Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018DC0540

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI Monitoraġġ tal-applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni Ewropea Rapport Annwali 2017

    COM/2018/540 final

    Brussell, 12.7.2018

    COM(2018) 540 final

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI

    Monitoraġġ tal-applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni Ewropea
    Rapport Annwali 2017

    {SWD(2018) 377 final}
    {SWD(2018) 378 final}
    {SWD(2018) 379 final}


    Kelmtejn qabel    

    L-infurzar huwa kruċjali għall-implimentazzjoni korretta tal-politika tal-UE    

    1.    Spinta ġdida għall-impjiegi, għat-tkabbir u għall-investiment    

    2.    Suq Uniku Diġitali konness    

    3.    Unjoni tal-Enerġija reżiljenti b’politika dwar it-tibdil fil-klima li tħares ’il quddiem    

    4.    Suq intern aktar ġust u profond b’bażi industrijali msaħħa    

    5.    Unjoni Ekonomika u Monetarja aktar profonda u aktar ġusta    

    6.    Żona ta’ ġustizzja u ta’ drittijiet fundamentali bbażata fuq fiduċja reċiproka    

    7.    Lejn politika ġdida dwar il-migrazzjoni    

    Kelmtejn qabel

    Kien wieħed mill-predeċessuri kbar tiegħi, Walter Hallstein, li qal li l-Unjoni Ewropea kienet fil-qalba tagħha Komunità tad-Dritt. Dawn il-kelmiet wassluni biex nibda l-istudji legali u mbagħad iffurmaw il-karriera tiegħi fil-politika. U f’għajnejja dawk il-kelmiet huma veri llum daqs kemm qatt kienu fil-passat. Il-liġi tibqa’ l-aħjar għodda tagħna fil-ġlieda tagħna favur il-ġustizzja, biex niddefendu l-libertajiet tagħna u biex nagħtu r-riżultati għaċ-ċittadini tagħna.

    Din hija r-raġuni għaliex meta ħadt il-kariga tiegħi f’Novembru 2014, wegħidt li nieħu approċċ aktar iffukat fuq il-politika u fuq it-tfassil tal-liġijiet mill-bidu nett. Issa qed nistinkaw biex niżguraw li l-proposti ta’ politika tagħna jkunu bbażati fuq l-evidenza u fuq il-konsultazzjoni pubblika. B’dan il-mod ta’ ħidma, il-qalba tal-aġenda għal Regolamentazzjoni Aħjar għandha l-għan li tiżgura li kull miżura fil-ktieb tar-regoli tal-UE tkun adattata għall-iskop tagħha u tkun kemm jista’ jkun faċli biex tiġi implimentata u applikata.

    Madankollu, kull regola, irrispettivament minn kemm titfassal u titħejja b’attenzjoni, hija effettiva biss daqs kemm hi effettiva l-implimentazzjoni tagħha. Din hija r-raġuni għaliex il-Kummissjoni tieħu l-istess interess fl-iżgurar li l-liġijiet jiġu applikati kif suppost daqs kemm tieħu fit-tfassil tagħhom. Is-soluzzjoni għal implimentazzjoni effettiva tad-dritt tal-UE hija l-kooperazzjoni u l-komunikazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri. Huwa għalhekk li dejjem poġġejt id-djalogu l-ewwel f’dak li għandu x’jaqsam ma’ kwistjonijiet ta’ infurzar. U huwa għalhekk li se nkomplu nappoġġaw lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-liġi tal-UE.

    Fl-istess ħin, jeħtieġ li nieħdu azzjoni soda kontra ksur serju tal-liġi tal-UE. Fid-dawl ta’ dan, fl-2016 aħna stabbilixxejna prijoritajiet ċari fil-ħidma tagħna dwar każijiet ta’ ksur u lmenti. Minn dak iż-żmien, l-isforzi ta’ infurzar tagħna ffukaw fuq l-aktar ksur importanti tal-liġi tal-UE, fejn azzjoni fil-livell Ewropew tista’ ġġib valur miżjud reali. Ir-rwol tagħna huwa minn naħa li ngħinu lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-liġi tal-UE u min-naħa l-oħra li nsegwu b’mod sod ksur serju fejn iseħħ. Iż-żewġ rwoli jimxu id f’id.

    Dan ir-rapport dwar l-applikazzjoni tal-liġi tal-UE fl-2017 ikopri l-ewwel sena ta’ dan l-approċċ ġdid, aktar immirat. L-ewwel riżultati juru li l-approċċ il-ġdid diġà qed jagħti l-frott.

    Il-moviment liberu tal-ħaddiema huwa wieħed mill-akbar kisbiet tal-UE, iżda l-Ewropej mhux dejjem iħossu li dan iseħħ b’mod ġust. Għal din ir-raġuni, fl-2014 konna stabbilixxejna regoli li daħlu fis-seħħ fl-2016 dwar l-infurzar tad-direttiva dwar l-istazzjonar tal-ħaddiema li jipprovdu lill-awtoritajiet nazzjonali b’għodod addizzjonali li jgħinu fil-ġlieda kontra l-abbuż, il-frodi u x-xogħol mhux iddikjarat. Fl-2017, il-Kummissjoni użat is-setgħat ta’ infurzar tagħha biex tiżgura li l-Istati Membri qed jimplimentaw dawn ir-regoli b’mod korrett u effettiv. Użajna wkoll l-għodod ta’ kontra l-ksur tagħna fil-qasam tal-ħarsien tal-konsumatur. Dan jagħmel differenza tanġibbli fil-ħajja tan-nies, pereżempju billi jkun żgurat li t-turisti fuq ġiti kollox kompriż jiksbu flushom lura jekk l-operatur tal-ġita kollox kompriż tagħhom ifalli.

    L-infurzar qed jagħmel differenza wkoll fid-dinja online. Għadd dejjem akbar ta’ ċittadini huma dejjem aktar imħassba dwar il-protezzjoni tad-data personali tagħhom. Huwa għalhekk li introduċejna regoli ġodda li issa stabbilixxew standard globali ġdid għall-protezzjoni tal-privatezza taċ-ċittadini. Matul l-2017, ħdimna mill-qrib mal-Istati Membri biex inħejju t-triq għad-dħul fis-seħħ tal-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli f’Mejju 2018. Dan juri l-valur li nagħtu lill-appoġġ lill-Istati Membri biex jikkonformaw mal-liġi tal-UE kmieni kemm jista’ jkun.

    Ħadna l-istess approċċ fir-rigward ta’ regoli li jagħmluna aktar sikuri u jipproteġu l-flus tal-kontribwenti. Din il-Kummissjoni żiedet il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu biex tiżgura li l-Istati Membri jaħdmu aħjar flimkien biex iwaqqfu l-kriminalità transfruntiera ta’ dan it-tip. Aħna appoġġajna dan kollu matul l-2017 billi aġixxejna b’mod sod biex niżguraw li l-leġiżlazzjoni l-ġdida tal-UE Kontra l-Ħasil tal-Flus tiġi trasposta b’mod xieraq fil-leġiżlazzjoni nazzjonali.

    Dawn l-eżempji juru kif il-liġijiet jistgħu jagħmlu differenza u kif infurzar xieraq jista’ jiżgura li d-differenza tinħass fil-ħajja ta’ kuljum tal-Ewropej. Dan hu dak li jfisser li tkun f’Komunità tal-Liġi.

    Il-President tal-Kummissjoni Ewropea

    Jean-Caude Juncker

    L-infurzar huwa kruċjali għall-implimentazzjoni korretta tal-politika tal-UE

    L-Unjoni Ewropea tista’ twettaq il-politiki tagħha biss jekk l-Istati Membri japplikaw u jimplimentaw il-liġi tal-UE b’mod korrett u mingħajr dewmien żejjed. Il-Kummissjoni tuża firxa wiesgħa ta’ għodod, inklużi proċeduri ta’ ksur, biex tiżgura li l-objettivi tal-politiki tal-UE jintlaħqu fuq il-post.

    Approċċ aktar strateġiku għall-infurzar tar-regoli tal-UE

    Fil-Komunikazzjoni tagħha Id-dritt tal-UE: Riżultati aħjar permezz ta’ applikazzjoni aħjar , il-Kummissjoni ħabbret approċċ ġdid għall-politika tagħha dwar il-ksur. Bħala prijorità, il-Kummissjoni se tiffoka fuq problemi fejn l-azzjoni ta’ infurzar tagħha tista’ tagħmel differenza vera u tipprovdi valur miżjud reali lill-individwi u lin-negozji.

    Pereżempju, is-Suq Uniku tal-UE jipprovdi opportunitajiet enormi għan-negozji Ewropej u għażla akbar u prezzijiet aktar baxxi għall-konsumaturi. Dan jippermetti li l-persuni jivvjaġġaw, jgħixu, jaħdmu u jistudjaw kull fejn jixtiequ. Iżda dawn il-benefiċċji ma jimmaterjalizzawx jekk l-Istati Membri ma japplikawx jew ma jimplimentawx ir-regoli tas-suq uniku, jew jekk ir-regoli jiġu mdgħajfa minn ostakli oħra.

    Fit-tqassim tar-responsabbiltajiet bejn l-istituzzjonijiet Ewropej, il-Kummissjoni Ewropea għandha r-responsabbiltà ġenerali li tibda l-proċess leġiżlattiv. Il-Kunsill u l-Parlament Ewropew jiddeċiedu dwar il-proposti tal-Kummissjoni. L-Istati Membri huma responsabbli mill-applikazzjoni, mill-implimentazzjoni u mill-infurzar korretti u f’waqthom tal-liġi tal-UE fl-ordni legali nazzjonali. Il-Kummissjoni tagħlaq dan iċ-ċirku: ladarba l-proposti tagħha jiġu adottati bħala liġi tal-UE, timmonitorja jekk l-Istati Membri jkunux qed japplikaw din il-liġi b’mod korrett u, jekk le, tieħu azzoni.

    Skont il- Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet , it-tliet istituzzjonijiet qablu li jipprovdu liċ-ċittadini tal-UE leġiżlazzjoni tal-UE miftuħa, ċara u aċċessibbli li tista’ tiġi implimentata b’mod effettiv. Il-Kummissjoni taħdem fi sħubija mal-Istati Membri biex tiżgura li dan tassew ikun il-każ. Tagħmel dan billi tħejji pjanijiet ta’ implimentazzjoni biex tassisti lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-liġi tal-UE. Meta tħejji proposti għal direttivi, il-Kummissjoni tiddiskuti mal-Istati Membri jekk “id-dokumenti spjegattivi” — dokumenti li jispjegaw kif ittrasponew direttiva partikolari fil-liġi tagħhom — ikunux meħtieġa. Dan id-djalogu jkompli matul il-proċeduri leġiżlattivi u l-istadji sussegwenti tat-traspożizzjoni, tal-implimentazzjoni u tal-applikazzjoni tal-liġi tal-UE.

    F’konformità mal-impenji li saru fil-komunikazzjonijiet dwar Strateġija għal Suq Uniku u d-Dritt tal-UE: Riżultati aħjar permezz ta’ applikazzjoni aħjar , il-Kummissjoni organizzat laqgħat ta’ djalogu dwar il-konformità fl-2017 ma’ tliet Stati Membri: il-Belġju, l-Irlanda u l-Italja. Id-diskussjonijiet iffukaw fuq id-defiċits fil-konformità u fit-traspożizzjoni identifikati fit-Tabella ta’ Valutazzjoni tas-Suq Intern, fil-proċeduri ta’ ksur li jinsabu għaddejjin u fl-iżviluppi ġodda bħala parti mill-istrateġija għas-Suq Uniku. Id-djalogi kienu utli biex jinġabar l-għarfien tal-pajjiżi u biex issir evalwazzjoni tas-sitwazzjoni tal-leġiżlazzjoni tas-Suq Uniku f’dawn l-Istati Membri.

    Ladarba jkunu qablu, l-Istati Membri jridu jimplimentaw u japplikaw il-leġiżlazzjoni tal-UE b’mod effettiv u fil-ħin sabiex iwasslu l-benefiċċji maħsuba tagħha lill-pubbliku.

    Il-politika l-ġdida tal-Kummissjoni rigward l-infurzar issejjes il-kisba tal-objettivi tal-politika tal-UE. Il-Kummissjoni jenħtieġ għalhekk li taġixxi b’mod sod u rapidu meta l-ksur ixekkel l-ilħuq tal-objettivi tal-politika tal-UE.

    Fl-2017, il-Kummissjoni ħadet azzjoni rapida u nediet proċeduri ta’ ksur kontra 16-il Stat Membru li naqsu milli jadottaw miżuri biex inaqqsu l-użu ta’ basktijiet tal-ġarr tal-plastik ħfief, kif meħtieġ mid- Direttiva dwar il-Basktijiet tal-Plastik . Skont ir-regoli tal-UE, l-Istati Membri għandhom jiksbu dan l-objettiv billi jimponu prezz fuq basktijiet tal-ġarr tal-plastik ħfief u/jew billi jiżguraw li kull persuna tuża biss għadd limitat ta’ dawn il-basktijiet kull sena.

    Il-Kummissjoni stabbilixxiet prijoritajiet ċari li se jiggwidaw l-azzjonijiet tagħha meta taġixxi kontra ksur allegat tal-liġi tal-UE. F’konformità ma’ dawn il-prijoritajiet u mal-impenn politiku tagħha li tkun aktar strateġika fl-infurzar tal-liġi tal-UE, il-Kummissjoni għalqet għadd ta’ każijiet meta dan deher xieraq minn perspettiva ta’ politika.

    Fl-2017, il-Kummissjoni Ewropea għalqet proċeduri ta’ ksur u lmenti  kontra għadd ta’ Stati Membri fil-qasam tal-logħob tal-azzard.

    Il-Kummissjoni ma tqisx li hija prijorità li tuża s-setgħat ta’ kontra l-ksur tagħha biex tippromwovi

    Suq Uniku tal-UE fil-qasam tas-servizzi tal-logħob tal-azzard online.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea kemm-il darba rrikonoxxiet id-drittijiet tal-Istati Membri li jirrestrinġu s-servizzi tal-logħob tal-azzard fejn dan ikun meħtieġ għall-ħarsien tal-objettivi tal-interess pubbliku bħalma huma l-ħarsien tal-minorenni, il-ġlieda kontra d-dipendenza fuq il-logħob u l-ġlieda kontra l-irregolaritajiet u l-frodi.

