EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017PC0826

Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 dwar appoġġ għal riformi strutturali fi Stati Membri

COM/2017/0826 final - 2017/0336 (COD)

Brussell, 6.12.2017

COM(2017) 826 final

2017/0336(COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 dwar appoġġ għal riformi strutturali fi Stati Membri


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u għanijiet tal-proposta

Politiki nazzjonali xierqa huma essenzjali għall-funzjonament bla xkiel ta’ Unjoni Ekonomika u Monetarja iktar integrata. Peress li ħafna oqsma ta’ politika importanti li huma deċiżivi jibqgħu primarjament f’idejn l-Istati Membri, il-koordinazzjoni u s-sekwenzar ta’ riformi huma essenzjali biex l-effikaċja tagħhom tiġi mmassimizzata, mhux biss fil-livell nazzjonali, iżda wkoll f’dak tal-UE.

Taħt il-Qafas Finanzjarju Pluriennali ta’ wara l-2020, il-Kummissjoni beħsiebha tipproponi għodda ġdida ta’ twettiq ta’ riforma għall-Istati Membri li jimpenjaw irwieħhom għar-riformi diskussi fil-livell tal-UE u maqbula f’hekk imsejħa “impenji ta’ riforma”. Din ikollha allokazzjoni baġitarja proprja tagħha, apparti l-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej, li jżommu s-sett ta’ regoli u kundizzjonalitajiet proprji tagħhom.

Is-Semestru Ewropew jenħtieġ li jibqa’ l-mezz ewlieni għal passi ulterjuri lejn konverġenza iktar b’saħħitha u koordinazzjoni iktar effettiva ta’ tali politiki. Din l-għodda ġdida jenħtieġ li tiġi stabbilita bil-għan li tappoġġa Stati Membri fl-implimentazzjoni ta’ riformi strutturali identifikati fil-proċess tas-Semestru Ewropew, u tiżgura s-sjieda tal-Istati Membri ta’ dawn ir-riformi.

Din l-għodda ġdida ta’ twettiq ta’ riforma tkun tfittex li tappoġġa firxa wiesgħa ta’ riformi. Il-fokus jenħtieġ li jkun fuq dawk ir-riformi li jistgħu jikkontribwixxu l-iktar għar-reżiljenza tal-ekonomiji domestiċi u jkollhom riperkussjonijiet pożittivi fuq Stati Membri oħra. Dawn jinkludu riformi fis-swieq tal-prodotti u tax-xogħol, fir-riformi tat-taxxa, fl-iżvilupp ta’ swieq kapitali, fir-riformi biex jitjieb l-ambjent tax-xogħol kif ukoll fl-investiment fil-kapital uman u fir-riformi fl-amministrazzjoni pubblika.

Il-Kummissjoni beħsiebha tittestja il-karatteristiċi ewlenin ta’ din l-għodda ta’ twettiq ta’ riforma f’fażi pilota għall-perjodu 2018-2020, billi toffri l-possibbiltà lill-Istati Membri li jużaw ir-riżerva ta’ prestazzjoni kollha, jew parti minnha, fil-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (SIE) attwali biex jappoġġaw riformi minflok proġetti speċifiċi. Għal dan l-għan, il-Kummissjoni tipproponi emendi għar-Regolament (UE) 1303/2013 (ir-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni) kif jixraq.

Ta’ min jiftakar li r-rabta bejn il-prioritajiet tas-Semestru Ewropew u l-baġit tal-Unjoni diġà ġiet stabbilita għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020, notevolment bl-introduzzjoni ta’ kundizzjonalitajiet ex-ante u makroekonomiċi għall-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej.

Skont il-proposta tal-lum, tali rabta hija msaħħa iktar billi tippermetti lill-Istati Membri li jużaw ir-riżerva tal-prestazzjoni kollha, jew parti minnha, stipulata fl-Artikoli 20 sa 22 tar-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni biex il-politika ta’ koeżjoni tappoġġa riformi strutturali.

