Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018DC0050

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu tal-programm Erasmus+ (2014-2020)

COM/2018/050 final

Brussell, 31.1.2018

COM(2018) 50 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu tal-programm Erasmus+ (2014-2020)

{SWD(2018) 40 final}


L-Erasmus+ huwa l-programm tal-Unjoni li jsostni l-azzjonijiet fl-oqsma tal-edukazzjoni u t-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport. B’baġit ta’ EUR 16,45 biljun għall-perjodu 2014-2020 1 , il-programm għandu l-għan li jipprovdi lil aktar minn 4 miljun ruħ l-opportunità li jiksbu kompetenzi ġodda, kif ukoll żvilupp soċjoedukattiv u professjonali permezz ta’ studji, taħriġ, esperjenzi ta’ xogħol jew volontarjat barra minn pajjiżhom fid-dinja kollha. Il-programm għandu l-għan li jrawwem titjib fil-kwalità, innovazzjoni, eċċellenza u internazzjonalizzazzjoni tal-organizzazzonijiet attivi fl-edukazzjoni u fit-taħriġ u fl-oqsma taż-żgħażagħ u l-isport. L-Erasmus+ jgħin ukoll lill-pajjiżi Ewropej jimmodernizzaw u jtejbu s-sistemi tagħhom tal-edukazzjoni u t-taħriġ kif ukoll il-politiki tagħhom dwar iż-żgħażagħ u l-isport, billi jsaħħaħ ir-rwol tagħhom bħala xpruni għat-tkabbir, l-impjiegi, il-kompetittività, l-innovazzjoni u l-koeżjoni soċjali.

Dan ir-rapport ta’ evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu dwar il-programm Erasmus+, li jinkludi l-evalwazzjoni tal-impatt fit-tul tal-programmi preċedenti tiegħu, qed jiġi ppreżentat skont l-Artikolu 21 tar-Regolament (UE) Nru 1288/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2 u huwa akkumpanjat minn Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal (SWD) li jippreżenta l-evidenza kollha. Ir-rapport ġie bbażat fuq ir-rapporti nazzjonali mressqa mill-pajjiżi tal-programm, fuq rapport ta’ evalwazzjoni minn kuntrattur estern indipendenti, fuq studji oħra rieżaminati, fuq l-esperjenza fil-ġestjoni tal-programm, u fuq aktar minn miljun reazzjoni mill-partijiet interessati kollha. Jevalwa l-progress fl-implimentazzjoni tal-programm Erasmus+ fil-perjodu 2014-2016 fil-pajjiżi parteċipanti kollha 3 , qabel iż-żieda kollha fil-baġit. Jeżamina wkoll l-impatt fit-tul ta’ seba’ programmi preċedenti għall-perjodu 2007-2013 (evalwazzjoni ex post), inkluż f’pajjiżi sħab.

L-Erasmus+ wasal biex jilħaq l-indikaturi tal-prestazzjoni tiegħu, kif stabbiliti fil-bażi legali, prinċipalment fuq perjodu ta’ inqas minn tliet snin, 1,8 miljun individwu li jieħdu sehem fl-attivitajiet ta’ mobbiltà u aktar minn 240 000 organizzazzjoni involuti fi proġetti ta’ kooperazzjoni. Fid-dawl tax-xenarju ta’ referenza tal-evalwazzjoni, bejn l-2007 u l-2016, il-programmi taħt rieżami ffinanzjaw il-mobbiltà għat-tagħlim għal aktar minn 4,3 miljun żagħżugħ u żagħżugħa u aktar minn 880 000 prattikant. Barra minn hekk, ħafna aktar persuni bbenefikaw minn proġetti ta’ kooperazzjoni li jinvolvu 940 000 organizzazzjoni parteċipanti.

