IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 16.4.2018
COM(2018) 189 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 913/2010, b’konformità mal-Artikolu 23 tiegħu
{SWD(2018) 101 final}
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52018DC0189
REPORT FROM THE COMMISSION TO THE EUROPEAN PARLIAMENT AND THE COUNCIL on the application of Regulation (EU) 913/2010, in accordance to its Article 23
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 913/2010, b’konformità mal-Artikolu 23 tiegħu
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 913/2010, b’konformità mal-Artikolu 23 tiegħu
COM/2018/189 final
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 16.4.2018
COM(2018) 189 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 913/2010, b’konformità mal-Artikolu 23 tiegħu
{SWD(2018) 101 final}
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 913/2010, b’konformità mal-Artikolu 23 tiegħu
Ir-Regolament (UE) Nru 913/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2010 dwar netwerk ferrovjarju Ewropew għat-trasport ta’ merkanzija kompetittiv 1 (“ir-Regolament”) daħal fis-seħħ f’Novembru 2010.
L-adozzjoni tiegħu għandha titqies fil-kuntest usa’ tal-politika fit-tul tal-Unjoni Ewropea biex it-trasport isir iktar sostenibbli, b’mod partikolari permezz tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra u tad-dekarbonizzazzjoni tas-settur. It-trasport ferrovjarju tal-merkanzija tassew għandu rwol ewlieni x’jaqdi fil-mudell tat-trasport tal-ġejjieni. Ingħata spinta ġdida permezz tad-Dikjarazzjoni Ministerjali ta’ Rotterdam 2 u permezz tal-Istqarrija Settorjali ta’ Rotterdam 3 li ġew approvati fl-2016.
Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli għall-istabbiliment u għall-organizzazzjoni ta’ kurituri ferrovjarji internazzjonali (il-Kurituri tat-Trasport Ferrovjarju tal-Merkanzija – RFCs) bl-għan li jiġi żviluppat netwerk ferrovjarju Ewropew għat-trasport kompetittiv tal-merkanzija. Ir-Regolament iħeġġeġ il-kooperazzjoni bejn il-partijiet ikkonċernati ewlenin għat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija (primarjament l-awtoritajiet tal-Istati Membri responsabbli għat-trasport ferrovjarju u l-maniġers tal-infrastruttura ferrovjarja, iżda anke l-impriżi ferrovjarji u l-operaturi tat-terminals). B’mod partikolari jħeġġeġ il-koordinazzjoni f’termini tal-offerta tal-kapaċità, l-immaniġġjar tat-traffiku, ix-xogħlijiet infrastrutturali u l-ippjanar tal-investiment.
Id-disa’ RFCs inizjali definiti fir-Regolament huma stabbiliti (sitt RFCs ġew stabbiliti f’Novembru 2013 u l-aħħar tlieta f’Novembru 2015) u issa huma operattivi għalkollox. RFC addizzjonali (“ulterjuri”) qiegħed jiġi stabbilit u ieħor ġie propost mill-Istati Membri kkonċernati u mis-Serbja.
Skont l-Artikolu 23 tar-Regolament, il-Kummissjoni għandha teżamina perjodikament l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, għall-ewwel darba sal-10 ta’ Novembru 2015, u kull tliet snin wara din id-data. B’hekk il-Kummissjoni qiegħda tippreżenta l-ewwel rapport tagħha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Dan ir-rapport qiegħed jiġi ppreżentat xi ftit tard peress li l-Kummissjoni riedet tirrifletti għalkollox il-feedback li rċeviet minn dawk l-RFCs li ġew stabbiliti biss fl-aħħar tal-2015 u minħabba li kien ġie deċiż li tiġi varata konsultazzjoni kbira mal-partijiet ikkonċernati (sejħa għal dokumenti ta’ pożizzjoni u konsultazzjoni pubblika miftuħa) dwar l-RFCs fl-2016. Din il-konsultazzjoni kellha rata ta’ rispons inkoraġġanti ħafna, qajmet interess qawwi u pprovdiet feedback importanti dwar l-applikazzjoni tar-Regolament, u ċerti kunsiderazzjonijiet minnha ġew riflessi hawnhekk.
