EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018DC0494

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar l-eżerċitar tas-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati mogħtija lill-Kummissjoni skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2271/96 tat-22 ta’ Novembru 1996 li jipproteġi kontra l-effetti tal-applikazzjoni extraterritorjali tal-leġiżlazzjoni adottata minn pajjiż terz, u l-azzjonijiet ibbażati fuqha jew li jirriżultaw minnha

COM/2018/494 final

Brussell, 19.6.2018

COM(2018) 494 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-eżerċitar tas-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati mogħtija lill-Kummissjoni skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2271/96 tat-22 ta’ Novembru 1996 li jipproteġi kontra l-effetti tal-applikazzjoni extraterritorjali tal-leġiżlazzjoni adottata minn pajjiż terz, u l-azzjonijiet ibbażati fuqha jew li jirriżultaw minnha


INTRODUZZJONI

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2271/96 (“ir-Regolament”) jipproteġi u jikkumbatti kontra l-effetti tal-applikazzjoni extraterritorjali tal-liġijiet speċifikati fl-Anness ta’ dan ir-Regolament, inklużi r-regolamenti u l-istrumenti leġiżlattivi l-oħra, u tal-azzjonijiet ibbażati fuqhom jew li jirriżultaw minnhom, meta din l-applikazzjoni taffettwa l-interessi tal-persuni, imsemmija fl-Artikolu 11 tar-Regolament, involuti fil-kummerċ internazzjonali u/jew fil-moviment tal-kapital u f’attivitajiet kummerċjali relatati bejn l-UE u pajjiżi terzi.

L-Artikolu 1 tar-Regolament jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta atti delegati biex jiżdiedu mal-Anness ta’ dan ir-Regolament liġijiet, regolamenti jew strumenti leġiżlattivi oħra ta’ pajjiżi terzi li għandhom applikazzjoni extraterritorjali u li jikkawżaw effetti negattivi fuq l-interessi tal-Unjoni u l-interessi ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi li jeżerċitaw drittijiet skont it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u biex tħassar liġijiet, regolamenti jew strumenti leġiżlattivi oħra meta ma jibqax ikollhom effetti bħal dawn.

BAŻI ĠURIDIKA

Dan ir-rapport huwa meħtieġ skont l-Artikolu 11a tar-Regolament. Skont dik id-dispożizzjoni, is-setgħa li tadotta atti delegati tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ ħames snin mill-20 ta’ Frar 2014 u l-Kummissjoni għandha l-obbligu li tħejji rapport fir-rigward tad-delega tas-setgħa mhux aktar tard minn disa’ xhur qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ ħames snin.

EŻERĊIZZJU TAD-DELEGA

Sa mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament, il-Kummissjoni użat dan l-għoti tas-setgħa darba. Fit-8 ta’ Mejju 2018, l-Istati Uniti ħabbru li mhux se jibqgħu jirrinunzjaw aktar il-miżuri restrittivi nazzjonali tagħhom li jirrigwardaw l-Iran, wara li rtiraw mill-Pjan ta’ Azzjoni Komprensiv Konġunt. Xi wħud minn dawk il-miżuri għandhom applikazzjoni extraterritorjali u jistgħu jikkawżaw effetti negattivi fuq l-interessi tal-Unjoni u l-interessi ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi li jeżerċitaw drittijiet skont it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

B’reazzjoni għal dan ta’ hawn fuq, fis-6 ta’ Ġunju 2018, il-Kummissjoni adottat att delegat li jemenda l-Anness tar-Regolament sabiex jinkludi l-miżuri restrittivi tal-Istati Uniti li, ladarba jerġgħu jiġu imposti, jaffettwaw b’mod negattiv lill-operaturi tal-UE li jinnegozjaw b’mod leġittimu mal-Iran. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom perjodu ta’ nonoġġezzjoni ta’ xahrejn li jibda jiddekorri minn dik id-data.

Ir-raġunijiet li wasslu sabiex il-koleġiżlaturi jiddelegaw is-setgħa tal-adozzjoni ta’ atti delegati lill-Kummissjoni għadhom validi u l-Kummissjoni tista’ tabilħaqq tuża l-għoti tas-setgħa fil-ġejjieni.

KONKLUŻJONI 

Matul dawn l-aħħar ħames snin, il-Kummissjoni eżerċitat darba s-setgħat delegati mogħtija lilha mir-Regolament. Il-Kummissjoni jidhrilha li hemm bżonn li l-għoti tas-setgħa jiġi estiż, ġaladarba r-raġunijiet li wasslu sabiex il-koleġiżlaturi jiddelegaw is-setgħa tal-adozzjoni ta’ atti delegati lill-Kummissjoni għadhom validi. Permezz ta’ dan ir-rapport, il-Kummissjoni tikkonforma mar-rekwiżit ta’ rappurtar skont l-Artikolu 11a tar-Regolament u tistieden lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex jieħdu nota ta’ dan ir-rapport.

Top