IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 12.6.2018
COM(2018) 455 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
Rapport tal-evalwazzjoni ex post għall-perjodu 2007-2013 tal-azzjonijiet iffinanzjati mill-programm "Prevenzjoni ta' u l-Ġlieda kontra l-Kriminalità" (ISEC) u l-programm "Prevenzjoni, Stat ta' Tħejjija u Maniġġar tal-Konsegwenzi tat-Terroriżmu u riskji oħra relatati mas-Sigurtà" CIPS)
{SWD(2018) 331 final}
{SWD(2018) 332 final}
1
INTRODUZZJONI
Il-programm Qafas “Is-Sigurtà u s-Salvagwardja tal-Libertajiet”, għall-perjodu 2007-2013 kien magħmul minn żewġ Programmi Speċifiċi (“il-Programmi”): “Prevenzjoni ta' u l-Ġlieda kontra l-Kriminalità” (ISEC) u “'Prevenzjoni, Stat ta' Tħejjija u Maniġġar tal-Konsegwenzi tat-Terroriżmu u riskji oħra relatati mas-Sigurtà” (CIPS). Id-Deċiżjonijiet li stabbilixxew l-ISEC u s-CIPS kienu jirrekjedu li l-Kummissjoni Ewropea tissottometti rapport ta’ evalwazzjoni ex post, għall-perjodu 2007 sa 2013, lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni.
Dan ir-rapport jippreżenta l-elementi ewlenin tal-programmi, l-ambitu u l-limitazzjonijiet tal-evalwazzjonijiet, u r-riżultati, il-konklużjonijiet tal-evalwazzjoni u l-lezzjonijiet meħuda ewlenin. Dan huwa bbażat fuq ir-riżultati ta’ żewġ evalwazzjonijiet ex post li vvalutaw il-Programmi, fil-perjodu bejn l-2007 u l-2013, abbażi tal-kriterji ta’ evalwazzjoni definiti fil-linji gwida għal regolamentazzjoni aħjar: (i) effettività, (ii) effiċenzja, (iii) koerenza, (iv) relevanza u (v) valur miżjud tal-UE.
Il-konklużjonijiet ta’ dawn l-evalwazzjonijiet u t-tagħlimiet meħuda jikkomplementaw l-evalwazzjoni interim tal-Fond għas-Sigurtà Interna (ISF—Internal Security Fund), minħabba li l-komponent tiegħu tal-Pulizija huwa s-suċċessur tal-programmi ISEC u CIPS għall-perjodu 2014–2020. Ir-riżultati ta’ din l-evalwazzjoni interim flimkien mar-riżultati ta’ dawn l-evalwazzjonijiet ex post kkontribwew fit-tfassil tal-politiki futuri fl-oqsma tal-migrazzjoni u tas-sigurtà, speċjalment għat-tħejjija ta’ strumenti ġodda ta’ finanzjament fil-qafas tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali ta’ wara l-2020.
1.2
Programm Qafas “Is-Sigurtà u s-Salvagwardja tal-Libertajiet (2007–2030) – ISEC u CIPS
Kuntest tal-Politika
L-Unjoni Ewropea (UE) identifikat l-oqsma tal-kriminalità organizzata u t-terroriżmu bħala theddidiet ewlenin għas-sigurtà interna Ewropea. Barra minn hekk, l-Artikolu 67(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jinkludi mandat ċar għall-Unjoni biex tipprovdi liċ-ċittadini b’livell għoli ta’ sigurtà billi tipprevjeni u tiġġieled il-kriminalità u b’mod partikolari t-terroriżmu, it-traffikar ta’ persuni u reati kontra t-tfal, it-traffikar tad-droga u t-traffikar illeċitu ta’ armi, il-korruzzjoni u l-frodi permezz ta’ miżuri ta’ koordinazzjoni u kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-pulizija u ġudizzjarji u awtoritajiet kompetenti oħra. Ir-rwol tal-UE f’dawn l-oqsma ta’ politika żdied b’mod kontinwu, wara li ġie identifikat ħtieġa kbira ta’ bosta azzjonijiet komuni f’din il-kwistjoni. Pereżempju, il-konklużjonijiet mogħtija mill-Kunsill Ewropew ta’ Tampere tal-1999 affermaw mill-ġdid l-importanza tal-promozzjoni tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja permezz tal-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità. F’dak iż-żmien, l-enfasi kienet fuq l-azzjoni leġiżlattiva għall-istabbiliment ta’ spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, filwaqt li l-provvista ta’ appoġġ finanzjarju kienet pjuttost komplementari. Bil-Programm Qafas “Is-Sigurtà u s-Salvagwardja tal-Libertajiet”, il-ħidma tal-UE f’dan il-qasam daħlet f’fażi ġdida fejn l-implimentazzjoni operazzjonali saret aktar predominanti.
