IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 3.8.2017
COM(2017) 410 final
2017/0183(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL
li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/335/KE li tawtorizza lir-Repubblika tal-Litwanja sabiex tapplika miżura ta’ deroga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
Skont l-Artikolu 395(1) tad-Direttiva 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (minn issa ’l quddiem “id-Direttiva tal-VAT”), il-Kunsill, billi jaġixxi b'mod unanimu fuq proposta tal-Kummissjoni, jista’ jawtorizza kwalunkwe Stat Membru biex japplika miżuri speċjali għal deroga mid-dispożizzjonijiet ta’ dik id-Direttiva biex jissimplifika l-proċedura tal-ġbir tal-VAT jew biex jipprevjeni ċerti forom ta' evażjoni jew ta' evitar tat-taxxa.
Permezz ta’ ittra reġistrata għand il-Kummissjoni fis-26 ta’ April 2017, il-Litwanja talbet għal awtorizzazzjoni biex tkompli teżenta lill-persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom mhuwiex iżjed minn EUR 45 000. B'konformità mal-Artikolu 395(2) tad-Direttiva tal-VAT, il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri l-oħrajn bit-talba tal-Litwanja permezz ta' ittri li jġibu d-dati tat-8 ta’ Mejju 2017 u l-10 ta' Mejju 2017. Permezz ta' ittra datata l-11 ta' Mejju 2017, il-Kummissjoni nnotifikat lil-Litwanja li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex tikkunsidra t-talba.
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Ir-raġunijiet u l-għanijiet tal-proposta
Il-Kapitolu 1 tat-Titolu XII tad-Direttiva tal-VAT jagħti l-possibbiltà lill-Istati Membri biex japplikaw skemi speċjali għall-intrapriżi ż-żgħar, fosthom il-possibbiltà li jeżentaw lil persuni taxxabbli li jkollhom inqas minn ċertu dħul annwali. Din l-eżenzjoni timplika li persuna taxxabbli ma għandhiex għalfejn iżżomm il-VAT fuq il-provvisti tagħha, u b’konsegwenza ta’ dan, ma tistax tnaqqas il-VAT minn fuq l-akkwisti tagħha.
Skont l-Artikolu 287(11) tad-Direttiva tal-VAT, il-Litwanja tista’ teżenta mill-VAT lill-persuni taxxabbli li jkollhom fatturat annwali ta’ mhux aktar mill-ekwivalenti ta’ EUR 29 000 fil-munita nazzjonali bir-rata tal-konverżjoni fil-jum tal-adeżjoni tagħha. Bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2011/335/UE, il-Litwanja ġiet awtorizzata biex tapplika limitu ogħla u teżenta mill-VAT lill-persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom mhuwiex aktar minn EUR 45 000. Din il-miżura ġiet estiża bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2014/795/UE li tiskadi fl-31 ta’ Diċembru 2017. Il-Litwanja talbet biex testendi l-miżura għal perjodu ieħor limitat.
Il-limitu ogħla jnaqqas b’mod sinifikanti l-piż amministrattiv u l-ispejjeż tal-konformità mat-taxxa għall-intrapriżi ż-żgħar. Skont il-Litwanja, il-limitu ta’ EUR 45 000 ma kellu l-ebda impatt sostanzjali fuq il-ġbir ta’ dħul mill-VAT. Barra minn hekk, id-dejta turi li l-maġġoranza tal-persuni taxxabbli (madwar 80-90 %) li huma reġistrati għall-VAT u li jħallsu l-VAT għamlu dan fuq bażi volontarja.
Il-persuni li d-dħul tagħhom ma jaqbiżx il-limitu xorta se jkollhom il-possibbiltà li jkunu rreġistrati għal skopijiet ta’ VAT.
Huwa għalhekk xieraq li d-deroga tiġi estiża sal-31 ta' Diċembru 2020.
