EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017PC0457

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f'isem l-Unjoni Ewropea, fl-Organizzazzjoni Internazzjonali tad-Dielja u l-Inbid

COM/2017/0457 final - 2017/0211 (NLE)

Brussell, 29.8.2017

COM(2017) 457 final

2017/0211(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f'isem l-Unjoni Ewropea, fl-Organizzazzjoni Internazzjonali tad-Dielja u l-Inbid


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.IS-SUĠĠETT TAL-PROPOSTA

Din il-proposta tikkonċerna d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li trid tiġi adottata f’isem l-Unjoni Ewropea fl-Organizzazzjoni Internazzjonali tad-Dielja u l-Inbid (OIV) b’rabta mal-adozzjoni prevista ta’ deċiżjoni li tagħti status partikolari lill-Unjoni Ewropea fl-OIV.

2. KUNTEST TAL-PROPOSTA

2.1Il-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Internazzjonali tad-Dielja u l-Inbid

Il-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Internazzjonali tad-Dielja u l-Inbid ffirmat f’Pariġi fit-3 ta’ April 2001 (“il-Ftehim”) għandu l-għan li jistabbilixxi l-OIV li tieħu post l-Uffiċċju Internazzjonali tad-Dwieli u l-Inbid. Il-Ftehim daħal fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2004.

Għoxrin (20) Stat Membru jagħmlu parti mill-Ftehim 1 .

2.2L-OIV

L-OIV hija organizzazzjoni intergovernattiva xjentifika u teknika attiva fis-settur tad-dwieli, tal-inbid u ta’ prodotti oħra tad-dwieli.

L-OIV tikkontribwixxi għall-armonizzazzjoni internazzjonali tal-prattiki u l-istandards eżistenti relatati mal-inbid, billi qed jitfasslu riżoluzzjonijiet fl-oqsma li ġejjin:

   il-kundizzjonijiet għall-produzzjoni tal-inbid;

   il-prassi enoloġiċi;

   id-definizzjoni u/jew id-deskrizzjoni tal-prodotti, it-tikkettar u l-kundizzjonijiet għat-tqegħid fis-suq;

   il-metodi ta’ analiżi u ta’ valutazzjoni tal-prodotti tad-dwieli.

2.3Id-deċiżjoni prevista tal-OIV

Din mhijiex inizjattiva fi ħdan il-Programm dwar l-Idoneità u l-Prestazzjoni tar-Regolamentazzjoni (REFIT).

Fl-20 ta’ Ottubru 2017, matul is-16-il Assemblea Ġenerali, l-OIV ser tadotta deċiżjoni rigward l-għoti ta’ status partikolari lill-Unjoni fl-OIV (“l-att previst”).

L-Unjoni ma għandha l-ebda status uffiċjali fl-OIV. L-għan tal-att previst huwa li jsaħħaħ u jifformalizza r-rwol tal-Unjoni fl-OIV.

3.IL-POŻIZZJONI LI TRID TIĠI ADOTTATA F’ISEM L-UNJONI

3.1Raġunijiet u għanijiet tal-proposta

Fl-1 ta’ Ottubru 2015, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tniedi taħdidiet esploratorji mal-OIV bil-ħsieb li jinkiseb status partikolari għall-Unjoni, f’konformità mal-Artikolu 4 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-OIV.

Billi l-Unjoni Ewropea attwalment ma għandha l-ebda status uffiċjali fl-OIV r-rappreżentanti tal-Kummissjoni jiġu mistiedna biss fuq bażi informali biex jattendu l-laqgħat tal-kummissjonijiet, tas-sottokummissjonijiet u tal-gruppi ta’ esperti iżda li ma jitħallewx jattendu l-laqgħat tal-Kumitat Eżekuttiv. Kultant dawn ikunu mistiedna jattendu (mingħajr ma jkunu jistgħu jintervjenu) għall-Assemblea Ġenerali meta r-riżoluzzjonijiet jiġu adottati mill-OIV. L-Unjoni ma tħallas l-ebda kontribuzzjoni lill-OIV.

Din il-parteċipazzjoni ma tippermettix lill-Kummissjoni li tkun infurmata kompletament dwar l-iżvilupp tar-riżoluzzjonijiet ġodda.

Minħabba l-effetti legali li jista’ jkollhom ċerti riżoluzzjonijiet tal-OIV u b’kunsiderazzjoni tal-kompetenzi tal-Unjoni fil-biċċa l-kbira tal-oqsma koperti mill-OIV, l-għan tal-att previst huwa li jsaħħaħ u jifformalizza r-rwol tal-Unjoni fl-OIV.

