EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018DC0219

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Settur Ewropew tal-bejgħ bl-imnut adattat għas-seklu 21

COM/2018/219 final

Brussell, 19.4.2018

COM(2018) 219 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI EMPTY

Settur Ewropew tal-bejgħ bl-imnut adattat għas-seklu 21

{SWD(2018) 236 final}
{SWD(2018) 237 final}


1.It-tisħiħ tal-kompetittività tas-settur Ewropew tal-bejgħ bl-imnut

Settur tal-bejgħ bl-imnut dinamiku u kompetittiv huwa importanti għall-konsumaturi, għan-negozji, u għaldaqstant għall-ekonomija sħiħa tal-UE. L-ammont enormi ta’ kumpaniji u ta’ impjiegi involuti, u l-kontribut tagħhom lejn il-valur miżjud tal-UE, irendu l-bejgħ bl-imnut essenzjali għall-ixprunar tat-tkabbir ekonomiku fit-tul 1 . 

Xprunat mill-bżonnijiet dejjem jevolvu tal-konsumaturi u mill-progress teknoloġiku, is-settur inbidel b’ritmu mgħaġġel, u huwa katalizzatur għall-innovazzjoni u l-produttività.

L-unitajiet domestiċi fl-UE jonfqu sa terz mill-baġits tagħhom fuq oġġetti ddistribwiti mill-bejjiegħa bl-imnut. Permezz tal-prezz, l-għażla u l-kwalità tal-prodotti offruti, is-settur tal-bejgħ bl-imnut għandu impatt fuq il-kwalità tal-ħajja ta’ dawk li jgħixu fl-UE.

It-3.6 miljun kumpanija attivi fis-settur tal-bejgħ bl-imnut (prinċipalment SMEs) jinteraġixxu ma’ setturi ekonomiċi oħra bħall-bejjiegħa bl-ingrossa u l-manifatturi ta’ prodotti, kif ukoll it-trasport u l-loġistika, fost servizzi kummerċjali oħra. Settur tal-bejgħ bl-imnut li jiffunzjona aħjar iwassal għal effetti sekondarji pożittivi fuq l-ekonomija sħiħa.

Is-Suq Uniku jagħti lill-bejjiegħa bl-imnut aċċess għal madwar 500 miljun konsumatur potenzjali. Madankollu, dan jeħtieġ qafas kummerċjali u regolatorju favorevoli li jkun adattat għall-ħtiġijiet kemm tal-bejjiegħa bl-imnut online kif ukoll dawk offline, u li jassisti fir-rispons għal sfidi li jaffettwaw is-settur tal-bejgħ bl-imnut fuq livell globali 2 .

It-tkabbir rapidu tal-kummerċ elettroniku qiegħed jittrasforma s-settur. Il-kummerċ elettroniku saret realtà ta’ kuljum għall-biċċa l-kbira miċ-ċittadini tal-UE. Dan iġib miegħu kemm opportunitajiet ġodda kif ukoll sfidi għas-settur. L-iżvilupp tal-bejgħ multikanali u l-fruntieri jdubu bejn il-bejgħ offline (post tan-negozju fiżiku) u dak online (kummerċ elettroniku) jippromwovu l-kompetizzjoni u jrawmu l-innovazzjoni fis-settur. Madankollu, għad hemm lok għal ħafna titjib fil-kummerċ elettroniku transfruntiera fl-UE. Barra minn hekk, mhux il-kumpaniji kollha jsibuha faċli li jlaħħqu mal-emerġenza ta’ mudelli kummerċjali ġodda – 80 % tal-bejjiegħa bl-imnut għadhom ma jbigħux online. B’mod partikulari, bosta bejjiegħa bl-imnut żgħar isibuha bi tqila jadattaw.

Biex is-Suq Uniku jkun jista’ jwassal ir-riżultati, trid tittieħed azzjoni xierqa fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali. Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, bosta Stati Membri diġà wettqu riformi bil-għan li jtejbu l-ambjent regolatorju għall-bejjiegħa bl-imnut 3 . 

Minkejja dan, il-produttività tas-settur tal-bejgħ bl-imnut tal-UE għadha ma laħqitx setturi oħra, u hija inqas dinamika milli f’ekonomiji paragunabbli oħra 4 . Il-bejgħ bl-imnut wera wkoll inqas profittabbiltà minn setturi oħra. L-akkumulazzjoni tar-regolamenti jkollha impatt negattiv fuq ir-rendiment tiegħu. Il-bejjiegħa bl-imnut iridu jikkonformaw ma’ akkumulazzjoni ta’ oqfsa regolatorji varjati u spiss kumplessi li huma stabbiliti fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali. Tali regolamenti restrittivi jwasslu għal swieq tal-bejgħ bl-imnut inqas dinamiċi, b’inqas dħul u ħruġ ta’ negozji tal-bejgħ bl-imnut, u b’inqas prospetti ta’ impjieg 5 .

Sors:    Kalkoli proprji bbażati fuq informazzjoni miġbura mill-Istati Membri, mill-Eurostat u permezz ta’ studji ddedikati. 6


Settur tal-bejgħ bl-imnut modern jeħtieġ aktar investiment u ambjent tan-negozju favorevoli. Il-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa jappoġġja approfondiment ulterjuri tas-Suq Uniku, speċifikament billi jitneħħa x-xkiel għall-investiment, billi titrawwem aktar prevedibbiltà regolatorja, u billi titnaqqas ir-regolamentazzjoni eċċessiva.

Bl-implimentazzjoni tal-Istrateġija għal Suq Uniku Diġitali 7 , il-Kummissjoni ħadet passi biex tiżgura li s-Suq Uniku jkun adattat għall-era diġitali. L-għoti ta’ spinta lill-kummerċ elettroniku kien wieħed mill-objettivi prinċipali. Il-proposti tal-Kummissjoni dwar l-imblukkar ġeografiku 8 , is-servizzi transfruntiera ta’ konsenja tal-pakketti 9 , il-modernizzazzjoni tas-sistema tal-VAT 10 , ir-regoli dwar kuntratti diġitali 11 u l-inizjattiva li ġejja dwar pjattaformi online 12 se jgħinu lill-bejjiegħa bl-imnut joperaw online mingħajr intoppi. Il-Kummissjoni qiegħda tipproponi wkoll azzjonijiet għal tassazzjoni ġusta u effettiva tal-ekonomija diġitali 13 u biex tiżgura l-indipendenza tal-iskemi ta’ kards ta’ pagament u tal-entitajiet li jipproċessawhom 14 .

Qegħdin jinħolqu opportunitajiet ġodda għan-negozji l-ġodda (start-ups) li huma attivi fis-settur. L-inizjattiva favur in-negozji l-ġodda u n-negozji li qed jespandu 15 għandha l-għan speċifiku li telimina l-ostakli għan-negozji l-ġodda u n-negozji li qed jespandu fis-Suq Uniku, billi toħloq opportunitajiet kummerċjali aħjar u tiffaċilita l-aċċess għal finanzjament.

L-Aġenda Ġdida għall-Ħiliet għall-Ewropapproponiet għadd ta’ azzjonijiet li se jgħinu jgħammru liċ-ċittadini tal-UE bil-ħiliet it-tajba biex jindirizzaw l-isfidi tal-ekonomija globali li qed tinbidel b’rata mgħaġġla 16 . Is-settur tal-bejgħ bl-imnut jeħtieġ ħiliet li jikkorrispondu mal-ħtiġijiet tad-diġitalizzazzjoni. Barra minn hekk, Erasmus+ joffri opportunitajiet ġodda għal apprendistati barra l-pajjiż fit-tul, f’firxa wiesgħa ta’ setturi ekonomiċi inkluż il-bejgħ bl-imnut.

Is-Suq Uniku għall-merkanzija huwa ta’ importanza partikulari għas-settur tal-bejgħ bl-imnut. F’Diċembru 2017, il-Kummissjoni ressqet żewġ proposti leġiżlattivi biex tagħmilha aktar faċli għall-kumpaniji, speċjalment l-SMEs, li jbigħu l-prodotti tagħhom madwar l-Ewropa 17 , u biex issaħħaħ il-kontrolli biex tevita li prodotti mhux sikuri jinbiegħu lill-konsumaturi Ewropej 18 . Barra minn hekk, il-Kummissjoni ressqet proposta biex tneħħi l-ostakli marbutin mal-liġi kuntrattwali li jxekklu l-kummerċ transfruntiera 19 . Il-Kummissjoni qiegħda wkoll tieħu inizjattivi biex tkompli ttejjeb il-qafas legali għall-konsumaturi u n-negozji 20 .

Id-Direttiva dwar is-Servizzi tippermetti lill-bejjiegħa bl-imnut jistabbilixxu ħwienet fl-Istati Membri kollha b’mod aktar faċli. Fis-sentenza tagħha fil-kawża Visser 21 , il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (il-“QtĠ”) ikkonfermat li l-bejgħ bl-imnut huwa servizz u b’hekk huwa kopert mid-Direttiva dwar is-Servizzi 22 . Id-Direttiva tiżgura li ċerti rekwiżiti restrittivi ħafna għall-aċċess għas-suq ikunu pprojbiti, u li oħrajn jistgħu jeżistu biss fejn ikunu mhux diskriminatorji, iġġustifikati minn objettiv leġittimu ta’ politika pubblika, u proporzjonali. F'dak ir-rigward, id-Direttiva għandha wkoll l-għan li tiggarantixxi proċeduri effiċjenti, oġġettivi u mhux diskriminatorji għal aċċess għas-suq fi żmien raġonevoli. Rekwiżiti simili huma imposti mit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE f’sitwazzjonijiet li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi, bħal restrizzjonijiet operattivi.

Il-Kunsill Ewropew enfasizza li l-infurzar tal-leġiżlazzjoni eżistenti huwa element ewlieni għall-funzjonament tas-Suq Uniku 23 . Fl-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi, l-Istati Membri għamlu għadd ta’ aġġustamenti għall-oqfsa regolatorji għas-servizzi. Il-konformità sħiħa mar-regoli tal-UE għandha ttejjeb l-ambjent regolatorju għall-bejgħ bl-imnut, u tippermetti lill-kumpaniji, u b’hekk ukoll lill-konsumaturi, jaħsdu l-frott tas-Suq Uniku.

