-IĠs għall-inbid u l-ispirti protetti fil-Kanada mill-2003. Il-protezzjoni tal-Prosecco fil-Moldova ġiet garantita, biex b'hekk intemm kawża li ilha għaddejja fil-qorti.

L-FTAs jipprevedu l-protezzjoni tal-produtturi tal-UE ta’ prodotti sensittivi, bħaċ-ċanga, it-tjur jew iz-zokkor. Dawn jew ikunu esklużi kompletament minn kummerċ preferenzjali jew, jekk ikunu parzjalment esklużi, ikunu koperti b’kollox minn madwar 360 TRQ tal-UE . Fil-każ ta’ frott u ħaxixx sensittivi, tiġi applikata sistema ta’ prezz ta’ dħul matul l-istaġun tal-ħsad massimu fl-UE.

Barra minn hekk, l-FTAs għandhom l-għan li jappoġġaw is-settur agrikolu lokali f’pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, bħall-pajjiżi tal-AKP jew xi sħab mill-Amerika Ċentrali u l-Amerika Latina. L-EPAs tal-UE jiffukaw fuq l-għanijiet ta’ żvilupp u ġabu riżultati fl-appoġġ tal-kapaċità tas-settur agrikolu f’ħafna pajjiżi tal-AKP: Bejn l-2007 u l-2017 l-importazzjonijiet ta’ prodotti agroalimentari mill-pajjiżi b’EPA żdiedu b’71% fil-valur, l-aktar fi prodotti bażiċi agrikoli, bħall-frott tropikali, il-kawkaw jew il-kafè, li mhumiex imkabbra fl-UE. Barra minn hekk, filwaqt li l-esportazzjonijiet tal-UE lejn l-Amerika Ċentrali u l-Kolombja, l-Ekwador u l-Perù kienu qegħdin jiżdiedu, dan tal-aħħar kellu bilanċ favoreboli fil-kummerċ agroalimentari bbażat fuq importazzjonijiet tal-UE ta’ frott tropikali frisk, bħall-banana.

Il-Kummissjoni tikkoopera mas-sħab tal-FTA tagħha fuq firxa wiesgħa ta’ kwistjonijiet importanti relatati mal-kummerċ agrikolu, li jvarjaw mill-assistenza teknika tal-UE fis-settur tal-agrikoltura u l-iżvilupp rurali biex jittejbu s-sistemi ta’ kontroll tas-sikurezza tal-ikel.

L-implimentazzjoni ta’ FTAs fis-settur agroalimentari: attivitajiet attwali u futuri

Il-Kummissjoni qiegħda taħdem fuq diversi fronti biex tiżgura li l-FTAs iġibu benefiċċji għas-settur agrikolu, fosthom, dawn li ġejjin:

üIr-riżoluzzjoni ta’ kwistjonijiet pendenti ta’ aċċess għas-suq, bħall-esportazzjonijiet taċ-ċanga tal-UE lejn il-Korea ta’ Isfel u r-rikonoxximent tar-reġjonalizzazzjoni tal-UE, speċjalment għal esportazzjonijiet mill-UE ta’ tjur u laħam tal-majjal, lejn il-Korea ta’ Isfel, il-Ġappun u l-Afrika ta’ Isfel.

üL-implimentazzjoni effettiva tas-CETA (eż. il-monitoraġġ tal-użu u l-ġbir ta’ informazzjoni dwar l-allokazzjoni u t-trasferimenti ta’ TRQs tal-ġobon) u t-tħejjija għall-EPA mal-Ġappun (ladarba jkun implimentat b’mod sħiħ, dan se jilliberalizza 87% tal-esportazzjonijiet agroalimentari attwali).

