Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017PC0425

    Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-pożizzjoni li trid tiġi adottata, f’isem l-Unjoni Ewropea, fir-rigward tal-proposti ta’ standards tal-kwalità għall-frott u għall-ħaxix li jridu jiġu adottati fil-Grupp ta’ Ħidma tal-Istandards tal-Kwalità Agrikola (WP.7 tan-NU/KEE) tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti

    COM/2017/0425 final - 2017/0191 (NLE)

    Brussell, 14.8.2017

    COM(2017) 425 final

    2017/0191(NLE)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    dwar il-pożizzjoni li trid tiġi adottata, f’isem l-Unjoni Ewropea, fir-rigward tal-proposti ta’ standards tal-kwalità għall-frott u għall-ħaxix li jridu jiġu adottati fil-Grupp ta’ Ħidma tal-Istandards tal-Kwalità Agrikola (WP.7 tan-NU/KEE) tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    L-attivitajiet li jistabbilixxu l-istandards tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (NU/KEE) jitwettqu mill-Grupp ta’ Ħidma tal-Istandards tal-Kwalità Agrikola (WP.7) skont il-Fehim ta’ Ġinevra dwar l-Istandards ta’ tal-Kwalità Agrikola 1 .

    Id-WP.7 jopera f’konformità mat-termini ta’ referenza 2 u mal-proċeduri ta’ ħidma 3 tiegħu għall-adozzjoni tal-istandards tal-kwalità agrikola tan-NU/KEE. Il-proposti tal-istandards tal-kwalità tan-NU/KEE dwar il-frott u l-ħaxix jitħejjew rispettivament mis-Sezzjoni Speċjalizzata dwar l-Istandardizzazzjoni tal-Frott u tal-Ħaxix Frisk u mis-Sezzjoni Speċjalizzata dwar l-Istandardizzazzjoni tal-Prodotti Mnixxfin u Mqaddin. Imbagħad il-proposti jiġu adottati b’kunsens mid-WP.7 tan-NU/KEE jew jintbagħtu lura biex jiġu diskussi fis-Sezzjonijiet Speċjalizzati. Dan l-eżerċizzju jsir kull sena.

    Il-membri kollha tan-Nazzjonijiet Uniti jew tal-aġenziji speċjalizzati tan-NU jistgħu jipparteċipaw fix-xogħol tan-NU/KEE dwar l-istandards tal-kwalità agrikola; L-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea jipparteċipaw b’mod regolari f’dan ix-xogħol. L-Unjoni Ewropea tipparteċipa bħala osservatur fid-WP.7 tan-NU/KEE u fis-Sezzjonijiet Speċjalizzati tan-NU dwar l-Istandardizzazzjoni tal-Frott u tal-Ħaxix Frisk u tal-Prodotti Mnixxfin u Mqaddin.

    Fil-livell tal-Unjoni, skont l-Artikoli 75(1) u 76(1) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 4 , il-prodotti tas-settur tal-frott u tal-ħaxix li huma maħsuba biex jinbiegħu friski lill-konsumaturi, jistgħu jiġu kkummerċjalizzati biss jekk ikunu konformi mal-istandards applikabbli tal-kummerċjalizzazzjoni, jekk ikunu tajbin, ġusti u ta’ kwalità għall-kummerċjalizzazzjoni u jekk ikun indikat il-pajjiż tal-oriġini.

    Skont l-Artikolu 75(2) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tistabbilixxi standards tal-kummerċjalizzazzjoni fis-settur tal-frott u tal-ħaxix b’att delegat. Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 543/2011 5 jistipula standards speċifiċi tal-kummerċjalizzazzjoni għal ċerti prodotti tal-frott u tal-ħaxix. Dawn l-istandards speċifiċi tal-kummerċjalizzazzjoni huma bbażati fuq l-istandards tal-kwalità tan-NU/KEE għal dawn il-prodotti.

    L-Artikolu 3(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 543/2011 jistipula li l-prodotti li mhumiex koperti b’standard speċifiku tal-UE tal-kummerċjalizzazzjoni jitqiesu bħala prodotti li jkunu konformi mal-istandard ġenerali tal-kummerċjalizzazzjoni meta dawn ikunu konformi ma’ kwalunkwe standard applikabbli adottat min-NU/KEE. Il-premessa 6 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 543/2011 jistipula li l-istandards speċifiċi tal-kummerċjalizzazzjoni li huma stabbiliti għal ċerti prodotti, jenħtieġ li jkunu dawk li huma stabbiliti fl-istandards tan-NU/KEE.

