IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 11.8.2017
COM(2017) 426 final
2017/0192(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL
li tawtorizza lir-Rumanija tapplika miżura speċjali ta' deroga għall-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
Skont l-Artikolu 395(1) tad-Direttiva 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (minn issa ’l quddiem “id-Direttiva tal-VAT”), il-Kunsill, li jaġixxi b'mod unanimu fuq proposta tal-Kummissjoni, jista’ jawtorizza kwalunkwe Stat Membru biex japplika miżuri speċjali li jidderogaw mid-dispożizzjonijiet ta’ dik id-Direttiva biex jissimplifika l-proċedura tal-ġbir tal-VAT jew biex jipprevjeni ċerti forom ta' evażjoni jew ta' evitar tat-taxxa.
F'ittra reġistrata mal-Kummissjoni fis-26 ta' April 2017, ir-Rumanija talbet li tkompli l-applikazzjoni tal-miżura li tidderoga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva tal-VAT biex tippermetti l-eżenzjoni mill-VAT ta’ persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom ma jaqbiżx limitu speċifiku. Fl-istess waqt ir-Rumanija talbet li żżid il-limitu tal-eżenzjoni mill-ekwivalenti ta’ EUR 65 000 fil-munita nazzjonali għall-ekwivalenti ta’ EUR 88 500 fil-munita nazzjonali.
B’konformità mal-Artikolu 395(2) tad-Direttiva tal-VAT, il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri l-oħra bit-talba tar-Rumanija, permezz ta’ ittra datata d-9 ta’ Ġunju 2017. Permezz ta' ittra datata t-12 ta' Ġunju 2017, il-Kummissjoni nnotifikat lir-Rumanija li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tqis it-talba.
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Raġunijiet u għanijiet tal-proposta
Il-Kapitolu 1 tat-Titolu XII tad-Direttiva tal-VAT jagħti l-possibbiltà lill-Istati Membri biex japplikaw skemi speċjali għall-intrapriżi ż-żgħar, fosthom il-possibbiltà li jeżentaw lill-persuni taxxabbli li jkollhom inqas minn ċertu fatturat annwali. Din l-eżenzjoni timplika li persuna taxxabbli ma għandhiex għalfejn iżżomm il-VAT fuq il-provvisti tagħha, u b’konsegwenza ta’ dan, ma tistax tnaqqas il-VAT minn fuq l-akkwisti tagħha.
Abbażi tal-Artikolu 287(18) tad-Direttiva tal-VAT, ir-Rumanija tista' tagħti eżenzjoni mill-VAT lill-persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom mhuwiex iktar mill-ekwivalenti ta' EUR 35 000 fil-munita nazzjonali bir-rata tal-kambju fil-jum tal-adeżjoni tagħha. Permezz tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2012/181/UE, ir-Rumanija hija awtorizzata li tapplika limitu ogħla u għalhekk li teżenta mill-VAT persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom ma jaqbiżx il-EUR 65 000. Din il-miżura kienet estiża permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2014//931/UE li tiskadi fil-31 ta' Diċembru 2017. Ir-Rumanija talbet li testendi l-miżura għal perjodu limitat ieħor u fl-istess ħin iżżid il-limitu ta’ eżenzjoni għal EUR 88 500.
Huwa mistenni li ż-żieda fil-limitu tnaqqas l-obbligi marbuta mal-VAT għal għadd ta’ intrapriżi żgħar b’attività ekonomika mnaqqsa u tistimola l-attività ta’ dawn l-intrapriżi żgħar, billi dawn se jinħelsu minn numru ta’ obbligi tat-taxxa bħall-preżentazzjoni tad-dikjarazzjonijiet tal-VAT jew iż-żamma tar-reġistri tal-VAT. Huwa antiċipat ukoll li ż-żieda fil-limitu se tnaqqas il-piż tal-awtoritajiet tat-taxxa billi jitneħħa l-bżonn li jiġi mmonitorjat il-ġbir ta’ volum żgħir ta’ dħul minn għadd akbar ta’ intrapriżi żgħar.
Skont ir-Rumanija, iż-żieda fil-limitu mhux se jkollha impatt importanti fuq id-dħul tal-istat. Huwa stmat li ż-żieda fil-limitu se twassal għal tnaqqis fid-dħul baġitarju tal-istat ta’ madwar 0,60 % tal-irċevuti totali tal-VAT.
Il-persuni taxxabbli li l-fatturat tagħhom ma jaqbiżx il-limitu xorta se jkollhom il-possibbiltà li jkunu rreġistrati għal skopijiet ta’ VAT.