•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti f'dan il-qasam ta' politika
Stati Membri oħra ngħataw derogi simili. Il-Lussemburgu ngħata limitu ta' EUR 40 000, il-Belġju ngħata limitu ta’ EUR 25 000, il-Polonja ngħatat limitu ta' EUR 40 000, il-Latvjau s-Slovenjangħataw limitu ta' EUR 50 000 u l-Italja u r-Rumanijangħataw limitu ta' EUR 65 000.
Id-derogi mid-Direttiva tal-VAT dejjem jenħtieġ li jkunu limitati fiż-żmien biex l-effetti tagħhom ikunu jistgħu jiġu vvalutati. Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 281 sa 294 tad-Direttiva tal-VAT dwar skema speċjali għall-intrapriżi ż-żgħar bħalissa qed jiġu eżaminati mill-ġdid. Kif imħabbar fil-Pjan ta’ Azzjoni tal-VAT, u fil-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni 2017, il-proposta tal-Kummissjoni fil-forma ta’ pakkett komprensiv ta’ simplifikazzjoni, mistennija tiġi ppreżentata sa tmiem l-2017.
Għalhekk, qed jiġi propost li tiġi estiża l-miżura sal-31 ta’ Diċembru 2020 jew sad-dħul fis-seħħ ta’ Direttiva li temenda d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-VAT dwar skema speċjali għall-intrapriżi ż-żgħar.
•Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni
Il-miżura tikkonforma mal-għanijiet tal-Unjoni għan-negozji ż-żgħar, kif stabbilit fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir” – “Att dwar in-Negozji ż-Żgħar għall-Ewropa” li tistieden lill-Istati Membri biex iqisu l-karatteristiċi speċjali tal-SMEs meta jfasslu l-leġiżlazzjoni u, għaldaqstant, jissimplifikaw l-ambjent regolatorju eżistenti.
2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
•Bażi ġuridika
L-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-VAT.
•Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)
Meta titqies id-dispożizzjoni tad-Direttiva tal-VAT li fuqha hija bbażata l-proposta, il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax.
•Proporzjonalità
Id-Deċiżjoni tikkonċerna awtorizzazzjoni mogħtija lil Stat Membru fuq talba tiegħu u ma tikkostitwixxi l-ebda obbligu.
Minħabba l-kamp ta’ applikazzjoni limitat tad-deroga, il-miżura speċjali hija proporzjonata mal-għan mixtieq, jiġifieri s-simplifikazzjoni għal għadd addizzjonali ta’ persuni taxxabbli żgħar u għall-awtorità tat-taxxa.
•Għażla tal-istrument
L-istrument propost: Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill.
Skont l-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, deroga mir-regoli komuni tal-VAT hija possibbli biss bl-awtorizzazzjoni tal-Kunsill li jaġixxi b'mod unanimu fuq proposta tal-Kummissjoni. Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill hija l-aktar strument xieraq peress li tista’ tiġi indirizzata lil Stat Membru individwali.
3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATTI
•Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati
Din il-proposta hija bbażata fuq talba mil-Litwanja u tikkonċerna biss lil dan l-Istat Membru.
•Il-ġbir u l-użu tal-kompetenzi
Ma kienx hemm bżonn ta’ għarfien espert estern.
•Valutazzjoni tal-impatti
Il-proposta għal Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill li tawtorizza lil-Litwanja biex tkompli teżenta mill-VAT lill-persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom ma jaqbiżx EUR 45 000. Il-persuni li d-dħul taxxabbli tagħhom ma jaqbiżx il-limitu mhux se jkollhom jirreġistraw għal skopijiet ta’ VAT, u għaldaqstant il-piż amministrattiv fuqhom se jitnaqqas bħala riżultat tal-miżura, billi huma ma jkollhomx għalfejn iżommu rekords tal-VAT jew jippreżentaw dikjarazzjoni tal-VAT.
Skont il-Litwanja, il-limitu ta’ EUR 45 000 ma kellu l-ebda impatt sostanzjali fuq il-ġbir ta’ dħul mill-VAT.
4.IMPLIKAZZJONIJIET GĦALL-BAĠIT
Il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni għall-baġit tal-UE peress li l-Litwanja se twettaq kalkolu ta’ kumpens skont l-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE EURATOM) 1553/89.