üIl-monitoraġġ u t-titjib fl-użu tat-TRQs;

üL-infurzar tal-protezzjoni ta’ IĠ (eż. CETA, iċ-Ċilì u l-Kolombja, l-Ekwador u l-Perù) u l-avvanz tal-proċess biex jiżdiedu aktar IĠs tal-UE mal-lista protetta skont l-FTA (il-Korea ta’ Isfel);

üIl-monitoraġġ tal-mekkaniżmu ta’ stabbilizzazzjoni għall-banana mill-Kolombja, l-Ekwador, il-Perù u l-Amerika Ċentrali;

üIt-tisħiħ tal-kooperazzjoni mas-sħab tal-FTA (bħall-Kanada jew il-Ġappun) dwar kwistjonijiet importanti ta’ interess komuni, bħall-benesseri tal-annimali u r-reżistenza kontra l-mikrobi;

üIl-mobilizzazzjoni tal-użu tal-fondi tal-UE biex tiġi pprovduta assistenza teknika, pereżempju fir-reġjun tal-Viċinat tal-Lvant (għal aktar allinjament regolatorju mal-acquis tal-UE fil-Georgia, il-Moldova u l-Ukrajna), fil-Balkani tal-Punent jew il-pajjiżi tal-AKP.



9.aġġornament dwar attivitajiet pendenti u futuri

Il-Kummissjoni kienet involuta f’diskussjoni miftuħa mal-Parlament Ewropew dwar l-implimentazzjoni tal-FTA, inkluż dwar ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew fuq ir-rapport tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Politika Kummerċjali Komuni . Il-Kummissjoni se tkompli kull sena tibgħat rapport dwar l-implimentazzjoni tal-FTAs tal-UE lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni.

Il-Kummissjoni hija involuta f’bosta attivitajiet li jgħinu lin-nies u lin-negozji biex jiksbu l-akbar benefiċċju possibbli mill-FTAs, li jibnu fuq l-għodod u l-prattiki eżistenti kif ukoll fuq l-iżvilupp ta’ oħrajn ġodda:

üBiex jiġi ffaċilitat l-użu tal-FTAs mill-SMEs, il-Kummissjoni qiegħda tiżviluppa portal online għall-importazzjoni u l-esportazzjoni tal-UE, u tintegra l-informazzjoni dwar il-Bażi tad-Data tagħha għall-Aċċess għas-Swieq u l-Helpdesk għall-Kummerċ tal-UE. Fost oħrajn, il-portal se joffri informazzjoni u gwida speċifiċi għall-prodott dwar il-proċessi ta’ żdoganar, appoġġjati minn sistema ta’ twissija mfassla apposta għall-utenti individwali. Informazzjoni aġġornata dwar tariffi preferenzjali tista’ tinstab ukoll fil- bażi tad-data TARIC tal-UE u tagħrif dettaljat dwar regoli ta’ oriġini preferenzjali u proċeduri relatati jistgħu jinstabu fuq il-paġni web tal-Kummissjoni ddedikati għad-dwana.

üIl-Kummissjoni qiegħda tara li tikseb data affidabbli mis-sħab li tkun tippermettilha li tistabbilixxi l-PURs tal-esportazzjonijiet mill-UE, u b’hekk tqajjem kwistjonijiet mas-sħab u tipprovdi assistenza, fejn xieraq. Mis-CETA ’il quddiem, il-ftehimiet il-ġodda se jkun fihom dispożizzjoni vinkolanti dwar l-iskambju perjodiku tad-data. Il-Kummissjoni qiegħda wkoll tfittex informazzjoni addizzjonali li tista’ tirriżulta minn ħarsa lejn fatturi oħra, bħar-rati ta’ tfaddil tad-dazju, li jkejlu xi kemm jiġu ffrankati dazji mit-total potenzjali ta’ ffrankar tad-dazji li jista’ jsir 37 .

üIl-Grupp ġdid ta’ Esperti dwar il-Ftehimiet Kummerċjali tal-UE jipprovdi pariri lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-FTAs. Is-soċjetà ċivili tipprovdi kontribut, fost affarijiet oħra, permezz ta’ laqgħat regolari tad-Djalogu tas-Soċjetà Ċivili.

üDan l-aħħar il-Kummissjoni intensifikat il-kollaborazzjoni mal-Istati Membri tal-UE dwar kwistjonijiet trasversali relatati mal-implimentazzjoni tal-FTA permezz ta’ Netwerk iddedikat għall-Koordinaturi tal-FTA.