Barra minn hekk, il-Programm tal-Aja, li stabbilixxa l-prijoritajiet tal-UE għal spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja għall-perjodu 2004–2009, ikkonferma l-importanza u l-ħtieġa għal tisħiħ ulterjuri fil-qasam tal-prevenzjoni tat-terroriżmu u l-ġlieda kontrih u forom oħra ta’ kriminalità fuq livell Ewropew, waqt li jenfasizza l-ħtieġa għall-kooperazzjoni fil-livell tal-UE f’dawn l-oqsma. Barra minn hekk, il-Programm tal-Aja poġġa aktar enfasi fuq it-tisħiħ tas-sigurtà, u b’mod partikolari fuq il-ġlieda tal-UE kontra t-terroriżmu, ir-reklutaġġ, il-finanzjament, il-protezzjoni tal-infrastrutturi kritiċi u l-iżvilupp ta’ Qafas tal-ġestjoni tal-konsegwenzi. Għalkemm l-infrastruttura kritika taqa’ prinċipalment fi ħdan l-ambitu ta’ kompetenza nazzjonali, l-UE pprovdiet appoġġ lill-Istati Membri fil-qasam tal-ħarsien tal-infrastruttura kritika mill-2004.
Il-programm ta’ Stokkolma, li pprovda qafas għall-azzjoni tal-UE dwar il-kwistjonijiet taċ-ċittadinanza, tas-sigurtà, tal-ażil, tal-immigrazzjoni u tal-politika dwar il-viża għall-perjodu 2010–2014, ta iktar importanza għall-iżvilupp tal-politiki tal-UE fl-oqsma tal-ġustizzja u s-sigurtà. Il-ħtieġa li tiġi effettivament implimentata l-istrateġija tal-UE għall-ġlieda kontra t-terroriżmu li tikkonsisti minn erba’ elementi ta’ ħidma — prevenzjoni, segwiment, protezzjoni u rispons — kienet riaffermata u sar appell għat-tisħiħ tal-element ta’ prevenzjoni. Barra minn hekk, dan il-Programm talab li jinħoloq Koordinatur tal-UE Kontra t-Traffikar li jista’ jikkontribwixxi lejn il-konsolidazzjoni ta’ politika koordinata u konsolidata tal-UE kontra t-traffikar.
Matul l-aħħar snin ta’ implimentazzjoni tal-Programmi, l-UE rat għadd ta’ attakki terroristiċi u kien hemm bidla sinifikanti fil-fenomenu tat-terroriżmu, b’mod partikolari bit-tkomplija tal-gwerra ċivili fis-Sirja u l-avvanz tal-Istat Iżlamiku fl-Iraq u s-Sirja (ISIS).
Elementi prinċipali
L-ISEC u s-CIPS koprew qasam ta’ politika wiesa’ ħafna, li bejn l-1993 u l-2009 fil-parti l-kbira kien jaqa’ taħt dak li jissejjaħ il-pilastru tal-UE tal-Koperazzjoni tal-Pulizija u Ġudizzjarja f'Materji Kriminali kif introdott mit-Trattat ta’ Maastricht. Il-politiki taħt dan il-pilastru kienu prinċipalment ibbażati fuq qafas legali li żamm l-elementi ta’ kooperazzjoni intergovernattiva bejn l-Istati Membri. Dan kien ifisser li kien hemm ftit opportunitajiet ta’ finanzjament fil-livell tal-UE f’dan il-qasam qabel il-Programmi. Il-ħolqien tal-Programmi kien jikkostitwixxi żvilupp ewlieni fil-politika tal-UE f’dawn l-oqsma.
L-ISEC (2007–2013) ħa post il-Programm Qafas dwar il-Koperazzjoni tal-Pulizija u Ġudizzjarja f'Materji Kriminali (AGIS) li kopra l-perjodu 2002–2006 u kellu l-għan li jsaħħaħ il-kooperazzjoni transfruntiera bejn il-pulizija, aġenziji oħra tal-infurzar tal-liġi u l-awtoritajiet ġudizzjarji. Il-baġit totali allokat għall-ISEC kien jammonta għal EUR 522 miljun għall-perjodu kollu. L-għanijiet ġenerali tal-programm ISEC kienu l-prevjenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità, partikolarment it-terroriżmu, it-traffikar tal-persuni, ir-reati fuq it-tfal, it-traffikar tad-drogi, il-kummerċ fl-armi u t-traffikar tal-bnedmin, iċ-ċiberkriminalità, il-korruzzjoni u l-frodi, u l-kontribut lejn l-istabbiliment ta’ politiki fil-livell tal-UE. L-erba' objettivi speċifiċi tal-programm jindirizzaw erba’ temi prinċipali:
-prevenzjoni tal-kriminalità u kriminoloġija,
-l-infurzar tal-liġi;
-il-protezzjoni u l-appoġġ għax-xhud;
-il-protezzjoni tal-vittmi.
