Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018DC0006

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL U LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW dwar l-implimentazzjoni tal-Istati Membri tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/117/EURATOM dwar is-superviżjoni u l-kontroll ta' vjeġġi ta' skart radjuattiv u ta' kombustibbli nukleari eżawrit It-Tieni Rapport

    COM/2018/06 final

    Brussell, 19.1.2018

    COM(2018) 6 final

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL U LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW

    dwar l-implimentazzjoni tal-Istati Membri tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/117/EURATOM dwar is-superviżjoni u l-kontroll ta' vjeġġi ta' skart radjuattiv u ta' kombustibbli nukleari eżawrit
    It-Tieni Rapport

    {SWD(2018) 4 final}


    Werrej

    1.Introduzzjoni

    1.1.Qafas ġuridiku

    1.2.Prinċipji ġenerali għas-superviżjoni u l-kontroll tal-vjeġġi

    2.Implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ġenerali

    2.1.Traspożizzjoni tad-Direttiva

    2.2.Dokument standard għas-superviżjoni u l-kontroll tal-vjeġġi

    2.3.Awtoritajiet kompetenti

    3.Osservazzjonijiet dwar il-vjeġġi tal-fjuwil użat u tal-iskart radjuattiv u x-xejriet tagħhom

    3.1.Vjeġġi globali

    3.2.Importazzjonijiet, esportazzjonijiet u t-tranżiti mill-Komunità

    3.3Segwitu mill-Ewwel Rapport tal-Kummissjoni

    4.Konklużjonijiet



    1.Introduzzjoni

    Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/117/EURATOM 1 tistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ superviżjoni u kontroll ta’ vjeġġi transkonfinali ta’ skart radjuattiv u ta’ kombustibbli nukleari eżawrit (fjuwil użat), sabiex tiġi garantita l-protezzjoni adegwata tal-popolazzjoni. Din tiżgura li l-Istati Membri kkonċernati jkunu infurmati dwar vjeġġi ta’ skart radjuattiv u fjuwil nukleari użat għal jew permezz tat-territorju tagħhom bl-obbligu li jagħtu l-kunsens tagħhom jew ir-rifjut motivat għall-vjeġġi. Id-Direttiva tikkomplementa d-Direttiva tal-Kunsill 2011/70/EURATOM 2 li tiffoka fuq il-politika u r-responsabbiltajiet għall-ġestjoni fuq żmien twil tal-iskart radjuattiv u tal-fjuwil użat.

    Dan huwa t-tieni rapport mill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/117/EURATOM li jipprovdi ħarsa ġenerali tal-vjeġġi rispettivi u l-aspetti relatati. Jipprovdi informazzjoni addizzjonali għar-rapport tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2011/70/EURATOM 3 .

    L-Istati Membri tal-UE kollha jipproduċu skart radjuattiv, iġġenerat minn faċilitajiet (eż. l-impjanti tal-enerġija nukleari, ir-reatturi tar-riċerka) u attivitajiet differenti, bħal pereżempju l-applikazzjonijiet radjuisotopiċi fil-mediċina, fl-industrija, fl-agrikoltura, fir-riċerka u fl-edukazzjoni. L-iskart radjuattiv huwa ddefinit bħala materjal radjuattiv f’forma gassuża, likwida jew solida li għalih ma jkunx previst użu ulterjuri mill-pajjiżi ta’ oriġini u ta’ destinazzjoni, jew minn persuna fiżika jew ġuridika li d-deċiżjoni tagħha tkun aċċettata minn dawn il-pajjiżi, u li jkun ikkontrollat bħala skart radjuattiv minn korp regolatorju bil-qafas leġiżlattiv u regolatorju tal-pajjiżi ta’ oriġini u ta’ destinazzjoni.

    Barra minn hekk, l-operazzjoni tal-enerġija nukleari u tar-reatturi tar-riċerka tiġġenera fjuwil użat ukoll. Il-fjuwil użat huwa ddefinit bħala fjuwil nukleari li ġie rradjat u mneħħi b’mod permanenti mill-qalba ta’ reattur. Jista’ jitqies bħala sors utilizzabbli li jista’ jiġi pproċessat mill-ġdid jew inkella jkun iddestinat għar-rimi finali mingħajr użu ulterjuri previst u jiġi ttrattat bħala skart radjuattiv.

    Meta jiġu ġġenerati l-fjuwil użat u l-iskart radjuattiv, dawn jinħażnu qabel ma jerġgħu jiġu pproċessati jew jintremew. Mis-siti fejn dawn il-materjali jkunu ġew iġġenerati jew ġestiti, il-fjuwil użat u l-iskart radjuattiv jiġu trasportati l-aktar bit-triq, bil-ferrovija jew bil-baħar u f’każijiet limitati bl-ajru.

    L-importazzjoni, l-esportazzjoni u t-tranżitu tal-iskart radjuattiv u l-fjuwil użat minn Stat Membru wieħed jew aktar huma prattiki regolari fl-UE. Il-moviment ta’ dan il-materjal, imsejjaħ ukoll vjeġġ, iseħħ fil-maġġoranza tal-Istati Membri tkun xi tkun l-iskala tal-programmi nukleari tagħhom.

    Sa issa, 16-il Stat Membru 4 għandhom reatturi tal-enerġija nukleari fit-territorji tagħhom, u 14-il Stat Membru minnhom għandhom reatturi nukleari operattivi. Barra minn hekk, 20 Stat Membru 5 kienu joperaw jew għadhom joperaw reatturi tar-riċerka fl-UE. Xi wħud mill-Istati Membri jibagħtu fjuwil użat biex jerġa’ jiġi pproċessat fl-UE jew fil-pajjiżi terzi. Il-maġġoranza tal-Istati Membri b’reatturi tar-riċerka għandhom l-għan li jirritornaw il-fjuwil użat lill-fornitur (l-Istati Uniti jew il-Federazzjoni Russa) qabel l-2020, għalkemm għal għadd ta’ reatturi ta’ taħriġ u ta’ riċerka, għad trid tiġi ddefinita rotta ta’ ġestjoni fit-tul għall-fjuwil użat (pereżempju r-rimi). L-iskart radjuattiv ġie mibgħut ukoll fl-UE u barra mill-UE f’bosta każijiet bl-għan li jiġi minimizzat l-iskart radjuattiv permezz tal-ipproċessar (eż. it-titwib, l-inċinerazzjoni) qabel il-ħażna u/jew ir-rimi.