Dan ir-rapport jippreżenta l-konklużjonijiet ewlenin dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament sa issa. Għandu l-għan li jenfasizza kemm l-effetti pożittivi ewlenin li jirriżultaw mir-Regolament kif ukoll l-isfidi u l-kwistjonijiet ewlenin. Analiżi iktar dettaljata dwar l-implimentazzjoni tal-RFCs tingħata fid-dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanja dan ir-rapport. It-tnejn li huma ġew ibbażati wkoll fuq il-feedback dirett miġbur mis-servizzi tal-Kummissjoni, b’mod partikolari mill-parteċipazzjoni tagħhom f’laqgħat dwar l-RFCs, iżda wkoll fir-rigward tad-diversi dokumenti u rapporti tal-RFCs, kif ukoll fuq id-diskussjonijiet fil-laqgħat li jsiru darbtejn fis-sena tal-Grupp ta’ Ħidma dwar l-RFCs tal-Kumitat taż-Żona Ferrovjarja Unika Ewropea.
B’mod ġenerali, l-implimentazzjoni tal-RFCs ikkontribwiet għall-kooperazzjoni transfruntiera msaħħa, li fis-settur tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija ma kinitx preżenti qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament, b’mod partikolari fir-rigward tal-immaniġġjar infrastrutturali operazzjonali. L-adozzjoni tar-Regolament kienet tirrappreżenta pass ambizzjuż biex jingħelbu l-lakuni fil-koordinazzjoni transfruntiera. Ġew innutati wkoll effetti indiretti mill-mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni li jirriżultaw mir-Regolament – eż. il-faċilitazzjoni ta’ kuntatti operazzjonali fil-livell internazzjonali, anke għal kwistjonijiet li ma jikkonċernawx it-trasport ferrovjarju tal-merkanzija, jew l-inċentivar tal-iżvilupp ta’ proċessi ta’ koordinazzjoni u ta’ għodod tal-IT, pereżempju fl-ambitu tar-RailNetEurope 4 . Dan huwa suċċess sinifikanti.
Madankollu, hemm riżultati mħallta jew modesti f’ċerti oqsma, pereżempju fir-rigward tal-kapaċità ddedikata tal-RFC, il-koordinazzjoni tax-xogħlijiet jew il-koordinazzjoni tal-immaniġġjar tat-traffiku. Dawn huma oqsma ewlenin fejn jeħtieġ li jsir progress sabiex jitjiebu l-kwalità u l-affidabbiltà tas-servizzi transfruntiera tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija. Dan il-progress huwa prerekwiżit biex it-trasport ferrovjarju tal-merkanzija jsir iktar kompetittiv u fl-aħħar mill-aħħar biex isseħħ il-bidla modali.
Fil-prattika, ferrovija mhux biss tgħaddi ta’ sikwit minn kuritur għall-ieħor, iżda wkoll minn RFC għall-ieħor. Bħala konsegwenza ta’ dan, ingħata bidu għall-kooperazzjoni bejn il-kurituri f’diversi livelli (l-Istati Membri, il-maniġers tal-infrastruttura, l-impriżi ferrovjarji) fil-qafas legali eżistenti. Dan juri li hemm tendenza li jissaħħaħ l-approċċ tan-netwerk għat-trasport tal-merkanzija kompetittiv.
Is-servizzi u l-prodotti tal-kapaċità offruti mill-RFCs isegwu l-ispirtu tar-Regolament iżda l-feedback jew l-implimentazzjoni limitata mis-suq jissuġġerixxu li dawn mhumiex adattati biżżejjed għall-ħtiġijiet tal-klijenti tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija. Barra minn hekk, b’mod ġenerali, ir-regoli u l-proċessi orjentati fil-livell nazzjonali qegħdin ikomplu jostakolaw it-traffiku internazzjonali tal-merkanzija milli jkun iżjed effiċjenti u mingħajr intoppi.