    L-istandards tan-NU/KEE jiddefinixxu l-livelli minimi ta’ kwalità li jipprovdu lingwaġġ komuni biex jiġi ffaċilitat il-kummerċ ġust, jipprevjenu l-ostakli tekniċi għall-kummerċ u jżidu t-trasparenza fis-swieq. Dawn jippromwovu l-kummerċjalizzazzjoni sostenibbli tal-prodotti agrikoli ta’ kwalità, ma jħallux lill-prodotti agrikoli ta’ kwalità baxxa jidħlu fis-suq u jipproteġu l-interessi tal-konsumaturi. B’hekk dawn jikkontribwixxu għall-armonizzazzjoni internazzjonali tal-istandard tal-frott u tal-ħaxix u se jistabbilixxu qafas li se jiżgura li jkun hemm kompetizzjoni ġusta fil-kummerċ tal-frott u tal-ħaxix. L-istandards tan-NU/KEE huma żviluppati biex ikunu konformi mal-miri tal-Ftehim dwar l-Ostakli Tekniċi għall-Kummerċ tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) 6 .

    Qabel ma jiġu adottati mid-WP.7 tan-NU/KEE, il-proposti jiġu diskussi b’mod estensiv bejn l-esperti xjentifiċi u tekniċi tas-settur tal-frott u tal-ħaxix fis-Sezzjonijiet Speċjalizzati dwar l-Istandardizzazzjoni, li fihom jieħdu sehem l-esperti mill-Istati Membri.

    Għalhekk, jenħtieġ li l-adozzjoni tagħhom fid-WP.7 tan-NU/KEE tkun soġġetta għal kundizzjonijiet li jiżguraw il-konformità tagħhom mad-dritt tal-Unjoni u b’mod partikolari mar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 u l-allinjament tagħhom mal-interessi u mal-objettivi fil-qasam tal-politika agrikola. Barra minn hekk, jekk il-Kummissjoni jkollha xi tħassib li ma jkunx ġie diskuss fis-Sezzjonijiet Speċjalizzati dwar l-Istandardizzazzjoni jew jekk tkun disponibbli xi informazzjoni xjentifika jew teknika ġdida, jenħtieġ li jiġi żgurat li dak it-tħassib jiġi diskuss kif imiss qabel ma tittieħed deċiżjoni dwar il-proposta fid-WP.7 tan-NU/KEE. Meta għadd suffiċjenti ta’ Stati Membri jopponu l-proposta, l-Istati Membri parteċipanti tad-WP.7 tan-NU/KEE għandhom jipposponu d-deċiżjoni u jiżguraw li l-proposta tintbagħat lura għal diskussjoni fis-Sezzjonijiet Speċjalizzati dwar l-Istandardizzazzjoni jew fil-gruppi ta’ ħidma ddedikati li fihom jenħtieġ li tinstab soluzzjoni għat-tħassib.

    1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

    Raġunijiet u għanijiet tal-proposta

    L-istandards tan-NU/KEE jiddefinixxu l-livelli minimi ta’ kwalità li jipprovdu lingwaġġ komuni biex jiġi ffaċilitat il-kummerċ ġust, jipprevjenu l-ostakli tekniċi għall-kummerċ u jżidu t-trasparenza fis-swieq. Dawn jippromwovu l-kummerċjalizzazzjoni sostenibbli tal-prodotti agrikoli ta’ kwalità, ma jħallux lill-prodotti agrikoli ta’ kwalità baxxa jidħlu fis-suq u jipproteġu l-interessi tal-konsumaturi. B’hekk dawn jikkontribwixxu għall-armonizzazzjoni internazzjonali tal-istandards tal-frott u tal-ħaxix u se jistabbilixxu qafas li jiżgura li jkun hemm kompetizzjoni ġusta fil-kummerċ tal-frott u tal-ħaxix. L-istandards tan-NU/KEE huma żviluppati biex ikunu konformi mal-miri tal-Ftehim dwar l-Ostakli Tekniċi għall-Kummerċ tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO).