Is-CIPS (2007–2013) iffoka fuq l-infrastruttura kritika u kwistjonijiet oħra ta’ sigurtà, inklużi kwistjonijiet operazzjonali fl-oqsma bħal ġestjoni ta’ kriżijiet u tħejjija f’diversi setturi ta’ importanza kritika. Il-baġit totali allokat għalih ammonta għal EUR 126.8 miljun għall-perjodu kollu. Is-CIPS kellu żewġ objettivi ġenerali: il-prevenzjoni kif ukoll it-tħejjija u l-ġestjoni tal-konsegwenzi, li kienu maqsuma ulterjorment f’seba’ objettivi speċifiċi. Dawn l-objettivi koprew l-oqsma tematiċi li ġejjin:
-immaniġġjar ta' kriżijiet;
-riskji tat-terroriżmu u oħrajn relatati mas-sigurtà fl-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja, inklużi riskji relatati mal-ambjent, mas-saħħa pubblika, mat-trasport, mar-riċerka u mal-iżvilupp teknoloġiku, u mal-koeżjoni ekonomika u soċjali.
Il-Programmi ġew implimentati b'ġestjoni diretta taħt il-Programmi ta’ Ħidma Annwali 2007–2013. L-appoġġ finanzjarju ġie implimentat permezz ta’ proġetti sostnuti permezz ta’ għotjiet ta’ azzjoni mogħtija mill-Kummissjoni, permezz ta’ kuntratti għal servizzi konklużi wara sejħiet għall-offerti ppubblikati mill-Kummissjoni jew permezz ta’ arranġamenti amministrattivi maċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (JRC). Taħt ġestjoni diretta, il-Kummissjoni Ewropea żammet responsabbiltà sħiħa għall-implimentazzjoni u wettqet ix-xogħol kollu tal-programmazzjoni u dak operazzjonali.
Rigward it-tip ta’ partijiet interessati li jistgħu japplikaw għall-finanzjament, l-ISEC inkluda l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi, korpi oħra pubbliċi u/jew privati, atturi u istituzzjonijiet, inklużi awtoritajiet lokali, reġjonali u nazzjonali, sħab soċjali, universitajiet, uffiċċji tal-istatistika, organizzazzjonijiet nongovernattivi, sħubijiet pubbliċi-privati u korpi internazzjonali rilevanti. Is-CIPS inkluda korpi pubbliċi (nazzjonali, reġjonali u lokali), is-settur privat, universitajiet u istituti ta’ riċerka. Kuntrarjament għall-ISEC, l-entitajiet bi skop ta’ qligħ setgħu jmexxu proġetti taħt is-CIPS.
F’termini ta’ implimentazzjoni, għaż-żewġ Programmi, ma ngħatax il-finanzjament disponibbli kollu mid-diversi sejħiet, l-aktar minħabba l-applikazzjonijiet għall-proġetti li ma jissodisfawx il-kriterji ta’ eliġibbiltà jew il-kriterju ta’ kwalità għal finanzjament mill-UE. Mill-baġit allokat tal-ISEC ta’ EUR 522 miljun, kienu impenjati aktar EUR 413-il miljun u intefqu EUR 304 miljun. Matul il-perjodu ta’ programmazzjoni, l-ISEC kellu rata kumplessiva ta’ assorbiment ta’ 74 %. Fir-rigward tas-CIPS, kienu impenjati 74.6 miljun u ntefqu EUR 60.4 miljun minn baġit totali allokat ta’ EUR 126.8 miljun. Ir-rata ġenerali tal-assorbiment tas-CIPS matul il-perjodu ta’ programmazzjoni kienet ta’ 83 %.
2
EVALWAZZJONI EX POST
Metodoloġija
Ir-riżultati dettaljati tal-evalwazzjoni u l-metodoloġija użata huma deskritti fid-dokumenti ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanja dan ir-rapport
. It-tħejjija tad-dokument ta’ ħidma tal-persunal kienet appoġġata minn studju mwettaq minn kuntrattur estern.