B’mod ġenerali, l-evalwazzjoni turi li l-programm Erasmus+ huwa apprezzat ħafna mill-partijiet ikkonċernati u l-pubbliku. Is-sejbiet ta’ din l-evalwazzjoni, kif spjegat fid-dettall fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal, jindikaw li l-programmi kollha evalwati wrew li huma effettivi ħafna. Il-valur miżjud Ewropew tagħhom mhux ikkontestat. Barra minn hekk, l-Erasmus+ qed jitqies aktar koerenti, rilevanti u sa ċertu punt aktar effiċjenti mill-predeċessuri tiegħu. Abbażi tas-suġġerimenti fir-rapporti nazzjonali, u filwaqt li tqiesu r-rakkomandazzjonijiet magħmula mill-evalwatur estern, ir-rapport jagħmel proposti biex tiġi aġġustata l-implimentazzjoni tal-programm attwali bil-għan li jilħaq il-potenzjal sħiħ tiegħu sal-2020, u jikkunsidra s-suġġerimenti għal titjib bil-għan li jkun hemm programm suċċessur.

L-effettività

L-evalwazzjoni sabet li l-Erasmus+ huwa apprezzat ħafna mill-partijiet ikkonċernati kif ukoll mill-pubbliku ġenerali, li jidentifika l-programm bħala t-tielet kisba l-iktar pożittiva tal-UE. Il-benefiċjarji tal-programm jirrapportaw rati ta’ sodisfazzjon ogħla minn 90 %.

Għal dawk li qed jitgħallmu (studenti, apprendisti, voluntiera, iż-żgħażagħ, eċċ.), il-programmi evalwati kellhom, u jibqa’ jkollhom, effett pożittiv fuq l-akkwist ta’ ħiliet u kompetenzi, biex b’hekk żdidulhom l-impjegabbiltà u l-intraprenditorija u tqassritilhom it-tranżizzjoni mill-edukazzjoni għall-impjieg (13 % ogħla, meta mqabbla ma’ individwi li ma ħadux sehem fl-Erasmus+ jew fil-programmi predeċessuri tiegħu). Il-valutazzjoni tindika li l-programm Erasmus+ irawwem ir-rieda biex wieħed jaħdem jew jistudja barra mill-pajjiż (+31 %) u li jiżviluppa l-ħiliet f’lingwi barranin (7 % ogħla fi profiċjenza ttestjata); li lill-individwi jinfluwenzalhom il-perċezzjoni pożittiva tal-valur tat-tagħlim għall-iżvilupp personali u professjonali tagħhom (+8 %); u li saħansitra jtejjeb ir-rati tat-tlestija tal-istudenti (+2 %).

Hemm evidenza wkoll ta’ kontribut lejn Unjoni aktar koeżiva. Il-programm Erasmus+ irawwem imġiba soċjali/ċivika pożittiva u sens ta’ appartenenza “Ewropea” (+19 % meta mqabbla ma’ dawk li ma pparteċipawx). Dan hu mezz li jilħaq lil żgħażagħ żvantaġġati (11,5 % tal-għadd totali tal-parteċipanti fl-Erasmus+) aktar mill-predeċessuri tiegħu jew minn skemi nazzjonali simili. Madankollu, l-evalwazzjoni tindika li hemm bżonn li jsir aktar biex jintlaħqu dawk l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà u biex tiġi ffaċilitata l-parteċipazzjoni tal-organizzazzjonijiet iżgħar.

·Fl-istruttura tal-programm kurrenti sal-2020, il-Kummissjoni se żżid l-isforzi tagħha biex tagħmel l-Erasmus+ aktar aċċessibbli għal individwi li ġejjin minn ambjenti żvantaġġati jew bi bżonnijiet speċjali. Ser tieħu passi biex tiffaċilita l-parteċipazzjoni tal-iskejjel u atturi żgħar oħra fil-programm.

·Wara l-2020, il-Kummissjoni se tikkunsidra kif se tingħata spinta lid-dimensjoni tal-inklużjoni ta’ kull programm fil-ġejjieni, permezz ta’ aktar integrazzjoni ta’ gruppi żvantaġġati u vulnerabbli fl-edukazzjoni u t-taħriġ u fl-attivitajiet taż-żgħażagħ u l-isport.