üSabiex tiġi diskussa l-implimentazzjoni tal-kapitoli tat-TSD, b’mod partikolari l-aspetti prattiċi tal-pjan ta’ azzjoni tat-TSD ta’ 15-il punt, grupp iddedikat ta’ esperti tat-TSD mill-Istati Membri issa jiltaqa’ erba’ darbiet fis-sena. Barra minn hekk, fl-2018 u fl-2019, is-servizzi kompetenti tal-Kummissjoni kkummissjonaw stħarriġ dwar l-applikazzjoni ta’ standards ewlenin tax-xogħol u dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol f’29 pajjiż koperti mill-impenji fil-GSP+ u fl-FTAs.

üSabiex tiżdied it-trasparenza dwar l-implimentazzjoni , il-Kummissjoni, mis-CETA ’il quddiem, se tpoġġi l-informazzjoni dwar id-djalogi u l-laqgħat tal-kumitati tal-FTA għad-dispożizzjonijiet tal-pubbliku fuq il-paġna web “ It-Trasparenza fl-Azzjoni ”. Il-Kummissjoni se tkun qed taħdem biex iżżid it-trasparenza għal FTAs eżistenti fil-koordinazzjoni mas-sħab tagħha.

üSabiex tiżgura li l-FTAs isiru operattivi kemm jista’ jkun malajr, il-Kummissjoni tipprovdi informazzjoni komprensiva fuq is-sit web tagħha fit-tħejjijiet għall-applikazzjoni tagħhom. Minbarra t-test proviżorju tal-FTA, il-Kummissjoni, mis-CETA ’il quddiem, se tippubblika skedi informattivi, gwidi pass pass għan-negozji, stejjer dwar l-esportaturi u infografika. Sabiex tkun ippreparata aħjar għall-implimentazzjoni ta’ FTAs ġodda, il-Kummissjoni, fejn xieraq, kienet qiegħda tinvesti fi studji dwar il-qafas legali domestiku ta’ diversi pajjiżi sħab.

üIl-Kummissjoni qiegħda wkoll tippromwovi wkoll l-implimentazzjoni tal-FTA permezz tal-avvenimenti tagħha imsejħa “Jum tal-Aċċess għas-Swieq (Market Access Day)” mal-Istati Membri tal-UE, bl-użu tal-esperjenza miksuba permezz tas-Sħubija għall-Aċċess għas-Swieq tagħha. L-aġenziji tal- Enterprise Europe Network (EEN) u l-Aġenziji għall-Promozzjoni tal-Kummerċ tal-Istati Membri tal-UE, kemm fl-Ewropa kif ukoll barra minnha, flimkien ma’ assoċjazzjonijiet tan-negozju u tal-kummerċ bħan-netwerk dinji tal-Organizzazzjonijiet tan-Negozju Ewropej (EBO WWN) qegħdin jinfurmaw dwar u jippromwovu opportunitajiet speċifiċi offruti mill-FTAs.

üIt-timijiet tal-Aċċess għas-Swieq fid-delegazzjonijiet tal-UE f’pajjiżi terzi qegħdin ifittxu li jużaw il-fondi tal-UE biex jappoġġaw l-implimentazzjoni tal-FTAs, bħall-strument ta’ sħubija jew strumenti rilevanti oħra. L-għajnuna tal-UE għal strateġija ta’ kummerċ u l-pjan ta’ investiment estern tal-UE jappoġġaw kumpaniji żgħar minn pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw biex jaħtfu l-opportunitajiet li jirriżultaw mill-FTAs. L-inizjattiva ġenerali tad-Diplomazija Ekonomika Ewropea introdotta fl-2017 tiżgura li politiki differenti fl-UE jsaħħu lil xulxin fl-appoġġ tal-prijoritajiet ekonomiċi ewlenin, li waħda minnhom tkun l-implimentazzjoni tal-FTAs.