Dan l-istatus se jippermetti lill-Kummissjoni, bħala rappreżentanta tal-Unjoni abbażi tal-Artikolu 17 tat-TUE, li tkun totalment infurmata dwar l-iżvilupp tar-riżoluzzjonijiet il-ġodda, li tkun tista’ tikkoordina l-pożizzjoni komuni tal-UE fir-rigward ta’ dawn ir-riżoluzzjonijiet u tintervjeni - f’isem l-Unjoni u fuq bażi formali - fix-xogħol tal-kummissjonijiet, tas-sottokummissjonijiet u tal-gruppi tal-esperti, u tattendi l-laqgħat tal-Assemblea Ġenerali u dawk tal-Kumitat Eżekuttiv. Din tkun qed tiggarantixxi rappreżentanza unika tal-UE fl-OIV, mingħajr ma tpoġġi f’dubju r-rwol tal-esperti xjentifiċi tal-Istati Membri tal-Unjoni fl-OIV

Barra minn hekk, l-għoti ta’ dan l-istatus jippermetti wkoll lir-rappreżentanti tal-Unjoni li jiksbu aċċess - bl-istess kundizzjonijiet tal-membri tal-OIV - għad-dokumenti kollha tal-OIV. Dan se jiffaċilita t-tħejjija tad-deċiżjonijiet futuri li l-Kunsill ser jieħu skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE, qabel il-vot tar-riżoluzzjonijiet fl-Assemblea Ġenerali tal-OIV.

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, jenħtieġ li jiġi propost lill-OIV li tagħti lill-Unjoni l-istatus partikolari previst fl-Artikolu 4 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-OIV. Il-membru tal-Kummissjoni responsabbli mill-agrikoltura u l-iżvilupp rurali se jkollu s-setgħa li jiffirma l-iskambju ta’ ittri f’isem il-Kummissjoni u taħt ir-responsabbiltà tagħha.

3.2Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti ta’ politika fil-qasam ta' politika

Għalkemm ir-riżoluzzjonijiet tal-OIV fihom infushom mhumiex vinkolanti fil-livell tal-UE skont ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013, xi riżoluzzjonijiet adottati u ppubblikati mill-OIV jistgħu jkollhom effett legali. Fir-rigward tal-prodotti tal-inbid, il-liġi tal-UE tirreferi għall-OIV fid-dispożizzjonijiet li ġejjin:

L-Artikolu 80(5) tar-Regolament dwar l-OKS, li jipprevedi li l-metodi ta’ analiżi għall-inbid għandhom ikunu bbażati fuq metodi rakkomandati u ppubblikati mill-OIV, sakemm ma jkunux ineffikaċi jew mhux xierqa fid-dawl tal-objettiv segwit mill-Unjoni;

L-Artikolu 9 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 606/2009 dwar il-prassi enoloġiċi, li skontu, l-ispeċifikazzjonijiet ta’ purità u ta’ identifikazzjoni tas-sustanzi użati mill-prassi enoloġiċi għandhom ikunu dawk stabbiliti u ppubblikati fil-Kodiċi Enoloġiku Internazzjonali ppubblikat mill-OIV;

L-Artikolu 80(3)(a) tar-Regolament dwar l-OKS li jipprevedi li l-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni prassi enoloġiċi adottati u ppubblikati mill-OIV meta tawtorizza prassi bħal dawn;

L-Artikolu 90(2) tar-Regolament dwar l-OKS li skontu prodotti importati tal-inbid għandhom jiġu prodotti skont prassi enoloġiċi awtorizzati mill-Unjoni jew skont prassi enoloġiċi rrakkomandati mill-OIV; kif ukoll

L-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 2870/2000 li jistabbilixxi li, fin-nuqqas ta’ metodi ta’ analiżi stabbiliti mill-Unjoni għall-kxif u l-kwantifikazzjoni tas-sustanzi li jkun hemm f’ċertu xorb spirituż, jistgħu jintużaw il-metodi ta’ analiżi rikonoxxuti mill-OIV.

Meta jitqies li r-riżoluzzjonijiet tal-OIV jista’ jkollhom effetti legali u li l-Unjoni għandha kompetenza esklużiva f’dawn l-oqsma, skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE, il-Kunsill għandu jieħu pożizzjoni komuni f’isem l-UE qabel ma dawn ir-riżoluzzjonijiet jiġu vvutati fl-OIV. L-istatus partikolari tal-UE fl-OIV se jiffaċilita t-tħejjija ta’ pożizzjoni bħal din.