Ir-riformi li għandhom jiġu appoġġati jkunu identifikati f’pakketti pluriennali ta’ impenji ta’ riforma ppreżentati u mmonitorjati permezz tal-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma. L-impenji ta’ riforma jkunu definiti mill-Istati Membri infushom u jkunu jinkludu sett ta’ miżuri ta’ riformi bi stadji u miri ċari.

Imbagħad il-Kummissjoni taddotta deċiżjoni, permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni, li tistipula dawn l-impenji ta’ riforma u l-ammont allokat mir-riżerva ta’ prestazzjoni biex jiġu appoġġati. Dan l-ammont ikun bi proporzjon man-natura u l-importanza tar-riforma. Il-monitoraġġ u r-rappurtar tal-implimentazzjoni tal-istadji differenti tagħha jkunu parti mis-Semestru Ewropew. Programmi Nazzjonali ta’ Riforma jkunu s-sors ta’ informazzjoni dwar il-progress u jenħtieġ li jipprovdu informazzjoni dwar passi lejn it-tlestija tar-riformi.

Ir-Rapporti tal-Pajjiżi annwali prodotti mis-servizzi tal-Kummissjoni bħala parti mis-Semestru Ewropew jipprovdu valutazzjoni aġġornata tal-progress tar-riforma, li abbażi tagħha l-Kummissjoni tiddeċiedi li tagħti l-appoġġ taħt din l-għodda. L-appoġġ jitħallas bis-sħiħ ġaladarba l-Istat Membru jkun implimenta l-impenn għal riforma kompletament.

Konsistenza ma’ dispożizzjonijiet ta’ politika eżistenti fil-qasam ta' politika

Il-proposta hi konsistenti mal-qafas legali ġenerali stabbilit għall-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej u hi limitata għal emenda mmirata tar-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni.

Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

Il-proposta hi limitata għal emenda mmirata tar-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni u żżomm konsistenza ma’ politiki oħrajn tal-Unjoni. L-istrument ġdid ta’ appoġġ strutturali jkun kumplimentari għall-appoġġ tekniku volontarju pprovdut mill-Programm ta’ Appoġġ għal Riformi Strutturali (PARS). L-impenji ta’ riforma jistgħu wkoll jinkludu oqsma li l-Kummissjoni titlob għalihom appoġġ tekniku mill-PARS. Talb għal tali appoġġ tekniku jibqa’ volontarju.

2.    BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

   Il-bażi ġuridika

Ir-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni jiddefinixxi r-regoli komuni applikabbli għall-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej. Abbażi tal-prinċipju ta’ ġestjoni kondiviża bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri, dan ir-Regolament jinkludi dispożizzjonijiet għall-proċess ta’ programmazzjoni kif ukoll arranġamenti għall-ġestjoni tal-programmi (inkluża dik finanzjarja), il-monitoraġġ, il-kontroll finanzjarju u l-evalwazzjoni ta’ proġetti.

Il-proposta toħloq għażla għall-Istati Membri li jallokaw ir-riżerva tal-prestazzjoni msemmija fl-Artikoli 20 sa 22 għal appoġġ ta’ riforma strutturali abbażi ta’ impenji ta’ riforma, u tiddefinixxi l-mekkaniżmi biex jiġu implimentati impenji ta’ riforma.

   Sussidjarjetà (għal kompetenza mhux esklużiva)

Il-proposta tikkonforma mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà sal-punt li tipprovdi appoġġ kontinwu ikbar permezz tal-politika ta’ koeżjoni lil ċerti Stati Membri li jagħżlu li jużaw ir-riżerva ta’ prestazzjoni għal appoġġ ta’ riforma strutturali. Dan il-mekkaniżmu jeħtieġ li jiġi stabbilit f’livell Ewropew.

   Il-proporzjonalità

Il-proposta hija bidla limitata u mmirata li ma tmurx lil hinn minn dak li hu neċessarju sabiex jintlaħaq l-objettiv li jingħata appoġġ lil riformi fl-Istati Membri.

   L-għażla tal-istrument

L-istrument li qed jiġi propost: emenda tar-regolament attwali.