üIl-Kummissjoni se tippubblika fl-2018 l-evalwazzjoni interim tagħha tal-FTA mal-Korea ta’ Isfel u dalwaqt se tniedi evalwazzjoni interim tal-Ftehim mal-Kolombja u l-Perù. Evalwazzjoni ex post tal-FTAs tal-UE ma’ sitt pajjiżi sħab Mediterranji għadha għaddejja u mistennija tiġi ppubblikata lejn tmiem l-2019.

10.INFURZAR LEGALI

L-FTAs tal-UE jistipulaw infurzar robust tal-impenji sostantivi inklużi f’kull Ftehim bil-ħsieb li tiġi żgurata riżoluzzjoni effiċjenti u f’waqtha ta’ tilwim li jista’ jinqala’ f’dak ir-rigward. Fl-2017 is-sistema ta’ soluzzjoni tat-tilwim tal-FTA ma ntużatx iżda l-Kummissjoni qiegħda tkompli ssegwi bir-reqqa u b’mod diliġenti l-implimentazzjoni tal-FTAs. Dan jippermetti lill-Kummissjoni tivvaluta l-adegwatezza tal-użu tal-implimentazzjoni legali fuq bażi każ b’każ.



Anness 1 - L-Użu tal-Preferenzi fuq l-Importazzjonijiet fl-UE

Pajjiż esportatur

2015

2016

2017

Ftehimiet ta’ Kummerċ Ħieles tal-“ġenerazzjoni l-ġdida”

Il-Kolombja

97%

97%

97%

Il-Costa Rica

96%

97%

96%

L-Ekwador

89%

88%

97%

El Salvador

82%

74%

90%

Il-Gwatemala

95%

95%

93%

Il-Honduras

91%

92%

92%

In-Nikaragwa

94%

94%

93%

Il-Panama

70%

61%

82%

Il-Perù

98%

97%

96%

Il-Korea ta’ Isfel

85%

87%

88%

DCFTAs

Il-Georgia

83%

80%

77%

Il-Moldova

91%

88%

85%

L-Ukrajna

87%

89%

87%

Ftehimiet ta’ Kummerċ Ħieles tal-“ewwel ġenerazzjoni”

Sħab Mediterranji

L-Alġerija

97%

95%

97%

L-Eġittu

95%

96%

97%

L-Iżrael

89%

90%

91%

Il-Ġordan

68%

79%

75%

Il-Libanu

76%

71%

70%

Il-Marokk

97%

97%

97%

It-Territorju Palestinjan Okkupat

78%

81%

77%

It-Tuneżija

95%

96%

94%

Il-Balkani tal-Punent

L-Abanija

87%

86%

86%

Il-Bożnja u l-Ħerzegovina

93%

94%

94%

l-eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja

97%

95%

94%

Il-Kosovo

85%

89%

92%

Il-Montenegro

81%

83%

90%

Is-Serbja

93%

90%

92%

Sħab tal-Amerika Latina

Iċ-Ċilì

95%

95%

96%

Il-Messiku

52%

58%

70%

L-Istati tal-EFTA

In-Norveġja

71%

66%

69%

L-Iżvizzera

86%

83%

85%

Ftehimiet ta’ Sħubija Ekonomika (FSE),

CARIFORUM (medja)

91%

92%

91%

SADC (medja)

87%

80%

83%

ESA (medja)

97%

97%

96%

Il-Kostja tal-Avorju

99%

98%

98%

Il-Ghana

98%

98%

96%

L-Afrika Ċentrali (il-Kamerun)

91%

97%

99%

Il-Paċifiku (medja)

92%

99%

81%

Anness 2 - L-UŻU PREFERENZJALI FUQ L-ESPORTAZZJONI MILL-UE

Pajjiż ta' importazzjoni

2015

2016

2017

Ftehimiet ta’ Kummerċ Ħieles tal-“ġenerazzjoni l-ġdida”

