This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52018AR5736
Opinion of the Committee of the Regions — A Clean Planet for all — A European strategic long-term vision for a prosperous, modern, competitive and climate neutral economy
Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni – Pjaneta Nadifa għal kulħadd — Viżjoni strateġika Ewropea fit-tul għal ekonomija għanja, moderna, kompetittiva u newtrali għall-klima
Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni – Pjaneta Nadifa għal kulħadd — Viżjoni strateġika Ewropea fit-tul għal ekonomija għanja, moderna, kompetittiva u newtrali għall-klima
COR 2018/05736
ĠU C 404, 29.11.2019, p. 58–64
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
29.11.2019 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 404/58 |
Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni – Pjaneta Nadifa għal kulħadd — Viżjoni strateġika Ewropea fit-tul għal ekonomija għanja, moderna, kompetittiva u newtrali għall-klima
(2019/C 404/11)
Relatur |
: |
Michele EMILIANO (IT/PSE), President tar-Reġjun tal-Puglia. |
Dokument ta’ referenza |
: |
Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Bank Ewropew tal-Investiment: Pjaneta Nadifa għall-kulħadd — Viżjoni strateġika Ewropea fit-tul għal ekonomija għanja, moderna, kompetittiva u newtrali għall-klima COM(2018) 773 final |
RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA
IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI
Implimentazzjoni tal-istrateġija fit-tul għall-2050
1. |
jilqa’ l-Komunikazzjoni dwar “Pjaneta nadifa għal kulħadd” u jappoġġja l-għan li tintlaħaq newtralità fl-emissjonijiet ta’ gass b’effett ta’ serra (emissjonijiet netti żero), u jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tiżviluppa pjan direzzjonali aktar ambizzjuż u li jista’ jintlaħaq billi tadotta miżuri li jillimitaw it-tisħin globali għal 1,5 °C meta mqabbel mal-livelli preindustrijali, filwaqt li tipprijoritizza l-aktar xenarji ambizzjużi; barra minn hekk, jitlob lill-Kummissjoni tivvaluta l-impatt ta’ diversi xenarji fuq l-aspetti klimatiċi, tas-saħħa, ambjentali, ekonomiċi u soċjali, u jistedinha tipproponi qafas regolatorju komprensiv korrispondenti bbażat fuq din l-evalwazzjoni u f’konformità mal-istrateġija għall-implimentazzjoni tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU (SDGs); f’dan il-kuntest jilqa’ bi pjaċir ukoll il-ħidma li għaddejja fil-livell tal-UE dwar id-dokument ta’ riflessjoni dwar ‘Lejn Ewropa sostenibbli’ inkluż fil-Kumitat tar-Reġjuni, dwar kif l-awtoritajiet lokali u reġjonali jistgħu jiġu involuti fil-proċessi ta’ trasformazzjoni essenzjali; |
2. |
jissottolinja l-ħtieġa li jsir investiment fl-edukazzjoni u fis-sensibilizzazzjoni dwar kwistjonijiet dwar il-klima fost iċ-ċittadini b’mod ġenerali u li jiffukaw b’mod partikolari fuq iż-żgħażagħ, li huma dejjem aktar imħassbin dwar dak li jqisu bħala progress kajman wisq biex tiġi indirizzata din l-isfida; jenfasizza li l-awtoritajiet lokali u reġjonali, f’kooperazzjoni mal-istituzzjonijiet edukattivi u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, għandhom rwol importanti x’jaqdu fit-trawwim ta’ dan l-involviment, u fir-rispons għall-aspettattivi taż-żgħażagħ; |
3. |
itenni t-talba tiegħu lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni Ewropea biex jistabbilixxu pjattaforma permanenti f’diversi livelli għad-djalogu dwar l-enerġija kif iddefinit fir-Regolament dwar il-governanza tal-unjoni tal-enerġija, li jinkludi wkoll l-aspetti klimatiċi u ambjentali, biex jiġu appoġġjati r-reġjuni u l-awtoritajiet lokali, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, in-negozji u partijiet oħrajn interessati fit-tranżizzjoni tal-enerġija (1); jiddikjara f’dan il-kuntest ir-rieda tiegħu li jistabbilixxi, jekk jintalab mill-Kummissjoni Ewropea, struttura għal skambji tekniċi dwar l-implimentazzjoni tal-Pakkett dwar l-Enerġija Nadifa fil-livell lokali jew reġjonali; |
4. |