    Il-Kummissjoni tagħraf il-leġittimità politika usa’ tal-għanijiet ta’ interess pubbliku li għandhom l-Istati Membri meta jirregolaw is-servizzi tal-logħob tal-azzard.

    Il-Kummissjoni se tkompli tappoġġa lill-Istati Membri fl-isforzi tagħhom biex jimmodernizzaw l-oqsfa ġuridiċi nazzjonali tagħhom tal-logħob tal-azzard online u biex jiffaċilitaw il-kooperazzjoni bejn ir-regolaturi nazzjonali tal-logħob tal-azzard. Fl-istess waqt, u fid-dawl tal-bosta sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE dwar il-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-logħob tal-azzard, il-Kummissjoni tqis li l-ilmenti fis-settur tal-logħob tal-azzard jistgħu jiġu ttrattati b’mod aktar effiċjenti mill-qrati nazzjonali milli mill-Kummissjoni.

    Biex tiżgura konformità aktar mgħaġġla fejn dan ikun importanti, il-Kummissjoni aġġustat il-politika tagħha dwar l-użu tal-mekkaniżmu EU Pilot. B’dan il-mekkaniżmu l-Kummissjoni tqajjem b’mod informali t-tħassib tagħha dwar il-possibbiltà ta’ ksur mal-Istati Membri qabel ma tibda proċedimenti formali. L-EU Pilot m’għadux il-mekkaniżmu awtomatiku biex il-Kummissjoni tidħol fi djalogu mal-Istati Membri dwar ksur allegat tal-liġi tal-UE. Minflok, il-Kummissjoni normalment tibda proċeduri ta’ ksur mingħajr ma tiddependi fuq l-EU Pilot. Dan jispjega t-tnaqqis konsiderevoli fl-għadd ta’ proċeduri tal-EU Pilot imnedija mill-Kummissjoni fl-2017.

    Peress li l-Kummissjoni tagħti prijorità għolja lill-investigazzjoni ta’ każijiet fejn l-Istati Membri jkunu naqsu milli jikkomunikaw il-miżuri nazzjonali tagħhom li jittrasponu d-direttivi, hija saħħet is-sistema ta’ sanzjonijiet tagħha fir-rigward ta’ każijiet bħal dawn. Meta dawn il-każijiet ta’ ksur jitressqu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni se titlob b’mod sistematiku lill-Qorti biex timponi ħlas ta’ somma f’daqqa kif ukoll ħlas ta’ penali perjodiku. Il-Kummissjoni se tapplika din il-politika għall-proċeduri ta’ ksur li ġew imnedija wara l-pubblikazzjoni tal-Komunikazzjoni Id-Dritt tal-UE: Riżultati aħjar permezz ta’ applikazzjoni aħjar tad-19 ta’ Jannar 2017. Minħabba l-perjodu qasir ta’ żmien li għadda minn dakinhar, il-Kummissjoni ma rreferiet l-ebda każ lill-Qorti taħt is-sistema l-ġdida tas-sanzjonijiet fl-2017.

    Il-Kummissjoni tkompli tqiegħed valur kbir fuq l-għajnuna minn membri tal-pubbliku, minn negozji u minn partijiet ikkonċernati oħra biex jiġi identifikat ksur tal-liġi tal-UE. Fl-istess ħin, huwa daqstant ieħor importanti li l-pubbliku jifhem in-natura tal-proċess ta’ ksur u jistabbilixxi l-aspettattivi tiegħu kif xieraq. L-għan ewlieni tal-proċedura ta’ ksur huwa li tiżgura l-konformità mal-liġi tal-UE mill-Istat Membru, u mhux li tipprovdi għal rimedju jew kumpens individwali. Ċerti kategoriji ta’ każijiet ħafna drabi jistgħu jiġu indirizzati b’mod sodisfaċenti minn mekkaniżmi oħra, aktar xierqa fil-livell tal-UE u dak nazzjonali, bħal SOLVIT, il-qrati nazzjonali u l-ombudsmen nazzjonali. Il-Komunikazzjoni Id-Dritt tal-UE: Riżultati aħjar permezz ta’ applikazzjoni aħjar waqqfet il-pedamenti billi impenjat ruħha biex isaħħaħ il-kooperazzjoni man-Netwerk Ewropew tal-Ombudsmen sabiex tippromwovi amministrazzjoni tajba fl-applikazzjoni tal-liġi tal-UE fil-livell nazzjonali.

    Fl-2017 il-Kummissjoni kompliet tibni fuq dan l-impenn. Flimkien mal-Ombudsman Ewropew u n-Netwerk Ewropew tal-Ombudsmen, hija organizzat workshop biex iżżid l-iskambji ta’ informazzjoni kemm dwar investigazzjonijiet attwali rigward ksur tal-liġi tal-UE kif ukoll dwar mekkaniżmi ta’ rimedju disponibbli għall-membri tal-pubbliku.

    Il-parlamenti nazzjonali għandhom rwol essenzjali fl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE fl-ordni legali nazzjonali. Għalhekk, il-Kummissjoni tilqa’ bir-raġun iż-żieda fl-interess tagħhom fi kwistjonijiet marbuta mal-implimentazzjoni, mal-applikazzjoni u mal-infurzar effettiv tal-liġi tal-UE. Minbarra l-iskambji regolari tagħha mal-parlamenti nazzjonali dwar il-proposti leġiżlattivi, il-Kummissjoni tejbet dan id-djalogu billi inkludiet kwistjonijiet speċifiċi relatati mal-infurzar. Fl-2017, il-Kummissjoni użat din l-opportunità biex tiċċara l-politika ġdida tagħha dwar l-infurzar fl-iskambji tagħha mal-parlamenti nazzjonali tal-Ġermanja u tar-Repubblika Ċeka.



    1.Spinta ġdida għall-impjiegi, għat-tkabbir u għall-investiment

    L-ewwel prijorità tal-Kummissjoni Juncker hija li tistimula investiment li joħloq l-impjiegi u li ssaħħaħ il-kompetittività tal-Ewropa. Madankollu, l-isforzi sabiex jinħoloq ambjent regolatorju idoneu li jappoġġa lin-negozji u lill-ħolqien tal-impjiegi jiġu mminati jekk l-Istati Membri ma jimplimentawx ir-regoli tal-UE b’mod korrett u fil-ħin.

    L-iżgurar ta’ kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti mal-UE kollha

    Il-moviment liberu tal-ħaddiema fis-Suq Uniku jimxi id f’id mal-iżgurar ta’ livell simili ta’ protezzjoni fuq ix-xogħol fl-UE kollha. Id- Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol tistabbilixxi rekwiżiti minimi tas-sigurtà u s-saħħa għall-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol. Sigħat twal ta’ xogħol, flimkien ma’ mistrieħ mhux suffiċjenti (b’mod partikolari fuq perjodi twal) jista’ jkollhom effetti ta’ ħsara fuq is-saħħa tal-ħaddiema (bħal rati ogħla ta’ inċidenti u żbalji, aktar stress u għeja, u riskji għas-saħħa fuq medda qasira u twila ta’ żmien).

    F’April 2017 il-Kummissjoni ppreżentat ‘ Komunikazzjoni Interpretattiva dwar id- Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol  u rapport  dwar kif qed tiġi implimentata. Dawn l-istrumenti għandhom l-għan li jiċċaraw il-leġiżlazzjoni applikabbli. B’hekk, l-għan ta’ din il-Komunikazzjoni huwa primarjament li tassisti lill-awtoritajiet nazzjonali, lill-ġuristi u lis-sħab soċjali fl-interpretazzjoni tad-direttiva.

    L-applikazzjoni mhux uniformi tad- Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol  fl-Istati Membri ħalliet kategoriji ta’ ħaddiema mingħajr il-protezzjoni li toffri. Fis-settur pubbliku, il-forzi armati, il-pulizija u s-servizzi tal-protezzjoni ċivili bħall-persunal tal-ħabs u l-pumpieri tas-servizz pubbliku mhux dejjem gawdew mill-benefiċċji tad-direttiva. Fir-rigward tas-settur privat, f’xi Stati Membri l-ħaddiema domestiċi wkoll mhux dejjem setgħu jibbenefikaw mid-drittijiet tagħhom taħt din id-direttiva. Id-dritt għal-leave annwali mħallas — wieħed mill-elementi ewlenin tad-direttiva — mhux dejjem ġie integrat b’mod korrett fil-liġi nazzjonali.

    Wara li l-Kummissjoni nediet proċeduri ta’ ksur, Franza u Spanja emendaw il-leġiżlazzjoni tagħhom fl-2017 biex jestendu l-benefiċċji tad-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol għal ċerti kategoriji ta’ membri tal-forzi tal-pulizija tagħhom.

    Matul l-aħħar 20 sena l-azzjonijiet ta’ infurzar tal-Kummissjoni indirizzaw dawn in-nuqqasijiet. Barra minn hekk, aktar minn 50 sentenza u ordni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE interpretaw id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol. L-impatt ta’ dawn l-interpretazzjonijiet huwa konsiderevoli: huma jintużaw mill-qrati nazzjonali fl-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali u b’hekk jiġu imposti fuq min iħaddem.

    Il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar is-saħħa u s-sikurezza okkupazzjonali (OSH) tistabbilixxi standards għoljin ta’ protezzjoni tal-ħaddiema mir-riskji għas-saħħa u s-sikurezza fuq ix-xogħol. Hija tikkontribwixxi għall-prevenzjoni ta’ mard u inċidenti relatati max-xogħol, u għaldaqstant tgħin biex tittejjeb il-ħajja tan-nies. Fl-2017 l-azzjonijiet ta’ infurzar tal-Kummissjoni f’dan il-qasam ġagħlu lill-Istati Membri jdaħħlu fis-seħħ leġiżlazzjoni nazzjonali biex jiżguraw il-konformità tagħhom mal-liġi tal-UE, b’mod partikolari mad-Direttiva dwar l-espożizzjoni tal-ħaddiema għar-riskji li jinħolqu minn kampi elettromanjetiċi .

    L-infurzar tar-regoli ambjentali

    Fl-2017, il-Kummissjoni ħadet azzjoni legali biex tindirizza l-implimentazzjoni inadegwata tal-leġiżlazzjoni ambjentali.

    Il-Kummissjoni rreferiet lill-Polonja quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE minħabba ż-żieda fil-qtugħ tas-siġar għall-injam fil- Foresta ta’ Białowieża , li hija waħda mill-aħħar foresti tal-ewwel żminijiet tal-Ewropa u sit protett ta’ “Natura 2000”. Is-sit jipproteġi l-ispeċijiet u l-ħabitats li huma dipendenti fuq foresti b’siġar antiki, inkluż id-disponibbiltà tal-injam mejjet. Għal xi wħud minn dawn l-ispeċijiet, il-Foresta ta’ Białowieża hija l-aktar sit importanti, u l-aħħar wieħed, fil-Polonja. Peress li l-operazzjonijiet tal-qtugħ tas-siġar bdew fuq skala sinifikanti, il-Kummissjoni talbet ukoll lill-Qorti biex timponi miżuri interim li jordnaw lill-Polonja tissospendi x-xogħlijiet immedjatament. Il-Qorti aċċettat it- talba  tal-Kummissjoni u ordnat lill-Polonja biex minnufih twaqqaf l-operazzjonijiet attivi tagħha ta’ ġestjoni tal-foresti fil-Foresta ta’ Białowieża, ħlief f’każijiet eċċezzjonali fejn huma strettament meħtieġa biex tiġi żgurata s-sikurezza pubblika. Il-Qorti kkonfermat ukoll għall-ewwel darba li l-Polonja tista’ taffaċċja penali finanzjarji jekk ma tikkonformax ruħha mad-deċiżjoni tal-Qorti.

    It-titjib tal-kwalità tal-arja jibqa’ sfida ewlenija. Minkejja l-obbligu tal-Istati Membri li jiżguraw kwalità tajba tal-arja għall-pubbliku, il-kwalità tal-arja baqgħet problema f’bosta postijiet tul għadd ta’ snin. Kull sena, il-kwalità ħażina tal-arja tikkawża aktar imwiet mill-inċidenti tat-traffiku fit-toroq.

    Fl-2017 kienu għaddejjin total ta’ 30 proċedura ta’ ksur fuq livelli eċċessivi fl-arja ta’ partikuli (PM10), ta’ dijossidu tan-nitroġenu (NO2) u ta’ dijossidu tal-kubrit (SO2). Dawn in-niġġiesa, li jirriżultaw l-aktar minn attivitajiet umani bħat-trasport, l-industrija u t-tisħin domestiku, jistgħu jikkawżaw problemi respiratorji, kanċer tal-pulmun u mewt qabel iż-żmien. F’sentenza storika kontra l-Bulgarija dwar qbiż tal-limiti fuq it-tniġġis minn partikuli , il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat l-azzjonijiet ta’ infurzar tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni se tkompli ssegwi l-proċeduri attwali ta’ ksur rigward il-kwalità tal-arja kontra l-Istati Membri l-oħrajn.

    L-Istati Membri jeħtieġu wkoll sistemi adegwati biex jiġbru u jittrattaw l-ilma urban mormi bħala ilma mhux ittrattat li jikkawża riskji għas-saħħa tal-bniedem, għall-ilmijiet interni u għall-ambjent marittimu.

    Fl-2017, il-Qorti tal-Ġustizzja laqgħet l-argumenti tal-Kummissjoni f’każijiet imressqa kontra r-Renju Unit u l-Greċja dwar trattament insuffiċjenti tal-ilma urban mormi.

    Il-Kummissjoni wettqet b’mod attiv azzjonijiet ta’ kontra l-ksur fl-2017 kontra l-Istati Membri li ma implimentawx id-Direttiva riveduta tal-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom. Din id-direttiva tissimplifika r-regoli għall-valutazzjoni tal-effetti potenzjali tal-proġetti fuq l-ambjent.