Il-Kolombja

63%

71%

68%

Il-Perù

28%

47%

52%

Il-Costa Rica

38%

L-Ekwador

42%

Il-Korea ta’ Isfel

68%

71%

74%

DCFTAs

Il-Georgia

72%

71%

77%

Ftehimiet ta’ Kummerċ Ħieles tal-“ewwel ġenerazzjoni”

Sħab Mediterranji

L-Eġittu

36%

62%

44%

L-Iżrael

89%

86%

Il-Libanu

74%

58%

Il-Marokk

52%

Il-Balkani tal-Punent

L-Abanija

76%

80%

78%

l-eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja

90%

89%

Il-Kosovo

44%

Il-Montenegro

85%

85%

86%

Is-Serbja

89%

90%

91%

Sħab tal-Amerika Latina

Iċ-Ċilì

76%

75%

76%

Il-Messiku

76%

85%

75%

L-Istati tal-EFTA

L-Iżvizzera

79%

79%

78%

Anness 3 - LISTA TA’AKRONIMI

AKP        Il-pajjiżi Afrikani, tal-Karibbew u tal-Paċifiku

Cariforum    Il-Forum tal-Grupp tal-Karibew ta’ Stati AKP

CETA        Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv UE-Kanada

CITES    Konvenzjoni dwar il-Kummerċ Internazzjonali fl-Ispeċijiet ta' Fawna u Flora Selvaġġi fil-Periklu

DAG        Grupp Konsultattiv Domestiku

DCFTA        Żona ta' Kummerċ Ħieles Approfondita u Komprensiva

EBO WWN    Netwerk dinji tal-Organizzazzjonijiet Ewropej tal-Kummerċ

ŻEE        Żona Ekonomika Ewropea;