    Skont l-Artikolu 20(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/117/EURATOM, mill-25 ta’ Diċembru 2011 l-Istati Membri jridu jibgħatu rapport dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva lill-Kummissjoni kull tliet snin. Għalhekk, l-iskadenza għat-tressiq tat-tieni rapport kienet il-25 ta’ Diċembru 2014.

    6 7 8 L-Istati Membri kollha ressqu t-tieni rapport nazzjonali tagħhom dwar il-vjeġġi tal-iskart radjuattiv jew il-fjuwil użat fit-territorji tagħhom għall-perjodu 2012-2014, filwaqt li l-Kroazja rrappurtat għall-ewwel darba. Matul din it-tieni sessjoni ta’ rappurtar ġie innutat dewmien importanti għaliex tliet Stati Membri biss innotifikaw fil-ħin (l-oħrajn innotifikaw b’dewmien differenti).

    9 10 Fuq il-bażi tar-rapporti nazzjonali u wara skambju tal-fehmiet mal-Kumitat Konsultattiv u l-adozzjoni minnu l-Kummissjoni ħejjiet dan ir-rapport lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, skont l-Artikolu 20(2) tad-Direttiva. Huwa bbażat fuq in-notifiki kollha tal-Istati Membri u jsegwi l-ewwel rapport tal-Kummissjoni għall-perjodu 2008-2011, maħruġ fl-2013.

    Ir-rappurtar huwa maħsub li jipprovdi ħarsa ġenerali tal-vjeġġi tal-fjuwil użat u tal-iskart radjuattiv fil-Komunità; tat-tendenzi u sfidi reċenti dwar l-importazzjoni, l-esportazzjoni u t-tranżitu tal-fjuwil użat u tal-iskart radjuattiv, tar-rifjuti u l-vjeġġi li ma ġewx eżegwiti irrappurtati, kif ukoll tal-azzjonijiet proposti.

    Aktar informazzjoni dettaljata dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva f’kull Stat Membru hija mogħtija fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni SWD(2018)4. Il-konklużjoni ta’ dan ir-rapport tenfasizza suġġetti li jeħtieġu aktar attenzjoni.

    1.1.Qafas ġuridiku 

    Il-ġestjoni sikura u responsabbli tal-iskart radjuattiv u l-fjuwil użat, inkluż il-vjeġġ sikur ta’ dawn il-materjali ġewwa u barra t-territorji tal-Istati Membri, hija rekwiżit legali. Dan ir-rekwiżit ġej mil-liġi internazzjonali u l-liġi tal-UE.

    Fil-livell internazzjonali, ir-referenza ewlenija f’dan il-qasam hija l-Joint Convention on the Safety of Spent Fuel Management and on the Safety of Radioactive Waste Management (il-Konvenzjoni Konġunta dwar is-Sikurezza tal-Ġestjoni tal-Fjuwil Użat u dwar is-Sikurezza tal-Ġestjoni tal-Iskart Radjuattiv - il-Konvenzjoni Konġunta) 11 . Fost dispożizzjonijiet oħra, il-Konvenzjoni Konġunta timponi obbligi fuq il-Partijiet Kontraenti fir-rigward tas-sikurezza tal-movimenti transkonfinali (importazzjoni, esportazzjoni u tranżitu) tal-fjuwil użat u l-iskart radjuattiv. Fl-Artikolu 27 tagħha, teħtieġ li kull Parti Kontraenti involuta f’movimenti transkonfinali tieħu l-passi xierqa biex tiżgura li t-tali moviment jitwettaq b’mod li huwa konsistenti mad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni u ma’ strumenti internazzjonali vinkolanti rilevanti. Mill-ewwel rapport tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2006/117/EURATOM, Malta saret Parti Kontraenti għall-Konvenzjoni Konġunta u b’hekk it-28 Stati Membri tal-UE kollha saru Partijiet Kontraenti għal din il-Konvenzjoni 12 . Dan juri l-impenn tal-Istati Membri biex jiżguraw livell ta’ sikurezza għoli tal-fjuwil użat u l-iskart radjuattiv – mill-ġenerazzjoni sar-rimi.