Għall-prattikanti (għalliema, trainers, dawk li jaħdmu maż-żgħażagħ, l-istaff, eċċ.), il-parteċipazzjoni tissarraf fi żvilupp professjonali — b’mod partikolari f’termini ta’ għażliet usa’ ta’ netwerking (+22 punt perċentwali) u użu akbar ta’ riżorsi diġitali (+5 punti) — flimkien ma’ rabtiet aktar b’saħħithom mal-Ewropa (+6 punti).

Għall-organizzazzjonijiet parteċipanti (l-iskejjel, l-universitajiet, il-fornituri tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali u tal-edukazzjoni għall-adulti, l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u l-isport, eċċ.), il-bidliet mistennija għalihom huma gradwali u jvarjaw fl-intensità tagħhom skont is-settur tal-programm. Għal trasformazzjoni aktar profonda, hemm bżonn ta’ parteċipazzjoni kontinwa. Iżda l-evalwazzjoni turi li l-programm għandu effett ċar ta’ “Ewropizzazzjoni” 4 .

Għalkemm inqas viżibbli, l-evalwazzjoni kkonfermat ukoll li l-programmi riveduti kellhom impatt fuq il-formulazzjoni u l-implimentazzjoni tal-politiki dwar l-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport 5 , speċjalment fil-każ tal-edukazzjoni għolja fejn il-baġit rilevanti kien kbir biżżejjed, jew kellhom effett indirett billi ffinanzjaw il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet fit-tfassil tal-politika. Fuq medda twila ta’ żmien, il-programmi daħħlu l-perċezzjoni fl-Ewropa li l-mobbiltà għat-tagħlim ġġib benefiċċji għall-individwi u li l-eżiti tat-tagħlim tagħha jridu jiġu vvalidati u rikonoxxuti b’mod komuni. Il-programmi vvalutati wkoll kienu importanti għas-sensibilizzazzjoni globali tal-UE, b’mod partikolari l-iffaċilitar tar-rikonoxximent ta’ kwalifiki bejn l-Ewropa u l-pajjiżi sħab.

L-effetti sistemiċi jlaħħqu mal-progress fit-tixrid tar-riżultati tal-proġetti ffinanzjati bis-saħħa ta’ pjattaforma unika dedikata 6 . Madankollu, l-evidenza li r-riżultati tal-proġett jintużaw minn dawk li jfasslu l-politika mhix dejjem ċara, speċjalment jekk dawn tal-aħħar ma jkunux involuti fil-proġett mill-bidu.

·Biex tingħata spinta lill-impatt fuq il-politika, il-Kummissjoni se tikkunsidra modi addizzjonali biex trawwem l-effetti fil-livell tas-sistema u biex jiġu integrati b’mod aktar effettiv riżultati ta’ proġetti ta’ suċċess fil-livell nazzjonali.

·Fit-tħejjija tal-programmi futuri, il-Kummissjoni se tesplora l-għażliet biex tiżviluppa u tiffinanzja fuq skala akbar (b’mod partikolari bl-appoġġ tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej) dawk il-proġetti tal-Erasmus+ li kienu ta’ suċċess u li għandhom il-potenzjal li jwasslu riformi strutturali fil-livell nazzjonali.