Limitazzjonijiet
L-evalwazzjonijiet taż-żewġ Programmi kienu mxekkla b’mod sinifikanti min-nuqqas ta’ linja bażi, jiġifieri deskrizzjoni ċara tas-sitwazzjoni qabel il-bidu tal-Programmi li tista' sservi bħala bażi għall-valutazzjoni tal-impatti tagħhom. Barra minn hekk, il-perjodu latenti bejn l-implimentazzjoni tal-Programmi u l-evalwazzjonijiet ex post xekkel il-proċess ta’ evalwazzjoni minħabba li r-rappreżentanti tal-benefiċjarji rilevanti u l-awtoritajiet nazzjonali u tal-UE ta’ spiss ma kinux għadhom jaħdmu fl-istess pożizzjoni u b’hekk kienu diffiċli biex jiġu kkuntattjati. Dan huwa rifless fir-rata baxxa ta’ reazzjonijiet għall-konsultazzjonijiet pubbliċi u fl-istħarriġ online li sar matul l-evalwazzjonijiet.
Barra minn hekk, kienet disponibbli biss evidenza limitata dwar ir-riżultati u l-impatti tal-programmi. Ir-riżultati ma setgħux jitkejlu minħabba n-nuqqas ta’ linja bażi, kif imsemmi qabel, iżda wkoll minħabba n-nuqqas ta’ miri ex ante u ta’ repożitorju ċentrali tar-riżultati tal-proġetti tal-ISEC/CIPS. Ġew innotati wkoll problemi fir-rigward tal-monitoraġġ tal-progress tal-proġett, li xekkel il-valutazzjoni tal-effettività, tal-effiċjenza u tal-valur miżjud tal-UE. Pereżempju, ma kienx fattibbli li jitwettaq paragun dettaljat tal-kostijiet minħabba n-nuqqas ta’ data komparabbli tal-proġetti, minħabba l-firxa wiesgħa tal-oqsma tal-politika u t-tipi ta’ attivitajiet koperti mill-Programmi. Kien ukoll diffiċli li wieħed iqabbel il-kostijiet tal-proġetti u jkejjel sa fejn l-istess objettivi ntlaħqu mid-diversi tipi ta’ proġetti.
2.2
RIŻULTATI EWLENIN
Rilevanza
Filwaqt li titqies l-importanza tal-prinċipju tas-sussidjarjetà fil-qasam tas-sigurtà interna, il-finanzjament tal-ISEC u tas-CIPS ma kienx imfassal biex jissostitwixxi l-finanzjament nazzjonali iżda pjuttost biex jikkomplementah, u jipprovdi aktar appoġġ għall-kooperazzjoni transfruntiera. B’mod ġenerali, l-Istati Membri qiesu l-objettivi tal-ISEC bħala rilevanti għall-ħtiġijiet tagħhom relatati mal-prevenzjoni tal-kriminalità u l-ġlieda kontriha. Bl-istess mod, is-CIPS kien ikkunsidrat bħala ta’ rilevanza kontinwa għall-prevenzjoni, it-tħejjija u l-ġestjoni tal-konsegwenzi tat-terroriżmu u riskji oħra marbuta mas-sigurtà matul il-perjodu ta’ evalwazzjoni. Barra minn hekk, il-Programm irrisponda tajjeb għal ħtieġa reali ta’ kooperazzjoni u koordinazzjoni transnazzjonali fl-oqsma tal-prevenzjoni, tat-tħejjija u tal-ġestjoni tal-konsegwenzi tat-terroriżmu u riskji oħra marbuta mas-sigurtà. Dan huwa partikolarment importanti minħabba l-ħtieġa ta’ azzjoni fil-livell tal-UE f’dawn l-oqsma u n-nuqqas ta’ alternattivi ta’ sorsi nazzjonali ta’ finanzjament minħabba l-konsegwenzi tal-kriżi finanzjarja tal-2008 fuq il-baġits nazzjonali.