L-Istrateġija għal Suq Uniku indikat ir-restrizzjonijiet għall-istabbilment ta’ bejgħ bl-imnut u r-restrizzjonijiet li jaffettwaw l-operazzjonijiet ta’ kuljum tal-bejgħ bl-imnut bħala impedimenti sinifikanti għal settur tal-bejgħ bl-imnut li jiffunzjona aħjar. Il-Kummissjoni ntrabtet li “tistabbilixxi l-aqwa prattiki li jiffaċilitaw l-istabbiliment tal-bejgħ bl-imnut u jnaqqsu r-restrizzjonijiet operazzjonali fis-Suq Uniku... [biex] jipprovdu gwida għar-riformi tal-Istati Membri u għall-iffissar tal-prijoritajiet għal politika ta’ infurzar fis-settur tal-bejgħ bl-imnut" 24 .

Din il-Komunikazzjoni għandha l-għan li tikkontribwixxi għall-ilħuq tal-potenzjal sħiħ tas-settur tal-bejgħ bl-imnut għall-ekonomija tal-UE, billi tidentifika l-aqwa prattiki. L-aqwa prattiki se jappoġġjaw il-kompetittività tas-settur tal-bejgħ bl-imnut mingħajr ma jimminaw l-objettivi ta’ politika pubblika mfittxija mill-Istati Membri. Kif enfasizza l-Kunsill Ewropew, jeħtieġ li l-UE tkompli taħdem lejn Suq Uniku li jibqa’ validu fil-futur, u li jkun adattat għall-era diġitali 25 . Is-settur tal-bejgħ bl-imnut jiddependi dejjem aktar fuq distribuzzjoni multikanali, u din ix-xejra se tkompli. Bosta inizjattivi tas-Suq Uniku Diġitali għandhom l-għan li jiżguraw li l-bejjiegħa bl-imnut online ikunu jistgħu jbigħu b’mod transfruntiera b’mod effettiv. Din il-Komunikazzjoni tindirizza r-restrizzjonijiet l-aktar prevalenti fil-bejgħ bl-imnut offline.

Fil-25 anniversarju tas-Suq Uniku 26 , jaqbel li niċċelebraw il-kisbiet tiegħu, iżda li nħarsu ‘l quddiem ukoll. Is-settur tal-bejgħ bl-imnut jistħoqqlu l-attenzjoni u l-analiżi tagħna. Jeħtieġu sforzi min-naħa tal-istituzzjonijiet u l-Istati Membri tal-UE, sabiex jappoġġaw il-kompetittività tas-settur fi żmien fejn it-tkabbir rapidu tal-kummerċ elettroniku qiegħed jittrasformah.

2.Restrizzjonijiet għall-bejgħ bl-imnut jaffettwaw il-prestazzjoni tas-suq

Il-bejjiegħa bl-imnut iħabbtu wiċċhom ma’ bosta restrizzjonijiet f’diversi gradi f’termini tal-istabbiliment ta’ ħwienet (eż. dwar id-daqs u l-lok tal-ħanut, jew dwar il-proċedura biex jiksbu awtorizzazzjoni speċifika) u tal-operazzonijiet (eż. dwar il-ħinijiet tal-ftuħ, il-promozzjonijiet tal-bejgħ u l-mezzi ta’ distribuzzjoni, it-tassazzjoni u l-akkwist ta’ prodotti). Ħafna minn dawn ir-restrizzjonijiet jistgħu jkunu ġġustifikati minn objettivi leġittimi ta’ politika pubblika, iżda l-akkumulazzjoni tagħhom tista’ toħloq ostakli sproporzjonati għal min jidħol ġdid, u għalhekk jaffettwaw b’mod negattiv il-produttività tas-settur. Il-bejjiegħa bl-imnut jenfasizzaw li l-oqfsa regolatorji għandhom ikunu mfassla biex jibqgħu validi fil-futur u jkunu flessibbli biex jippermettu li n-negozji jadattaw malajr għar-realtà dejjem tinbidel 27 .

It-tnaqqis tar-restrizzjonijiet għandu effetti pożittivi fuq il-funzjonament tas-suq 28 . Ambjent regolatorju inqas restrittiv iħeġġeġ lil aktar ditti jidħlu fis-suq, sabiex igawdu mill-opportunitajiet li jippreżenta u jirnexxu. Il-bejjiegħa bl-imnut ikollhom aktar flessibbiltà biex jinvestu fil-post u l-format it-tajjeb għall-ħwienet tagħhom, u biex jirrispondu aħjar għall-ħtiġijiet tal-konsumaturi lokali. Dan kollu, flimkien ma’ kummerċ elettroniku dejjem jikber, iżid il-kompetizzjoni u jwassal għas-suċċess tal-aktar ditti effiċjenti u innovattivi.

B’riżultat ta’ dan, il-produttività tas-settur titjieb, anke għall-ġid tal-konsumaturi. Il-konsumaturi jistgħu jgawdu aktar varjetà, aktar innovazzjoni u kwalità ogħla kemm tal-prodotti kif ukoll tas-servizzi offruti. Huwa probabbli wkoll li jħallsu inqas 29 . Barra minn hekk, settur tal-bejgħ bl-imnut aktar b’saħħtu jista’ joffri aktar opportunitajiet ta’ xogħol. Aktar impjiegi u impjiegi aħjar jinħolqu mhux biss fil-bejgħ bl-imnut iżda wkoll fis-servizzi ta’ appoġġ bħat-trasport, il-ħżin u l-loġistika.

Il-Kummissjoni żviluppat Indikatur tar-Restrittività għall-Bejgħ bl-Imnut (RRI, Retail Restriveness Indicator), li juri d-diversi restrizzjonijiet għall-istabbiliment tal-bejgħ bl-imnut kif ukoll għall-operazzjonijiet ta’ kuljum tal-ħwienet 30 . Il-komponenti tal-Indikatur jaqbdu l-kumplessità u d-diversità tal-oqfsa regolatorji fis-seħħ fl-Istati Membri. B’mod ġenerali, l-Indikatur huwa ritratt fattwali u juri restrittività ferm diverġenti madwar l-UE. Fl-Istati Membri hemm restrizzjonijiet kemm fuq l-istabbiliment u kemm fuq l-operazzjonijiet. Madankollu, it-tip speċifiku ta’ restrizzjoni, u l-livell tar-restrittività, ivarjaw b’mod sinifikanti. F’ċerti Stati Membri, dan il-livell jista’ jkun sa ħames darbiet ogħla milli f’oħrajn. Filwaqt li fl-oqfsa regolatorji l-inqas restrittivi hemm ftit tipi ta’ restrizzjonijiet, dawk l-iktar restrittivi jistgħu jakkumulaw sa 12-il tip differenti ta’ restrizzjoni 31 . Dan jolqot l-ambjent li fih joperaw in-negozji tal-bejgħ bl-imnut.

Huwa fuq kollox f’idejn l-Istati Membri biex jirregolaw is-settur tal-bejgħ bl-imnut. Madankollu, meta jistabbilixxu r-regoli, l-Istati Membri jridu jikkonformaw mad-dritt tal-UE u ma jagħmlux restrizzjonijiet mhux dovuti fuq il-libertà tal-istabbiliment jew fuq il-forniment liberu tas-servizzi. B’riżultat ta’ dan, ċerti restrizzjonijiet huma projbiti, filwaqt li f’każijiet oħra jistgħu jinżammu jew jiġu introdotti dment li jkunu mhux diskriminatorji, iġġustifikati fuq il-bażi ta’ objettivi leġittimi ta’ politika pubblika, u proporzjonali. Ambjent regolatorju inqas restrittiv ikun jappoġġa l-kompetittività tas-settur. F’dak il-kuntest, għandu jitqies il-fatt li, minħabba n-natura tagħhom, ir-regolamenti dwar l-istabbiliment u r-regolamenti operattivi prinċipalment jaffettwaw lill-bejjiegħa bl-imnut offline. Barra minn hekk, ir-restrizzjonijiet jakkumulaw, u l-Istati Membri għandhom iqisu l-effetti kumulattivi tagħhom.

3.Faċilitazzjoni tal-istabbiliment tal-bejgħ bl-imnut

Il-ftuħ ta’ ħwienet ġodda huwa mod kif il-bejjiegħa bl-imnut jaċċessaw suq. Hekk kif qed jiżviluppa l-bejgħ multikanali, huwa importanti għall-bejjiegħa bl-imnut li jkunu jistgħu jsegwu strateġija konsistenti ta’ aċċess għas-suq, li tikkombina preżenza online u offline. Barra minn hekk, dan l-aċċess għas-suq għandu jkun possibbli fi żmien raġonevoli u mingħajr piżijiet sproporzjonati mhux dovuti. Aċċess għas-suq f’waqtu u veloċi hija kwistjoni ewlenija għall-bejjiegħa bl-imnut. Huma mħassba dwar restrizzjonijiet fuq il-postijiet għal ħwienet ġodda, dwar kundizzjonijiet relatati mal-prodotti, jew dwar nuqqas ġenerali ta’ ċertezza legali. Il-bejjiegħa bl-imnut jindikaw li l-proċeduri ta’ stabbiliment huma twal wisq, kumplessi wisq u inċerti wisq 32 .

Restrizzjonijiet għall-istabbiliment jammontaw għal ostakli serji għad-dħul, u għalhekk din il-kwistjoni tqajmet ripetutament fil-kuntest tas-Semestru Ewropew 33 .

Kundizzjonijiet ta’ stabbiliment

L-Istati Membri kollha jirregolaw il-ħwienet tal-bejgħ bl-imnut. Spiss ħafna, l-istabbiliment tal-bejgħ bl-imnut huwa rregolat fil-livell reġjonali u/jew lokali, u dan iżid mad-diversità tar-regoli li l-bejjiegħa bl-imnut iridu jikkonformaw magħhom.

Id-Direttiva dwar is-Servizzi, billi tikkodifika l-każistika tal-QtĠ rigward il-libertà tal-istabbiliment, tipprojbixxi ċerti rekwiżiti bħal testijiet tal-ħtiġijiet ekonomiċi 34 . F’din il-kategorija jaqgħu talbiet għal informazzjoni biex tiġi evalwata l-offerta (eż. l-għadd, it-tipi u l-format tal-ħwienet eżistenti) jew biex titkejjel id-domanda tas-suq (eż. il-kapaċità tal-akkwist jew il-konsum tal-unitajiet domestiċi fiż-żoni ta’ stabbiliment rilevanti). Dawn ir-rekwiżiti ġew ipprojbiti mil-leġiżlatur tal-UE minħabba li la jsegwu interessi purament ekonomiċi u lanqas jistgħu jiġu ssostitwiti b’mezzi inqas restrittivi. Ħafna Stati Membri, meta implimentaw id-Direttiva dwar is-Servizzi, irrevedew il-kundizzjonijiet tagħhom għall-istabbiliment u eliminaw ir-rekwiżiti għal valutazzjoni ekonomika 35 . Iżda f’ċerti Stati Membri, fil-liġi jew fil-prattika, xorta waħda hija meħtieġa jew tintuża informazzjoni ekonomika.