Il-Kummissjoni eżaminat il-marġini kollha ta’ manuvra stipulati mill-qafas legali u tqis li hu neċessarju, fid-dawl tal-esperjenza, li tipproponi emendi għar-Regolament (UE) 1303/2013.

3.    IR-RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX-POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

   L-evalwazzjonijiet ex-post / kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Ma kien hemm l-ebda valutazzjoni ex-post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti.

   Il-konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Ma kienx hemm konsultazzjoni ma’ partijiet ikkonċernati esterni

   Ġbir u użu tal-kompetenzi

L-użu ta’ kompetenzi esterni ma kienx meħtieġ.

   Il-valutazzjoni tal-impatt

   Mhux applikabbli

   L-idoneità regolatorja u s-simplifikazzjoni

Din mhijiex inizjattiva fi ħdan il-Programm dwar l-Idoneità u l-Prestazzjoni tar-Regolamentazzjoni (REFIT).

   Id-drittijiet fundamentali

Il-proposta ma għandhiex konsegwenzi għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali.

4.    IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Il-proposta mhu se jkollha l-ebda impatt fuq l-approprjazzjonijiet ta’ impenn, billi mhi qed tiġi proposta l-ebda bidla fl-ammonti massimi tal-finanzjament mill-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej previsti fil-programmi operazzjonali għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020. Għandu jiġi nnutat li l-modifika proposta ma timplika l-ebda tibdil fil-limiti massimi annwali tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali għal impenji u pagamenti, li huma stabbiliti fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1311/2013.

5.    ELEMENTI OĦRAJN

   Il-pjanijiet tal-implimentazzjoni u l-arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rappurtar

Mhux applikabbli. Is-sistemi ta’ konsenja eżistenti għall-ġestjoni diretta tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej jistgħu jintużaw biex jimmonitorjaw l-implimentazzjoni ta’ din il-proposta.

   Id-dokumenti ta’ spjegazzjoni (għad-Direttivi)

Mhux applikabbli

   Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

L-Artikolu 1 se jiġi modifikat biex jispjega li r-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni jkopri wkoll ir-riformi strutturali identifikati fil-proċess tas-Semestru Ewropew. It-terminu “riforma strutturali” huwa kkjarifikat f’definizzjoni ddedikata inkluża fl-Artikolu 2.

L-Artikolu 4(7) huwa modifikat biex jikkjarifika li l-appoġġ għal riforma strutturali mhux se jaqa’ taħt ġestjoni kondiviża, iżda taħt ġestjoni diretta (finanzjament mhux relatat mal-kost kif stipulat fl-Artikolu 121(1)(e) tar-Regolament Finanzjarju rivedut), u ma jirrikjedix kofinanzjament nazzjonali.

Fl-Artikolu 15, żdied punt ġdid biex jispjega li l-ftehimiet ta’ sħubija jeħtieġu wkoll li jikkontjenu informazzjoni dwar ir-riallokazzjoni tar-riżerva ta’ prestazzjoni għall-appoġġ ta’ riforma strutturali.

Huwa proposta li l-Artikolu 22 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 jkun modifikat biex jippermetti lill-Istati Membri jallokaw ir-riżerva ta’ prestazzjoni kollha, jew parti minnha, lil wieħed minn dawn li ġejjin:

a.    lil programmi u prioritajiet li laħqu l-istadji tagħhom skont il-paragrafi 2 sa 7 skont il-qafas ta’ prestazzjoni eżistenti,

b.    lill-appoġġ ta’ riformi strutturali

Il-modalitajiet biex jintalab appoġġ ta’ riformi strutturali huma inklużi fil-paragrafu 8 ġdid fl-Artikolu 22.

Huwa propost mekkaniżmu ġdid ta’ finanzjament għall-appoġġ għal riformi strutturali fil-forma ta’ finanzjament mhux relatat mal-kost fl-Artikolu 23a ta’ dan ir-Regolament. Huwa fih ir-regoli għall-istabbiliment ta’ impenji ta’ riforma u l-kundizzjonijiet ta’ żborż għall-appoġġ lil Stati Membri ġaladarba l-impenji ta’ riformi miftiehma jintlaħqu.