Il-ħsieb wara ż-żewġ Programmi kien li jiġu pprovduti fondi fejn id-domanda kienet l-ogħla f’konformità mal-prijoritajiet indikati fil-Programmi ta’ Ħidma Annwali, stabbiliti flimkien mal-Istati Membri. Din is-sistema wriet li b’mod ġenerali kienet immexxija mid-domanda aktar milli mmexxija mill-politika, peress illi kienet ibbażata fuq sejħiet miftuħa għal proposti u biex il-partijiet ikkonċernati jkunu jistgħu japplikaw għal finanzjament abbażi ta’ proposta ta’ proġett. Bħala konsegwenza ta’ dan, it-tfassil immexxi mid-domanda tal-Programmi kkontribwixxa għal żbilanċ ġeografiku konsiderevoli fl-implimentazzjoni, speċjalment rigward il-post fejn huma bbażati l-organizzazzjonijiet li jikkoordinaw. Għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni ħadet miżuri biex tkabbar il-firxa ġeografika, b’mod partikolari permezz tal-organizzazzjoni ta’ ġranet ta’ informazzjoni reġjonali fl-Istati Membri. Madankollu, l-implimentazzjoni tal-Programmi kienet tiddependi ħafna fuq l-proattività tar-rappreżentanti tal-Istati Membri u tal-applikanti potenzjali. Sabiex l-Istati Membri jkollhom aċċess aktar ugwali għall-finanzjament u biex tiżdied il-parteċipazzjoni tagħhom fil-prijoritajiet tal-politika ta’ sigurtà ewlenin kollha, ġiet introdotta bidla lejn ġestjoni kondiviża għall-Fond suċċessur, l-ISF-Pulizija. Għall-kuntrarju tal-ISEC u s-CIPS, li ġew implimentati biss taħt il-ġestjoni diretta, l-ISF-Pulizija qed tiġi implimentata fuq il-bażi ta’ taħlita, inizjalment b’madwar 60 % tal-finanzjament disponibbli jiġi allokat għal programmi nazzjonali taħt ġestjoni kondiviża u 40 % allokat għal azzjonijiet tal-Unjoni taħt ġestjoni diretta. Din il-bidla hija mistennija li jkollha impatt pożittiv fuq l-effiċjenza u l-effettività tal-ġestjoni tal-Kummissjoni u l-Fond għas-Sigurtà Interna (ISF–Internal Security Fund) u fuq l-implimentazzjoni mill-Istati Membri kollha ta’ politiki ta’ sigurtà ewlenin.
Ġie identifikat wkoll distakk ta’ żmien bejn il-formulazzjoni ta’ prijoritajiet taħt Programmi ta’ Ħidma Annwali u l-implimentazzjoni tagħhom minħabba l-fatt li l-Programmi ta’ Ħidma Annwali kienu jirriflettu l-prijoritajiet stabbiliti fis-sena ta’ qabel, li kien ifisser li kien hemm differenza ta’ sena bejn meta ġew stabbiliti l-prijoritajiet u l-implimentazzjoni tagħhom. Xi drabi, dan kien ixekkel ir-rilevanza tal-Programmi.
Effettività
Kollox ma’ kollox, il-konstatazzjonijiet tal-evalwazzjoni jagħtu x'nifhmu li l-ISEC ikkontribwixxa għall-objettivi kollha tagħha sa ċertu punt u li l-proġetti ffinanzjati kisbu r-riżultati mistennija. Għalhekk jista’ jiġi argumentat li l-Programm ikkontribwixxa għall-prevenzjoni tal-kriminalità u, fl-aħħar mill-aħħar, għal sigurtà akbar għaċ-ċittadini tal-UE, minkejja li huwa diffiċli li tiġi stabbilita relazzjoni kawżali diretta. Ir-riżultati ewlenin identifikati mill-proġetti tal-ISEC kienu ta’ netwerking imsaħħaħ u skambju mtejjeb ta’ informazzjoni u tal-aħjar prattiki, kif ukoll livelli ogħla ta’ għarfien u tal-ħiliet tal-prattikanti. Il-proġetti tal-ISEC kienu partikolarment effettivi biex jikkontribwixxu għall-iżvilupp tal-kooperazzjoni transnazzjonali bejn l-Istati Membri u l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi, kif ukoll skambju aħjar tal-informazzjoni, b’mod partikolari fil-qasam tal-forensika, tad-droga, tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri, taċ-ċiberkriminalità u tat-traffikar tal-bnedmin.
Rigward is-CIPS, l-evalwazzjoni wriet li l-Programm kollox ma’ kollox laħaq l-objettivi ġenerali kif ukoll il-biċċa l-kbira ta’ dawk speċifiċi tiegħu u kkontribwixxa b’mod pożittiv fil-qasam tal-politika għall-ħarsien tal-infrastruttura kritika. Element importanti ta’ għadd ta’ proġetti tas-CIPS kien l-enfasi li saret fuq interdipendenzi u l-prevenzjoni ta’ “effetti kaskata” fil-każ tat-tħarbit u l-qerda ta’ infrastrutturi kritiċi f’attakk terrorista jew riskji oħra marbuta mas-sigurtà. Kemm il-kooperazzjoni madwar l-UE kollha kif ukoll il-kooperazzjoni fil-ħarsien ta’ infrastrutturi kritiċi jistgħu jittejbu.