•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti ta' politika fil-qasam ta' politika
Stati Membri oħra ngħataw derogi simili. Il-Belġju ngħata limitu ta’ EUR 25 000, il-Lussemburgu ngħata limitu ta' EUR 30 000, il-Polonja u l-Estonja ngħataw limitu ta’ EUR 40 000, il-Litwanjangħatat limitu ta' EUR 45 000, il-Latvjau s-Slovenjangħataw limitu ta' EUR 50 000 u l-Italja ngħatat limitu ta' EUR 65 000.
Id-derogi mid-Direttiva tal-VAT dejjem jenħtieġ li jkunu limitati fiż-żmien biex l-effetti tagħhom ikunu jistgħu jiġu vvalutati. Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 281 sa 294 tad-Direttiva tal-VAT dwar skema speċjali għall-intrapriżi ż-żgħar bħalissa qed jiġu eżaminati mill-ġdid. Kif imħabbar fil-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-VAT, u fil-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni tal-2017, huwa mistenni li l-proposta tal-Kummissjoni fil-forma ta’ pakkett komprensiv ta’ simplifikazzjoni tiġi ppreżentata sa tmiem l-2017.
Għaldaqstant, qed jiġi propost li jkun permess li l-limitu tar-Rumanija jiżdied sal-ekwivalenti ta’ EUR 88 500 fil-munita nazzjonali mill-1 ta’ Jannar 2018 sal-31 ta’ Diċembru 2020, jew sad-dħul fis-seħħ ta’ direttiva li temenda d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-VAT dwar skema speċjali għall-intrapriżi ż-żgħar.
•Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni
Minkejja li l-limitu hu pjuttost għoli meta mqabbel mal-livell ta’ limiti mogħtija lill-Istati Membri l-oħra, il-miżura tikkonforma mal-għanijiet tal-Unjoni għan-negozji ż-żgħar, kif stabbilit fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir” – “Att dwar in-Negozji ż-Żgħar” għall-Ewropa” li tistieden lill-Istati Membri biex iqisu l-karatteristiki speċjali tal-SMEs meta jfasslu l-leġiżlazzjoni u, għaldaqstant, jissimplifikaw l-ambjent regolatorju eżistenti.
2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
•Bażi ġuridika
L-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-VAT.
•Sussidjarjetà (għal kompetenza mhux esklużiva)
Meta titqies id-dispożizzjoni tad-Direttiva tal-VAT li fuqha hija bbażata l-proposta, il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax.
•Proporzjonalità
Id-Deċiżjoni tikkonċerna awtorizzazzjoni mogħtija lil Stat Membru fuq talba tiegħu u ma tikkostitwixxi l-ebda obbligu.
Minħabba l-kamp ta’ applikazzjoni limitat tad-deroga, il-miżura speċjali hija proporzjonata mal-għan li jrid jintlaħaq, jiġifieri s-simplifikazzjoni għal għadd addizzjonali ta’ persuni taxxabbli żgħar u għall-amministrazzjoni tat-taxxa.
•Għażla tal-istrument
L-istrument propost: Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill.
Skont l-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, deroga mir-regoli komuni tal-VAT hija possibbli biss bl-awtorizzazzjoni tal-Kunsill li jaġixxi b'mod unanimu fuq proposta tal-Kummissjoni. Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill hija l-aktar strument xieraq peress li tista’ tiġi indirizzata lil Stat Membru individwali.
3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
•Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati
Din il-proposta hija bbażata fuq talba mir-Rumanija u tikkonċerna biss lil dan l-Istat Membru.
•Ġbir u użu tal-għarfien espert
Ma kienx hemm bżonn ta’ għarfien espert estern.
•Valutazzjoni tal-impatt
Il-proposta għal Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill iżżid il-limitu tal-fatturat annwali li taħtu l-persuni taxxabbli jistgħu jikkwalifikaw għal eżenzjoni mill-VAT. Għaldaqstant testendi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżura ta’ simplifikazzjoni li tneħħi ħafna mill-obbligi tal-VAT għan-negozji li joperaw b’fatturat annwali li mhuwiex ogħla mill-ekwivalenti ta’ EUR 88 500 fil-munita nazzjonali.
Il-persuni li l-fatturat taxxabbli tagħhom ma jaqbiżx il-limitu mhux se jiġu identifikati għal skopijiet ta’ VAT u ma jkollhomx għalfejn iżommu reġistri tal-VAT jew jippreżentaw id-dikjarazzjonijiet tal-VAT. Għalhekk, il-piż amministrattiv fuqhom se jitnaqqas bħala riżultat tal-miżura. Se jkun hemm tnaqqis fl-ammont ta' xogħol tal-awtoritajiet tat-taxxa li mhux se jkollhom bżonn jimmonitorjaw il-ġbir ta’ volum żgħir ta’ dħul minn għadd addizzjonali ta’ intrapriżi żgħar.