    Fil-livell tal-UE, mill-ewwel rapport tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2006/117/EURATOM, id-Direttiva tal-Kunsill 96/29/EURATOM dwar l-istandards ta’ sikurezza ġiet riveduta fl-2013, filwaqt li nżamm l-għan globali li tissaħħaħ l-protezzjoni kontra l-perikli li jirriżultaw mill-esponiment għal radjazzjoni jonizzanti, anki matul it-trasport tal-fjuwil użat u l-iskart radjuattiv. Id-Direttiva 96/29/EURATOM riveduta (id-Direttiva l-ġdida 2013/59/EURATOM 13 ) tħassar u tikkonsolida d-dispożizzjonijiet ta’ ħames Direttivi tal-UE f’leġiżlazzjoni waħda. Dawn il-ħames Direttivi jinkludu d-Direttiva 2003/122/EURATOM fir-rigward ta’ sorsi ssiġillati ta’ attività għolja 14 . Id-Direttiva l-ġdida li għandha tiġi trasposta mill-Istati Membri sas-6 ta’ Frar 2018 tiddefinixxi wkoll il-kriterji ta’ approvazzjoni armonizzati u l-livelli ġenerali għar-rilaxx tal-materjali mill-kontroll regolatorju. Fir-rigward tal-materjali radjuattivi naturali (naturally occurring radioactive materials - NORM), il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2013/59/EURATOM ġie estiż biex ikopri l-attivitajiet tal-bniedem li jinvolvu l-preżenza ta’ sorsi ta’ radjazzjoni naturali, inkluż l-ipproċessar ta’ materjal b’radjunuklidi naturali (NORM). Id-Direttiva esiġi li l-protezzjoni kontra s-sorsi ta’ radjazzjoni naturali, aktar milli tiġi indirizzata separatament f’titolu speċifiku, jenħtieġ li tkun integrata b’mod sħiħ fir-rekwiżiti globali. B’mod partikolari, l-industriji li jipproċessaw il-materjali li fihom radjonuklidi naturali li jeħtieġu kontroll regolatorju jenħtieġ li jiġu ġestiti fl-istess qafas regolatorju bħal prattiki oħrajn 15 . Id-Direttiva teħtieġ (l-Artikolu 23) li l-Istati Membri jidentifikaw il-klassijiet jew it-tipi ta’ prattiki li jinvolvu n-NORM u li jwasslu għall-esponiment tal-ħaddiema jew tal-membri tal-pubbliku li ma jistax jiġi injorat mill-perspettiva tal-protezzjoni mir-radjazzjoni. Lista ta’ setturi industrijali li jinvolvu n-NORM li jeħtieġ li jitqiesu matul il-proċess ta’ identifikazzjoni, flimkien mal-industrija tal-estrazzjoni u l-produzzjoni tal-uranju, hija pprovduta fl-Anness VI tad-Direttiva 2013/59/EURATOM. Jekk Stat Membru jiddikjara l-iskart NORM bħala skart radjuattiv, il-vjeġġ tiegħu jenħtieġ li jiġi rrappurtat skont l-Artikolu 20 tad-Direttiva 2006/117/EURATOM.

    Fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-qafas komprensiv dwar is-sikurezza nukleari u tar-radjazzjoni tal-UE, id-Direttiva 2006/117/EURATOM tindirizza speċifikament l-awtorizzazzjonijiet regolatorji u l-aspetti proċedurali tal-vjeġġi transkonfinali tal-iskart radjuattiv u l-fjuwil użat iġġenerati mill-faċilitajiet u mill-attivitajiet ċivili. Id-Direttiva tapplika kull meta:

    ·Il-pajjiż ta’ oriġini, il-pajjiż ta’ destinazzjoni jew kwalunkwe pajjiż ta’ tranżitu tal-fjuwil użat jew tal-iskart radjuattiv huwa Stat Membru tal-UE;

    ·Il-kwantitajiet u l-konċentrazzjoni tal-fjuwil użat jew tal-iskart radjuattiv fil-vjeġġ (imsejjaħ konsenja) jaqbżu l-livelli stabbiliti fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 96/29/EURATOM 16 , li ġiet sostitwita reċentement bid-Direttiva tal-Kunsill 2013/59/EURATOM.

    1.2.Prinċipji ġenerali għas-superviżjoni u l-kontroll tal-vjeġġi 

    F’konformità mad-Direttiva 2011/70/EURATOM, kull Stat Membru jibqa’ responsabbli bis-sħiħ għall-għażla tal-politika tiegħu stess dwar il-ġestjoni tal-iskart radjuattiv u l-fjuwil użat fil-ġuriżdizzjoni tiegħu, li tista’ tinkludi l-esportazzjoni tal-fjuwil użat u l-iskart radjuattiv jew l-importazzjoni ta’ materjali bħal dawn (eż. għall-ipproċessar jew l-ipproċessar mill-ġdid) fit-territorju tiegħu.

    17 L-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2006/117/EURATOM jirrikjedi li l-Istati Membri jużaw dokument standard għas-superviżjoni u l-kontroll tal-vjeġġi ta’ skart radjuattiv u ta’ fjuwil użat. Meta dawn il-materjali jkunu maħsuba biex jiġu ttrasportati lil pajjiżi terzi, l-Istati Membri għandhom ukoll japplikaw il-kriterji għall-vjeġġi skont l-Artikolu 16(2) tad-Direttiva u r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni.

    Meta vjeġġ ma jkunx jista’ jitwettaq jew jekk ma jkunx hemm konformità mal-kondizzjonijiet għall-vjeġġ skont din id-Direttiva, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ oriġini għandhom jiżguraw li l-iskart radjuattiv jew il-fjuwil użat inkwistjoni jittieħed lura mid-detentur, sakemm ma jkunx jista’ jsir arranġament sikur alternattiv. Dawn l-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li l-persuna responsabbli għall-vjeġġ tieħu miżuri korrettivi ta’ sigurtà fejn meħtieġ. Fit-tali każ, id-detentur 18 għandu jkun responsabbli għall-ispejjeż li jirriżultaw meta l-vjeġġ ma jistax jitwettaq (l-Artikolu 12 tad-Direttiva).

    Kull rifjut tal-awtorizzazzjoni tal-vjeġġ ta’ fjuwil użat u skart radjuattiv (i) irid jiġi ġustifikat fuq il-bażi tal-kriterji stabbiliti fid-Direttiva; (ii) ma għandux ikun arbitararju; u (iii) għandu jkun ibbażat fuq il-liġi nazzjonali, Komunitarja jew internazzjonali relevanti. Id-deċiżjonijiet tal-Istati Membri għall-esportazzjonijiet jew ir-rifjuti jridu jkunu konformi mad-dispożizzjonijiet stabbiliti fil-Konvenzjoni Konġunta u mal-Artikolu 16 tad-Direttiva li jipprojbixxu l-esportazzjoni ta’ skart radjuattiv jew kombustibbli eżawrit (fjuwil użat) lejn destinazzjoni ’l isfel mil-lattitudni 60° Nofsinhar, lejn pajjiżi tal-Karibew jew tal-Paċifiku jew lejn pajjiż terz li ma għandux ir-riżorsi għall-immaniġġar sigur tal-iskart radjuattiv jew tal-kombustibbli eżawrit (fjuwil użat).