ifakkar ir-rwol kruċjali tar-reġjuni u tal-awtoritajiet lokali, fl-implimentazzjoni tal-politiki pubbliċi dwar il-klima u l-enerġija u fil-promozzjoni tal-bidliet fl-imġiba meħtieġa għall-implimentazzjoni effettiva tagħhom, u billi jiżguraw li ċ-ċittadini kollha jaċċettaw dawn il-bidliet, fuq il-bażi ta’ strateġija definita ta’ dekarbonizzazzjoni, bil-għan li jinkiseb l-objettiv li ma jkun hemm l-ebda emissjonijiet, f’dan ir-rigward, jenfasizza l-inizjattivi meħuda mill-Patt tas-Sindki għall-Klima u l-Enerġija u jistieden lill-Kummissjoni tkompli tippromovih u tappoġġja inizjattivi simili biex issaħħaħ l-azzjoni lokali u tistabbilixxi mekkaniżmu ta’ konsultazzjoni permanenti bbażat fuq id-djalogu ta’ Talanoa (2); |
5. |
jiġbed l-attenzjoni għall-appoġġ għal inizjattivi bħall-Patt tas-Sindki għall-Klima u l-Enerġija. Permezz ta’ relazzjoni diretta bejn l-awtoritajiet lokali u l-Kummissjoni, il-patt jippermetti l-iżvilupp minn isfel għal fuq ta’ pjan speċifiku, abbażi tal-Pjani ta’ Azzjoni għall-Enerġija Sostenibbli u l-Klima fl-UE, lejn pjan ta’ ġestjoni territorjali integrat għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, f’koordinazzjoni wkoll ma’ partijiet interessati lokali oħra involuti fil-Pjani Nazzjonali Integrati dwar l-Enerġija u l-Klima (NECPs) u fl-appoġġ tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli; |
6. |
jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-NECPs u l-istrateġiji nazzjonali fit-tul jiġu armonizzati mal-Ftehim ta’ Pariġi, l-istrateġija 2050 u l-SDGs; iqis li huwa essenzjali li dawn jiġu żviluppati permezz ta’ djalogu f’diversi livelli u permezz ta’ metodu parteċipattiv u għandhom ikunu bbażati fuq prattika tajba eżistenti fil-livell reġjonali u lokali; jissuġġerixxi wkoll li jitnaqqas iż-żmien previst għar-reviżjoni kull tant żmien ta’ dawn il-pjani u li jiġi pprovdut qafas istituzzjonali għas-sistema ta’ kontributi determinati fil-livell lokali (LDC) biex tgħaqqadha mas-sistema tal-kontributi stabbiliti fil-livell nazzjonali (NDCs); |
7. |
jistieden lill-Kummissjoni tqis b’mod attiv il-vulnerabbiltà partikolari ta’ ċerti territorji bħar-reġjuni ultraperiferiċi u taċ-ċittadini fil-proċess ta’ tranżizzjoni lejn Ewropa newtrali fir-rigward tal-klima, sabiex jiġi evitat li l-proċess ta’ tranżizzjoni jiġi rrifjutat; jitlob ukoll li jiġi stabbilit Osservatorju Ewropew dwar in-newtralità fir-rigward tal-klima biex jikkontribwixxi biex jintlaħqu l-obbligi ta’ rapportar nazzjonali skont il-governanza tal-Unjoni tal-Enerġija, u biex jgħin fl-immappjar u l-monitoraġġ ta’ dawk il-vulnerabbiltajiet, flimkien mat-tiġdid ta’ verifika tal-kompetenzi tal-UE fil-kuntest tal-Panorama ta’ Ħiliet tal-UE. Dawn il-miżuri, maħsubin biex tinkiseb Ewropa newtrali fir-rigward tal-klima, iridu jqisu l-ħtiġijiet tal-kompetenzi reġjonali u lokali: jiġifieri sabiex l-iżvilupp tal-politiki ta’ sostenibbiltà jiġi allinjat mat-tkabbir tal-kompetenzi għal impjiegi ta’ kwalità għolja u validi għall-futur fir-reġjuni l-iktar vulnerabbli u sabiex jiġi faċilitat skambju effettiv ta’ prattiki tajba bejn dawn ir-reġjuni, anke abbażi ta’ indikaturi komposti attwali u eventwali oħrajn li jistgħu jiġu identifikati; |
8. |
jiġbed l-attenzjoni għall-karatteristiċi differenti tal-klima, l-ambjent, il-pajsaġġ, il-mobbiltà u l-istruttura ekonomika u soċjali tar-reġjuni Ewropej, filwaqt li jenfasizza l-importanza li l-implimentazzjoni tal-istrateġija tiġi mfassla skont il-karatteristiċi ġeografiċi, ġeopolitiċi u ekonomiċi, u b’hekk li jingħelbu l-fruntieri amministrattivi; |
9. |
jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat approċċ olistiku li jinkludi strumenti u strateġiji fil-politiki ġenerali tal-UE dwar l-SDGs, il-koeżjoni u l-ekonomija ċirkolari, iżda wkoll azzjonijiet speċifiċi bħall-politika dwar l-enerġija, il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih u t-tranżizzjoni tar-reġjuni tal-faħam; |
In-newtralità klimatika tas-sistema tal-enerġija
10. |