    Fl-istess ħin, il-Kummissjoni ħadmet mill-qrib mal-awtoritajiet nazzjonali u ma’ partijiet ikkonċernati oħra biex tappoġġa l-konformità u ssolvi l-problemi fi stadju bikri. Ir-rapporti rigward ir-Rieżami tal-Implimentazzjoni Ambjentali tal-pajjiżi nħarġu fi Frar 2017 u taw għall-ewwel darba deskrizzjoni komprensiva dwar kif l-Istati Membri japplikaw il-politiki u l-liġijiet ambjentali tal-UE fil-prattika. Fuq il-bażi ta’ dawn ir-rapporti, il-Kummissjoni bdiet djalogi tal-pajjiżi mal-Istati Membri. Barra dan, il-Kummissjoni stabbilixxiet strument bejn il-pari biex tappoġġa l-kondiviżjoni tal-għarfien espert bejn l-awtoritajiet pubbliċi nazzjonali, reġjonali u lokali responsabbli mill-implimentazzjoni tal-liġi u tal-politika ambjentali tal-UE.

    L-infurzar tar-regoli agrikoli

    Il-politika agrikola komuni u l-infurzar tar-regoli relatati tal-UE jipprovdu appoġġ għad-dħul mill-biedja u biex il-biedja ssir aktar ekoloġika. Dawn l-azzjonijiet jgħinu wkoll biex jiżdiedu l-kompetittività u l-effiċjenza tar-riżorsi tas-settur, u biex jingħata appoġġ għall-ħajja fiż-żoni rurali b’mod aktar ġenerali.

    Fl-2017 l-azzjonijiet tal-Kummissjoni favur l-infurzar tar-regoli agrikoli ffukaw fuq il-monitoraġġ dwar kif l-Istati Membri kienu qed jimplimentaw ir-riforma tal-pagamenti diretti . Il-Kummissjoni bdiet djalogi bilaterali mal-Istati Membri li kienu qed jużaw b’mod skorett l-għajnuna finanzjarja taħt l-iskema tal-Appoġġ Akkoppjat Volontarju biex jappoġġaw tipi ta’ biedja jew setturi li kienu affaċċjati b’diffikultajiet mhux relatati mir-riskju ta’ abbandun jew ta’ tnaqqis fil-produzzjoni.

    Id-diffikultajiet li żvolġew fil-prattika wrew li r-regoli applikabbli kellhom jiġu ċċarati. Il-Kummissjoni għalhekk adottat regolament f’Diċembru 2017 li aġġusta l-kundizzjonijiet li taħthom l-Istati Membri jistgħu jagħtu appoġġ finanzjarju lill-bdiewa permezz tal-iskema tal-Appoġġ Akkopjat Volontarju.

    Permezz tad-djalogu, il-Kummissjoni kkonvinċiet lill-awtoritajiet nazzjonali ta’ Stat Membru biex jemendaw dispożizzjoni diskriminatorja li kienet qed ixxekkel lill-persuni b’diżabbiltà milli japplikaw għal appoġġ finanzjarju biex jimmodernizzaw l-ażjendi agrikoli tagħhom.

    Il-kaseini, sustanza li tinsab fil-ħalib, għandhom varjetà wiesgħa ta’ użi fl-industrija. Huma jintużaw f’ħafna industriji bħala legant, huma komponent ewlieni tal-ġobon u jintużaw bħala addittiv alimentari. Ir- regoli tal-UE dwar it-tikkettar ta’ kaseini u kaseinati jiffaċilitaw il-moviment liberu ta’ dawn il-prodotti mill-operaturi fin-negozju tal-ikel.

    Il-Kummissjoni segwiet b’mod attiv proċeduri ta’ ksur kontra Ċipru, l-Italja u r-Renju Unit , minħabba li ma implimentawx fil-ħin l-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni tal-kaseini u tal-kaseinati fil-leġiżlazzjoni nazzjonali.



    L-infurzar tar-regoli dwar l-affarijiet marittimi u s-sajd

    Biex tgħin lill-Ewropa tagħmel tranżizzjoni lejn ekonomija aktar ‘ċirkulari’ li tuża r-riżorsi naturali b’mod aktar sostenibbli, ir-riżorsi tal-ħut iridu jiġu ġestiti b’mod sostenibbli. Dan huwa wkoll meħtieġ biex jiġu żgurati l-impjiegi u t-tkabbir fis-settur tas-sajd fuq medda twila ta’ żmien. L-istrateġija ta’ infurzar tal-Kummissjoni fl-2017 għalhekk ikkonċentrat fuq l-oqsma tal-konservazzjoni u l-kontroll tas-sajd li huma essenzjali għall-bini ta’ ekonomija ċirkolari.

    Jekk l-Istati Membri ma jiħdux miżuri immedjati u effettivi biex jipprevjenu s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat, isir iktar diffiċli għall-UE li tiġġieled kontra dawn il-prattiki mad-dinja kollha.

    Il-Kummissjoni nediet proċeduri ta’ ksur kontra l-Portugall għax bastimenti tas-sajd li kienu qed itajru l-bandiera Portugiża u joperaw fl-ibħra taħt ir-responsabbiltà tal-Organizzazzjoni tas-Sajd fl-Atlantiku tal-Majjistral kienu ripetutament involuti tul żmien twil f’attivitajiet tas-sajd li jiksru l-miżuri ta’ konservazzjoni ta’ din l-organizzazzjoni.

    Is-sistemi nazzjonali għall-monitoraġġ tas-sajd iridu jipprovdu għal sanzjonijiet dissważivi kontra ksur serju tar-regoli tal-politika komuni tas-sajd tal-UE. Il-Kummissjoni ħadet azzjoni biex tirrimedja n-nuqqasijiet sistemiċi li jfixklu l-identifikazzjoni ta’ attivitajiet tas-sajd illegali li jagħmlu ħsara lis-sostenibbiltà.

    Taħt il-politika komuni tas-sajd, il-bastimenti tas-sajd tal-UE għandhom aċċess ugwali għall-ibħra u għar-riżorsi fl-ilmijiet kollha tal-UE. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li bastimenti li jtajru l-bandiera ta’ pajjiżi oħra tal-UE jkunu jistgħu jaċċessaw b’mod liberu l-ilmijiet taħt il-ġuriżdizzjoni tagħhom biex jistadu.

    Il-Kummissjoni ħadet azzjoni ulterjuri fil- proċedura ta’ ksur kontra r-Rumanija peress li din naqset milli tagħti lil bastimenti tas-sajd minn Stati Membri oħra aċċess ugwali għall-ibħra tagħha.

    Il-kompetizzjoni għall-ispazju fl-ilmijiet tagħna — għal tagħmir tal-enerġija rinnovabbli, għall-akkwakultura u għal użi oħra — għamlitha neċessarja li l-ġestjoni tal-ibħra tagħna ssir b’mod aktar koerenti. L-ippjanar spazjali marittimu jaħdem lil hinn mill-fruntieri u mis-setturi sabiex jiżgura li l-attivitajiet kollha tal-bniedem fuq il-baħar isiru b’mod effiċjenti, sikur u sostenibbli. Il-Kummissjoni fl-2017 ħadet passi biex tiżgura li l-qafas komuni tal-UE għall-ippjanar tal-ispazju marittimu jiġi implimentat fil-ħin fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istati Membri.



    L-infurzar tar-regoli dwar il-politika reġjonali

    Il- Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej jappoġġaw l-investimenti f’oqsma ta’ politika ewlenin li jiġġeneraw it-tkabbir mal-UE kollha. Sabiex ikun żgurat li l-Fondi jintużaw bl-iktar mod effettiv possibbli, l-Istati Membri jridu jikkonformaw ma’ ċerti prekundizzjonijiet . Il-Kummissjoni tivverifika li dawn tassew jiġu ssodisfati. L-investimenti fl-Istati Membri jridu jirrispettaw l-istess liġijiet u standards tal-UE li japplikaw għal varjetà ta’ setturi, bħal fis-setturi ambjentali, tal-impjiegi jew tar-riċerka.

    Fl-2017, l-azzjoni tal-Kummissjoni ffukat fuq l-infurzar tal-prekundizzjonijiet fl-oqsma tal-akkwist pubbliku, tal-għajnuna mill-Istat, tal-pjanijiet komprensivi għal investimenti fit-trasport, u fis-settur tal-ilma u tal-iskart.



    Il-ġlieda kontra l-frodi fil-baġit tal-UE

    Fl-2017, il-Kummissjoni kompliet issegwi każijiet li kkaġunaw telf fid-dħul għall-baġit tal-UE.

    L-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (l-OLAF) ippubblika rapport dwar każ importanti ta’ frodi doganali fl-2017. Dan kien jirrigwarda gruppi internazzjonali ta’ kriminalità organizzata li kienu qed ifittxu portijiet fl-UE bl-iktar kontrolli dgħajfa sabiex jirnexxilhom jagħmlu dikjarazzjonijiet foloz ta’ valuri baxxi rigward tessuti u żraben importati miċ-Ċina. Billi kemm it-taxxa doganali kif ukoll it-taxxa fuq il-valur miżjud jiġu kkalkolati fuq il-bażi tal-valur ta’ prodotti importati, dawk li jwettqu l-frodi jistgħu b’hekk jibbenefikaw b’mod illegali min-nuqqas ta’ kontrolli xierqa billi jħallsu ferm inqas milli legalment dovut. L-investigazzjoni tal-OLAF uriet li l-iktar ċentru sinifikanti għal dan it-traffiku frodulenti kien jinsab fir-Renju Unit. Peress li l-oġġetti kienu prinċipalment destinati għas-swieq ta’ Stati Membri oħra, inklużi Franza, Spanja, il-Ġermanja u l-Italja, id-dħul relatat mat-taxxa fuq il-valur miżjud li kien mistenni minn dawk l-Istati Membri ġie affettwat b’mod sinifikanti. Fl-2017 l-ispezzjonijiet tal-Kummissjoni kkonfermaw il-konklużjonijiet tal-investigazzjoni tal-OLAF u l-frodi li kienet għaddejja fir-Renju Unit matul il-perjodu 2011-2017. Il-Kummissjoni għal darb’oħra talbet lill-awtoritajiet tar-Renju Unit biex fl-aħħar jimplimentaw miżuri ta’ rimedju effettivi sabiex jipprevjenu l-importazzjoni miċ-Ċina ta’ tessuti u ta’ żraben li jkunu sottovalutati bil-kbir. Dawn il-miżuri kienu diġà ġew implimentati minn Stati Membri oħra wara r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni lill-Istati Membri kollha, inkluż ir-Renju Unit. Il-Kummissjoni ħadet passi xierqa biex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Unjoni u talbet lir-Renju Unit biex jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jagħmel disponibbli l-ammonti kollha dovuti lill-baġit tal-UE.

    Il-Kummissjoni rreferiet lin- Netherlands u lir- Renju Unit  quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja minħabba li naqsu milli jħallsu total ta’ EUR 20 miljun f’dazji doganali mitlufa mill-baġit tal-UE (bl-ispejjeż tal-ġbir imnaqqsa minnhom). Fil-każ taż-żewġ Stati Membri t-telf ta’ riżorsi proprji tradizzjonali għall-baġit tal-UE ġej minn ċertifikati maħruġa b’mod żbaljat mill-pajjiżi u t-territorji extra-Ewropej tagħhom. Fil-każ tar-Renju Unit, l-aluminju kien importat minn pajjiżi mhux tal-UE lejn territorju barrani (Anguilla) u mbagħad reġa’ ġie esportat lejn l-UE. L-importazzjoni bbenefikat b’mod skorrett minn eżenzjoni mid-dazji doganali tal-UE, minħabba li ċ-ċertifikati “EXP” ma kellhomx jinħarġu mill-Anguilla. Fir-rigward tan-Netherlands, l-importazzjonijiet ta’ trab tal-ħalib u ta’ ross minn Curaçao fl-1997-2000 u ta’ xgħir mitħun u ta’ prodotti tar-ross minn Aruba fl-2002-2003 ġew eżentati b’mod skorrett mid-dazji doganali tal-UE meta ġew importati lejn l-Ewropa, peress li ċ-ċertifikati “EUR. 1” ma kellhomx jinħarġu minn dawn it-territorji. Il-Curaçao u l-Aruba huma t-tnejn li huma territorji extra-Ewropej tan-Netherlands. Jekk Stat Membru ma jagħtix il-kontribuzzjoni sħiħa tiegħu lill-Baġit tal-UE, l-Istati Membri l-oħra jridu jikkumpensaw għal dan in-nuqqas.

    .

    2.Suq Uniku Diġitali konness

    L-istrateġija għal Suq Uniku Diġitali għandha l-għan li tneħħi l-ostakli online li jxekklu lin-nies fl-UE milli jiksbu ċerti prodotti u servizzi.

    L-infurzar tal-prinċipju ta’ roam-like-at-home

    Mill-15 ta’ Ġunju 2017 ir-regoli “ roam-like-at-home ” bdew japplikaw għall-vjaġġaturi kollha tal-UE. Dan ifisser li l-vjaġġaturi jħallsu l-istess prezz għat-telefonati, għall-messaġġi u għad-data mobbli meta jżuru Stat Membru ieħor li jħallsu meta jkunu fl-Istat Membru ta’ residenza tagħhom.

    Fl-2017, il-Kummissjoni mmonitorjat mill-qrib li l-Istati Membri kienu qed japplikaw b’ mod korrett ir-Regolament dwar ir-Roaming tal-UE . Il-monitoraġġ juri suċċess wiesa’ fl-implimentazzjoni tar-regoli l-ġodda dwar ir-roaming u żieda konsiderevoli fit-traffiku tar-roaming tal-vjaġġaturi mill-15 ta’ Ġunju 2017.

    Il-garanzija tal-fiduċja fit-tranżazzjonijiet online

    Il-firma elettronika, li tagħmilha possibbli li niffirmaw dokumenti fid-dimensjoni online bħalma niffirmaw dokument bil-pinna f’dik offline, diġà hija realtà fl-UE. Madankollu, servizzi fiduċjarji oħrajn minbarra l-firma elettronika huma meħtieġa biex tranżazzjonijiet elettroniċi f’sitwazzjonijiet transfruntiera (bħal fil-livell nazzjonali) ikunu siguri u legalment validi.