    Kif spjegat hawn fuq, l-istandards tal-kwalità tan-NU/KEE dwar il-frott u l-ħaxix jaffettwaw id-dritt tal-Unjoni. Għalhekk, jenħtieġ li l-pożizzjoni tal-Unjoni tiġi stabbilita f’konformità mal-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Din il-proposta għandha l-għan li tistabbilixxi din il-pożizzjoni tal-Unjoni, skont kundizzjonijiet u proċeduri ddefiniti.

    Ir-rieżami u l-adozzjoni tal-istandards tal-kwalità tan-NU/KEE huma proċessi kontinwi li jiżguraw li l-istandards ikunu fis-seħħ, ikunu aġġornati u jkunu skont it-tagħrif xjentifiku u tekniku attwali. Għaldaqstant jeħtieġ li jiddaħħal fis-seħħ proċess li permezz tiegħu l-pożizzjoni tal-Unjoni tiġi stabbilita għal dan l-għan għal perjodu ta’ żmien indefinit. Jenħtieġ li l-laqgħat ta’ koordinazzjoni jsiru kull sena qabel l-adozzjoni/ir-rieżami tal-istandards tal-kwalità min-NU/KEE.

    Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

    Din il-proposta hija konsistenti mal-qafas legali tal-Unjoni dwar l-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni għall-frott u għall-ħaxix li ġew stabbiliti fl-Artikoli 75 u 76 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 u fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 543/2011. Dan jiżgura li l-pożizzjoni tal-Unjoni għall-adozzjoni tal-istandards tal-kwalità tan-NU/KEE, imsemmija fid-dispożizzjonijiet ta’ hawn fuq, tiġi stabbilita kif suppost.

     Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

    Il-pożizzjoni tal-Unjoni hija stabbilita bl-istess mod għal diversi organizzazzjonijiet internazzjonali li jistabbilixxu standards li jaffettwaw id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari fir-rigward tal-istandards adottati fl-Organizzazzjoni Internazzjonali tad-Dielja u l-Inbid (OIV).

    2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

    Bażi ġuridika

    L-Artikoli 43 u 218(9) tat-TFUE.

    Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

    Mhux applikabbli.

    Proporzjonalità

    Mhux applikabbli.

    Għażla tal-istrument

    L-ebda strument ieħor mhu disponibbli għal din l-inizjattiva.

    3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

    Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

    Mhux applikabbli.

    Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

    Mhux applikabbli

    Ġbir u użu tal-kompetenzi

    Mhux applikabbli.

    Valutazzjoni tal-impatt

    Mhux applikabbli.

    Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

    Mhux applikabbli.

    Drittijiet fundamentali

    Id-drittijiet fundamentali mhumiex affettwati mill-proposta.

    4.IMPLIKAZZJONIJIET GĦALL-BAĠIT

    Il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni fuq il-baġit.

    5.ELEMENTI OĦRA

    Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rappurtar

    Il-Kummissjoni Ewropea se tipparteċipa fil-laqgħa ta’ koordinazzjoni tal-Grupp ta’ Ħidma kompetenti tal-Kunsill li se tiġi organizzata kif ikun meħtieġ, kull sena qabel il-laqgħa tad-WP.7 tan-NU/KEE.

    Dokumenti ta’ spjegazzjoni (għad-direttivi)

    Mhux applikabbli.

    2017/0191 (NLE)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    dwar il-pożizzjoni li trid tiġi adottata, f’isem l-Unjoni Ewropea, fir-rigward tal-proposti ta’ standards tal-kwalità għall-frott u għall-ħaxix li jridu jiġu adottati fil-Grupp ta’ Ħidma tal-Istandards tal-Kwalità Agrikola (WP.7 tan-NU/KEE) tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43 flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)Il-Grupp ta’ Ħidma tal-Istandards tal-Kwalità Agrikola (WP.7 tan-NU/KEE) tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti jeżamina u jadotta l-proposti li jistabbilixxu standards ġodda tal-kwalità tan-NU/KEE jew li jemendaw standards eżistenti tal-kwalità tan-NU/KEE għall-frott u għall-ħaxix. Il-proposti jitħejjew minn Sezzjonijiet Speċjalizzati dwar l-Istandardizzazzjoni tan-NU/KEE. Id-WP.7 tan-NU/KEE jadotta l-proposti bil-kunsens tal-membri parteċipanti.

    (2)L-istandards tal-kwalità tan-NU/KEE għall-frott u għall-ħaxix jikkontribwixxu għall-armonizzazzjoni internazzjonali tal-istandards tal-frott u tal-ħaxix u se jistabbilixxu qafas li jiżgura li jkun hemm kompetizzjoni ġusta fil-kummerċ tal-frott u tal-ħaxix.