B’mod ġenerali, l-evalwazzjoni wriet li, f’nofs it-terminu, l-Erasmus+ kiseb jew qabeż ħafna mill-indikaturi stabbiliti fil-bażi legali tiegħu. Id-domanda taqbeż sew il-finanzjament disponibbli. Għall-futur, mingħajr preġudizzju għall-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss, l-evalwazzjoni kkonfermat li l-programm hu kapaċi jassorbi żieda baġitarja globali. Jekk dan ikun il-każ, l-evalwazzjoni ssuġġeriet li l-qsim attwali bejn is-setturi tal-programm jista’ jiġi mmodifikat biex jissaħħu dawk is-setturi li għalihom żieda fil-baġit tkun tiddetermina l-aktar kisbiet effiċjenti f’termini ta’ impatt. L-edukazzjoni skolastika, l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (ETV) u l-attivitajiet taż-żgħażagħ, fejn l-impatt tal-programmi kien ippruvat għalkemm għadu mhux mifrux kif inhu mifrux fl-edukazzjoni għolja minħabba allokazzjonijiet baġitarji iżgħar, ġew identifikati bħala li għandhom potenzjal għoli għal parteċipazzjoni usa’ f’attivitajiet tal-Erasmus+ fis-snin li ġejjin.

·Fl-2018, se jitnedew azzjonijiet u attivitajiet ġodda taħt l-Erasmus+ bil-għan li jiżdied l-għadd ta’ opportunitajiet ta’ mobbiltà għal studenti tal-iskola, studenti tal-ETV u apprendistati.

·Fil-Komunikazzjoni tagħha It-tisħiħ tal-identità Ewropea permezz tal-Edukazzoni u l-Kultura 7 , il-Kummissjoni tippreżenta viżjoni li tagħti spinta lill-Erasmus+ tal-ġejjieni fil-kategoriji kollha ta’ dawk li qed jitgħallmu (inklużi l-istudenti, it-trainees u l-apprendisti) u ta’ -għalliema, bl-għan li sal-2025 l-għadd ta’ parteċipanti jirdoppja u jilħaq studenti minn ambjenti żvantaġġati 8 .

Ftit ilu bdiet topera l-Faċilità ta’ Garanzija għal Self għal Masters. L-ewwel benefiċjarji taw reazzjoni pożittiva. S’issa madankollu, f’termini ta’ volum, għadha ma laħqitx l-aspettattivi minħabba dewmien fit-tnedija tagħha, minħabba li ftit kienu l-istituzzjonijiet finanzjarji li bdew jużawha u minħabba nuqqas ta’ għarfien fost l-istudenti.

·Sal-2020, il-Kummissjoni għandha l-ħsieb li tnaqqas il-baġit annwali tal-allokazzjonijiet tal-Faċilità ta’ Garanzija għal Self għal Masters, mingħajr ma tbiddel l-allokazzjoni ġenerali stabbilita għal attivitajiet oħra ta’ edukazzjoni għolja.

Il-valur miżjud u r-rilevanza għall-UE

Fid-dawl tar-riżultati li nkisbu, l-evalwazzjoni tenfasizza l-valur miżjud Ewropew inkontestabbli tal-programmi evalwati 9 . Dan ġej mill-volumi kbar u l-ambitu wiesa’ tal-attivitajiet iffinanzjati, flimkien ma’ aċċess aktar ġust għall-mobbiltà fit-tagħlim, inklużi l-aħjar prattiki integrati, integrazzjoni iktar profonda tal-UE u dimensjoni internazzjonali ċara. Skemi oħra li jiffinanzjaw azzjoni komparabbli fil-livell nazzjonali jibqgħu ħafna iżgħar kemm fil-volum kif ukoll fl-ambitu. Huwa tassew improbabbli li tali skemi jkunu kapaċi jieħdu post il-finanzjament tal-Erasmus+.

L-evalwazzjoni wriet li l-Erasmus+ huwa allinjat mal-politiki tal-UE aħjar minn dawk ta’ qablu, u huwa flessibbli biżżejjed biex jadatta għall-ħtiġijiet emerġenti fil-livell tal-UE, bħalma huma ż-żieda fl-inklużjoni soċjali u l-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni vjolenti 10 . Biex l-impatt tal-programm jiġi mmassimizzat, l-evalwazzjoni tirrakkomanda li l-prijoritajiet jiġu ridotti fl-għadd u jkunu ffukati aħjar.