    Minbarra t-tliet rapporti lill-Kummissjoni (skont l-Artikolu 20(1) tad-Direttiva 2006/117/EURATOM), l-Istati Membri għandhom:

    ·Jinnotifikaw lill-Kummissjoni u lill-Kumitat Konsultattiv kull sena dwar vjeġġi mhux awtorizzati lejn pajjiż terz, minħabba nuqqas ta’ konformità mal-kapaċità teknika jew amministrattiva u mal-istruttura regolatorja għall-immaniġġar sigur tal-kombustibbli eżawrit (fjuwil użat) u/jew tal-iskart radjuattiv (l-Artikolu 16(1)c tad-Direttiva).

    ·Jibgħatu lill-Kummissjoni d-dettalji ta’ kuntatt tal-awtorità jew l-awtoritajiet kompetenti u l-informazzjoni kollha meħtieġa biex ikun hemm komunikazzjoni rapida (l-Artikolu 18 tad-Direttiva).

    2.Implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ġenerali 

    2.1.Traspożizzjoni tad-Direttiva

    Matul il-perjodu ta’ rappurtar 2012-2014, il-Kroazja ssieħbet mal-UE (fl-1 ta’ Lulju 2013) u ttrasponiet id-Direttiva.

    Fuq dik il-bażi, it-traspożizzjoni ta’ din id-Direttiva hija meqjusa kompluta fit-28 Stat Membru kollha.

    2.2.Dokument standard għas-superviżjoni u l-kontroll tal-vjeġġi

    19 Id-dokument standard (stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni fl-2008 u emendat fl-2011) jinkludi l-formoli għal:

    ·L-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni għall-vjeġġ ta’ fjuwil użat jew skart radjuattiv;

    ·Il-konferma tar-riċevuta tal-applikazzjoni – talba għal informazzjoni nieqsa għal fjuwil użat u skart radjuattiv;

    ·Ir-rifjut jew il-kunsens tal-vjeġġ tal-iskart radjuattiv jew il-fjuwil użat mill-awtoritajiet kompetenti kkonċernati;

    ·Id-deskrizzjoni tal-konsenja tal-iskart radjuattiv u lista tal-pakketti;

    ·Il-konferma tar-riċevuta tal-iskart radjuattiv u l-fjuwil użat;

    ·L-awtorizzazzjoni tal-vjeġġ tal-fjuwil użat u tal-iskart radjuattiv.

    Xi wħud mill-Istati Membri taw suġġerimenti għal aktar titjib tad-dokument standard. Pereżempju, ġie ssuġġerit li jiġu ċċarati n-noti ta’ spjegazzjoni u biex tiżdied taqsima speċifika mad-dokument standard li tippermetti kontroreferenza għal awtorizzazzjoni jew kunsens preċedenti kull meta l-applikazzjoni għall-vjeġġ tkun marbuta mar-ripatrijazzjoni ta’ residwi li jirriżultaw minn dak il-vjeġġ preċedenti. Dan jiffaċilita l-monitoraġġ u jipprovdi rekord tal-awditjar bejn il-vjeġġ ’il barra għall-ipproċessar jew l-ipproċessar mill-ġdid u l-vjeġġ(i) tal-iskart u l-prodotti sekondarji li jirriżultaw. Barra minn hekk, ġiet enfasizzata l-ħtieġa għal aktar konsistenza tal-informazzjoni meħtieġa fit-Taqsima B-1 “Talba għal awtorizzazzjoni ta’ ġarr ta’ fjuwil użat”, li ma tinkludix il-livelli tar-radjuattività tal-fjuwil użat, u l-informazzjoni fit-Taqsima B-5 “Deskrizzjoni ta’ konsenja ta’ fjuwil użat u lista ta’ pakketti” (li titlob din l-informazzjoni) tad-dokument standard.

    Dawn il-proposti se jiġu eżaminati mill-Kummissjoni.

    2.3.Awtoritajiet kompetenti

    20 Minn Lulju 2017, l-Istati Membri kollha pprovdew informazzjoni aġġornata dwar l-awtoritajiet kompetenti tagħhom skont l-Artikolu 5(13) tad-Direttiva li hija ppreżentata fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni SWD(2018)4.

    21 F’konformità mar-rekwiżit tal-Artikolu 19 tad-Direttiva 2006/117/EURATOM, u r-Rakkomandazzjoni għal sistema sikura u effettiva ta’ trażmissjoni tad-dokumenti u tal-informazzjoni relatata mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva, il-lista aġġornata ta’ awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri hija disponibbli fuq is-sit web tal-Kummissjoni: .

    3.Osservazzjonijiet dwar il-vjeġġi tal-fjuwil użat u tal-iskart radjuattiv u x-xejriet tagħhom

    Għall-perjodu 2012-2014 il-maġġoranza tal-Istati Membri rrappurtaw vjeġġi ta’ fjuwil użat u skart radjuattiv fit-territorju tagħhom bl-użu ta’ mudell mhux vinkolanti b’informazzjoni dwar (i) l-implimentazzjoni tad-Direttiva; u (ii) l-importazzjonijiet, l-esportazzjonijiet u t-tranżiti ta’ fjuwil użat u skart radjuattiv.