    (3)L-Unjoni tipparteċipa bħala osservatur fid-WP.7 tan-NU/KEE u fis-Sezzjoni Speċjalizzata dwar l-Istandardizzazzjoni. L-Istati Membri huma membri tan-NU/KEE u jipparteċipaw fid-WP.7 tan-NU/KEE u fis-Sezzjonijiet Speċjalizzati dwar l-Istandardizzazzjoni. L-Istati Membri, bħala parteċipanti fid-WP.7 tan-NU/KEE, huma intitolati li jieħdu sehem fit-teħid tad-deċiżjonijiet dwar l-adozzjoni tal-istandards tal-kwalità agrikola tad-WP.7 tan-NU/KEE.

    (4)Skont l-Artikoli 75(1) u 76(1) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 7 , il-prodotti tas-settur tal-frott u tal-ħaxix li huma maħsuba biex jinbiegħu friski lill-konsumaturi, jistgħu jiġu kkummerċjalizzati biss jekk ikunu konformi mal-istandards applikabbli tal-kummerċjalizzazzjoni, jekk ikunu tajbin, ġusti u ta’ kwalità għall-kummerċjalizzazzjoni u jekk ikun indikat il-pajjiż tal-oriġini.

    (5)Skont l-Artikolu 75(2) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tistabbilixxi standards tal-kummerċjalizzazzjoni fis-settur tal-frott u tal-ħaxix b’att delegat. Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 543/2011 8 jistipula standards speċifiċi tal-kummerċjalizzazzjoni għal ċerti prodotti tal-frott u tal-ħaxix. Dawn l-istandards speċifiċi tal-kummerċjalizzazzjoni huma bbażati fuq l-istandards tal-kwalità tan-NU/KEE għal dawn il-prodotti.

    (6)Skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011, il-frott u l-ħaxix li mhumiex koperti bi standard speċifiku tal-kummerċjalizzazzjoni għandhom ikunu konformi mal-istandard ġenerali tal-kummerċjalizzazzjoni li huwa stabbilit fil-Parti A tal-Anness I ta’ dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni. Il-prodotti li jkunu konformi ma’ kwalunkwe standard applikabbli ta’ kummerċjalizzazzjoni adottat min-NU/KEE jitqiesu bħala prodotti li jkunu konformi mal-istandard ġenerali tal-kummerċjalizzazzjoni.

    (7)Peress li l-istandards tal-kwalità agrikola tan-NU/KEE għall-frott u għall-ħaxix jaffettwaw id-dritt tal-Unjoni, jeħtieġ li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li trid tiġi adottata f’isem l-Unjoni fid-WP.7 tan-NU/KEE fir-rigward ta’ dawn l-istandards tal-kwalità.

    (8)Il-proposti għal standards tal-kwalità li jitħejjew mis-Sezzjoni Speċjalizzata dwar l-Istandardizzazzjoni tal-Frott u tal-Ħaxix u mis-Sezzjoni Speċjalizzata dwar l-Istandardizzazzjoni tal-Prodotti Mnixxfin u Mqaddin jiġu diskussi b’mod estensiv bejn l-esperti xjentifiċi u tekniċi tas-settur tal-frott u tal-ħaxix. Għalhekk, jenħtieġ li dawn il-proposti jiġu appoġġati f’isem l-Unjoni mill-Istati Membri, diment li jkunu fl-interess tal-Unjoni u ma jmorrux kontra d-dritt tal-Unjoni u b’mod partikolari r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 u sakemm tiġi segwita proċedura li tkun ġiet stabbilita għal dak l-għan.

    (9)Meta l-Kummissjoni jkollha tħassib li ma jkunx ġie diskuss fis-Sezzjonijiet Speċjalizzati dwar l-Istandardizzazzjoni jew meta tfeġġ xi informazzjoni xjentifika jew teknika ġdida qabel jew matul il-laqgħa tad-WP.7 tan-NU/KEE, jenħtieġ li l-adozzjoni tal-proposta tiġi posposta u jenħtieġ li l-proposta tintbagħat lura għal iktar diskussjoni fis-Sezzjonijiet Speċjalizzati dwar l-Istandardizzazzjoni, sakemm dan it-tħassib jew din l-informazzjoni ġdida tkun ġiet diskussa kif imiss.

