IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 13.9.2017
COM(2017) 495 final
2017/0228(COD)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
dwar qafas għall-moviment liberu ta’ data mhux personali fl-Unjoni Ewropa
{SWD(2017) 304 final}
{SWD(2017) 305 final}
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Ir-raġunijiet għall-proposta u l-għanijiet tagħha
It-teknoloġiji diġitali ġodda, bħalma huma l-cloud computing, il-big data, l-intelliġenza artifiċjali u l-internet tal-oġġetti (IoT) huma ddiżinjati biex jimmassimizzaw l-effiċjenza, jiffaċilitaw l-ekonomiji ta' skala u jiżviluppaw servizzi ġodda. Joffru benefiċċji għall-utenti, bħalma huma l-aġilità, il-produttività, il-veloċità tal-adozzjoni u l-awtonomija eż, permezz tat-tagħlim awtomatiku.
Kif ġie indikat fil-Komunikazzjoni tal-2017 “Il-Bini ta’ Ekonomija Ewropea tad-Data”, il-valur tas-suq tad-data tal-UE fl-2016 ġie stmat għal kważi EUR 60 biljun, xhieda ta’ tkabbir ta’ 9.5% meta mqabbel mal-2015. Skont studju li sar, is-suq tad-data tal-UE jista’ potenzjalment jammonta għal aktar minn EUR 106 biljun fl-2020.
Biex jiġi sfruttat dan il-potenzjal, il-proposta għandha l-għan li tindirizza l-kwistjonijiet li ġejjin:
·It-titjib tal-mobilità tad-data mhux personali bejn il-fruntieri fis-suq uniku, li bħalissa hija limitata f’ħafna Stati Membri minħabba r-restrizzjonijiet tal-lokalizzazzjoni jew l-inċertezza tad-dritt fis-suq;
·L-iżgurar li s-setgħat tal-awtoritajiet kompetenti biex dawn jitolbu u jingħataw aċċess għad-data għall-finijiet tal-kontroll regolatorju, bħal pereżempju għall-ispezzjoni u għall-awditjar, jibqgħu mhux affettwati; kif ukoll
·Li jsir eħfef għall-utenti professjonali tal-ħżin tad-data jew servizzi oħra tal-ipproċessar li jaqilbu minn fornitur tas-servizzi għal ieħor u li jittrasferixxu d-data tagħhom filwaqt li ma jinħoloqx piż żejjed fuq il-fornituri tas-servizzi jew ikun hemm distorsjoni tas-suq.
L-analiżi ta’ nofs it-terminu tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija dwar is-Suq Uniku Diġitali (l-Istrateġija DSM) ħabbret proposta leġiżlattiva dwar qafas ta’ kooperazzjoni tal-UE għall-moviment liberu tad-data.
L-għan ġenerali tal-politika tal-inizjattiva hu li jinkiseb suq intern aktar kompetittiv u integrat għal servizzi u attivitajiet ta’ ħżin u pproċessar ieħor tad-data billi jiġu indirizzati l-oqsma t’hawn fuq. F’din il-proposta, il-ħżin u pproċessar ieħor tad-data jintużaw f’sens wiesa’, li jinkorporaw l-użu tat-tipi kollha ta’ sistemi tal-IT, jekk dawn ikunux jinsabu fuq il-proprjetà tal-utent inkella esternalizzati għal fornitur ta’ servizzi ta’ ħżin jew tal-ipproċessar ieħor tad-data.
•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti ta' politika fil-qasam ta' politika
Il-proposta ssegwi l-objettivi stabbiliti fl-Istrateġija DSM, l-analiżi riċenti ta' nofs it-terminu tagħha, kif ukoll il-Linji Gwida Politiċi għall-Kummissjoni Ewropea attwali “Bidu Ġdid għall-Ewropa: L-Aġenda Tiegħi għall-Impjiegi, it-Tkabbir, il-Ġustizzja u t-Tibdil Demokratiku”.
Din il-proposta tiffoka fuq l-għoti ta’ servizzi ta’ hosting (ħżin) u pproċessar ieħor tad-data, u hi koerenti mal-istrumenti legali eżistenti. L-inizjattiva ssegwi l-ħolqien ta’ suq uniku effikaċi tal-UE għal dawn is-servizzi. Għalhekk, hi konsistenti mad-Direttiva dwar il-Kummerċ elettroniku li timmira għal suq uniku komprensiv u effikaċi tal-UE għall-kategoriji aktar wiesgħa tas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni, u mad-Direttiva dwar is-Servizzi li tkompli l-approfondiment tas-suq uniku tal-UE għal servizzi f’numru ta’ oqsma.
Numru ta’ oqsma rilevanti huma espliċitament esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni (jiġifieri d-Direttivi dwar il-Kummerċ elettroniku u s-Servizzi), sabiex id-dispożizzjonijiet ġenerali tat-Trattat biss ikunu applikabbli għat-totalità ta’ servizzi ta’ hosting (ħżin) u ta’ pproċessar ieħor tad-data. Madankollu, l-ostakli li jeżistu għal dawn is-servizzi ma jistgħux jitneħħew b’mod effikaċi sempliċiment abbażi tal-applikazzjoni diretta tal-Artikoli 49 u 56 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), peress li minn naħa waħda, l-indirizzar tagħhom fuq bażi ta’ każ b’każ permezz ta’ proċeduri ta’ ksur kontra l-Istati Membri kkonċernati jkun ikkumplikat wisq għall-istituzzjonijiet nazzjonali u tal-Unjoni, u, min-naħa l-oħra, it-tneħħija ta’ ħafna ostakoli teħtieġ regoli speċifiċi li jindirizzaw mhux biss ostakoli pubbliċi iżda anki ostakoli privati u ssejjaħ għall-istabbiliment ta’ kooperazzjoni amministrattiva. Barra minn hekk, it-titjib fiċ-ċertezza tad-dritt li jirriżulta jidher li hu importanti, b’mod partikolari għall-utenti ta’ teknoloġiji ġodda.
Peress li din il-proposta tikkonċerna data elettronika li mhijiex data personali, ma taffettwax il-qafas legali tal-protezzjoni tad-data tal-Unjoni, b’mod partikolari r-Regolament 2016/679 (GDPR), id-Direttiva 2016/680 (Direttiva tal-Pulizija) u d-Direttiva 2002/58/KE (Direttiva dwar il-Privatezza Elettronika), li jiżguraw livell għoli ta’ protezzjoni għad-data personali u għall-moviment liberu ta’ data personali fl-Unjoni. Flimkien ma’ dak il-qafas legali, il-proposta għandha l-għan li tistabbilixxi qafas komprensiv u koerenti tal-UE li jippermetti l-moviment liberu tad-data fis-suq uniku.
Il-proposta ser teħtieġ in-notifika ta’ abbozz ta’ miżuri dwar il-lokalizzazzjoni tad-data skont id-Direttiva dwar it-Trasparenza 2015/1535 li tippermetti valutazzjoni dwar jekk dawn ir-restrizzjonijiet ta’ lokalizzazzjoni humiex ġustifikati.
Rigward il-kooperazzjoni u l-assistenza reċiproka bejn l-awtoritajiet kompetenti, il-proposta tipprevedi li jenħtieġ li japplikaw dawn il-mekkaniżmi kollha. Fejn ma jeżisti l-ebda mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni, il-proposta tintroduċi miżuri mmirati biex jippermettu lill-awtoritajiet kompetenti jiskambjaw u jaċċessaw id-data maħżuna jew ipproċessata mod ieħor fi Stati Membri oħra.
•Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni
Fid-dawl tad-DSM, din l-inizjattiva għandha l-għan li tnaqqas l-ostakoli għal ekonomija kompettitiva fl-Ewropa xprunata mid-data. F’konformità mal-Komunikazzjoni dwar l-Analiżi ta' nofs it-terminu tad-DSM, il-Kummissjoni qed tesplora b’mod separat il-kwistjonijiet tal-aċċessibbiltà u l-użu mill-ġdid ta’ data pubblika u ffinanzjata mill-pubbliku u data miżmuma b’mod privat li hi ta’ interess pubbliku u r-responsabbiltà f’każijiet ta’ ħsara kkawżata minn prodotti sensittivi għad-data.
L-intervent ta’ politika jibni wkoll fuq il-pakkett tal-politika tad-Diġitalizzazzjoni tal-Industrija Ewropea (DEI) li inkluda l-Inizjattiva Ewropea dwar il-Cloud bl-għan li jvara soluzzjoni ta’ cloud b’kapaċità għolja għall-ħżin, il-kondiviżjoni u l-użu mill-ġdid tad-data xjentifika. Barra minn dan, l-inizjattiva tibni fuq ir-reviżjoni tal-Qafas Ewropew għall-Interoperabbiltà, li għandu l-għan li jtejjeb il-kollaborazzjoni diġitali bejn l-amministrazzjonijiet pubbliċi fl-Ewropa u ser jibbenefika direttament mill-moviment liberu tad-data. Hi tikkontribwixxi għall-impenn tal-UE għal Internet miftuħ.
