Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017PC0628

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni Ewropea fis-sebgħa u tletin laqgħa tal-Kumitat Permanenti tal-Konvenzjoni dwar il-konservazzjoni tal-ħajja ferjali Ewropea u tal-abitati naturali fir-rigward ta’ emenda għall-Appendiċi II tagħha

COM/2017/0628 final - 2017/0277 (NLE)

Brussell, 30.10.2017

COM(2017) 628 final

2017/0277(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni Ewropea fis-sebgħa u tletin laqgħa tal-Kumitat Permanenti tal-Konvenzjoni dwar il-konservazzjoni tal-ħajja ferjali Ewropea u tal-abitati naturali fir-rigward ta’ emenda għall-Appendiċi II tagħha


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.Suġġett tal-proposta

Din il-proposta tikkonċerna d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni, waqt is-sebgħa u tletin laqgħa annwali tal-Kumitat Permanenti għall-Konvenzjoni dwar il-konservazzjoni tal-ħajja ferjali Ewropea u tal-abitati naturali, fi Strasburgu, Franza, bejn il-5 u t-8 ta’ Diċembru 2017, b’rabta mal-adozzjoni prevista ta’ deċiżjoni li tikkonċerna emenda tal-Appendiċi II tal-Konvenzjoni.

2.Kuntest tal-proposta

2.1.Il-Konvenzjoni dwar il-konservazzjoni tal-ħajja ferjali Ewropea u tal-abitati naturali

Il-Konvenzjoni tal-1979 dwar il-konservazzjoni tal-ħajja ferjali Ewropea u tal-abitati naturali (il-Konvenzjoni ta’ Berna) (“il-Ftehim”) għandha bħala għan il-konservazzjoni tal-fawna u l-flora selvaġġa Ewropej u tal-ħabitats naturali tagħhom, speċjalment dawk li l-konservazzjoni tagħhom teħtieġ il-kooperazzjoni ta’ diversi Stati Membri. Hija trattat intergovernattiv, konkluż taħt l-awspiċi tal-Kunsill tal-Ewropa. Il-Ftehim daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Ġunju 1982. Il-Komunità Ewropea ilha Parti Kontraenti għall-Ftehim mill-1 ta’ Settembru 1982 1 . Bħalissa hemm 51 Parti Kontraenti għall-Ftehim, inklużi l-Istati Membri kollha tal-UE.

2.2.Il-Kumitat Permanenti

Il-Kumitat Permanenti huwa l-korp li jieħu d-deċiżjonijiet tal-Konvenzjoni bis-setgħat li jevalwa l-istat ta’ konservazzjoni tal-ispeċijiet u, sussegwentement, li jrrevedi l-elenki tagħhom fl-Appendiċijiet tal-Konvenzjoni. Il-funzjonijiet tiegħu huma enumerati fl-Artikoli 13-15 ta’ dan il-Ftehim. Dan jiltaqa’ mill-anqas darba kull sentejn u kull meta maġġoranza tal-Partijiet Kontraenti hekk titlob. Saret drawwa għall-Kumitat Permanenti li jiltaqa’ kull sena.

Il-mandat għall-pożizzjoni tal-Unjoni fir-rigward tal-emendi tal-appendiċijiet jingħata permezz ta’ Deċiżjoni tal-Kunsill abbażi ta’ proposta mill-Kummissjoni. Il-pożizzjonijiet komuni tal-UE dwar abbozzi ta’ deċiżjonijiet u riżoluzzjonijiet oħra jiġu miftiehma f’laqgħat preliminari tal-grupp ta’ ħidma rilevanti tal-Kunsill inkella f’laqgħat ta’ koordinazzjoni tal-UE fuq il-post.

2.3.L-att previst tal-Kumitat Permanenti

Bejn il-5 u t-8 ta’ Diċembru 2017, is-sebgħa u tletin laqgħa annwali tal-Kumitat Permanenti tal-Ftehim fi Strasburgu, Franza, għandu jadotta deċiżjoni dwar emenda tal-Appendiċi II tal-Ftehim (“l-att previst”).