·Fil-programm attwali, saret enfasi akbar fuq l-azzjoni li tgħin l-inklużjoni soċjali skont id-Dikjarazzjoni ta’ Pariġi 11 ,l-oqsma ta’ prijorità l-ġodda taħt l-ET 2020 u l-Istrateġija għaż-Żgħażagħ 12 jew l-Aġenda Ġdida għall-Ħiliet għall-Ewropa 13 .

·Il-programm futur jentħieġ li jkompli jgħin biex jiġu implimentati l-prijoritajiet politiċi tal-UE, filwaqt li tinżamm il-flessibbiltà biex isiru l-aġġustamenti meħtieġa u li jkunu rilevanti ħafna għall-pajjiżi parteċipanti. Xi azzjonijiet, b’mod partikolari dawk li jappoġġaw partenarjati, jista’ jiġu ffokati fuq inqas prijoritajiet.

L-evalwazzjoni finali tal-programm se tivvaluta l-eżiti tal-Alleanzi ta’ Għarfien u l-Alleanzi tal-Ħiliet Settorjali fuq skala wiesgħa introdotti fl-Erasmus+ bl-iskop li tingħata spinta lill-innovazzjoni fl-edukazzjoni għolja u l-ETV. Dawn l-azzjonijiet ma kinux lesti biex jiġu evalwati f’nofs it-terminu.

·Sal-2020, il-Kummissjoni se tikkonsolida aktar il-modi differenti ta’ ġestjoni tal-proġetti prinċipalment bl-għan li jiġu promossi l-kooperazzjoni u l-iskambji bħala distinti minn proġetti li għandhom l-għan li jrawmu l-innovazzjoni.

·Fil-programm il-ġdid, ser jiġu kkunsidrati modi biex tingħata spinta lill-innovazzjoni.

L-evalwazzjoni nnutat ukoll li hemm potenzjal li jiġu introdotti azzjonijiet iktar immirati li jimmassimizzaw ir-rilevanza tal-attivitajiet ta’ Jean Monnet u l-valur miżjud tal-programm fis-settur tat-tagħlim għall-adulti.

It-tagħlim u r-riċerka dwar kwistjonijiet tal-UE issa huma relattivament mifruxa fl-edukazzjoni għolja. Min-naħa l-oħra, hemm ħtieġa għal fehim aktar profond tal-integrazzjoni Ewropea u sens akbar ta’ appartenenza għall-Ewropa fost l-iżgħar ġenerazzjonijiet, partikularment fid-dawl tal-konsegwenzi tal-kriżijiet ekonomiċi u politiċi ta’ dawn l-aħħar għaxar snin.

·Jean Monnet jista’ fil-programm futur jitfassal mill-ġdid biex jipprovdi għal grupp fil-mira usa’ (inklużi skejjel) sabiex titqajjem kuxjenza dwar liema huma l-valuri komuni Ewropej tagħha.

Il-valutazzjoni tenfasizza li l-impatt fuq is-settur tat-tagħlim għall-adulti, li attwalment jolqot popolazzjoni vasta, jiddgħajjef minħabba n-natura frammentata u diversifikata tas-settur.

·Il-Kummissjoni se tikkunsidra kif jista’ jiżdied l-enfasi tal-appoġġ tal-UE għal attivitajiet transnazzjonali fis-settur tat-tagħlim għall-adulti.

Il-koerenza

L-evalwazzjoni sabet livell għoli ta’ komplimentarjetà bejn l-Erasmus+ u politiki u programmi rilevanti oħra tal-UE (pereżempju, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Orizzont 2020). Għalkemm il-livell ta’ sinerġiji jvarja, huwa sorprendenti li l-evalwazzjoni identifikat għadd żgħir ħafna ta’ duplikazzjonijiet 14 .