2.IL-BAŻI ĠURIDIKA, IS-SUSSIDJARJETÀ U L-PROPORZJONALITÀ
•Il-bażi ġuridika
Din il-proposta taqa’ fil-qasam tal-kompetenza kondiviża skont l-Artikolu 4(2)(a) tat-TFUE. Hi għandha l-għan li tikseb suq intern aktar kompetittiv u integrat għal servizzi ta’ ħżin u pproċessar ieħor tad-data billi tiżgura l-moviment liberu tad-data fl-Unjoni. Hi tistabbilixxi regoli relatati mar-rekwiżiti ta’ lokalizzazzjoni tad-data, id-disponibbiltà tad-data lill-awtoritajiet kompetenti u t-trasferiment tad-data għal utenti professjonali. Il-proposta hi bbażata fuq l-Artikolu 114 tat-TFUE li hu l-bażi ġuridika ġenerali għall-adozzjoni ta’ dawn ir-regoli.
•Sussidjarjetà
Il-proposta tikkonforma mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). L-għan ta’ din il-proposta hu li tiżgura l-funzjonament tajjeb tas-suq intern għas-servizzi msemmija hawn fuq li mhuwiex limitat għat-territorju ta’ Stat Membru wieħed u l-moviment liberu ta’ data mhux personali fl-Unjoni ma jistax jinkiseb mill-Istati Membri fuq livell nazzjonali, peress li l-problema ewlenija hi l-mobbiltà transfruntiera tad-data.
L-Istati Membri jistgħu jnaqqsu n-numru u l-firxa tar-restrizzjonijiet tal-lokalità tad-data tagħhom stess, iżda aktarx jagħmlu dan sa gradi differenti, u taħt kundizzjonijiet differenti, jew ma jagħmlu xejn.
Madankollu, approċċi diverġenti jwasslu għall-multiplikazzjoni tar-rekwiżiti regolatorji fis-suq uniku tal-UE, u kostijiet addizzjonali tanġibbli għall-impriżi, speċjalment impriżi żgħar u medji (SMEs).
•Il-Proporzjonalità
Il-proposta tikkonforma mal-prinċipju tal-proporzjonalità kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-TUE, għaliex tikkonsisti minn qafas effikaċi li ma jmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jiġu solvuti l-problemi identifikati u hi proporzjonata biex tikseb l-għanijiet tagħha.
Sabiex jitneħħew l-ostakoli għall-moviment liberu tad-data mhux personali fl-Unjoni, limitat bir-rekwiżiti ta’ lokalizzazzjoni u biex titjieb il-fiduċja fil-moviment transfruntiera tad-data kif ukoll f'servizzi ta’ ħżin u pproċessar ieħor tad-data, il-proposta ser tiddependi ħafna fuq l-istrumenti u l-oqfsa eżistenti tal-UE: id-Direttiva dwar it-trasparenza għal notifiki ta’ abbozz ta’ miżuri dwar rekwiżiti ta’ lokalizzazzjoni tad-data, oqfsa differenti li jiżguraw id-disponibbiltà tad-data għal kontroll regolatorju mill-Istati Membri. Il-mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni tal-proposta ser jintuża biex jindirizza kwistjonijiet ta’ disponibbiltà ta’ data għall-awtoritajiet nazzjonali kompetenti biss fin-nuqqas ta’ mekkaniżmi oħra ta’ kooperazzjoni, u meta l-mezzi l-oħra ta’ aċċess ikunu ġew eżawriti.
L-approċċ propost għall-moviment tad-data minn Stat Membru għall-ieħor u bejn il-fornituri ta’ servizzi / fis-sistemi interni tal-IT ifittex bilanċ bejn ir-regolament tal-UE u l-interessi ta’ sigurtà pubblika tal-Istati Membri, kif ukoll bilanċ bejn ir-regolamentazzjoni tal-UE u l-awtoregolamentazzjoni mis-suq.
B’mod partikolari, sabiex ittaffi d-diffikultajiet tal-utenti professjonali biex jeqilbu l-fornituri tas-servizz u jittrasferixxu d-data, l-inizjattiva tħeġġeġ l-awtoregolamentazzjoni permezz ta’ kodiċijiet ta' kondotta dwar l-informazzjoni li għandha tingħata lill-utenti ta’ servizzi ta’ ħżin jew ipproċessar ieħor tad-data, Barra minn hekk, il-modalitajiet tal-bdil u tat-trasferiment jenħtieġ li jiġu indirizzati permezz tal-awtoregolamentazzjoni biex jiġu definiti l-aqwa prattiki.
Il-proposta tfakkar li r-rekwiżiti ta’ sigurtà imposti mil-liġi nazzjonali u tal-Unjoni jenħtieġ li jiġu żgurati wkoll meta l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi jesternalizzaw is-servizzi ta’ ħżin jew ipproċessar ieħor tad-data tagħhom, inkluż fi Stat Membru ieħor. Hi tfakkar ukoll is-setgħat ta' implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni mid-Direttiva dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u tal-Informazzjoni sabiex tindirizza r-rekwiżiti ta’ sigurtà li wkoll jikkontribwixxu għall-funzjonament ta’ dan ir-Regolament. Finalment, anki jekk il-proposta tkun teħtieġ azzjoni min-naħa tal-awtoritajiet pubbliċi tal-Istati Membri minħabba r-rekwiżiti tan-notifika / tar-reviżjoni, ir-rekwiżiti tat-trasparenza u l-kooperazzjoni amministrattiva, il-proposta hi mfassla biex tnaqqas kemm tista’ din l-azzjoni għall-aktar ħtiġijiet ta’ kooperazzjoni importanti u b’hekk tevita piż amministrattiv żejjed.
Permezz tal-istabbiliment ta’ qafas ċar akkumpanjat mill-kooperazzjoni bejn u mal-Istati Membri, kif ukoll permezz tal-awtoregolamentazzjoni, din il-proposta għandha l-għan li ttejjeb iċ-ċertezza tad-dritt u żżid il-livelli ta’ fiduċja, filwaqt li tibqa’ rilevanti u effikaċi fit-tul minħabba l-flessibbiltà tal-qafas ta’ kooperazzjoni, abbażi tal-punti uniċi ta’ kuntatt fl-Istati Membri.
Il-Kummissjoni għandha l-għan li tistabbilixxi grupp ta’ esperti biex jagħtiha pariri dwar kwistjonijiet koperti minn dan ir-Regolament.
•L-għażla tal-istrument
Il-Kummissjoni tressaq proposta għal Regolament li jista’ jiżgura li regoli uniformi għall-moviment liberu tad-data mhux personali jkunu applikabbli madwar l-Unjoni kollha fl-istess waqt. Dan hu partikolarment importanti biex jitneħħew restrizzjonijiet eżistenti u biex l-Istati Membri ma jitħallewx idaħħlu oħrajn ġodda, biex tiġi ggarantita ċ-ċertezza tad-dritt lill-fornituri u lill-utenti tas-servizzi kkonċernati u b’hekk tiżdied il-fiduċja fil-movimenti transfruntiera tad-data kif ukoll f’servizzi ta’ ħżin jew ipproċessar ieħor tad-data.
3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
•Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati
Matul l-ewwel sensiela ta’ ġbir tal-evidenza, fl-2015 saret konsultazzjoni pubblika dwar l-ambjent regolatorju għal pjattaformi, intermedjarji online, data u cloud computing u l-ekonomija kollaborattiva. Żewġ terzi tar-rispondenti – b’distribuzzjoni ugwali fil-gruppi kollha tal-partijiet ikkonċernati, inklużi l-SMEs – sabu li r-restrizzjonijiet fuq il-lokalizzazzjoni tad-data affettwaw l-istrateġija kummerċjali tagħhom. Attivitajiet oħra tal-ġbir tal-informazzjoni kienu jikkonsistu f’laqgħat u avvenimenti, sessjonijiet ta’ ħidma mmirati ma’ partijiet ikkonċernati ewlenin (eż. il-Cloud Select Industry Group) u sessjonijiet ta’ ħidma dedikati fil-kuntest tal-istudji.