F’konformità mal-Artikolu 17 tal-Ftehim, emenda għall-Appendiċijiet għandha tiġi adottata b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-Partijiet Kontraenti. Din tidħol fis-seħħ għall-Partijiet kollha tliet xhur wara l-adozzjoni mill-Kumitat Permanenti sakemm terz tal-Partijiet Kontraenti ma jkunux innotifikaw xi oġġezzjonijiet, ħlief għal dawk il-Partijiet li jagħmlu oġġezzjoni (riżerva) waqt il-laqgħa tal-Kumitat Permanenti.

L-għan tal-att previst huwa li jiġi emendat l-Appendiċi II tal-Ftehim, kif previst fl-Artikolu 17 tal-Ftehim.

L-att previst għandu jsir vinkolanti fuq il-Partijiet Kontraenti skont l-Artikolu 6 tal-Ftehim, li jipprevedi li kull Parti Kontraenti għandha tieħu l-miżuri leġiżlattivi u amministrattivi xierqa u meħtieġa sabiex tiżgura l-protezzjoni speċjali tal-ispeċijiet tal-fawna ferjali kif speċifikati fl-Appendiċi II.

3.Pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni

Il-Kumitat Permanenti huwa korp imwaqqaf permezz tal-Ftehim. Is-sebgħa u tletin laqgħa tal-Kumitat Permanenti għall-Ftehim se ssir fi Strasburgu, Franza, mill-5 sat-8 ta’ Diċembru 2017.

Ir-Repubblika tal-Albanija ressqet proposta biex jiġi emendat l-Appendiċi II tal-Ftehim biex jinkludi l-linċi tal-Balkani, Lynx lynx spp. balcanicus, li hija sottospeċi tal-linċi Ewrasjatika Lynx lynx, diġà elenkata fl-Appendiċi III tal-Ftehim (“l-ispeċje ta’ fawna protetti”).

Jenħtieġ li l-Unjoni tappoġġa l-proposta minħabba li hija bbażata fuq ix-xjenza u hija f’konformità mal-impenn tal-Unjoni fil-kooperazzjoni internazzjonali għall-protezzjoni tal-bijodiversità.

Għalhekk jeħtieġ li l-Kunsill jieħu deċiżjoni bil-għan li tkun stabbilita l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni fil-kuntest tas-sebgħa u tletin laqgħa tal-Kumitat Permanenti rigward il-proposta għal emenda.

Il-proposta għal emenda mhux se teħtieġ bdil fil-liġi eżistenti tal-Unjoni.

4.Bażi ġuridika

4.1.Il-bażi ġuridika proċedurali

4.1.1.Prinċipji

L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu “l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’ isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”

Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi atti li jkollhom effetti legali skont ir-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregolaw il-korp inkwistjoni. Jinkludi wkoll strumenti li ma għandhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatur tal-Unjoni 2 .

4.1.2.Applikazzjoni għall-każ preżenti

Il-Kumitat Permanenti huwa korp imwaqqaf permezz tal-Ftehim. Is-sebgħa u tletin laqgħa annwali tal-Kumitat Permanenti għall-Konvenzjoni se ssir fi Strasburgu (Franza) mill-5 sat-8 ta’ Diċembru, 2017.

L-att li l-Kumitat Permanenti huwa mitlub jadotta, jikkostitwixxi att li jkollu effetti legali. L-att previst se jkun vinkolanti skont id-dritt internazzjonali f’konformità mal-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni sabiex tkun żgurata l-protezzjoni speċjali tal-ispeċijiet tal-fawna selvaġġa elenkati fl-Appendiċi II. L-att previst ma jissupplimentax jew jemenda l-qafas istituzzjonali tal-ftehim.

Għalhekk, il-bażi ġuridika proċedurali għad-deċiżjoni proposta, hija l-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

4.2.Bażi ġuridika sostantiva

4.2.1.Prinċipji

Il-bażi ġuridika sostantiva għal deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) TFUE tiddependi primarjament fuq l-objettiv u l-kontenut tal-att previst li fir-rigward tiegħu tiġi adottata pożizzjoni f’isem l-Unjoni. Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew ikollu żewġ komponenti u jekk wieħed minn dawn l-għanijiet jew komponenti jkun identifikabbli bħala l-ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċiment inċidentali, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) TFUE trid tkun imsejsa fuq bażi ġuridika sostantiva waħda, jiġifieri dik rikjesta mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.

4.2.2.Applikazzjoni għall-każ preżenti

L-objettiv ewlieni u l-kontenut tal-att previst jirrigwardaw l-ambjent.