filwaqt li jirrikonoxxi r-rwol ewlieni tar-reġjuni u l-awtoritajiet lokali fl-implimentazzjoni parteċipattiva tal-politiki dwar l-enerġija u l-klima, jirrikonoxxi r-rwol eżemplari tal-awtoritajiet pubbliċi fis-setturi kollha, li jibda mill-ġestjoni tal-partrimonju ta’ bini pubbliku u kumpaniji mmexxija mis-settur pubbliku; jenfasizza, f’dan ir-rigward, l-importanza ta’ pjani għat-titjib tal-effiċjenza enerġetika tal-bini pubbliku, flimkien mal-implimentazzjoni tal-kriterji tal-Akkwist Pubbliku Sostenibbli u tas-sistemi ta’ ġestjoni tal-enerġija u tal-ambjent, f’konformità mal-kriterji ambjentali minimi (3); |
11. |
jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tkompli tippromovi l-effiċjenza enerġetika tal-bini bħala prijorità, biex tnaqqas l-emissjonijiet tal-bini eżistenti u biex tiżgura li s-sussidji pubbliċi u l-istrumenti finanzjarji jippermettu lis-sidien itejbu l-effiċjenza enerġetika tal-bini permezz ta’ interventi ta’ adattament. Barra minn hekk, l-investimenti meħtieġa u l-għajnuna mill-Istat għandhom jiġu kklassifikati bħala spejjeż kapitali sabiex jiġu ffaċilitati l-marġini tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet lokali u reġjonali. Dan jikkontribwixxi b’mod sinifikanti għal żieda tar-rata medja annwali ta’ rinnovazzjoni tal-bini; |
12. |
ifakkar fl-importanza li ċ-ċittadini vulnerabbli jiġu protetti mill-faqar enerġetiku u li jiġi żgurat aċċess ugwali għaċ-ċittadini Ewropej kollha għal servizzi ta’ enerġija bażiċi; |
13. |
jistieden lill-Kummissjoni tippromovi approċċ ċirkolari fil-fażi tat-tfassil, il-bini u l-ġestjoni ta’ bini ġdid, li jeħtieġ li jkun sostenibbli jew jinkludi l-effiċjenza enerġetika u l-użu ta’ sorsi rinnovabbli, skont l-eżempju tal-inizjattiva Level(s) (4). Mill-perspettiva taċ-ċiklu tal-ħajja, iridu jiġu stabbiliti standards ta’ prestazzjoni tal-klima u ambjentali fir-rigward ta’ materjali tal-bini u l-prattiki ta’ kostruzzjoni u rigward id-dokumentazzjoni tal-materjali użati, u dan jesiġi investiment kontinwu fl-istandardizzazzjoni, fir-rekwiżiti tal-ekodisinn, fid-dikjarazzjonijiet ambjentali dwar il-prodotti u fis-sistemi ta’ informazzjoni dwar l-analiżi taċ-ċiklu tal-ħajja; |
14. |
jemmen bil-qawwa li l-mira ta’ 32 % tal-enerġija rinnovabbli fil-livell tal-UE għandha tiġi kkunsidrata mill-ġdid b’mod ulterjuri fil-futur fid-dawl tal-iżviluppi teknoloġiċi bl-għan li tilħaq 40 % sal-2030 u tinkiseb newtralità klimatika sal-2050, u li, fi kwalunkwe każ, ir-reġjuni Ewropej li kapaċi jaqbżu dan il-limitu għandhom jiġu inċentivati u appoġġjati b’mod adegwat; |
15. |
jilqa’ l-istabbiliment formali ta’ komunitajiet tal-enerġija lokali fil-Pakkett dwar l-Enerġija Nadifa (5) u jistieden lill-Istati Membri jisfruttaw il-potenzjal tagħhom (6), filwaqt li jenfasizza l-ħtieġa li jiġu stabbiliti skemi ta’ appoġġ finanzjarju mmirati, fejn tingħata prijorità lit-territorji li jsofru minn ostakli bħal dawk b’sistemi elettriċi iżolati u mhux konnessi man-netwerks Ewropej il-kbar. Fil-livell lokali u reġjonali, il-kumpaniji tal-enerġija pubbliċi u privati huma muturi importanti tat-tranżizzjoni tal-enerġija; |
16. |
jenfasizza l-importanza li titrawwem id-dekarbonizzazzjoni u li jinkiseb l-objettiv ta’ “emissjonijiet żero” u li l-Istati Membri jintalbu jistabbilixxu, flimkien mar-reġjuni, pjani direzzjonali speċifiċi għall-konverżjoni mill-ġdid tal-impjanti u l-infrastrutturi li jużaw karburanti fossili u tal-impjanti tal-enerġija nukleari, u b’hekk jinċentivaw l-użu ta’ sorsi rinnovabbli (bħall-idroġenu) u teknoloġiji biex jiddekarbonizzaw is-settur Ewropew tal-gass, u abbażi tal-BREFs. Jinnota li l-ipprezzar xieraq tal-enerġija fossili skont l-Iskema għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet jew għal finijiet ta’ tassazzjoni huwa prekundizzjoni essenzjali għat-tranżizzjoni lejn enerġija rinnovabbli; għaldaqstant jilqa’ bi pjaċir il-Komunikazzjoni reċenti tal-Kummissjoni Ewropea dwar teħid tad-deċiżjonijiet b’mod aktar effiċjenti u demokratiku b’rabta mal-politiki tal-UE dwar l-enerġija u l-klima, u jemmen li ħafna mis-suġġerimenti f’dan id-dokument, speċjalment fir-rigward tal-element kruċjali tat-tassazzjoni tal-enerġija, huma essenzjali biex jiżguraw rispons koordinat, koerenti u f’waqtu għall-isfidi enormi li qed taffaċċja l-UE; |
L-ippjanar territorjali u n-newtralità klimatika