It-tieni sensiela ta’ ġbir tal-evidenza, mit-tmiem tal-2016 sat-tieni nofs tal-2017, inkludiet konsultazzjoni pubblika li tnediet fil-kuntest tal-Komunikazzjoni “Nibnu Ekonomija Ewropea tad-Data” fl-10 ta’ Jannar 2017. Skont ir-rispons għall-konsultazzjoni pubblika, 61.9% tal-partijiet ikkonċernati kienu tal-fehma li r-restrizzjonijiet ta’ lokalizzazzjoni tad-data jenħtieġ li jitneħħew. Maġġoranza tal-partijiet ikkonċernati li ħadu sehem (55.3% tar-rispondenti) jemmnu li azzjoni leġiżlattiva hi l-aktar strument xieraq biex jiġu indirizzati restrizzjonijiet ta’ lokalizzazzjoni mhux ġustifikati, fejn numru minnhom appellaw espliċitament għal Regolament. Il-fornituri ta' servizzi tal-IT ta’ kull daqs, stabbiliti kemm ġewwa kif ukoll barra l-UE, juru l-ogħla appoġġ għal azzjoni regolatorja. Il-partijiet ikkonċernati identifikaw ukoll l-impatti negattivi tar-restrizzjonijiet ta’ lokalizzazzjoni tad-data. Minbarra kostijiet ogħla għan-negozju, dawn jaffetwaw l-għoti ta’ servizz lil entitajiet privati jew pubbliċi (69.6% tal-partijiet ikkonċernati parteċipanti kollha rrispondew li identifikaw dan l-impatt bħala “għoli”) jew il-kapaċità li jidħlu f’suq ġdid (73.9% tal-partijiet ikkonċernati rispondenti identifikaw dan l-impatt bħala “għoli”). Il-partijiet ikkonċernati li kienu kollha minn sfondi differenti rrispondew għal dawn il-mistoqsijiet f’perċentwali simili. Il-konsultazzjoni pubblika online wriet ukoll li l-problema fil-bdil tal-fornituri hi mifruxa, hekk kif 56.8% tal-SMEs li wieġbu indikaw li esperjenzaw diffikultajiet meta xtaqu jibdlu.
Il-laqgħat ta’ djalogu strutturat mal-Istati Membri ffaċilitaw fehim komuni tal-isfidi. 16-il Stat Membru espliċitament sejħu għal proposta leġislattiva f’ittra indirizzata lill-President Tusk.
Il-proposta tikkunsidra għadd ta’ punti ta’ tħassib indikati mill-Istati Membri u mill-industrija, b’mod partikolari, il-ħtieġa għal prinċipju universali tal-moviment liberu tad-data li jipprovdi ċertezza tad-dritt; isir progress fuq id-disponibbiltà tad-data għal skopijiet regolatorji; ikun aktar faċli li l-utenti professjonali jeqilbu l-fornituri ta’ servizzi ta’ ħżin jew ipproċessar tad-data u jittrasferixxu d-data billi tiġi mħeġġa aktar trasparenza rigward il-proċeduri u l-kundizzjonijiet applikabbli fil-kuntratti, iżda f’dan l-istadju ma jiġux imposti standards jew obbligazzjonijiet speċifiċi fuq il-fornituri tas-servizzi.
•Il-ġbir u l-użu tal-għarfien espert
Studji legali u ekonomiċi ntużaw għal diversi aspetti tal-mobbiltà tad-data, fosthom ir-rekwiżiti ta’ lokalizzazzjoni tad-data, il-bidla fil-fornituri / trasferiment tad-data u sigurtà tad-data. Ġew ikkommissjonati studji ulterjuri dwar l-impatti tal-cloud computing u l-adozzjoni tal-cloud, kif ukoll dwar is-suq Ewropew tad-data. Saru wkoll studji li eżaminaw azzjonijiet koregolatorji jew awtoregolatorji fil-qasam tal-cloud computing. Il-Kummissjoni bbażat ruħha wkoll fuq sorsi esterni addizzjonali, inkluż analiżijiet tas-suq u l-istatistika(eż. il-Eurostat).
•Valutazzjoni tal-impatt
Għal din il-proposta saret valutazzjoni tal-impatt. Is-sett ta’ għażliet li ġej tqies fil-valutazzjoni tal-impatt: xenarju bażi (l-ebda intervent ta’ politika) u tliet għażliet ta’ politika. L-għażla 1 kienet tikkonsisti f’linji gwida u/jew awtoregolamentazzjoni biex jiġu indirizzati l-problemi differenti identifikati u kienet tinvolvi t-tisħiħ tal-infurzar vis-à-vis kategoriji differenti ta’ restrizzjonijiet ta’ lokalizzazzjoni tad-data mhux ġustifikati jew sproporzjonati imposti mill-Istati Membri. L-għażla 2 tistabbilixxi prinċipji legali li jikkonċernaw il-problemi differenti identifikati u tipprevedi l-ħatra ta’ punti uniċi ta’ kuntatt mill-Istati Membri l-ħolqien ta’ grupp ta’ esperti, biex jiddiskuti approċċi u prattiċi komuni, u jagħti gwida dwar, il-prinċipji introdotti bl-għażla. Is-Subgħażla 2a ġiet ikkunsidrata wkoll biex tippermetti l-valutazzjoni ta’ taħlita ta’ leġiżlazzjoni li tistabbilixxi l-qafas tal-moviment liberu tad-data u l-punti uniċi ta’ kuntatt u grupp espert kif ukoll miżuri awtoregolatorji li jindirizzaw it-trasferiment tad-data. L-għażla 3 kienet tikkonsisti f’inizjattiva leġiżlattiva dettaljata biex jiġu stabbiliti, inter alia, valutazzjonijiet (armonizzati) iddefiniti minn qabel ta’ x’jikkostitwixxi restrizzjonijiet ta’ lokalizzazzjoni tad-data (mhux) ġustifikati u (s)proporzjonati u dritt ġdid għat-trasferiment tad-data.
Fit-28 ta’ Settembru 2016, il-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju ta l-ewwel opinjoni tiegħu dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt u staqsa għas-sottomissjoni mill-ġdid tagħha. Sussegwentement, din ġiet riveduta u sottomessa mill-ġdid lill-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju fil-11 ta’ Awwissu 2017. Fit-tieni opinjoni tiegħu, il-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju nnota t-twessigħ tal-kamp tal-applikazzjoni, wara l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni (2017)9 - Nibnu Ekonomija Ewropea tad-Data, kif ukoll il-materjal addizzjonali dwar il-fehmiet tal-partijiet ikkonċernati u n-nuqqasijiet tal-qafas attwali. Madankollu, fil-25 ta’ Awwissu 2017, il-Bord ħareġ it-tieni opinjoni negattiva, fejn b’mod partikolari nnota n-nuqqas ta’ evidenza bħala appoġġ għal dritt ġdid għall-portabbiltà tas-servizzi tal-cloud. F’konformità mal-prattiki operattivi tiegħu, il-Bord ikkunsidra l-opinjoni tiegħu bħala finali.
Il-Kummissjoni kkunsidrat li hu ħin opportun li tressaq proposta filwaqt li tkompli ttejjeb l-analiżi tal-valutazzjoni tal-impatt tagħha biex tqis b’mod xieraq il-kummenti espressi mill-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju fit-tieni opinjoni tiegħu. Il-kamp tal-applikazzjoni tal-proposta huwa limitat għall-moviment ħieles tad-data mhux personali fl-Unjoni Ewropea. F’konformità mas-sejbiet tal-Bord li l-evidenza tidher li tipponta lejn għażla inqas stretta fir-rigward tat-trasferiment tad-data, ġiet abbandunata l-għażla ppreferuta li fil-bidu tressqet fil-Valutazzjoni tal-Impatt biex ikun hemm obbligazzjoni li l-fornituri jiffaċilitaw il-bdil tal-fornituri jew it-trasferiment tad-data tal-utenti. Minflok, il-Kummissjoni żammet l-għażla l-inqas oneruża, li tikkonsisti f’miżuri awtoregolatorji ffaċilitati mill-Kummissjoni. Il-proposta hi proporzjonata u inqas stretta għaliex ma toħloqx dritt ġdid ta’ trasferiment bejn il-fornituri tal-ħżin jew ipproċessar ieħor tad-data iżda tiddependi fuq l-awtoregolamentazzjoni għat-trasparenza dwar il-kundizzjonijiet tekniċi u operazzjonali marbuta mal-portabbiltà.
Il-proposta qieset ukoll l-opinjoni tal-Bord sabiex tiżgura li ma jkun hemm l-ebda trikkib jew duplikazzjoni bir-reviżjoni tal-mandat tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni (ENISA) u l-ħolqien ta’ qafas Ewropew ta’ ċibersigurtà tal-ICT.
Il-valutazzjoni tal-impatt uriet li l-għażla ppreferuta, is-subgħażla 2a, tiżgura t-tneħħija effikaċi tar-restrizzjonijiet ta’ lokalizzazzjoni mhux ġustifikati eżistenti u effettivament tipprevjeni oħrajn futuri, bħala riżultat ta’ prinċipju legali ċar flimkien mar-reviżjoni, in-notifika u t-trasparenza, filwaqt li fl-istess ħin issaħħaħ iċ-ċertezza tad-dritt u l-fiduċja fis-suq. Il-piż fuq l-awtoritajiet pubbliċi tal-Istati Membri jkun modest, u jwassal għal madwar EUR 33.000 fis-sena f'termini ta’ kost tar-riżorsi umani biex jiġu sostnuti l-punti uniċi ta’ kuntatt kif ukoll kost annwali ta’ bejn EUR 385 u EUR 1925 għat-tħejjija tan-notifiki.