L-evalwazzjoni sabet li l-ħolqien ta’ repożitorju ċentrali li jkun fih data dettaljata fuq il-proġetti individwali ikun ippermetta li tiġi żviluppata sistema ta’ monitoraġġ biex tiġbor u tanalizza d-data dwar il-progress finanzjarju, l-outputs u r-riżultati tal-proġetti. Il-provvediment ta' baġit xieraq għall-assistenza teknika jista' jsaħħaħ l-għarfien espert tekniku tul il-ħajja tal-proġetti u t-tixrid tar-riżultati.
Effiċjenza
Rigward ir-riżorsi finanzjarji, ir-riżultati tal-evalwazzjoni juru li l-maġġoranza kbira tal-partijiet ikkonċernati li ġew ikkonsultati qiesu li l-finanzjament ipprovdut mill-UE kien biżżejjed għall-attivitajiet kollha implimentati taħt l-ISEC u s-CIPS. Il-ħolqien tan-netwerks kien meqjus li kien jirrappreżenta valur tajjeb ħafna għall-flus. Fir-rigward tal-livelli ta’ finanzjament mill-UE, b’mod ġenerali, l-evalwazzjoni turi li l-fondi tal-UE kienu biżżejjed sabiex jiġu implimentati l-attivitajiet ippjanati. Kien biss għadd limitat ta’ partijiet interessati li enfasizzaw il-ħtieġa għal finanzjament addizzjonali u li ċerti kostijiet kienu ġew sottovalutati, jiġifieri l-ispejjeż tal-persunal. Rigward il-mobilizzazzjoni tar-riżorsi umani, l-evalwazzjoni turi li kien meqjus li dawn kienu biżżejjed għal għadd relattivament żgħir ta’ proġetti tul il-perjodu kollu ta’ programmazzjoni.
In-nuqqas ta’ evalwazzjoni bejn il-pari tar-riżultati tal-proġetti u n-nuqqas ta’ repożitorju ċentrali kienu meqjusa li naqqsu l-effiċjenza ġenerali tal-Programmi. Dawn l-aspetti għadhom ma tpoġġewx fil-prattika taħt l-ISF iżda jistgħu jiġu kkunsidrati għall-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss.
Minkejja l-bidliet introdotti fil-proċessi ta’ implimentazzjoni mill-Kummissjoni, xi partijiet ikkonċernati kienu jqisu li l-piż amministrattiv kien għoli. Xi partijiet ikkonċernati indikaw ukoll il-ħtieġa għas-simplifikazzjoni tar-rappurtar.
Koerenza
L-evalwazzjoni ffukat fuq il-koerenza tal-Programmi ma’ programmi oħra tal-UE fl-istess qasam u mal-programmi u l-inizjattivi nazzjonali biex tivvaluta l-punt sa fejn l-intervent ma kkontradixxiex u lanqas ma ħoloq duplikazzjoni ta’ interventi oħrajn. Ikkonkludiet li, b’mod ġenerali, l-attivitajiet implimentati taħt l-istrumenti differenti tal-UE fl-oqsma rispettivi tagħhom kienu koerenti mal-Programmi u ma sabet l-ebda duplikazzjoni.
L-ISEC appoġġa l-implimentazzjoni tal-obbligi tal-UE u l-kooperazzjoni transfruntiera fost l-Istati Membri f’għadd kbir ta’ oqsma ta’ kriminalità. Madankollu, fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja, il-finanzjament nazzjonali kien skars ħafna jew mhux disponibbli għal kooperazzjoni bħal din, u dan impedixxa riskju sinifikanti ta’ duplikazzjoni ta’ fondi tal-UE ma’ sorsi ta’ finanzjament nazzjonali. L-evalwazzjoni identifikat ukoll ambitu sostanzjali għall-koerenza u l-komplementarjetà bejn l-ISEC u Programmi oħra tal-UE, partikolarment JPEN, DAPHNE III, FP7 u Hercule II. Bis-saħħa tal-kooperazzjoni bejn is-servizzi tal-Kummissjoni, inkisbu sinerġiji bejn DAPHNE III u ż-żewġ objettivi speċifici tal-ISEC marbuta mal-promozzjoni u l-iżvilupp tal-aħjar prattiki għall-ħarsien u l-appoġġ tax-xhieda u l-vittmi tal-kriminalità, speċjalment fil-qasam tat-traffikar tal-bnedmin. Il-koordinazzjoni effettiva fl-istadju tat-tfassil, tal-implimentazzjoni u tat-twettiq kienet kruċjali biex timmassimizza l-potenzjal għal koerenza u komplementarjetà u biex jiġi evitat ir-riskju ta’ duplikazzjoni. Jista’ jiġi konkluż, fuq il-bażi tal-evidenza miġbura, li kollox ma’ kollox dan intlaħaq.