Ir-regoli dwar l-istabbiliment tal-ħwienet tal-bejgħ bl-imnut huma ggwidati minn kunsiderazzjonijiet tal-ippjanar urban jew rurali, spiss bl-objettiv li ċ-ċentri tal-bliet jingħataw il-ħajja jew li jiġi protett l-ambjent. Pereżempju, dawn ir-regoli jistgħu jillimitaw l-istabbiliment fil-periferija ta’ bliet żgħar. Dawn l-objettivi huma kondiviżi mill-Kummissjoni li, fil-qafas tal-Aġenda Urbana tal-UE 36 , qed taħdem flimkien mal-Istati Membri, mal-ibliet u ma’ partijiet ikkonċernati oħra biex tippromwovi politiki aktar urbani, effettivi u effiċjenti, u biex tippromwovi l-koeżjoni territorjali 37 . Fl-istess ħin, is-segwitu li jingħata mill-Istati Membri għal dawn l-objettivi jrid isir b’mod proporzjonali.

Il-QtĠ ikkonfermat 38 li d-Direttiva dwar is-Servizzi tapplika għall-istabbiliment tal-bejgħ bl-imnut irrispettivament mill-mod kif l-Istati Membri jirregolaw l-istabbiliment għall-bejgħ bl-imnut, sew jekk permezz ta’ skema ta’ awtorizzazzjoni sew permezz tal-ippjanar urban jew rurali. Il-QtĠ ikkonfermat li d-Direttiva dwar is-Servizzi tippermetti li l-objettivi ta’ politika pubblika jitqiesu kif xieraq, u li l-Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni fil-mod kif jiġu ssodisfati l-objettivi ta’ politika pubblika. Madankollu, biex ikunu kompatibbli mad-Direttiva dwar is-Servizzi f’dak ir-rigward, l-Istati Membri jridu jiżguraw li r-rekwiżiti regolatorji relatati mal-istabbiliment tal-bejgħ bl-imnut ma jkunux biss iġġustifikati minn raġuni prevalenti relatata mal-interess pubbliku, iżda jkunu wkoll proporzjonali.

Il-proporzjonalità hija karatteristika importanti tal-libertajiet tas-Suq Uniku. Il-proporzjonalità hija essenzjali fil-bejgħ bl-imnut. Id-Direttiva dwar is-Servizzi tirrikjedi li l-bejjiegħa bl-imnut ma jkunux soġġetti għal restrizzjonijiet li jkunu sproporzjonati. Dan huwa l-każ ta’ ċerti rekwiżiti li jissemmew espliċitament fid-Direttiva dwar is-Servizzi, li jinkludu restrizzjonijiet territorjali 39 . Pjanijiet spazjali ddettaljati ħafna li jispeċifikaw it-tipi ta’ oġġetti għall-bejgħ jistgħu jkunu eżempju ta’ dan 40 . Fis-sentenza Visser, il-QtĠ fakkret li, skont id-Direttiva dwar is-Servizzi 41 , l-Istati Membri huma obbligati li jiskrinjaw ir-regolamenti u l-prattiki tagħhom biex jivverifikaw il-proporzjonalità tar-restrizzjonijiet territorjali li japplikaw għall-istabbiliment tal-bejgħ bl-imnut 42 . 

B’mod usa’ fis-settur tas-servizzi, il-Kummissjoni pproponiet Direttiva dwar test tal-proporzjonalità fil-qasam tal-professjonijiet regolati 43 . B’mod simili, fil-proposta tal-Kummissjoni rigward il-proċedura ta’ notifika għal ċerti restrizzjonijiet skont id-Direttiva dwar is-Servizzi 44 , jeħtieġ approċċ strutturat u uniformi għall-proporzjonalità.

L-Istati Membri, billi jistabbilixxu livelli limitu tad-daqs, spiss japplikaw regoli differenti għal proġetti ta’ stabbiliment tal-bejgħ bl-imnut skont id-daqs tal-ħanut ippjanat 45 . Dan jista’ jirriżulta f’li x-xenarju tal-bejgħ bl-imnut jingħata forma artifiċjali, billi jiġu affettwati l-formats u d-daqsijiet tal-ħwienet li jinfetħu 46 , u fl-aħħar mill-aħħar dan ikollu impatt fuq il-produttività.

Testijiet tal-ħtiġijiet ekonomiċi

F’konformità mad-Direttiva dwar is-Servizzi, l-awtoritajiet pubbliċi jridu jirrevedu r-regoli u l-prattiki tagħhom biex jiżguraw li d-dejta ekonomika la tkun meħtieġa u lanqas tintuża għall-iskopijiet tal-istabbiliment.

Eżempju: Fil-biċċa l-kbira mill-Istati Membri, id-dejta ekonomika ma tintużax fil-proċeduri ta’ stabbiliment tal-bejgħ bl-imnut, filwaqt li f’xi Stati Membri oħra t-testijiet tal-ħtiġijiet ekonomiċi għadhom fis-seħħ de jure jew de facto.

Regoli speċifiċi għall-post

Jekk japplikaw regoli speċifiċi għall-post, inkluż bl-objettiv li jagħtu l-ħajja liċ-ċentri tal-bliet, f’konformità mad-Direttiva dwar is-Servizzi, l-awtoritajiet pubbliċi jridu jivvalutaw il-proporzjonalità ta’ dawn ir-regoli, b’mod partikolari biex jivverifikaw jekk regoli inqas restrittivi jkunux daqstant effettivi.

Eżempju: Fi Franza, ir-regoli li jikkonċernaw l-istabbiliment tal-bejgħ bl-imnut jippermettu li l-bejjiegħa bl-imnut jagħżlu l-aħjar post għall-ħanut tagħhom mingħajr ma jkun hemm restrizzjonijiet fuq il-format tal-ħanut u l-għażla tal-prodotti.

Żoni spazjali lokali

Meta jkunu qed ifasslu żoni spazjali, l-awtoritajiet pubbliċi huma mħeġġa li jippermettu firxa wiesgħa ta’ attivitajiet kummerċjali f’żoni kummerċjali. Barra minn hekk, f’konformità mad-Direttiva dwar is-Servizzi, l-awtoritajiet pubbliċi, skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, iridu jevitaw regoli eċċessivament preskrittivi.

Eżempju: Billi jindikaw żoni għal firxa wiesgħa ta’ attivitajiet kummerċjali fil-pjanijiet lokali (“użu kummerċjali”), l-awtoritajiet Rumeni jagħtu lok għall-flessibbiltà fl-użu tal-ispazju.

Livelli limitu tad-daqs

F’konformità mad-Direttiva dwar is-Servizzi, jekk l-awtoritajiet pubbliċi jkunu qed jistabbilixxu livelli limitu tad-daqs għall-istabbiliment tal-bejgħ bl-imnut, skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, iridu jivvalutaw il-konsistenza tal-livell limitu mal-objettivi ta’ politika pubblika mfittxija. Barra minn hekk, l-awtoritajiet pubbliċi huma mħeġġa li jqisu l-effetti tagħhom fuq l-istruttura tas-suq.

Eżempju: Fil-Latvja, ma japplika ebda livell limitu, u irrispettivament mid-daqs ta’ ħanut, japplika proċess uniku għall-istabbiliment tal-bejgħ bl-imnut, dment li l-proġett ikun ippjanat f’żona ddeżinjata għal “użu kummerċjali”. Fid-Danimarka u l-Finlandja wkoll, b’riżultat ta’ ċerti riformi tal-oqfsa regolatorji għall-istabbiliment tal-bejgħ bl-imnut, ġew stabbiliti livelli limitu ogħla għad-daqs tal-ħwienet u ġew eliminati xi limiti fuq is-sulari. Ir-riformi twettqu bl-għan li jitjieb il-funzjonament tas-settur, li tiżdied il-produttività u li l-konsumaturi jingħataw aktar għażla u prezzijiet aktar baxxi.

Hija preokkupazzjoni ta’ politika leġittima għall-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali jew lokali li jżommu ċ-ċentri tal-bliet mimlijin ħajja, iżda l-għadd ta’ ħwienet vojta qiegħed jiżdied. Biex jindirizzaw din il-preokkupazzjoni, xi wħud mill-awtoritajiet japplikaw restrizzjonijiet fuq l-istabbiliment tal-bejgħ bl-imnut barra miċ-ċentri tal-bliet. Jekk jiġu applikati, dawn ir-restrizzjonijiet iridu jkunu ġġustifikati u proporzjonali. F’dan il-kuntest, l-awtoritajiet nazzjonali rilevanti għandhom iqisu politika aktar komprensiva li tmur lil hinn mir-regoli speċifiċi għall-bejgħ bl-imnut. Għandhom iqisu d-dimensjoni tal-kummerċ elettroniku u l-preferenzi tax-xiri dejjem jinbidlu tal-konsumaturi, li t-tnejn li huma jaffettwaw il-preżenza tal-bejjiegħa bl-imnut fiċ-ċentri tal-bliet.

Approċċi ġodda biex tiġi promossa l-vivaċità taċ-ċentri tal-bliet

L-awtoritajiet pubbliċi huma mħeġġa li jqisu firxa wiesgħa ta’ azzjonijiet u miżuri biex jattiraw lill-konsumaturi lejn iċ-ċentri tal-bliet, li ma jiddependux esklużivament fuq ir-restrizzjonijiet fuq l-istabbiliment tal-bejgħ bl-imnut.

Eżempju: F’parti minn Amsterdam (in-Netherlands) li hija magħrufa bħala “9 streets”, il-bejjiegħa bl-imnut ikkooperaw biex ħolqu komunità vivaċi, u komplew jibnu fuq l-identità u l-wirt kulturali taż-żona. Permezz ta’ maniġer tal-komunità, il-bejjiegħa bl-imnut huma mħeġġa li jikkoordinaw attivitajiet komuni ta’ kummerċjalizzazzjoni u promozzjoni marbuta ma’ dan il-wirt li jistgħu jiġbdu t-turisti jew konsumaturi oħra lejn iż-żona, bi promozzjoni fuq sit web. Dan, flimkien ma’ inizjattivi oħra mmexxija mill-awtorità kompetenti bħall-introduzzjoni ta’ żona pedonali, saħħaħ l-attività tal-bejgħ bl-imnut u d-domanda għal spazju għall-bejgħ bl-imnut fin-”9 streets”.