Il-proposta ser ikollha effett pożittiv fuq il-kompetizzjoni għaliex ser tistimula l-innovazzjoni f’servizzi ta’ ħżin jew ipproċessar ieħor tad-data, tiġbed aktar utenti lejhom u tagħmilha ferm aktar faċli, speċjalment għal fornituri ta’ servizzi ġodda u żgħar, biex jidħlu fi swieq ġodda. Il-proposta ser tippromwovi wkoll l-użu transfruntiera u transsettorjali ta’ servizzi ta’ ħżin jew ipproċessar ieħor tad-data u l-iżvilupp tas-suq tad-data. Għalhekk, il-proposta ser tgħin tittrasforma s-soċjetà u l-ekonomija u ser tiftaħ opportunitajiet ġodda għal ċittadini, negozji u amministrazzjonijiet pubbliċi Ewropej.
•Idoneità u simplifikazzjoni regolatorja
Il-proposta tapplika għaċ-ċittadini, għall-amministrazzjonijiet nazzjonali u għall-impriżi kollha, inkluz il-mikrointrapriżi u l-SMEs. L-impriżi kollha jistgħu jibbenefikaw mid-dispożizzjonijiet li jindirizzaw l-ostakli għall-mobbiltà tad-data. B’mod partikolari, l-SMEs ser jibbenefikaw mill-proposta, peress li l-moviment liberu tad-data mhux personali ser inaqqas direttament il-kostijiet tagħhom u ser jiffavorixxi pożizzjoni aktar kompetittiva fis-suq. L-eżenzjoni tal-SMEs mir-regoli tnaqqas l-effikaċja tagħhom, peress li l-SMEs jirrappreżentaw parti importanti tal-fornituri tal-ħżin u pproċessar ieħor tad-data u tal-ixprunaturi tal-innovazzjoni f'dawk is-swieq. Barra minn hekk, peress li l-kostijiet li jirriżultaw mir-regoli aktarx ma jkunux sostanzjali, il-mikrointrapriżi jew l-SMEs m'għandhomx jiġu esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni tagħhom.
•Drittijiet fundamentali
Ir-Regolament propost jirrispetta d-drittijiet u l-prinċipji fundamentali rikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Jenħtieġ li r-Regolament propost iħalli impatt pożittiv fuq il-libertà li jitmexxa negozju (l-Artikolu 16) peress li jikkontribwixxi għall-eliminazzjoni u l-prevenzjoni ta’ ostakli mhux ġustifikati u sproporzjonati għall-użu u l-provvista tas-servizzi tad-data, bħal servizzi ta’ cloud, kif ukoll il-konfigurazzjoni ta’ sistemi interni tal-IT.
4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI
Ser jirriżulta piż amministrattiv moderat għall-awtoritajiet pubbliċi tal-Istati Membri, ikkawżat mill-allokazzjoni ta’ riżorsi umani għall-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri permezz tal-“punti uniċi ta’ kuntatt” u għall-konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ notifika, ta’ reviżjoni u ta’ trasparenza.
5.ELEMENTI OĦRAJN
•Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar
Ħames snin wara li jibdew japplikaw ir-regoli ser isseħħ valutazzjoni komprensiva bl-għan li tiġi vvalutata l-effikaċja u l-prorporzjonalità tagħhom. Din il-valutazzjoni ser issir f’konformità mal-Linji Gwida għal Regolamentazzjoni Aħjar.
B’mod partikolari hi ser ikollha teżamina jekk ir-Regolament ikkontribwixxiex għat-tnaqqis tan-numru u tal-firxa tar-restrizzjonijiet ta’ lokalizzazzjoni tad-data u għat-tisħiħ taċ-ċertezza tad-dritt u tat-trasparenza tar-rekwiżiti (ġustifikati u proporzjonati) li fadal. Il-valutazzjoni ser ikollha teżamina wkoll jekk l-inizjattiva ta’ politika kkontribwixxietx għat-titjib tal-fiduċja fil-moviment liberu ta’ data mhux personali, jekk l-Istati Membri jistgħux ikollhom aċċess raġonevoli għal data maħżuna ’l barra mill-pajjiż għal skopijiet ta’ kontroll regolatorju u jekk ir-Regolament wassalx għat-titjib tat-trasparenza fuq il-kundizzjonijiet għat-trasferiment tad-data.
Hu ppjanat li l-punti uniċi ta’ kuntatt tal-Istati Membri jenħtieġ li jservu bħala sors siewi ta’ informazzjoni matul il-fażi ta' valutazzjoni ex-post tal-leġiżlazzjoni.
Indikaturi speċifiċi (kif propost fil-valutazzjoni tal-impatt) iservu biex ikejlu l-progress f'dawk l-oqsma. Hu ppjanat ukoll li jintużaw id-data tal-Eurostat u l-Indiċi tal-Ekonomija u s-Soċjetà Diġitali. Għal dan l-iskop tista’ tiġi kkunsidrata wkoll edizzjoni speċjali tal-Ewrobarometru.
•Spjegazzjoni dettaljata tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta
L-Artikoli 1 sa 3 jispeċifikaw l-objettiv tal-proposta, il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament u d-definizzjonijiet applikabbli għall-iskopijiet tar-Regolament.
L-Artikolu 4 jistabbilixxi l-prinċipju tal-moviment liberu tad-data mhux personali fl-Unjoni. Dan il-prinċipju jipprojbixxi kwalunkwe rekwiżit ta’ lokalizzazzjoni tad-data, sakemm ma jkunx ġustifikat għal raġunijiet ta’ sigurtà pubblika. Barra minn dan, jipprevedi r-reviżjoni tar-rekwiżiti eżistenti, in-notifika ta’ rekwiżiti li fadal jew ġodda għall-Kummissjoni u miżuri ta’ trasparenza.
L-Artikolu 5 għandu l-għan li jiżgura d-disponibbiltà tad-data għal kontroll regolatorju mill-awtoritajiet kompetenti. Għaldaqstant, l-utenti ma jistgħux jirrifjutaw li jagħtu aċċess għal data lill-awtoritajiet kompetenti fuq il-bażi li d-data tinħażen jew inkella tiġi pproċessata fi Stat Membru ieħor. Fejn awtorità kompetenti tkun eżawrixxiet il-mezzi kollha applikabbli biex tikseb aċċess għad-data, dik l-awtorità kompetenti tista’ titlob l-għajnuna ta’ awtorità fi Stat Membru ieħor, jekk ma jeżisti l-ebda mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni speċifiku.
L-Artikolu 6 jiddikjara li l-Kummissjoni jenħtieġ li tħeġġeġ lill-fornituri ta' servizzi biex jiżviluppaw u jimplimentaw kodiċijiet ta’ kondotta fejn jagħtu fid-dettall l-informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet tat-trasferiment tad-data (inkluż ir-rekwiżiti tekniċi u operazzjonali) li l-fornituri jenħtieġ li jagħmlu disponibbli lill-utenti professjonali tagħhom b’mod dettaljat, ċar u trasparenti biżżejjed qabel ma jiġi ffirmat kuntratt. Il-Kummissjoni se tirrevedi l-iżvilupp u l-implimentazzjoni effikaċi ta’ dawn il-kodiċijiet fi żmien sentejn wara li jibda japplika dan ir-Regolament.
Skont l-Artikolu 7, kull Stat Membru għandu jaħtar punt uniku ta’ kuntatt li għandu jikkomunika mal-punti ta’ kuntatt tal-Istati Membri l-oħra u mal-Kummissjoni rigward l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. L-Artikolu 7 jipprevedi wkoll kundizzjonijiet proċedurali applikabbli għall-għajnuna bejn l-awtoritajiet kompetenti previsti skont l-Artikolu 5.
Skont l-Artikolu 8, il-Kummissjoni għandha tingħata għajnuna mill-Kumitat dwar il-moviment Liberu tad-Data f’konformità mat-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
L-Artikolu 9 jistipula rieżami fi żmien ħames snin wara li jibda japplika dan ir-Regolament.
L-Artikolu 10 jipprevedi li r-Regolament ser jibda japplika sitt xhur wara d-data tal-pubblikazzjoni.
2017/0228 (COD)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
dwar qafas għall-moviment liberu ta’ data mhux personali fl-Unjoni Ewropa
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li ntbagħat l-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni,
Waqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,
Billi:
(1)Id-diġitalizzazzjoni tal-ekonomija qed taċċellera.It-Teknoloġija tal-Informazzjoni u tal-Komunikazzjoni (ICT) m’għadhiex qasam speċifiku iżda l-pedament tas-sistemi u s-soċjetajiet ekonomiċi moderni u innovattivi kollha. Id-data elettronika tinsab fiċ-ċentru ta’ dawk is-sistemi u tista’ tiġġenera valur kbir meta tiġi analizzata jew ikkombinata ma’ servizzi u prodotti.