Bl-istess mod, l-azzjonijiet tas-CIPS imwettqa fil-qafas tal-Programmi ta’ Ħidma Annwali 2007–2013 instab li kienu koerenti mal-attivitajiet iffinanzjati taħt il-Fondi tal-UE l-oħra simili, partikolarment FP7 u l-Istrument Finanzjarju għall-Protezzjoni Ċivili Tabilħaqq, ftit li xejn kien hemm evidenza ta’ duplikazzjoni bejn dawn l-istrumenti ta’ finanzjament minħabba l-karatteristiċi differenti tagħhom f’termini ta’ enfasi tematika, azzjonijiet eliġibbli u partijiet ikkonċernati eliġibbli, u gruppi fil-mira.
Valur miżjud tal-UE
Il-valur miżjud tal-Programmi huwa marbut mill-qrib mal-"importanza" tal-finanzjament tal-UE għall-organizzazzjonijiet involuti u mal-kapaċità tiegħu li jrawwem il-kooperazzjoni transnazzjonali li spiss ma kinitx isseħħ li kieku l-proġetti kienu jiddependu biss fuq il-finanzjament nazzjonali. Il-konstatazzjonijiet jindikaw li l-organizzazzjonijiet sikwit ma kellhomx aċċess għal opportunitajiet nazzjonali ta’ finanzjament sabiex jimplimentaw l-attivitajiet tal-Programmi. Għalhekk wieħed jista’ jassumi li parti sinifikanti tal-proġetti ma kinux ikunu żviluppati fin-nuqqas ta’ finanzjament tal-ISEC u tas-CIPS.
Iż-żewġ programmi kellhom dimensjoni transnazzjonali qawwija bl-appoġġ jew għal proġetti transnazzjonali jew nazzjonali b’potenzjal għal trasferibbiltà lil Stati Membri oħrajn. Għalhekk aspett ewlieni tal-valur miżjud tal-UE kien jinsab fl-abbiltà tagħhom li jrawmu kooperazzjoni transnazzjonali. Il-kontribuzzjoni importanti tal-finanzjament tal-ISEC għall-kooperazzjoni transnazzjonali u l-implimentazzjoni tad-dritt tal-UE fl-oqsma varji koperti bil-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità kien enfasizzat tul għadd kbir ta’ intervisti ma’ kull tip ta’ partijiet ikkonċernati. Ġie konkluż li l-ISEC ta kontribuzzjoni sinifikanti biex l-aġenziji nazzjonali tal-infurzar tal-liġi jikkooperaw aktar mill-qrib fuq livell transnazzjonali, biex tinbena fiduċja reċiproka, u għall-formazzjoni ta’ relazzjonijiet ġodda bejn l-organizzazzjonijiet li jaħdmu mal-kontropartijiet tagħhom fi Stati Membri oħra. Il-valur miżjud tal-UE tas-CIPS ġie wkoll evalwat b’mod pożittiv permezz tal-kontribuzzjoni tiegħu għall-iżvilupp tal-politiki tal-Unjoni fil-qasam tal-prevenzjoni, it-tħejjija u l-ġestjoni tal-konsegwenzi tat-terroriżmu u riskji oħra marbuta mas-sigurtà u t-tisħiħ tal-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni bejn atturi rilevanti fil-livell tal-UE għall-protezzjoni ta’ infrastruttura kritika.
Madankollu, il-valur miżjud tal-UE jista’ jkun li tnaqqas mill-fatt li l-proġetti mwettqa taħt il-Programmi kienu fil-biċċa l-kbira mmexxija minn organizzazzjonijiet li jikkoordinaw minn għadd limitat ta’ Stati Membri. Il-bidla lejn ġestjoni kondiviża sa ċertu punt indirizzat l-iżbilanċ ġeografiku.
