Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018DC0484

    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL skont l-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE

    COM/2018/484 final

    Brussell, 21.6.2018

    COM(2018) 484 final

    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL

    skont l-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE


    1.L-ISFOND

    Skont l-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (id-Direttiva tal-VAT), il-Kunsill, li jaġixxi unanimament fuq proposta mill-Kummissjoni, jista’ jawtorizza lil kwalunkwe Stat Membru biex jintroduċi miżuri speċjali għal deroga mid-dispożizzjonijet ta’ din id-Direttiva, sabiex jissimplifika l-proċedura tal-ġbir tal-VAT jew sabiex jipprevjeni ċerti tipi ta’ evażjoni jew evitar tat-taxxa. Billi din il-proċedura tipprevedi derogi mill-prinċipji ġenerali tal-VAT, b’konformità mad-deċiżjonijiet konsistenti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, tali derogi għandhom ikunu proporzjonati u limitati fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom.

    Permezz ta’ ittra reġistrata mal-Kummissjoni fid-19 ta’ Lulju 2016, l-Italja talbet awtorizzazzjoni biex tapplika miżura ta’ deroga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva tal-VAT li tawtorizza lill-Italja biex tapplika l-mekkaniżmu tar-reverse charge għal provvisti ta’ oġġetti u servizzi lil konsorzji mill-membri tagħhom. Minħabba li l-Italja ma ppreżentatx informazzjoni biżżejjed biex tkun tista’ tintlaqa’ t-talba, il-Kummissjoni barra li bagħtet diversi ittri lill-Italja fejn talbitha kjarifiki ulterjuri, ikkomunikat ukoll verbalment diversi drabi mal-Italja dwar l-istess talba. B’konformità mal-Artikolu 395(2) tad-Direttiva tal-VAT, il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri l-oħrajn bit-talba tal-Italja, permezz ta’ ittra datata t-28 ta’ Marzu 2018. Permezz ta’ ittra datata t-3 ta’ April 2018, il-Kummissjoni għarrfet lill-Italja li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tevalwa t-talba.

    Bħala regola ġenerali, il-persuna responsabbli għall-ħlas tal-VAT lill-awtoritajiet tat-taxxa skont l-Artikolu 193 tad-Direttiva tal-VAT, hija l-persuna taxxabbli li tforni l-oġġetti. L-Italja talbet din id-deroga bl-iskop li l-obbligu jaqa’ fuq il-persuni taxxabbli (il-konsorzji f’dan il-każ) li jirċievu l-fornimenti mingħand il-membri tagħhom (l-hekk imsejjaħ mekkaniżmu tar-reverse charge). L-għan tad-deroga mitluba huwa l-ġlieda kontra l-frodi.

    2.IR-REVERSE CHARGE

    Il-persuna responsabbli għall-ħlas tal-VAT skont l-Artikolu 193 tad-Direttiva tal-VAT hija l-persuna taxxabbli li tforni l-oġġetti jew is-servizzi. L-għan tal-mekkaniżmu tar-reverse charge huwa li dik l-obbligazzjoni jittrasferixxiha għal għand il-persuna taxxabbli li tirċievi l-fornimenti.

    Bl-identifikazzjoni tal-persuna li tkun qed tirċievi l-oġġetti jew is-servizzi bħala l-persuna li hija obbligata tħallas il-VAT, il-fornitur ma jitlobx jew ma jirċivix VAT mix-xerrej. B’hekk il-fornitur ma jkunx jista’ jisparixxi bl-ammont tal-VAT mingħajr ma jħallsu lit-Teżor. F’każijiet bħal dawn, instab li l-mekkaniżmu tar-reverse charge huwa effettiv bħala għodda temporanja fil-ġlieda kontra l-frodi.

    3.IT-TALBA

    L-Italja talbet miżura speċjali ta’ deroga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva tal-VAT fir-rigward tal-applikazzjoni tal-mekkaniżmu tar-reverse charge għal provvisti ta’ oġġetti u servizzi lil konsorzji 1 2 mill-membri tagħhom.

    L-Italja fit-talba tagħha spjegat li l-introduzzjoni tar-reverse charge għal provvisti ta’ oġġetti u servizzi bejn il-membri tal-konsorzji u l-konsorzji tiżgura l-eliminazzjoni immedjata ta’ skemi ta’ evażjoni bħalma huma n-nuqqas ta’ ddikjarar u/jew in-nuqqas ta’ pagament tal-VAT lill-Istat mill-membri tal-konsorzji. Barra minn hekk jista’ jkun ta’ deterrent għal frodaturi possibbli u biex il-kontroll tat-taxxa jkun aktar effettiv minħabba l-għadd limitat ta’ konsorzji li jkollhom jiġu awditjati.

    4.IL-FEHMA TAL-KUMMISSJONI

    Meta l-Kummissjoni tirċievi talbiet skont l-Artikolu 395, dawn jiġu eżaminati biex jiġi żgurat li l-kundizzjonijiet bażiċi biex jintlaqgħu dawn it-talbiet ikunu ssodisfati, jiġifieri, jekk il-miżura speċifika proposta tissimplifikax il-proċeduri għall-persuni taxxabbli u/jew għall-amministrazzjoni tat-taxxa jew jekk il-proposta tipprevjenix ċerti tipi ta’ evażjoni jew evitar tat-taxxa. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni dejjem adottat approċċ ristrett u kawt biex tiżgura li d-derogi ma jxekklux it-tħaddim tas-sistema ġenerali tal-VAT, li jkollhom ambitu limitat u li jkunu meħtieġa u proporzjonati.

    Għalhekk, kwalunkwe deroga mis-sistema ta’ pagament frazzjonat tista’ tkun biss l-aħħar għażla u miżura ta’ emerġenza, u trid toffri garanziji dwar il-ħtieġa u n-natura eċċezzjonali tad-deroga mogħtija.

    Minkejja d-diversi talbiet tal-Kummissjoni, l-Italja ma tatx informazzjoni la dwar in-natura u lanqas dwar il-firxa ta’ problemi ta’ frodi possibbli li jistgħu jinqalgħu fir-relazzjoni bejn l-konsorzji u l-membri tagħhom.

    Huwa diffiċli li wieħed jara kif problemi ta’ frodi tal-VAT jistgħu tassew jinqalgħu fir-relazzjoni bejn il-konsorzji u l-membri; tal-ewwel suppost li għandu jaġixxi f’isem il-membri tiegħu. Barra minn hekk, meta titqies ir-relazzjoni partikolari, għandu jkun possibbli għall-Italja li tittratta l-frodi b’miżuri adegwati ta’ kontroll. Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni tibqa’ disponibbli meta mitluba biex tagħti l-għajnuna meħtieġa lill-Italja biex tiġġieled il-problemi tal-evażjoni tal-VAT.

    Konsegwentement, minħabba li l-Italja ma wrietx li qed titlob il-miżura ta’ deroga biex tiġġieled il-frodi jew sabiex tissimplifika l-proċeduri għall-persuni taxxabbli u/jew għall-amministrazzjonijiet tat-taxxa, hekk kif meħtieġ mill-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-VAT, it-talba ma tissodisfax il-kundizzjonijiet previsti f’dan l-Artikolu.

    5.KONKLUŻJONI

    Il-Kummissjoni toġġezzjona għat-talba tal-Italja abbażi tal-elementi msemmija hawn fuq.

    (1)

         Konsorzju permanenti huwa organizzazzjoni konġunta magħmula minn diversi entitajiet maħluqa biex tirregola jew twettaq stadju speċifiku ta’ attività għad-diversi ditti involuti.

    Top