L-impatt baġitarju taż-żieda fil-limitu f'termini tad-dħul mill-VAT għar-Rumanija huwa stmat li huwa madwar 0,60 % tal-irċevuti kollha tal-VAT.
4.IMPLIKAZZJONIJIET GĦALL-BAĠIT
Il-proposta ma għandhiex implikazzjoni għall-baġit tal-UE għaliex ir-Rumanija se twettaq kalkolu ta’ kumpens skont l-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE, EURATOM) 1553/89.
2017/0192 (NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL
li tawtorizza lir-Rumanija tapplika miżura speċjali ta' deroga għall-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, u b’mod partikolari l-Artikolu 395(1) tagħha,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Skont l-Artikolu 287(18) tad-Direttiva 2006/112/KE, ir-Rumanija tista’ teżenta mit-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) lill-persuni taxxabbli li jkollhom fatturat annwali ta’ mhux aktar mill-ekwivalenti ta’ EUR 35 000 fil-munita nazzjonali bir-rata tal-kambju fil-jum tal-adeżjoni tagħha.
(2)Permezz tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2012/181/UE, ir-Rumanija hija awtorizzata li tapplika limitu ogħla u għalhekk li teżenta mill-VAT persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom ma jaqbiżx il-EUR 65 000. Din il-miżura kienet estiża permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2014/931/UE li tiskadi fil-31 ta' Diċembru 2017.
(3)F'ittra reġistrata mal-Kummissjoni fis-26 ta' April 2017, ir-Rumanija talbet awtorizzazzjoni biex tkompli tidderoga mill-Artikolu 287(18) tad-Direttiva 2006/112/KE u fl-istess ħin iżżid il-limitu tal-eżenzjoni għall-ekwivalenti ta' EUR 88 500 fil-munita nazzjonali.
(4)Limitu ogħla għall-iskema speċjali għall-intrapriżi ż-żgħar huwa miżura ta’ simplifikazzjoni billi dan jista’ jnaqqas b’mod sinifikanti l-obbligi tal-VAT għall-intrapriżi ż-żgħar.
(5)B’konformità mal-Artikolu 395(2) tad-Direttiva 2006/112/KE, permezz ta’ ittra datata d-9 ta’ Ġunju 2017 il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri l-oħrajn bit-talba li għamlet ir-Rumanija. B'ittra datata t-12 ta' Ġunju 2017 il-Kummissjoni nnotifikat lir-Rumanija li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tikkunsidra t-talba.
(6)Ir-Rumanija tistenna li l-miżura se tnaqqas l-obbligi marbuta mal-VAT għal għadd ta’ intrapriżi żgħar. Din jenħtieġ li tnaqqas ukoll il-piż tal-awtoritajiet tat-taxxa billi jitneħħa l-bżonn li jiġi mmonitorjat il-ġbir ta’ volum ta’ dħul minn għadd akbar ta’ intrapriżi żgħar.
(7)Minħabba li din il-miżura ta' deroga se tirriżulta f'obbligi mnaqqsin tal-VAT għall-intrapriżi ż-żgħar, ir-Rumanija jenħtieġ li tkun awtorizzata tapplika l-miżura għal perjodu limitat. Il-persuni taxxabbli jenħtieġ li xorta waħda jkunu jistgħu jagħżlu l-arranġamenti normali tal-VAT.
(8)Billi l-Artikoli 281 sa 294 tad-Direttiva 2006/112/KE li jirregolaw l-iskema speċjali għall-intrapriżi ż-żgħar huma soġġetti għal eżaminazzjoni mill-ġdid, huwa possibbli li tidħol fis-seħħ direttiva li temenda dawk id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/112/KE qabel jiskadi l-perjodu ta’ validità tad-deroga.
(9)Abbażi tal-informazzjoni li pprovdiet ir-Rumanija, il-limitu miżjud se jkollu impatt negliġibbli fuq l-ammont globali tad-dħul mit-taxxa miġbur fl-istadju tal-konsum finali.
(10)Id-deroga ma għandha l-ebda impatt fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni li jakkumulaw mill-VAT peress li r-Rumanija se twettaq kalkolu ta’ kumpens skont l-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE EURATOM) 1553/89.
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Permezz ta' deroga mill-Artikolu 287(18) tad-Direttiva 2006/112/KE, ir-Rumanija hija awtorizzata li teżenta mill-VAT persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom mhuwiex ogħla mill-ekwivalenti ta' EUR 88 500 fil-munita nazzjonali bir-rata tal-kambju fil-jum tal-adeżjoni tagħha.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2018 sal-31 ta’ Diċembru 2020, jew sad-dħul fis-seħħ ta’ direttiva li temenda d-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 281 sa 294 tad-Direttiva 2006/112/KE, skont liema data tiġi l-ewwel.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Rumanija.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President