17. |
ifakkar fir-rwol ċentrali tar-reġjuni u l-awtoritajiet lokali fl-implimentazzjoni ta’ politiki għall-mobilità sostenibbli ta’ persuni u merkanzija, inkluż permezz ta’ ppjanar urban u territorjali mmirat lejn riekwilibriju modali, it-tnaqqis tal-użu ta’ vetturi bil-mutur u t-tnaqqis tal-konsum tal-art; |
18. |
itenni l-ħtieġa li t-trasport isir newtrali mil-lat ta’ klima, li huwa l-uniku settur fejn l-emissjonijiet tas-CO2 għadhom ogħla mil-livelli tal-1990 (7), inkluż billi jiżdied l-appoġġ finanzjarju u tekniku għall-pjattaformi Ewropej, bħal S3P Energy (8); |
19. |
jistieden lill-Kummissjoni tisfrutta l-finanzjament Ewropej biex tħaffef l-introduzzjoni ta’ punti tal-iċċarjġjar għall-vetturi biex jiġi żgurat li l-infrastruttura attwali ma tostakolax l-iżvilupp ta’ mobilità nadifa madwar l-Ewropa sabiex tiġi ssodisfata d-domanda tal-ġejjieni; |
20. |
jenfasizza l-importanza li titħeġġeġ u tiġi ffinanzjata t-tranżizzjoni lejn mezzi ta’ trasport kollettivi, kondiviżi, multimodali u intermodali, inkluż permezz tal-iżvilupp ta’ pjattaformi loġistiċi u pjani ta’ ġestjoni tal-mobilità fil-livell lokali u reġjonali, filwaqt li jitqiesu wkoll il-karatteristiċi speċifiċi ta’ reġjuni b’popolazzjoni skarsament popolati u dawk imbiegħda, ultraperiferiċi u reġjuni gżejjer; |
21. |
jenfasizza l-importanza li l-pjani ta’ mobilità jkunu konformi maż-żieda fil-produzzjoni u d-distribuzzjoni ta’ elettriku ekoloġiku u karburanti rinnovabbli (9), bil-għan li jintlaħaq l-objettiv ta’ emissjonijiet żero mit-traffiku, u jkunu integrati mal-ippjanar urban u territorjali u, fejn rilevanti, mal-Pjani ta’ Azzjoni għall-Enerġija Sostenibbli u l-Klima; jinnota li dawn il-politiki għandhom rwol kruċjali fit-titjib tal-ħajja u l-protezzjoni tas-saħħa taċ-ċittadini; |
22. |
jenfasizza l-ħtieġa li tingħata attenzjoni partikolari lill-miżuri possibbli ta’ dekarbonizzazzjoni fis-sistema tat-trasport, billi jiġi promoss l-użu ta’ sorsi tal-enerġija rinnovabbli u karburanti alternattivi, u b’hekk il-mobilizzazzjoni ta’ infrastrutturi speċifiċi biex tiġi żgurata provvista ekoloġika u diversifikata, speċjalment billi jissaħħu l-operaturi tan-netwerk ta’ distribuzzjoni lokali; |
23. |
jenfasizza l-importanza tal-interazzjonijiet bejn l-użu tal-art, il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-potenzjal ta’ adattament, kif ukoll l-importanza li jiġi indirizzat l-impatt enormi tal-agrikoltura fuq il-klima, billi huma elementi essenzjali ta’ kwalunkwe strateġija mmirata biex tirrikonċilja l-konformità mal-Ftehim ta’ Pariġi u l-għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli ma’ benessri ambjentali, tas-saħħa, ekonomiku u soċjali aħjar; |
24. |
jenfasizza r-rwol tal-komunitajiet tal-gżejjer bħala laboratorji potenzjali għal politiki dwar in-newtralità klimatika u jenfasizza l-ħtieġa għal miżuri ta’ dekarbonizzazzjoni tat-trasport marittimu, filwaqt li jitqiesu t-territorji vulnerabbli li jiddependu ħafna fuq il-kummerċ marittimu; |
In-newtralità klimatika tas-sistema ekonomika
25. |
jenfasizza r-rwol tal-akkwist pubbliku sostenibbli fil-promozzjoni tal-iżvilupp tal-ekonomija ekoloġika u fit-tibdil fl-imġiba, l-importanza li nimxu b’mod rapidu lejn akkwist pubbliku ċirkolari, u l-importanza li jintużaw sistemi ta’ ġestjoni ambjentali fis-settur privat, li jibdew mill-implimentazzjoni sħiħa tal-IED (10) u tal-BREFs għal kull settur ta’ produzzjoni u tas-sistema ta’ ċertifikazzjoni ambjentali EMAS u ISO (11); |
26. |
jenfasizza n-nuqqas ta’ referenza fl-istrateġija għas-settur tal-iskart, għall-ġerarkija Ewropea tal-iskart u għall-prinċipji tal-ekonomija ċirkolari (12) u jipproponi, għalhekk, li jiġu introdotti miżuri għad-definizzjoni rapida ta’ kriterji uniformi għal tmiem l-istadju tal-iskart, bil-għan li jitnaqqsu l-operazzjonijiet ta’ rimi, jiġi promoss l-irkupru u l-minimizzazzjoni tal-emissjonijiet ta’ sustanzi niġġiesa minn proċessi industrijali relatati; jenfasizza li l-iskart għandu jiġi minimizzat ukoll permezz ta’ rekwiżiti tal-ekodisinn tal-prodotti fir-rigward tal-kontenut ta’ sustanzi kimiċi u r-riċiklabbiltà, kif ukoll permezz ta’ investimenti fis-separazzjoni tal-iskart u l-irkupru ta’ materja prima u tal-enerġija; |