B’mod parallel għal din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni qiegħda tippubblika Gwida għat-trawwim tar-rivitalizzazzjoni u l-modernizzazzjoni tas-settur tal-bejgħ bl-imnut żgħir. Din il-gwida fiha stejjer ta’ suċċess ta’ bliet li reġgħu taw il-ħajja liċ-ċentri tal-bliet tagħhom, u għandha tgħin lill-awtoritajiet kompetenti biex jassistu lill-bejjiegħa bl-imnut żgħar jadattaw għar-realtajiet ġodda tal-era diġitali.

Proċeduri ta’ stabbiliment

Proċeduri ta’ stabbiliment sempliċi, trasparenti u effiċjenti ("it-tnaqqis tal-burokrazija") joffru opportunitajiet biex is-settur tal-bejgħ bl-imnut itejjeb il-produttività tiegħu. Dawk li wieġbu għall-konsultazzjoni pubblika miftuħa enfasizzaw il-ħtieġa li jiġi ssimplifikat il-proċess ta’ stabbiliment, li jkun hemm proċeduri aktar trasparenti, u li jsir użu aħjar u aktar sistematiku tal-proċeduri online. Għandhom jintużaw teknoloġiji diġitali biex jiġi ffaċilitat dan l-aċċess 47 . Il-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar il-Gvern elettroniku 48 għandu l-għan li jħaffef it-trasformazzjoni diġitali tal-amministrazzjoni pubblika biex jagħmel l-interazzjonijiet tan-negozji mal-amministrazzjonijiet pubbliċi aktar effiċjenti, trasparenti, veloċi, u orħos.

Għal min hu lest biex juża l-vantaġġi tas-Suq Uniku, u b’mod partikolari għall-SMEs, huwa kruċjali li jsibu informazzjoni rilevanti u preċiża rigward ir-rekwiżiti u l-proċeduri legali f’format li jinftiehem faċilment, kif ukoll li jkunu jistgħu jaċċessaw u jwettqu proċeduri amministrattivi online. Biex tindirizza aħjar dawn il-ħtiġijiet, il-Kummissjoni ressqet proposta leġiżlattiva biex jiġi stabbilit portal diġitali uniku 49 . 

Fil-prattika, il-bejjiegħa tradizzjonali għadhom iħabbtu wiċċhom ma’ dewmien importanti minħabba bosta ostakli proċedurali 50 . Dan id-dewmien għandu impatt negattiv fuq il-bidu u l-vijabbiltà ta’ proġett – li jista’ jkun imfassal għal xenarju speċifiku fis-suq – u jikkawża kostijiet sinifikanti.

L-implimentazzjoni sħiħa tad-Direttiva dwar is-Servizzi waħidha tkun tippermetti programm ambizzjuż ta’ simplifikazzjoni amministrattiva u kooperazzjoni 51 . Fid-dawl tas-sentenza dwar Visser, l-Istati Membri għandhom jevalwaw jekk is-simplifikazzjoni amministrattiva fis-settur tal-bejgħ bl-imnut kenitx ambizzjuża biżżejjed, jew jekk jeħtieġx aktar ħidma. F’din id-Direttiva, l-Istati Membri huma mitluba jistabbilixxu Punti uniċi ta’ kuntatt, jipprevedu l-possibbiltà li l-proċeduri jitlestew mill-bogħod u b’mezzi elettroniċi, u jagħmlu aktar aċċessibbli l-informazzjoni dwar ir-rekwiżiti u l-proċeduri nazzjonali. L-applikazzjonijiet iridu jiġu pproċessati mill-aktar fis. Is-settur u l-awtoritjaiet pubbliċi kieku jibbenefikaw minn proċeduri ta’ stabbiliment aktar effiċjenti, aktar trasparenti, u iqsar.

Proċeduri simplifikati

Proċeduri simplifikati jieħdu inqas ħin u jeħtieġu inqas riżorsi. F’konformità mad-Direttiva dwar is-Servizzi, l-awtoritajiet pubbliċi jridu jiffaċilitaw l-aċċess tal-bejjiegħa tradizzjonali għas-suq, permezz ta’ proċeduri ssimplifikati ta’ stabbiliment tal-bejgħ bl-imnut b’inqas permessi, li jistgħu jsiru applikazzjonijiet għalihom permezz ta’ punt uniku ta’ kuntatt online.

Eżempju: Fil-Belġju, biex jissimplifikaw il-proċess amministrattiv, ir-Reġjuni introduċew proċeduri integrati u punti uniċi ta’ servizz għall-istabbiliment tal-bejgħ bl-imnut. Dawn il-bidliet jippermettu li l-bejjiegħa bl-imnut japplikaw għal permess uniku integrat f’post wieħed.

Trasparenza

It-trasparenza fl-istadji kollha tal-proċeduri ta’ stabbiliment tal-bejgħ bl-imnut hija ta’ benefiċċju għall-bejjiegħa bl-imnut. F’konformità mad-Direttiva dwar is-Servizzi, l-awtoritajiet pubbliċi jridu jiżguraw li l-informazzjoni neċessarja kollha dwar il-proċeduri ta’ stabbiliment tal-bejgħ bl-imnut tkun disponibbli għall-bejjiegħ bl-imnut minn qabel permezz ta’ sit web iddedikat. Huma mħeġġa wkoll jippubblikaw id-deċiżjonijiet ta’ stabbiliment kollha, ikunux pożittivi jew negattivi.

Eżempju: Fil-Litwanja, kemm id-deċiżjonijiet pożittivi kif ukoll dawk negattivi jiġu ppubblikati b’mod elettroniku.

Tul tal-proċeduri

It-tqassir tat-tul tal-proċeduri ta’ stabbiliment jgħin lill-proġetti ta’ bejgħ bl-imnut jibdew joperaw malajr. Bl-iżvilupp tal-kummerċ online, huwa importanti li jitqassru l-iskadenzi għall-bejjiegħa tradizzjonali biex jaċċessaw is-suq. Dan ikun jappoġġa wkoll lill-iżvilupp multikanali. F’konformità mad-Direttiva dwar is-Servizzi, l-awtoritajiet pubbliċi jridu jipproċessaw l-applikazzjonijiet malajr kemm jista’ jkun 52 . Huma mħeġġa jqisu l-alternattivi kollha biex iqassru ż-żmien meħtieġ biex tinbeda attività ta’ bejgħ bl-imnut, inkluż permezz ta’ miżuri għall-evitar ta’ appelli opportunistiċi.

Eżempju: Riforma riċenti fil-Finlandja kellha l-għan li tissimplifika u b’hekk tqassar il-proċeduri għall-istabbiliment tal-bejgħ bl-imnut.

4.Tnaqqis tar-restrizzjonijiet operattivi

Minbarra r-regolamenti li jaffettwaw l-istabbiliment tal-ħwienet tal-bejgħ bl-imnut, il-bejgħ bl-imnut jiffaċċjaw għadd ta’ regolamenti marbuta mal-operazzjonijiet tagħhom ta’ kuljum (eż. dwar il-ħinijiet tal-ftuħ, il-promozzjonijiet tal-bejgħ, il-mezzi ta’ distribuzzjoni u l-akkwist ta’ prodotti).

Spiss ġew stabbiliti restrizzjonijiet operattivi biex jissodisfaw l-objettivi ta’ politika pubblika, bħall-protezzjoni tal-impjegati, tal-konsumaturi, tal-ambjent u tas-saħħa pubblika. Il-kummerċ elettroniku qed jibdel id-drawwiet tax-xiri tal-konsumaturi (il-konsumaturi draw jixtru fi kwalunkwe ħin u minn kwalunkwe post, inkluż b’mod transfruntiera) 53 . Din tagħti raġuni biex l-Istati Membri jivvalutaw u jimmodernizzaw, kif meħtieġ, l-oqfsa regolatorji tagħhom, kif ukoll biex jitnebbħu, fejn rilevanti, minn soluzzjonijiet li jiffunzjonaw sew u li jfixklu inqas, żviluppati fi Stati Membri oħra.

Ir-restrizzjonijiet operattivi s-soltu jaffettwaw l-iktar lill-bejjiegħa tradizzjonali 54 . Pereżempju, minħabba n-natura tagħhom, ir-restrizzjonijiet fuq il-ħinijiet tal-ftuħ, jew taxxi speċifiċi għall-bejgħ bl-imnut abbażi tad-daqs tal-ispazju, ma japplikawx lill-bejjiegħa bl-imnut online. L-awtoritajiet pubbliċi għandhom jivvalutaw il-proporzjonalità u l-effiċjenza tar-restrizzjonijiet operattivi li jaffettwaw il-bejgħ bl-imnut tradizzjonali, biex jiżguraw kundizzjonijiet ekwi mal-kummerċ elettroniku.

Ir-restrizzjonijiet operattivi jistgħu jsiru piż sinifikanti fuq in-negozji, billi jolqtu ħażin il-produttività tagħhom, u għalhekk ġew indikati kemm-il darba fil-kuntest tas-Semestru Ewropew 55 .

L-iżgurar ta’ kundizzjonijiet ekwi fil-bejgħ bl-imnut

Il-bejjiegħa tradizzjonali jridu jqisu xejriet tal-konsum ġodda u jadattaw l-istrateġija kummerċjali tagħhom kif meħtieġ 56 . Il-bejjiegħa bl-imnut żgħar jistgħu jsibuha bi tqila jadattaw għall-evoluzzjoni diġitali tas-suq. Dawn mhux dejjem jadottaw it-teknoloġija faċilment, u ġeneralment ikollhom inqas riżorsi, inqas għarfien u inqas kapaċità biex ifasslu u jimplimentaw bidliet strutturali.

Għajnuna għat-tranżizzjoni għall-bejjiegħa bl-imnut żgħar

L-awtoritajiet pubbliċi huma mħeġġa jiffaċilitaw l-adozzjoni ta’ teknoloġiji diġitali mill-bejjiegħa bl-imnut żgħar.

Eżempju: Fil-Belġju, biex ittejjeb l-għarfien tal-bejjiegħa bl-imnut żgħar dwar kif jużaw it-teknoloġija diġitali, l-Aġenzija Diġitali ta’ Walloon żviluppat għodda awtodijanjostika li tgħin lill-bejjiegħa bl-imnut żgħar jivvalutaw liema teknoloġija diġitali hija xierqa għall-mezzi u l-esperjenza tagħhom, kif ukoll it-tip ta’ soluzzjonijiet li jeħtieġu fit-terminu qasir biex jiffaċilitaw l-adozzjoni tagħhom tat-teknoloġiji diġitali.