(2)Ktajjen tal-valur tad-data huma mibnija fuq attivitajiet differenti tad-data: il-ħolqien u l-ġbir tad-data; l-aggregazzjoni u l-organizzazzjoni tad-data; il-ħżin u l-ipproċessar tad-data; l-analiżi, il-kummerċjalizzazzjoni u d-distribuzzjoni tad-data; l-użu u l-użu mill-ġdid tad-data. Il-funzjonament effikaċi u effiċjenti tal-ħżin u pproċessar ieħor tad-data hu element fundamentali f’kwalunkwe katina tal-valur tad-data. Madankollu, dan il-funzjonament effikaċi u effiċjenti u l-iżvilupp tal-ekonomija tad-data fl-Unjoni jiġu mxekkla, b’mod partikolari, minn żewġ tipi ta’ ostakli għall-mobbiltà tad-data u għas-suq intern.
(3)Il-libertà tal-istabbiliment u l-libertà tal-provvista ta’ servizzi skont it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea japplikaw għas-servizzi ta’ ħżin jew tal-ipproċessar ieħor tad-data. Madankollu, l-provvista ta’ dawn is-servizzi tiġi mfixkla jew xi kultant tiġi mwaqqfa minn ċerti rekwiżiti nazzjonali biex id-data tiġi lokalizzata f’territorju partikolari.
(4)Dawn l-ostakoli għall-moviment liberu ta’ servizzi ta’ ħżin jew ipproċessar ieħor tad-data u għad-dritt ta’ stabbiliment ta’ fornituri tal-ħżin jew ipproċessar ieħor tad-data joriġinaw minn rekwiżiti fil-liġijiet nazzjonali tal-Istati Membri biex id-data tiġi lokalizzata f’żona jew territorju ġeografiku partikolari għall-għan tal-ħżin jew ipproċessar ieħor. Regoli jew prattiki amministrattivi oħra għandhom effett ekwivalenti billi jimponu rekwiżiti partikolari li jagħmluha iktar diffiċli li d-data tinħażen jew inkella tiġi pproċessata ’l barra minn żona jew territorju ġeografiku fl-Unjoni, bħal rekwiżiti biex jintużaw faċilitajiet teknoloġiċi li huma ċċertifikati jew approvati fi Stat Membru partikolari. L-inċertezza tad-dritt fir-rigward tal-applikazzjoni tar-rekwiżiti tal-lokalizzazzjoni tad-data leġittimi u illeġittimi tkompli tillimita l-għażliet disponibbli għall-parteċipanti fis-suq u għas-settur pubbliku rigward il-lokalità tal-ħżin jew ipproċessar ieħor tad-data.
(5)Fl-istess waqt, il-mobbiltà tad-data fl-Unjoni tixxekkel ukoll minn restrizzjonijiet privati: kwistjonijiet legali, kuntrattwali u tekniċi li jfixklu jew jipprevjenu lill-utenti ta’ servizzi ta’ ħżin jew ipproċessar ieħor tad-data milli jittrasferixxu d-data tagħhom minn fornitur ta’ servizz għal ieħor jew lura għas-sistemi tal-IT tagħhom, b’mod partikolari meta jintemm il-kuntratt tagħhom ma’ fornitur tas-servizzi.
(6)Għal raġunijiet ta' ċertezza tad-dritt u l-ħtieġa għal kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni fl-Unjoni, sett uniku ta' regolamenti għall-parteċipanti kollha fis-suq huwa element ewlieni għall-funzjonament tas-suq intern. Sabiex jitneħħew l-ostakli għall-kummerċ u t-tfixkil fil-kompetizzjoni li jirriżultaw minn diverġenzi bejn il-liġijiet nazzjonali u biex jiġi evitat l-iżvilupp ta’ ostakli oħra potenzjali għall-kummerċ u tfixil sinifikanti fil-kompetizzjoni, huwa meħtieġ, għalhekk, li jiġu adottati regoli uniformi applikabbli fl-Istati Membri kollha.
(7)Sabiex jinħoloq qafas għall-moviment liberu ta’ data mhux personali fl-Unjoni u l-pedamenti għall-iżvilupp tal-ekonomija tad-data u għat-titjib tal-kompetittività fl-industrija Ewropea, hu meħtieġ li jiġi stabbilit qafas legali ċar, komprensiv u prevedibbli għall-ħżin jew ipproċessar ieħor tad-data li mhijiex data personali fis-suq intern. Approċċ ibbażat fuq il-prinċipji li jipprevedi kooperazzjoni bejn l-Istati Membri kif ukoll awtoregolamentazzjoni jenħtieġ li jiżgura li l-qafas ikun flessibbli sabiex ikun jista’ jqis il-ħtiġijiet dejjem jevolvu tal-utenti, tal-fornituri u tal-awtoritajiet nazzjonali fl-Unjoni. Sabiex jiġi evitat ir-riskju ta’ trikkib ma’ mekkaniżmi eżistenti u b’hekk jiġu evitati piżijiet ogħla kemm għall-Istati Membri kif ukoll għan-negozji, m’għandhomx jiġu stabbiliti regoli tekniċi dettaljati.
(8)Dan ir-Regolament jenħtieġ li japplika għal persuni ġuridiċi jew fiżiċi li jagħtu servizzi ta’ ħżin jew ipproċessar ieħor tad-data lil utenti li jgħixu jew li għandhom stabbiliment fl-Unjoni, inklużi dawk li jagħtu servizzi fl-Unjoni mingħajr stabbiliment fl-Unjoni.
(9)Il-qafas legali dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali, b’mod partikolari r-Regolament (UE) 2016/679, id-Direttiva (UE) 2016/680 u d-Direttiva 2002/58/KE m’għandhomx jiġu affettwati minn dan ir-Regolament.
(10)Skont ir-Regolament (UE) 2016/679, l-Istati Membri la jistgħu jirrestrinġu u lanqas jipprojbixxu l-moviment liberu ta’ data personali fl-Unjoni għal raġunijiet marbuta mal-protezzjoni ta’ persuni naturali fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali. Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-istess prinċipju tal-moviment ħieles fl-Unjoni għal data mhux-personali ħlief fejn restrizzjoni jew projbizzjoni tkun ġustifikata għal raġunijiet tas-sigurtà.
(11)Dan ir-Regolament jenħtieġ li japplika l-ħżin jew ipproċessar ieħor tad-data fl-aktar sens wiesa’, fejn jiġbor fih l-użu tat-tipi kollha ta’ sistemi tal-IT, jekk ikunux jinsabu fil-bini tal-utent jew esternalizzati għal fornitur ta’ servizz ta’ ħżin jew ipproċessar ieħor tad-data. Jenħtieġ li jkopri l-ipproċessar tad-data ta’ livell differenti ta’ intensità, mill-ħżin tad-data (Infrastruttura bħala Servizz (IaaS)) għall-ipproċessar tad-data fuq pjattaformi (Pjattaforma bħala Servizz (PaaS)) jew f’applikazzjonijiet (Softwer bħala Servizz (SaaS)). Dawn is-servizzi differenti jenħtieġ li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, sakemm il-ħżin jew ipproċessar ieħor tad-data ma jkunx sempliċiment anċillari għal tip differenti ta’ servizz, bħall-għoti ta’ post tas-suq online li jintermedja bejn il-fornituri u l-konsumaturi ta’ servizzi jew utenti ta’ negozji.
(12)Ir-rekwiżiti ta’ lokalizzazzjoni tad-data jirrappreżentaw ostaklu ċar għall-għoti mingħajr ħlas ta’ servizzi ta’ ħżin jew ipproċessar ieħor tad-data fl-Unjoni u għas-suq intern. Għalhekk, dawn jenħtieġ li jiġu pprojbiti sakemm ma jkunux ġustifikati abbażi ta’ raġunijiet ta’ sigurtà pubblika, kif definit bid-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 52 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u jissodisfaw il-prinċipju tal-proporzjonalità stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Sabiex jagħtu effett lill-prinċipju tal-moviment liberu transfruntiera ta’ data mhux personali, biex jiżguraw it-tneħħija rapida ta’ rekwiżiti ta’ lokalizzazzjoni tad-data eżistenti u biex għal raġunijiet operazzjonali jippermettu l-ħżin jew l-ipproċessar ieħor tad-data f’diversi lokalitajiet fl-UE, u peress li dan ir-Regolament jagħti miżuri biex tiġi żgurata d-disponibbiltà tad-data għal skopijiet ta’ kontroll regolatorju, l-Istati Membri m’għandhomx ikunu kapaċi jinvokaw ġustifikazzjonijiet għajr l-iskrutinju pubbliku.