    Fl-2017 il-Kummissjoni ħadet azzjoni biex tiżgura li r- Regolament tal-UE dwar is-servizzi fiduċjarji jiġi applikat b'mod korrett fl-UE kollha. Ħadet azzjoni wkoll biex tiżgura li l-firem elettroniċi, is-siġilli elettroniċi, il-kronogrammi, is-servizzi ta’ kunsinna elettronika u l-awtentikazzjoni tas-siti web jaħdmu bejn il-fruntieri u jkollhom l-istess status legali mal-UE kollha bħall-proċessi tradizzjonali bbażati fuq il-karta.

    L-iżgurar ta’ titjib fil-konnettività tal-internet

    Id-Direttiva dwar Miżuri biex Tonqos l-Ispiża tal-Broadband tgħin biex titnaqqas l-ispiża tal-internet b’veloċità għolja b’sa 30 %, u dan ifisser li aktar nies fl-UE jkunu jistgħu jiksbu aċċess għalih. L-implimentazzjoni xierqa tad-Direttiva hija essenzjali għat-tlestija tas-Suq Uniku Diġitali u għaż-żieda fil-konnettività tal-UE.

    Wara li l-Kummissjoni kienet nediet proċeduri ta’ ksur, il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri kienu implimentaw id-Direttiva dwar it-Tnaqqis tal-Ispiża għall-Broadband fil-liġi nazzjonali. Kawżi kontra l-Belġju u s-Slovakkja  kienu għadhom pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fi tmiem l-2017.

    L-iżgurar tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur u tad-drittijiet relatati

    Id-Direttiva dwar il-Ġestjoni tad-Drittijiet Kollettivi ttejjeb il-governanza u t-trasparenza tal-organizzazzjonijiet tal-ġestjoni kollettiva. Dawn l-organizzazzjonijiet jamministraw id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati f’isem id-detenturi tad-drittijiet, bħal awturi, kompożituri jew artisti, mal-Ewropa kollha. Huma jiffaċilitaw id-drittijiet tal-liċenzjar u l-ġbir u d-distribuzzjoni tar-royalties u jippromwovu d-diversità tal-espressjoni kulturali. Id-Direttiva tikkontribwixxi wkoll għal disponibbiltà u għażla usa’ ta’ mużika online fl-Ewropa, inkluż bejn il-fruntieri nazzjonali.

    Il-Kummissjoni ħadet aktar passi fil- proċeduri ta’ ksur kontra l-Bulgarija, Spanja, il-Lussemburgu, il-Polonja u r-Rumanija minħabba li naqsu milli jimplimentaw id- Direttiva tal-Ġestjoni tad-Drittijiet Kollettivi  fil-ħin.

    L-applikazzjoni tar-regoli tad-drittijiet tal-awtur għal sit web ta’ skambju ta’ fajls bejn l-utenti kienet iċċarata f’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE dwar Pirate Bay. Pirate Bay jippermetti li l-utenti jiskambjaw u jtellgħu, f’segmenti (‘torrents’), xogħlijiet protetti mid-drittijiet tal-awtur li jkunu maħżuna fil-kompjuters tagħhom. Bħala regola ġenerali, id-detenturi tad-drittijiet ma tawx il-kunsens tagħhom lill-operaturi u lill-utenti ta’ dan it-tip ta’ sit biex jiskambjaw ix-xogħlijiet tagħhom. Il-Qorti ddeċidiet li d-disponibbiltà u l-ġestjoni ta’ pjattaforma online għall-iskambju ta’ xogħlijiet, bħal Pirate Bay, jistgħu jikkostitwixxu ksur tar-regoli tal-UE dwar id-drittijiet tal-awtur. Anke jekk ix-xogħlijiet protetti bid-drittijiet tal-awtur jitqiegħdu fuq l-internet mill-utenti tal-pjattaforma tal-iskambju online u mhux mill-pjattaforma nfisha, l-operaturi ta’ dik il-pjattaforma xorta għandhom rwol essenzjali biex dawk ix-xogħlijiet isiru disponibbli għall-utenti kollha tal-pjattaforma.

    Fl-aħħar tas-sena, il-Kummissjoni adottat ukoll il-pakkett tal-Proprjetà Intellettwali. Dan jipprovdi gwida dwar l-interpretazzjoni tad-Direttiva dwar l-Infurzar tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali, u b’hekk jagħmilha aktar faċli għall-Istati Membri biex jimplimentaw id-direttiva.

    3.Unjoni tal-Enerġija reżiljenti b’politika dwar it-tibdil fil-klima li tħares ’il quddiem

    L-Unjoni tal-Enerġija  tal-Ewropa tfisser l-iżgurar ta’ enerġija sigura, bi prezz raġonevoli u nadifa għall-familji u għan-negozji permezz tal-possibbiltà tal-fluss liberu tal-enerġija bejn il-fruntieri nazzjonali fl-UE. Hija tistimola wkoll l-iżvilupp ta’ teknoloġiji ġodda u ta’ infrastruttura mġedda sabiex tnaqqas il-kontijiet domestiċi, toħloq l-impjiegi u żżid it-tkabbir. L-Unjoni tal-Enerġija se twassal għal konsum tal-enerġija sostenibbli billi tnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet serra, it-tniġġis u d-dipendenza tagħna fuq il-karburanti fossili.

    It-tmexxija tat-tranżizzjoni tal-enerġija lejn settur tal-enerġija sigur, sikur u sostenibbli bil-konsumatur fiċ-ċentru tiegħu

    Ambjent kompetittiv għall-fornituri tal-enerġija jwassal għal prezzijiet tal-enerġija aċċessibbli għad-djar, għan-negozji u għall-industriji. Għaldaqstant, l-azzjoni ta’ infurzar tal-Kummissjoni fis-settur tal-enerġija fl-2017 iffokat, fost affarijiet oħra, fuq l-implimentazzjoni tad- Direttivi tat-Tielet Pakkett dwar l-Enerġija u tar- Regolament TEN-E .

    L-implimentazzjoni korretta tar-regoli tal-UE fis-settur tal-enerġija hija kruċjali biex jitnaqqas il-konsum tal-enerġija u biex din issir aktar sostenibbli. Hija tgħin ukoll biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tad-dijossidu tal-karbonju u d-dipendenza fuq il-karburanti fossili filwaqt li fl-istess waqt jiġi żgurat li l-provvista tal-enerġija tkun affidabbli, b’mod partikolari għall-aktar konsumaturi vulnerabbli. L-azzjonijiet ta’ infurzar tal-Kummissjoni fir-rigward tad- Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija , id- Direttiva dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija , id- Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli u r- Regolament dwar is-Sigurtà tal-Provvista tal-Gass ġew identifikati biex jappoġġaw dawn l-objettivi.

    Id-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija u d-Direttiva dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija jimponu sett ta’ regoli biex tiġi pprovduta informazzjoni affidabbli lill-konsumaturi rigward il-ħtiġijiet tal-enerġija u x-xejriet fil-konsum. Dawn ir-regoli ġew infurzati fl-2017 permezz ta’ proċeduri ta’ ksur kontra r-Repubblika Ċeka , il-Greċja ,  Spanja , il-Latvja ,  Malta u n-Netherlands . 

    Il-Kummissjoni wettqet għadd ta’ miżuri ta’ infurzar biex tiżgura li l-Istati Membri jkollhom fis-seħħ qafas nazzjonali għall-ġestjoni sikura u responsabbli tal-karburant użat u tal-iskart radjuattiv u biex ittejjeb il-qafas legali dwar sustanzi radjuattivi fl-ilma tax-xorb. L-infurzar tar-rekwiżiti tas-sikurezza għall-operazzjonijiet taż-żejt u tal-gass offshore kien ukoll prijorità.

    Għal dan il-għan, il-Kummissjoni ħadet passi ulterjuri fl- fl-azzjonijiet ta’ ksur kontra r-Repubblika Ċeka, il-Kroazja, l-Italja, l-Awstrija u l-Portugall talli naqsu milli jadottaw programmi nazzjonali għall-ġestjoni tal-iskart radjuattiv u għall-karburant użat f’konformità mal-istandards tal-UE. Barra minn hekk, il-Kummissjoni fetħet proċeduri ta’ ksur kontra l-Belġju, id-Danimarka, il-Lussemburgu, l-Awstrija u s-Slovenja talli naqsu milli jimplimentaw fil-ħin id-Direttiva emendatorja dwar is-Sikurezza Nukleari fil-leġiżlazzjoni nazzjonali.

    Fl-2016 u l-2017, il-Kummissjoni żiedet l-azzjoni tagħha fis-settur tal-enerġija permezz ta’ għadd ta’ proposti leġiżlattivi. Tnejn minn dawn il-proposti (ir- Regolament dwar it-Tikkettar tal-Enerġija u r- Regolament dwar is-Sigurtà tal-Provvista tal-Gass ) ġew adottati mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill fl-2017.

    L-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Pariġi dwar it-tibdil fil-klima

    Fl-2015, waqt il-konferenza dwar t-tibdil fil-klima ta’ Pariġi, l-UE u s-sħab tagħha bnew koalizzjoni wiesgħa b’ambizzjoni għolja li wasslet għall-Ftehim ta’ Pariġi. Il- Ftehim jistabbilixxi pjan ta’ azzjoni globali biex id-dinja terġa’ taqbad dik it-triq li minnha tevita tibdil perikoluż fil-klima. Biex timplimenta l-Ftehim ta’ Pariġi, il-Kummissjoni Ewropea pproponiet sett ambizzjuż ta’ miri għall-ekonomija kollha maħsuba biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra tal-UE b’mill-inqas 40 % taħt il-livelli tal-1990 sal-2030. Biex jintlaħqu dawn il-miri huwa importanti li l-leġiżlazzjoni eżistenti dwar il-klima tiġi implimentata bis-sħiħ u infurzata b’mod strett.

    Il-Kummissjoni għalhekk fl-2017 immonitorjat mill-qrib l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti dwar it-tibdil fil-klima.

    Peress li ħames Stati Membri biss ittrasponew id- Direttiva dwar il-kwalità tal-karburant f’liġijiet nazzjonali fil-ħin, il-Kummissjoni nediet proċeduri ta’ ksur kontra kull wieħed mill-Istati Membri l-oħra kollha. Id-Direttiva tittratta l-problema tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill-użu ta’ karburanti niġġiesa għat-trasport bit-triq billi teħtieġ lill-fornituri biex inaqqsu l-medji tal-emissjonijiet ta’ karburanti bħal dawn. Ġaladarba s-settur tat-trasport huwa wieħed mill-ikbar emittenti tad-dijossidu tal-karbonju tal-UE, huwa importanti li l-Istati Membri jittrasponu din id-Direttiva sal-iskadenza stipulata.

    Il-Kummissjoni bdiet ukoll djalogi bilaterali biex tiżgura li l-Istati Membri jikkonformaw mad- Direttiva dwar il-ħżin ġeoloġiku tad-diossidu tal-karbonju . Il-ġbir tal-karbonju u l-ħżin ġeoloġiku huma teknika għall-qbid ta’ diossidu tal-karbonju minn sorsi kbar bħall-impjanti tal-enerġija, li tikkumpressah u tittrasportah lejn maħżen adattat fejn jiġi injettat fl-art. Din it-teknoloġija għandha potenzjal sinifikanti biex tgħin sabiex jiġi limitati l-emissjonijiet tal-gassijiet serra fl-Ewropa.

    Il-Kummissjoni ħadet azzjonijiet simili biex tiżgura li l-Istati Membri japplikaw ir- Regolament dwar gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra . Dan għandu l-għan li jnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet magħmula mill-bniedem li jintużaw f’firxa ta’ applikazzjonijiet industrijali. Dawn huma gassijiet serra qawwijin ħafna li jistgħu jibqgħu fl-atmosfera tul sekli sħaħ.

    Il-Kummissjoni kienet ukoll attiva fil-monitoraġġ tal-konformità tal-Istati Membri mar- Regolament li joħloq qafas mal-UE kollha għall-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika ta’ emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju mit-trasport marittimu . It-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra mit-tbaħħir huwa pass importanti biex jintlaħqu l-miri tal-Ftehim ta’ Pariġi.

    L-aċċellerazzjoni tal-iskjerament tal-infrastruttura għall-karburanti alternattivi huwa essenzjali biex it-trasport isir nadif u kompetittiv madwar l-Ewropa. F’Novembru 2017, il-Kummissjoni adottat Pakkett dwar il-Mobbiltà Nadifa maħsub biex isaħħaħ it-tmexxija globali tal-UE fil-qasam tal-vetturi nodfa. Id- Direttiva dwar l-installazzjoni ta’ infrastruttura tal-karburanti alternattivi għandha l-għan li tistabbilixxi qafas komuni għall-iskjerament fuq skala kbira ta’ infrastruttura għal karburanti alternattivi mal-Ewropa kollha. Id-Direttiva tgħin biex titnaqqas id-dipendenza tat-trasport fuq iż-żejt, biex jiġi llimitat l-impatt ambjentali tagħha u biex tissaħħaħ it-tmexxija Ewropea fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. Hija tistabbilixxi rekwiżiti minimi għall-bini ta’ infrastruttura tal-karburanti alternattivi, inklużi punti tal-iċċarġjar għall-vetturi li jaħdmu bl-elettriku u punti ta’ riforniment għall-vetturi li jaħdmu bil-gass naturali u bl-idroġenu.

    Peress li 21 Stat Membru naqsu milli jimplimentaw fil-ħin Direttiva dwar l-installazzjoni ta’ infrastruttura tal-karburanti alternattivi, il-Kummissjoni nediet proċeduri ta’ ksur kontra kull wieħed minnhom.