27. |
ifakkar fl-importanza li tingħata attenzjoni speċjali lir-reġjuni fejn jinsabu industriji li jużaw ħafna enerġija kif ukoll infrastrutturi tal-enerġija, sabiex tiġi żgurata tranżizzjoni rapida, kif ukoll il-ġestjoni ġusta u inklużiva tagħha, billi jiġu limitati jew ikkumpensati l-impatti soċjali u ambjentali, u jenfasizza l-importanza li jiġi ggarantit li l-awtoritajiet lokali u reġjonali, kif ukoll iċ-ċittadini u l-NGOs ikkonċernati, is-settur tan-negozju, l-universitajiet u l-istituti ta’ riċerka jkunu involuti fid-definizzjoni ta’ miżuri ta’ kumpens għall-impatti negattivi potenzjali tat-tranżizzjoni tal-enerġija; |
28. |
jinnota l-ħtieġa li tiġi żgurata distribuzzjoni ġusta tal-ispejjeż ambjentali u tal-benefiċċji għas-saħħa, ambjentali, ekonomiċi u soċjali għaċ-ċittadini affettwati mill-post fejn jinsabu l-infrastrutturi tal-enerġija u mit-tibdil li huwa meħtieġ fit-tranżizzjoni. B’mod partikolari, jenfasizza l-importanza li jiġu involuti l-awtoritajiet lokali u reġjonali fir-reġjuni li jgħaddu minnhom flussi kbar ta’ enerġija, flimkien mal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, fl-istabbiliment tal-kriterji biex jitqassmu l-ispejjeż u l-benefiċċji ambjentali filwaqt li jiġi żgurat sehem ġust mid-dħul iġġenerat favur iċ-ċittadini l-aktar milqutin; jenfasizza wkoll li l-politiki kollha tal-UE, inkluż il-politika kummerċjali tal-UE ma’ imsieħba mhux mill-UE, jeħtieġ li jiġu allinjati mal-għan ta’ newtralità klimatika; |
Strateġiji ta’ assorbiment u ta’ kumpens għall-emissjonijiet
29. |
jilqa’ b’sodisfazzjon l-aġġornament tal-Istrateġija tal-UE dwar il-Bijoekonomija (13), li tappoġġja l-iżvilupp ta’ sistemi ta’ produzzjoni li jippermettu t-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra; |
30. |
ifakkar fir-rwol kruċjali taż-żoni ekoloġiċi urbani u rurali fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, billi huma sistemi ekoloġiċi li jaġixxu bħala ekwivalenti naturali ta’ bjar tal-karbonju, b’mod partikolari fir-reġjuni l-aktar vulnerabbli, inklużi r-reġjuni ultraperiferiċi u l-gżejjer; sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet, ifakkar fl-importanza tat-titjib tal-ġestjoni tal-ħamrija organika, ir-restawr tal-artijiet tal-pit, l-artijiet mistagħdra, kif ukoll is-sistemi agronomiċi kollha u l-qbid tal-emissjonijiet; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu promossi u appoġġjati l-protezzjoni u l-ġestjoni tajba tal-patrimonju tal-foresti, kif ukoll l-integrazzjoni sħiħa tal-politiki agrikoli u tal-forestrija ma’ dawk tal-ġestjoni tar-riskju idroġeoloġiku u klimatiku; |
31. |
jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tinvolvi lir-reġjuni u l-awtoritajiet lokali fl-implimentazzjoni tar-Regolamenti dwar il-Kondiviżjoni tal-Isforzi (ESR) u dwar l-inklużjoni tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra u l-assorbimenti mill-użu tal-art, it-tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija (LULUCF) (14), filwaqt li tistabbilixxi miri għat-tnaqqis tal-emissjonijiet għall-2030 u tistabbilixxi inizjattivi realistiċi biex dawn jinkisbu; |
32. |
jenfasizza l-kompetenzi tal-bliet u r-reġjuni fil-ġbir tad-data meħtieġa biex jitwettaq l-inventarju tal-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra fis-setturi koperti mil-LULUCF u mill-ESR (ir-Regolament dwar il-Kondiviżjoni tal-Isforzi), u jirrakkomanda li l-Istati Membri u l-Kummissjoni jappoġġjawhom biex jippromovu l-kapaċitajiet tagħhom (15); |
33. |
jenfasizza l-ħtieġa li jiġu żviluppati aktar it-tekniki u t-teknoloġiji kollha li għandhom l-għan li jirkupraw kompletament il-massa u l-enerġija fis-sistemi ta’ produzzjoni u l-forom kollha ta’ kumpens ambjentali tal-emissjonijiet li ma jinħażnux, inkluż id-dijossidu tal-karbonju, li se jeħtieġ jiġu kkumpensati b’sistemi ekoloġiċi naturali u, jekk ma teżisti l-ebda possibilità oħra, jintużaw tekniki ta’ ġbir u ħżin tad-dijossidu tal-karbonju (CCS); jenfasizza, madankollu, li tali teknoloġiji għad iridu jagħtu prova tal-effettività u s-sigurtà tagħhom, u li, għalhekk, l-ewwel prijorità trid tkun li jiġu evitati l-emissjonijiet; |