Il-Gwida għat-trawwim tar-rivitalizzazzjoni u l-modernizzazzjoni tas-settur tal-bejgħ bl-imnut żgħir għandha tgħin lill-awtoritajiet kompetenti biex jassistu lill-bejjiegħa bl-imnut żgħar jadattaw għar-realtajiet ġodda tal-era diġitali.

Fl-Istati Membri li għandhom regoli dwar il-promozzjonijiet u l-iskontijiet, il-konsumaturi normalment jistgħu jieħdu vantaġġ minn promozzjonijiet u skontijiet offruti minn ħwienet online fi Stati Membri b’regoli aktar flessibbli (pereżempju dawk li ma jimponux perjodi ta’ bejgħ stretti fi tmiem l-istaġun, jew jippermettu l-bejgħ bi prezz aktar baxx mill-kost) 57 .

Il-kummerċ elettroniku jippermetti lill-konsumaturi jixtru prodotti online li, meta jinbiegħu offline, ċerti Stati Membri jimponu kanali ta’ distribuzzjoni speċifiċi għalihom 58 . Dan jista’ joħloq kundizzjonijiet differenti għall-bejgħ bl-imnut offline u online.

Ir-regolamenti mfassla b’mod predominanti għall-bejjiegħa bl-imnut offline jillimitaw il-kapaċitajiet tal-bejjiegħa bl-imnut biex jadattaw u jirreaġixxu għall-bidliet ikkawżati mill-kummerċ elettroniku. Dan huwa l-każ, pereżempju, għar-restrizzjonijiet fuq il-ħinijiet tal-ftuħ tal-ħwienet. Dawn ir-restrizzjonijiet spiss kienu ġew stabbiliti biex jipproteġu lill-impjegati kif ukoll lill-SMEs, li mhux dejjem ikunu jistgħu jaffordjaw biżżejjed persunal biex ikopru ħinijiet twal tal-ftuħ. Dan it-tħassib għandu jiġi indirizzat filwaqt li jingħata appoġġ lill-bejjiegħa bl-imnut offline biex jadattaw għad-drawwiet il-ġodda tal-konsumaturi.

It-taxxi eżistenti speċifiċi għall-bejgħ bl-imnut, u t-tariffi bbażati fuq id-daqs tal-ispazju, japplikaw biss għall-ħwienet tradizzjonali, u dan jista’ jqegħidhom f’pożizzjoni ta’ żvantaġġ meta mqabbel mal-ħwienet online u negozji oħra.

Promozzjonijiet tal-bejgħ u skontijiet

Promozzjonijiet tal-bejgħ u skontijiet jistgħu jiffurmaw parti mill-istrateġija ta’ bejjiegħ bl-imnut f’ambjent multikanali jew biex jidħol f’suq ġdid. L-awtoritajiet pubbliċi jridu jikkonformaw, fost l-oħrajn, mal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, ġustifikazzjoni u proporzjonalità meta jistabbilixxu r-regoli dwar il-promozzjonijiet tal-bejgħ u l-iskontijiet; dan jikkontribwixxi wkoll biex jiżgura kundizzjonijiet ekwi mal-kummerċ elettroniku.

Eżempju: Riforma riċenti fil-Lussemburgu kellha l-għan li tiffaċilita l-bejgħ fi tmiem in-negozju u li tawtorizza l-bejgħ bi prezz aktar baxx mill-kost. Fl-2014, il-Greċja estendiet il-perjodi ta’ bejgħ fi tmiem l-istaġun.

Kanali tal-bejgħ speċifiċi

L-awtoritajiet pubbliċi huma mħeġġa jdaħħlu kundizzjonijiet ekwi mal-kummerċ elettroniku.

Eżempju: Fil-Portugall, fl-Italja, fl-Iżvezja u fid-Danimarka, saru riformi li jippermettu li ċerti mediċini li ma jeħtiġux riċetta jinbiegħu mhux fl-ispiżeriji biss.

Ħinijiet tal-ftuħ tal-ħwienet

Il-ħinijiet tal-ftuħ tal-ħwienet huma fattur importanti li jinfluwenza l-aċċessibbiltà tal-konsumaturi għal ħanut tal-bejgħ bl-imnut. Il-kummerċ elettroniku qed jibdel b’mod sinifikanti d-drawwiet tax-xiri tal-konsumaturi, u l-bejjiegħa tradizzjonali jistgħu jsibuha bi tqila jlaħħqu mal-kompetizzjoni mill-bejjiegħa bl-imnut online. L-awtoritajiet pubbliċi huma mħeġġa jipprovdu flessibbiltà għall-adattament għall-preferenzi dejjem jinbidlu tal-konsumaturi, u huma mħeġġa wkoll jimmiraw għal kundizzjonijiet ekwi mal-kummerċ elettroniku.

Eżempju: Fil-Finlandja, il-ħinijiet tal-ftuħ tal-ħwienet dan l-aħħar ġew liberalizzati kompletament, b’impatt pożittiv sinifikanti fuq il-kompetizzjoni u l-impjieg.

Taxxi speċifiċi għall-bejgħ bl-imnut

L-awtoritajiet pubbliċi huma mħeġġa jiżguraw kundizzjonijiet ekwi mal-kummerċ elettroniku kif ukoll mas-setturi kummerċjali kollha, billi jiżguraw li kull taxxa speċifika tkun iġġustifikata u ma tqegħidx fi żvantaġġ lill-bejjiegħa tradizzjonali bla bżonn.

Eżempju: Fil-biċċa l-kbira mill-Istati Membri, it-taxxi mhumiex speċifiċi għas-settur tal-bejgħ bl-imnut, u għalhekk ma jiddiskriminawx kontra dan is-settur aktar minn setturi oħra.

Fl-Ungerija, taxxa speċifika għall-bejgħ bl-imnut li ġiet introdotta fl-2010 ġiet irtirata fl-2014, u dan tejjeb il-bilanċ mhux biss bejn setturi differenti, iżda wkoll bejn l-operaturi domestiċi u barranin.

L-iżgurar ta’ katini tal-provvista ġusti u effiċjenti

Il-bejgħ bl-imnut iwassal is-Suq Uniku għand il-konsumaturi. Is-Suq Uniku tal-UE jippermetti li l-bejjiegħa bl-imnut jixtru prodotti minn kwalunkwe post fl-UE. Dan iżid l-effiċjenza, jista’ jkun aktar produttiv u jnaqqas il-kostijiet, għall-vantaġġ aħħari tal-konsumaturi. Is-Suq Uniku kellu l-effett li jżid l-għażla ta’ prodotti disponibbli. Ostakli regolatorji li jirrestrinġu l-possibbiltà li ċerti prodotti jiġu akkwistati b’mod transfruntiera jissograw li jifframmentaw is-Suq Uniku, u jmorru kontra l-prinċipju tal-moviment ħieles tal-merkanzija li jinsab fit-Trattat.

Qegħdin isiru sforzi fil-livell tal-UE kif ukoll dak nazzjonali biex jiġu promossi katini tal-provvista bilanċjati, biex jitnaqqas l-impatt ambjentali u biex jitħeġġeġ il-konsum sostenibbli. L-UE diġà ħadet passi biex tindirizza l-kwistjoni tal-iskart tal-plastik 59 . Fl-istrateġija tagħha ta’ Jannar 2018 għall-plastik fl-ekonomija ċirkolari, il-Kummissjoni qiegħda tippjana aktar ħidma fuq din il-kwistjoni 60 . Il-Kummissjoni qiegħda tipproponi wkoll miżuri biex tippromwovi l-prevenzjoni tal-ħela tal-ikel 61 . Ħafna Stati Membri introduċew ukoll regolamenti bil-għan li jippromwovu prattiki kummerċjali ġusti, b’mod partikolari fil-katina tal-provvista tal-ikel. Il-Kummissjoni tappoġġa dawn l-isforzi, inkluż permezz tal-proposta għal Direttiva dwar prattiki kummerċjali inġusti fir-relazzjonijiet minn negozju għal negozju fil-katina tal-provvista tal-ikel 62 . Madankollu, huwa importanti li l-fornituri u l-bejjiegħa bl-imnut jitħallew jikkooperaw b’mod li jwassal għal benefiċċju reċiproku.

Il-Kummissjoni hija konxja wkoll minn limiti territorjali għall-forniment li ġew stabbiliti minn operaturi privati u li jistgħu jillimitaw il-possibbiltajiet tal-bejjiegħa bl-imnut biex jixtru l-prodotti mingħand min u minn fejn iridu, u dan għandu effett negattiv fuq is-Suq Uniku 63 . Jidher li f’ċerti każijiet, il-bejjiegħa bl-imnut ibbażati fi Stat Membru partikolari li jinnegozjaw ma’ fornitur multinazzjonali ma jingħatawx l-għażla li jiddeċiedu minn liema entità nazzjonali tal-fornitur jippreferu jakkwistaw il-prodotti, u jiġu riferuti minflok għal kumpanija sussidjarja nazzjonali speċifika. Il-bejjiegħa bl-imnut iħabbtu wiċċhom mal-istess ostaklu, jekk il-fornitur ma jippermettix li n-netwerk tiegħu ta’ bejjiegħa bl-ingrossa jikkunsinnjaw il-prodotti tagħhom b’mod transfruntiera, u dan ikollu effett ta’ preklużjoni mis-suq jew kompartimentalizzazzjoni tas-suq skont linji nazzjonali. Jekk il-fornitur li jimponi restrizzjonijiet territorjali fuq il-forniment ikun f’pożizzjoni dominanti, jew jekk dawn jiġu applikati bħala parti minn ftehim bejn il-fornitur u bejjiegħ bl-ingrossa indipendenti, f’ċerti ċirkostanzi d-dritt tal-kompetizzjoni jista’ jintuża biex jiġu applikati sanzjonijiet fuq dawn ir-restrizzjonijiet bħala mġiba antikompetittiva. Madankollu, id-dritt tal-kompetizzjoni ma jkoprix sitwazzjonijiet fejn tali struzzjonijiet jingħataw minn fornituri integrati b’mod vertikali lill-kumpaniji sussidjarji nazzjonali tagħhom. Attwalment, ċerti fornituri jisfruttaw il-fatt li r-regoli tal-kompetizzjoni ma japplikawx għal dawn is-sitwazzjonijiet 64 .  