L-emenda għall-Artikolu 91 tikkjarifika li r-riżerva ta’ prestazzjoni sħiħa jew parti minnha li hija inkluża fl-ammonti globali għall-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), il-Fond Soċjali Ewropew (FSE) u l-Fond ta’ Koeżjoni jistgħu jiġu allokati biex jappoġġaw riformi strutturali kif imsemmija fl-Artikolu 23a.

2017/0336 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 dwar appoġġ għal riformi strutturali fi Stati Membri

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikulari t-tielet paragrafu tal-Artikolu 175 u l-Artikolu 177 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkonsultaw il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 1 ,

Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni 2 ,

Waqt li jaġixxu skont il-proċedura ordinarja leġiżlattiva,

Billi:

(1)Peress li l-governanza ekonomika tal-Unjoni tikkontribwixxi għall-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, jenħtieġ li jkun possibbli li jiġu appoġġati impenji ta’ riformi assunti minn Stati Membri biex jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill rilevanti jew biex jimmassimizzaw l-impatt tat-tkabbir u tal-kompetittività tal-fondi tal-politika ta’ koeżjoni bħala forma speċifika ta’ appoġġ implimentat f’ġestjoni diretta.

(2)Sabiex jiġu faċilitati riformi mwettqa mill-Istati Membri fil-kuntest tal-proċess ta’ governanza ekonomika, huwa meħtieġ li tinfetaħ il-possibbiltà biex tiġi allokata r-riżerva ta’ prestazzjoni, bis-sħiħ jew parzjalment, stipulata fl-Artikolu 20 tar-Regolament (UE) 1303/2013 3 biex tappoġġa impenji ta’ riformi assunti mill-Istati Membri.

(3)    Kwalunkwe riallokazzjoni mir-riżerva ta’ prestazzjoni jenħtieġ li tkun soġġetta għat-twettiq tal-impenji fir-rigward tal-implimentazzjoni ta’ riformi identifikati fil-proċess tas-Semestru Ewropew. Jenħtieġ li tingħata prijorità lill-implimentazzjoni ta’ riformi strutturali li huma mistennija jikkontribwixxu l-iktar għar-reżiljenza tal-ekonomiji domestiċi u jkollhom riperkussjonijiet pożittivi fuq Stati Membri oħra. Dawn jinkludu riformi fis-swieq tal-prodotti u tax-xogħol, fir-riformi tat-taxxa, fl-iżvilupp ta’ swieq kapitali, fir-riformi biex jitjieb l-ambjent tax-xogħol kif ukoll fl-investiment fil-kapital uman u fir-riformi fl-amministrazzjoni pubblika. 

(4)Jixraq li l-Istati Membri jipproponu sett dettaljat ta’ miżuri għall-implimentazzjoni tar-riformi strutturali li jenħtieġ li jkun fihom stadji u miri u skeda ta’ mhux iktar minn tliet snin.

(5)Appoġġ għal impenji ta’ riforma jenħtieġ li jieħu l-forma ta’ finanzjament mhux relatat mal-kost imsemmi fl-Artikolu 121(1)(e) tar-Regolament (UE) … [Regolament Finanzjarju rivedut] taħt ġestjoni diretta. L-ammont allokat għall-implimentazzjoni tar-riformi strutturali jenħtieġ li jkun proporzjonat man-natura u l-importanza tar-riforma u jenħtieġ li jikkumplementa l-appoġġ eżistenti tal-Unjoni għal riformi nazzjonali.

(6)Il-proċedura għall-istabbiliment ta’ tali impenji, il-kontenut tagħhom u d-dispożizzjonijiet applikabbli għal din il-forma speċifika ta’ appoġġ jenħtieġ li tkun definita.