    4.Suq intern aktar ġust u profond b’bażi industrijali msaħħa

    Is-Suq Uniku tal-UE jibqa’ l-iktar valur prezzjuż tal-Ewropa għall-individwi u għan-negozji. Dan jipprovdi opportunitajiet enormi għan-negozji Ewropej kif ukoll għażla akbar u prezzijiet aktar baxxi għall-konsumaturi. Huwa jippermetti lin-nies jivvjaġġaw, jgħixu, jaħdmu u jistudjaw kull fejn jixtiequ. Iżda dawn il-benefiċċji ma jistgħux jitgawdew meta r-regoli tas-suq uniku ma jiġux applikati jew implimentati, jew jekk jiġu mminati minn ostakoli oħrajn.

    L-iżgurar ta’ kompetizzjoni bla distorsjonijiet

    Kull persuna għandha dritt għal kumpens sħiħ għal dannu kkawżat lilha minn ksur tar-regoli tal-UE dwar l-antitrust, bħall-operat ta’ kartell jew l-abbuż minn pożizzjoni dominanti fis-suq. Madankollu, fil-prattika l-biċċa l-kbira tal-vittmi, partikolarment l-intrapriżi żgħar u medji u l-konsumaturi, rari jiksbu kumpens mingħand il-kontraventur. Il-kumpens sħiħ huwa dritt tal-UE, iżda l-eżerċizzju tiegħu huwa rregolat mir-regoli nazzjonali. Dawn spiss jagħmluha għalja u diffiċli biex jitressqu azzjonijiet rigward danni antitrust. Id- Direttiva dwar id-Danni Antitrust adottata fl-2014 tgħin lill-individwi u lill-kumpaniji jitolbu kumpens għad-danni, pereżempju billi tagħtihom aċċess aktar faċli għall-provi li juru d-dannu mġarrab u billi tagħtihom iżjed żmien biex iressqu l-pretensjonijiet tagħhom quddiem il-qrati nazzjonali.

    Fl-2017, il-Kummissjoni mmonitorjat l-implimentazzjoni tad-direttiva fil-leġiżlazzjoni nazzjonali.

    F’Jannar 2017, il-Kummissjoni nediet proċeduri ta’ ksur kontra 21 Stat Membru rigward id-Direttiva dwar id-Danni Antitrust. Minn dak iż-żmien, ħafna minnhom ħadu miżuri biex jimplimentaw id-direttiva fil-liġi nazzjonali tagħhom. Sa tmiem l-2017, il-Bulgarija, il-Greċja u l-Portugall biss kienu għadhom ma adottawx il-miżuri meħtieġa.

    Fir-rigward tal-infurzar pubbliku tar-regoli dwar l-antitrust, f’Diċembru 2017 il-Greċja pproponiet lill-Kummissjoni sett ta’ rimedji li jagħtu aċċess lill-partijiet terzi għall-ġenerazzjoni tal-elettriku bil-linjite. Dan fittex li jindirizza tħassib dwar il-kompetizzjoni li ġie identifikat mill-Kummissjoni f’deċiżjoni tal-2008.

    Barra minn hekk, fl-2017, il-Kummissjoni kompliet id-diskussjonijiet mal-awtoritajiet Franċiżi biex isibu miżuri xierqa sabiex jindirizzaw tħassib dwar il-kompetizzjoni li kienet qajmet għall-ewwel darba fl-2015. Dawn irrigwardaw il-fatt li, billi l-biċċa l-kbira tal-konċessjonijiet tal-idroelettriku tal-pajjiż ingħataw lil kumpanija waħda, Franza kienet żammet jew saħħet il-pożizzjoni dominanti ta’ dik il-kumpanija fis-suq tal-elettriku Franċiż bi ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE.

    Fir-rigward tal-għajnuna mill-Istat, l-infurzar konsistenti tad-deċiżjonijiet tagħha kontra l-għajnuna mill-Istat huwa essenzjali għall-kredibbiltà tas-sistema tal-Kummissjoni għall-kontroll tal-għajnuna mill-Istat.

    Il-Kummissjoni ressqet azzjoni legali kontra l-Greċja talli naqset milli timplimenta deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-2008 li ħtiġitilha tirkupra għajnuna tal-Istat illegali mogħtija lil Hellenic Shipyards.



    L-iżgurar tal-moviment liberu tal-ħaddiema

    Iċ-ċittadini tal-UE huma intitolati li jaħdmu f’kull Stat Membru li jridu. Fl-istess waqt, id-drittijiet tal-ħaddiema li jagħżlu li jaħdmu barra pajjiżhom jridu jkunu protetti. Skont id-Direttiva dwar miżuri li jiffaċilitaw l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija lill-ħaddiema fil-kuntest tal-libertà tal-moviment għall-ħaddiema, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ħaddiema mobbli tal-UE jkollhom aċċess għal protezzjoni legali effettiva jekk id-drittijiet tagħhom jinkisru. L-Istati Membri għandhom ukoll jaħtru korp wieħed jew aktar biex jippromwovu t-trattament ugwali, biex jipprovdu appoġġ u assistenza lill-ħaddiema mobbli tal-UE u biex jippromwovu djalogu attiv bejn is-sħab soċjali, l-organizzazzjonijiet mhux governattivi u l-awtoritajiet pubbliċi.

    Fl-2017 il-Kummissjoni kompliet b’azzjonijiet ta’ ksur kontra tmien Stati Membri (ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, Ċipru, il-Litwanja, il-Lussemburgu, l-Awstrija, il-Portugall u r-Rumanija) li naqsu milli jimplimentaw fil-ħin fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom l-obbligi li joħorġu mid-Direttiva dwar miżuri li jiffaċilitaw l-eżerċizzju tad-drittijiet konferiti fuq ħaddiema fil-kuntest tal-moviment liberu tal-ħaddiema . B’riżultat ta’ din l-azzjoni l-Istati Membri kollha ħadu l-miżuri meħtieġa biex jimplimentaw id-Direttiva qabel tmiem l-2017.

    Il-moviment liberu huwa wieħed mill-ikbar vantaġġi tas-Suq Uniku, iżda dan għandu jsir b’mod ġust. Sabiex jiġi evitat id-dumping soċjali fil-provvista tas-servizzi, id-Direttiva dwar l-Istazzjonament ta’ Ħaddiema tipprovdi lill-awtoritajiet nazzjonali għodod biex jiġġieldu kontra l-abbuż u l-frodi u biex itejbu l-kooperazzjoni amministrattiva u l-iskambju ta’ informazzjoni tagħhom.

    Fl-2017 il-Kummissjoni użat is-setgħat ta’ infurzar tagħha biex tiżgura li l-Istati Membri kienu qed jimplimentaw id-Direttiva dwar l-Istazzjonament ta’ Ħaddiema fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom mingħajr dewmien. Ħadet passi ulterjuri fil-proċeduri ta’ ksur imnedija kontra 10 Stati Membri (ir-Repubblika Ċeka, Ċipru, Spanja, il-Kroazja, l-Ungerija, il-Lussemburgu, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovenja u l-Iżvezja). B’riżultat ta’ din l-azzjoni l-Istati Membri kollha ħadu l-miżuri meħtieġa biex jimplimentaw id-Direttiva qabel tmiem l-2017.

    L-iżgurar tal-moviment liberu tal-merkanzija

    Skont il-liġi tal-UE, l-awtoritajiet nazzjonali huma responsabbli biex jivverifikaw li tip partikolari ta’ karozza jkun jissodisfa l-istandards kollha tal-UE qabel ma jkun jista’ jsir bejgħ ta’ karozzi individwali fis-Suq Uniku. Meta manifattur tal-karozzi jikser ir-rekwiżiti legali, l-awtoritajiet nazzjonali għandhom jieħdu azzjoni korrettiva (bħal ordni ta’ sejħa lura) u għandhom japplikaw penali effettivi, dissważivi u proporzjonati skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali. Il-Kummissjoni kompliet timmonitorja l-infurzar ta’ dawn ir-regoli mill-Istati Membri fl-2017.

    Fis-settur tal-karozzi, wara r-rivelazzjonijiet ta’ Settembru 2015 li l-Grupp Volkswagen uża softwer biex jevita l-istandards tal-emissjonijiet għal ċerti inkwinanti tal-arja, il-Kummissjoni kkonkludiet li bosta Stati Membri naqsu milli jistabbilixxu jew japplikaw sistemi ta’ penali li jiskoraġġixxu lill-manifatturi tal-karozzi milli jiksru l-leġiżlazzjoni dwar l-emissjonijiet tal-karozzi. Fl-2017 il-Kummissjoni ħadet passi ulterjuri kontra l-Ġermanja, il-Greċja, Spanja, il-Lussemburgu u r-Renju Unit talli naqsu milli jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vettura.

    F’Mejju 2017, il-Kummissjoni nediet proċedura ta’ ksur kontra l-Italja talli naqset milli tissodisfa l-obbligi tagħha skont il-leġiżlazzjoni tal-approvazzjoni tat-tip tal-vetturi tal-UE fir-rigward tal-karozzi Fiat Chrysler.

    Dwar il-libertà tal-istabbiliment

    Il-Kummissjoni segwiet mill-qrib il-bidliet fil-Liġi dwar l-Edukazzjoni Ogħla fl-Ungerija. Dawn il-bidliet żiedu rekwiżiti ġodda rigward:

    ·il-ħtieġa għal ftehimiet bilaterali bejn l-Ungerija u istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni ogħla minn pajjiżi mhux taż-Żona Ekonomika Ewropea; u

    ·il-ħtieġa li jiġu pprovduti servizzi ta’ edukazzjoni għolja fil-pajjiż ta’ oriġini wkoll.

    Il-Kummissjoni nediet proċedura ta’ ksur kontra l-Ungerija minħabba li dawn l-emendi rristrinġew ċerti universitajiet tal-UE u mhux tal-UE fl-operazzjonijiet tagħhom.

    Skont id-Direttiva dwar ir-Rikonoxximent ta’ Kwalifiki Professjonali, iċ-ċittadini tal-UE huma intitolati li jkollhom il-kwalifiki professjonali tagħhom rikonoxxuti fi Stat Membru ieħor.

    L-intervent tal-Kummissjoni wassal lill-awtoritajiet fl-Irlanda u fl-Awstrija biex jirrikonoxxu l-kwalifiki professjonali ta’ infermiera Kroati.

    Wara azzjoni ta’ infurzar mill-Kummissjoni, il-Polonja neħħiet it-tariffi minimi bejn l-aġenti tal-privattivi u l-klijenti tagħhom. Il-Kummissjoni rreferiet lill-Ġermanja quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja talli imponiet tariffi fissi fuq periti u inġiniera, li kienu japplikaw biss għall-periti u għall-inġiniera fil-Ġermanja.

    Informazzjoni u assistenza mtejba għaċ-ċittadini u għan-negozji

    F’Mejju 2017 il-Kummissjoni adottat pakkett ta’ għodda biex ittejjeb il-funzjonament prattiku tas-Suq Uniku tal-UE għall-individwi u għan-negozji.

    Il- Pjan ta’ Azzjoni SOLVIT isaħħaħ ir-rwol ta’ SOLVIT bħala mezz prattiku u informali ta’ rimedju fejn id-drittijiet tal-UE ta’ ċittadini u ta’ negozji jinkisru minn awtoritajiet pubbliċi f’sitwazzjoni transfruntiera. Taħt dan il-pjan, ilment imressaq lill-Kummissjoni jista’ jiġi trasferit lil SOLVIT.

    Fl-istess waqt, il-Kummissjoni adottat proposta ambizzjuża għal Gateway Diġitali Unika li twieġeb is-sejħa minn negozji, minn membri tal-pubbliku u minn partijiet ikkonċernati oħra għal aċċess aħjar għas-Suq Uniku. Il-Gateway Unika Diġitali se tagħti lill-utenti aċċess online faċli għal informazzjoni dwar regoli tal-UE u dwar regoli nazzjonali, għall-proċeduri tal-konformità ma’ dawn ir-regoli u għall-għajnuna u għall-assistenza fuq il-livell tal-UE u l-livell nazzjonali. L-utenti transfruntiera għandhom ikunu jistgħu jaċċessaw u jużaw dawn is-servizzi online bl-istess mod bħall-utenti nazzjonali. Il-Gateway se tappoġġa l-applikazzjoni transfruntiera tal-prinċipju “darba biss” billi tipprovdi mekkaniżmu għal skambju awtomatizzat ta’ evidenza bejn il-fruntieri. Il-prinċipju “darba biss” għandu l-għan li jiżgura li l-membri tal-pubbliku u n-negozji jintalbu jipprovdu l-istess informazzjoni lil amministrazzjoni pubblika darba biss.

    Il-Gateway Diġitali Unika twieġeb għall-ħtiġijiet tal-utenti f’dinja diġitali. Tista’ tgħin lill-kumpaniji jiffrankaw aktar minn EUR 11-il biljun fis-sena, u liċ-ċittadini tal-UE sa 855 000 siegħa mill-ħin tagħhom kull sena. L-inizjattiva tinkoraġġixxi wkoll lill-Istati Membri biex jadottaw strateġiji ta’ gvern elettroniku u biex joffru servizz pubbliku modern u effiċjenti.

    Fl-2017, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, il-Kummissjoni nediet l-interkonnessjoni tar-reġistri kummerċjali li se tiffaċilita l-aċċess għall-informazzjoni dwar il-kumpaniji fl-UE, kemm fid-dar kif ukoll bejn il-fruntieri.

    Permezz tal-portal Ewropew uniku tal-Ġustizzja elettronika, l-interkonnessjoni tar-reġistri kummerċjali tagħti aċċess elettroniku mal-UE kollha għal informazzjoni dwar kumpaniji mir-reġistri kummerċjali kollha fl-Istati Membri. Din is-sistema issa se tippermetti li n-negozji, il-konsumaturi, l-investituri u l-awtoritajiet isiru jafu aktar dwar il-kumpaniji li jittrattaw magħhom jew li jkunu jridu jagħmlu negozju magħhom. L-għan aħħari huwa li tiżdied il-fiduċja fis-Suq Uniku permezz tat-trasparenza u permezz ta’ informazzjoni aġġornata dwar il-kumpaniji tal-UE.