Ir-restrizzjonijiet territorjali fuq il-forniment jikkawżaw segmentazzjoni tas-suq, jillimitaw il-kompetizzjoni u jirriżultaw f’diskrepanzi sinifikanti probabbli bejn il-prezzijiet tal-bejjiegħa bl-ingrossa u l-prezzijiet għall-konsumatur, jew fl-għażla tal-prodotti offruti lill-konsumaturi madwar l-UE 65 . 

Din l-imġiba għandha tiġi evitata, sabiex isiru possibbli importazzjonijiet paralleli minn bejjiegħa bl-imnut għall-prodotti kollha, u dan għandu jippermettilhom ikomplu jwasslu s-Suq Uniku eqreb lejn il-konsumaturi Ewropej. Il-Kummissjoni se tiġbor aktar informazzjoni dwar l-effetti ta’ dawn il-prattiki fuq is-Suq Uniku. Aktarx ikun jeħtieġ aktar azzjoni, jekk is-sitwazzjoni ma tevolvix minħabba bidla volontarja fl-approċċ tal-fornituri.

Restrizzjonijiet regolatorji fuq l-akkwist ta’ prodotti

F’konformità mas-Suq Uniku għall-prodotti, jeħtieġ li l-bejjiegħa bl-imnut ikunu jistgħu jgawdu mil-libertà li jistabbilixxu l-katini tal-provvista tagħhom, inkluż dawk transfruntiera, biex isaħħu l-aċċess tal-konsumaturi għal għażla wiesgħa ta’ prodotti bi prezzijiet kompetittivi.

Eżempju: Ir-Repubblika Ċeka u s-Slovakkja eliminaw ir-rekwiżiti regolatorji li ċerti bejjiegħa bl-imnut jirrappurtaw dwar il-proporzjon jew il-perċentwal ta’ fatturat mill-bejgħ tal-ikel akkwistat jew prodott b’mod domestiku.

Prattiki kuntrattwali tal-bejgħ bl-imnut modern

Jekk l-awtoritajiet pubbliċi jirregolaw il-prattiki biex jipproteġu lill-operaturi vulnerabbli, f’konformità mal-libertà tal-istabbiliment, ma għandhomx jipprojbixxu dawk il-prattiki kuntrattwali bejn il-bejjiegħa bl-imnut u l-fornituri li jkunu ta’ benefiċċju reċiproku.

Eżempju: Fl-Irlanda, jekk fornitur jaqbel b’mod espliċitu f’kuntratt li jikkontribwixxi għall-kostijiet tal-kummerċjalizzazzjoni, dan mhuwiex ipprojbit, soġġett għal xi salvagwardji, fosthom li jkun hemm objettiv, kif ukoll stima raġonevoli ta’ tali kontribuzzjoni.

Restrizzjonijiet territorjali fuq il-forniment

L-operaturi privati ma għandhomx jipprevjenu lill-bejjiegħa bl-imnut milli jisfruttaw bis-sħiħ il-possibbiltajiet tas-Suq Uniku biex jakkwistaw il-prodotti b’mod transfruntiera. Jeħtieġ li l-bejjiegħa bl-imnut ikunu jistgħu joffru lill-konsumaturi aċċess għal firxa wiesgħa ta’ prodotti, inkluż verżjonijiet differenti tal-istess prodott, bi prezzijiet potenzjalment orħos.

Eżempju: Il-bejjiegħa bl-imnut għandhom jingħataw l-għażla li jiddeċiedu minn liema entità nazzjonali tal-fornitur jippreferu jakkwistaw il-prodotti.

5.It-taffija tal-kost tal-konformità

Il-konformità mar-regolamenti għandha kost – il-kost tal-konformità – li jista’ jammonta għal minn 0.4 % sa 6 % tal-fatturat annwali tal-bejjiegħa bl-imnut 66 . Għall-mikroimpriżi, dan huwa piż partikolarment tqil 67 .

Dawk li wieġbu għall-konsultazzjoni pubblika miftuħa identifikaw oqsma fejn jista’ jsir titjib: ir-rappurtar ta’ informazzjoni kummerċjali, in-notifikazzjoni ta’ bidliet, l-ispezzjonijiet 68 , multi u sanzjonijiet aktar proporzjonali.

Fi snin riċenti, il-Kummissjoni ntrabtet bil-qawwi li tippromwovi prinċipji ta’ regolamentazzjoni aħjar fil-livell tal-UE kif ukoll f’dak tal-Istati Membri 69 . Hemm ukoll il-ħtieġa li l-Istati Membri jivverifikaw jekk ir-regolamenti nazzjonali humiex immirati sew, ibbażati fuq l-evidenza u abbozzati b’mod ċar. Regolamenti inqas kumplessi, aktar kuxjenza dwar l-ispeċifitajiet tas-settur u appoġġ tal-politika jistgħu jgħinu lis-settur tal-bejgħ bl-imnut biex ikun aktar flessibbli u innovattiv 70 . 

It-trawwim tal-iżvilupp tas-settur tal-bejgħ bl-imnut għall-benefiċċju aħħari tal-konsumaturi jeħtieġ approċċ wiesa’: is-simplifikazzjoni tal-oqfsa regolatorji, l-iżgurar li jkunu adattati għal ambjent multikanali, kif ukoll it-tnaqqis tal-miżuri u l-proċeduri tqal u li jiswew iżżejjed imposti fuq il-bejjiegħa bl-imnut biex tiġi żgurata l-konformità ma’ dawn ir-regoli.

Piż amministrattiv u sanzjonijiet

Meta jkunu qed ifasslu u japplikaw ir-regolamenti, b’mod partikolari dawk li jirregolaw l-operazzjoni ta’ kuljum tal-ħwienet, l-awtoritajiet pubbliċi huma mħeġġa jqisu l-kostijiet implikati tal-kompiti amministrattivi u t-tagħmir meħtieġ. Dan huwa partikolarment importanti kemm għall-SMEs kif ukoll għall-awtoritajiet pubbliċi.

Eżempju: Il-faċilitazzjoni tal-applikazzjonijiet jew ir-rappurtar permezz ta’ għodod online, kif ukoll proċeduri amministrattivi u spezzjonijiet issimplifikati, iwasslu għal iffrankar importanti u jippermettu, b’mod partikolari, li l-bejjiegħa bl-imnut jittrasferixxu r-riżorsi minn kompiti amministrattivi għan-negozju ewlieni tagħhom, inkluż l-innovazzjoni.

6.Konklużjonijiet

Suq Uniku li jiffunzjona sew u ambjent regolatorju mmodernizzat huma indispensabbli għal settur tal-bejgħ bl-imnut tal-UE li jkun adattat għas-seklu 21. Il-gwida legali u l-aħjar prattiki stipulati f’din il-Komunikazzjoni għandhom jgħinu lill-Istati Membri fir-riformi tagħhom lejn suq tal-bejgħ bl-imnut aktar miftuħ, aktar integrat u aktar kompetittiv, mingħajr ma jitqiegħed f’riskju l-issodisfar tal-objettivi leġittimi ta’ politika pubblika.

Barra minn hekk, it-tnaqqis tar-restrizzjonijiet fil-bejgħ bl-imnut ikollu effetti sekondarji pożittivi f’setturi oħra tal-ekonomija, b’mod partikolari f’dak tal-manifattura, iktar ’il fuq fil-katina. Settur tal-bejgħ bl-imnut aktar effiċjenti u prezzijiet aktar baxxi għall-konsumatur joħolqu aktar domanda u jmexxu lill-manifatturi lejn prodotti aktar innovattivi.

Filwaqt li t-tkabbir tal-kummerċ elettroniku joffri opportunitajiet bla preċedent għas-settur tal-bejgħ bl-imnut kif ukoll għall-konsumaturi, ir-restrizzjonijiet li jaffettwaw lill-bejjiegħa tradizzjonali ma jippermettulhomx jadattaw għad-drawwiet dejjem jinbidlu tal-konsumaturi. Il-konsumaturi online draw jixtru fi kwalunkwe ħin u minn kwalunkwe post. Huwa għalhekk kruċjali li, meta jfasslu u jimplimentaw ir-regolament rilevanti, l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali jqisu li l-bejgħ multikanali se jibqa’ x-xejra għall-bejgħ bl-imnut fis-snin li ġejjin.

Il-gwida legali u l-aħjar prattiki stipulati f’din il-Komunikazzjoni għandhom jgħinu lill-awtoritajiet pubbliċi jivvalutaw l-oqfsa regolatorji tagħhom u jidentifikaw miżuri inqas restrittivi. L-Istati Membri jridu jkomplu jivvalutaw il-miżuri eżistenti u proposti għas-settur tal-bejgħ bl-imnut, biex jiżguraw li jkunu mhux diskriminatorji, iġġustifikati kif xieraq u proporzjonati. Huma mħeġġa wkoll jiżguraw li dawn il-miżuri jkunu effettivi għall-issodisfar tal-objettivi leġittimi ta’ politika pubblika, jindirizzaw it-tħassib tagħhom dwar l-iżvilupp urban b’mod proporzjonat, u jkunu adattati għall-ambjent tal-bejgħ bl-imnut li jinbidel b’rata mgħaġġla. L-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni għandu jkollhom rwol f’din il-valutazzjoni.

L-Indikatur tar-Restrittività għall-Bejgħ bl-Imnut se jintuża bħala għodda dinamika għall-monitoraġġ biex jitkejlu l-isforzi tal-Istati Membri fit-tnaqqis tar-restrizzjonijiet fuq il-bejgħ bl-imnut, filwaqt li jqis l-objettivi ġustifikata ta’ politika pubblika, bħas-saħħa pubblika, kif ukoll l-impatt ta’ tali riformi fuq il-prestazzjoni tas-suq, inkluż il-produttività, il-prezzijiet, l-innovazzjoni, u l-effetti sekondarji fuq setturi oħra.

Il-Kummissjoni se tkompli timmonitorja l-evoluzzjoni tal-oqfsa regolatorji u x-xejriet rilevanti fis-settur tal-bejgħ bl-imnut. Dan il-monitoraġġ se jalimenta l-analiżi ekonomika tal-Kummissjoni fil-qafas tas-Semestru Ewropew. Se jipprovdi wkoll bażi għall-istabbiliment ta’ prijoritajiet fil-qafas tal-politika ta’ infurzar tal-Kummissjoni fis-settur tal-bejgħ bl-imnut.