    B’mod ġenerali, ġew osservati differenzi fir-rigward tal-format tar-rappurtar, il-livell tad-dettall u l-kwalità tal-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri fir-rapporti tagħhom lill-Kummissjoni. Pereżempju:

    ·It-terminoloġija użata fir-rapporti tal-Istati Membri fir-rigward tal-vjeġġi ta’ fjuwil użat u skart radjuattiv mhux dejjem kienet konformi ma’ dik definita fid-Direttiva u fid-Deċiżjoni 2008/312/EURATOM (eż. l-importazzjoni lejn, l-esportazzjoni minn u t-tranżitu fil-Komunità, kif ukoll l-awtorizzazzjoni u l-kunsens);

    ·B’mod simili, l-informazzjoni pprovduta fir-rapporti tal-Istati Membri mhux dejjem kienet tinkludi dettalji dwar il-vjeġġi jew tagħmel differenza bejn il-vjeġġi ta’ fjuwil użat u l-vjeġġi ta’ skart radjuattiv;

    ·Sa ċertu punt, ir-rapporti ta’ żewġ Stati Membri, li jirrappreżentaw 48 % tal-awtorizzazzjonijiet globali tal-vjeġġi ta’ fjuwil użat u skart radjuattiv, ġew ippreżentati biss bħala sommarju, mingħajr dettalji suffiċjenti dwar il-vjeġġi kif meħtieġ mill-mudell ta’ rappurtar;

    ·Inkonsistenzi f’xi rapporti nazzjonali tal-Istati Membri fir-rigward tal-awtorizzazzjonijiet għall-vjeġġi.

    Fil-kuntest ta’ dan it-tieni rapport, il-Kummissjoni ma ġietx infurmata dwar il-vjeġġi mill-ġdid relatati mal-vjeġġi mhux awtorizzati ta’ skart radjuattiv mhux iddikjarat (skont l-Artikolu 4); vjeġġi li ma ġewx eżegwiti (skont l-Artikolu 12), jew esportazzjonijiet projbiti li jaqgħu fil-kuntest tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva. Kien hemm biss żewġ rifjuti ta’ awtorizzazzjoni marbuta ma’ ruttam tal-metall ikkontaminat u, f’każ wieħed, informazzjoni mhux kompluta għall-vjeġġ. Il-każijiet kollha ta’ rifjut kienu solvuti mill-Istati Membri kkonċernati.

    Aktar dettalji dwar il-vjeġġi tal-Istati Membri huma ppreżentati fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni SWD(2018)4. 

    3.1.Vjeġġi globali

    Id-Direttiva 2006/117/EURATOM tipprovdi l-qafas għall-vjeġġi tal-iskart radjuattiv u l-fjuwil użat bejn l-Istati Membri li għandhom iseħħu biss bil-kunsens infurmat minn qabel tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kollha involuti (inklużi l-Istati Membri ta’ tranżitu).

    Għall-perjodu 2012-2014, 20 Stat Membru rrappurtaw vjeġġi awtorizzati fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva. L-Istati Membri rrappurtaw 400 approvazzjoni maħruġa 22 , li jinkludu 192 awtorizzazzjoni tal-Istat Membru ta’ oriġini u 208 kunsens 23 għal vjeġġi ta’ fjuwil użat u skart radjuattiv. Ħamsa 24 mill-20 Stat Membru li rrappurtaw jirrappreżentaw 74 % tat-total ta’ 192 awtorizzazzjoni rrappurtati għall-perjodu 2012-2014.

    Barra minn hekk 81 % (157) tal-awtorizzazzjonijiet maħruġa kollha huma relatati ma’ vjeġġi ta’ skart radjuattiv; 17 % (32) relatati ma’ fjuwil użat u 2 % maħruġa għal materjali għajr l-iskart radjuattiv u l-fjuwil użat. Fil-perjodu ta’ rappurtar preċedenti, 74 % tal-awtorizzazzjonijiet kienu relatati ma’ vjeġġi ta’ skart radjuattiv u s-26 % li fadal kienu vjeġġi ta’ fjuwil użat.

    Il-Kummissjoni tinnota li l-għadd totali tal-awtorizzazzjonijiet żdied (15 %) meta mqabbel mal-perjodu ta’ rappurtar preċedenti (2008-2011), meta 14-il Stat Membru ressqu 161 awtorizzazzjoni fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva.

    3.2.    Importazzjonijiet, esportazzjonijiet u t-tranżiti mill-Komunità

    Fil-perjodu ta’ rappurtar 2012-2014, il-biċċa l-kbira tal-vjeġġi ta’ fjuwil użat u ta’ skart radjuattiv seħħew bejn l-Istati Membri u madwar 17 % biss tal-movimenti transkonfinali kollha kienu għall-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet barra mill-Komunità.

    B’mod partikolari, 11-il Stat Membru 25 rrappurtaw li ħarġu 30 awtorizzazzjoni għall-esportazzjoni ta’ skart radjuattiv u/jew fjuwil użat lejn pajjiżi terzi - ir-Russja (47 %), l-Istati Uniti (30 %) l-Iżvizzera u l-Ġappun (10 % kull wieħed) u n-Norveġja (3 %).

    Għoxrin minn 30 awtorizzazzjoni għall-esportazzjoni mill-Komunità (jiġifieri 67 %) kienu relatati ma’ vjeġġi ta’ fjuwil użat. L-esportazzjonijiet kollha ta’ fjuwil użat ħlief waħda ġew irrappurtati għall-ipproċessar mill-ġdid; filwaqt li esportazzjoni waħda ta’ fjuwil użat ġiet irrappurtata għall-attivitajiet ta’ riċerka.

    Fil-perjodu ta’ rappurtar preċedenti (2008-2011), ingħataw 29 awtorizzazzjoni għall-esportazzjoni minn disa’ Stati Membri u 59 % tal-awtorizzazzjonijiet għall-esportazzjoni mill-Komunità kienu relatati mal-esportazzjoni ta’ fjuwil użat, li juri żieda fl-għadd ta’ Stati Membri li jesportaw fjuwil użat u/jew skart radjuattiv. Filwaqt li hemm żieda żgħira ta’ awtorizzazzjonijiet tal-esportazzjoni għall-fjuwil użat u l-iskart radjuattiv b’kollox, il-Kummissjoni tosserva tnaqqis globali fl-għadd ta’ awtorizzazzjonijiet għall-esportazzjoni ta’ fjuwil użat mill-2011.