(13)Sabiex jiżguraw l-applikazzjoni effikaċi tal-prinċipju moviment liberu transfruntiera ta’ data mhux personali, u biex jipprevjenu l-emerġenza ta’ ostakli ġodda għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern, l-Istati Membri jenħtieġ li jinnotifikaw lill-Kummissjoni kwalunkwe abbozz ta’ att li fih rekwiżit ta’ lokalizzazzjoni tad-data ġdid jew li jimmodifika rekwiżit ta’ lokalizzazzjoni tad-data eżistenti. Dawk in-notifiki jenħtieġ li jiġu sottomessi u vvalutati skont il-proċedura stabbilita fid-Direttiva (UE) 2015/1535.
(14)Barra minn hekk, sabiex jitneħħew ostakli potenzjali eżistenti, waqt perjodu tranżizzjonali ta’ 12-il xahar, l-Istati Membri jenħtieġ li jwettqu reviżjoni tar-rekwiżiti ta’ lokalizzazzjoni tad-data nazzjonali eżistenti u jinnotifikaw lill-Kummissjoni, flimkien ma’ ġustifikazzjoni, kwalunkwe rekwiżit ta’ lokalizzazzjoni tad-data li jikkunsidraw konformi ma’ dan ir-Regolament. Dawn in-notifiki jenħtieġ li jippermettu lill-Kummissjoni tivvaluta l-konformità ta’ kwalunkwe rekwiżit ta’ lokalizzazzjoni tad-data li jifdal.
(15)Sabiex jiżguraw it-trasparenza tar-rekwiżiti ta’ lokalizzazjoni tad-data fl-Istati Membri għal persuni ġuridiċi u fiżiċi, bħal fornituri u utenti ta’ servizzi ta’ ħżin jew ipproċessar ieħor tad-data, l-Istati Membri jenħtieġ li jippubblikaw l-informazzjoni dwar dawn il-miżuri fuq punt uniku ta’ informazzjoni online jaġġornawha regolarment. Sabiex jinformaw kif xieraq lill-persuni ġuridiċi u fiżiċi dwar ir-rekwiżiti ta’ lokalizzazzjoni tad-data fl-Unjoni, l-Istati Membri jenħtieġ li jinnotifikaw lill-Kummissjoni bl-indirizzi ta’ dawn il-punti online. Il-Kummissjoni jenħtieġ li tippubblika din l-informazzjoni fuq is-sit web tagħha stess.
(16)Ir-rekwiżiti ta’ lokalizzazzjoni tad-data spiss ikunu xprunati minn nuqqas ta’ fiduċja fil-ħżin u pproċessar ieħor transfruntiera tad-data, li jirriżulta minn perċezzjonijiet ta’ nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ data għall-iskopijiet tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, bħall-ispezzjoni u l-verifika għal kontroll regolatorju jew superviżorju. Għalhekk, dan ir-Regolament jenħtieġ li jistabbilixxi b’mod ċar li hu ma jaffettwax is-setgħat tal-awtoritajiet kompetenti biex jitolbu u jirċievu aċċess għal data skont id-dritt tal-Unjoni jew il-liġi nazzjonali, u dak l-aċċess għad-data mill-awtoritajiet kompetenti ma jistax jiġi rrifjutat fuq il-bażi li d-data tinħażen jew inkella tiġi pproċessata fi Stat Membru ieħor.
(17)Il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li huma soġġetti għal obbligazzjonijiet biex jipprovdu data lill-awtoritajiet kompetenti jistgħu jikkonformaw ma’ tali obbligazzjonijiet billi jagħtu u jiggarantixxu aċċess elettroniku effikaċi u f’waqtu għad-data lill-awtoritajiet kompetenti, irrispettivament mill-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tinħażen jew inkella tiġi pproċessata d-data. Dan l-aċċess jista’ jiġi żgurat permezz ta’ termini u kundizzjonijiet konkreti f’kuntratti bejn il-persuna fiżika jew ġuridika soġġetta għall-obbligazzjoni li tagħti l-aċċess u l-fornitur ta’ servizz tal-ħżin jew ipproċessar ieħor tad-data.
(18)Fejn persuna fiżika jew ġuridika soġġetta għal obbligazzjonijiet tipprovdi d-data li tonqos milli tikkonforma magħhom u diment li awtorità kompetenti tkun eżawrixxiet il-mezzi kollha applikabbli biex tikseb aċċess għad-data, l-awtorità kompetenti jenħtieġ li tkun tista’ tfittex għajnuna mill-awtoritajiet kompetenti fi Stati Membri oħra. F'dawn il-każijiet, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jużaw strumenti speċifiċi ta’ kooperazzjoni fid-dritt tal-Unjoni jew fi ftehimiet internazzjonali, skont is-suġġett f’każ partikolari, pereżempju, fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija, tal-ġustizzja kriminali jew ċivili jew fi kwistjonijiet amministrattivi rispettivament, id-Deċiżjoni Qafas 2006/960, id-Direttiva 2014/41/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, il-Konvenzjoni dwar iċ-Ċiberkriminalità tal-Kunsill tal-Ewropa, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1206/2001, id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE u r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 904/2010. Fin-nuqqas ta’ tali mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni speċifiċi, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jikkooperaw bejniethom bl-għan li jagħtu aċċess għad-data mitluba, permezz ta’ punti uniċi ta’ kuntatt magħżula, sakemm ma jkunx kuntrarju għall-ordni pubblika tal-Istat Membru rikjest.
(19)Fejn talba għall-għajnuna timplika l-kisba ta’ aċċess għal kwalunkwe bini ta’ persuna fiżika jew ġuridika, inkluż għal kwalunkwe ħżin tad-data jew tagħmir u mezzi oħra tal-ipproċessar, mill-awtorità li ssirilha t-talba, dan l-aċċess irid ikun skont id-dritt tal-Unjoni jew il-liġi proċedurali tal-Istat Membru, inkluż kwalunkwe rekwiżit biex tinkiseb awtorizzazzjoni ġudizzjarja minn qabel.
(20)Il-kapaċità li d-data tiġi ttrasferita mingħajr xkiel hi faċilitatur ewlieni għall-għażla tal-utent u għall-kompetizzjoni effikaċi fis-swieq għal servizzi ta’ ħżin jew ipproċessar ieħor tad-data. Id-diffikultajiet reali jew perċepiti għat-trasferiment transfruntiera tad-data wkoll inaqqsu l-kunfidenza tal-utenti professjonali biex jaċċettaw offerti transfruntiera u, għalhekk, il-kunfidenza tagħhom fis-suq intern. Filwaqt li l-persuni u l-konsumaturi fiżiċi jibbenefikaw minn leġiżlazzjoni eżistenti tal-Unjoni, il-kapaċità li jeqilbu bejn il-fornituri ta’ servizzi ma tiġix iffaċilitata għall-utenti waqt l-attivitajiet ta’ negozju jew professjonali tagħhom.
(21)Sabiex jisfruttaw b’mod sħiħ l-ambjent kompetittiv, l-utenti professjonali jenħtieġ li jkunu jistgħu jagħmlu għażliet informati u b’mod faċli jqabblu l-komponenti individwali tad-diversi servizzi ta’ ħżin jew ipproċessar ieħor tad-data offruti fis-suq intern, inkluż skont il-kundizzjonijiet kuntrattwali tat-trasferiment tad-data mat-terminazzjoni ta’ kuntratt. Sabiex jallinjaw mal-potenzjal tal-innovazzjoni tas-suq u biex iqisu l-esperjenza u l-għarfien espert tal-fornituri u tal-utenti professjonali ta’ servizzi ta’ ħżin jew ipproċessar ieħor tad-data, l-informazzjoni dettaljata u r-rekwiżiti operazzjonali għat-trasferiment tad-data jenħtieġ li jiġu ddefiniti minn parteċipanti fis-suq permezz tal-awtoregolamentazzjoni, imħeġġa u ffaċilitata mill-Kummissjoni, fil-forma ta’ kodiċijiet ta’ kondotta tal-Unjoni, li jistgħu jinvolvu klawsoli kuntrattwali mudell. Madankollu, jekk dawn il-kodiċijiet ta’ kondotta ma jiġux stabbiliti u implimentati b’mod effikaċi f’perjodu ta’ żmien raġonevoli, il-Kummissjoni jenħtieġ li tanalizza s-sitwazzjoni.