Hija meħtieġa sħubija effettiva fil-livelli kollha bejn l-atturi rilevanti tal-UE u tal-Istati Membri, biex jitjieb il-qafas ta’ politika kumplessiv għas-settur tal-bejgħ bl-imnut. Il-Kummissjoni se tkompli d-djalogu bejn l-istituzzjonijiet tal-UE u l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali, kif ukoll ir-rappreżentanti tas-settur tal-bejgħ bl-imnut, dwar il-futur ta’ dan is-settur.

(1)

 Il-bejgħ bl-imnut huwa l-ikbar settur fl-ekonomija tan-negozju mhux finanzjarju tal-UE f’termini tal-għadd ta’ impriżi u ta’ persuni mħaddma, billi jiġġenera 4.5 % tal-valur miżjud tal-ekonomija Ewropea, u jipprovdi 8.6 % tal-impjiegi kollha fl-UE; dejta tal-Eurostat, 2014.

(2)

Fl-UE, 68 % tal-utenti tal-Internet (li jirrappreżentaw 81 % tal-popolazzjoni) xtraw online fl-2017. Fost dawk ix-xerrejja online, 33 % xtraw mingħand bejjiegħa fi Stati Membri oħra, u 23 % mingħand bejjiegħa li jinsabu f’pajjiżi barra mill-UE. Sors: Digital Economy and Society Index (DESI) 2018.

(3)

Tali riformi seħħew, pereżempju, fil-Belġju, fid-Danimarka, fil-Finlandja, fi Franza, fl-Italja, fil-Lussemburgu u fi Spanja.

(4)

Pereżempju, fil-Kanada, fil-Ġappun, fl-Awstralja u fl-Istati Uniti tal-Amerka.

(5)

Ara l-analiżi fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal li jakkumpanja din il-Komunikazzjoni, SWD(2018) 236.

(6)

Id-dejta għar-RRI tirrifletti s-sitwazzjoni għall-2017. F’xi każijiet, meta seħħew bidliet importanti wara Diċembru 2017, l-informazzjoni ġiet aġġornata u tqieset fil-punteġġi. Id-dejta l-aktar riċenti mill-Eurostat li kienet disponibbli fi żmien l-analiżi hija għall-2015.

(7)

 Strateġija għal Suq Uniku Diġitali għall-Ewropa, COM(2015) 192 final.

(8)

Ir-Regolament (UE) 2018/302 tat-28 ta’ Frar 2018 dwar l-imblukkar ġeografiku.

(9)

Ir-Regolament dwar servizzi ta’ konsenja tal-pakketti transfruntiera [dħul fis-seħħ f'Mejju 2018].

(10)

Id-Direttiva 2017/2455 tal-5 ta’ Diċembru 2017 li temenda d-Direttiva 2006/112/KE u d-Direttiva 2009/132/KE fir-rigward ta’ ċerti obbligi tat-taxxa fuq il-valur miżjud għall-provvisti ta’ servizzi u għall-bejgħ mill-bogħod ta’ oġġetti.

(11)

Proposta għal Direttiva dwar ċerti aspetti li jikkonċernaw il-kuntratti għall-provvista ta’ kontenut diġitali, COM(2015) 634 final; Proposta emendata għal Direttiva dwar ċerti aspetti li jikkonċernaw kuntratti għall-bejgħ online u mill-bogħod ta’ oġġetti, COM(2017) 637 final.

(12)

 Analiżi ta’ Nofs it-Terminu tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija dwar is-Suq Uniku Diġitali, COM(2017) 228 final.

(13)

 Sistema tat-Taxxa Ġusta u Effiċjenti fl-Unjoni Ewropea għas-Suq Uniku Diġitali, COM(2017) 547.

(14)

Ir-Regolament (UE) 2018/72 tal-4 ta’ Ottubru 2017 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2015/751 dwar it-tariffi tal-interkambju għat-tranżazzjonijiet ta’ pagament ibbażati fuq kards.

(15)

 Il-mexxejja li jmiss tal-Ewropa: l-Inizjattiva favur in-Negozji l-ġodda u n-Negozji li qed jespandu, COM(2016) 733 final.

(16)

 Aġenda Ġdida għall-Ħiliet għall-Ewropa; COM(2016) 381 final.

(17)

Proposta għal Regolament dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta’ prodotti, COM(2017) 796.

(18)

  Proposta għal Regolament dwar il-konformità u l-infurzar , COM(2017) 795.

(19)

Proposta emendata għal Direttiva dwar ċerti aspetti li jikkonċernaw kuntratti għall-bejgħ online u mill-bogħod ta’ oġġetti, COM(2017) 637 final.

(20)

 A new deal for consumers, COM(2018) 183.

(21)

Is-sentenza reċenti tat-30 ta’ Jannar 2018, Visser, C-31/16, il-paragrafu 97.

(22)

Id-Direttiva 2006/123 tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern (id-Direttiva dwar is-Servizzi).

(23)

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew dwar l-Impjiegi, it-Tkabbir u l-Kompetittività, it-22 ta’ Marzu 2018.

(24)

 Naġġornaw is-Suq Uniku: opportunitajiet aktar għaċ-ċittadini u għan-negozji; COM(2015) 550 final.

(25)

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew dwar l-Impjiegi, it-Tkabbir u l-Kompetittività, it-22 ta’ Marzu 2018.

(26)

Id-dikjarazzjoni konġunta fl-okkażjoni tal-25 anniversarju tas-Suq Uniku mill-Presidenti tal-Parlament Ewropew u tal-Kummissjoni Ewropea, kif ukoll il-Presidenza tal-Kunsill, l-20 ta’ Marzu 2018.

(27)

Ara d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni Public Consultation on Retail regulations in a multi-channel environment – Synopsis Report SWD(2018) 237.

(28)

Ara l-analiżi fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal li jakkumpanja din il-Komunikazzjoni, SWD(2018) 236.

(29)

Riċerka tal-Kummissjoni, ibbażata fuq l-Indikatur tar-Restrittività għas-Suq tal-Prodotti tal-OECD, tissuġġerixxi li tnaqqis fl-indiċi tal-OECD b’punt wieħed kieku jipproduċi tnaqqis ta’ 7 % fil-livell tal-prezzijiet (il-Kummissjoni Ewropea, Dokumenti ta’ sfond għas-Semestru Ewropew (2018), Is-settur Ewropew tal-bejgħ bl-imnut).

(30)

Billi kompliet tibni fuq il-metodoloġija tal-OECD għall-indiċi PMR, fl-RRI il-Kummissjoni attribwiet punteġġi numeriċi għal sitwazzjonijiet regolatorji fl-Istati Membri fi ħdan aspetti rilevanti. Il-valuri assenjati għal kull aspett ivarjaw minn 0 sa 6 punti, fejn 0 jindika r-regolamenti l-inqas restrittivi u 6 jindika dawk l-aktar restrittivi. L-informazzjoni li fuqha huma msejsa r-riżultati kienet inġabret u ġiet ivverifikata permezz tal-konsultazzjoni mal-Istati Membri. Il-metodoloġija tal-RRI ġiet ikkonsultata wkoll mal-Istati Membri fi ħdan il-Grupp ta’ Esperti dwar id-Direttiva dwar is-Servizzi. Għal aktar dettalji, ara l-Anness u d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal li jakkumpanja din il-Komunikazzjoni, SWD(2018) 236.

(31)

L-ewwel pilastru tal-Indikatur tar-Restrittività għall-Bejgħ bl-Imnut ikopri kwistjonijiet marbutin mal-istabbiliment ta’ bejgħ bl-imnut: kundizzjonijiet speċifiċi (bħal-livelli limitu tad-daqs, regoli speċifiċi għall-post, il-livell ta’ dettall fir-rekwiżiti lokali tal-ippjanar u l-ħtieġa għal dejta ekonomika), kif ukoll proċeduri (l-għadd ta’ permessi u valutazzjonijiet tal-impatt meħtieġa, l-għadd ta’ entitajiet involuti, it-tul tal-proċedura u l-pubblikazzjoni tad-deċiżjonijiet dwar l-istabbiliment). It-tieni pilastru jirrifletti restrizzjonijiet fuq l-operazzjonijiet, bħall-ħinijiet tal-ftuħ tal-ħwienet, il-mezzi ta’ distribuzzjoni għal prodotti speċifiċi, promozzjonijiet tal-bejgħ, taxxi u tariffi speċifiċi għall-bejgħ bl-imnut, u l-akkwist ta’ prodotti. L-indikatur jikkostitwixxi ħarsa ġenerali fattwali lejn ir-restrizzjonijiet fl-Istati Membri. Regoli dwar il-kanali ta’ distribuzzjoni għal prodotti speċifiċi, bħall-alkoħol, it-tabakk u l-mediċini mhux bir-riċetta, huma inklużi għall-finijiet tal-kompletezza tar-ritratt tar-restrittività. Dan huwa mingħajr ħsara għall-objettivi ta’ politika tas-saħħa u soċjali mfittxija mill-Istati Membri. Il-Kummissjoni tikkondividi dawn l-objettivi, u żviluppat politiki u leġiżlazzjoni ddedikati, b’mod partikulari fuq ir-restrizzjoni tal-bejgħ u tar-reklamar tat-tabakk, u biex tiggarantixxi standards għoljin ta’ kwalità u ta’ sikurezza tal-prodotti mediċinali. Tappoġġja wkoll il-politiki tal-Istati Membri dwar it-tnaqqis tal-ħsara marbuta mal-alkoħol.

(32)

Ara d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni Public Consultation on Retail regulations in a multi-channel environment – Synopsis Report SWD(2018) 237.

(33)

Regoli restrittivi dwar l-istabbiliment tal-bejgħ bl-imnut tqajmu f’Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiż indirizzati lill-Belġju, lid-Danimarka, lill-Finlandja, lil Franza, lill-Ġermanja, lill-Ungerija, lill-Italja, lil-Lussemburgu u lil Spanja.

(34)

L-Artikolu 14, il-paragrafu 5 tad-Direttiva dwar is-Servizzi jipprojbixxi test ekonomiku li jagħmel l-għoti ta’ awtorizzazzjoni soġġett għal prova tal-eżistenza ta’ ħtieġa ekonomika jew talba fis-suq, għal evalwazzjoni tal-effetti ekonomiċi potenzjali jew attwali tal-attività, jew għal evalwazzjoni tal-adegwatezza tagħha fir-rigward tal-objettivi tal-ippjanar ekonomiku stabbiliti mill-awtoritajiet kompetenti.