(7)Sabiex jippermetti l-applikazzjoni pronta ta’ dawn il-miżuri ppreveduti f’dan ir-Regolament, ir-Regolament jenħtieġ li jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(8)Għaldaqstant, ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 jenħtieġ li jkun emendat skont dan,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 huwa emendat kif ġej:

1.    Fl-Artikolu 1 l-ewwel paragrafu huwa mibdul b’dan li ġej:

“Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli komuni applikabbli għall-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), il-Fond Soċjali Ewropew (FSE), il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS), li joperaw fl-ambitu ta’ qafas komuni (‘il-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej’ - ‘Fondi ESI’). Huwa jistipula wkoll id-dispożizzjonijiet meħtieġa sabiex tiġi żgurata l-effikaċja tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej u l-koordinazzjoni tagħhom ma’ xulxin u ma’ strumenti oħrajn tal-Unjoni, u r-regoli komuni għall-użu tar-riżerva ta’ prestazzjoni biex jiġu appoġġati riformi strutturali identifikati fil-proċess tas-Semestru Ewropew. Ir-regoli komuni li japplikaw għall-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej huma stipulati fit-Tieni Parti. Ir-regoli li japplikaw għall-użu sħiħ jew parzjali tar-riżerva ta’ prestazzjoni biex tappoġġa riformi strutturali huma stipulati fl-Artikolu 23a.”

2.    Fl-Artikolu 2, jiddaħħal punt 40:

“‘riformi strutturali’ tfisser riformi identifikati fil-proċess tas-Semestru Ewropew skont l-Artikolu 2-a tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta’ pożizzjonijiet ta’ budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta’ politika ekonomika.”

3.    Fl-Artikolu 4, paragrafu (7) huwa mibdul b’dan li ġej:

   “7. Il-parti tal-baġit tal-Unjoni allokata għall-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej għandha tiġi implimentata fi ħdan il-qafas ta’ ġestjoni kondiviża bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni, skont l-Artikolu 62 tar-Regolament Finanzjarju, bl-eċċezzjoni tal-ammont ta’ appoġġ mill-Fond ta’ Koeżjoni trasferit lill-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa msemmija fl-Artikolu 92(6) ta’ dan ir-Regolament, l-azzjonijiet innovattivi fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 8 tar-Regolament tal-FEŻR, l-assistenza teknika fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni, l-appoġġ għall-ġestjoni diretta taħt ir-Regolament FEMS u l-użu tar-riżerva ta’ prestazzjoni għall-Fondi biex jappoġġaw riformi strutturali skont l-Artikolu 23a.”

4.    Fl-Artikolu 15, jiżdied punt (viii) mal-paragrafu (1) punt (a):

   “(viii) informazzjoni dwar ir-riallokazzjoni tar-riżerva ta’ prestazzjoni użata skont l-Artikolu 22(1a) punt b),

5.    Fl-Artikolu 20 l-ewwel paragrafu huwa mibdul b’dan li ġej:

   “6 % tar-riżorsi allokati għall-FEŻR, il-FSE u l-Fond ta' Koeżjoni taħt l-għan tal-Investiment għat-Tkabbir u l-Impjiegi msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 89(2) ta’ dan ir-Regolament, kif ukoll għall-FAEŻR u għal miżuri ffinanzjati taħt ġestjoni kondiviża skont ir-Regolament FEMS għandhom jikkostitwixxu riżerva ta’ prestazzjoni li għandha tiġi stabbilita fil-Ftehim ta’ Sħubija u fi programmi u jew għandha tiġi allokata lil prijoritajiet speċifiċi jew inkella, għall-FEŻR, il-FSE u l-Fond ta’ Koeżjoni, tappoġġa riformi strutturali skont l-Artikolu 22 ta’ dan ir-Regolament.”

6.    Fl-Artikolu 22, il-paragrafu (1a) li ġej jiżdied:

“1a. Stat Membru jista’ jiddeċiedi li juża r-riżerva ta’ prestazzjoni sħiħa, jew parti minnha, għal:

(a)programmi u prioritajiet li laħqu l-istadji tagħhom skont il-paragrafi 2 sa 7;

(b)appoġġ għal riformi strutturali, abbażi ta’ impenji ta’ riforma implimentati skont il-paragrafu 8 u l-Artikolu 23a.