    L-esportazzjonijiet ta’ skart radjuattiv għar-ritorn u t-trattament lejn pajjiżi terzi ġew irrappurtati minn ħames Stati Membri, u dawn b’kollox jirrappreżentaw disa’ awtorizzazzjonijiet għall-esportazzjoni mill-Komunità.

    Tliet Stati Membri (Franza, l-Iżvezja u r-Renju Unit) irrappurtaw l-importazzjonijiet ta’ skart radjuattiv/fjuwil użat, filwaqt li ma ġie irrappurtat l-ebda tranżitu ta’ fjuwil użat u/jew skart radjuattiv fil-Komunità għal dan il-perjodu.

    3.3    Segwitu mill-Ewwel Rapport tal-Kummissjoni

    Bħala riżultat tal-ewwel rappurtar tal-Istati Membri dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2006/117/EURATOM, ġew identifikati żewġ kwistjonijiet li jeħtieġu l-attenzjoni kif spjegat fir-Rapport tal-Kummissjoni COM (2013) 240 final: 

    ·Ġie nnutat li ma hemm l-ebda armonizzazzjoni tal-livelli ta’ approvazzjoni għall-iskart radjuattiv fl-UE, u dan jista’ jwassal għall-possibbiltà li l-materjali li jkun fihom sustanzi radjuattivi jiġu rilaxxati fi Stat Membru wieħed iżda xorta jkunu jistgħu jitqiesu bħala skart radjuattiv fi Stat Membru ieħor.

    Bit-traspożizzjoni tal-Istati Membri tad-Direttiva 2013/59/EURATOM dwar standards bażiċi għas-sikurezza sa Frar 2018, huwa mistenni li l-kriterji ġenerali għall-approvazzjoni u s-sett ta’ valuri ġenerali ta’ approvazzjoni armonizzati fl-Istati Membri jsiru aktar allinjati. Madankollu, huwa importanti li wieħed jinnota li l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li jiddefinixxu livelli ta’ approvazzjoni speċifiċi f’konformità mal-kriterji tal-approvazzjoni stabbiliti f’din id-Direttiva.

    ·Il-vjeġġi transkonfinali tal-iskart li jkun fih in-NORM, li ma jirriżultawx minn “użanzi” (prattiki) awtorizzati kif definit fid-Direttiva 96/29/EURATOM, ġew esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2006/117/EURATOM 26 kif ukoll tad-Direttiva 2006/21/KE 27 dwar il-ġestjoni tal-iskart mill-industriji ta’ estrazzjoni.

    Il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2013/59/EURATOM ġie estiż biex ikopri l-attivitajiet tal-bniedem kollha li jinvolvu l-preżenza ta’ sorsi ta’ radjazzjoni naturali, inkluż l-ipproċessar ta’ materjal b’radjunuklidi naturali (NORM). Għalhekk, mill-perspettiva legali, l-iskart kollu li jkun fih in-NORM, li jirrikjedi kontroll regolatorju u huwa kklassifikat bħala skart radjuattiv 28 jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2006/117/EURATOM.

    Sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni bla xkiel tad-Direttiva 2006/117/EURATOM kif ukoll tad-Direttiva 2013/59/EURATOM u sabiex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet li tqajmu hawn fuq, il-Kummissjoni nediet studju fl-2016 29 . L-istudju għandu l-għan li jeżamina mill-ġdid il-prattiki attwali tal-Istati Membri dwar l-applikazzjoni tal-livelli ta’ approvazzjoni u l-vjeġġi tal-iskart radjuattiv li fih materjali radjuattivi naturali li jistgħu jipprovdu fehim aħjar tal-prattiki tal-Istati Membri, l-isfidi, l-eżempji tajbin ta’ vjeġġi ta’ materjali bħal dawn fil-qafas legali ġdid tal-UE, kif ukoll il-ħtiġijiet ta’ leġiżlazzjoni tal-UE u/jew inizjattivi f’dan il-qasam.

    4.Konklużjonijiet

    Il-qafas legali attwali tal-UE li jikkonsisti fid-Direttiva 2006/117/EURATOM, id-Direttiva l-ġdida 2013/59/EURATOM u d-Direttiva 2011/70/EURATOM jipprovdi bażi legali komprensiva għall-iżgurar tal-protezzjoni tas-saħħa tal-ħaddiema u tal-pubbliku ġenerali kontra r-riskji li jirriżultaw mir-radjazzjonijiet jonizzanti, inkluż matul il-vjeġġi ta’ fjuwil użat u skart radjuattiv.

    L-Istati Membri rrappurtaw vjeġġi fi ħdan l-oqfsa nazzjonali għas-superviżjoni u l-kontroll ta’ vjeġġi ta’ fjuwil użat u skart radjuattiv. Dawn l-oqfsa jeħtieġu li l-movimenti transkonfinali tal-iskart radjuattiv u l-fjuwil użat iseħħu biss bil-kunsens infurmat minn qabel tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kollha involuti, u li jintuża d-dokument standard għall-importazzjoni lejn, l-esportazzjoni minn jew it-tranżitu fil-Komunità.

    Fil-perjodu attwali tar-rappurtar, l-Istati Membri ma rrappurtaw l-ebda vjeġġ li jinvolvi movimenti transkonfinali ta’ skart radjuattiv jew fjuwil użat li ma ġiex eżegwit. Ġew irrappurtati żewġ rifjuti minħabba materjal radjuattiv mhux dikjarat bħala skart radjuattiv u informazzjoni insuffiċjenti, iżda din il-kwistjoni ġiet riżolta mill-Istati Membri korrispondenti.