Bosta inizjattivi settorjali sejrin fid-direzzjoni t-tajba u attwalment qegħdin jiġu ppruvati ħafna approċċi proattivi interessanti, bħal pereżempju l-prodotti pilota tal-kapaċità għat-traffiku ad hoc jew l-involviment ikbar tal-klijenti finali permezz ta’ laqgħat ta’ strateġija. L-ispinta li ngħatat lit-trasport ferrovjarju tal-merkanzija kemm permezz tad-Dikjarazzjoni Ministerjali ta’ Rotterdam, li l-Kummissjoni ġiet assoċjata mill-qrib magħha għall-elaborazzjoni tagħha, u kemm permezz tad-Dikjarazzjoni Settorjali ta’ Rotterdam, approvata matul il-Jiem tat-TEN-T tal-2016, żgur li tat kontribut.
Ċertament għad trid tinkiseb iktar esperjenza dwar kwistjonijiet bħall-koordinazzjoni tax-xogħlijiet u l-immaniġġjar transfruntiera tal-kapaċità. Il-proċessi u l-għodod f’dawn l-oqsma għadhom fil-fażijiet tal-iżvilupp jew tal-ippjanar. L-RFCs tassew għadhom fil-fażijiet inizjali, fejn wieħed jitgħallem bil-prattika u mill-iżbalji.
Huwa importanti wkoll li jitqiesu d-diversitajiet reġjonali pereżempju fir-rigward tal-aspettattivi tas-suq jew id-disponibbiltà tal-kapaċità tal-infrastruttura. Għalhekk ma tista’ ssir l-ebda ġeneralizzazzjoni u ma jista’ jiġi applikat l-ebda approċċ “wieħed tajjeb għal kulħadd” għall-implimentazzjoni ambizzjuża tal-RFCs. Barra minn hekk, ħafna effetti huma intanġibbli u għaldaqstant diffiċli jiġu kkwantifikati (eż. bidla minn mentalità orjentata lejn il-livell nazzjonali għal waħda iktar Ewropea, jew komunikazzjoni mtejba).
Hemm tendenza ġenerali li l-partijiet involuti jikkonformaw mar-Regolament biss sa fejn huwa meħtieġ formalment u li jibqgħu fl-ambitu strett tiegħu. Hemm modi differenti ta’ implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet differenti tar-Regolament – iktar ambizzjużi jew inqas ambizzjużi – u dan ikollu impatt fuq kemm jintlaħqu l-għanijiet ġenerali tar-Regolament. Fl-istess waqt, xi eżempji ta’ estensjonijiet tal-RFCs u l-istabbiliment ta’ żewġ RFCs ulterjuri, urew li hemm interess qawwi u appoġġ ġenerali għall-implimentazzjoni tal-RFCs.
Ir-Regolament jipprevedi struttura ta’ governanza speċifika, li permezz tagħha l-partijiet involuti jkollhom il-possibbiltà li jmorru lil hinn mill-kompiti u mill-kompetenzi minimi tagħhom. Fil-prattika, RFC huwa struttura operattiva integrata u jista’ jintuża għal skopijiet differenti, li ta’ sikwit ikunu komplementari. Bħala “għodda tas-suq”, RFC jista’ joffri servizzi ta’ kwalità u kompetittivi lill-klijenti diretti u lill-klijenti finali. Bħala “għodda ta’ politika/kooperazzjoni”, ir-rwol ta’ RFC huwa li jtejjeb il-kundizzjonijiet operattivi tul il-kuritur, inklużi l-koordinazzjoni/l-armonizzazzjoni tal-prattiki nazzjonali f’ħafna oqsma, iżda anke li jindirizza firxa wiesgħa ta’ kwistjonijiet ta’ natura differenti li jxekklu t-trasport ferrovjarju tal-merkanzija, bħal kwistjonijiet transfruntiera u ta’ interoperabbiltà. Kemm jintużaw l-approċċi partikolari jvarja minn RFC għall-ieħor.