    L-infurzar tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali, tar-regoli tas-servizzi finanzjarji u tal-moviment liberu tal-kapital

    L-azzjoni ta’ infurzar tal-Kummissjoni fl-2017 iffokat biex tiżgura li l-Istati Membri implimentaw id-direttivi li ġew adottati wara l-kriżi finanzjarja. Dawn għandhom l-għan li jiftħu aktar is-swieq tas-servizzi finanzjarji tal-UE, isaħħu r-reżistenza u l-istabbiltà tas-settur finanzjarju u jtejbu l-protezzjoni tal-investituri. Dawn jinkludu d- Direttivi dwar il-Kontabbiltà u l-Awditjar , d- Direttiva dwar il-Kreditu Ipotekarju , d- Direttiva dwar il-Kontijiet tal-Ħlas u d- Direttiva dwar l-iżvelar ta’ informazzjoni mhux finanzjarja minn ċerti kumpaniji kbar li temenda d-Direttiva dwar il-Kontabbiltà.

    Kważi l-Istati Membri kollha adottaw miżuri sal-aħħar tal-2017 biex jagħtu effett lil dawn id-direttivi fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom. F’ħafna każijiet, dawn il-miżuri ġew adottati wara li l-Kummissjoni fetħet proċeduri ta’ ksur.

    Id- Direttiva dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji hija l-pedament tar-riformi li l-UE stabbilixxiet biex ittejjeb il-protezzjoni tal-investitur wara l-kriżi finanzjarja. Ir-regoli l-ġodda se jsaħħu s-suq uniku, u se jagħmulha possibbli li l-istrumenti finanzjarji jiġu nnegozjati fi swieq trasparenti, issorveljati tajjeb, kompetittivi u stabbli maż-Żona Ekonomika Ewropea kollha.

    Il-Kummissjoni nediet każijiet ta’ ksur kontra 19-il Stat Membru minħabba dewmien fit-traspożizzjoni tad-Direttiva dwar is-Swieq fl-Istrumenti Finanzjarji fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom.

    L-implimentazzjoni xierqa tad-Direttiva dwar is-Swieq fl-Istrumenti Finanzjarji u ta’ direttivi rilevanti oħra (bħad-Direttiva dwar it-Trasparenza) hija meħtieġa sabiex tinkiseb l-Unjoni tas-Swieq Kapitali. L-Unjoni tas-Swieq Kapitali għandha l-għan li ttejjeb l-aċċess għall-finanzi, b’mod partikolari għal kumpaniji innovattivi, għal negozji ġodda u għal intrapriżi żgħar u medji. Hija tfittex ukoll li tagħmel is-swieq kapitali aktar attraenti għall-investituri individwali u istituzzjonali, u li tagħmel l-investiment transfruntiera aktar faċli.

    Il-Kummissjoni mmonitorjat il-konformità mal-prinċipju tal-moviment liberu tal-kapital mill-Istati Membri. Irriferiet lill-Ungerija quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja minħabba nuqqas ta’ konformità mar-regoli tal-UE dwar id-drittijiet ta’ investituri transfruntiera f’artijiet agrikoli. L-Ungerija kienet adottat liġi li tterminat ċerti ‘drittijiet ta’ użufrutt’ — kuntratti li jagħtu d-dritt li tintuża proprjetà u li jsir profitt minnha — miżmuma minn investituri fl-Ungerija. Dan ċaħħad kemm lil investituri barranin kif ukoll lil dawk domestiċi mid-drittijiet miksuba tagħhom u mill-valur tal-investimenti tagħhom, mingħajr ma ngħataw kumpens.



    L-infurzar tar-regoli dwar it-tassazzjoni u d-dwana

    L-istrateġija ta’ infurzar tal-Kummissjoni fil-qasam doganali ffokat fuq l-iżgurar li l-Istati Membri japplikaw il-Kodiċi Doganali tal-Unjoni b’mod korrett u uniformi u fuq l-identifikazzjoni ta’ tariffi b’effett ekwivalenti għad-dazji doganali, anki fi ħdan l-UE.

    Wara li l-Kummissjoni fetħet proċedura ta’ ksur, l-awtoritajiet Taljani emendaw ir-regoli tagħhom biex ineħħu restrizzjoni ta’ rappreżentanza doganali diretta li kienet tmur kontra l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni.

    Il-Kummissjoni għamlet inkjesta biex tivverifika l-kompatibbiltà tar-regoli nazzjonali dwar il-kontroll tal-flus kontanti mal-leġiżlazzjoni tal-UE.

    B’riżultat tal-intervent tal-Kummissjoni, id-Danimarka emendat id-Dokument Amministrattiv Uniku użat għall-proċeduri doganali, li ma kienx konformi mar-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni doganali tal-UE.

    Fil-qasam tat-tassazzjoni indiretta, fl-isforzi ta’ infurzar tagħha l-Kummissjoni tat prijorità lis-segwitu ta’ każijiet ta’ ksur li jirrestrinġu l-libertajiet tat-Trattat b’impatt qawwi fuq il-funzjonament tas-suq intern.

    Taħt is-Sistema Elettronika ta’ Monitoraġġ fuq il-Merkanzija tat-Toroq, l-Ungerija talbet lill-kumpaniji biex jirrapportaw għand l-amministrazzjoni tat-taxxa vjeġġi intra-UE (u ċerti vjeġġi domestiċi) mwettqa fit-toroq pubbliċi. Sistema bħal din tmur kontra d-Direttiva dwar il-VAT peress li din taffettwa primarjament tranżazzjonijiet transfruntiera tal-UE u tpoġġi piż kbir fuq in-negozji meta jaqsmu l-fruntieri. Il-Kummissjoni nediet proċedura ta’ ksur kontra l-Ungerija.

    Il-Kummissjoni ħadet azzjoni kontra l-Italja, li teskludi ċittadini mhux Taljani li ma jkollhomx l-intenzjoni li joqogħdu fl-Italja milli jibbenefikaw mir-rata mnaqqsa li tapplika għax-xiri tal-ewwel dar mhux lussuża.

    Wieħed mill-benefiċċji tas-suq intern huwa li l-individwi u n-negozji għandhom il-libertà li jiċċaqalqu, joperaw u jinvestu bejn il-fruntieri nazzjonali. Iżda minħabba li t-tassazzjoni diretta mhix armonizzata mal-UE kollha, din il-libertà tista’ tfisser li ċerti persuni taxxabbli jirnexxilhom jevitaw jew jevadu t-taxxa fil-pajjiż tar-residenza tagħhom. L-awtoritajiet tat-taxxa fl-UE għalhekk qablu li jikkooperaw aktar mill-qrib biex jiżguraw li t-taxxi tassew jitħallsu u biex jiġu miġġielda l-frodi tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa. Din il-kooperazzjoni ġiet imnaqqxa fid- Direttiva dwar il-kooperazzjoni amministrattiva . Id-Direttiva tippermetti li l-Istati Membri, f’ambjent dejjem aktar globalizzat, jiżguraw li l-kontribwenti kollha tagħhom iħallsu s-sehem ġust tagħhom tat-taxxi. Din hija l-għodda ewlenija tat-trasparenza li tiġġieled kontra l-prattiki tal-evażjoni tat-taxxa żvelati mill-każ LuxLeaks u mid-dokumenti tal-Panama u l-Paradise Papers.

    L-azzjoni ta’ infurzar tal-Kummissjoni fl-2017 iffokat biex tiżgura li l-Istati Membri jimplimentaw emendi importanti għal dik id-Direttiva. Dawn l-emendi jirrigwardaw l-iskambju ta’ informazzjoni dwar id-deċiżjonijiet tat-taxxa u r-rappurtar pajjiż b’pajjiż . Sa tmiem l-2017, kważi l-Istati Membri kollha kienu adottaw il-miżuri meħtieġa.

    F’ sentenza storika tal-Awla Manja , il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-qrati ta’ Stat Membru wieħed jistgħu jirrevedu l-legalità tat-talbiet għal informazzjoni dwar it-taxxa mibgħuta minn Stat Membru ieħor skont id-Direttiva dwar il-kooperazzjoni amministrattiva. Din ir-reviżjoni madankollu hija limitata għall-verifika dwar jekk l-informazzjoni mitluba tkunx manifestament nieqsa minn kwalunkwe rilevanza prevedibbli għall-investigazzjoni fiskali kkonċernata.

    Fl-2017, il-Kummissjoni għalqet proċeduri ta’ ksur kontra l-Ġermanja (rigward ir-regoli dwar it-taxxa tas-suċċessjoni fuq allowances speċjali ta’ manteniment) u l-Greċja (rigward it-trattament tat-taxxa tas-suċċessjoni ta’ legati lil organizzazzjonijiet bla skop ta’ qligħ u għal residenzi primarji) wara li għamlu emendi.

    L-iżgurar ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi

    F’Mejju 2017, il-Kummissjoni temmet il-valutazzjoni ta’ partijiet ewlenin tal-liġi tal-UE dwar il-konsumatur u l-kummerċ. B’mod ġenerali, ikkonkludiet li r-regoli eżistenti għadhom tajbin għall-iskop tagħhom jekk jiġu infurzati u applikati b’mod korrett. Madankollu, il-Kummissjoni identifikat bosta lakuni. Għal din ir-raġuni, u bi tweġiba għal każijiet ta’ ħsara fuq skala kbira bħall-iskandlu tal-emissjonijiet tal-karozzi tal-2015 jew il-kanċellazzjonijiet massivi ta’ titjiriet fl-2017 minn kumpanija tal-ajru, li affettwaw mijiet ta’ eluf ta’ konsumaturi fl-UE kollha, il-Kummissjoni se tippreżenta l-Patt Ġdid għall-Konsumaturi fl-2018. Dan se jagħmilha possibbli għall-konsumaturi li jkollhom l-interessi tagħhom difiżi b’mod kollettiv permezz ta’ organizzazzjonijiet rappreżentattivi. Din l-inizjattiva se toffri mezzi irħas u aktar effettivi biex jitwaqqaf u jiġi rimedjat ksur li jagħmel ħsara lil konsumaturi multipli tal-UE fl-istess waqt. Se jtejjeb ukoll l-infurzar pubbliku permezz ta’ pieni aktar effettivi, proporzjonati u dissważivi għal ksur tal-liġi tal-UE dwar il-konsumaturi.

    Il-Kummissjoni għalqet proċedura ta’ ksur kontra l-Italja rigward vjaġġi kollox inkluż peress li l-pajjiż issa ġab ir-regoli tiegħu konformi mad-Direttiva dwar il-Vjaġġi Kollox Inkluż tal-1990. Il-leġiżlazzjoni tal-UE tirrikjedi li l-organizzaturi ta’ vjaġġi kollox inkluż ikollhom protezzjoni kontra l-insolvenza, li tiggarantixxi li l-konsumaturi jirċievu rimborż u jitwasslu lura d-dar jekk l-organizzatur tal-ivvjaġġar ifalli. Wara li l-organizzatur tat-tours Todomondo falla fl-2009, il-Fond Nazzjonali ta’ Garanzija Taljan irċieva aktar minn 4 000 talba għal rimborż li ammontaw għal kważi EUR 7 miljun. Madankollu, ma kienx hemm biżżejjed flus fil-Fond biex ikopru t-talbiet kollha. Wara li l-Kummissjoni fetħet il-proċedura ta’ ksur, l-Italja ssostitwiet il-Fond Nazzjonali ta’ Garanzija li ma kienx iffinanzjat biżżejjed bid-dmir li l-operaturi turistiċi u l-aġenziji tal-ivvjaġġar jieħdu assigurazzjoni jew li jipprovdu garanzija bankarja għall-pagamenti kollha li jirċievu mingħand il-vjaġġaturi. L-Italja għamlet ukoll arranġamenti biex jingħata rimborż lill-vjaġġaturi kollha li tilfu l-flus minħabba insolvenzi fil-passat. Fl-2015 ġiet adottata d-Direttiva dwar il-Vjaġġi Kollox Inkluż li testendi l-protezzjoni lil hinn mill-pakketti tal-ivvjaġġar tradizzjonali, filwaqt li żżomm livell għoli ta’ protezzjoni kontra l-insolvenza għall-vjaġġaturi. Id-Direttiva l-ġdida jenħtieġ li tiġi implimentata mill-Istati Membri sa Jannar 2018 u se ssir applikabbli minn Lulju 2018. Il-Kummissjoni se tivverifika li l-liġijiet nazzjonali jikkonformaw mad-Direttiva l-ġdida.

    Minkejja regoli ta’ sikurezza estensivi, għad hemm wisq prodotti mhux siguri u illeċiti fis-suq li jistgħu jikkawżaw riskji kbar għall-konsumaturi. Fl-2017 il-Kummissjoni adottat il-Pakkett dwar il-Prodotti, li se jgħin biex jittejjeb l-infurzar tar-regoli armonizzati tal-UE dwar is-sikurezza tal-prodotti.



    L-iżgurar ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika

    Rigward is-saħħa pubblika, il-Kummissjoni mmonitorjat jekk l-Istati Membri introduċewx b’mod effettiv id-dispożizzjonijiet tad- Direttiva dwar il-Prodotti tat-Tabakk fil-liġi nazzjonali tagħhom. Din id-Direttiva għandha l-għan li tnaqqas l-użu tat-tabakk, b’mod partikolari billi tiskoraġġixxi liż-żgħażagħ milli jpejpu u billi tiżgura li l-membri kollha tal-pubbliku jkunu konxji bis-sħiħ mill-effetti dannużi tat-tabakk. Il-benefiċċji ta’ tnaqqis fir-rati tat-tipjip huma ċari: in-nies huma aktar b’saħħithom, ir-rati ta’ mard kroniku u l-imwiet prematuri relatati mat-tabakk qed jonqsu b’mod sinifikanti, u hemm iffrankar ekonomiku. Tnaqqis fil-konsum tat-tabakk ta’ 2 % biss ifisser iffrankar annwali fil-kura tas-saħħa ta’ madwar EUR 506 miljun fl-UE kollha.

    Fl-2017 il-Kummissjoni għalqet proċeduri ta’ ksur kontra l-Belġju, id-Danimarka, il-Greċja, Ċipru, il-Litwanja, il-Polonja, ir-Rumanija u s-Slovenja minħabba li dawn l-Istati Membri ħadu miżuri biex jimplimentaw fil-ħin id-Direttiva dwar Prodotti tat-Tabakk fil-liġi nazzjonali tagħhom.