   Fl-Artikolu 22, jiżdied il-paragrafu (8) li ġej:

“8. Id-deċiżjoni ta’ Stat Membru biex juża r-riżerva ta’ prestazzjoni sħiħa, jew partijiet minnha sabiex tappoġġa riformi strutturali skont il-paragrafu (1a) għandha tkun akkumpanjata minn proposta ta’ impenji ta’ riforma skont l-Artikolu 23a, u proposta biex tkun riallokata r-riżerva ta’ prestazzjoni sħiħa, jew parti minnha meta titressaq emenda skont l-Artikoli 16(4) u 30(3).”

7.    Jiżdied Artikolu 23a ġdid:

“Appoġġ għal riformi strutturali abbażi ta’ impenji ta’ riforma fil-proċess tas-Semestru Ewropew”

1. Stat Membru li jagħżel allokazzjoni sħiħa jew parzjali tar-riżerva ta’ prestazzjoni skont punt (b) tal-Artikolu 22(1a) għandu jipproponi lill-Kummissjoni sett ta’ miżuri xierqa għall-implimentazzjoni ta’ riformi strutturali skont il-liġi tal-Unjoni. Din il-proposta għandha tinkludi impenji ta’ riforma li għandu jkun fihom stadji u miri għall-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ riforma u skeda li ma għandhiex tkun itwal minn tliet snin.

2. Il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-proposta. Hija tista’ tagħmel osservazzjonijiet jew titlob informazzjoni addizzjonali. L-Istat Membru kkonċernat għandu jipprovdi l-informazzjoni addizzjonali mitluba u jirrevedi l-impenji ta’ riforma jekk jintalab li jagħmel dan.

3. Il-Kummissjoni tadotta deċiżjoni, permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni, li tistipula l-impenji ta’ riforma li għandhom jiġu implimentati mill-Istat Membru u l-ammont allokat mir-riżerva ta’ prestazzjoni biex jiġu appoġġati. Dan l-ammont għandu jkun proporzjonat man-natura u l-importanza tar-riforma u jikkumplementa miżuri oħra jew operazzjonijiet appoġġati minn fondi tal-Unjoni.

4. Appoġġ għal riformi strutturali minn Stati Membri skont dan l-Artikolu għandu jieħu l-forma ta’ finanzjament mhux relatat mal-kost imsemmi fl-Artikolu 121 (1)(e) tar-Regolament Finanzjarju, għandu jkun ġestit b’konformità mar-regoli għal ġestjoni diretta stipulati f’dak ir-Regolament, u ma għandux jeħtieġ kofinanzjament nazzjonali. Il-Kapitlu I tat-Titolu II, u t-Titoli III sa IX tat-Tieni Parti ta’ dan ir-Regolament ma japplikawx.

5. Id-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 3 għandha tistipula li l-appoġġ huwa mħallas bis-sħiħ ġaladarba l-Istat Membru jkun implimenta bis-sħiħa l-impenn ta’ riforma.

6. L-Istat Membru għandu jirrapporta regolarment fil-mekkaniżmi tas-Semestru Ewropew dwar il-progress fil-kisba tal-impenn ta’ riforma. Il-modalitajiet u l-iskeda tar-rappurtar għandhom ikunu stipulati fid-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 4.

8.    Fl-Artikolu 91, jiżdied il-paragrafu li ġej:

“4. Ir-riżerva ta’ prestazzjoni sħiħa, jew parti minnha, li hija inkluża fl-ammonti stipulati fl-Artikoli 91 u 92 tista’ tiġi allokata biex tappoġġa r-riformi strutturali kif imsemmija fl-Artikolu 23a dwar it-talba ta’ Stat Membru skont l-Artikolu 22(8).”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1)    ĠU C, , p. .
(2)    ĠU C , , p. .
(3)    ĠU L 347, 20.12.2013, p.320
Top