IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 20.9.2017
COM(2017) 539 final
2017/0136(COD)
Emenda tal-proposta pendenti
għal Regolament li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1095/2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 fir-rigward tal-proċeduri u l-awtoritajiet involuti għall-awtorizzazzjoni ta’ CCPs u r-rekwiżiti għar-rikonoxximent ta’ CCPs ta’ pajjiżi terzi (proposta EMIR II tal-Kummissjoni)
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
Fit-13 ta’ Ġunju 2017, il-Kummissjoni ressqet proposta għal Regolament li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1095/2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 fir-rigward tal-proċeduri u l-awtoritajiet involuti għall-awtorizzazzjoni ta’ CCPs u r-rekwiżiti għar-rikonoxximent ta’ CCPs ta’ pajjiżi terzi (il-proposta tal-Kummissjoni EMIR II [COM (2017) 331 final]).
Il-proposta għandha l-għan li tgħammar l-Unjoni tas-Swieq Kapitali b’sistemi ta’ superviżjoni aktar effettivi u konsistenti għas-CCPs, fl-interess ta’ aktar integrazzjoni tas-suq, tal-istabbiltà finanzjarja u ta’ kundizzjonijiet ekwi. Fost affarijiet oħra, il-proposta għandha l-għan li tiżgura kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għas-superviżjoni tas-CCPs u l-banek ċentrali responsabbli għall-valuti tal-Unjoni. Għaldaqstant, huwa propost li jkun stabbilit korp ġdid fl-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) (“Sessjoni Eżekuttiva tas-CCP”) li se jkun responsabbli għall-ġestjoni tal-kompiti relatati mas-CCPs b’mod ġenerali u mas-superviżjoni tas-CCPs tal-Unjoni u ta’ pajjiżi terzi b’mod partikolari. Is-Sessjoni Eżekuttiva tas-CCP għandha tkun magħmula minn membri permanenti u dawk speċifiċi tas-CCP. Il-membri permanenti jinkludu l-Kap tas-Sessjoni Eżekuttiva tas-CCPs u żewġ Diretturi indipendenti, li jaġixxu indipendentement u oġġettivament fl-interess tal-Unjoni kollha kemm hi. Membri speċifiċi għal kull CCP jinkludu rappreżentant tal-awtorità nazzjonali kompetenti tal-Istati Membri fejn huma stabbiliti s-CCPs, nominat f’konformità mar-Regolament (UE) 648/2012, u rappreżentant tal-bank / banek ċentrali ta’ emissjoni rilevanti. Din il-proposta ssaħħaħ ukoll ir-rwol tal-ESMA fil-kulleġġi, billi tipprovdi li l-membri permanenti tas-Sessjoni Eżekuttiva tas-CCP għandhom jipparteċipaw fil-laqgħat tal-kulleġġ għas-CCPs skont ir-Regolament (UE) Nru 648/2012, bil-Kap tas-Sessjoni Eżekuttiva tas-CCP li jippresiedi u jiġġestixxi dawn il-laqgħat.
Dan id-dokument qed jitressaq biex jissupplimenta l-proposta tal-Kummissjoni EMIR II. Huwa jifforma parti minn pakkett ta’ miżuri bl-għan li tissaħħaħ is-superviżjoni tas-swieq finanzjarji tal-UE billi jittejjeb l-operat tas-sistema ta’ Awtoritajiet Superviżorji Ewropej (ASE). Dan id-dokument jipprevedi b’mod speċifiku li jalloka kompitu addizzjonali lis-Sessjoni Eżekuttiva tas-CCP. Din iż-żieda hija meqjusa neċessarja fid-dawl tat-twaqqif effettiv tas-Sessjoni Eżekuttiva tas-CCPs qabel ir-riforma li ġejja tal-ASE.
Fil-punt 7 tal-Proposta tal-Kummissjoni għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1095/2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 fir-rigward tal-proċeduri u l-awtoritajiet involuti għall-awtorizzazzjoni ta’ CCPs u r-rekwiżiti għar-rikonoxximent ta’ CCPs ta’ pajjiżi terzi [COM(2017)331 final], għandu jiddaħħal il-punt (-a) segwenti fil-paragrafu 1 tal-Artikolu 44b:
"(-a)
it-teħid ta’ deċiżjonijiet u azzjonijiet dwar kwistjonijiet tas-CCP fir-rigward tal-Artikoli 17, 19, 29, 29a u 30 ta’ dan ir-Regolament;”.