Il-koerenza interna qawwija tal-programm meta mqabbla mal-predeċessuri tiegħu tirriżulta mill-kopertura tiegħu tat-tagħlim tul il-ħajja. It-tlaqqigħ flimkien fi programm uniku tal-UE ta’ oqsma li ta’ spiss jinżammu separati (fil-livell nazzjonali) huwa perċepit bħala miżura li tinkoraġġixxi l-komplementarjetà u l-perspettiva internazzjonali 15 .

Il-kooperazzjoni transettorjali fl-Erasmus+ żdiedet b’mod ħafna (+23 punt perċentwali meta mqabbla ma’ programmi preċedenti). Il-maġġoranza l-kbira tal-proġetti ta’ kooperazzjoni issa jinkludu mill-inqas organizzazzjoni waħda minn programm ieħor fis-settur. Il-kooperazzjoni bejn l-edukazzjoni u t-taħriġ u s-soċjetà ċivili gradwalment qed tiġri taħt l-Erasmus+.

L-evalwazzjoni enfasizzat li l-programm bbenefika b’mod ċar minn arkitettura aktar sempliċi, minn attivitajiet iggruppati fi tliet azzjonijiet ewlenin (il-mobbiltà individwali, il-kooperazzjoni, u l-appoġġ lir-riformi tal-politika), kif mistenni fil-valutazzjoni tal-impatt. L-isem uniku kkontribwixxa għal żieda fil-viżibbiltà tal-programm, għall-benefiċċju ta’ kull settur. L-Erasmus+ tejjeb il-bilanċ ġeografiku tiegħu, billi involva aktar pajjiżi żgħar u pajjiżi mill-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant.

Il-koerenza fir-rigward l-isport għadha tista’ tittejjeb.Biex jinkisbu riżultati sinifikanti, ir-riżorsi jeħtieġ li ma jkunux wisq imxerrda.

·Il-Kummissjoni se tfittex li żżid il-konċentrazzjoni ta’ xi azzjonijiet tal-isport, partikolarment dwar l-aspetti ta’ inklużjoni soċjali, u li tnaqqas id-duplikazzjoni fl-attivitajiet taż-żgħażagħ.

Effiċjenza u simplifikazzjoni 16

L-evidenza turi li l-azzjonijiet ta’ mobbiltà tal-Erasmus+ huma kosteffettivi, speċjalment għall-mobbiltà tal-istudenti (bi spiża għall-UE ta’ EUR 15 għal kull jum/student). Sfida ewlenija ser tkun li tittejjeb l-effiċjenza tal-azzjonijiet deċentralizzati ma’ pajjiżi sħab, li għandhom kriterji speċifiċi u baġits frammentati li jaqgħu taħt il-fondi tar-relazzjonijiet esterni tal-UE.

L-ispejjeż tal-ġestjoni(b’6 % tal-baġit tal-Erasmus+ 17 ) huma raġjonevoli, speċjalment meta mqabbla ma’ skemi nazzjonali simili (medja ta’ 14%), minkejja li setgħu nkisbu ekonomiji ta’ skala akbar. Hu mistenni li l-effiċjenza tibqa’ tiżdied sal-2020.

F’termini ta’ simplifikazzjoni, in-natura integrata tal-Erasmus+ tippermetti li jintużaw għodod transettorali għall-applikazzjoni għall-għotjiet, għall-monitoraġġ, għall-awditjar jew għad-disseminazzjoni. Wara perjodu tranżitorju diffiċli bejn il-programmi preċedenti u l-programm attwali, hemm qbil wiesa’ li l-Erasmus+ ra titjib kbir (eż. għotjiet simplifikati, tranżizzjoni diġitali, il-Karta tal-ETV u l-appoġġ online tal-lingwi 18 ), imma jenħtieġ li l-proċeduri u l-għodda tal-ġestjoni tal-IT isiru aktar faċli biex jintużaw, sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv fuq il-korpi ta’ implimentazzjoni u l-benefiċjarji bi proporzjon mal-għotjiet li jirċievu.