(22)Sabiex jikkontribwixxi għal kooperazzjoni tajba fl-Istati Membri, kull Stat Membru jenħtieġ li jaħtar punt uniku ta’ kuntatt biex jikkomunika mal-punti ta’ kuntatt tal-Istati Membri l-oħra u mal-Kummissjoni rigward l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Fejn awtorità kompetenti fi Stat Membru titlob l-għajnuna ta’ Stat Membru ieħor biex ikollha aċċess għad-data skont dan ir-Regolament, jenħtieġ li din tissottometti talba motivata kif jixraq lill-punt uniku ta’ kuntatt maħtur ta’ dan tal-aħħar, inkluż spjegazzjoni bil-miktub tal-ġustifikazzjoni u tal-bażijiet ġuridiċi tagħha għaliex qed titlob aċċess għad-data. Il-punt uniku ta’ kuntatt maħtur mill-Istat Membru li l-għajnuna tiegħu hi mitluba jenħtieġ li jiffaċilita l-għajnuna bejn l-awtoritajiet billi jidentifika u jittrażmetti t-talba għall-awtorità kompetenti rilevanti fl-Istat Membri li ssirlu t-talba. Sabiex tiżgura kooperazzjoni effikaċi, l-awtorità li tintbagħtilha talba, mingħajr dewmien żejjed jenħtieġ li tagħti għajnuna bħala risposta għal talba partikolari jew tagħti informazzjoni dwar id-diffikultajiet biex tissodisfa talba ta’ għajnuna jew ir-raġunijiet tagħha għaliex irrifjutat din it-talba.
(23)Sabiex tiżgura l-implimentazzjoni effikaċi tal-proċedura għall-għajnuna bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu forom standard, lingwi ta’ talbiet, limiti ta’ żmien u dettalji oħra tal-proċeduri għal talbiet għall-għajnuna. Dawk is-setgħat jenħtieġ li jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
(24)It-tisħiħ tal-fiduċja fis-sigurtà tal-ħżin jew ipproċessar ieħor transfruntiera tad-data mistenni jnaqqas il-propensità tal-parteċipanti fis-suq u tas-settur pubbliku biex jużaw il-lokalizzazzjoni tad-data bħala indikatur għas-sigurtà tad-data. Mistenni jtejjeb ukoll iċ-ċertezza tad-dritt għal kumpaniji dwar ir-rekwiżiti ta’ sigurtà applikabbli meta jesternalizzaw l-attivitajiet ta’ ħżin jew ipproċessar ieħor tad-data tagħhom, inkluż lil fornituri ta’ servizzi fi Stati Membri oħra.
(25)Kwalunkwe rekwiżit ta’ sigurtà relatat mal-ħżin jew ipproċessar ieħor tad-data li jiġi applikat b’mod ġustifikat u proporzjonat abbażi tad-dritt tal-Unjoni jew il-liġi nazzjonali f’konformità mad-dritt tal-Unjoni fl-Istat Membru ta’ residenza jew tal-istabbiliment tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li d-data tagħhom hija kkonċernata jenħtieġ li jkompli japplika għall-ħżin jew ipproċessar ieħor ta’ dik id-data fi Stat Membru ieħor. Dawn il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi jenħtieġ li jkunu jistgħu jissodisfaw dawn ir-rekwiżiti jew huma stess jew permezz ta’ klawsoli kuntrattwali fil-kuntratti mal-fornituri.
(26) Ir-rekwiżiti ta’ sigurtà stabbiliti fil-livell nazzjonali jenħtieġ li jkunu neċessarji u proporzjonati mar-riskji għas-sigurtà tal-ħżin jew ipproċessar ieħor tad-data fil-qasam fil-kamp ta' applikazzjoni tal-liġi nazzjonali li fiha huma stabbiliti dawn ir-rekwiżiti.
(27)Id-Direttiva 2016/1148 tipprevedi miżuri legali biex jagħtu spinta lil-livell ġeneral taċ-ċibersigurtà fl-Unjoni. Servizzi ta’ ħżin jew ipproċessar ieħor tad-data jikkostitwixxu wieħed mis-servizzi diġitali koperti minn dik id-Direttiva. Skont l-Artikolu 16 tagħha, l-Istati Membri jkollhom jiżguraw li l-fornituri ta' servizzi diġitali jidentifikaw u jieħdu l-miżuri tekniċi u organizzattivi xierqa u proporzjonati sabiex jimmaniġġjaw ir-riskji għas-sigurtà tan-netwerks u tas-sistemi tal-informazzjoni li jużaw. Dawn il-miżuri jenħtieġ li jiggarantixxu livell xieraq ta' sigurtà tan-netwerks xieraq għar-riskju ppreżentat, u jenħtieġ li jikkunsidraw is-sigurtà tas-sistemi u tal-faċilitajiet, l-ittrattar ta’ inċidenti, il-ġestjoni tal-kontinwità tal-attività, il-monitoraġġ, il-verifika u l-ittestjar, u konformità mal-istandards internazzjonali. Dawn il-miżuri għandhom jiġu speċifikati aktar mill-Kummissjoni fl-atti ta’ implimentazzjoni taħt dik id-Direttiva.
(28)Jenħtieġ li l-Kummissjoni tanalizza dan ir-Regolament minn żmien għal żmien, b’mod partikolari bl-għan li tiddetermina l-ħtieġa għal modifikazzjonijiet fid-dawl tal-iżviluppi teknoloġiċi jew tas-suq.
(29)Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u jenħtieġ li jiġi interpretat u applikat skont dawk id-drittijiet u l-prinċipji, inkluż id-drittijiet għall-protezzjoni ta' data personali (l-Artikolu 8), il-libertà ta’ intrapriża (l-Artikolu 16), u l-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni (l-Artikolu 11).
(30)Billi l-objettiv ta' dan ir-Regolament, jiġifieri li jiżgura l-moviment liberu ta’ data mhux personali fl-Unjoni, ma jistax jintlaħaq b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jista', minħabba l-iskala u l-effetti tiegħu, jintlaħaq aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dak il-għan.
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Suġġett
Dan ir-Regolament ifittex li jiżgura l-moviment liberu tad-data li mhijiex data personali fl-Unjoni billi jistabbilixxi regoli relatati mar-rekwiżiti ta’ lokalizzazzjoni tad-data, id-disponibbiltà tad-data lill-awtoritajiet kompetenti u t-trasferiment tad-data għal utenti professjonali.
Artikolu 2
Il-kamp ta' applikazzjoni
1.Dan ir-Regolament għandu japplika għall-ħżin jew ipproċessar ieħor ta’ data elettronika li mhijiex data personali fl-Unjoni, li
(a)jiġu pprovduti bħala servizz lill-utenti li jgħixu jew li għandhom stabbiliment fl-Unjoni, irrispettivament minn jekk il-fornitur huwiex stabbilit fl-Unjoni jew le, inkella
(b)jsiru minn persuna fiżika jew ġuridika li tgħix jew li għandha stabbiliment fl-Unjoni għall-ħtiġijiet tagħha stess.
2.Dan ir-Regolament m’għandux japplika għal attività li ma taqax fil-kamp ta' applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni.
Artikolu 3
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
1.“data” tfisser data li mhijiex data personali, kif imsemmi fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) 2016/679;
2.“ħżin tad-data” tfisser kwalunkwe ħżin ta’ data f’format elettroniku;
3.“abbozz ta’ miżura” tfisser test ifformulat bl-għan li jiġi ppromulgat bħala liġi, regolament jew dispożizzjoni amministrattiva ta’ natura ġenerali, fejn it-test ikun fl-istadju ta’ tħejjija li fih ikunu għadhom jistgħu jsiru emendi sostantivi mill-Istat Membru notifikanti;
4.“fornitur” tfisser persuna fiżika jew ġuridika li tagħti servizzi ta’ ħżin jew ipproċessar ieħor tad-data;
5.“rekwiżit ta’ lokalizzazzjoni tad-data” tfisser kwalunkwe obbligazzjoni, projbizzjoni, kundizzjoni, limitu jew rekwiżit ieħor previst fil-liġijiet, fir-regolamenti jew fid-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri, li jimponi/timponi l-lokalità tal-ħżin tad-data jew ta’ pproċessar ieħor fit-territorju ta’ Stat Membru partikolari jew li jxekkel/xxekkel il-ħżin jew ipproċessar ieħor ta’ data f’kwalunkwe Stat Membru ieħor;
6.“awtorità kompetenti” tfisser awtorità ta’ Stat Membru li għandha s-setgħa li tikseb aċċess għal data maħżuna jew ipproċessata minn persuna fiżika jew legali biex twettaq id-dmirijiet uffiċjali tagħha, kif previst fil-liġi nazzjonali jew fid-dritt tal-Unjoni;
7.“utent” tfisser persuna fiżika jew ġuridika li tuża jew li titlob servizz ta’ ħżin jew ipproċessar ieħor tad-data;
8.“utent professjonali” tfisser persuna fiżika jew ġuridika, inkluż entità tas-settur pubbliku, li tuża jew li titlob servizz ta’ ħżin jew ipproċessar ieħor tad-data għal skopijiet relatati mal-kummerċ, man-negozju, mas-sengħa, mal-professjoni jew mal-kompiti tagħha.
Artikolu 4
Moviment liberu ta’ data fl-Unjoni
1.Il-post fejn tinsab id-data għall-ħżin jew għal ipproċessar ieħor fl-Unjoni m’għandhiex tkun ristretta għat-territorju ta’ Stat Membru partikolari, u l-ħżin jew ipproċessar ieħor f’kwalunkwe Stat Membru ieħor m’għandux jiġi pprojbit jew ristrett, sakemm ma jkunx ġustifikat għal raġunijiet ta’ sigurtà pubblika.