3.3Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

Ir-riżoluzzjonijiet tal-OIV jistgħu jirreferu wkoll għal suġġetti li huma koperti mid-dispożizzjonijiet orizzontali tal-UE, bħal informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi u l-użu ta’ addittivi fil-prodotti tal-ikel.

Huwa importanti li jingħata status partikolari għall-UE, u b’hekk tippermetti lir-rappreżentanti tal-UE jkollhom aċċess għad-dokumenti kollha tal-OIV u jivverifikaw kwalunkwe inkonsistenza f’xi riżoluzzjoni tal-OIV mal-liġi tal-UE u l-effetti legali possibbli.

4.BAŻI ĠURIDIKA

4.1.    Bażi ġuridika proċedurali

4.1.1.    Prinċipji

L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu “il-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’korp imwaqqaf bi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”

L-Artikolu 218(9) tat-TFUE japplika indipendentement minn jekk l-Unjoni hijiex membru ta' korp jew parti ta' ftehim in kwistjoni.

Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi atti li jkollhom effetti legali skont ir-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregola l-korp inkwistjoni. Jinkludi strumenti li ma għandhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatur tal-Unjoni”.

4.1.2.    Applikazzjoni għal dan il-każ

L-OIV hija korp imwaqqaf bi ftehim, b’mod partikolari l-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Internazzjonali tad-Dielja u l-Inbid.

Meta jitqies li r-riżoluzzjonijiet tal-OIV jista’ jkollhom effetti legali u li l-Unjoni għandha kompetenza esklużiva f’dawn l-oqsma, l-att li l-OIV qed tissejjaħ tadotta jikkonċerna direttament l-interessi tal-Unjoni.

L-att previst ma jissupplimentax jew ma jemendax il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.

Għaldaqstant, il-bażi ġuridika proċedurali għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) TFUE.

4.2.    Bażi ġuridika sostantiva

4.2.1.    Prinċipji

Il-bażi ġuridika sostantiva għal deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) TFUE tiddependi primarjament fuq l-objettiv u l-kontenut tal-att previst li fir-rigward tiegħu tiġi adottata pożizzjoni f’isem l-Unjoni. Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew ikollu żewġ komponenti u jekk wieħed minn dawk l-għanijiet jew komponenti jkun identifikabbli bħala ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċiment inċidentali, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) TFUE trid tkun imsejsa fuq bażi ġuridika sostantiva waħda, jiġifieri dik rikjesta mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.

4.2.2    Applikazzjoni għal dan il-każ

L-għan ewlieni u l-kontenut tal-att previst jirrelata mal-politika agrikola komuni.

Għalhekk il-bażi ġuridika sostantiva tad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 43 tat-TFUE.

4.3.    Konklużjoni

Il-bażi ġuridika tad-deċiżjoni proposta jenħtieġ li tkun l-Artikolu 43 tat-TFUE flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

2017/0211 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f'isem l-Unjoni Ewropea, fl-Organizzazzjoni Internazzjonali tad-Dielja u l-Inbid

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 43 flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Il-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Internazzjonali tad-Dielja u l-Inbid (“il-Ftehim”) daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2004.

(2)Skont l-Artikolu 2 ta’ dan il-Ftehim, l-Organizzazzjoni Internazzjonali tad-Dielja u l-Inbid (“l-OIV”) tista’ tadotta rakkomandazzjonijiet li jirrigwardaw il-kondizzjonijiet għall-produzzjoni tal-inbid, il-prassi enoloġiċi, id-definizzjoni u/jew id-deskrizzjoni tal-prodotti, l-ittikkettar u l-kundizzjonijiet għat-tqegħid fis-suq u l-metodi ta’ analiżi u valutazzjoni tal-prodotti tad-dwieli.

(3)Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-prassi enoloġiċi tqis ir-rakkomandazzjonijiet tal-OIV. Il-metodi ta’ analiżi tal-Unjoni huma bbażati fuq ir-rakkomandazzjonijiet tal-OIV. L-ispeċifikazzjonijiet sostantivi tal-OIV huma direttament inkorporati fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni. Kwistjonijiet oħrajn ittrattati mill-OIV jaqgħu wkoll taħt il-kompetenza tal-Unjoni.