    Il-maġġoranza tar-rapporti nazzjonali tal-Istati Membri għal dan il-perjodu tressqu tard u jvarjaw fil-livell jew fid-dettall tal-informazzjoni u għandhom approċċi differenti għar-rappurtar tal-vjeġġi ta’ fjuwil użat u skart radjuattiv.

    Il-Kummissjoni se tqis kif dovut is-sejbiet ippreżentati f’dan ir-rapportu se tibda riflessjonijiet jew tieħu l-miżuri meħtieġa biex:

    ·Ittejjeb id-dokument standard għas-superviżjoni u l-kontroll tal-vjeġġi tal-iskart radjuattiv u l-fjuwil użat imsemmi fid-Direttiva tal-Kunsill 2006/117/EURATOM fid-dawl tal-feedback ipprovdut mill-Istati Membri u tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat Konsultattiv.

    ·Tipprovdi appoġġ lill-Istati Membri biex jarmonizzaw ir-rappurtar tal-vjeġġi ta’ fjuwil użat u skart radjuattiv tal-Istati Membri (l-Artikolu 20 tad-Direttiva), biex b’hekk issaħħaħ ukoll il-livell ta’ konsistenza u dettall tar-rappurtar mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew fil-ġejjieni.

    Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tieħu l-miżuri xierqa fuq il-bażi tas-sejbiet tal-istudju għaddej bħalissa dwar ir-rieżami tas-sitwazzjoni attwali fir-rigward tat-trasport tal-materjal radjuattiv fl-Istati Membri tal-UE. L-istudju jinkludi l-vjeġġi ta’ skart li jkun fih radjunuklidi naturali u l-applikazzjoni ta’ livelli ta’ approvazzjoni, bl-għan li jiġu identifikati azzjonijiet speċifiċi meħtieġa għat-titjib tat-trasport fil-livell tal-UE u fil-livell nazzjonali, biex tissaħħaħ it-trasparenza u biex tiżdied il-fiduċja pubblika.

    Il-Kummissjoni se ssegwi mill-qrib l-implimentazzjoni tad-Direttiva u tal-miżuri identifikati biex tiżgura r-rappurtar fil-ħin għar-rappurtar li jmiss għall-perjodu 2015-2017 (ir-rapporti tal-Istati Membri sal-25 ta’ Diċembru 2017) f’kollaborazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri tal-UE.

    (1)

         Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/117/EURATOM tal-20 ta’ Novembru 2006 dwar is-superviżjoni u l-kontroll ta’ vjeġġi ta’ skart radjuattiv u ta’ kombustibbli nukleari eżawrit, ĠU L 337, 5.12.2006, pp. 21 – 32.

    (2)      Id-Direttiva tal-Kunsill 2011/70/EURATOM tad-19 ta’ Lulju 2011 li tistabbilixxi qafas Komunitarju għall-ġestjoni responsabbli u sikura ta’ fjuwil użat u skart radjuattiv, ĠU L 199, 2.8.2011, pp. 48 – 56.
    (3)      Rapport tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar il-progress fl-implimentazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2011/70/Euratom u inventarju tal-iskart radjuattiv u tal-fjuwil użat preżenti fit-territorju tal-Komunità u l-prospetti futuri, COM(2017)236 final, 15.5.2017.
    (4)      Il-Belġju, il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, l-Ungerija, in-Netherlands, ir-Rumanija, Spanja, l-Iżvezja, is-Slovenja, is-Slovakkja u r-Renju Unit (il-Litwanja u l-Italja għalqu r-reatturi tal-enerġija tagħhom).
    (5)      L-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, id-Danimarka, il-Greċja, l-Ungerija, l-Italja, il-Latvja, in-Netherlands, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, Spanja, l-Iżvezja, is-Slovenja, u r-Renju Unit.
    (6)      Il-Kroazja ssieħbet mal-UE fl-1 ta’ Lulju 2013.
    (7)      Id-Danimarka, il-Litwanja u r-Rumanija.
    (8)      Fi żmien 6 xhur: il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, il-Greċja, l-Estonja, il-Finlandja, il-Latvja, il-Lussemburgu, il-Polonja, il-Portugall, is-Slovenja, is-Slovakkja, l-Iżvezja, ir-Renju Unit; fi żmien 6-12-il xahar: l-Awstrija, il-Belġju, il-Kroazja, Ċipru, Franza, il-Ġermanja, l-Ungerija, l-Irlanda, Malta, In-Netherlands u Spanja; aktar tard minn sena: l-Italja.
    (9)      Il-Kumitat Konsultattiv ġie stabbilit fl-2007 kif meħtieġ mill-Artikolu 21 tad-Direttiva.
    (10)

         COM(2013) 240 final, Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar l-implimentazzjoni mill-Istati Membri tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/117 EURATOM dwar is-superviżjoni u l-kontroll ta’ vjeġġi ta’ skart radjuattiv u ta’ fjuwil użat, 25.4.2014 u SWD (2013) 150 final.

    (11)      Il-Konvenzjoni Konġunta daħlet fis-seħħ fit-18 ta’ Ġunju 2001. Tapplika għall-fjuwil użat u l-iskart radjuattiv li jirriżultaw mir-reatturi u l-applikazzjonijiet nukleari ċivili u għall-fjuwil użat u l-iskart radjuattiv mill-programmi militari jew tad-difiża jekk u meta t-tali materjali jiġu ttrasferiti b’mod permanenti lejn programmi ċivili jew ġestiti fil-qafas tagħhom biss, jew meta jiġu ddikjarati bħala fjuwil użat jew skart radjuattiv għall-iskop tal-Konvenzjoni minn Parti Kontraenti. Il-Konvenzjoni tapplika wkoll għar-rilaxxi ppjanati u kkontrollati ta’ materjali radjuattivi likwidi jew gassużi fl-ambjent mill-faċilitajiet nukleari rregolati.
    (12)      Mis-26 ta’ Settembru 2016 kien hemm 73 Parti Kontraenti għal din il-Konvenzjoni (http://www.iaea.org/Publications/Documents/Conventions/jointconv_status.pdf).
    (13)      Id-Direttiva tal-Kunsill 2013/59/EURATOM tal-5 ta’ Diċembru 2013 li tistabbilixxi standards bażiċi ta’ sikurezza għal protezzjoni kontra l-perikli li jirriżultaw minn esponiment għal radjazzjoni jonizzanti, u li tħassar id-Direttivi 89/618/Euratom, 90/641/Euratom, 96/29/Euratom, 97/43/Euratom u 2003/122/Euratom, ĠU L 13, 17.1.2014, pp. 1-73.
    (14)