3
Konklużjonijiet
L-evalwazzjoni wriet li l-objettivi u r-riżultati tal-ISEC u s-CIPS kollox ma' kollox kienu rilevanti għall-ħtiġijiet tal-Istati Membri fl-oqsma koperti mill-Programmi minkejja t-tħassib relatat mat-tifsila tal-Programmi li rriżultaw li kienu iktar immexxija mid-domanda milli mill-politiki. Dan wassal għal żieda sinifikanti ta’ żbilanċ ġeografiku fl-implimentazzjoni. Il-bidla lejn ġestjoni kondiviża għall-istrument sussegwenti l-ISF-Pulizija kien mistenni li jindirizza din il-problema u li jżid l-effettività u l-effiċjenza tal-fondi tal-UE. Barra minn hekk, il-lakuna ta’ żmien identifikata bejn il-formulazzjoni ta’ prijoritajiet taħt il-Programmi Annwali ta’ Ħidma u l-implimentazzjoni tagħhom ġiet indirizzata parzjalment fl-ISF-Pulizija permezz tal-inklużjoni ta’ assistenza ta’ emerġenza sabiex jiġu indirizzati “ħtiġijiet urġenti u speċifiċi”.
Rigward l-effettività, il-Programmi ġeneralment laħqu l-objettivi tagħhom, iżda jista’ jiġi żviluppat u kondiviż repożitorju ċentrali aktar dettaljat tar-riżultati tal-proġetti permezz, pereżempju, tan-Netwerk Ewropew għall-Prevenzjoni tal-Kriminalità, tan-Netwerk ta’ Informazzjoni ta’ Twissija dwar l-Infrastruttura Kritika (CIWIN), is-sit web tal-Koordinatur tal-UE Kontra t-Traffikar jew permezz ta’ servizzi oħra tal-Kummissjoni. Dan jista’ jiġi kkunsidrat għall-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss. Tista’ tiġi kkunsidrata wkoll sistema mtejba ta’ monitoraġġ. L-elementi ewlenin ta’ din is-sistema ta’ monitoraġġ jistgħu jkunu, pereżempju, żjarat ta’ monitoraġġ u sistema tal-IT biex sistematikament tirreġistra d-data tal-proġetti. Din ġiet indirizzata sa ċertu punt taħt il-Fond suċċessur, ISF-Pulizija, pereżempju, permezz tal-użu ta’ missjonijiet ta’ monitoraġġ għall-implimentazzjoni tal-proġett u l-possibbiltà li jsir kontribut kull sena għal attivitajiet ta’ assistenza teknika
.
Fir-rigward tal-effiċjenza, b’mod ġenerali, il-biċċa l-kbira tal-partijiet ikkonċernati kkonsultati qiesu li l-finanzjament mill-UE kien biżżejjed u l-valur għall-flus kien meqjus bħala wieħed tajjeb għal għoli ħafna fl-attivitajiet kollha. Madankollu, kif imsemmi hawn fuq, in-nuqqas ta’ repożitorju ċentrali naqqas ukoll mill-effiċjenza tal-Programmi sa ċertu punt. Għalkemm il-monitoraġġ tjieb parzjalment taħt il-Fond attwali, in-nuqqas ta’ evalwazzjoni bejn il-pari u ta’ tixrid xieraq tar-riżultati tal-proġetti għadhom jirrappreżentaw nuqqasijiet li jridu jiġu indirizzati skont il-ġenerazzjoni li jmiss ta’ Fondi. Hemm lok għal titjib biex jiġi indirizzat il-piż amministrattiv u tinkiseb simplifikazzjoni.
L-evalwazzjoni wriet li l-Programmi kien koerenti u mingħajr duplikazzjoni ta’ inizjattivi simili fil-livell nazzjonali u fil-livell tal-UE. Dan kien prinċipalment dovut għall-kooperazzjoni bejn is-servizzi tal-Kummissjoni involuti fil-ġestjoni ta’ inizjattivi oħra.
Fl-aħħar nett, iż-żewġ programmi nstabu li kellhom valur miżjud tal-UE sostanzjali. Il-biċċa l-kbira tal-attivitajiet imwettqa taħt il-Programmi ma kinux jiġu żviluppati jew ma kinux jiksbu l-istess riżultati, b’mod partikolari mhux f’livell transnazzjonali, fin-nuqqas tal-fondi tal-UE. Madankollu, il-valur miżjud tal-UE jista’ jkun ogħla jekk ir-riżultati trasferibbli ta’ proġetti fil-livell tal-UE kienu jkomplu jiġu promossi u mxerrda. L-istabbiliment ta’ repożitorju ċentrali fil-livell tal-Kummissjoni li jiġbor ir-riżultati tal-proġetti seta’ jikkontribwixxi għal dan. Il-valur miżjud tal-UE wkoll kien jiġi msaħħaħ jekk l-organizzazzjonijiet tal-koordinazzjoni kienu aktar mifruxa b’mod ugwali madwar l-Istati Membri.