(4)Huwa fl-interess reċiproku tal-OIV u tal-Unjoni li l-Unjoni tiġi infurmata b’mod sħiħ dwar id-diskussjonijiet rigward l-iżvilupp ta’ riżoluzzjonijiet ġodda tal-OIV. Parteċipazzjoni aktar attiva tal-Unjoni fix-xogħol tal-OIV jenħtieġ li tiffaċilita l-istabbiliment tal-pożizzjonijiet tal-Unjoni dwar l-abbozzi ta’ rakkomandazzjonijiet tal-OIV u l-iżvilupp futur tar-regoli tal-Unjoni skont l-istandards tal-OIV. Il-modalitajiet u l-kamp ta’ applikazzjoni tal-parteċipazzjoni tal-Unjoni fl-OIV jenħtieġ li jkunu definiti b’mod ċar.

(5)Bħalissa l-Unjoni Ewropea ma għandha l-ebda status uffiċjali fl-Organizzazzjoni Internazzjonali tad-Dielja u l-Inbid (l-OIV).

(6)Skont l-Artikolu 4 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-OIV, organizzazzjoni intergovernattiva internazzjonali tista’ titlob li tingħata status partikolari li jippermettilha li tintervjeni fix-xogħol tal-kummissjonijiet, is-sottokummissjonijiet u l-gruppi ta’ esperti, u tattendi l-laqgħat tal-Assemblea Ġenerali u tal-Kumitat Eżekuttiv. Dan l-artikolu jipprevedi li fuq proposta tal-Kumitat Eżekuttiv u bil-qbil tal-Assemblea Ġenerali, għandu jiddaħħal arranġament speċjali bejn l-OIV u l-organizzazzjoni kkonċernata, u li l-arranġament speċjali għandu jiddefinixxi, f’kull każ partikolari, il-kundizzjonijiet speċifiċi ta’ kollaborazzjoni, inkluż l-ammont tal-kontribuzzjoni finanzjarja annwali tagħha. Il-punt A.5 tal-Anness 3 ta’ dawk ir-Regoli ta’ Proċedura jipprevedi wkoll li d-deċiżjonijiet għall-għoti ta’ tali status għandhom jittieħdu mill-Assemblea Ġenerali tal-OIV u li tali deċiżjoni għandha tkun trażmessa mid-Direttur Ġenerali tal-OIV lill-organizzazzjoni inkwistjoni fil-forma ta’ skambju ta’ ittri.

(7)Fl-1 ta’ Ottubru 2015, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tniedi taħdidiet esploratorji mal-OIV bil-ħsieb li jinkiseb status partikolari għall-Unjoni, f’konformità mal-Artikolu 4 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-OIV 2 . L-arranġament speċjali kif stabbilit fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni huwa r-riżultat tat-taħditiet esploratorji. L-effetti ta’ status partikolari tal-Unjoni Ewropea fl-OIV se jkunu limitati għall-kundizzjonijiet speċifiċi definiti fih.

(8)Minkejja li m’hemmx drittijiet tal-vot marbuta mal-istatus partikolari, dan l-istatus se jippermetti involviment aktar mill-qrib tal-Unjoni fix-xogħlijiet tal-OIV, mingħajr ma jinbidel ir-rwol tal-Istati Membri li huma membri tal-OIV u għandhom iżommu l-istatus tagħhom.

(9)Wara tali taħditiet esploratorji, il-Kunsill awtorizza l-Kummissjoni sabiex tippreżenta ittra , f’isem l-UE, lill-OIV li titlob li l-Unjoni tingħata status partikolari skont it-termini tal-arranġament speċjali kif stabbilit fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

(10)Wara l-wasla tal-ittra, matul is-16-il Assemblea Ġenerali tal-20 ta’ Ottubru 2017, l-OIV ser tadotta deċiżjoni rigward l-għoti ta’ status partikolari lill-Unjoni fl-OIV (“l-att previst”).

(11)Għoxrin (20) Stat Membru huma membri tal-OIV. Huwa xieraq li tkun stabbilita l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata mill-Istati Membri, f’isem l-Unjoni fl-Assemblea Ġenerali tal-OIV, peress li l-att previst jolqot ir-rwol ikkonċernat tal-Unjoni fl-OIV u għalhekk jolqot direttament l-interessi tal-Unjoni.

(12)L-Istati Membri li huma membri tal-OIV jenħtieġ jappoġġaw id-deċiżjoni tal-Assemblea Ġenerali biex tagħti lill-Unjoni status partikolari bħal dan u li tidħol f' arranġament speċjali bħal dan mal-Unjoni kif stabbilit fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni, fid-dawl tal-effetti legali li riżoluzzjonijiet tal-OIV jista’ jkollhom u meta jitqiesu l-kompetenzi tal-Unjoni fil-biċċa l-kbira tal-oqsma koperti mill-OIV.