         Id-Direttiva tal-Kunsill 2003/122/EURATOM tat-22 ta’ Diċembru 2003 dwar il-kontroll ta’ sorsi radjuattivi siġillati ta’ attività għolja, ĠU L 346, 31.12.2003, pp. 57-64.

    (15)      Id-definizzjoni ta’ “prattika” fl-Artikolu 4(65) hija din li ġejja: “attività tal-bniedem li tista’ żżid l-esponiment ta’ individwi għar-radjazzjoni minn sors ta’ radjazzjoni u tkun ġestita bħala sitwazzjoni ta’ esponiment ippjanat”.
    (16)

         Id-Direttiva tal-Kunsill 96/29/EURATOM tat-13 ta’ Mejju 1996 li tistabbilixxi standards bażiċi ta’ sigurtà għall-ħarsien tas-saħħa tal-ħaddiema u l-pubbliku ġenerali kontra l-perikli li jiġu minn radjazzjoni jonizzanti, ĠU L 159, 29.6.1996, pp. 1 – 114.

    (17)

         Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta’ Diċembru 2008 dwar il-kriterji għall-esportazzjoni ta’ skart radjoattiv u fjuwil użat lejn pajjiżi terzi (notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 7570) (2008/956/EURATOM).

    (18)

         “detentur” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li, qabel ma twettaq vjeġġ ta’ skart radjuattiv jew ta’ kombustibbli eżawrit tkun responsabbli taħt il-liġi nazzjonali applikabbli
    għal tali materjali u li tippjana li twettaq vjeġġ lil
    kunsinnatarju.

    (19)

         Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta’ Marzu 2008 li tistabbilixxi d-dokument standard għas-sorveljanza u l-kontroll tal-ġarr ta’ skart radjoattiv u fjuwil użat imsemmija fid-Direttiva tal-Kunsill 2006/117/EURATOM (notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 793), (2008/312/EURATOM), ĠU L 107, 17.4.2008, pp. 32 – 59.

    (20)      L-Artikolu 5(13) tad-Direttiva 2006/117/EURATOM jiddefinixxi “awtoritajiet kompetenti” bħala “kwalunkwe awtorità li, taħt il-liġi jew ir-regolamenti tal-pajjiżi ta’ oriġini, ta’ tranżitu jew ta’ destinazzjoni, ikollhom is-setgħa li jimplimentaw is-sistema ta’ superviżjoni u ta’ kontroll ta’ vjeġġi ta’ skart radjuattiv jew ta’ kombustibbli eżawrit”.
    (21)

         Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta’ Lulju 2009 għal sistema sigura u effettiva ta’ trażmissjoni ta’ dokumenti u informazzjoni relatata mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/117/EURATOM, ĠU L 177, 8.7.2009, pp. 5 – 6.

    (22)      Għalkemm id-Direttiva ma tiddefinixxix it-terminu “approvazzjoni” u tirreferi biss b’mod ċar għal “awtorizzazzjoni” tal-Istat Membru ta’ oriġini, “kunsens” u “rifjut” tal-Istati Membri ta’ tranżitu u ta’ destinazzjoni, ir-rapporti nazzjonali mill-Istati Membri mhux dejjem jagħmlu d-differenza bejn l-awtorizzazzjonijiet u l-kunsensi. Għalhekk, għall-finijiet ta’ dan ir-rapport tal-Kummissjoni, it-terminu “approvazzjoni” jinkludi “awtorizzazzjonijiet” u “kunsensi”.
    (23)

         Skont l-Artikolu 9, mhux aktar tard minn xahrejn mid-data tal-konferma tar-riċevuta l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kollha kkonċernati għandhom jinnotifikaw lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ oriġini bil-kunsens tagħhom jew bil-kondizzjonijiet li huma jikkunsidraw meħtieġa sabiex jagħtu l-kunsens tagħhom, jew bir-rifjut tagħhom li jagħtu l-kunsens.

    (24)      Il-Belġju, il-Ġermanja, Franza, l-Iżvezja u r-Renju Unit.
    (25)      L-Awstrija, il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, il-Ġermanja, Franza, l-Ungerija, l-Italja, il-Polonja, ir-Rumanija, l-Iżvezja u r-Renju Unit.
    (26)      Ara l-Artikolu 1(5) tad-Direttiva 2006/117/EURATOM.
    (27)

         Id-Direttiva 2006/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2006 dwar l-immaniġġjar ta’ skart mill-industriji ta’ estrazzjoni u li temenda d-Direttiva 2004/35/KE, ĠU L 102, 11.4.2006, pp. 15-33.

    (28)

         “skart radjuattiv” tfisser materjal radjuattiv f’forma gassuża, likwida jew solida li għalih ma jkunx previst użu ulterjuri mill-pajjiżi ta’ oriġini u ta’ destinazzjoni, jew minn persuna fiżika jew ġuridika li d-deċiżjoni tagħha tkun aċċettata minn dawn il-pajjiżi, u li jkun kontrollat bħala skart radjuattiv minn korp regolatorju taħt il-qafas leġiżlattiv u regolatorju tal-pajjiżi ta’ oriġini u ta’ destinazzjoni (l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2006/117/EURATOM).

    (29)      Review of the Current Situation Regarding Transport of Radioactive Material in EU Member States.
    Top