Finanzjament tan-newtralità klimatika
34. |
ifakkar fl-importanza li tiġi żgurata kopertura finanzjarja suffiċjenti sabiex tinkiseb ekonomija b’żero emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra, filwaqt li jiżdied il-perċentwal tal-PDG investit kull sena fis-sistema tal-enerġija u l-infrastruttura tagħha, u jilqa’ l-Pjan ta’ Azzjoni għall-Finanzjament tat-Tkabbir Sostenibbli ppubblikat mill-Kummissjoni fl-2018 (16); |
35. |
itenni l-ħtieġa li l-mira tal-infiq tal-baġit tal-UE għall-klima tiżdied għal mill-inqas 30 % billi jiġu implimentati bis-sħiħ l-impenji li saru skont il-Ftehim ta’ Pariġi, inkluż il-finanzjament iddedikat fuq perjodu ta’ żmien twil mill-gvernijiet nazzjonali (17); |
36. |
jissottolinja li, minħabba l-konsegwenzi soċjali importanti li huma mistennija mit-tranżizzjoni lejn ekonomija b’żero emissjonijiet ta’ gass b’effett ta’ serra, se jkun meħtieġ li jiġi previst fond għal tranżizzjoni ġusta li jkollu l-għan li jappoġġja lir-reġjuni jew lis-setturi tas-soċjetà fejn se jinħassu l-aktar l-effetti fuq perjodu qasir ta’ żmien tal-bidla mill-fjuwils fossili; |
37. |
ifakkar li huma meħtieġa riżorsi finanzjarji sinifikanti biex jiġu żviluppati soluzzjonijiet innovattivi inklużi sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u biex jiġu integrati fis-suq: iqis li huwa importanti li jiġi stabbilit approċċ integrat u komuni fost l-awtoritajiet fil-livelli kollha sabiex jiġu konnessi s-sorsi differenti ta’ finanzjament u jinkiseb effett multiplikatur, filwaqt li tiżdied is-sensibilizzazzjoni dwar l-eżistenza ta’ strumenti differenti u tittejjeb l-aċċessibbiltà ġenerali għalihom; jenfasizza wkoll il-ħtieġa li jiġi rivedut il-qafas leġislattiv tal-UE dwar l-enerġija rinnovabbli u l-għajnuna mill-Istat sabiex mhux biss ikun ta’ benefiċċju iżda wkoll li jsir sforz lejn l-iżvilupp ta’ teknoloġiji ġodda b’emissjonijiet żero fir-rigward tal-benefiċċji klimatiċi u s-sostenibbiltà. Pereżempju, id-Direttiva dwar it-Tassazzjoni tal-Enerġija u r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għandhom jiġu adattati sabiex jitnaqqsu t-taxxi fuq l-enerġija rinnovabbli, sabiex jagħmluha kompetittiva meta mqabbla mal-enerġija fossili; |
38. |
jirrimarka li l-investimenti għal infrastruttura ambjentalment sostenibbli huma ferm profittabbli fit-tul peress li jistgħu jwasslu għal żieda qawwija kemm fil-PDG kif ukoll fir-rati ta’ impjieg; jinnota, barra minn hekk, li dawn l-investimenti jwasslu għal iffrankar ekonomiku billi jagħmluha possibbli li tiġi kkunsmata inqas enerġija u jitnaqqsu l-importazzjonijiet tal-karburanti fossili; |
39. |
itenni l-importanza li jiġu stabbiliti regoli sempliċi, ċari u uniformi għall-akkwist pubbliku u għall-proċeduri legali biex jitħeġġeġ l-investiment (18), u jilqa’ b’sodisfazzjon l-ambizzjoni tal-Kummissjoni li tissemplifika r-regoli għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2021-2027 u li tgħaqqad f’regolament wieħed ir-Regolament għall-FEŻR u tal-Fond ta’ Koeżjoni (19); |
40. |
ifakkar fl-importanza li jkun hemm newtralità klimatika, sostenibbiltà ambjentali u adattament għat-tibdil fil-klima bħala komponenti trasversali fil-fondi u l-programmi ta’ finanzjament kollha li għandhom jinkludu miri favur ekonomija newtrali f’termini ta’ klima li għandhom jintlaħqu permezz tad-definizzjoni ta’ indikaturi speċifiċi, u jilqa’ b’sodisfazzjon l-inizjattiva favur l-Ekoloġizzazzjoni tas-Semestru Ewropew (20) li titlob aktar sforzi f’dan ir-rigward; f’dan il-kuntest, jissuġġerixxi wkoll li fi ħdan il-qafas għar-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija tal-Kummissjoni jiġu inklużi indikaturi relatati mal-klima; |
41. |
jissuġġerixxi li l-valutazzjonijiet ta’ impatt exante tal-proposti leġislattivi tal-UE jkunu akkumpanjati minn valutazzjoni tal-impatt klimatiku u tal-kontribut tagħhom sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-Ftehim ta’ Pariġi (21); jitlob, barra minn hekk, li titwettaq valutazzjoni tal-impatt xierqa tal-fondi Ewropej għas-setturi u r-reġjuni milquta mit-tranżizzjoni tal-enerġija biex jiġi żgurat li dawn jappoġġjaw il-proċess b’mod effettiv; |