2.L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni kwalunkwe abbozz ta’ att li jintroduċi rekwiżit ġdid ta’ lokalizzazzjoni tad-data jew li jibdew rekwiżit eżistenti ta’ lokalizzazzjoni tad-data skont il-proċeduri stabbiliti fil-liġi nazzjonali li timplimenta d-Direttiva (UE) 2015/1535.
3.Fi żmien 12-il xahar wara li jibda japplika dan ir-Regolament, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe rekwiżit ta’ lokalizzazzjoni tad-datai ma jikkonformax mal-paragrafu 1 ser jitħassar. Jekk Stat Membru jqis li rekwiżit ta’ lokalizzazzjoni tad-data jkun konformi mal-paragrafu 1 u għalhekk jista’ jibqa’ fis-seħħ, hu għandu jinnotifika dik il-miżura lill-Kummissjoni, flimkien ma’ ġustifikazzjoni biex jinżamm fis-seħħ.
4.L-Istati Membri għandhom jagħmlu d-dettalji ta’ kwalunkwe rekwiżit ta’ lokalizzazzjoni tad-data applikabbli fit-territorju tagħhom disponibbli għall-pubbliku permezz ta’ punt uniku ta’ informazzjoni li għandhom iżommu aġġornat.
5.L-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Kummissjoni dwar l-indirizz tal-punt uniku ta’ informazzjoni msemmi fil-paragrafu 4. Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-links għal dawn il-punti fuq is-sit web tagħha.
Artikolu 5
Disponibbiltà tad-data għall-awtoritajiet kompetenti
1.Dan ir-Regolament m’għandux jaffettwa s-setgħat tal-awtoritajiet kompetenti biex jitolbu u jirċievu aċċess għal data biex iwettqu d-dmirijiet uffiċjali tagħhom skont id-dritt tal-Unjoni jew il-liġi nazzjonali. L-aċċess għad-data mill-awtoritajiet kompetenti ma jistax jiġi rrifjutat fuq il-bażi li d-data tinħażen jew inkella tiġi pproċessata fi Stat Membru ieħor.
2.Fejn awtorità kompetenti tkun eżawriet il-mezzi applikabbli kollha biex tikseb aċċess għad-data, hi tista’ titlob l-għajnuna ta’ awtorità kompetenti fi Stat Membru ieħor skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 7, u l-awtorità kompetenti li ssirilha t-talba għandha tagħti għajnuna skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 7, sakemm ma tkunx kuntrarja għall-ordni pubbliku tal-Istat Membru li ssirlu t-talba.
3.Fejn talba għall-għajnuna timplika l-kisba tal-aċċess għal kwalunkwe bini ta’ persuna fiżika jew ġuridika, inkluż għal kwalunkwe tagħmir u mezzi ta’ ħżin tad-data jew ta’ pproċessar ieħor, mill-awtorità li ssirilha t-talba, dan l-aċċess għandu jkun skont id-dritt tal-Unjoni jew il-liġi proċedurali tal-Istat Membru.
4.Il-Paragrafu 2 għandu japplika biss jekk ma jeżisti l-ebda mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni speċifiku taħt id-dritt tal-Unjoni jew il-ftehimiet internazzjonali biex tiġi skambjata d-data bejn l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stati Membri differenti.
Artikolu 6
Trasferiment tad-data
1.Il-Kummissjoni għandha tħeġġeġ u tiffaċilita l-iżvilupp ta’ kodiċijiet ta’ kondotta awtoregolatorji fil-livell tal-Unjoni, sabiex tiddefinixxi l-linji gwida dwar l-aqwa prattiki biex jiġi ffaċilitat il-bdil tal-fornituri u biex tiżgura li huma jagħtu informazzjoni biżżejjed dettaljata, ċara u trasparenti lill-utenti professjonali qabel ma jiġi konkluż kuntratt għall-ħżin u l-ipproċessar tad-data, fir-rigward tal-kwistjonijiet li ġejjin:
(a)il-proċessi, ir-rekwiżiti tekniċi, il-perjodi ta’ żmien u t-tariffi li japplikaw fil-każ li utent professjonali jixtieq jibdel għal fornitur ieħor jew jittrasferixxi d-data lura għas-sistemi tal-IT tiegħu stess, inkluż il-proċessi u l-lokalità ta’ kwalunkwe back-up tad-data, il-formats u l-appoġġi disponibbli tad-data, il-konfigurazzjoni meħtieġa tal-IT u l-bandwidth minima tan-netwerk; il-ħin meħtieġ qabel ma jibda l-proċess tat-trasferiment u l-ħin li matulu d-data ser tibqa’ disponibbli għat-trasferiment; u l-garanziji biex tiġi aċċessata d-data fil-każ tal-falliment tal-fornitur; kif ukoll
(b)ir-rekwiżiti operazzjonali biex id-data tiġi swiċċjata jew trasferita f’format strutturat, użat b’mod komuni u li jinqara mill-magni li jippermettu biżżejjed ħin biex l-utent jiswiċċja jew jittrasferixxi d-data.
2.Il-Kummissjoni għandha tħeġġeġ lill-fornituri biex jimplimentaw b’mod effikaċi l-kodiċijiet ta’ kondotta msemmija fil-paragrafu 1 fi żmien sentejn wara li jibda japplika dan ir-Regolament.
3.Il-Kummissjoni għandha tanalizza l-iżvilupp u l-implimentazzjoni effikaċi ta’ dawn il-kodiċijiet ta’ kondotta l-għoti effikaċi ta’ informazzjoni mill-fornituri mhux aktar tard minn tletin xahar wara li jibda japplika dan ir-Regolament.
Artikolu 7
Punti Uniċi ta’ Kuntatt
1.Kull Stat Membru għandu jaħtar punt uniku ta’ kuntatt li għandu jikkomunika mal-punti ta’ kuntatt tal-Istati Membri l-oħra u mal-Kummissjoni rigward l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni l-punti uniċi ta’ kuntatt u kwalunkwe bidla sussegwenti li tista’ ssirilhom.
2.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-punti uniċi ta’ kuntatt ikollhom ir-riżorsi meħtieġa biex japplikaw dan ir-Regolament.
3.Fejn awtorità kompetenti fi Stat Membru wieħed titlob l-għajnuna ta’ Stat Membru ieħor biex ikollha aċċess għal data skont l-Artikolu 5 il-paragrafu 2, hi għandha tissottometti talba mmotivata kif xieraq lill-punt uniku ta’ kuntatt maħtur minn dan tal-aħħar, inkluż spjegazzjoni bil-miktub tal-ġustifikazzjoni u l-bażijiet ġuridiċi tagħha għaliex qed tfittex aċċess għad-data.
4.Il-punt uniku ta’ kuntatt għandu jidentifika l-awtorità kompetenti rilevanti tal-Istat Membru tiegħu u jibgħat it-talba li tkun waslet lil dik l-awtorità kompetenti, skont il-paragrafu 3. L-awtorità li ntalbet tagħmel dan għandha, mingħajr dewmien żejjed:
(a)tirrispondi lill-awtorità kompetenti rikjedenti u tinnotifika lill-punt uniku ta’ kuntatt dwar ir-risposta tagħha u
(b)tinforma lill-punt uniku ta’ kuntatt u lill-awtorità kompetenti rikjedenti dwar kwalunkwe diffikultà jew, fil-każ li t-talba tiġi rrifjutata jew tingħatalha risposta parzjalment, dwar ir-raġunijiet għal dan ir-rifjut jew din ir-risposta parzjali.
5.Kwalunkwe informazzjoni skambjata fil-kuntest ta’ għajnuna mitluba u mogħtija taħt l-Artikolu 5 il-paragrafu 2 għandha tintuża biss fir-rigward tas-suġġett li għalih intalbet.
6.Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu forom standard, lingwi ta’ talbiet, limiti ta’ żmien jew dettalji oħra tal-proċeduri għal talbiet għall-għajnuna. Dawn l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 8.
Artikolu 8
Kumitat
1.Il-Kummissjoni għandha tiġi assistita mill-Kumitat dwar il-Moviment Liberu tad-Data. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
2.Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
Artikolu 9
Rieżami
1.Mhux iktar tard minn [5 snin wara d-data msemmija fl-Artikolu 10(2)], il-Kummissjoni għandha twettaq rieżami ta’ dan ir-Regolament u tippreżenta rapport dwar is-sejbiet ewlenin lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew.
2.Għat-tħejjija tar-rapport imsemmi fil-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jipprovdu l-informazzjoni meħtieġa lill-Kummissjoni.
Artikolu 10
Dispożizzjonijiet finali
1.Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
2.Dan ir-Regolament għandu japplika sitt xhur wara l-pubblikazzjoni tiegħu.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Parlament Ewropew
Għall-Kunsill
Il-President
Il-President