·Mill-2018, bl-introduzzjoni tal-formoli online, il-Kummissjoni se tagħmilha iktar faċli biex wieħed japplika għall-għotjiet. Dan it-titjib inkrementali ser ikompli matul il-ħajja tal-programm.

·Il-programm futur jeħtieġ li jkompli jikkonsolida l-effiċjenza attwali, b’mod speċjali biex jitnaqqas il-piż amministrattiv billi jiġu ssimplifikati l-proċeduri tal-applikazzjoni u tar-rapportar, billi l-għodod tal-IT isiru aktar interoperabbli u faċli għall-utent, u billi tiżdied il-flessibbiltà baġitarja, filwaqt li tinżamm ir-responsabbiltà.

Il-modalità ta’ implimentazzjoni deċentralizzata permezz ta’ aġenziji nazzjonali issa hija stabbilita sew. Fl-2014, ġie introdott approċċ verament ibbażat fuq il-prestazzjoni għall-ġestjoni tal-programm. Abbażi tat-titjib rikonoxxut fl-eżiti tal-monitoraġġ fl-Erasmus+, xi indikaturi għandhom bżonn li jiġu rfinuti, u tista’ tinġabar anqas dejta mill-parteċipanti u tintuża aħjar.

·Il-komunikazzjoni bejn l-Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura u l-aġenziji nazzjonali ttejbet sabiex jiżdiedu s-sinerġiji bejn l-azzjonijiet ċentralizzati u deċentralizzati.

·Il-Kummissjoni ser tikkunsidra kif tista’ tipperfezzjona l-monitoraġġ tal-Erasmus+, billi jiġi estiż għal proġetti ta’ kooperazzjoni u azzjonijiet ċentralizzati bil-ħsieb li tiġi estratta d-dejta miġbura, b’mod proporzjonat, b’tali mod li t-teħid tad-deċiżjonijiet ikun infurmat b’evidenza.

(1)

 Dan jinkludi l-finanzjament minn strumenti ta’ azzjoni esterna.

(2)

ĠU L 347, 20.12.2013, p. 50 baġit

(3)

Il-pajjiżi tal-programm: l-Istati Membri tal-UE, l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, l-Iżlanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja u t-Turkija. Il-pajjiżi sieħba: pajjiżi oħra li mhumiex fl-UE.

(4)

SWD, 5.1.2.1

(5)

SWD, 5.1.2.2

(6)

http://ec.europa.eu/programmes/erasmus-plus/projects

(7)

 It-tisħiħ tal-identità Ewropea permezz tal-Edukazzoni u l-Kultura — Il-kontribuzzjoni tal-Kummissjoni Ewropea għal-laqgħa tal-mexxejja f’Gothenburg, is-17 ta’ Novembru 2017, COM(2017) 673.

(8)

Mingħajr preġudizzju għall-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss.

(9)

SWD, 5.5

(10)

SWD, 5.2

(11)

Id-Dikjarazzjoni dwar il-promozzjoni taċ-ċittadinanza u l-valuri komuni tal-libertà, it-tolleranza u n-nondiskriminazzjoni permezz tal-edukazzjoni, Pariġi, is-17 ta’ Marzu 2015.

(12)

Ir-Rapport Konġunt tal-2015 tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ (ET 2020), ĠU C 417, 15.12.2015, p. 25; ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill, dwar Pjan ta’ Ħidma tal-Unjoni Ewropea għaż-Żgħażagħ għall-2016-2018, ĠU C 417, 15.12.2015, p. 1.

(13)

COM(2016) 381, it-10 ta’ Ġunju 2016.

(14)

SWD, 5.3.2

(15)

SWD, 5.3.1

(16)

SWD, 5.4

(17)

Dawn jikludu l-ispejjeż tal-maniġment għall-aġenziji nazzjonali, appoġġati permezz ta’ baġit operattiv.

(18)

https://erasmusplusols.eu/

Top