(13)Huwa mifhum li d-deċiżjoni tal-Assemblea Ġenerali ta’ din l-organizzazzjoni li tagħti dan l-istatus se tintbagħat mid-Direttur Ġenerali tal-OIV lill-UE bil-konfermazzjoni tad-data li minnha l-istatus partikolari tal-UE fl-OIV isir applikabbli,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni Ewropea, fis-16-il Assemblea Ġenerali tal-OIV, dwar id-deċiżjoni li tagħti status partikolari lill-Unjoni skont it-termini ta’ arranġament speċjali bejn l-OIV u l-Unjoni, huwa mniżżel fl-Anness.

Artikolu 2

Il-pożizzjoni msemmija fl-Artikolu 1 għandha tiġi espressa mill-Istati Membri tal-Unjoni li huma membri tal-OIV filwaqt li jaġixxu b’mod konġunt.



Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

DIKJARAZZJONI FINANZJARJA

Fin Stat/17/MK/aj/

rev13364208

agri.ddg3.g.2(2017)3305536

6.221.2017.1

DATA: 12/06/2017

1.

INTESTATURA TAL-BAĠIT:

Il-Kapitolu 05 06 L-ASPETTI INTERNAZZJONALI TAL-QASAM TAL-POLITIKA TAL-“AGRIKOLTURA U L-IŻVILUPP RURALI”

05 06 02 Organizzazzjonijiet agrikoli internazzjonali

APPROPRJAZZJONIJIET:

B2017: EUR 180 000

2.

TITOLU:
Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni Ewropea, fl-Organizzazzjoni Internazzjonali tad-Dielja u l-Inbid

3.

BAŻI ĠURIDIKA: L-Artikolu 43 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu, jifformaw il-bażi ġuridika ta’ din il-proposta.

4.

GĦANIJIET:

Jifformalizza r-rwol tal-UE fl-OIV.

5.

IMPLIKAZZJONIJIET FINANZJARJI

PERJODU TA’ 12-IL XAHAR

(EUR)

GĦAS-SENA FINANZJARJA ATTWALI 2017

(EUR)

GĦAS-SENA FINANZJARJA LI JMISS 2018 

(EUR)

5.0

NEFQA

-    MAĦRUĠ MILL-BAĠIT TAL-UE
(RIFUŻJONIJIET/GĦALL-INTERVENTI)

-    AWTORITAJIET NAZZJONALI

-    OĦRAJN

140 000

   140 000

5.1

DĦUL

-    RIŻORSI PROPRJI TAL-UE (IMPOSTI/DAZJI DOGANALI)

-    NAZZJONALI

5.0.1

STIMA TAN-NEFQA

5.1.1

STIMA TAD-DĦUL

5.2

METODU TAL-KALKOLU: Huwa previst arranġament speċjali marbut mas-sitwazzjoni partikolari tal-Unjoni Ewropea fl-Organizzazzjoni Internazzjonali tad-Dielja u l-Inbid (OIV). L-OIV tieħu nota li l-UE ser tagħti kontribuzzjoni finanzjarja annwali lill-OIV marbuta ma’ dan l-istatus partikolari.

6.0

IL-PROĠETT JISTA’ JIĠI FFINANZJAT MILL-APPROPRJAZZJONIJIET IMDAĦĦLA FIL-KAPITOLU RILEVANTI TAL-BAĠIT ATTWALI?

IVA LE

6.1

IL-PROĠETT JISTA’ JIĠI FFINANZJAT PERMEZZ TA’ TRASFERIMENT BEJN KAPITOLI TAL-BAĠIT ATTWALI?

6.2

SE JKUN HEMM BŻONN TA’ BAĠIT SUPPLIMENTARI?

6.3

SE JKUN HEMM BŻONN LI JIDDAĦĦLU L-APPROPRJAZZJONIJIET F’BAĠITS FUTURI?

IVA LE

Il-kontribuzzjoni finanzjarja annwali lill-OIV hija stabbilita fl-anness ta’ din id-deċiżjoni.

(1) L-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija, il-Kroazja, Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Ungerija, l-Italja, il-Lussemburgu, Malta, in-Netherlands, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovakkja, is-Slovenja, Spanja, l-Iżvezja.
(2) 12434/15 u 12270/15.
Top

Brussell, 29.8.2017

COM(2017) 457 final

ANNESS

ta' [...]

Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill
dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f'isem l-Unjoni Ewropea, fl-Organizzazzjoni Internazzjonali tad-Dielja u l-Inbid


ANNESS

L-Istati Membri tal-UE li huma membri tal-OIV għandhom jappoġġaw id-deċiżjoni tal-Assemblea Ġenerali tal-OIV li skontha l-Unjoni Ewropea għandha tingħata status partikolari skont it-termini tal-arranġament speċjali li ġej bejn l-OIV u l-Unjoni Ewropea:

Arranġament speċjali marbut mas-sitwazzjoni partikolari tal-Unjoni Ewropea fi ħdan l-Organizzazzjoni Internazzjonali tad-Dielja u l-Inbid

1. OQSMA TA’ KOOPERAZZJONI

L-Organizzazzjoni Internazzjonali tad-Dielja u l-Inbid (OIV) u l-Unjoni Ewropea (UE) għandhom għanijiet komuni fir-rigward tas-settur tal-inbid. It-tnejn li huma jikkontribwixxu għall-armonizzazzjoni tal-prassi u l-istandards, fil-livell internazzjonali u fuq l-iskala tal-UE, sabiex tiġi ffaċilitata l-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tal-inbid. B’mod partikolari, l-OIV tadotta u tippubblika riżoluzzjonijiet relatati mad-dielja u l-inbid, u tagħti l-għajnuna tagħha lil organizzazzjonijiet internazzjonali oħra fl-attivitajiet ta’ standardizzazzjoni tagħhom. Fost l-attivitajiet tal-UE fl-oqsma koperti mill-OIV hemm ir-regoli dwar id-definizzjoni, il-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni tal-inbejjed, tal-prodotti tal-inbid aromatizzati, l-ispirti li joriġinaw mill-inbid, il-meraq tal-għeneb u l-għeneb tal-mejda.

2. KUNDIZZJONIJIET SPEĊIFIĊI DWAR IL-KOLLABORAZZJONI

L-UE, irrappreżentata mill-Kummissjoni Ewropea, tista’ tintervjeni fix-xogħol tal-kummissjonijiet, tas-sottokummissjonijiet u tal-gruppi tal-esperti tal-OIV. Meta jkun xieraq, f’dawn il-laqgħat, ir-rappreżentant tal-Kummissjoni Ewropea se jippreżenta b’mod partikolari l-leġiżlazzjoni tal-UE li tista’ teżisti fil-qasam ikkonċernat u l-interess speċifiku tal-UE għall-kwistjonijiet eżaminati.

Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni Ewropea jista’ jgħin fil-laqgħat tal-Assemblea Ġenerali u tal-Kumitat Eżekuttiv. Fuq talba u skont ir-regoli ta’ proċedura tal-OIV, ir-rappreżentant tal-Kummissjoni Ewropea jista’ jinforma lil dawn il-korpi dwar il-pożizzjonijiet tal-UE dwar il-kwistjonijiet tal-aġenda li f’dak il-mument jkunu ta’ interess dirett għall-UE.

Il-Kummissjoni Ewropea se tistieden b’mod regolari lill-OIV sabiex tiskambja informazzjoni u tiddiskuti suġġetti ta’ interess komuni għall-OIV u l-UE.

L-OIV tibgħat lill-Kummissjoni Ewropea (permezz tal-email AGRI-OIV@ec.europa.eu), flimkien mal-membri kollha tal-OIV, id-dokumenti rilevanti kollha, inklużi l-abbozzi ta’ riżoluzzjonijiet li jistgħu jkunu soġġetti għall-vot tal-Assemblea Ġenerali. Sabiex, fejn meħtieġ, il-pożizzjonijiet tal-UE jkunu jistgħu jiġu stabbiliti f’waqthom, l-OIV tibgħat l-abbozzi ta’ riżoluzzjoni malajr kemm jista’ jkun qabel l-Assemblea Ġenerali fejn se jiġu soġġetti għall-vot.

Il-Kummissjoni Ewropea tibgħat lill-OIV id-dokumenti rilevanti kollha dwar l-adozzjoni ta’ atti ġuridiċi ġodda tal-UE li huma ta’ interess dirett għall-OIV meta d-dokumenti jiġu ppubblikati.

L-OIV tinnota l-fatt li l-UE ser tagħti kontribuzzjoni finanzjarja annwali ta’ EUR 140.000.

Top