    Id-dritt tal-pazjenti li jkollhom aċċess għal kura tas-saħħa sikura u ta’ kwalità għolja f’pajjiżi oħra tal-UE jibqa’ prijorità għall-Kummissjoni. Fl-2017 il-Kummissjoni mmonitorjat mill-qrib l-implimentazzjoni tad- Direttiva tal-Kura tas-Saħħa Transfruntiera .



    L-infurzar tar-regoli fuq il-mobbiltà u t-trasport

    Il-Kummissjoni ħadmet fl-2017 biex tiżgura bilanċ ġust bejn l-interessi tal-protezzjoni soċjali tal-ħaddiema tat-trasport bit-triq, il-kompetizzjoni ġusta u l-libertà tal-provvista ta’ servizzi tat-trasport transfruntieri.

    Il-Kummissjoni pproponiet kjarifika dwar kif il-kundizzjonijiet tal-istazzjonar japplikaw għat-trasport bit-triq, kif ukoll miżuri effettivi ta’ infurzar.

    Fl-2017, il-Kummissjoni talbet lill- Greċja biex tapplika b’mod sħiħ ir-regoli tal-UE dwar id-drittijiet tal-passiġġieri li jivvjaġġaw bil-baħar . Il-leġiżlazzjoni nazzjonali Griega kienet tipprevjeni lill-passiġġieri milli jibbenefikaw b’mod sħiħ mid-drittijiet mogħtija mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea meta s-servizz marittimu tagħhom ta’ trasport tal-passiġġieri jiġi kkanċellat jew jintlaqat minn dewmien. B’riżultat tal-azzjoni mressqa mill-Kummissjoni, l-awtoritajiet Griegi naqqxu b’mod sħiħ fil-liġi nazzjonali d-drittijiet tal-passiġġieri għal assistenza, riprogrammar tar-rotta jew rimborż f’każ ta’ kanċellazzjoni jew dewmien fit-tluq.

    It-trasport bit-triq huwa l-iktar mezz ta’ vjaġġar użat fl-UE u l-kawża primarja ta’ inċidenti. Id-difetti tekniċi jikkawżaw ħafna inċidenti: aktar minn ħames persuni jmutu kuljum fit-toroq tal-Ewropa f’inċidenti marbuta ma’ fallimenti tekniċi. Għalhekk il-kontrolli fuq il-vetturi huma fundamentali għas-sikurezza fit-toroq.

    Fl-2014 l-UE adottat regoli ġodda biex issaħħaħ ir-reġim tal-ittestjar u biex twessa’ l-kamp ta' applikazzjoni tiegħu. Il- pakkett dwar l-affidabbiltà stradali, għandu l-għan li jipprevjeni aktar minn 36 000 inċident fis-sena marbuta ma’ ħsarat tekniċi billi:

    ·itejjeb il-kwalità tat-testijiet tal-vetturi (permezz ta’ standards minimi komuni għat-tagħmir, għat-taħriġ ta’ spetturi u għal valutazzjoni ta’ nuqqasijiet);

    ·jestendi l-kontrolli fuq l-irbit tal-merkanzija matul spezzjonijiet fit-triq fuq vetturi tal-merkanzija;

    ·jagħmel il-komponenti elettroniċi ta’ sigurtà (bħall-ABS, l-ESC u l-boroż tal-arja) soġġetti għal testijiet obbligatorji;

    ·jelimina t-tbagħbis tal-kilometraġġ, permezz tal-qari tal-kilometraġġ irreġistrat.

    Peress li 24 Stat Membru naqsu milli jimplimentaw fil-ħin il-pakkett dwar l-affidabbiltà stradali, il-Kummissjoni fetħet proċeduri ta’ ksur kontrihom.

    Fis-settur ferrovjarju, il- Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kontijiet ta’ impriżi ferrovjarji jinżammu b’mod li jippermetti l-monitoraġġ tal-projbizzjoni fuq it-trasferiment ta’ fondi pubbliċi allokati għall-ġestjoni tal-infrastruttura għas-servizzi tat-trasport. L-Istati Membri mhumiex obbligati li jżommu kontijiet separati għal kull kuntratt ta’ servizz pubbliku. Il-Kummissjoni se ssegwi b’mod attiv l-implimentazzjoni tas-sentenza.

    F’ sentenza importanti , il-Qorti tal-Ġustizzja ċċarat li s-servizz ta’ intermedjazzjoni provdut mill-pjattaforma elettronika Uber, li l-iskop tiegħu huwa li jgħaqqad, permezz ta’ applikazzjoni smartphone u bi ħlas, sewwieqa mhux professjonali li jużaw il-vettura tagħhom stess ma’ persuni li jixtiequ jagħmlu vjaġġi urbani, jrid jiġi kklassifikat bħala “servizz fil-qasam tat-trasport”. Konsegwentement, sta għall-Istati Membri li jirregolaw il-kundizzjonijiet li taħthom għandhom jiġu pprovduti s-servizzi ta’ intermedjazzjoni bħal UBER f’konformità mar-regoli ġenerali tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE.

    5.Unjoni Ekonomika u Monetarja aktar profonda u aktar ġusta

    “Unjoni Ekonomika u Monetarja aktar profonda u aktar ġusta” hija parti fundamentali mir-rispons tal-Kummissjoni għall-kriżi ekonomika u finanzjarja. Din il-politika għandha l-għan li ssaħħaħ l-ekonomija tal-UE b’mod li toħloq aktar impjiegi u ttejjeb l-istandards tal-għajxien tan-nies. 

    L-infurzar tar-regoli tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja

    L-Unjoni Ekonomika u Monetarja tinsab fil-qalba tal-proċess tal-integrazzjoni tal-UE. Il-kisba ta’ Unjoni Ekonomika u Monetarja mhijiex għan fih innifsu iżda mezz biex jiġu pprovduti l-istabbiltà u tkabbir aktar b’saħħtu, aktar sostenibbli u inklużiv fiż-żona tal-euro u fl-UE kollha sabiex tittejjeb il-ħajja ta’ kulħadd.

    B’rispons għall-kriżi finanzjarja u ekonomika tal-2008, ġew adottati għadd ta’ atti legali ( is-"Six-Pack" tal-2011 u t-"Two Pack" tal-2013 ) sabiex jissaħħaħ il-qafas tal-governanza ekonomika tal-UE. Fl-2017, il-Kummissjoni tat attenzjoni partikolari għat-traspożizzjoni tad- Direttiva dwar ir-rekwiżiti għal oqfsa baġitarji tal-Istati Membri .

    Barra minn hekk, l-ewro tista’ tkun biss munita b’saħħitha u affidabbli f’għajnejn il-pubbliku u n-negozji jekk tkun protetta b’mod adegwat kontra l-iffalsifikar. Il-Kummissjoni vverifikat fl-2017 kif l-Istati Membri kienu qed jimplimentaw id-Direttiva dwar il-protezzjoni tal-euro u muniti oħra kontra l-iffalsifikar permezz tal-liġi kriminali .

    Il-Kummissjoni nediet proċeduri ta’ ksur kontra l-Bulgarija, il-Kroazja, il-Lussemburgu u s-Slovenja talli naqsu milli jimplimentaw fil-ħin id-Direttiva dwar il-protezzjoni tal-euro u muniti oħra kontra l-iffalsifikar fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom.



    L-infurzar tar-regoli tal-Unjoni Bankarja

    Fir-rigward tal-Unjoni Bankarja, il-Kummissjoni kompliet tikkontrolla l-implimentazzjoni tad- Direttiva IV dwar ir-Rekwiżiti ta’ Kapital , id- Direttiva dwar Skemi ta’ Garanzija tad-Depożiti u d- Direttiva dwar l-Irkupru u r-Riżoluzzjoni tal-Banek . Dawn l-istrumenti tal-UE għandhom l-għan li jiżguraw li l-banek ikunu aktar b’saħħithom u ssorveljati aħjar, u li l-problemi jkunu jistgħu jissolvew aktar faċilment mingħajr l-użu tal-flus tal-kontribwenti.

    Unjoni Ekonomika u Monetarja u Unjoni Bankarja b’saħħithom jeħtieġu wkoll li l-Istati Membri jkunu viġilanti fiż-żamma u fir-rispett tal-funzjonament indipendenti u awtonomu tal-banek ċentrali. Din l-indipendenza tippermettilhom li jikkontribwixxu u jwettqu d-diversi kompiti li l-liġi tal-UE tathom fil-qasam tal-politika monetarja u tas-superviżjoni bankarja. Il-Kummissjoni għalhekk tkompli tagħti attenzjoni lil din il-kwistjoni.

    F’investigazzjoni prekriminali, l-awtoritajiet Sloveni ssekwestraw informazzjoni, inklużi dokumenti tal-BĊE, mill-Bank tas-Slovenja. Fl-2017 il-Kummissjoni fetħet proċedura ta’ ksur kontra s-Slovenja dwar l-inċident, u allegat il-ksur mill-awtoritajiet pubbliċi tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-UE. L-importanza tal-każ tinsab fl-impatt potenzjali ta’ sekwestri f’banek ċentrali fuq l-indipendenza u l-awtonomija tagħhom fil-politika monetarja u fis-superviżjoni bankarja. Dan jenħtieġ jiġi bbilanċjat mad-dmir ta’ kooperazzjoni leali bejn il-banek ċentrali u l-awtoritajiet pubbliċi f’investigazzjonijiet kriminali.



    6.Żona ta’ ġustizzja u ta’ drittijiet fundamentali bbażata fuq fiduċja reċiproka

    Fil-qasam tal-ġustizzja, il-Kummissjoni tiżgura li l-istat tad-dritt u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jiġu rrispettati. Tiżgura wkoll ir-rispett għad-drittijiet speċifiċi, bħad-dritt tal-moviment liberu, tal-protezzjoni tad-data, tal-ugwaljanza bejn is-sessi, tan-non-diskriminazzjoni, tad-drittijiet tal-vittmi u tad-dritt għal proċess ġust fi proċedimenti kriminali. Dawn is-suġġetti jinsabu fuq l-aġenda tal-Kummissjoni għax jaffettwaw il-ħajja tan-nies.

    Taħt l- eżerċizzju tas-Semestru Ewropew , il-Kummissjoni kompliet tħeġġeġ lill-Istati Membri biex itejbu l-effettività tal-kapaċitajiet ta’ infurzar tagħhom. Dan jirrigwarda b’mod partikolari l-indipendenza, il-kwalità u l-effiċjenza tas-sistemi tal-ġustizzja nazzjonali tagħhom.

    Iż-żamma tal-istat tad-dritt u tad-drittijiet fundamentali

    Fl-2017, il-Kummissjoni kompliet l-isforzi tagħha biex tippromwovi u tħares ir-rispett għall-istat tad-dritt fl-UE kollha. B’mod partikolari, il-Kummissjoni kompliet id-djalogu tagħha mal-awtoritajiet Pollakki fil-qafas tal-Istat tad-Dritt.

    Il-Kummissjoni aġixxiet b’mod deċiżiv meta l-iżviluppi politiċi u leġiżlattivi f’xi Stati Membri kienu jheddu l-pedamenti komuni tal-UE.

    Il-Kummissjoni nediet proċedura ta’ ksur kontra l-Polonja għal ksur tal-liġi tal-UE fil-Liġi Pollakka dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji.

    It-tħassib legali ewlieni tal-Kummissjoni dwar din il-liġi jirrigwarda d-diskriminazzjoni bejn is-sessi minħabba l-introduzzjoni ta’ etajiet ta’ rtirar differenti għall-imħallfin nisa (60 sena) u għall-imħallfin irġiel (65 sena). Dan imur kontra l-Artikolu 157 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u d-Direttiva dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi fl-impjiegi.

    Il-Kummissjoni qajmet ukoll tħassib li l-indipendenza tal-qrati Pollakki tiddgħajjef bil-fatt li l-Ministru għall-Ġustizzja ngħata setgħa diskrezzjonali biex itawwal il-mandat ta’ mħallfin li laħqu l-età tal-irtirar.

    Il-Kummissjoni nediet proċedura ta’ ksur kontra l-Ungerija fuq liġijiet Ungeriżi li jimponu obbligi ġodda ta’ reġistrazzjoni, rappurtar u trasparenza fuq organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili ffinanzjati minn fondi barranin. Il-proċedura tirrigwarda l-kompatibbiltà tal-liġijiet mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat UE dwar il-moviment liberu tal-kapital, kif ukoll mad-dritt għal-libertà tal-assoċjazzjoni u mad-drittijiet għall-protezzjoni tal-ħajja privata u għad-data personali mnaqqxa fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE.

    Titjib fil-protezzjoni tad-data

    Matul l-2017 il-Kummissjoni appoġġat lill-Istati Membri fit-tħejjija biex japplikaw ir- Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data minn Mejju 2018. Ir-Regolament se jintroduċi sett wieħed ta’ regoli tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data, isaħħaħ il-fiduċja u s-sigurtà tal-individwi u jistabbilixxi regoli uniformi għan-negozji. L-applikazzjoni konsistenti ta’ dawn ir-regoli hija essenzjali.

    Il-Kummissjoni għenet ukoll lill-Istati Membri biex jippreparaw għat-traspożizzjoni tad- Direttiva għall-pulizija u l-awtoritajiet tal-ġustizzja kriminali dwar l-ipproċessar u l-moviment liberu ta’ data personali għall-finijiet ta’ prevenzjoni, investigazzjoni, detezzjoni jew prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali. Din id-Direttiva għandha tiżgura li d-data tal-vittmi, tax-xhieda u tas-suspettati tar-reati jkunu protetti kif xieraq fil-kuntest ta’ investigazzjoni kriminali jew ta’ azzjoni ta’ infurzar tal-liġi. Fl-istess waqt, liġijiet aktar armonizzati jiffaċilitaw ukoll il-kooperazzjoni transfruntiera mill-pulizija jew mill-prosekuturi fil-ġlieda kontra l-kriminalità u t-terroriżmu.