Għalhekk il-bażi ġuridika sostantiva tad-deċiżjoni proposta, hija l-Artikolu 192(1).

4.3.Konklużjoni

Jenħtieġ li l-bażi ġuridika tad-deċiżjoni proposta tkun l-Artikolu 192(1) flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

2017/0277 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni Ewropea fis-sebgħa u tletin laqgħa tal-Kumitat Permanenti tal-Konvenzjoni dwar il-konservazzjoni tal-ħajja ferjali Ewropea u tal-abitati naturali fir-rigward ta’ emenda għall-Appendiċi II tagħha

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 192(1), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Il-Konvenzjoni dwar il-konservazzjoni tal-ħajja ferjali Ewropea u tal-abitati naturali (Il-Konvenzjoni ta’ Berna) (“il-Ftehim”) kienet konkluża mill-Unjoni bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 82/72/KEE 3 u daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Ġunju 1982. Dan il-Ftehim għandu bħala għan il-konservazzjoni tal-ħajja ferjali Ewropea u tal-ħabitats naturali tagħhom, speċjalment dawk li l-konservazzjoni tagħhom teħtieġ il-kooperazzjoni ta’ diversi Stati Membri. Hija trattat intergovernattiv, konkluż taħt l-awspiċi tal-Kunsill tal-Ewropa.

(2)Skont l-Artikolu 17 tal-Ftehim, il-Kumitat Permanenti jista’ jadotta deċiżjoni biex jiġu emendati l-appendiċijiet tal-Ftehim.

(3)Waqt is-sebgħa u tletin laqgħa tiegħu bejn il-5 u t-8 ta’ Diċembru 2017, il-Kumitat Permanenti se jadotta deċiżjoni dwar l-emendar tal-Appendiċi II tal-Ftehim.

(4)Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Permanenti, peress li d-deċiżjoni se tkun vinkolanti għall-Unjoni.

(5)Jenħtieġ li l-Unjoni tappoġġa l-proposta li mal-Appendiċi II tal-Ftehim, tiżdied il-linċi tal-Balkani Lynx lynx spp. balcanicus, sottospeċi tal-linċi Ewrasjatika, Lynx lynx li diġà tinsab fl-Appendiċi III tal-Ftehim, għaliex hija bbażata fuq ix-xjenza, f’konformità mal-impenn tal-Unjoni favur il-kooperazzjoni internazzjonali għall-protezzjoni tal-bijodiversità skont l-Artikolu 5 tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Diversità Bijoloġika u mad-deċiżjonijiet meħuda fil-Konferenza tal-Partijiet skont din il-Konvenzjoni, b’mod partikolari mal-mira globali miftiehma waqt l-Għaxar laqgħa dwar il-prevenzjoni sal-2020 tal-estinzjoni ta’ speċijiet mhedda magħrufin u għat-titjib u ż-żamma tal-istatus ta’ konservazzjoni tagħhom, b’mod partikolari ta’ dawk li l-għadd tagħhom qed jonqos l-aktar.

(6)Il-linċi Ewrasjatika, Lynx lynx hija diġà elenkata fl-Anness II u fl-Anness IV tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/1992 4 , u għalhekk iż-żieda tas-sottospeċi linċi tal-Balkani Lynx lynx spp. balcanicus mal-Appendiċi II tal-Ftehim ma tkun teħtieġ l-ebda bidla fil-liġi tal-Unjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni fis-sebgħa u tletin laqgħa tal-Kumitat Permanenti tal-Konvenzjoni dwar il-konservazzjoni tal-ħajja ferjali Ewropea u tal-abitati naturali, għandha tkun li tappoġġa ż-żieda ta’ Lynx lynx spp. balcanicus mal-Appendiċi II tagħha.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1) ID-DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 82/72/KEE tat-3 ta’ Diċembru 1981 dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni dwar il-konservazzjoni ta’ annimali slavaġ u ambjenti naturali Ewropej, ĠU L 38, 10.2.1982, p. 1.
(2) Il-Kawża C-399/12 Il-Ġermanja vs Il-Kunsill (OIV), ECLI:EU:C:2014:2258, il-paragrafi 61-64.
(3) ĠU L 38, 10.2.1982, p. 1.
(4) Id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU L 206, 22.7.1992, p. 7).
Top