L-RFCs huma bbażati fuq il-kooperazzjoni intergovernattiva u settorjali. L-esperjenza sa issa wriet li s-suċċess tagħhom jiddependi primarjament fuq il-livell ta’ ambizzjoni tal-awtoritajiet tal-Istati Membri (il-Bordijiet Eżekuttivi) u l-maniġers tal-infrastruttura (il-Bordijiet Maniġerjali), b’mod partikolari fuq livell għoli. Barra minn hekk, f’xi RFCs ir-Regolament ġie kkunsidrat bħala rekwiżit minimu u huwa biss meta marru lil hinn minn dak ir-rekwiżit minimu li l-partijiet involuti ġew eqreb li jilħqu l-għan tar-Regolament: jiġifieri, trasport ferrovjarju tal-merkanzija iktar kompetittiv.
Fil-qosor, il-valutazzjoni tal-Kummissjoni f’dan l-istadju hija li l-RFCs kisbu xi suċċessi importanti, pereżempju f’termini tal-istabbiliment ta’ mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni, u għandhom potenzjal enormi. Madankollu, il-potenzjal kollu jista’ jiġi sfruttat biss jekk ikun hemm livell għoli u qawwi ta’ impenn mill-partijiet involuti differenti, bl-għan ċar li l-bidliet jitwettqu, b’mod partikolari permezz ta’ bidliet fil-mentalità u fil-proċessi orjentati lejn il-livell nazzjonali.
Huwa importanti li jitqies li għalkemm l-RFCs jibqgħu element ewlieni tal-politika tal-Kummissjoni biex tingħata spinta lit-trasport ferrovjarju tal-merkanzija, l-RFCs waħedhom mhux se jsolvu l-kwistjonijiet kollha li jxekklu t-trasport ferrovjarju tal-merkanzija. Ix-xogħol tal-kurituri tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija huwa komplementari partikolarment mal-politika li ilha teżisti tal-Kummissjoni biex jinkisbu l-interoperabbiltà u l-ftuħ tas-suq, u b’mod partikolari l-implimentazzjoni kemm tal-pilastru tekniku u kemm tal-pilastru tas-suq tar-Raba’ Pakkett Ferrovjarju, l-iżvilupp tal-infrastruttura permezz tal-politiki tat-TEN-T u tas-CEF, kif ukoll l-innovazzjoni u d-diġitalizzazzjoni permezz tal-inizjattiva Shift2Rail u l-isforzi f’oqsma ta’ politika relatati biex jinstab rimedju għall-vantaġġi kompetittivi intermodali.
L-aħħar iżda mhux l-inqas, il-kompetittività tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija huwa influwenzat ukoll minn fatturi eżoġeni bħal pereżempju l-ekonomija usa’, ix-xejriet tal-industrija, il-qagħda tal-infrastruttura u l-investimenti relatati, il-livell ta’ kompetizzjoni ġusta bejn il-modalitajiet tat-trasport, il-livell ta’ ambizzjoni tal-politiki nazzjonali tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija, eċċ.
Finalment, huwa ċar li l-implimentazzjoni tar-Regolament tat spinta lill-iżvilupp tat-trasport ferrovjarju internazzjonali tal-merkanzija. L-effettività tal-kunċett ta’ RFC tiddependi ħafna fuq l-impenn tal-partijiet parteċipanti biex l-implimentazzjoni ssir b’mod effettiv, u skont fejn ikun meħtieġ abbażi ta’ appoġġ fuq livell għoli. Is-sitwazzjoni tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija fl-Ewropa għadha waħda mwiegħra. Fl-2019 il-Kummissjoni se twettaq evalwazzjoni formali tar-Regolament, li tqis għalkollox l-aħħar żviluppi u l-inizjattivi settorjali kurrenti biex tiġi implimentata l-Istqarrija Settorjali ta’ Rotterdam.