EEN        Netwerk Enterprise Europe

EPA        Ftehim ta' Sħubija Ekonomika

ESA        L-Afrika tal-Lvant u tan-Nofsinhar

FDI        Investiment Dirett Barrani

FTA        Ftehim ta' Kummerċ Ħieles

IĠs        Indikazzjonijiet Ġeografiċi

IPRs        Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali

ILO        Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol

MFN        Nazzjon l-Aktar Iffavorit

PUR        Rata ta’ Utilizzazzjoni tal-Preferenzi

SAA        Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Sssoċjazzjoni

SADC        Komunità għall-Iżvilupp tan-Nofsinhar tal-Afrika

SMEs        Impriżi żgħar u ta’ daqs medju

SPS        Sanitarji u fitosanitarji

TBT        Ostakli Tekniċi għall-Kummerċ

TRQ        Kwota ta’ Rata Tariffarja

TSD        Kummerċ u Żvilupp Sostenibbli

(1)      Dan l-isem m'għandux jinftiehem bħala rikonoxximent ta' Stat tal-Palestina u huwa mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet individwali tal-Istati Membri rigward din il-kwistjoni.
(2)    Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (FSA)
(3)    Dan l-isem huwa mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u huwa konformi mal-UNSCR 1244 (1999) u l-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo.
(4)    Ħarsa ġenerali lejn il-ftehimiet kollha ta’ kummerċ konklużi u nnegozjati mill-UE tista’ tinstab hawn: http://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2006/december/tradoc_118238.pdf
(5)    Il-Kummissjoni Ewropea, Komunikazzjoni “Kummerċ għal kulħadd: Lejn politika aktar responsabbli għall-kummerċ u l-investiment”, COM(2015) 497.
(6)    Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġuni tas-17 ta’ Novembru 2017; Brussell, 9.11.2017, COM(2017) 654 finali.
(7)    L-istatistika ġenerali dwar il-flussi ta’ kummerċ fil-prodotti u servizzi għal kull pajjiż sħab f’FTA tista’ tinstab fid-dokument ta’ ħidma tal-persunal.
(8)    Għar-rigward tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni mal-Amerika Ċentrali, hemm differenzi sinifikanti bejn l-istatistika tal-EUROSTAT u dik li tiġi mill-Amerika Ċentrali. għal raġunijiet ta’ konsistenza, tintuża biss id-data tal-Eurostat.
(9)    Informazzjoni dwar PURs għal kull pajjiż sħab tista’ tiġi kkonsultata fl-Anness1 u 2.
(10)    Madankollu, għadu possibbli xi marġini ta’ żball peress li d-data ma tkoprix ċerti bidliet fl-istatus preferenzjali tal-importazzjonijiet, bħal talbiet għal preferenzi li jsiru mill-importaturi wara li l-prodotti jkunu ġew iddikjaratati lid-dwana u ċ-ċaħda ta’ preferenzi li jiġu deċiżi mid-dwana wara l-verifika ta’ wara r-rilaxx tal-prodotti.
(11)    Ara l-Artikolu minn José M. Rueda-Cantuche u Nuno Sousa ta’ Frar 2016: "EU Exports to the World: Overview of Effects on Employment and Income"; http://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2016/february/tradoc_154244.pdf
(12)    Sors: Eurostat
(13)    Il-kuntest politiku u ġeopolitiku speċifiku jista’ jkollu impatt fuq il-flussi tal-kummerċ, kif jista’ jkollhom fatturi oħra, mhux neċessarjament relatati mal-implimentazzjoni tal-FTAs.
(14)    Ara l-istudju ta’ Nilsson u Preillon (2018), http://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2018/june/tradoc_156931.pdf
(15) Il-kunċett sottostanti huwa spjegat ulterjorment fit-Taqsima 1.3 hawn fuq. Il-PURs għal kull pajjiż sħab qegħdin fl-Anness1 u 2.
(16) Pereżempju, l-importazzjonijiet preferenzjali rrappurtati xi kultant jikkonċernaw linji tariffarji li ma jaqgħu taħt l-ebda preferenza. Xi drabi jkun hemm differenza wiesgħa bejn l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet totali rrappurtati kif miġjuba mill-Eurostat. Il-Kummissjoni tikkoreġi dawn id-diskrepanzi billi telimina l-kummerċ f’linji tariffarji li għalihom ma teżisti l-ebda preferenza skont il-Bażi tad-Data dwar l-Aċċess għas-Suq tad-DG Kummerċ (eż. fejn l-MFN=0).
(17) Ara wkoll ir-Rapport tal-2018 dwar l-Ostakoli għall-Kummerċ u l-Investiment: http://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2018/june/tradoc_156978.pdf
(18)    It-TRQs jistabbilixxu limitu kwantitattiv għal perjodu ta’ żmien speċifikat għall-importazzjonijiet ta’ prodott domestiku protett. L-importazzjonijiet lil hinn mil-limitu huma suġġetti għal tariffa ogħla.