42. |
jenfasizza l-importanza ta’ rati għoljin ta’ kofinanzjament tal-UE, sabiex jiġi garantit l-aċċess anke għall-awtoritajiet lokali żgħar u dawk reġjonali, filwaqt li jenfasizza l-ħtieġa li jiġu definiti metodoloġiji u indikaturi speċifiċi li jqisu l-objettivi ta’ ekonomija newtrali f’termini ta’ klima għall-valutazzjoni ta’ proġetti li għandhom jiġu ffinanzjati; |
43. |
jenfasizza r-rwol tas-settur tal-assigurazzjoni biex ilaħħaq mat-telfien u mal-ħsara ta’ proprjetà sabiex tissaħħaħ ir-reżiljenza lokali; |
44. |
jilqa’ b’sodisfazzjon ir-referenza għall-iffrankar mistenni fis-settur tas-saħħa bħala konsegwenza tal-politiki dwar il-klima u l-ambjent, u jistieden lill-Kummissjoni tesplora aktar il-possibbiltà li jiġi kkwantifikat dan l-iffrankar billi jiġu identifikati indikaturi speċifiċi bl-involviment ukoll tad-WHO (22); f’dan ir-rigward jiġbed l-attenzjoni dwar l-esperjenza ta’ struttura bħal dik tan-netwerk tal-bliet b’saħħithom tal-WHO (WHO Healthy Cities Network) u jitlob li jsiru aktar sforzi biex jinħolqu sinerġiji bejn tali inizjattivi u dawk iffokati fuq it-tranżizzjoni enerġetika u t-tibdil fil-klima fil-bliet; |
45. |
jaqbel mal-objettivi tal-Pjan ta’ Azzjoni dwar Finanzi Sostenibbli biex jiġu appoġġjati t-tkabbir sostenibbli u x-xewqa li s-settur finanzjarju u l-investituri privati jkunu jistgħu jagħtu sehemhom biex jintlaħqu miri ambizzjużi u komuni dwar il-klima u s-sostenibbiltà ambjentali; jirrikonoxxi li l-mobilizzazzjoni tal-kapital privat jirrikjedi ppjanar fit-tul u stabbiltà regolatorja fil-livell tal-UE u nazzjonali, iżda wkoll fil-livell lokali u reġjonali; |
46. |
jenfasizza l-importanza li jkun hemm qafas sod ta’ finanzjament għar-riċerka u fil-qasam tat-teknoloġija mmirata lejn in-newtralità klimatika, u jilqa’ b’sodisfazzjon l-istabbiliment tal-Fond għall-Innovazzjoni, li jitlob approvazzjoni rapida tar-regolament ta’ implimentazzjoni (23), li jistabbilixxi “żoni ħielsa ta’ għarfien”, fejn isir tnaqqis importanti fit-taxxi; |
47. |
jirrimarka li huwa importanti li r-reġjuni u l-awtoritajiet lokali jkollhom qafas integrat koerenti u maniġġabbli tal-obbligi u l-aqwa tekniki disponibbli permezz ta’ portal li jippreżenta l-BAT (l-aqwa tekniki disponibbli) għal kull settur, il-proġetti H2020 u l-inizjattivi tal-Patt tas-Sindki. |
Żamma ta’ kuntatti ma’ impenji internazzjonali u leġislazzjoni eżistenti
48. |
jilqa’ l-għan ambizzjuż tal-UE li tippromovi l-adozzjoni ta’ politiki u azzjonijiet fil-livell globali biex treġġa’ lura l-perkors tal-emissjonijiet mhux sostenibbli attwali u jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri biex jinvolvu b’mod stabbli, dejjiemi u koerenti lir-reġjuni u lill-awtoritajiet lokali fl-implimentazzjoni tal-Aġenda Globali għall-Iżvilupp Sostenibbli u s-17-il Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli (24) relatati; kif ukoll il-Ftehim ta’ Pariġi, inkluż permezz tal-inklużjoni tal-KtR fil-ħidma preparatorja tal-COP25, sabiex jiġi żgurat li l-pożizzjoni tal-UE fin-negozjati tkun appoġġjata mil-livelli kollha ta’ gvern; |
49. |
jappella biex rappreżentant tal-KtR jingħata r-rwol ta’ osservatur fil-ħidma preparatorja kollha tal-korpi tal-UNFCCC sabiex jiġi żgurat li l-ħtiġijiet tal-awtoritajiet lokali u tar-reġjuni u l-potenzjal tagħhom li jikkontribwixxu b’miżuri konkreti jitqiesu kif dovut u jikkontribwixxu għall-evalwazzjoni miftuħa, inklużiva u trasparenti tal-ħidma kollettiva mwettqa fi ħdan il-baġit globali. |
Brussell, is-27 ta’ Ġunju 2019.
Il-President
tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni
Karl-Heinz LAMBERTZ
(1) Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni dwar “Il-governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u l-enerġija nadifa” (2017/C 342/13), https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX%3A52017AR0830.
(2) https://unfccc.int/topics/2018-talanoa-dialogue-platform.