5.ELEMENTI OĦRAJN
Il-proposta tinkludi klawżola ta’ estinzjoni.
2017/0183 (NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL
li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/335/KE li tawtorizza lir-Repubblika tal-Litwanja sabiex tapplika miżura ta’ deroga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, u b’mod partikolari l-Artikolu 395 tagħha,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)B’ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fis-26 ta’ April 2017, il-Litwanja talbet awtorizzazzjoni għal miżura ta’ deroga mill-Artikolu 287(11) tad-Direttiva tal-VAT sabiex teżenta persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom ma jaqbiżx EUR 45 000. Permezz ta' dik il-miżura, dawk il-persuni taxxabbli jkunu eżenti minn ċerti obbligi jew mill-obbligi kollha fir-rigward tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) imsemmija fil-Kapitoli 2 sa 6 tat-Titolu XI tad-Direttiva tal-VAT.
(2)Il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri l-oħra permezz ta' ittri li jġibu d-data tat-8 ta’ Mejju 2017 u l-10 ta’ Mejju 2017 bit-talba magħmula mil-Litwanja. Permezz ta' ittra datata l-11 ta' Mejju 2017, il-Kummissjoni nnotifikat lil-Litwanja li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex tikkunsidra t-talba.
(3)Skema speċjali għall-impriżi ż-żgħar hija diġà disponibbli għall-Istati Membri taħt it-Titolu XII tad-Direttiva tal-VAT. Il-miżura estiża tidderoga mit-Titolu XII tad-Direttiva tal-VAT sa fejn biss il-limitu għall-iskema speċjali tal-fatturat annwali tal-persuna taxxabbli jkun ogħla minn dak permess għal-Litwanja skont l-Artikolu 287(11) tad-Direttiva tal-VAT, li huwa EUR 29 000.
(4)Permezz tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2011/335/UE, il-Litwanja kienet awtorizzata, bħala miżura derogatorja, li teżenta persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom ma jaqbiżx il-EUR 45 000 sal-31 ta' Diċembru 2014. Bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2014/795/UE l-miżura ta’ deroga ġiet estiża sal-31 ta’ Diċembru 2017.
(5)Minħabba li dan il-limitu fiss irriżulta f'obbligi mnaqqsin tal-VAT għan-negozji ż-żgħar, u għalhekk fi tnaqqis ta’ spejjeż amministrattivi għall-intrapriżi ż-żgħar, il-Litwanja għandha tkun awtorizzata tapplika l-miżura għal perjodu ieħor limitat, sal-31 ta’ Diċembru 2020. Il-persuni taxxabbli xorta jistgħu jagħżlu l-arranġamenti normali tal-VAT.
(6)Id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 281 sa 294 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar skema speċjali għall-intrapriżi ż-żgħar huma soġġetti għal rieżami u għaldaqstant tista’ tidħol fis-seħħ Direttiva, li temenda dawn id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-VAT, qabel id-data msemmija hawn fuq.
(7)Mill-informazzjoni pprovduta mil-Litwanja, l-estensjoni tad-deroga se jkollha biss impatt negliġibbli fuq l-ammont globali ta' dħul mit-taxxa miġbur fl-istadju finali tal-konsum.
(8)Id-deroga ma għandha l-ebda impatt fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni li ġejjin mit-taxxa fuq il-valur miżjud billi l-Litwanja se twettaq kalkolu ta’ kumpens skont l-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE EURATOM) 1553/89.
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 2011/335/UE l-kliem “sad-data tad-dħul fis-seħħ ta’ Direttiva li temenda l-ammonti tal-limiti massimi ta’ fatturat annwali li taħthom il-persuni taxxabbli jistgħu jikkwalifikaw għal eżenzjoni mill-VAT jew sal-31 ta’ Diċembru 2017” jinbidel bil-kliem: “sal-31 ta’ Diċembru 2020 jew sad-data tad-dħul fis-seħħ ta’ direttiva li temenda d-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 281 sa 294 tad-Direttiva 2006/112/KE”.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta' Jannar 2018.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Litwanja.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President