(19) Konvenzjoni 87 dwar il-libertà ta’ assoċjazzjoni; Konvenzjoni 98 dwar id-Dritt għall-Organizzazzjoni u n-Negozjar Kollettiv; Konvenzjoni 29 dwar ix-Xogħol Furzat; u Konvenzjoni 105 dwar l-Abolizzjoni tax-Xogħol Furzat
(20)    Ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-18 ta’ Mejju 2017 dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Korea (2015/2059 (INI))
(21) F’konformità mal-Artikolu 218(5), wara l-awtorizzazzjoni mill-Kunsill, l-UE tista’ tapplika b’mod provviżorju ftehim kummerċjali jew kwalunkwe ftehim internazzjonali ieħor, kollu jew parti minnu , fil-perjodu bejn l-iffirmar u d-dħul fis-seħħ. L-applikazzjoni proviżorja tat-trattati tirrifletti prattika internazzjonali, li ilha teżisti, fejn jidħlu t-trattati.
(22) Id-DCFTA bejn l-UE u l-Ukrajna beda japplika b'mod proviżorju mill-1 ta’ Jannar 2016. Id-DCFTAs mal-Georgia u mal-Moldova bdew japplikaw b'mod proviżorju mill-1 ta’ Settembru 2014.
(23)    Il-ftehimiet mal-Iżlanda u l-Gżejjer Faroe mhumiex koperti minn dan ir-rapport. L-FTA mal-Afrika ta’ Isfel ġie sostitwit mill-EPA mal-Komunità ta’ Żvilupp tal-Afrika tan-Nofsinhar (SADC; ara t-taqsima 6.1)
(24)    Il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) tal-1992 mal-Iżlanda, il-Liechtenstein u n-Norveġja tejjeb il-moviment liberu ta' oġġetti, servizzi, investimenti u persuni f'dik iż-żona. Mhuwiex soġġett għal dan ir-Rapport.
(25)    L-Alġerija, l-Eġittu, l-Iżrael, il-Ġordan, il-Lebanon, il-Marokk, il-Palestina u t-Tuneżija.
(26)    Il-Kummissjoni qiegħda tikkunsidra r-raġunijiet possibbli għal-livell baxx tal-PUR fuq l-esportazzjonijiet tal-UE lejn l-Eġittu. Fost ir-raġunijiet possibbli hemm li t-tariffi jistgħu jkunu baxxi wisq fil-każ tal-biċċa l-kbira tal-prodotti jew inkella li l-proċeduri biex l-awtoritajiet lokali jistabbilixxu l-orġini huma wisq onerużi.
(27)    Fil-każ tal-Iżvizzera, id-data dwar is-servizzi għall-2017 kienet diġà disponibbli.
(28)    Ara n-nota 26 f’qiegħ il-paġna aktar ’il fuq.
(29)    Perjodu kopert: Mill-1 ta’ Lulju 2016 sat-30 ta’ Ġunju 2017
(30)    L-Istati Membri tal-UE kollha ħlief erbgħa juru PURs inferjuri għall-esportazzjonijiet tagħhom lejn il-Messiku fl-2017 meta mqabbel mal-2016. Il-Ġermanja, li tirrappreżenta kważi terz tal-preferenza kollha eliġibbli tal-UE lejn il-Messiku, esperjenzat waqgħa fil-PUR minn 82% fl-2016 għal 66% fl-2017. Dan huwa primarjament relatat ma’ anqas użu Ġermaniż ta’ preferenzi fil-Kapitoli 87 (Vetturi bil-mutur) u 85 tas-sistema armonizzata (SA) (“Il-makkinarju tal-elettriku”).
(31) Dan l-isem huwa mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u huwa konformi mal-UNSCR 1244 (1999) u l-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo.
(32)    L-istrateġija tal-UE dwar l-AfT hija bbażata fuq il-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-12 ta’ Diċembru 2005 (dok. 15791/05), tas-16 ta’ Ottubru 2006 (dok. 14018/06) u tal-15 ta’ Mejju 2007 (dok. 9555/07).
(33)    Ara il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Bank Ewropew tal-Investiment tal-14 ta’ Settembru 2016; COM (2016) 581 finali.
(34)      Ara pereżempju l-Programm “Switch Africa Green”, li jappoġġja pajjiżi fl-Afrika sabiex jilħqu żvilupp sostenibbli permezz ta’ involviment fi tranżizzjoni lejn ekonomija ekoloġika inklużiva; https://www.switchafricagreen.org/index.php?lang=en
(35)    Ara r-Regolament (UE) 2017/1601 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Settembru 2017 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli (European Fund for Sustainable Development, EFSD), il-Garanzija tal-EFSD u l-Fond ta’ Garanzija tal-EFSD.
(36) Indikazzjoni ġeografika (IĠ) hija sinjal distintiv użat biex jidentifika prodott bħala li joriġina fit-territorju ta’ pajjiż, reġjun jew lokalità partikolari fejn il-kwalità, ir-reputazzjoni jew xi karatteristika oħra tiegħu tkun marbuta mal-oriġini ġeografika tiegħu
(37)    Dan l-indikatur jista’ jgħin biex jiġu identifikati setturi li fihom il-valur sottostanti tal-esportazzjonijiet u l-iffrankar potenzjali tad-dazju ikunu qawwija, u fejn ikun importanti li tittejjeb il-prestazzjoni (ara wkoll l-istudju tal-2018 minn Nilsson u Preillon, disponibbli fuq http://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2018/june/tradoc_156931.pdf
Top