    F’Jannar 2017 il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni dwar il-flussi ta’ data internazzjonali . Din tistabbilixxi l-politika tal-Kummissjoni li tiffaċilita t-trasferimenti dejjem jikber tad-data internazzjonali fl-oqsma tal-kummerċ u tal-infurzar tal-liġi, filwaqt li tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tad-data.



    Il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni

    Il-Kummissjoni mmonitorjat mill-qrib l-applikazzjoni tad- Direttiva dwar l-Ugwaljanza Razzjali, , b’mod partikolari rigward l-aċċess tal-komunità Roma għall-edukazzjoni u għall-akkomodazzjoni. Din id-Direttiva hija parti ewlenija tal-leġiżlazzjoni tal-UE għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni fuq bażi ta’ oriġini razzjali jew etnika u tagħti effett lill-prinċipju tat-trattament ugwali.

    Fl-2017 il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE ħadet pass ulterjuri biex tiċċara r-regoli tal-UE applikabbli għan-non-diskriminazzjoni fuq il-post tax-xogħol. F’żewġ każijiet li jirrigwardaw nisa li tkeċċew mill-impjegaturi tagħhom għax kienu lebsin veli Iżlamiċi fuq ix-xogħol ( Achbita u Bougnaoui ), il-Qorti sabet bilanċ delikat bejn il-libertà tar-reliġjon, il-libertà li jitwettaq negozju u l-prinċipju tan-non-diskriminazzjoni.

    Il-Qorti ddeċidiet li l-kumpaniji jistgħu jipprojbixxu lill-impjegati milli jilbsu simboli reliġjużi viżibbli fuq ix-xogħol bħala parti minn politika ġenerali ta’ kumpanija li tipprojbixxi s-simboli reliġjużi u politiċi kollha. Politika ta’ newtralità politika, filosofika u reliġjuża tista’ tikkostitwixxi għan leġittimu li jiġġustifika differenza fit-trattament, sakemm il-mezzi biex jintlaħaq dak l-għan ikunu xierqa u neċessarji. Il-Qorti kompliet tiċċara li l-klijenti ma jistgħux sempliċiment jitolbu li l-ħaddiema jneħħu l-veli jekk il-kumpanija ma jkollha ebda politika li tipprojbixxi s-simboli reliġjużi.

    L-infurzar tar-regoli fil-qasam tas-sigurtà

    Fl-2017, il-ħidma ta’ infurzar kompliet għaddejja fil-kuntest tal- Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà u l-iżvilupp tal-Unjoni tas-Sigurtà. L-implimentazzjoni tar-regoli tal-UE f’dan il-qasam hija essenzjali biex jiġi żgurat livell għoli ta’ sigurtà mal-UE kollha. Ir-rapporti rigward il-progress regolari dwar l-Unjoni tas-Sigurtà jirreferu għall-isforzi li jinsabu għaddejjin biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni sħiħa u korretta tar-regoli.

    Fl-2017 il-Kummissjoni segwiet il-proċeduri ta’ ksur imnedija fl-2016 dwar strumenti ta’ kooperazzjoni tal-pulizija li jappartienu lil dak li qabel kien it-“tielet pilastru”. Hija pprijoritizzat l-infurzar tal-Qafas ta’ Prüm (għodda ta’ skambju ta’ informazzjoni li tista’ toffri paragun awtomatizzat ta’ profili tad-DNA, data tal-marki tas-swaba’ u data dwar reġistrazzjoni ta’ vetturi) u l-“inizjattiva Żvediża” ((li tippermetti li l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi jikkondividu l-informazzjoni u l-intelliġenza b’mod effettiv meta jwettqu investigazzjonijiet kriminali jew operazzjonijiet ta’ intelliġenza kriminali). Il-Kummissjoni għamlet dan billi ħadet passi ulterjuri fil-proċeduri ta’ ksur miftuħa kontra l-Greċja, , l-Irlanda, il-Kroazja, l-Italja u l-Lussemburgu .

    Il-Kummissjoni tirrapporta b’mod regolari lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew u lill-Kunsill tal-UE dwar il-progress lejn il-ħolqien ta’ Unjoni tas-Sigurtà effettiva u ġenwina. Dan jinkludi l-użu tal-għodod ta’ infurzar tagħha fil-kontribut li tagħti għall-konsolidazzjoni tal-Unjoni tas-Sigurtà.

    Id-direttivi dwar l- Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea f’materji kriminali u r- Raba’ Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus huma għodda essenzjali għal kooperazzjoni effettiva fil-ġlieda kontra l-kriminalità transfruntiera u t-terroriżmu. Dawn id-direttivi jikkontribwixxu għall-għanijiet tal-aġenda tas-sigurtà.

    Ir-Raba’ Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus issaħħaħ ir-regoli eżistenti u tagħmel il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu aktar effettiva u aktar trasparenti.

    Fl-2017, il-Kummissjoni fetħet proċeduri ta’ ksur kontra 18-il Stat Membru talli naqsu milli jimplimentaw fil-ħin ir-Raba’ Direttiva kontra l-Ħasil​tal-Flus fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom. F’Diċembru 2017 il-Kummissjoni ħadet passi ulterjuri fil- proċeduri ta’ ksur kontra l-Bulgarija, il-Greċja, Ċipru, il-Lussemburgu, Malta, in-Netherlands, il-Polonja u r-Rumanija talli ma nnotifikaw ebda miżura ta’ traspożizzjoni u l-abbozzi tal-liġijiet tagħhom kienu għadhom fil-proċess leġiżlattiv nazzjonali.

    L-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea tissimplifika l-ħidma tal-awtoritajiet ġudizzjarji meta jitolbu evidenza li tkun tinsab f’pajjiż ieħor tal-UE. Pereżempju, jekk l-awtoritajiet ġudizzjarji Franċiżi jkunu qed isegwu terroristi suspettati moħbijin fil-Ġermanja, jistgħu jitolbu lill-awtoritajiet Ġermaniżi biex jinterrogaw xhieda jew biex iwettqu tfittxijiet fid-djar f’isimhom. Din l-għodda l-ġdida se tissimplifika u tħaffef l-investigazzjonijiet u l-prosekuzzjonijiet kriminali transfruntiera.

    Fl-2017, il-Kummissjoni fetħet proċeduri ta’ ksur kontra 14-il Stat Membru talli naqsu milli jimplimentaw fil-ħin id-Direttiva dwar l-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom.

    7.Lejn politika ġdida dwar il-migrazzjoni

    Il-politika tal-Kummissjoni dwar il-migrazzjoni tfittex li tipprovdi lill-UE bl-għodda biex timmaniġġja aħjar il-migrazzjoni fuq medda ta’ żmien medja u fit-tul. Hija tkopri l-migrazzjoni irregolari, il-fruntieri, l-ażil u l-migrazzjoni legali.

    Fl-2017, il-Kummissjoni Ewropea saħħet il-ħidma tagħha biex twettaq l-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni biex tindirizza l-isfidi immedjati tal-kriżi attwali tal-migrazzjoni u tar-refuġjati. Il-Kummissjoni ffukat fuq l-implimentazzjoni tal-iskema ta’ rilokazzjoni temporanja ta’ emerġenza stabbilita fl-2015 biex ittaffi l-pressjoni fuq l-Italja u l-Greċja. Ir-rapporti regolari dwar ir-rilokazzjoni u r-risistemazzjoni fakkru lill-Istati Membri kollha dwar l-obbligi legali tagħhom skont id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill dwar ir-rilokazzjoni. Ir-rapporti appellaw lil dawk l-Istati Membri li kienu għadhom ma rrilokawx, jew ma wegħdux li jirrilokaw, migranti mill-Greċja u l-Italja biex jagħmlu dan minnufih.

    Id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill dwar ir-rilokazzjoni jeħtieġu lill-Istati Membri biex iwegħdu postijiet disponibbli għar-rilokazzjoni kull tliet xhur sabiex tiġi żgurata proċedura ta’ rilokazzjoni rapida u organizzata. Filwaqt li l-Istati Membri l-oħra kollha kienu wettqu rilokazzjonijiet u għamlu wegħdiet ta’ rilokazzjonijiet, l-Ungerija baqgħet ma kienet ħadet ebda azzjoni mindu bdiet l-iskema ta’ rilokazzjoni, u l-Polonja ma kienet irrilokat lil ħadd u kien ilha ma tagħmel wegħdiet minn Diċembru 2015. Ir-Repubblika Ċeka ma kienet irrilokat lil ħadd minn Awwissu 2016 u ma kienet għamlet ebda wegħda ġdida għal aktar minn sena. Minħabba n-nuqqas persistenti tar-Repubblika Ċeka, tal-Ungerija u tal-Polonja li jikkonformaw mal-obbligi tagħhom skont id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill dwar ir-rilokazzjoni, il-Kummissjoni bdiet proċeduri ta’ ksur kontra dawn it-tliet Stati Membri.

    Il-Kummissjoni kompliet timmonitorja l-implimentazzjoni tal-liġi tal-UE dwar il-migrazzjoni u l-ażil, b’mod partikolari d- Direttiva għall-Proċedura tal-Ażil , id- Direttiva dwar il-Kundizzjonijiet ta’ Akkoljenza u d- Direttiva dwar ir-Ritorn .

    Id-Direttiva dwar il-Proċeduri tal-Ażil tistabbilixxi regoli dwar il-proċess ta’ talba għall-ażil. Dawn jinkludu kif issir l-applikazzjoni, kif din tiġi eżaminata, x’għajnuna tingħata lill-persuna li tfittex l-ażil, kif isir l-appell u kif għandhom jiġu ttrattati l-applikazzjonijiet ripetuti.

    Id-Direttiva dwar il-Kundizzjonijiet ta’ Akkoljenza għandha l-għan li tiggarantixxi livell ta’ għajxien dinjituż għall-persuni li jfittxu l-ażil fl-UE u li tiżgura li d-drittijiet umani tagħhom jiġu rrispettati. Hija tiżgura li dawk li jfittxu l-ażil ikollhom aċċess għal akkomodazzjoni, ikel, ħwejjeġ, kura tas-saħħa, edukazzjoni għall-minorenni u aċċess għall-impjieg taħt ċerti kundizzjonijiet.

    Id-Direttiva dwar ir-Ritorn tistabbilixxi standards u proċeduri komuni għall-pajjiżi tal-UE, li taħthom ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment jistgħu jitneħħew mit-territorji tagħhom. Hija tistabbilixxi dispożizzjonijiet għat-terminazzjoni ta’ soġġorni illegali u għad-detenzjoni ta’ ċittadini mhux tal-UE bil-għan li jitneħħew, u tipprovdi salvagwardji proċedurali.

    Il-Kummissjoni rrispondiet għat-tħassib dwar l-emendi tal-leġiżlazzjoni tal-Ungerija dwar l-ażil u l-migrazzjoni introdotta f’Marzu 2017. It-tħassib huwa relatat mal-konformità tal-emendi mal-liġi tal-UE dwar il-migrazzjoni u l-ażil, b’mod partikolari d-Direttiva dwar il-Proċeduri tal-Ażil, id-Direttiva dwar il-Kundizzjonijiet ta’ Akkoljenza u d-Direttiva dwar ir-Ritorn u diversi dispożizzjonijiet tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Wara sensiela ta’ skambji mal-awtoritajiet Ungeriżi kemm fuq il-livell politiku kif ukoll fuq il-livell tekniku, il-Kummissjoni ħadet passi ulterjuri fil- proċedura ta’ ksur kontra l-Ungerija.

    Il-Kummissjoni kompliet timmonitorja l-implimentazzjoni korretta tar-Regolament Eurodac, li jirrikjedi li l-Istati Membri jieħdu l-marki tas-swaba’ ta’ migranti irregolari u ta’ applikanti għall-ażil. L-implimentazzjoni effettiva tar-Regolament Eurodac hija essenzjali għall-funzjonament tar-Regolament ta’ Dublin u tal-iskemi ta’ rilokazzjoni tal-UE sabiex jiġi determinat liema pajjiż tal-UE jkun responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil.

    Fl-2017 il-Kummissjoni ħadet passi ulterjuri fil- proċedura ta’ ksur kontra l-Kroazja minħabba li naqset milli tieħu l-marki tas-swaba’ b’mod korrett ta’ persuni li jfittxu l-ażil u migranti irregolari maqbuda wara li qasmu fruntiera esterna, u li naqset milli tittrażmetti din id-data lill-bażi tad-data ċentrali tal-Eurodac.

    Fil-qasam tal-migrazzjoni legali, hija prijorità politika li tittejjeb il-kapaċità tal-UE li tattira u żżomm ħaddiema b’ħiliet kbar. Dan huwa meħtieġ biex l-ekonomija tal-UE ssir aktar kompetittiva u biex jiġu indirizzati l-isfidi demografiċi. Huwa għalhekk importanti li jiġi żgurat li d-direttivi tal-UE dwar il-migrazzjoni legali jiġu implimentati bis-sħiħ u b’mod korrett. Huma jistabbilixxu kundizzjonijiet komuni għall-ammissjoni u għar-residenza ta’ ċittadini mhux tal-UE.

    Fl-2017 il-Kummissjoni nediet proċeduri ta’ ksur kontra 17-il Stat Membru minħabba li naqsu milli jinnotifikaw miżuri nazzjonali li jimplimentaw id-Direttiva dwar il-kundizzjonijiet għall-ammissjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fil-qafas ta’ trasferiment intra-ażjendali .  Dawn iċ-ċittadini mhux tal-UE spiss huma individwi bi kwalifiki għolja.

    Il-Kummissjoni kompliet ukoll timmonitorja l-implimentazzjoni tad-Direttivi l-oħra u nediet proċeduri ta’ ksur rigward, b’mod partikolari, it-tariffi sproporzjonati li l-Istati Membri jitolbu għall-ħruġ ta’ permessi ta’ residenza lil ċittadini mhux tal-UE.

    Fl-2017 il-Kummissjoni għalqet proċeduri ta’ ksur kontra l-Bulgarija u l-Italja peress li dawn emendaw il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom biex inaqqsu t-tariffi għall-ħruġ ta’ permessi ta’ residenza lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi.

    Top