    (10)Meta għadd suffiċjenti ta’ Stati Membri jikkostitwixxu minoranza li timblokka l-proposta skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 238(3)(a) tat-Trattat u jopponuha, jenħtieġ li l-Istati Membri parteċipanti tal-laqgħa tad-WP.7 tan-NU/KEE jipposponu d-deċiżjoni u jkomplu d-diskussjonijiet fis-sezzjonijiet speċjalizzati jew fil-gruppi ta’ ħidma.

    (11)Sabiex ikun hemm il-flessibbiltà meħtieġa waqt id-diskussjonijiet ta’ qabel il-laqgħa tad-WP.7 tan-NU/KEE u waqt id-diskussjonijiet li jsiru fiha, jenħtieġ li l-Istati Membri, wara li jkunu infurmaw lill-Kummissjoni, ikunu awtorizzati li jaċċettaw li jsiru bidliet fil-proposti, diment li dawn il-bidliet ma jbiddlux is-sustanza tal-proposti,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Meta d-WP.7 tan-NU/KEE jissejjaħ biex jistabbilixxi standards ġodda tal-kwalità tan-NU/KEE għall-frott u għall-ħaxix jew biex jiġu emendati l-istandards eżistenti tal-kwalità tan-NU/KEE għall-frott u għall-ħaxix, l-Istati Membri li jipparteċipaw fid-WP.7 tan-NU/KEE, filwaqt li jaġixxu b’mod konġunt f’isem l-Unjoni Ewropea, għandhom jaċċettaw li jsiru proposti li jkunu tħejjew mis-Sezzjoni Speċjalizzata dwar l-Istandardizzazzjoni tal-Frott u tal-Ħaxix Frisk u mis-Sezzjoni Speċjalizzata dwar l-Istandardizzazzjoni tal-Prodotti Mnixxfin u Mqaddin jew li jiġu emendati l-istandards eżistenti tal-kwalità tan-NU/KEE għall-frott u għall-ħaxix skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 2 u bil-kundizzjonijiet li ġejjin:

    (a)l-istandards il-ġodda tal-kwalità għall-frott u għall-ħaxix jew il-bidliet fl-istandards eżistenti tal-kwalità għall-frott u għall-ħaxix ikunu fl-interess tal-Unjoni u jaqdu l-objettivi li trid tilħaq l-Unjoni fil-qafas tal-politika agrikola tagħha; u

    (b)l-istandards il-ġodda tal-kwalità għall-frott u għall-ħaxix jew il-bidliet fl-istandards eżistenti tal-kwalità għall-frott u għall-ħaxix ma jmorrux kontra d-dritt tal-Unjoni u b’mod partikolari ma jmorrux kontra r-Regolament (UE) Nru 1308/2013, mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Kummissjoni li tadatta r-regoli tal-Unjoni b’att delegat, b’mod partikolari fir-rigward tal-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni għall-frott u għall-ħaxix, imsemmija fl-Artikolu 75 ta’ dak ir-Regolament.

    Artikolu 2

    1.    Sabiex tiġi ddefinita l-pożizzjoni tal-Unjoni u kif l-Istati Membri għandhom jimplimentawha f’materji msemmija fl-Artikolu 1, għandha ssir laqgħa tal-Grupp ta’ Ħidma kompetenti tal-Kunsill biżżejjed qabel il-laqgħa tad-WP.7 tan-NU/KEE.

    2.    B’deroga mill-Artikolu 1, meta l-Kummissjoni tikkomunika tħassib partikolari marbut ma’ proposta tas-Sezzjoni Speċjalizzata dwar l-Istandardizzazzjoni tal-Frott u tal-Ħaxix Frisk jew tas-Sezzjoni Speċjalizzata dwar l-Istandardizzazzjoni tal-Prodotti Mnixxfin u Mqaddin fil-laqgħa tal-Grupp ta’ Ħidma kompetenti tal-Kunsill imsemmija fil-paragrafu 1 u meta dak it-tħassib ma jkunx ġie diskuss f’waħda mis-Sezzjonijiet Speċjalizzati dwar l-Istandardizzazzjoni, l-Istati Membri parteċipanti għandhom jitolbu li d-deċiżjoni dwar dik il-proposta fid-WP.7 tan-NU/KEE tiġi posposta sakemm dak it-tħassib ikun ġie diskuss kif imiss fis-Sezzjoni Speċjalizzata dwar l-Istandardizzazzjoni.