(3) Komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea COM(2008) 397 — Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Konsum u l-Produzzjoni Sostenibbli u l-Politika Industrijali Sostenibbli, COM(2008) 400 — Akkwist pubbliku għal ambjent aħjar u COM(2015) 614 — L-għeluq taċ-ċirku — Pjan ta’ azzjoni tal-UE għal ekonomija ċirkolari adottati mill-Kunsill tal-Ministri tal-Unjoni Ewropea.
(4) http://ec.europa.eu/environment/eussd/buildings.htm
(5) https://ec.europa.eu/energy/en/topics/energy-strategy-and-energy-union/clean-energy-all-europeans
(6) Mudelli ta’ sjieda tal-enerġija lokali u r-rwol tal-komunitajiet tal-enerġija lokali fit-tranżizzjoni enerġetika fl-Ewropa (CDR 2515/2018), https://cor.europa.eu/EN/our-work/Pages/OpinionTimeline.aspx?opId=CDR-2515-2018
(7) Il-promozzjoni ta’ soluzzjonijiet ta’ mobilità bla xkiel (CDR 3560/2017), https://cor.europa.eu/mt/our-work/Pages/OpinionTimeline.aspx?opId=CDR-3560-2017
(8) https://e3p.jrc.ec.europa.eu/articles/smart-specialisation-platform-energy-s3p-energy
(9) It-twettiq ta’ mobilità b’emissjonijiet baxxi (CDR 6151/2017), https://cor.europa.eu/mt/our-work/Pages/OpinionTimeline.aspx?opId=CDR-6151-2017
(10) Id-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 dwar l-emissjonijiet industrijali (il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis) (ĠU L 334, 17.12.2010, p. 17) https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX:32010L0075
(11) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/1505 tat-28 ta' Awwissu 2017 li jemenda l-Annessi I, II u III tar-Regolament (KE) Nru 1221/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-parteċipazzjoni volontarja ta' organizzazzjonijiet fi skema Komunitarja ta' ġestjoni u verifika ambjentali (EMAS) (ĠU L 222, 29.8.2017, p. 1) — https://www.iso.org/home.html
(12) Id-Direttiva (UE) 2018/851 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 li temenda d-Direttiva 2008/98/KE dwar l-iskart (ĠU L 150, 14.6.2018, p. 141), id -Direttiva (UE) 2018/850 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 1999/31/KE dwar ir-rimi ta’ skart f’landfills (ĠU L 150, 14.6.2018, p. 100) u Direttiva (UE) 2018/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 li temenda d-Direttivi 2000/53/KE dwar vetturi li m’għadhomx jintużaw, 2006/66/KE dwar batteriji u akkumulaturi u skart ta’ batteriji u ta’ akkumulaturi, u 2012/19/UE dwar skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku (ĠU L 150, 14.6.2018, p. 93).
(13) Bijoekonomija sostenibbli għall-Ewropa: it-tisħiħ tal-konnessjoni bejn l-ekonomija, is-soċjetà u l-ambjent (2018)
(14) Ir-Regolament (UE) 2018/842 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 dwar it-tnaqqis annwali vinkolanti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill-Istati Membri mill-2021 sal-2030 li jikkontribwixxi għall-azzjoni klimatika biex jiġu onorati l-impenji li saru fil-Ftehim ta’ Pariġi, u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 525/2013 (ĠU L 156, 19.6.2018, p. 26) — id-Deċiżjoni Nru 406/2009/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 23 ta’ April 2009 dwar l-isforz tal-Istati Membri biex inaqqsu l-emissjonijiet tagħhom tal-gassijiet serra biex jonoraw l-impenji tal-Komunità għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra sal-2020 (ĠU L 140, 5.6.2009, p. 136), https://unfccc.int/topics/land-use/workstreams/land-use–land-use-change-and-forestry-lulucf
(15) L-Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Proposti leġislattivi għal Regolament dwar il-Kondiviżjoni tal-Isforzi u r-Regolament dwar il-LULUCF (ĠU C 272, 17.8.2017, p. 36), https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX%3A52016AR5780
(16) Komunikazzjoni tal-Kummissjoni COM(2018) 97 final – Pjan ta’ Azzjoni: Il-Finanzjament tat-Tkabbir Sostenibbli.
(17) Il-programm InvestEU (CoR 2018/03766), relatur: Konstantinos Agorastos (EL/PPE).
(18) Id-Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-għoti ta’ kuntratti ta’ konċessjoni (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 1), id-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 65) u d-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali u li tħassar id-Direttiva 2004/17/KE (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 243).
(19) Il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond ta’ Koeżjoni, relatur: Michiel Rijsberman (NL/ALDE).
(20) http://ec.europa.eu/environment/integration/green_semester/index_en.htm
(21) L-Opinjoni dwar Il-finanzjament tal-azzjoni klimatika: għodda essenzjali għall-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Pariġi, COR2108/2017, https://cor.europa.eu/MT/our-work/Pages/OpinionTimeline.aspx?opId=CDR-2108-2017
(22) https://www.who.int/publications/guidelines/en/
(23) Proposta għal Regolament Delegat tal-Kummissjoni tas-26 ta’ Frar 2019 dwar l-operat tal-Fond għall-Innovazzjoni (C(2019)1492 final).
(24) L-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli = SDGs.