(35)

It-testijiet tal-ħtiġijiet ekonomiċi ġew eliminati fil-Belġju, fi Franza, fil-Lussemburgu, fl-Italja, fin-Netherlands, fir-Rumanija, u fir-reġjuni kkonċernati ta’ Spanja. Ara SWD(2012) 148 final li jakkumpanja l-Komunikazzjoni dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi. 

(36)

Tnediet f’Mejju 2016 bil- Patt ta’ Amsterdam .

(37)

  https://ec.europa.eu/futurium/en/urban-agenda-eu/what-urban-agenda-eu .

(38)

Is-sentenza tat-30 ta’ Jannar 2018, Visser, C-31/16, il-paragrafu 124.

(39)

L-Artikolu 15 tad-Direttiva dwar is-Servizzi.

(40)

Tali rekwiżiti jnaqqsu l-kapaċità ta’ rispons għad-domandi dejjem jinbidlu tal-konsumatur, u jistgħu jirrestrinġu l-possibbiltà tal-istabbiliment ġdid tal-bejgħ bl-imnut f’postijiet kummerċjali battala. Dan imur kontra l-argument li spiss jingħata bħala ġustifikazzjoni għar-regolamentazzjoni tal-postijiet fejn jistgħu jiftħu l-ħwienet.

(41)

L-Artikolu 15, il-paragrafu 3 tad-Direttiva dwar is-Servizzi.

(42)

Is-Sentenza tat-30 ta’ Jannar 2018, Visser, C-31/16, il-paragrafu 130.

(43)

Proposta għal Direttiva dwar test tal-proporzjonalità qabel l-adozzjoni ta’ regolamentazzjoni ġdida tal-professjonijiet, COM(2016) 822 final.

(44)

Proposta għal Direttiva li tistabbilixxi l-proċedura ta’ notifika għal skemi ta’ awtorizzazzjoni u r-rekwiżiti relatati ma’ servizzi, COM(2016) 821 final.

(45)

Pereżempju, fi Franza, ħwienet li huma akbar minn 1 000 m² jeħtieġu awtorizzazzjoni speċjali. Fil-Ġermanja, livell limitu bħal dan huwa stabbilit għal erja ta’ 800 m², filwaqt li l-Ungerija tiffissa dan livell limitu għal erja ta’ 400 m².

(46)

Ara d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal li jakkumpanja din il-Komunikazzjoni, SWD(2018) 236.

(47)

L-Artikolu 8 tad-Direttiva dwar is-Servizzi jobbliga lill-Istati Membri jiżguraw li l-proċeduri u l-formalitajiet kollha li għandhom x’jaqsmu mal-aċċess għal attività ta’ servizz u għall-eżerċizzju tagħha jkunu jistgħu jiġu kkompletati faċilment, mill-bogħod u b’mezzi elettroniċi, permezz tal-punt uniku ta’ kuntatt rilevanti u mal-awtoritajiet kompetenti rilevanti.

(48)

Il-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar il-Gvern elettroniku għall-2016-2020, COM(2016) 179.

(49)

Proposta għal Regolament dwar l-istabbiliment ta’ portal diġitali uniku li jipprovdi informazzjoni, proċeduri, u servizzi ta’ assistenza u ta’ soluzzjoni tal-problemi u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1024/2012, COM(2017) 256 final. 

(50)

Ara d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni Public Consultation on Retail regulations in a multi-channel environment – Synopsis Report SWD(2018) 237.

(51)

 L-Artikoli 5 sa 8 tad-Direttiva dwar is-Servizzi, li huma relatati mas-simplifikazzjoni tal-proċeduri, l-istabbiliment ta’ Punti uniċi ta’ kuntatt, id-dritt għall-informazzjoni u l-proċeduri b’mezzi elettroniċi.

(52)

L-Artikolu 13(3) tad-Direttiva dwar is-Servizzi.

(53)

Ara d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni Public Consultation on Retail regulations in a multi-channel environment – Synopsis Report SWD(2018) 237.

(54)

Ara d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni Public Consultation on Retail regulations in a multi-channel environment – Synopsis Report SWD(2018) 237.

(55)

Regoli restrittivi dwar l-operazzjonijiet tal-bejgħ bl-imnut issemmew f’Rapporti għall-Pajjiż għall-Awstrija, il-Belġju, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, l-Ungerija, l-Italja, il-Lussemburgu, il-Portugall u Spanja.

(56)

Ara d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni Public Consultation on Retail regulations in a multi-channel environment – Synopsis Report SWD(2018) 237.

(57)

L-Artikolu 20 tad-Direttiva dwar is-Servizzi tipprojbixxi d-diskriminazzjoni fil-konfront ta’ riċevituri ta’ servizzi abbażi tan-nazzjonalità jew il-post ta’ residenza tagħhom. Ir-Regolament (UE) 2018/302 tat-28 ta’ Frar 2018 dwar l-imblukkar ġeografiku jipprevjeni li ssir diskriminazzjoni fuq l-aċċess għall-prezzijiet, il-bejgħ jew il-kundizzjonijiet ta’ pagament, meta jinxtraw prodotti u servizzi minn fuq sit web ibbażat fi Stat Membru ieħor.

(58)

Pereżempju, f’ċerti Stati Membri, il-bejgħ ta’ mediċini li ma jeħtiġux riċetta huwa riżervat għall-ispiżeriji. L-Istati Membri u l-Unjoni Ewropea introduċew dispożizzjonijiet legali għall-bejgħ bl-imnut tal-mediċini bla riċetta mibjugħa online u offline fid-dawl tas-sitwazzjoni speċifika tagħhom (eż. ir-rwol tal-ispiżjar fl-għoti ta’ pariri lill-pazjenti, il-kontroll tal-konsum, il-mediċini ffalsifikati).

(59)

Id-Direttiva (UE) 2015/720 tad-29 ta’ April 2015 li temenda d-Direttiva 94/62/KE rigward it-tnaqqis tal-konsum tal-basktijiet tal-plastik ħfief.

(60)

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni - Strateġija Ewropea għall-Plastiks f'Ekonomija Ċirkolari – COM(2018) 28 final.

(61)

Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2008/98/KE dwar l-iskart, COM(2015) 595 final.

(62)

COM(2018) 173.

(63)

Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni Public Consultation on Retail regulations in a multi-channel environment – Synopsis Report SWD(2018) 237. Tali restrizzjonijiet jistgħu jiġu deskritti wkoll bħala restrizzjonijiet li jmorru kontra l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni li jinsab fl-Artikolu 20 tad-Direttiva dwar is-Servizzi, billi jikkompartimentalizzaw is-suq abbażi tan-nazzjonalità jew il-post ta’ residenza.

(64)

Fil-31 ta’ Mejju 2022, jispiċċa l-perjodu ta’ validità tar-Regolament tal-Kummissjoni marbut mal-eżenzjonijiet ta’ ċerti kategoriji ta’ akkordji vertikali u prattiki miftiehma (ir-Regolament Nru 330/2010 tal-20 ta’ April 2010 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) tat-TFUE). Dan ikun irid jerġa’ jiġi rivedut qabel ma jiġi mġedded. F’dak iż-żmien, ikunu jridu jiġu riveduti wkoll il-Linji Gwida tal-Kummissjoni dwar ir-restrizzjonijiet vertikali. Ir-Regolament dwar l-Imblukkar Ġeografiku jippermetti li l-klijenti jibbenefikaw mill-istess kundizzjonijiet bħal dawk il-klijenti li jkunu jinsabu fil-post tal-forniment, pereżempju jekk ikunu għamlu arranġamenti biex jiġbru kunsinna huma stess. Madankollu, jeskludi xirjiet għall-bejgħ mill-ġdid sussegwenti mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu, u ma japplikax jekk jiġi nnegozjat kuntratt ta’ provvista individwali.

(65)

L-abbozz ta’ dokument “Lejn Kodiċi HLF ta’ Prattika Tajba fl-indirizzar ta’ ‘ikel ta’ kwalità doppja’”, li jifforma l-konklużjonijiet tas-sessjoni ta’ skambju tal-ideat ta’ Diċembru 2017 tas-subgrupp għas-suq intern tal-Forum ta’ Livell Għoli għal katina tal-provvista tal-ikel li tiffunzjona aħjar, jinkludi appell biex il-Kummissjoni Ewropea tivvaluta l-impatt tal-hekk imsejħa “restrizzjonijiet territorjali fuq il-forniment” fuq l-għażla għall-konsumaturi f’diversi Stati Membri. Il-verżjoni finali għandha tiġi approvata f’Diċembru 2018.

(66)

Cross-country differences, LE Europe, Spark Legal Network and Consultancy, VVA Consulting (2018) Operational restrictions in the retail sector, studju mwettaq għall-Kummissjoni Ewropea.

(67)

Bħala medja fl-UE, il-bejjiegħa bl-imnut mikro jonfqu l-ekwivalenti ta’ 3.3 % tal-fatturat tagħhom fuq kompiti amministrattivi u tagħmir relatati mar-regolamenti, filwaqt li għall-kumpaniji ta’ daqs żgħir, medju jew kbir, dan jammonta għal 0.4 %.

(68)

“Prattiki ta’ spezzjoni tajbin jistgħu jgħinu biex tinħoloq ekonomija vivaċi li dejjem tikber, filwaqt li spezzjonijiet imfassla ħażin ikunu ta’ piż konsiderevoli fuq in-negozju u jillimitaw it-tkabbir ekonomiku.” J. Monk, Reform of regulatory enforcement and inspections in OECD countries.

(69)

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, “Regolamentazzjoni aħjar għal riżultati aħjar - Aġenda tal-UE”, COM(2015) 215 final. Fil-każ tal-bejgħ bl-imnut, l-użu tat-test tal-SMEs fil-proċess ta’ valutazzjoni tal-impatt huwa partikolarment rilevanti.

(70)

Il-Kummissjoni Ewropea, Grupp ta’ Livell Għoli dwar il-Kompetittività tal-Bejgħ bl-Imnut (2015), Report of the preparatory working group on innovation; https://ec.europa.eu/growth/single-market/services/retail_en.

Top

Brussell, 19.4.2018

COM(2018) 219 final

ANNESS

ta'

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Settur Ewropew tal-bejgħ bl-imnut adattat għas-seklu 21

{SWD(2018) 236 final}
{SWD(2018) 237 final}


Sors:    Kalkoli proprji abbażi ta' informazzjoni miġbura mill-Istati Membri u permezz ta' studji ddedikati

Top