    3.    B’deroga mill-Artikolu 1, meta proposta mis-Sezzjoni Speċjalizzata dwar l-Istandardizzazzjoni tal-Frott u tal-Ħaxix Frisk jew mis-Sezzjoni Speċjalizzata dwar l-Istandardizzazzjoni tal-Prodotti Mnixxfin u Mqaddin x’aktarx li tkun se tiġi affettwata minn xi informazzjoni xjentifika jew teknika ġdida li tkun feġġet  wara l-laqgħa msemmija fil-paragrafu 1 iżda xorta waħda qabel jew waqt il-laqgħa tad-WP.7 tan-NU/KEE, l-Istati Membri parteċipanti tad-WP.7 tan-NU/KEE għandhom jitolbu li d-deċiżjoni dwar dik il-proposta fid-WP.7 tan-NU/KEE tiġi posposta sakemm dik il-proposta tkun ġiet diskussa fis-Sezzjonijiet Speċjalizzati dwar l-Istandardizzazzjoni abbażi ta’ dik l-informazzjoni xjentifika jew teknika ġdida.

    4.    B’deroga mill-Artikolu 1, jekk għadd ta’ Stati Membri ekwivalenti għal minoranza li timblokka stabbilita bit-tieni paragrafu tal-Artikolu 238(3)(a) tat-Trattat jopponu proposta għal standards ġodda tal-kwalità tan-NU/KEE għall-frott u għall-ħaxix jew emenda għall-istandards eżistenti tal-kwalità tan-NU/KEE għall-frott u għall-ħaxix fil-laqgħa tal-Grupp ta’ Ħidma kompetenti tal-Kunsill, l-Istati Membri li jipparteċipaw fid-WP.7 tan-NU/KEE għandhom jipposponu d-deċiżjoni u jkomplu d-diskussjonijiet fis-Sezzjoni Speċjalizzata dwar l-Istandardizzazzjoni tal-Frott u tal-Ħaxix Frisk jew fis-Sezzjoni Speċjalizzata dwar l-Istandardizzazzjoni tal-Prodotti Mnixxfin u Mqaddin jew fi grupp ta’ ħidma stabbilit għal dak l-għan.

    Artikolu 3

    L-Istati Membri li jipparteċipaw fid-WP.7 tan-NU/KEE, filwaqt li jaġixxu b’mod konġunt f’isem l-Unjoni Ewropea, u wara li jkunu infurmaw lill-Kummissjoni, jistgħu jaqblu li jsiru bidliet żgħar fil-proposti tal-istandards tal-kwalità għall-frott u għall-ħaxix fid-WP.7 tan-NU/KEE li ma jbiddlux is-sustanza ta’ dawn il-proposti.

    Artikolu 4

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Brussell,

       Għall-Kunsill

       Il-President

    (1) http://www.unece.org/fileadmin/DAM/trade/agr/AboutUs/GenevaUnderstanding_E.pdf
    (2) It-Termini ta’ Referenza tal-Grupp ta’ Ħidma tal-Istandards tal-Kwalità Agrikola tan-NU/KEE http://www.unece.org/fileadmin/DAM/trade/agr/AboutUs/ToR_eng.doc
    (3) Il-Proċeduri ta’ Ħidma tal-Grupp ta’ Ħidma tal-Istandards tal-Kwalità Agrikola tan-NU/KEE, adottati mill-Grupp ta’ Ħidma fl-2010 u emendati fl-2012, http://www.unece.org/fileadmin/DAM/trade/agr/AboutUs/WorkingProcedures_2012_e.doc
    (4) Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671).
    (5) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 543/2011 tas-7 ta’ Ġunju 2011 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 għas-setturi tal-frott u l-ħaxix u tal-frott u l-ħaxix ipproċessat (ĠU L 157, 15.6.2011, p. 1).
    (6) Il-Ftehim dwar l-Ostakli Tekniċi għall-Kummerċ, https://www.wto.org/english/docs_e/legal_e/17-tbt_e.htm
    (7) Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671).
    (8) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 543/2011 tas-7 ta’ Ġunju 2011 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 għas-setturi tal-frott u l-ħaxix u tal-frott u l-ħaxix ipproċessat, (ĠU L 157, 15.6.2011, p. 1).
    Top